SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

16 ta’ Frar 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Kriterji u mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Artikolu 6(1) – L-aħjar interess tal-wild – Artikolu 16(1) – Persuna dipendenti – Artikolu 17(1) – Klawżola diskrezzjonali – Implimentazzjoni minn Stat Membru – Ċittadina ta’ pajjiż terz li tkun tqila fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali – Żwieġ – Konjuġi benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru kkonċernat – Deċiżjoni ta’ rifjut li tiġi pproċessata l-applikazzjoni u li l-applikanta tiġi ttasferita lejn Stat Membru ieħor meqjus bħala responsabbli għal din l-applikazzjoni”

Fil-Kawża C‑745/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Novembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Diċembru 2021, fil-proċedura

L.G.

vs

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn D. Gratsias, President ta’ Awla, E. Regan (Relatur), President tal-Ħames Awla, u Z. Csehi, Imħallef,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal L.G., minn F. van Dijk u A. Khalaf, advocaten,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn K. Bulterman u H. S. Gijzen, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Grønfeldt u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ċittadina ta’ pajjiż terz u l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jirrifjuta li jipproċessa l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn din iċ-ċittadina u li jittrasferixxiha lejn ir-Repubblika tal-Litwanja peress li dan l-Istat Membru l-ieħor huwa responsabbli għall-eżami ta’ din l-applikazzjoni.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal-Unjoni

Ir‑Regolament (KE) Nru 343/2003

3

L-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat‑18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol.6, p. 109) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin II”), li huwa inkluż fil-Kapitolu IV ta’ dan ir-regolament, intitolat “Klawsola umanitarja”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“F’każijiet li fihom il-persuna kkonċernata hija dipendenti fuq l-assistenza ta’ l-oħra minħabba tqala jew tarbija tat-twelid, mard serju, diżabilita severa jew xjuħija, Stati Membri normalment għandhom iżommu jew iġibu flimkien il-persuna tfittex l-ażil ma’ qarib ieħor preżenti fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, sakemm l-irbit familjali kien jeħisti fil-pajjiż ta’ oriġini.”

4

Ir-Regolament Dublin II ġie abrogat u ssostitwit bir-Regolament Dublin III fid‑19 ta’ Lulju 2013.

Ir‑Regolament Dublin III

5

Il-Kapitolu I tar-Regolament Dublin III, intitolat “Suġġett u Definizzjonijiet” jinkludi l-Artikolu 2, intitolat “Definizzjonijiet”, li huwa fformulat kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(g)

‘mem[b]ri tal-familja’ tfisser, sakemm il-familja diġà kienet teżisti fil-pajjiż ta’ oriġini, dawn il-membri tal-familja tal-applikant li huma preżenti fit-territorju tal-Istati Membri:

il-konjuġi tal-applikant jew is-sieħeb mhux miżżewweġ tiegħu jew tagħha f’relazzjoni stabbli, fejn il-liġi jew il-prattika tal-Istat Membru kkonċernat tittratta koppji mhux miżżewġin b’mod komparabbli għal koppji miżżewġin skont il-liġi tiegħu marbuta ma’ ċittadini ta’ pajjiż terz;

[…]”

6

Il-Kapitolu II tar-Regolament Dublin III, intitolat “Prinċipji Ġenerali u Salvagwardji” jinkludi l-Artikolu 3, intitolat “L-aċċess għall-proċedura tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”, li jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.”

7

L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Garanziji għall-minorenni”, jipprovdi:

“1.   L-aħjar interess tat-tifel jew tifla għandha tkun il-konsiderazzjoni prinċipali għall-Istati Membri fir-rigward tal-proċeduri kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament.

[…]

3.   Fil-valutazzjoni tal-aħjar interess tat-tifel jew tifla, l-Istati Membri għandhom jikkoperaw flimkien mill-viċin u, b’mod partikolari, għandhom jieħdu f’konsiderazzjoni xierqa l-fatturi li ġejjin:

a)

il-possibbiltajiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja;

[…]”

8

Il-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III, intitolat “Il-kriterji biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli”, jinkludi l-Artikoli 7 sa 15.

