SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
21 ta’ Diċembru 2023 ( *1 )
Werrej
|
I. Il‑kuntest ġuridiku |
|
|
A. L‑Istatuti tal‑UEFA |
|
|
B. Ir‑regoli tal‑UEFA u tal‑URBSFA dwar il‑“plejers imrawma lokalment” |
|
|
1. Ir-regoli tal-UEFA |
|
|
2. Ir‑regoli tal‑URBSFA |
|
|
II. Il‑fatti fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari |
|
|
III. Fuq l‑ammissibbiltà |
|
|
A. Fuq il‑kundizzjonijiet proċedurali għall‑adozzjoni tad‑deċiżjoni tar‑rinviju |
|
|
B. Fuq il‑kontenut tad‑deċiżjoni tar‑rinviju |
|
|
C. Fuq il‑fatti tal‑kawża u r‑rilevanza tad‑domandi magħmula lill‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
D. Fuq id‑dimensjoni transkonfinali tal‑kawża prinċipali |
|
|
IV. Fuq id‑domandi preliminari |
|
|
A. Osservazzjonijiet preliminari |
|
|
1. Fuq is‑suġġett tal‑kawża prinċipali |
|
|
2. Fuq l‑applikabbiltà tad‑dritt tal‑Unjoni għall‑isport u għall‑attività tal‑assoċjazzjonijiet sportivi |
|
|
3. Fuq l‑Artikolu 165 TFUE |
|
|
B. Fuq id‑domandi preliminari sa fejn jikkonċernaw l‑Artikolu 101 TFUE |
|
|
1. Fuq l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 101(1) TFUE |
|
|
a) Fuq l‑eżistenza ta’ “deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi” |
|
|
b) Fuq l‑effett fuq il‑kummerċ bejn Stati Membri |
|
|
c) Fuq il‑kunċett ta’ aġir li għandu bħala “għan” jew bħala “riżultat” li jippreġudika l‑kompetizzjoni u fuq il‑karatterizzazzjoni tal‑eżistenza ta’ tali aġir |
|
|
1) Fuq il‑karatterizzazzjoni tal‑eżistenza ta’ aġir li għandu bħala “għan” il‑prevenzjoni, ir‑restrizzjoni jew id‑distorsjoni tal‑kompetizzjoni |
|
|
2) Fuq il‑karatterizzazzjoni tal‑eżistenza ta’ aġir li għandu bħala “riżultat” il‑prevenzjoni, ir‑restrizzjoni jew id‑distorsjoni tal‑kompetizzjoni |
|
|
3) Fuq il‑kategorizzazzjoni, bħala deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li għandhom bħala “għan” jew bħala “riżultat” ir‑restrizzjoni tal‑kompetizzjoni, tar‑regoli li jobbligaw lill‑klabbs ikollhom kwota minima ta’ plejers “imrawma lokalment” fit‑timijiet tagħhom |
|
|
d) Fuq il‑possibbiltà li ċertu aġir speċifiku jitqies li ma jaqax taħt l‑Artikolu 101(1) TFUE |
|
|
2. Fuq l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 101(3) TFUE |
|
|
C. Fuq id‑domandi preliminari sa fejn jikkonċernaw l‑Artikolu 45 TFUE |
|
|
1. Fuq l‑eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta jew ta’ ostakolu għall‑moviment liberu tal‑ħaddiema |
|
|
2. Fuq l‑eżistenza ta’ ġustifikazzjoni possibbli |
|
|
V. Fuq l‑ispejjeż |
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Suq intern – Regoli stabbiliti minn assoċjazzjonijiet sportivi internazzjonali u nazzjonali – Futbol professjonali – Entitajiet irregolati mid-dritt privat b’setgħat regolatorji, ta’ kontroll u ta’ sanzjoni – Regoli li jobbligaw lill-klabbs tal-futbol professjonali jirrikorru għal numru minimu ta’ plejers ‘imrawma lokalment’ – Artikolu 101(1) TFUE – Deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li tippreġudika l-kompetizzjoni – Kunċetti ta’ ‘għan’ u ta’ ‘effett’ antikompetittiv – Eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) TFUE – Kundizzjonijiet – Artikolu 45 TFUE – Diskriminazzjoni indiretta minħabba n-nazzjonalità – Ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema – Ġustifikazzjoni – Kundizzjonijiet – Oneru tal-prova”
Fil-Kawża C‑680/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal de première instance francophone de Brussell (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Ottubru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Novembru 2021, fil-proċedura
UL,
SA Royal Antwerp Football Club
vs
Union royale belge des sociétés de football association ASBL (URBSFA),
fil-preżenza ta’:
Union des associations européennes de football (UEFA),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, K. Jürimäe, C. Lycourgos u O. Spineanu‑Matei, Presidenti ta’ Awla, M. Safjan, L. S. Rossi, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen, N. Wahl, J. Passer (Relatur), M. L. Arastey Sahún u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Novembru 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal UL, minn J.‑L. Dupont, S. Engelen, M. Hissel u F. Stockart, avocats, |
