SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

9 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Subintestatura 94019080 – Partijiet ta’ sits għal vetturi bil-mutur – Xibka għall-fabrikazzjoni ta’ kompartimenti mqiegħda fuq in-naħa ta’ wara tas-sits – Protezzjoni għall-parti ta’ ġewwa tas-sits”

Fil-Kawża C‑725/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Novembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Novembru 2021, fil-proċedura

SOMEO S.A., li kienet PEARL STREAM S.A.

vs

Republika Slovenija,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn D. Gratsias, President tal-Awla, I. Jarukaitis u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Sloven, minn N. Pintar Gosenca, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn U. Babovič, A. Kraner u M. Salyková, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestatura tariffarja 9401 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni […] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjonijiet tiegħu li jirriżultaw mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1101/2014 tas‑16 ta’ Ottubru 2014 (ĠU 2014, L 312, p. 1), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1754 tas‑6 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 285, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 288, p. 16), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1821 tas‑6 ta’ Ottubru 2016 (ĠU 2016, L 294, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 329, p. 119 u fil-ĠU 2017, L 150, p. 19).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn SOMEO S.A. u r-Republika Slovenija, irrappreżentata mill-Ministrstvo za finance (il-Ministeru għall-Finanzi, is-Slovenja), dwar il-klassifikazzjoni tariffarja fis-subintestatura 94019080 tan-NM ta’ merkanzija importata minn din il-kumpannija fis-Slovenja u ddikjarata bħala partijiet ta’ sits għal vetturi bil-mutur.

Il‑kuntest ġuridiku

Is‑SA

3

Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) twaqqfet mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983, fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (WCO), u approvata, flimkien mal-Protokoll ta’ Emenda tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). In-noti ta’ spjega tas-SA ġew elaborati fi ħdan il-WCO, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.

4

Skont il-punt 2 tal-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmija konvenzjoni, kull parti kontraenti tintrabat li tapplika r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi u li ma jbiddlux il-portata tat-taqsimiet, tal-kapitoli, tal-intestaturi jew tas-subintestaturi tas-SA.

5

In-noti ta’ spjega tas-SA, fil-verżjoni tagħhom tal‑2012, jgħidu, għal dak li jirrigwarda l-Kapitolu 94 tagħha, “għamara; għamara mediko-kirurġika; friex, imtieraħ, irfid għal imtieraħ, kuxxini u tagħmir (furnishing) simili mimli; lampi u tagħmir (fittings) tad-dawl, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra; sinjali mdawlin, pjanċi tal-ismijiet imdawlin u simili; bini prefabbrikat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]:

“1. Dan il-kapitolu ma jinkludix:

[…]

3.

A) Fl-intestaturi 94.01 sa 94.03 ir-referenzi għall-partijiet tal-oġġetti ma jinkludux referenzi għall-folji u ċ-ċangaturi (kemm jekk maqtugħin għall-forma iżda mhux ikkombinati ma’ partijiet oħrajn u kemm jekk le) tal-ħġieġ (inkluż il-mirja), tal-irħam, tal-ġebel jew ta’ kwalunkwe materjal ieħor imsemmi fil-Kapitolu 68 jew 69.

[…]

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

Dan il-kapitolu jinkludi, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmija fin-noti ta’ spjega ta’ dan il-kapitolu:

1) L-għamara kollha, kif ukoll il-partijiet tagħhom (intestaturi 94.01 sa 94.03).

[…]

PARTIJIET

Dan il-kapitolu jkopri biss il-partijiet tal-prodotti tal-intestaturi 94.01 sa 94.03 u 94.05. Huma kkunsidrati bħala tali l-oġġetti, anki jekk ikunu għadhom fi stadju ta’ tfassil li, minħabba l-forma tagħhom jew karatteristiċi oħra, huma identifikabbli bħala li huma kkonċepiti esklużivament jew prinċipalment għal oġġett taħt dawn l-intestaturi u li ma jissemmewx b’mod iktar speċifiku band’oħra.

