SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
22 ta’ Frar 2024 ( *1 )
[Test rettifikat permezz ta’ digriet tas‑7 ta’ Ġunju 2024]
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107 TFUE – Kunċett ta’ ‘għajnuna’ – Vantaġġ – Kriterju ta’ investitur privat – Deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tistabbilixxi tariffi tal-elettriku iktar baxxi – Imputabbiltà tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ lill-Istat – Regolament (UE) 2015/1589 – Artikolu 4(2) – Deċiżjoni li tiddikjara li l-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna”
Fil-Kawżi magħquda C‑701/21 P u C‑739/21 P,
li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati rispettivament fid‑19 ta’ Novembru 2021 u fl‑1 ta’ Diċembru 2021,
Mytilinaios AE – Omilos Epicheiriseon, stabbilita fi Marousi (Il-Greċja), irrappreżentata minn V. Christianos, D. Diakopoulos, G. Karydis, A. Politis, P. Selekos u M. Ch. Vlachou, dikigoroi,
rikorrenti fil-kawża C‑701/21 P,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI), stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata inizjalment minn E. Bourtzalas, A. Oikonomou, E. Salaka, C. Synodinos u H. Tagaras, dikigoroi, u D. Waelbroeck, avocat, sussegwentement minn E. Bourtzalas, E. Salaka, C. Synodinos u H. Tagaras, dikigoroi,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouchagiar, I. Georgiopoulos u P.-J. Loewenthal, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
sostnuta minn:
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata inizjalment minn J. Möller u D. Klebs, sussegwentement minn J. Möller, bħala aġenti,
intervenjenti fl-appell,
u
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouchagiar u P.-J. Loewenthal, bħala aġenti,
rikorrenti fil-kawża C‑739/21 P,
sostnuta minn:
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata inizjalment minn J. Möller u D. Klebs, sussegwentement minn J. Möller, bħala aġenti,
intervenjenti fl-appell,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI), stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata inizjalment minn E. Bourtzalas, A. Oikonomou, E. Salaka, C. Synodinos u H. Tagaras, dikigoroi, u D. Waelbroeck, avocat, sussegwentement minn E. Bourtzalas, E. Salaka, C. Synodinos u H. Tagaras, dikigoroi,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
Mytilinaios AE – Omilos Epicheiriseon, stabbilita f’Marousi, irrappreżentata minn D. Diakopoulos, N. Keramidas u N. Korogiannakis, dikigoroi,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, J.-C. Bonichot, S. Rodin u L.S. Rossi (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑27 ta’ April 2023,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Settembru 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appelli tagħhom, Mytilinaios AE – Omilos Epicheiriseon (iktar ’il quddiem “Mytilinaios”) u l-Kummissjoni Ewropea jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑22 ta’ Settembru 2021, DEI vs Il-Kummissjoni (T‑639/14 RENV, T‑352/15 u T‑740/17, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2021:604), li permezz tagħha din annullat l-ittra COMP/E3/ΟΝ/AB/ark *2014/61460 tal-Kummissjoni, tat‑12 ta’ Ġunju 2014, li tinforma lil Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI) li ma titteħidx azzjoni fir-rigward tal-ilmenti tagħha (iktar ’il quddiem l-“ittra kontenzjuża”), id-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 1942 final, tal‑25 ta’ Marzu 2015, fil-Każ SA.38101 (2015/NN) (ex 2013/CP) dwar allegata għajnuna mill-Istat favur Alouminion SA fil-forma ta’ tariffi tal-elettriku inqas mill-ispejjeż skont deċiżjoni ta’ arbitraġġ (ĠU 2015, C 219, p. 2, iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kontenzjuża”), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 5622 final, tal‑14 ta’ Awwissu 2017, fil-Każ SA.38101 (2015/NN) (ex 2013/CP) dwar allegata għajnuna mill-Istat favur Alouminion SA fil-forma ta’ tariffi tal-elettriku inqas mill-ispejjeż skont deċiżjoni ta’ arbitraġġ (ĠU 2017, C 291, p. 2, iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kontenzjuża”). |
Il‑kuntest ġuridiku
2 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9), intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi: “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
|
3 |
L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Eżami preliminari tan-notifika u deċiżjonijiet tal-Kummissjoni”, jipprovdi: “1. Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika hekk kif tirċevieha. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skont il-paragrafi 2, 3 jew 4 ta’ dan l-Artikolu. 2. Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li l-miżura notifikata ma tikkostitwixxix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni. 3. Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li miżura notifikata ma tqajjem l-ebda dubju dwar il-kompatibilità mas-suq intern, safejn tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, hija tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq intern (‘deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet’). Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni fit- TFUE tkun ġiet applikata. 4. Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li miżura notifikata tqajjem dubji dwar il-kompatibilità mas-suq intern, hija tiddeċiedi li għandhom jinbdew proċeduri skont l-Artikolu 108(2) tat- TFUE (‘deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni’). […]” |
4 |
Id-dispożizzjonijiet preċedenti ttieħdu mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), li tħassar bir-Regolament 2015/1589. |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u s‑sentenza appellata
5 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma deskritti fil-punti 1 sa 53 tas-sentenza appellata u jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej għall-finijiet ta’ din il-proċedura. |
6 |
Il-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali jirrigwardaw tliet tilwimiet relatati li seħħew wara xulxin u jikkonċernaw essenzjalment il-kwistjoni dwar jekk it-tariffa tal-provvista tal-elettriku (iktar ’il quddiem it-“tariffa inkwistjoni”) li DEI, produttur u fornitur tal-elettriku kkontrollat mill-Istat Grieg, hija obbligata tiffattura, skont deċiżjoni ta’ arbitraġġ, lill-ikbar klijent tagħha, jiġifieri lil Mytilinaios, produttur tal-aluminju, tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. |
7 |
Fl‑4 ta’ Awwissu 2010, DEI u Mytilinaios iffirmaw ftehim qafas li jikkonċerna t-tariffa għall-provvista tal-elettriku li kellha tapplika matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Lulju 2010 u l‑31 ta’ Diċembru 2013, kif ukoll il-modalitajiet ta’ ftehim bonarju ta’ allegat dejn ta’ Mytilinaios fil-konfront ta’ DEI, li akkumula bejn il-perijodu mill‑1 ta’ Lulju 2008 sat‑30 ta’ Ġunju 2010. |
8 |
Abbażi tal-kriterji previsti f’dan il-ftehim qafas, Mytilinaios u DEI inutilment innegozjaw il-kontenut ta’ abbozz ta’ kuntratt ta’ provvista tal-elettriku, peress li dawn il-partijiet ma rnexxilhomx jaqblu dwar it-tariffa li għandha tiġi applikata għall-provvista tal-elettriku li DEI kellha tiggarantixxi lil Mytilinaios. |
9 |
Fil-kuntest ta’ ftehim ta’ arbitraġġ iffirmat fis‑16 ta’ Novembru 2011, Mytilinaios u DEI ftehmu li jafdaw ir-riżoluzzjoni tat-tilwima tagħhom għall-arbitraġġ permanenti tar-Rythmistiki Archi Energeias (l-Awtorità Regolatorja tal-Enerġija Ellenika, il-Greċja, iktar ’il quddiem ir-“RAE”), skont l-Artikolu 37 tal-nomos 4001/2011, gia ti leitourgia Energeiakon Agoron Ilektrismou kai Fysikou Aeriou, gia Erevna, Paragogi kai diktya metaforas Ydrogonanthrakon kai alles rythmiseis (il-Liġi 4001/2011, dwar l-Operat tas-Swieq tal-Enerġija tal-Elettriku u tal-Gass, il-Produzzjoni u n-Networks tat-Trasport tal-Idrokarburi u Regoli Oħra) (FEK A’ 179/22.8.2011, iktar ’il quddiem il-“Liġi 4001/2011”). |
10 |
Skont dan il-ftehim ta’ arbitraġġ, il-funzjoni fdata lit-tribunal ta’ arbitraġġ kienet id-determinazzjoni, abbażi tan-negozjati li seħħew bejn DEI u Mytilinaios, ta’ tariffa ta’ provvista tal-elettriku li tikkorrispondi għall-karatteristiċi speċifiċi ta’ Mytilinaios u li tkopri tal-inqas l-ispejjeż sostnuti minn DEI. |