9

L-Artikolu 9 tal-istess regolament, intitolat “Membri tal-familja li huma benefiċarji tal-protezzjoni internazzjonali”, jistabbilixxi li:

“Fejn l-applikant għandu membru tal-familja, bla ma jitqies jekk il-familja kenitx ifformata qabel fil-pajjiż ta’ oriġini jew le, li kien tħalla jirrisjedi bħala benefiċarju ta’ protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, sakemm il-persuni kkonċernati esprimew ix-xewqa tagħhom bil-miktub.”

10

L-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ħruġ ta’ dokumenti ta’ residenza jew viża”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“2.   Fejn l-applikant ikun fil-pussess ta’ viża valida, l-Istat Membru li jkun ħareġ il-viża għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali […]

3.   Fejn l-applikant ikun fil-pussess ta’ aktar minn dokument wieħed ta’ residenza validu jew viża maħruġin minn Stati Membri differenti, ir-responsabbiltà biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jassumuha l-Istati Membri fl-ordni li ġejja:

(a)

l-Istat Membru li ħareġ id-dokument ta’ residenza li jagħti d-dritt għall-itwal perijodu ta’ residenza jew, fejn il-perjodi ta’ validità huma identiċi, l-Istat Membru li ħareġ id-dokument ta’ residenza li għandu l-aktar tard id-data ta’ skadenza;

(b)

l-Istat Membru li ħareġ il-viża li għandha l-aktar tard id-data ta’ skadenza fejn il-viżas varji huma tal-istess tip;

(c)

fejn viżas huma ta’ xorta differenti, l-Istat Membru li ħareġ il-viża li għandha l-itwal perijodu ta’ validità, jew, fejn il-perjodi ta’ validità huma identiċi, l-Istat Membru li ħareġ il-viża li għandha l-aktar tard id-data ta’ skadenza.”

11

Il-Kapitolu IV tar-Regolament Dublin III, intitolat “Persuni Dipendenti u Klawsoli Diskrezzjonali” jinkludi l-Artikolu 16, intitolat “Persuni dipendenti”, li jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn, minħabba tqala, tarbija tat-twelid, mard serju, diżabilità severa jew xjuħija, applikant ikun jiddependi fuq l-assistenza ta’ uliedu jew uliedha, ħuh/oħtu jew ġenitur legalment residenti f’wieħed mill-Istati Membri, jew fejn il-wild tiegħu/tagħha, ħuh/oħtu jew ġenitur legalment residenti f’wieħed mill-Istati Membri ikunu jiddependu mill-assistenza tal-applikant, l-Istati Membri għandhom normalment iħallu jew iġibu flimkien l-applikant ma’ dak il-wild, ħu/oħt jew ġenitur, sakemm ir-rabtiet tal-familja kienu jeżistu fil-pajjiż tal-oriġni jew l-applikant ikun jista’ jieħu ħsieb il-persuna dipendenti u li l-persuni kkonċernati jkunu esprimew ix-xewqa tagħhom bil-miktub.”

12

Fi ħdan l-istess kapitolu, l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Klawsoli diskrezzjonali”, jipprovdi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3(1), kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk it-tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament.”

13

Il-Kapitolu VI tar-Regolament Dublin III, intitolat “Il-proċedura ta’ teħid ta’ inkarigu u ta’ teħid lura” jinkludi l-Artikolu 20, intitolat “Il-bidu tal-proċedura”, li jipprovdi fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, is-sitwazzjoni ta’ minorenni li jkun jakkumpanja lill-applikant u li jissodisfa d-definizzjoni ta’ membru tal-familja għandha tkun indissoċjabbli minn dik tal-membru tal-familja tiegħu/tagħha u għandha tkun materja tal-Istat Membru responsabbli li jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ dak il- membru tal-familja, ukoll jekk il-minorenni mhuwiex/mhijiex individwalment applikant(a), sakemm huwa fl-aħjar interess tal-minorenni. L-istess trattament għandu jkun applikat lil tfal imwielda wara li l-applikant jasal fit-territorju tal-Istat Membru, mingħajr il-ħtieġa li titnieda proċedura ġdida biex wieħed jinkariga ruħu minnhom.”