[…]”

6

Fir-rigward tal-intestatura 9401, intitolata “Sits (seats) (ħlief dawk tal-intestatura 94.02), kemm jekk jinbidlu f’sodod jew le, u partijiet tagħhom”, dawn in-noti ta’ spjega jippreċiżaw, fir-rigward tal-kunċett ta’ “partijiet”, fis-sens ta’ din l-intestatura, li:

“Din l-intestatura tkopri wkoll il-partijiet ta’ sits identifikabbli bħala tali u, b’mod partikolari, id-dahar, il-qiegħ u l-partijiet għas-serħan tad-dirgħajn (armrests), kemm jekk miksija bit-tiben jew bil-qasab, ikkuttunati jew bil-molol, kif ukoll l-assemblaġġi ta’ molol spirali użati għat-tapizzerija tal-imsemmija sits.

[…]”

7

Għal dak li jirrigwarda dan il-kunċett, in-noti ta’ spjega tas-SA, fil-verżjoni tagħhom tal‑2017, jipprovdu li dan ikopri, barra minn hekk, “għata intiżi sabiex jitwaħħlu b’mod permanenti mas-sits jew mad-dahar tas-sits”.

In‑NM

8

Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000 tal‑31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357), in-NM, stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea, tirregola l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2658/87, in-NM tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri tas-SA, u huma biss is-seba’ u t-tmien ċifra li joħolqu subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha.

9

Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni għandha tadotta, kull sena, regolament li jirriproduċi l-verżjoni kompleta tan-NM, flimkien mar-rati tad-dazji doganali komuni skont l-Artikolu 1, kif jirriżulta minn miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan l-aħħar regolament għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mhux iktar tard mill‑31 ta’ Ottubru u għandu japplika mill‑1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

10

Ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1101/2014, 2015/1754 u 2016/1821 ġew adottati abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. Kull wieħed minn dawn ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni emenda n-NM mill‑1 ta’ Jannar 2015, mill‑1 ta’ Jannar 2016 u mill‑1 ta’ Jannar 2017 rispettivament. Il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din in-nomenklatura rilevanti għall-kawża prinċipali madankollu baqgħet l-istess.

11

Skont ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fit-Titolu A tat-Taqsima I tal-ewwel parti tal-Anness I, fil-verżjonijiet tagħha li jirriżultaw minn kull wieħed mill-imsemmija regolamenti ta’ implimentazzjoni:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.

It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[…]

3.

Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie f’titlu [intestatura] wieħed jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

(a)

it-titlu li jagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal titli li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Madanakollu, meta jkun hemm żewġ titli jew iżjed li kull wieħed minnhom jirreferi għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett imtella’ għal bejgħ bl-imnut, dawk t-titli għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk wieħed minnhom jagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża ta’ l-oġġetti;

(b)

taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli;

(ċ)

meta oġġetti ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a) jew (b), huma għandhom ikunu klassifikati fit-titlu li jiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li ugwalment għandha tingħatalhom konsiderazzjoni.

[…]”

12

It-tieni parti ta’ dan l-Anness I, intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana”, tinkludi t-Taqsima VII, intitolata “Plastik u oġġetti tiegħu; gomma u oġġetti tagħha”. Din it-taqsima fiha l-Kapitolu 39, intitolat “Plastiks u oġġetti tagħhom”. Skont in-nota 2(x) ta’ dan il-kapitolu, dan tal-aħħar ma jinkludix l-“oġġetti ta’ Kapitlu 94 (per eżempju, għamara, lampi u tagħmir tad-dawl, sinjali mdawlin, bini prefabbrikat)”.