11 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Ottubru 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ arbitraġġ”), it-tribunal ta’ arbitraġġ tar-RAE ddeċieda din it-tilwima. |
12 |
Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni, il-Greċja) ċaħdet rikors għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ippreżentat minn DEI. |
13 |
Fit‑23 ta’ Diċembru 2013, DEI ressqet ilment (iktar ’il quddiem l-“ilment tal‑2013”) quddiem il-Kummissjoni fejn sostniet li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. |
14 |
Permezz tal-ittra kontenzjuża, il-Kummissjoni informat lil DEI bl-għeluq tal-investigazzjoni tal-ilment tagħha tal‑2013. |
15 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Awwissu 2014, DEI ppreżentat rikors, irreġistrat taħt in-numru T‑639/14, intiż għall-annullament tal-ittra kontenzjuża. |
16 |
Fil‑25 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni adottat l-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, li fiha hija sempliċement evalwat il-kwistjoni dwar jekk l-iffissar u l-implimentazzjoni tat-tariffa inkwistjoni kinux jikkorrispondu għall-għoti ta’ vantaġġ lil Mytilinaios fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għal dan il-għan, hija eżaminat jekk, filwaqt li aċċettat li ssolvi t-tilwima ma’ Mytilinaios billi użat il-proċedura ta’ arbitraġġ u ssuġġettat ruħha għad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, DEI, fil-kwalità tagħha ta’ impriża pubblika, aġixxietx skont ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-kriterju tal-investitur privat. Hija kkonkludiet, minn naħa, li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju kienu ssodisfatti f’dan il-każ u li, għaldaqstant, ma kien ingħata l-ebda vantaġġ lil Mytilinaios u, min-naħa l-oħra, li, peress li l-ewwel deċiżjoni kontenzjuża kienet tirrifletti l-pożizzjoni definittiva tagħha f’dan ir-rigward, l-ittra kontenzjuża kellha titqies li ġiet issostitwita bl-imsemmija deċiżjoni. |
17 |
Il-Kummissjoni għalhekk ikkonstatat li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. |
18 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Ġunju 2015, DEI ppreżentat rikors, irreġistrat taħt in-numru T‑352/15, intiż għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża. |
19 |
Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Frar 2016, DEI vs Il‑Kummissjoni (T‑639/14, EU:T:2016:77), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors fil-Kawża T‑639/14, minħabba li, b’mod partikolari, l-ewwel deċiżjoni kontenzjuża kienet formalment issostitwixxiet l-ittra kontenzjuża. |
20 |
Fit‑22 ta’ April 2016, DEI appellat minn dan id-digriet. |
21 |
Permezz tas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2017, DEI vs Il‑Kummissjoni (C‑228/16 P, EU:C:2017:409), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-digriet tad‑9 ta’ Frar 2016, DEI vs Il‑Kummissjoni (T‑639/14, EU:T:2016:77), bagħtet il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali u rriżervat l-ispejjeż. |
22 |
Wara l-għoti ta’ din is-sentenza, il-Kawża T‑639/14 issa għandha n-numru T‑639/14 RENV. |
23 |
Fl‑14 ta’ Awwissu 2017, il-Kummissjoni adottat it-tieni deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha hija ddeċidiet mill-ġdid, filwaqt li ħassret u ssostitwixxiet espliċitament kemm l-ittra kontenzjuża kif ukoll l-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ma kinitx tinkludi l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Il-motivi esposti insostenn ta’ din il-konklużjoni, ibbażati fuq l-osservanza tal-kriterju tal-investitur privat u fuq l-assenza ta’ vantaġġ, huma identiċi għal dawk esposti fl-ewwel deċiżjoni kontenzjuża. |
24 |
B’ittri tal‑24 ta’ Awwissu 2017, jiġifieri wara l-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikorsi fil-Kawżi T‑639/14 RENV u T‑352/15 kienu saru mingħajr skop u li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni. |
25 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Novembru 2017, DEI ppreżentat rikors, irreġistrat taħt in-numru T‑740/17, intiż għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża. |
26 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tas‑26 ta’ Frar 2020, il-Kawżi T‑639/14 RENV, T‑352/15 u T‑740/17 ingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza. |
27 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat l-ittra kontenzjuża u l-ewwel u t-tieni deċiżjoni kontenzjuża, ikkundannat lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn DEI u kkundannat lil Mytilinaios għall-ispejjeż tagħha stess. |
It‑talbiet tal‑partijiet quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja
Il‑Kawża C‑701/21 P
28 |
Permezz tal-appell tagħha, Mytilinaios, sostnuta mill-Kummissjoni, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
29 |
DEI titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Il‑Kawża C‑739/21 P
30 |
Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta minn Mytilinaios, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
31 |
DEI titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
32 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ April 2022, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni fil-Kawżi C‑701/21 P u C‑739/21 P. |
33 |
Wara li semgħet lill-partijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Frar 2023, għaqdet il-Kawżi C‑701/21 P u C‑739/21 P għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza. |
Fuq l‑appelli
34 |
Insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑701/21 P, Mytilinaios, sostnuta mill-Kummissjoni, tqajjem tliet aggravji. |
35 |
L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament u jikkonċerna l-prinċipji nemo auditur propriam turpitudinem allegans u nemo potest venire contra factum proprium. |
36 |
It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat kif ukoll tal-klassifikazzjoni tat-tribunal ta’ arbitraġġ bħala korp tal-Istat. |
37 |
It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589 f’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-eżistenza ta’ dubji jew ta’ diffikultajiet serji dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fil-fażi tal-eżami preliminari tal-ilmenti u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-inverżjoni tal-oneru tal-prova. |
38 |
Insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑739/21 P, il-Kummissjoni, sostnuta minn Mytilinaios u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tqajjem aggravju uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat il-kundizzjoni tal-“vantaġġ” li miżura tal-Istat għandha tissodisfa sabiex tkun tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. |
Fuq l‑ewwel aggravju fil‑Kawża C‑701/21 P, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji nemo auditur propriam turpitudinem allegans u nemo potest venire contra factum proprium
39 |
L-ewwel aggravju mqajjem minn Mytilinaios huwa kompost minn żewġ partijiet u jirrigwarda l-parti tas-sentenza appellata li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikors kien ammissibbli. |
L‑argumenti tal‑partijiet
40 |
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, Mytilinaios tilmenta li l-Qorti Ġenerali naqset milli tindirizza l-argumenti tagħha intiżi sabiex juru li l-preżentata tar-rikors għal annullament minn DEI kienet tmur kontra l-prinċipji nemo auditur propriam turpitudinem allegans u nemo potest venire contra factum proprium, peress li dawn il-prinċipji jipprojbixxu l-aġir li permezz tiegħu appellant jikkontesta bħala illegali dak li qabel huwa għamel b’mod volontarju. |
41 |
Mytilinaios issostni li l-fatt li DEI għandha l-kwalità ta’ parti interessata fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589 ma jfissirx neċessarjament li hija kellha, f’dan il-każ, interess ġuridiku. Issa, Mytilinaios u l-Kummissjoni sostnew, f’dan ir-rigward, li l-eżerċizzju minn DEI tad-drittijiet proċedurali tagħha kien abbużiv, sa fejn dan kien jikser l-imsemmija prinċipji. Billi ma indirizzatx l-argumenti tagħhom, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, li DEI kellha, f’dan il-każ, interess ġuridiku. |