Id‑dritt Olandiż

14

Skont l-Artikolu 2 tal-Ktieb I tal-Burgerlijk Wetboek (il-Kodiċi Ċivili Olandiż), il-wild fil-ġuf ta’ mara tqila jitqies daqslikieku twieled jekk dan ikun fl-interess tiegħu jew tagħha.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

15

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ċittadina Sirjana, kisbet viża valida mill‑10 ta’ Awwissu 2016 sad‑9 ta’ Novembru 2017 mingħand ir-Rappreżentazzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja fil-Bjelorussja.

16

Matul ix-xahar ta’ Lulju 2017, hija telqet mis-Sirja u, wara li qasmet, b’mod partikolari, it-Turkija, il-Greċja, il-Litwanja u l-Polonja, waslet fil-Pajjiżi l-Baxxi, fis‑27 ta’ Settembru 2017.

17

Fit‑28 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat applikazzjoni għall-ażil fil-Pajjiżi l-Baxxi.

18

Fl‑10 ta’ Ottubru 2017, din ir-rikorrenti żżewġet ċittadin ta’ pajjiż terz li kien diġà ngħata l-ażil minn dan l-Istat Membru fejn ilu jirrisjedi mis-sena 2011. L-imsemmija rikorrenti u żewġha kienu jafu lil xulxin qabel iż-żwieġ tagħhom, iżda ma kinux jgħixu flimkien dak iż-żmien.

19

Fit‑12 ta’ Ottubru 2017, l-awtoritajiet Olandiżi talbu lill-awtoritajiet Litwani jieħdu responsabbiltà tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, peress li r-Repubblika tal-Litwanja kellha titqies li hija responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil, skont l-Artikolu 12(2) jew (3) tar-Regolament Dublin III.

20

Fit‑12 ta’ Diċembru 2017, l-awtoritajiet Litwani aċċettaw li jieħdu responsabbiltà tar-rikorrenti.

21

Peress li fit‑2 ta’ Frar 2018, is-Segretarju tal-Istat ħareġ abbozz ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali lejn il-Litwanja, din ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan l-abbozz, billi fis‑16 ta’ Frar 2018 iddikjarat u pproduċiet prova tal-fatt li kienet tqila.

22

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Marzu 2018, is-Segretarju tal-Istat iddeċieda li ma jeżaminax l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja bħala applikant għal ażil ippreżentata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali minħabba li r-Repubblika tal-Litwanja kienet responsabbli għall-ipproċessar ta’ din l-applikazzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”).

23

Fl‑20 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali welldet tifla fil-Pajjiżi l-Baxxi. Rapport tat‑3 ta’ Awwissu 2018, prodott mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u redatt minn żewġ esperti, ikkonkluda, abbażi ta’ paragun ta’ materjal ġenetiku, li l-konjuġi ta’ din ir-rikorrenti huwa, bi probabbiltà qrib iċ-ċertezza, missier din it-tifla. Dan huwa l-każ ukoll ipso jure skont id-dritt Olandiż, peress li l-wild twieled fiż-żwieġ.

24

Is-Segretarju tal-Istat għalhekk ħareġ fil-konfront ta’ bint ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali permess ta’ residenza legali għal żmien determinat, suġġett għar-restrizzjoni li r-residenza tkun “mal-[missier]”.

25

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors quddiem ir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni. Insostenn ta’ dan ir-rikors, hija invokat il-ksur, rispettivament, tal-Artikolu 9, tal-Artikolu 16(1) u tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III, moqrija fid-dawl tal-aħjar interess tal-wild li twieled fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħha.