13

Din it-tieni parti tinkludi, barra minn hekk, it-Taqsima XI, intitolata “Tessuti u oġġetti ta’ tessuti”. Skont in-nota 1(s) ta’ din it-taqsima, din tal-aħħar ma tinkludix l-“oġġetti ta’ Kapitlu 94 (per eżempju, għamara, friex, lampi u tagħmir (fittings) tad-dawl)”. L-imsemmija taqsima tinkludi l-Kapitolu 63, intitolat “Oġġetti oħrajn manifatturati ta’ tessuti; settijiet; ħwejjeġ li jintlibsu u oġġetti ta’ tessuti li jintlibsu; ċraret”. Skont in-nota 1 ta’ dan il-Kapitolu 63, is-Subkapitolu I tiegħu, intitolat “Oġġetti oħrajn manifatturati ta’ tessuti”, “japplika biss għal oġġetti manifatturati, ta’ kull drapp ta’ tessuti”.

14

L-imsemmija tieni parti tinkludi wkoll it-Taqsima XX, intitolata “Oġġetti manifatturati varji”, li fiha l-Kapitolu 94, li huwa intitolat “Għamara; [għamara mediko-kirurġika;] friex, mtieraħ, irfid għal imtieraħ, kuxxini u tagħmir (furnishing)simili mimli; lampi u tagħmir (fittings) tad-dawl mhux speċifikati jew inklużi band’ oħra; sinjali mdawwlin, pjanċi ta’ l-ismijiet imdawwlin u simili; bini prefabbrikat”.

15

In-noti 1 u 3 ta’ dan il-kapitolu jgħidu li:

“1.

Dan il-kapitlu ma jkoprix:

[…]

(d)

partijiet ta’ użu ġenerali kif spjegat f’nota 2 għal Taqsima XV, ta’ metall ta’ valur baxx (Taqsima XV), jew oġġetti simili ta’ plastiks (Kapitlu 39), jew sejfijiet ta’ titlu [intestatura] 8303;

[…]

3.

(A)

Fit-titli 9401 sa 9403 riferenzi għal partijiet ta’ oġġetti ma jinkludux riferenzi għal folji u ċangaturi (maqtugħin għall-forma iżda mhux mgħaqqdin ma’ partijiet oħrajn) ta’ ħġieġ (inklużi mirja), irħam jew ġebel ieħor jew ta’ xi materjal ieħor imsemmi f’Kapitlu 68 jew 69.

(B)

Oġġetti deskritti f’titlu 9404, ippreżentati separatament, m’għandhomx ikunu kklassifikati f’titlu 9401, 9402 jew 9403 bħala partijiet minn oġġetti.”

16

L-imsemmi Kapitolu 94 jinkludi b’mod partikolari l-intestatura 9401, ifformulata kif ġej:

“Kodiċi NM

Deskrizzjoni

Rata konvenzjonali ta’ dazju (%)

Unità Supplimentari

(1)

(2)

(3)

(4)

9401

Sits (seats)(ħlief dawk ta’ titlu [intestatura] 9402), kemm jekk jinbidlu f’sodod jew le, u partijiet tagħhom

 

 

[…]

[…]

[…]

 

9401 90

– Partijiet

 

 

9401 90 10

– – Ta’ sits (seats) ta’ tip użat fuq inġenji ta’ l-ajru

1,7

 

– – Oħrajn

 

 

9401 90 30

– – – Ta’ l-għuda

2,7

9401 90 80

– – – Oħrajn

2,7

—”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

17

Bejn ix-xahar ta’ Awwissu 2015 u x-xahar ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ddikjarat, taħt is-subintestatura 94019080 tan-NM, l-oġġetti “xibka għall-fabrikazzjoni ta’ kompartimenti mqiegħda fuq in-naħa ta’ wara tas-sits – Bend and net”) (iktar ’il quddiem “xibka għall-fabrikazzjoni ta’ kompartimenti”) u “protezzjoni għas-sits – Skirt Assy” (iktar ’il quddiem “protezzjoni għas-sits”), ikklassifikati bħala partijiet ta’ sits għal vetturi bil-mutur, għall-finijiet tar-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera.