42 |
Mytilinaios tippreċiża li dawn l-argumenti, kif miġbura fil-qosor fil-punt 68 tas-sentenza appellata, kienu jirrigwardaw l-istrateġija proċedurali speċifika ta’ DEI u l-interess ġuridiku tagħha u ma kinux iwasslu, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 91 tas-sentenza appellata, għal konfużjoni bejn is-sitwazzjoni ta’ DEI, bħala impriża kkontrollata mill-Istat Grieg, u dik ta’ dan l-Istat. |
43 |
Mytilinaios tfakkar, f’dan ir-rigward, li l-applikazzjoni tar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea ma tistax tiġi estiża sabiex tkopri prattiki abbużivi tal-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2007, Vonk Dairy Products,C‑279/05, EU:C:2007:18, punt 31). |
44 |
Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, Mytilinaios issostni li, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument dwar il-ksur tal-prinċipju nemo potest venire contra factum proprium permezz ta’ motivazzjoni żbaljata. |
45 |
Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali warrbet il-kwistjoni dwar dan il-prinċipju, li huwa marbut mal-interess ġuridiku ta’ DEI, sabiex teżamina l-kwistjoni, mingħajr rabta ma’ dan l-argument, tal-konfużjoni bejn DEI u l-Istat Grieg. Għalhekk hija żnaturat il-kontenut tal-imsemmi argument. |
46 |
DEI tirribatti, b’mod prinċipali, li l-ewwel aggravju ta’ Mytilinaios huwa manifestament inammissibbli u manifestament infondat. |
47 |
L-argument insostenn ta’ dan l-ewwel aggravju huwa fformulat b’mod oskur u ambigwu. Mytilinaios la tippreċiża r-rikors għal annullament ta’ DEI li għalih hija tagħmel riferiment, la l-allegat żball ta’ liġi li bih hija vvizzjata s-sentenza appellata, u lanqas kif l-aġir ta’ DEI huwa abbużiv u kontradittorju. |
48 |
Sussidjarjament, DEI ssostni li ż-żewġ partijiet tal-ewwel aggravju ma humiex fondati. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
49 |
Sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-ewwel aggravju mqajjem minn Mytilinaios fil-Kawża C‑701/21, fl-ewwel lok, għandha tiġi vverifikata l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju, ikkontestata minn DEI. |
50 |
F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat, minn naħa, li dan l-aggravju huwa intiż kontra l-punt 91 tas-sentenza appellata, li jagħmel parti mill-motivazzjoni, inkluża fil-punti 64 sa 195 ta’ din is-sentenza, ddedikata għar-rikors fil-Kawża T‑740/17. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ DEI, mill-appell jirriżulta b’mod ċar li l-imsemmi aggravju jikkonċerna dan ir-rikors għal annullament. |
51 |
Min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni tal-ewwel aggravju hija ċara biżżejjed sabiex tippermetti li jinftiehem li, permezz taż-żewġ partijiet tiegħu, dan l-aggravju huwa intiż li jikkontesta, minn naħa, in-nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata fir-rigward taċ-ċaħda tal-argument ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji nemo auditur propriam turpitudinem allegans u nemo potest venire contra factum proprium u, min-naħa l-oħra, żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta ċaħdet dan l-argument abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet li ma jirrigwardawx il-kwistjoni tal-aġir allegatament abbużiv ta’ DEI. L-appellanti tippreċiża, fl-appell tagħha, li, permezz tal-preżentata tar-rikors tagħha, DEI pprovat, b’mod abbużiv, tieħu vantaġġ mill-allegata illegalità ta’ għajnuna mill-Istat li hija stess, bħala impriża kkontrollata mill-Istat Grieg, ikkontribwixxiet sabiex tiġi stabbilita. |
52 |
Konsegwentement, l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑701/21 P huwa ammissibbli. |
53 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-mertu ta’ dan l-aggravju, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet invokati insostenn tal-ewwel parti tal-imsemmi aggravju, immotivat, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, iċ-ċaħda tal-argument ibbażat fuq il-prinċipju nemo auditur propriam turpitudinem allegans. Fil-fatt, f’dan il-punt 91, il-Qorti Ġenerali qieset li “[i]l-Kummissjoni lanqas ma tista’ tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ dritt li jipprovdi li ħadd ma jista’ jinvoka l-aġir kolpevoli tiegħu stess. Dan l-argument jikkostitwixxi biss varjant ieħor ta’ dak intiż li jikkonfondi s-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma’ dik tal-Istat Grieg u sabiex timputalha l-eventwali sodisfazzjon tal-awtoritajiet Elleniċi mar-riżultat tal-proċedura ta’ arbitraġġ, b’tali mod li dan l-argument lanqas ma jista’ jintlaqa’.” Din il-motivazzjoni, għalkemm fil-qosor, hija suffiċjenti sabiex Mytilinaios tkun tista’ ssir taf ir-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argument tagħha u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha f’dan ir-rigward. |
54 |
Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
55 |
Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell tagħha, Mytilinaios tqajjem żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-istess punt 91 tas-sentenza appellata. |
56 |
Huwa minnu li, b’risposta għall-argument ta’ ksur, minn DEI, tal-prinċipju li jipprovdi li ħadd ma jista’ jinvoka l-aġir illegali tiegħu stess, il-Qorti Ġenerali essenzjalment illimitat ruħha, f’dan il-punt 91, li tqis li s-sitwazzjoni ta’ DEI u dik tar-Repubblika Ellenika ma setgħux jiġu konfużi. Issa, kif irrilevat Mytilinaios, billi sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali li DEI kienet kisret dan il-prinċipju, Mytilinaios ma kinitx allegat li s-sitwazzjoni ta’ DEI u tar-Repubblika Ellenika kienet qiegħda tiġi konfuża, iżda li DEI ma setgħetx validament tikkontesta r-riżultat ta’ proċedura ta’ arbitraġġ li għaliha din l-impriża kienet tat il-kunsens tagħha. |
57 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 86 sa 92 tas-sentenza appellata, il-kwistjoni dwar jekk, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni u ta’ Mytilinaios, DEI kellhiex interess ġuridiku kontra t-tieni deċiżjoni kontenzjuża, b’tali mod li l-punt 91 ta’ din is-sentenza għandu jinqara fil-kuntest tagħha. |
58 |
Issa, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma tikkontestax fil-kuntest tal-appell tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni u ta’ Mytilinaios, ibbażat fuq il-konfużjoni bejn l-Istat Grieg u DEI sabiex timputalha l-allegat sodisfazzjon tal-awtoritajiet Elleniċi mar-riżultat tal-proċedura ta’ arbitraġġ u l-paragun tas-sitwazzjoni ta’ DEI ma’ dik ta’ awtorità lokali. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali, fl-istess punt, ikkonstatat li DEI kienet esponiet, b’mod iddettaljat, ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li, minn naħa, is-sitwazzjoni ekonomika tagħha kienet affettwata mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ sa fejn din kienet tobbligaha tiffattura l-provvista tal-elettriku lil Mytilinaios taħt l-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħha, u li, min-naħa l-oħra, l-ittra kontenzjuża u l-ewwel u t-tieni deċiżjoni kontenzjuża li arkivjaw l-ilmenti tagħha kienu jipprekluduha milli tressaq l-osservazzjonijiet tagħha matul proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE. Fid-dawl ta’ dan l-argument, skont il-Qorti Ġenerali, l-possibbiltà ta’ annullament, b’mod partikolari, tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża minħabba li l-Kummissjoni kellha dubji jew diffikultajiet serji fir-rigward tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat setgħet tagħti benefiċċju lil DEI, preċiżament għaliex din kienet ta’ natura li ġġiegħel lill-Kummissjoni tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, li fil-kuntest tagħha DEI setgħet tipprevalixxi ruħha mill-garanziji proċedurali mogħtija lilha skont l-Artikolu 108(2) TFUE. |
59 |