26

Fir-rigward, qabelxejn, tal-Artikolu 9 tar-Regolament Dublin III, il-qorti tar-rinviju tindika li hija ċaħdet l-argument ibbażat fuq ksur ta’ din id-dispożizzjoni f’deċiżjoni interlokutorja tal‑4 ta’ April 2018. Għaldaqstant, hija marbuta b’din l-evalwazzjoni fl-assenza ta’ raġuni imperattiva li tikkunsidraha mill-ġdid.

27

Sussegwentement, fir-rigward tal-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, din il-qorti tindika li, li kieku, fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, hija qieset, f’din l-istess deċiżjoni interlokutorja, li l-eżami mwettaq mis-Segretarju tal-Istat fid-deċiżjoni inkwistjoni kien limitat wisq, din l-evalwazzjoni ma setgħetx tintlaqa’. Fil-fatt, fis-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, M.A. et (C‑661/17, EU:C:2019:53, punt 71), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-frattemp, li l-kunsiderazzjonijiet dwar l-aħjar interess tal-wild ma jistgħux jobbligaw Stat Membru jirrikorri għall-Artikolu 17(1), u għalhekk jeżamina applikazzjoni li ma hijiex responsabbiltà tiegħu. Din l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tikkostitwixxi raġuni imperattiva sabiex jinżamm distakk mill-evalwazzjoni magħmula fid-deċiżjoni interlokutorja.

28

Fir-rigward, fl-aħħar, tal-Artikolu 16(1) tal-imsemmi regolament, il-qorti tar-rinviju ssostni li, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, din id-dispożizzjoni għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni wiesgħa, bħall-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni simili, li ppreċedietha, li tinsab fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Dublin II, applikata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, K (C‑245/11, EU:C:2012:685), peress li, b’kunsiderazzjoni għall-aħjar interess tal-wild, huwa irrilevanti li r-rabta familjari bejn il-missier u l-wild ma kinitx teżisti fil-pajjiż ta’ oriġini tal-omm.

29

Min-naħa l-oħra, is-Segretarju tal-Istat isostni li l-Artikolu 2 tal-Ktieb I tal-Kodiċi Ċivili Olandiż jikkonċerna biss id-drittijiet ċivili u mhux id-drittijiet dwar ir-residenza jew ir-responsabbiltà għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma jikkonċernax il-protezzjoni ta’ wild fil-ġuf. Barra minn hekk, l-Artikolu 16 tar-Regolament Dublin III ma jirrigwardax ir-relazzjonijiet ta’ dipendenza bejn l-applikant għal protezzjoni internazzjonali u s-sieħeb tagħha. L-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, K (C‑245/11, EU:C:2012:685), hija, f’dan ir-rigward, skaduta, ħlief sa fejn din is-sentenza tenfasizza r-rekwiżit tal-eżistenza ta’ rabta familjari fil-pajjiż ta’ oriġini. Fl-aħħar, dan ir-regolament ma jistax jibqa’ japplika għat-tifla tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, peress li din it-tifla fil-frattemp kisbet permess ta’ residenza temporanja li jawtorizzaha tibqa’ ma’ missierha. Barra minn hekk, sa fejn dan iservi l-aħjar interess tal-wild, il-ħajja familjari tista’ tiżvolġi maż-żewġ ġenituri fil-Litwanja.

30

Il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tad-data tal-ħlas tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija kienet ilha tqila minn madwar nofs Settembru 2017, jiġifieri qabel ma ppreżentat l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali. Skont l-Artikolu 2 tal-Ktieb I tal-Kodiċi Ċivili Olandiż, jeżisti obbligu li l-wild li kien fil-ġuf tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitqies daqslikieku kien twieled meta dan ikun fl-interess ta’ dan il-wild.