18

Wara verifika a posteriori tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni, l-awtorità fiskali tal-ewwel istanza qieset li din il-merkanzija ma kellhiex tiġi kklassifikata taħt is-subintestatura 94019080 tan-NM u, permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Lulju 2018, ordnat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tħallas ammont ta’ EUR 298 810.52, bħala dazji doganali fuq l-imsemmija merkanzija, flimkien mal-interessi moratorji. Skont din l-awtorità, il-prodott “xibka għall-fabrikazzjoni ta’ kompartimenti” kellu jiġi kklassifikat taħt is-subintestatura 63079010 tan-NM, li jikkonċerna oġġetti oħra tal-maljerija, u l-prodott “protezzjoni għas-sits”, taħt is-subintestatura 39269097 tan-NM, li jikkonċerna oġġetti oħra tal-plastik, peress li dawn il-prodotti ma setgħux jitqiesu li huma partijiet ta’ sits għall-vetturi bil-mutur u kellhom jiġu kklassifikati bħala aċċessorji.

19

Il-Ministeru għall-Finanzi, bħala awtorità fiskali tat-tieni istanza, ċaħad bħala infondat ir-rikors tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra din id-deċiżjoni. Huwa ppreċiża li l-intestatura 9401 tan-NM, li tinkludi partijiet ta’ sits, ma kinitx tapplika għal aċċessorji, bħall-imsemmija prodotti. Fil-fatt, fil-fehma tiegħu, minn naħa, il-protezzjoni għas-sits ma tikkostitwixxix element ta’ appoġġ li mingħajru sit ma jkunx jista’ jissodisfa l-funzjoni essenzjali u prinċipali tiegħu u, min-naħa l-oħra, ix-xibka għall-fabrikazzjoni ta’ kompartimenti, li titwaħħal mal-protezzjoni tal-plastik fuq in-naħa ta’ wara tas-sit ta’ vettura, għandha biss funzjoni aċċessorja ta’ ħżin ta’ oġġetti żgħar, b’tali mod li, mingħajr din ix-xibka, sit iżomm il-funzjonijiet prinċipali kollha tiegħu.

20

Permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Ġunju 2020, l-Upravno sodišče (il-Qorti Amministrattiva, is-Slovenja) ikkonfermat il-klassifikazzjoni tariffarja magħmula mill-awtoritajiet fiskali. Din il-qorti qieset b’mod partikolari li l-fatt li merkanzija tkun intiża esklużivament għal mudell speċifiku ta’ magna jew ta’ oġġett ma huwiex determinanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ din il-merkanzija bħala “parti” jew “aċċessorju”.

21

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat appell għal Reviżjoni minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija ssostni li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 94019080 tan-NM, għar-raġuni li protezzjoni għas-sits ma hijiex prodott li jista’ jintuża b’mod ġenerali u lanqas prodott simili għal oġġett ieħor tal-plastik li jaqa’ taħt il-Kapitolu 39 tan-NM. Barra minn hekk, xibka għall-fabrikazzjoni ta’ kompartimenti ma hijiex prodott tat-tessut li jaqa’ taħt il-Kapitolu 63 tan-NM. Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, dawn iż-żewġ prodotti jintużaw esklużivament għas-sits tal-karozzi u, jekk ma jitwaħħlux magħhom, ma għandhomx użu awtonomu. Hija ssostni wkoll li, mingħajr l-assemblaġġ ta’ protezzjoni għas-sits, ikun impossibbli li dawn jintużaw, peress li din ma hijiex aċċessorju estetiku jew sostitwibbli, iżda għandha funzjonalità addizzjonali tas-sit, jiġifieri t-tisħiħ u l-protezzjoni tal-istruttura stess tiegħu, li hija essenzjali mill-perspettiva tas-sigurtà. Bl-istess mod, ix-xibka għall-fabrikazzjoni ta’ kompartimenti ma hijiex aċċessorju estetiku jew sostitwibbli ta’ sit, iżda għandha funzjonalità addizzjonali, jiġifieri dik ta’ appoġġ u ta’ protezzjoni.