Fil-punt 90 tas-sentenza appellata, li l-appellanti lanqas ma tikkontesta, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-argument tal-Kummissjoni u ta’ Mytilinaios li l-effetti legali vinkolanti li jikkawżaw preġudizzju lil DEI, marbuta mat-tariffa inkwistjoni, ma humiex attribwibbli għat-tieni deċiżjoni kontenzjuża, iżda għad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ. Hija ċaħdet dan l-argument minħabba, minn naħa, li, permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni rrifjutat li tikklassifika r-riżultat tal-proċedura ta’ arbitraġġ bħala miżura ta’ għajnuna kif kienet talbet DEI u, min-naħa l-oħra, li DEI kienet preċiżament ilmentat li l-Kummissjoni illegalment naqset milli tinvestiga, fl-imsemmija deċiżjoni, il-kwistjoni dwar jekk din it-tariffa kinitx tinkludi l-għoti ta’ vantaġġ. Skont il-Qorti Ġenerali, din l-evalwazzjoni ma kinitx invalidata mill-fatt li DEI kienet volontarjament issottomettiet it-tilwima tagħha ma’ Mytilinaios għall-arbitraġġ, peress li dan il-pass ma jimplikax neċessarjament li hija taċċetta a priori d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, li hija barra minn hekk ikkontestat, mingħajr suċċess, quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni). |
60 |
Għaldaqstant, minn dawn iż-żewġ punti tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tal-Kummissjoni u ta’ Mytilinaios intiżi sabiex jistabbilixxu li, minħabba l-kontroll tal-Istat Grieg fuq DEI, il-pożizzjoni tagħha kienet konfuża ma’ dik ta’ dan l-Istat, li ma kellu ebda interess li jikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiftaħx proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura li huwa stess kien adotta, l-istess bħall-argument li DEI ma setgħetx tikkontesta r-riżultat ta’ proċedura ta’ arbitraġġ li din l-impriża kienet tat il-kunsens tagħha għaliha. |
61 |
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, iġġustifikat, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, ir-raġuni li għaliha kellhom jiġu miċħuda l-argumenti tal-Kummissjoni u ta’ Mytilinaios, li, kif riprodotti fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, li ma humiex ikkontestati fl-appell, kienu sempliċement intiżi sabiex isostnu l-pożizzjoni tagħhom li DEI ma setgħetx tiddikjara, bħala għajnuna mill-Istat, kuntratt li hija ma kinitx tqis iktar profittabbli sabiex teħles mill-impenn tagħha. |
62 |
Barra minn hekk, Mytilinaios ma kkontestatx il-konstatazzjoni, magħmula fil-punt 85 tas-sentenza appellata, li t-tieni deċiżjoni kontenzjuża taffettwa s-sitwazzjoni legali u l-interessi ta’ DEI, bħala parti interessata, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589. |
63 |
Fl-ilment tagħha tal‑2013, DEI kienet sostniet li l-Kummissjoni kellha tqis li l-miżura li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, mhux id-deċiżjoni li tirrikorri għall-arbitraġġ, iżda d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, kienet timponilha li tapplika tariffi inqas mill-ispejjeż tagħha u li, għaldaqstant, id-deċiżjoni li tapplika tali tariffi ma kinitx imputabbli lilha, bħala impriża kkontrollata mill-Istat Grieg, iżda kienet direttament imputabbli lil dan l-Istat, permezz tat-tribunal ta’ arbitraġġ. |
64 |
Għalkemm huwa minnu li hija l-Kummissjoni li għandha tivverifika jekk dan kienx il-każ f’din il-kawża, dan il-fatt ma jistax jikkontesta l-eżistenza ta’ interess ġuridiku ta’ din l-impriża kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad dan l-ilment mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Raġunament differenti jwassal sabiex tiġi kompromessa l-effettività tal-kontroll tal-miżuri tal-Istat fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. |
65 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata u għalhekk l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq it‑tieni aggravju fil‑Kawża C‑701/21 P u fuq l-aggravju uniku fil-Kawża C‑739/21 P, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE
66 |
It-tieni aggravju mqajjem minn Mytilinaios fil-Kawża C‑701/21 P huwa kompost minn żewġ partijiet, fejn it-tieni parti tikkorrispondi, essenzjalment, għall-aggravju uniku mqajjem mill-Kummissjoni fil-Kawża C‑739/21 P. |
67 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, Mytilinaios issostni, essenzjalment, li, fil-punti 160 sa 163 u 185 sa 191 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107 TFUE kif ukoll il-kriterju tal-investitur privat. |
68 |
Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li l-punti tas-sentenza appellata kkritikati minn din l-ewwel parti huma bbażati fuq il-premessa, magħmula fil-punti 150 sa 159 tas-sentenza appellata, li l-miżura statali li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kienet id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ. |
69 |
Peress li dawn il-punti huma kkontestati mit-tieni parti tat-tieni aggravju ta’ Mytilinaios kif ukoll mill-aggravju uniku tal-Kummissjoni, din it-tieni parti u dan l-aggravju għandhom jiġu ttrattati fl-ewwel lok. |
L‑argumenti tal‑partijiet
70 |
Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, Mytilinaios issostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punti 150 sa 159 tas-sentenza appellata, qieset li t-tribunal ta’ arbitraġġ inkwistjoni kellu jiġi kklassifikat bħala “organu li jeżerċita poter li jaqa’ taħt il-prerogattivi tal-poter pubbliku”. |
71 |
F’dan ir-rigward, hija tfakkar li l-arbitraġġ previst mill-Artikolu 37(1) tal-Liġi 4001/2011 huwa arbitraġġ konvenzjonali. Fil-fatt, dan l-artikolu jipprovdi li arbitraġġ permanenti huwa organizzat mir-RAE, li quddiemha jkun possibbli li jiġu riżolti t-tilwim li jirriżultaw fil-qasam tal-enerġija, wara ftehim bil-miktub speċjali, jiġifieri ftehim ta’ arbitraġġ stabbilit bejn il-partijiet involuti, skont l-Artikolu 37(2) ta’ din il-liġi. |
72 |
Skont Mytilinaios, qabel kollox, il-fatt li l-intervent eventwali ta’ tribunal ta’ arbitraġġ fir-riżoluzzjoni ta’ tilwima huwa previst mil-liġi ma jimplikax li dan it-tribunal ġie stabbilit abbażi ta’ din il-liġi, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat fil-punt 153 tas-sentenza appellata. |
73 |
Sussegwentement, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 156 ta’ din is-sentenza, dwar in-natura tas-sentenzi tat-tribunali ta’ arbitraġġ imsemmija mil-Liġi 4001/2011, ma hijiex determinanti f’dan il-każ sabiex jiġi evalwat jekk dawn il-qrati jistgħux jiġu kklassifikati bħala qrati tal-Istat, peress li din tikkonċerna n-natura vinkolanti ta’ dawn is-sentenzi, li l-Qorti Ġenerali tħawwad man-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tat-tribunali ta’ arbitraġġ, jiġifieri l-obbligu li titressaq tilwima għall-arbitraġġ tagħhom. |
74 |
Barra minn hekk, il-punt 157 tal-imsemmija sentenza, dwar il-possibbiltà li jiġu kkontestati quddiem qorti ordinarja s-sentenzi tat-tribunali ta’ arbitraġġ previsti mil-Liġi 4001/2011, lanqas ma hija suffiċjenti sabiex dawn jiġu kklassifikati bħala qrati tal-Istat. Fil-fatt, deċiżjoni ta’ arbitraġġ hija suġġetta mhux għar-rimedji ġudizzjarji ordinarji, jiġifieri l-appell, li għalihom huma suġġetti d-deċiżjonijiet tal-qrati ordinarji, iżda għar-rikors għal annullament li huwa speċifikament stabbilit skont l-Artikolu 897 tal-Kodikas politikis dikonomias (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Elleniku). Dan ir-rikors għal annullament jista’ jiġi ppreżentat biss għal raġunijiet limitati. Konsegwentement, il-proċedura ċivili Ellenika tipprevedi stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ limitat meta mqabbla mal-istħarriġ tad-deċiżjonijiet tal-qrati ordinarji, bil-konsegwenza li l-proċedura ċivili tagħmel distinzjoni bejn iż-żewġ mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim. Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-evalwazzjoni fil-punt 157 tas-sentenza appellata turi d-differenzi sinjifikattivi li għandhom it-tribunali ta’ arbitraġġ, minħabba n-natura u l-funzjonament tagħhom, meta mqabbla mal-qrati ordinarji. |
75 |