31

Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li l-interessi tal-wild li jkun twieled jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod awtonomu fid-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil u meta tittieħed deċiżjoni ta’ trasferiment. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, M.A. et (C‑661/17, EU:C:2019:53), li mill-Artikolu 20(3) tar-Regolament Dublin III jirriżulta li l-preżervazzjoni tal-unità tal-grupp familjari hija preżunta li hija fl-aħjar interess tal-wild. Barra minn hekk, minn naħa, din id-dispożizzjoni tagħti espliċitament l-istess status lil wild li jitwieled wara l-wasla tal-applikant għall-ażil fit-territorju ta’ Stat Membru bħal dak fir-rigward ta’ wild li jakkumpanja lil dan tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, ikun żbaljat li jitqies li din l-unità setgħet isseħħ matul l-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil fil-Litwanja, peress li missier il-wild ma għandux dritt ta’ residenza f’dan l-Istat Membru.

32

Kwistjoni oħra li għandha tiġi deċiża hija dik dwar jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Dublin III hijiex eskluża. Fil-fatt, skont il-kliem tagħha, din id-dispożizzjoni tkopri biss lit-tfal, lill-aħwa, lill-missier u lill-omm l-applikant, iżda mhux lill-konjuġi ta’ dan tal-aħħar. Madankollu, fis-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, K (C‑245/11, EU:C:2012:685), il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni wiesgħa lid-dispożizzjoni simili li ppreċediet dan l-Artikolu 16(1), jiġifieri l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Dublin II.

33

Fil-każ li l-imsemmi Artikolu 16(1) ikun applikabbli, tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk it-tqala tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ħolqitx sitwazzjoni ta’ dipendenza fuq żewġha, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din ir-rikorrenti ma għandhiex familja jew relazzjonijiet oħra fil-Litwanja, ma għandhiex konoxxenza tal-lingwa ta’ dan l-Istat Membru u ma għandhiex mezzi ta’ sussistenza. Bħala prinċipju, hemm relazzjoni ta’ dipendenza bejn wild żgħir ħafna u kull wieħed miż-żewġ ġenituri tiegħu.

34

Fl-aħħar, jekk jitqies li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-wild fil-ġuf, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-interessi ta’ tali wild jimplikawx li l-awtoritajiet Olandiżi kienu, skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Dublin III, obbligati jiżguraw, għajr f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li dan il-wild seta’ jibqa’ ma’ missieru matul l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fid-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi li, skont dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, l-interessi superjuri ta’ wild li l-applikanta għall-ażil kienet tqila bih fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħha jingħataw importanza awtonoma?

2)

a)

L-Artikolu 16(1) tar-[Regolament Dublin III] jipprekludi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni meta l-konjuġi tal-applikanta għall-ażil jirrisjedi regolarment fl-Istat Membru li lilu hija indirizzata l-applikazzjoni għall-ażil?

b)

Jekk dan ma huwiex il-każ, it-tqala tal-applikanta għall-ażil ħolqot dipendenza, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni tar-regolament, fir-rigward tal-konjuġi li minnu ħarġet tqila?

3)

Jekk id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-interessi superjuri ta’ wild li għad irid jitwieled, skont dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, jingħataw importanza awtonoma fid-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Dublin III jista’ japplika għar-relazzjoni bejn il-wild li għad irid jitwieled u l-missier ta’ dan il-wild, li jirrisjedi regolarment fl-Istat Membru li lilu hija indirizzata l-applikazzjoni għall-ażil?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda preliminari

36

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika meta teżisti relazzjoni ta’ dipendenza bejn applikanta għal protezzjoni internazzjonali u l-konjuġi tagħha li jirrisjedu legalment fl-Istat Membru li fih ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal tali protezzjoni, jew bejn il-wild fil-ġuf ta’ din l-applikanta u dan il-konjuġi li huwa wkoll missier dan il-wild.

37

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom ġeneralment iħallu flimkien jew iqarrbu lill-applikant u, rispettivament, “it-tfal tiegħu, ħuh jew ommu jew missieru” li jirrisjedu legalment fi Stat Membru, meta tkun teżisti relazzjoni ta’ dipendenza bejniethom, bil-kundizzjoni li r-rabtiet familjari jkunu eżistew fil-pajjiż ta’ oriġini, li dan il-wild, dan il-ħu jew din l-oħt, jew dan il-missier jew din l-omm, jew l-applikant, ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-persuna u li l-persuni kkonċernati jkunu esprimew ix-xewqa bil-miktub.