22

Permezz ta’ digriet tat‑18 ta’ Novembru 2020, il-qorti tar-rinviju awtorizzat ir-Reviżjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

23

Għal dak li jirrigwarda l-prodott “xibka għall-fabrikazzjoni ta’ kompartimenti”, din il-qorti tosserva li dan il-prodott huwa fil-forma ta’ xibka elastika magħmula minn maljerija, b’kejl ta’ 30 x 20 ċm, magħmula minn ħjut tal-filament sintetiku, bil-kulur iswed, b’ċinga tal-plastik meħjuta b’mod lonġitudinali fuq naħa waħda li permezz tagħha titwaħħal mad-dahar tas-sit ta’ vettura bil-mutur. Fir-rigward tal-prodott “protezzjoni għas-sits”, l-imsemmija qorti tindika li dan huwa magħmul mill-plastik u huwa miksi bil-pannu u li jitwaħħal mad-dahar u taħt is-sit ta’ vettura bil-mutur sabiex jipproteġi l-parti ta’ ġewwa.

24

Skont l-istess qorti, il-klassifikazzjoni tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali fin-NM tiddependi mill-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “partijiet”, imsemmi fl-intestatura 9401 tan-NM, u għalhekk mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk dan il-kunċett għandux l-istess portata bħal dak imsemmi f’kapitoli oħra tan-NM li diġà kien is-suġġett tal-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jikkostitwixxi parti mis-sit biss prodott li mingħajru s-sit ma jkunx jista’ jeżerċita l-funzjoni essenzjali u prinċipali tiegħu jikkostitwixxi parti mis-sit. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tosserva li interpretazzjoni iktar wiesgħa tal-kunċett ta’ “partijiet” fis-sens tal-Kapitolu 94 tan-NM minn dik li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirriżulta min-noti ta’ spjega tas-SA.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Sabiex prodott partikolari jiġi kkwalifikat bħala “parti” minn siġġu għal karozza fis-sens tal-Kapitolu 94 tan-[NM], fil-verżjonijiet tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, huwa neċessarju li s-siġġu, mingħajr l-imsemmi prodott, ma jkunx jista’ jwettaq il-funzjoni essenzjali u prinċipali tiegħu (fis-sens tal-unità funzjonali tiegħu), jew huwa biżżejjed li l-parti partikolari, intiża esklużivament sabiex tkun installata fuq siġġijiet għal vetturi, tkun tista’ tiġi rikonoxxuta bħala parti mis-siġġu?

2)

Il-possibbiltà ta’ użu ġenerali awtonomu, jew le, taż-żewġ prodotti inkwistjoni għandu effett fuq il-klassifikazzjoni, jew le, tagħhom, fis-subintestatura tariffarja 94019080?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-intestatura 9401 tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “partijiet” ta’ sit ta’ vettura bil-mutur ikopri merkanzija li ma hijiex indispensabbli sabiex tali sit ikun jista’ jaqdi l-funzjoni tiegħu.

27

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qorti tar-rinviju dwar il-kriterji li permezz tagħhom il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti kkonċernati fin-NM iktar milli li tikklassifikahom hija stess. Din il-klassifikazzjoni tirriżulta minn evalwazzjoni purament fattwali li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li twettaq fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Mikrotīkls, C‑542/21, EU:C:2022:814, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Għandu jitfakkar ukoll li, skont ir-regola ġenerali 1 għall-interpretazzjoni tan-NM, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandha tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli ta’ din in-nomenklatura. Fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja ta’ din il-merkanzija għandu jinstab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-kwalitajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura inkwistjoni tal-imsemmija nomenklatura u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli korrispondenti (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Mikrotīkls, C‑542/21, EU:C:2022:814, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li, għalkemm in-noti ta’ spjega tas-SA u tan-NM ma għandhomx saħħa vinkolanti, huma jikkostitwixxu strumenti importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jipprovdu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Mikrotīkls, C‑542/21, EU:C:2022:814, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Għal dak li jirrigwarda l-intestatura 9401 tan-NM, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tagħha tinkludi sits u partijiet tagħhom. Dawn tal-aħħar jaqgħu taħt is-subintestatura 940190, intitolata “partijiet”, u huma kklassifikati f’waħda mit-tliet subintestaturi speċifiċi bi tmien ċifri previsti għal dan il-għan. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri x-“xibka għall-fabrikazzjoni ta’ kompartimenti” u l-“protezzjoni għas-sits”, ma jissemmew fl-ebda waħda minn dawn is-subintestaturi bi tmien ċifri.