Fl-aħħar nett, Mytilinaios tilmenta li l-Qorti Ġenerali naqset milli tivverifika jekk it-tribunal ta’ arbitraġġ inkwistjoni kellux ġurisdizzjoni obbligatorja. Issa, skont il-ġurisprudenza, din il-karatteristika hija nieqsa fil-każ ta’ korpi ta’ arbitraġġ maħtura permezz ta’ kuntratt, peress li ma hemm l-ebda obbligu, la fid-dritt u lanqas fil-fatt, għall-partijiet kontraenti sabiex dawn jirreferu t-tilwim tagħhom għall-arbitraġġ, filwaqt li l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat la huma involuti fl-għażla tar-rimedju tal-arbitraġġ u lanqas ma huma mitluba jintervjenu ex officio fl-iżvolġiment tal-proċedura quddiem l-arbitru. Għall-kuntrarju, hija biss dispożizzjoni leġiżlattiva li tipprevedi l-possibbiltà li tilwima tiġi sottomessa unilateralment għall-ġurisdizzjoni ta’ tribunal ta’ arbitraġġ li tista’ tagħti n-natura ta’ qorti tal-Istat lill-bord ta’ arbitraġġ. F’dan il-każ, minn naħa, il-Liġi 4001/2011 ma tinkludi ebda dispożizzjoni f’dan is-sens u, min-naħa l-oħra, ir-rikors għall-arbitraġġ kien ibbażat esklużivament fuq il-ftehim tal-partijiet, li mingħajru DEI jew Mytilinaios setgħu jirrikorru għall-qrati ordinarji sabiex isolvu t-tilwima tagħhom. |
76 |
Insostenn tal-aggravju uniku tagħha, il-Kummissjoni ssostni, min-naħa tagħha, li, qabel kollox, il-kriterji msemmija fil-punti 153, 155 u 156 tas-sentenza appellata, jiġifieri l-eżerċizzju mit-tribunali ta’ arbitraġġ stabbiliti skont il-Liġi 4001/2011 tal-funzjonijiet ġudizzjarji identiċi għal dawk tal-qrati ordinarji, l-applikazzjoni minn dawn it-tribunali tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Elleniku kif ukoll in-natura legalment vinkolanti tas-sentenzi tagħhom, li huma ekwivalenti għal titoli eżekuttivi u li għandhom l-awtorità ta’ res judicata, japplikaw għal kull arbitraġġ li jseħħ fil-Greċja u suġġett għad-dritt Grieg. |
77 |
Sussegwentement, il-kriterju msemmi fil-punt 157 ta’ din is-sentenza, jiġifieri l-possibbiltà li tiġi kkontestata deċiżjoni ta’ tribunal ta’ arbitraġġ stabbilit skont l-Artikolu 37 tal-Liġi 4001/2011 quddiem qorti ordinarja, lanqas ma juri xi karatteristika partikolari ta’ dawn it-tribunali ta’ arbitraġġ meta mqabbla ma’ kull arbitraġġ ieħor li jseħħ fil-Greċja. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm id-deċiżjoni ta’ tali tribunal ta’ arbitraġġ tista’ tiġi kkontestata, għal raġunijiet speċifiċi, quddiem qorti ordinarja permezz ta’ talba għall-annullament jew għar-rikonoxximent tal-ineżistenza tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, l-istess japplika għal kull deċiżjoni ta’ arbitraġġ oħra mogħtija fil-Greċja. Għalhekk, mhux biss dan l-element ma jurix partikolarità tat-tribunali ta’ arbitraġġ stabbiliti skont l-Artikolu 37 tal-Liġi 4001/2011, iżda, għall-kuntrarju, il-possibbiltà limitata li jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ ta’ dawn il-qrati tindika d-distinzjoni bejn dawn id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ u d-deċiżjonijiet tal-qrati ordinarji, li ġeneralment jistgħu jiġu appellati għall-finijiet tal-kontestazzjoni tal-evalwazzjonijiet fattwali jew legali tal-qorti tal-ewwel istanza. |
78 |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-element imsemmi fil-punt 154 ta’ din is-sentenza, jiġifieri l-obbligu tal-partijiet li jaċċettaw li jissottomettu ruħhom għall-arbitraġġ skont l-Artikolu 37 tal-Liġi 4001/2011 li jagħżlu l-arbitri abbażi ta’ lista stabbilita permezz ta’ deċiżjoni tal-President tar-RAE, jiddistingwi effettivament dan l-arbitraġġ minn kull arbitraġġ ieħor, peress li ma jeżisti ebda obbligu ġenerali impost fuq il-partijiet li jirrikorru għall-arbitraġġ fil-Greċja li jaħtru arbitri abbażi ta’ lista speċifika. Madankollu, tali element jikkostitwixxi biss dettall proċedurali u ma għandu ebda partikolarità li tiġġustifika l-assimilazzjoni tat-tribunali ta’ arbitraġġ previsti minn dan l-Artikolu 37 ma’ qorti Ellenika ordinarja. |
79 |
Il-Kummissjoni żżid li l-assimilazzjoni tat-tribunal ta’ arbitraġġ inkwistjoni ma’ qorti Ellenika ordinarja tmur kontra l-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 267 TFUE. |
80 |
Fil-fatt, din il-ġurisprudenza tiddistingwi bejn żewġ kategoriji ta’ tribunali ta’ arbitraġġ. |
81 |
L-ewwel waħda minn dawn il-kategoriji tinkludi t-tribunali ta’ arbitraġġ konvenzjonali li l-ġurisdizzjoni tagħhom hija bbażata fuq ftehim bejn il-partijiet, li ma jitqisux li huma qrati ta’ Stat Membru. Dawn it-tribunali ta’ arbitraġġ huma n-norma, peress li r-rikors għall-arbitraġġ ġeneralment jirrikjedi l-ftehim tal-partijiet. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tirrikonoxxi bħala qrati ta’ Stat Membru l-korpi inkarigati mill-arbitraġġ kummerċjali, tipi oħra ta’ arbitraġġ ibbażati fuq il-kunsens tal-partijiet jew ta’ arbitraġġ ibbażati fuq trattat bilaterali ta’ investiment. |
82 |
It-tieni waħda mill-imsemmija kategoriji tinkludi t-tribunali ta’ arbitraġġ li l-ġurisdizzjoni tagħhom hija obbligatorja skont il-liġi u indipendentement mir-rieda tal-partijiet, li jistgħu jitqiesu li huma qrati ta’ Stat Membru jekk il-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti mill-Artikolu 267 TFUE jkunu ssodisfatti. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, f’każijiet eċċezzjonali, li tribunal ta’ arbitraġġ li għandu oriġini legali, li d-deċiżjonijiet tiegħu huma vinkolanti għall-partijiet u li l-ġurisdizzjoni tiegħu ma tiddependix fuq il-kunsens tagħhom, jista’ jitqies li huwa qorti ta’ Stat Membru. |
83 |
Issa, skont il-Kummissjoni, it-tribunali ta’ arbitraġġ msemmija fl-Artikolu 37 tal-Liġi 4001/2011 jaqgħu taħt l-ewwel kategorija ta’ qrati, peress li, sabiex ikunu jistgħu jressqu kawża quddiemhom, il-partijiet għandhom jagħtu l-kunsens tagħhom bil-miktub, kif barra minn hekk ippreċiżat il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, fil-punti 9, 90 u 232 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, l-awtoritajiet pubbliċi Elleniċi la intervjenew fl-għażla tal-metodu ta’ arbitraġġ minn DEI u Mytilinaios u lanqas ex officio fl-iżvolġiment tal-arbitraġġ. Minn dan isegwi li l-imsemmija tribunali ta’ arbitraġġ ma għandhomx ġurisdizzjoni obbligatorja, jiġifieri indipendenti mir-rieda tal-partijiet. |
84 |
Billi bbażat ruħha fuq l-assimilazzjoni żbaljata tat-tribunal ta’ arbitraġġ inkwistjoni mal-qrati Elleniċi ordinarji, il-Qorti Ġenerali qieset ukoll b’mod żbaljat li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, bħala deċiżjoni ġudizzjarja, kienet tikkostitwixxi miżura statali u li l-Kummissjoni kellha għalhekk tevalwa jekk din id-deċiżjoni kinitx tagħti vantaġġ lil Mytilinaios billi teżamina l-ammont tat-tariffa inkwistjoni fir-rigward tal-prezz tas-suq. Fir-realtà, il-Qorti Ġenerali kellha tqis ir-rikors lit-tribunal ta’ arbitraġġ bħala mod privat ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim u tikkonkludi peress li l-kriterju tal-investitur privat kien applikabbli għad-deċiżjoni ta’ DEI li tagħti l-kunsens tagħha sabiex issolvi t-tilwima tagħha ma’ Mytilinaios permezz ta’ arbitraġġ, peress li din id-deċiżjoni ta’ DEI bħala impriża pubblika kienet l-unika miżura statali f’dan il-każ. |
85 |
DEI tirribatti li t-tieni parti tat-tieni aggravju hija bbażata fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. |
86 |
Fil-fatt, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ma “assimilatx” lit-tribunal ta’ arbitraġġ inkwistjoni u d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, rispettivament, ma’ qorti ordinarja u ma’ deċiżjoni ġudizzjarja ordinarja. Fir-realtà, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 150 tas-sentenza appellata, iddistingwiet espressament id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ mid-deċiżjonijiet tal-qrati Elleniċi ordinarji u sempliċement, fil-punt 159 ta’ din is-sentenza, kklassifikat lit-tribunal ta’ arbitraġġ bħala “organu li jeżerċita poter li jaqa’ taħt il-prerogattivi tal-poter pubbliku”. Barra minn hekk, prerogattivi ta’ awtorità pubblika jistgħu jiġu eżerċitati minn diversi korpi oħra tal-Istat, mingħajr ma dawn ikunu “assimilati”, għal din ir-raġuni, mat-tribunali ta’ arbitraġġ jew ordinarji. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 149 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat sa fejn it-tribunal ta’ arbitraġġ “għandux jiġi kklassifikat bħala korp li jixbah lil qorti Ellenika ordinarja”, filwaqt li fil-punt 231 tas-sentenza appellata, hija indikat li d-“deċiżjoni ta’ arbitraġġ hija paragunabbli ma’ sentenzi ta’ qorti ordinarja Ellenika”. |