38

Għandu jiġi kkonstatat li minn din il-formulazzjoni jirriżulta b’mod ċar li l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Dublin III ma japplikax fil-każ ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejn applikant għal protezzjoni internazzjonali u l-konjuġi tiegħu, peress li tali relazzjoni ta’ dipendenza ma hijiex koperta minn din id-dispożizzjoni.

39

Kif irrilevaw ġustament il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni Ewropea, l-interpretazzjoni applikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 38 sa 43 tas-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, K (C‑245/11, EU:C:2012:685), tal-espressjoni “membru ieħor tal-familja”, użata fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Dublin II, li ppreċeda l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Dublin III, hija irrilevanti f’dan ir-rigward, peress li din l-aħħar dispożizzjoni ssostitwixxiet din l-espressjoni b’lista eżawrjenti ta’ persuni li ma tinkludix lill-konjuġi jew lis-sieħeb, u dan minkejja li dawn jagħmlu parti minn “membru tal-familja”, kif inhuma ddefiniti dawn il-membri fl-Artikolu 2(g) tar-Regolament Dublin III.

40

Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Dublin III jirriżulta wkoll b’mod ċar li din id-dispożizzjoni tapplika biss fil-każ ta’ relazzjoni ta’ dipendenza li tinvolvi lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali, kemm jekk dan ikun dipendenti fuq persuni li huma elenkati f’din id-dispożizzjoni, kif ukoll jekk, għall-kuntrarju, dawn tal-aħħar jiddependu fuq dan l-applikant.

41

Minn dan isegwi li din id-dispożizzjoni ma tapplikax fil-każ ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejn il-wild ta’ tali applikant u waħda minn dawn il-persuni, bħal, f’dan il-każ, missier dan il-wild li huwa wkoll il-konjuġi tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax meta teżisti relazzjoni ta’ dipendenza bejn applikanta għal protezzjoni internazzjonali u l-konjuġi tagħha residenti legalment fl-Istat Membru li fih ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal tali protezzjoni, jew bejn il-wild fil-ġuf ta’ din l-applikanta u dan il-konjuġi li huwa wkoll missier dan il-wild.

Fuq l‑ewwel domanda

43

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, huwa obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domanda li ġiet sottomessa lilha. Għal dawn il-finijiet, mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tislet l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Koalitsia Demokratichna Bulgaria – ObedinenieC‑306/21, EU:C:2022:813, punti 4344 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, kif ġie rrilevat fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju inizjalment qieset, f’deċiżjoni interlokutorja mogħtija fil-kuntest tal-kawża prinċipali, li, fid-deċiżjoni inkwistjoni, is-Segretarju tal-Istat ma kienx eżamina b’mod suffiċjenti fid-dritt l-effett tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III. Madankollu, din il-qorti tidher li sussegwentement irrikorriet mill-ġdid għal din l-evalwazzjoni wara l-għoti tas-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, M.A. et (C‑661/17, EU:C:2019:53).

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tobbliga lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, għar-raġuni unika bbażata fuq l-aħjar interessi tal-minuri, jeżaminaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadina ta’ pajjiż terz meta din kienet tqila fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħha, minkejja li l-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 15 ta’ dan ir-regolament jindikaw Stat Membru ieħor li huwa responsabbli għal din l-applikazzjoni.

46

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tiġi eżaminata minn Stat Membru wieħed, li huwa dak li l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament jindikaw bħala responsabbli.

47

Madankollu, b’deroga minn dan l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III jipprovdi li kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li tiġi ppreżentata lilu minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida, anki jekk dan l-eżami ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu skont tali kriterji.

48

Huwa minnu li, kif ġie rrilevat mill-Gvern Olandiż, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 72 tas-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, M.A. et (C‑661/17, EU:C:2019:53), iddeċidiet, essenzjalment, li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Dublin III ma jobbligax Stat Membru li ma huwiex responsabbli, skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-wild u jeżamina huwa stess din l-applikazzjoni, skont l-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament.