31

In-NM ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “partijiet” fis-sens tal-intestatura 9401 tan-NM. Għandu jiġi osservat ukoll li n-nota 3(A) tal-Kapitolu 94 tan-NM, li tikkonċerna folji u ċangaturi ta’ ħġieġ, irħam jew ġebel ieħor jew ta’ xi materjal ieħor imsemmi fil-Kapitoli 68 jew 69 tan-NM, jiġifieri prodotti għajr dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tippermettix li jinsiltu indikazzjonijiet utli għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett. Barra minn hekk, in-noti ta’ spjega tan-NM rilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali, li ġew adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87 u ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal‑4 ta’ Marzu 2015 (ĠU 2015, C 76, p. 1), ma jinkludu ebda preċiżazzjoni dwar l-imsemmi kunċett.

32

In-noti ta’ spjega tas-SA, fil-verżjoni tagħhom tal‑2012, jipprovdu li l-Kapitolu 94 ikopri biss il-partijiet tal-prodotti msemmija fl-intestaturi 9401 sa 9403 u 9405 u li jitqiesu bħala tali l-oġġetti, anki jekk ikunu għadhom fi stadju ta’ tfassil li, minħabba l-forma tagħhom jew karatteristiċi oħra, huma identifikabbli bħala li huma kkonċepiti esklużivament jew prinċipalment għal oġġett taħt dawn l-intestaturi u li ma jissemmewx b’mod iktar speċifiku band’oħra. Barra minn hekk, minn dawn in-noti jirriżulta li l-intestatura 9401 tkopri l-partijiet ta’ sits identifikabbli bħala tali u, b’mod partikolari, id-dahar, il-qiegħ u l-partijiet għas-serħan tad-dirgħajn, kif ukoll l-assemblaġġi ta’ molol spirali użati għat-tapizzerija ta’ dawn is-sits. In-noti ta’ spjega tas-SA, fil-verżjoni tagħhom tal‑2017, jippreċiżaw li l-għata intiżi sabiex jitwaħħlu b’mod permanenti mas-sits jew mad-dahar tas-sits huma koperti wkoll minn din l-intestatura 9401 bħala “partijiet” ta’ sits.

33

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, żviluppata fil-kuntest tal-Kapitoli 84 u 85 tat-Taqsima XVI u tal-Kapitolu 90 tat-Taqsima XVIII tan-NM, jirriżulta li l-kunċett ta’ “partijiet” jimplika l-preżenza ta’ unità li dawn il-partijiet ikunu indispensabbli għall-funzjonament tagħha. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex oġġett ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “partijiet”, fis-sens ta’ dawn il-kapitoli, ma huwiex biżżejjed li jintwera li, mingħajr dan l-oġġett, il-magna jew l-apparat ma jkunx f’pożizzjoni li jissodisfa l-bżonnijiet li huwa intiż għalihom. Għandu jiġi stabbilit ukoll li l-funzjonament mekkaniku jew elettriku tal-magna jew tal-apparat inkwistjoni huwa kkundizzjonat mill-imsemmi oġġett (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2016, Lemnis Lighting, C‑600/15, EU:C:2016:937, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fl-interess tal-applikazzjoni koerenti u uniformi tat-tariffa doganali komuni, il-kunċett ta’ “partijiet” imsemmi f’kapitolu partikolari tan-NM għandu jingħata l-istess definizzjoni bħal dik li tirriżulta mill-ġurisprudenza dwar kapitoli oħra tan-NM (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2013, HARK, C‑450/12, EU:C:2013:824, punt 37; tat‑8 ta’ Diċembru 2016, Lemnis Lighting, C‑600/15, EU:C:2016:937, punt 52, u tal‑15 ta’ Mejju 2019, Korado, C‑306/18, EU:C:2019:414, punt 44).