87 |
Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali effettivament assimilat lit-tribunal ta’ arbitraġġ inkwistjoni ma’ qorti Ellenika ordinarja, hija sempliċement stabbilixxiet paralleliżmu bejn it-tribunali ordinarji u t-tribunali ta’ arbitraġġ f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni speċifika u preċiża tal-istħarriġ tas-sentenzi tat-tribunali ta’ arbitraġġ fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u l-kwistjoni dwar jekk għajnuna mill-Istat tistax tingħata permezz ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ. |
88 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-karatteristiċi tat-tribunal ta’ arbitraġġ inkwistjoni eżaminati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 153 sa 157 tas-sentenza appellata, DEI tippreċiża li Mytilinaios tikkontesta biss dawk imsemmija fil-punti 153 u 157 ta’ din is-sentenza kif ukoll il-fatt li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni n-natura mhux obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tat-tribunal ta’ arbitraġġ. |
89 |
F’dan ir-rigward, DEI tosserva, qabel kollox, li Mytilinaios tikkontesta li t-tribunal ta’ arbitraġġ kien ġie stabbilit skont l-Artikolu 37 tal-Liġi 4001/2011. Issa, fir-realtà, fil-punt 153 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-karatteristika li permezz tagħha t-tribunal ta’ arbitraġġ jixbah lil qorti ordinarja huwa l-fatt li jeżerċita “funzjoni ġudizzjarja identika għal dik tal-qrati ordinarji” u li l-“ftuħ tal-istanza arbitrali ċċaħħadhom mill-ġurisdizzjoni tagħhom”. Ir-riferiment, f’dan il-punt 153, f’proposta subordinata, għat-“tribunali ta’ arbitraġġ stabbiliti skont l-Artikolu 37 tal-[Liġi 4001/2011]” għandu l-uniku għan li jillimita l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali għat-tribunal ta’ arbitraġġ inkwistjoni f’dan il-każ. |
90 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-karatteristika tat-tribunal ta’ arbitraġġ marbut mal-istħarriġ ġudizzjarju limitat tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ, eżaminat fil-punt 157 tas-sentenza appellata, DEI tqis li l-argument ta’ Mytilinaios huwa inammissibbli, sa fejn din ma tispjegax għal liema raġuni l-“istħarriġ ġudizzjarju limitat” jiddistingwi l-istħarriġ eżerċitat fuq id-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ abbażi tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat mill-istħarriġ eżerċitat fuq id-deċiżjonijiet tal-qrati ordinarji. |
91 |
Fi kwalunkwe każ, dan l-argument ma huwiex fondat. L-ewwel nett, il-fatt li l-istħarriġ eżerċitat mill-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni) fuq id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ huwa iktar limitat mill-istħarriġ “abitwali” eżerċitat f’appell ma huwiex rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk għajnuna mill-Istat tistax tingħata permezz ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2019, Mytilinaios Anonymos Etairia – Omilos Epicheiriseon (C‑332/18 P, EU:C:2019:1065, punt 68), iddeċidiet li għajnuna mill-Istat setgħet tingħata permezz ta’ digriet għal miżuri provviżorji mogħti minn qorti Ellenika ordinarja, minkejja n-natura limitata tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji. It-tieni nett, DEI tosserva li l-kuntrarjetà ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ mal-ordni pubbliku hija waħda mir-raġunijiet, limitati, li għalihom l-annullament ta’ tali sentenza jista’ jintalab. Peress li l-projbizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat taqa’ preċiżament taħt l-ordni pubbliku, l-argument ta’ Mytilinaios huwa ineffettiv. It-tielet nett, il-fatt li d-dritt Grieg jipprevedi stħarriġ ġudizzjarju tas-sentenzi ta’ arbitraġġ minn qorti ordinarja, wara rikors ippreżentat minn parti li tilfet quddiem tribunal ta’ arbitraġġ, juri li dawn is-sentenzi ma jistgħux jiġu eżegwiti mingħajr ma jiġu “vvalidati” minn qorti ordinarja statali. Għalhekk, deċiżjoni ta’ arbitraġġ tiġi eżegwita mhux sempliċement bħala tali, iżda pjuttost bħala deċiżjoni vvalidata minn qorti ordinarja. Barra minn hekk, il-kundizzjoni ta’ imputabbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna hija ssodisfatta fil-każ ta’ “involviment” ta’ “awtoritajiet pubbliċi” fl-adozzjoni ta’ din il-miżura. Issa, l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni), li, f’dan il-każ, iddeċidiet u ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, tikkostitwixxi bla dubju tali awtorità pubblika. |
92 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterju relatat mal-ġurisdizzjoni obbligatorja tat-tribunal ta’ arbitraġġ, DEI ssostni li Mytilinaios ma tispjegax ir-raġunijiet li għalihom dan il-kriterju, leġittimu għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE, għandu wkoll jiġi ssodisfatt sabiex sentenzi ta’ arbitraġġ jiġu ttrattati b’mod analogu għad-deċiżjonijiet ta’ qrati ordinarji għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. |
93 |
Fi kwalunkwe każ, dan l-argument ma huwiex fondat. |
94 |
Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 267 TFUE jirreferi għal “qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru”, filwaqt li l-Artikolu 107(1) TFUE jsemmi l-għajnuna li tingħata “minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat”. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li firxa wiesgħa ta’ entitajiet li jeżerċitaw prerogattivi ta’ awtorità pubblika jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “Stat”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, mingħajr madankollu ma jistgħu jressqu domanda preliminari. F’dan il-każ, il-kwistjoni li tqum ma hijiex dwar jekk it-tribunal ta’ arbitraġġ inkwistjoni kienx qiegħed jaġixxi bħala “qorti ta’ Stat Membru”, iżda jekk setax jitqies li huwa “organu li jeżerċita poter li jaqa’ taħt il-prerogattivi tal-poter pubbliku”. Sabiex twettaq dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet paralleliżmu mal-każ tal-għoti ta’ għajnuna mill-Istat permezz ta’ deċiżjoni ta’ qorti ordinarja. Barra minn hekk, il-karatteristika tal-korpi li jeżerċitaw “setgħa li taqa’ taħt il-prerogattivi tal-awtorità pubblika” hija li r-rieda tagħhom hija imposta unilateralment, bħar-rieda espressa fid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, ivvalidata mill-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni). |
95 |
Min-naħa l-oħra, is-sentenzi tat-tribunali ta’ arbitraġġ, kemm jekk ikunu nħolqu skont leġiżlazzjoni nazzjonali jew bis-saħħa ta’ trattat bilaterali ta’ investiment, jikkostitwixxu miżuri li permezz tagħhom tista’ tingħata għajnuna mill-Istat. DEI tirrileva, f’dan ir-rigward, li fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs European Food et (C‑638/19 P, EU:C:2022:50), dwar sentenza ta’ tribunal ta’ arbitraġġ imputabbli lill-Istat, bħal f’din il-kawża, il-ġurisdizzjoni tat-tribunal ta’ arbitraġġ ma kinitx obbligatorja. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
96 |
Għandu jitfakkar li, fil-punt 151 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, minn naħa, li “permezz tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, it-Tribunal ta’ Arbitraġġ ħa deċiżjoni legalment vinkolanti dwar l-iffissar tat-tariffa inkwistjoni li setgħet tagħti vantaġġ lill-[Mytilinaios] fil-każ li ma kinitx tikkorrispondi għall-kundizzjonijiet normali tas-suq u, għaldaqstant, li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat mhux innotifikata mir-Repubblika Ellenika skont l-Artikolu 108(3) TFUE” u, min-naħa l-oħra, li t-“Tribunal ta’ Arbitraġġ, kif stabbilit fir-RAE skont l-Artikolu 37 tal-[Liġi 4001/2011], il-proċedura ta’ arbitraġġ li tiżvolġi quddiemu, kif ukoll id-deċiżjonijiet tiegħu għandhom karatteristiċi analogi għal dawk tal-qrati Elleniċi ordinarji, tal-kawżi li jiżvolġu quddiemhom, u tad-deċiżjonijiet tagħhom”. |