49

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li minn din is-sentenza jirriżulta li xejn ma jipprekludi lil Stat Membru milli jeżamina tali applikazzjoni abbażi tal-fatt li tali eżami jkun fl-aħjar interess tal-wild.

50

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll fl-imsemmija sentenza li mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III jirriżulta b’mod ċar li din id-dispożizzjoni, li hija intiża li tippreżerva l-prerogattivi tal-Istati Membri fl-eżerċizzju tad-dritt li tingħata protezzjoni internazzjonali billi tippermetti lil kull Stat Membru jiddeċiedi b’mod sovran, skont kunsiderazzjonijiet politiċi, umanitarji jew prattiċi, li jaċċetta li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali anki jekk ma jkunx responsabbli skont il-kriterji ddefiniti minn dan ir-regolament, tħalli fid-diskrezzjoni tagħhom id-deċiżjoni suġġetta għal dan l-eżami, filwaqt li tali possibbiltà prevista f’din id-dispożizzjoni ma hija, barra minn hekk, suġġetta għal ebda kundizzjoni partikolari. Għaldaqstant, huwa l-Istat Membru kkonċernat, fid-dawl tal-portata tas-setgħa diskrezzjonali hekk mogħtija minn dan ir-regolament, li għandu jiddetermina ċ-ċirkustanzi li fihom huwa jixtieq jirrikorri għall-possibbiltà mogħtija minn dan l-Artikolu 17(1) u li jiddeċiedi li jeżamina huwa stess applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lifir-rigward tagħha ma huwiex responsabbli skont il-kriterji ddefiniti mill-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, M.A. et (C‑661/17, EU:C:2019:53), punti 58 sa 60 kif ukoll 71).

51

Fil-kawża ineżami, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, skont il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjoni tal-Kodiċi Ċivili Olandiż li tipprovdi li l-wild fil-ġuf għandu jitqies li diġà twieled meta dan ikun fl-interess tiegħu jobbliga, minħabba l-importanza partikolari li din id-dispożizzjoni tagħti lill-aħjar interess tal-wild, l-awtoritajiet nazzjonali jeżaminaw, abbażi ta’ din ir-raġuni biss, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadina ta’ pajjiż terz fil-każ li din kienet tqila fil-mument tal-preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni, anki jekk il-kriterji previsti fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III jindikaw Stat Membru ieħor bħala Stat Membru responsabbli għal din l-applikazzjoni.

52

Għalhekk, skont din il-qorti, din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tobbliga lill-awtoritajiet Olandiżi, f’tali ċirkustanzi, jirrikorru għall-possibbiltà mogħtija mill-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament.

53

Dan premess, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk, fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kisrux id-dritt nazzjonali billi ċaħdu l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, minkejja li din kienet tqila fil-mument tal-preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tobbliga lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, għar-raġuni unika bbażata fuq l-aħjar interessi tal-minuri, jeżaminaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadina ta’ pajjiż terz meta din kienet tqila fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħha, minkejja li l-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 15 ta’ dan ir-regolament jindikaw Stat Membru ieħor li huwa responsabbli għal din l-applikazzjoni.

Fuq l‑ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma japplikax meta teżisti relazzjoni ta’ dipendenza bejn applikanta għal protezzjoni internazzjonali u l-konjuġi tagħha residenti legalment fl-Istat Membru li fih ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal tali protezzjoni, jew bejn il-wild fil-ġuf ta’ din l-applikanta u dan il-konjuġi li huwa wkoll missier dan il-wild.

 

2)

L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tobbliga lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, għar-raġuni unika bbażata fuq l-aħjar interessi tal-minuri, jeżaminaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadina ta’ pajjiż terz meta din kienet tqila fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħha, minkejja li l-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 15 ta’ dan ir-regolament jindikaw Stat Membru ieħor li huwa responsabbli għal din l-applikazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.