35

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li din id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “partijiet” tapplika wkoll fil-kuntest tal-Kapitolu 94 tan-NM. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “partijiet” ta’ tagħmir tad-dawl, fis-sens tal-intestatura 9405 tan-NM, ma jkoprix merkanzija li ma hijiex indispensabbli għall-funzjonament ta’ dan it-tagħmir (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2016, Lemnis Lighting, C‑600/15, EU:C:2016:937, punti 51 sa 53).

36

L-istess japplika għal dak li jirrigwarda l-“partijiet” ta’ sits, fis-sens tal-intestatura 9401 tan-NM.

37

Għaldaqstant, merkanzija ma tistax titqies li hija “partijiet” ta’ sits, fis-sens ta’ din l-intestatura, ħlief bil-kundizzjoni li tkun indispensabbli sabiex is-sits inkwistjoni jkunu jistgħu jwettqu l-funzjoni tagħhom.

38

Il-fatt imsemmi mill-qorti tar-rinviju li min-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 9401 tagħha jirriżulta li din l-intestatura tkopri wkoll il-partijiet għas-serħan tad-dirgħajn ma tikkontestax il-konklużjoni stabbilita fil-punt preċedenti. Fil-fatt, kif tenfasizza l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, sit jista’ jiġi ddisinjat b’diversi modi u jinkludi, bħala prinċipju, mhux biss parti li fuqha l-persuna tkun fil-fatt bilqiegħda, iżda wkoll dahar jew partijiet għas-serħan tad-dirgħajn li jsostnu d-dahar jew id-dirgħajn tal-persuna bilqiegħda fuq dan is-sit. Tali elementi huma għalhekk partijiet integrali ta’ sit iddinsinjat speċifikament u jikkostitwixxu, għalhekk, element essenzjali tal-istruttura tiegħu. Għaldaqstant, dawn l-elementi jsiru indispensabbli sabiex tali sit ikun jista’ jissodisfa l-funzjoni tiegħu. Dan japplika wkoll għall-għata intiżi sabiex jitwaħħlu b’mod permanenti mas-sits jew mad-dahar tas-sits, li jissemmew espressament fin-noti ta’ spjega tas-SA, fil-verżjoni tagħhom tal‑2017, bħala “partijiet” ta’ sits, fis-sens tal-imsemmija intestatura.

39

F’dan il-każ, mill-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-qorti tar-rinviju ma jirriżultax li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija indispensabbli sabiex sit ta’ vettura bil-mutur ikun jista’ jissodisfa l-funzjoni tiegħu, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat minn dik il-qorti. Wara din il-verifika u fid-dawl tal-karatteristiċi oġġettivi ta’ din il-merkanzija, hija l-imsemmija qorti li għandha tipproċedi għall-klassifikazzjoni tariffarja tagħha.

40

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-intestatura 9401 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “partijiet” ta’ sit ta’ vettura bil-mutur ma jkoprix merkanzija li ma hijiex indispensabbli sabiex tali sit ikun jista’ jaqdi l-funzjoni tiegħu.

Fuq it‑tieni domanda

41

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l‑ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-intestatura 9401 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni […], fil-verżjonijiet tiegħu li jirriżultaw mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1101/2014 tas‑16 ta’ Ottubru 2014, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1754 tas‑6 ta’ Ottubru 2015, u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1821 tas‑6 ta’ Ottubru 2016,

 

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

 

il-kunċett ta’ “partijiet” ta’ sit ta’ vettura bil-mutur ma jkoprix merkanzija li ma hijiex indispensabbli sabiex tali sit ikun jista’ jaqdi l-funzjoni tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Sloven.