97 |
Sabiex issostni din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 153 sa 157 ta’ din is-sentenza, analizzat ħames kriterji sabiex tikkonkludi, fil-punt 158 tal-imsemmija sentenza, li “t-tribunali arbitrali stabbiliti u li joperaw skont l-Artikolu 37 tal-[Liġi 4001/2011] kienu jagħmlu parti integrali mis-sistema ġudizzjarja statali Griega”, u, fil-punt 159 tal-istess sentenza, li t-tribunal ta’ arbitraġġ inkwistjoni “għandu jiġi kklassifikat, l-istess bħal qorti Ellenika ordinarja, bħala organu li jeżerċita poter li jaqa’ taħt il-prerogattivi tal-poter pubbliku”. |
98 |
Huwa għalhekk fid-dawl tal-evalwazzjoni li tinsab fil-punti 151 sa 159 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali setgħet tqis, fil-punt 160 ta’ din is-sentenza, li t-tariffa inkwistjoni, kif stabbilita mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, kienet tikkostitwixxi miżura statali mhux ikkomunikata. |
99 |
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-tribunal ta’ arbitraġġ tar-RAE kellu jiġi kklassifikat bħala korp li jeżerċita setgħa li taqa’ taħt il-prerogattivi tal-awtorità pubblika u li, għaldaqstant, dawn id-deċiżjonijiet tagħha setgħu jiġu imputati lir-Repubblika Ellenika, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, għas-sempliċi raġuni li dan it-tribunal kien jagħmel parti integrali mis-sistema ġudizzjarja statali Griega sa fejn seta’ jiġi assimilat ma’ qorti Ellenika ordinarja. Tali raġunament huwa vvizzjat bi żbalji ta’ liġi. |
100 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kriterji adottati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 153 sa 157 tas-sentenza appellata sabiex it-tribunal ta’ arbitraġġ inkwistjoni jiġi assimilat ma’ qorti statali ordinarja, dawn huma, l-ewwel nett, li t-tribunali ta’ arbitraġġ stabbiliti skont l-Artikolu 37 tal-Liġi 4001/2011 ikunu jeżerċitaw funzjoni ġudizzjarja identika għal dik tal-qrati ordinarji, jew saħansitra jissostitwixxu lil dawn tal-aħħar sa fejn il-ftuħ tal-istanza ta’ arbitraġġ ċċaħħadhom mill-ġurisdizzjoni tagħhom, it-tieni nett, li l-arbitri, magħżula minn lista stabbilita permezz ta’ deċiżjoni tal-President tar-RAE, iridu jiġġustifikaw l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom qabel il-ħatra tagħhom, it-tielet nett, li l-proċeduri quddiem it-tribunali ta’ arbitraġġ ikunu rregolati, b’mod partikolari, mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Elleniku u, b’mod komplementari, mir-Regoli ta’ Arbitraġġ tar-RAE, ir-raba’ nett, li d-deċiżjonijiet tat-tribunali ta’ arbitraġġ ikunu legalment vinkolanti, ikollhom l-awtorità ta’ res judicata u jkunu ekwivalenti għal titoli eżekuttivi skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta dan il-kodiċi u, il-ħames nett, li d-deċiżjonijiet tat-tribunali ta’ arbitraġġ ikunu suġġetti għal rikors quddiem qorti ordinarja. |
101 |
Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 95 tal-konklużjonijiet tiegħu, ebda wieħed minn dawn il-kriterji ma jippermetti li ssir distinzjoni bejn it-tribunali ta’ arbitraġġ previsti fl-Artikolu 37 tal-Liġi 4001/2011 u kwalunkwe tribunal ta’ arbitraġġ konvenzjonali ieħor. |
102 |
Fil-fatt, l-ewwel nett, kull tribunal ta’ arbitraġġ konvenzjonali jissostitwixxi l-qrati ordinarji, it-tieni nett, il-proċedura quddiem tali tribunal hija normalment irregolata mil-liġi, li, it-tielet nett, tista’ tagħti lid-deċiżjonijiet tagħhom natura vinkolanti, l-awtorità ta’ res judicata u l-valur ta’ titoli eżekuttivi u, ir-raba’ nett, dawn id-deċiżjonijiet jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, ikunu jistgħu jiġu kkontestati quddiem qorti ordinarja. |
103 |
F’dan il-kuntest, huwa minnu, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, li l-fatt li, f’dan il-każ, l-arbitri jintgħażlu minn lista stabbilita permezz ta’ deċiżjoni tal-President tar-RAE u għandhom jiġġustifikaw l-indipendenza tagħhom u l-imparzjalità tagħhom qabel il-ħatra tagħhom jikkaratterizza lit-tribunal ta’ arbitraġġ tar-RAE b’differenza mit-tribunali ta’ arbitraġġ konvenzjonali oħra li l-arbitri tagħhom ma jintgħażlux neċessarjament minn lista bħal dik stabbilita minn dan il-President. Madankollu, dan il-fatt ma jistax, waħdu, jippermetti li jitqies li dan it-tribunal ta’ arbitraġġ huwa distint minn kwalunkwe tribunal ta’ arbitraġġ konvenzjonali ieħor, peress li jikkostitwixxi biss element purament proċedurali li ma jaffettwax il-funzjoni jew in-natura tal-imsemmi tribunal. |
104 |
Fit-tieni lok, kif isostnu Mytilinaios u l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tivverifika jekk it-tribunal ta’ arbitraġġ tar-RAE kellux, bħalma huwa fil-prinċipju l-każ tal-qrati li jagħmlu parti minn sistema ġudizzjarja statali, ġurisdizzjoni obbligatorja li għalhekk ma kinitx tiddependi biss mir-rieda tal-partijiet. |
105 |
Tali element seta’ effettivament iwassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tqis li t-tribunal ta’ arbitraġġ tar-RAE kien differenti minn tribunal ta’ arbitraġġ konvenzjonali li l-ġurisdizzjoni tiegħu hija bbażata fuq ftehim ta’ arbitraġġ, jiġifieri ftehim speċifiku li jirrifletti l-awtonomija tar-rieda tal-partijiet inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Ascendi Beiras Litoral e Alta, Auto Estradas das Beiras Litoral e Alta, C‑377/13, EU:C:2014:1754, punt 27, kif ukoll tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs European Food et, C‑638/19 P, EU:C:2022:50, punt 144 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
106 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u indipendentement minn kull kunsiderazzjoni oħra, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li t-tribunal ta’ arbitraġġ tar-RAE seta’ jiġi assimilat ma’ qorti ordinarja u li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ kienet miżura statali li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. |
107 |
Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti mqajma minn DEI. |
108 |
Qabel kollox, din il-kawża għandha tiġi distinta minn dik li tat lok għas-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs European Food et (C‑638/19 P, EU:C:2022:50). |
109 |
Fil-fatt, minn naħa, it-tribunal ta’ arbitraġġ li ta d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza ma kienx tribunal ta’ arbitraġġ konvenzjonali, iżda kien ġie stabbilit abbażi ta’ trattat bilaterali ta’ investiment. Issa, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita mfakkra, essenzjalment, fil-punti 143 u 144 tal-imsemmija sentenza, il-kunsens ta’ Stat Membru għall-possibbiltà li tilwima titressaq kontrih fil-kuntest tal-proċedura ta’ arbitraġġ prevista minn trattat bilaterali ta’ investiment, b’differenza minn dak li kien jingħata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ arbitraġġ konvenzjonali, ma joriġinax minn ftehim speċifiku li jirrifletti l-awtonomija tar-rieda tal-partijiet inkwistjoni, iżda jirriżulta minn trattat konkluż bejn żewġ Stati Membri, li fil-kuntest tiegħu dawn, b’mod ġenerali u minn qabel, qablu li jneħħu mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tagħhom stess tilwim li jista’ jirrigwarda l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni favur il-proċedura ta’ arbitraġġ. |
110 |
Min-naħa l-oħra, fis-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs European Food et (C‑638/19 P, EU:C:2022:50), il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement ivverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx, f’dan il-każ, kompetenti ratione temporis sabiex teżerċita il-kompetenzi tagħha skont l-Artikolu 108 TFUE. Għalhekk, hija qieset fil-punt 123 ta’ din is-sentenza li l-element determinanti sabiex tiġi stabbilita d-data li fiha d-dritt li tirċievi għajnuna mill-Istat ingħata lill-benefiċjarji tiegħu permezz ta’ miżura ddeterminata huwa marbut mal-kisba minn dawn il-benefiċjarji ta’ dritt ċert li jirċievu din l-għajnuna u l-impenn korrelattiv, min-naħa tal-Istat Membru, li jagħti l-imsemmija għajnuna. Għalkemm, fil-punt 124 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment ikkonstatat li tali dritt kien ingħata biss mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ inkwistjoni, hija bl-ebda mod ma ddeduċiet li din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, bħala tali, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja, kif jirriżulta mill-punti 80 u 131 tagħha, ippreċiżat li hija ma kellhiex ġurisdizzjoni, fil-kuntest tal-kawża li tat lok għall-istess sentenza, sabiex tiddeċiedi fuq il-punt dwar jekk il-miżura inkwistjoni f’din il-kawża, jiġifieri d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, kinitx tikkostitwixxi, fuq il-livell materjali, “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
111 |
Sussegwentement, il-fatt li, f’dan il-każ, rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ġie miċħud minn qorti Griega bħall-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni) ma jistax jimplika li din id-deċiżjoni tista’ tiġi imputata, għal din ir-raġuni biss, lill-Istat Grieg. Fil-fatt, l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat minn din il-qorti jirrigwarda biss il-legalità tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, li tibqa’ att imputabbli biss lill-kulleġġ ta’ arbitraġġ li adottaha. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-istabbiliment bħala tali ta’ għajnuna mill-Istat ma jistax jirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja, peress li tali stabbiliment jaqa’ taħt evalwazzjoni ta’ opportunità li ma taqax taħt il-kompetenza tal-qorti (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES,C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 76). Għaldaqstant, tali deċiżjoni ġudizzjarja ma tistax, fi kwalunkwe każ, tkun suffiċjenti sabiex id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, kif ikkonfermata minn din id-deċiżjoni, tiġi kklassifikata bħala miżura li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. |
112 |
Fl-aħħar nett, l-allegazzjoni ta’ DEI li l-Qorti Ġenerali fir-realtà ma assimilatx lit-tribunal ta’ arbitraġġ tar-RAE ma’ qorti hija manifestament kontradetta mill-punt 160 tas-sentenza appellata li fih ġie ddikjarat b’mod ċar li “t-tribunal ta’ arbitraġġ għandu jiġi assimilat għal qorti statali ordinarja”. |
113 |
Minn dan isegwi, f’dan il-każ, li, fid-dawl b’mod partikolari tal-partikolaritajiet tat-tilwima bejn DEI u Mytilinaios u tal-ispeċifiċitajiet tal-funzjoni fdata b’mod volontarju minn dawn il-partijiet lit-tribunal ta’ arbitraġġ tar-RAE, il-Kummissjoni ġustament qieset, minn naħa, li l-unika miżura statali li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kienet id-deċiżjoni ta’ DEI li tikkonkludi l-ftehim ta’ arbitraġġ ma’ Mytilinaios, peress li DEI hija kkontrollata mill-Istat Grieg, u, min-naħa l-oħra, li, sabiex isir magħruf jekk din id-deċiżjoni kinitx tat vantaġġ lil Mytilinaios, kien hemm lok li jiġi vverifikat jekk operatur privat kienx, f’kundizzjonijiet normali tas-suq, jieħu l-imsemmija deċiżjoni taħt l-istess kundizzjonijiet. |
114 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li seta’ jkun mod ieħor kieku l-proċedura ta’ arbitraġġ fl-iżvolġiment kollu tagħha, mill-konklużjoni tal-ftehim ta’ arbitraġġ sad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, kienet ir-riżultat ta’ skema imposta mill-Istat Grieg fuq l-impriżi kkonċernati sabiex jużaw din il-proċedura sabiex jevitaw ir-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, operatur privat ma kienx jagħti l-kunsens tiegħu, f’kundizzjonijiet normali tas-suq, sabiex jiġi inkluż f’tali skema. Madankollu, DEI ma sostnietx li l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ arbitraġġ ma’ Mytilinaios kienet ġiet imposta fuqha, kontra r-rieda tagħha, mill-Istat Grieg sabiex jagħti lil din tal-aħħar għajnuna mill-Istat. |
115 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tat-tieni aggravju ta’ Mytilinaios u l-aggravju uniku tal-Kummissjoni huma fondati u għandhom jintlaqgħu. |
116 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tiġi annullata s-sentenza appellata, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati la l-ewwel parti tat-tieni aggravju u lanqas it-tielet aggravju ta’ Mytilinaios. |
Fuq ir‑rikorsi quddiem il‑Qorti Ġenerali
117 |
Konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija stess taqta’ definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. |
118 |
Dan huwa l-każ, f’dan il-każ, tat-tielet u tar-raba’ motiv, kif ukoll tal-ewwel u tat-tieni parti tal-ħames motiv fil-Kawża T‑740/17, li permezz tagħhom, essenzjalment, DEI lmentat li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107 TFUE peress li hija ma eżaminatx, fit-tieni deċiżjoni kontenzjuża, it-tariffa inkwistjoni, kif tirriżulta mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, qabel ma eskludiet l-eżistenza ta’ vantaġġ u llimitat ruħha li tivverifika jekk, f’kundizzjonijiet normali tas-suq, operatur privat kienx, fl-istess ċirkustanzi, jikkonkludi l-ftehim ta’ arbitraġġ taħt l-istess kundizzjonijiet. |
119 |
Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fil-punti 9, 90 u 232 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li DEI u Mytilinaios kienu adixxew b’mod volontarju lit-tribunal ta’ arbitraġġ tar-RAE, peress li tali konstatazzjoni ma ġietx ikkontestata fil-kuntest ta’ dan l-appell. Għaldaqstant, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 96 sa 105 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni ma kinitx, fi kwalunkwe każ, obbligata, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, tanalizza l-kontenut tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ sabiex tivverifika jekk id-deċiżjoni ta’ DEI li tikkonkludi l-ftehim ta’ arbitraġġ kinitx tat vantaġġ lil Mytilinaios fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. |
120 |
Għaldaqstant, it-tielet u r-raba’ motiv, kif ukoll l-ewwel u t-tieni parti tal-ħames motiv fil-Kawża T‑740/17, għandhom jiġu miċħuda. |
121 |
Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-partijiet l-oħra ta’ dan il-ħames motiv u lanqas il-motivi l-oħra tar-rikors fil-Kawża T‑740/17, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2017, DEI vs Il‑Kummissjoni (C‑228/16 P, EU:C:2017:409), it-tieni wieħed, fuq ksur, mill-Kummissjoni, tal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589 u, b’mod partikolari, tad-dritt għal smigħ ta’ DEI kif iggarantit mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, is-sitt wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) u tal-Artikolu 108(2) TFUE mwettaq mill-Kummissjoni minħabba żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-fatti relatati mal-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat avżat f’ekonomija tas-suq u mal-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, u s-seba’ wieħed, fuq żball manifest fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti peress li l-Kummissjoni ma laqgħetx l-ewwel ilment li DEI kienet ippreżentat fl‑2012 skont l-Artikolu 108(2) TFUE, minħabba li dan kien sar mingħajr skop wara d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ. |
122 |
Peress li l-eżami ta’ dawn il-partijiet u motivi jinvolvi li jsiru evalwazzjonijiet fattwali kumplessi, li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-punti ta’ fatt kollha neċessarji, il-kawża, fir-rigward tal-imsemmija partijiet u motivi, ma hijiex fi stat li tiġi deċiża u għalhekk il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidihom. |
123 |
[Kif rettifikat permezz ta’ digriet tas‑7 ta’ Ġunju 2024] Fl-aħħar nett, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tislet il-konsegwenzi tal-annullament tas-sentenza appellata fuq ir-rikorsi li huma s-suġġett tal-Kawżi T‑639/14 RENV u T‑352/15, inkluż fuq it-talbiet tal-Kummissjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fir-rigward ta’ dawn il-kawżi. |
Fuq l‑ispejjeż
124 |
Peress li l-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell għandhom jiġu rriżervati. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.