|
– |
għas‑SA Royal Antwerp Football Club, minn J.‑L. Dupont, M. Hissel u F. Stockart, avocats, |
|
– |
għall‑Union royale belge des sociétés de football association ASBL (URBSFA), minn N. Cariat, E. Matthys u A. Stévenart, avocats, |
|
– |
għall‑Union des associations européennes de football (UEFA), minn B. Keane, D. Slater u D. Waelbroeck, avocats, |
|
– |
għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin, J.‑C. Halleux, C. Pochet u L. Van den Broeck, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Elleniku, minn K. Boskovits, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, A. Kramarczyk–Szaładzińska u M. Wiącek, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, R. Capaz Coelho u C. Chambel Alves, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Rumen, minn L.‑E. Baţagoi, E. Gane, L. Liţu u A. Rotăreanu, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Svediż, minn H. Eklinder, J. Lundberg, C. Meyer‑Seitz, A. Runeskjöld, M. Salborn Hodgson, R. Shahsavan Eriksson, H. Shev u O. Simonsson, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Baches Opi, B.‑R. Killmann, D. Martin u G. Meessen, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Marzu 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 u 101 TFUE. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, UL u s-SA Royal Antwerp Football Club (iktar ’il quddiem ir-“Royal Antwerp”), u, min-naħa l-oħra, l-Union royale belge des sociétés de football association ASBL (URBSFA), fir-rigward ta’ talba għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tiċħad bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata azzjoni għal nullità u għal kumpens ippreżentata minn UL u r-Royal Antwerp kontra l-Unjoni des associations européennes de football (UEFA) u l-URBSFA. |
I. Il‑kuntest ġuridiku
A. L‑Istatuti tal‑UEFA
|
3 |
L-UEFA hija assoċjazzjoni rregolata mid-dritt privat stabbilita fl-Isvizzera. Skont l-Artikolu 2 tal-Istatuti tagħha, fil-verżjoni tagħhom adottata matul is-sena 2021 (iktar ’il quddiem l-“Istatuti tal-UEFA”), hija għandha bħala għan, b’mod partikolari, “li titratta l-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw il-futbol Ewropew”, “li tissorvelja u tikkontrolla l-iżvilupp ta’ kull tip ta’ futbol fl-Ewropa”, kif ukoll li “tipprepara u torganizza kompetizzjonijiet internazzjonali u tornej internazzjonali tal-futbol għal kull tip ta’ futbol fuq livell Ewropew”. |
|
4 |
Konformement mal-Artikolu 5 tal-Istatuti tal-UEFA, kull assoċjazzjoni li hija stabbilita f’pajjiż Ewropew irrikonoxxut bħala Stat indipendenti mill-maġġoranza tal-membri tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU) u li hija responsabbli mill-organizzazzjoni tal-futbol f’dan il-pajjiż, tista’ ssir membru tal-UEFA. Bis-saħħa tal-Artikolu 7a ta’ dawn l-istatuti, sħubija timplika l-obbligu, għall-assoċjazzjonijiet ikkonċernati, li josservaw, b’mod partikolari, l-istatuti, ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet tal-UEFA kif ukoll li jiżguraw l-osservanza tagħhom, f’pajjiżhom stess, mil-legi professjonali li jaqgħu taħthom kif ukoll mill-klabbs u mill-plejers. Fil-prattika, iktar minn 50 assoċjazzjoni internazzjonali huma attwalment membri tal-UEFA. |
|
5 |
Skont l-Artikoli 11 u 12 tal-imsemmija statuti, l-organi tal-UEFA jinkludu b’mod partikolari “organu suprem” bl-isem ta’ “Kungress” u “Kumitat Eżekuttiv”. |
B. Ir‑regoli tal‑UEFA u tal‑URBSFA dwar il‑“plejers imrawma lokalment”
1. Ir-regoli tal-UEFA
|
6 |
Fit‑2 ta’ Frar 2005, il-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA adotta regoli li jipprevedu li l-klabbs tal-futbol professjonali li jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol ta’ bejn il-klabbs organizzati mill-UEFA għandhom jinkludu massimu ta’ 25 plejer fil-lista tal-plejers tal-logħba, liema lista għandha tinkludi numru minimu ta’ plejers ikklassifikati bħala “plejers imrawma lokalment” u ddefiniti bħala plejers li, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, ġew imrawma matul mill-inqas tliet snin, ta’ età ta’ bejn 15 u 21 sena, mill-klabb tagħhom jew minn klabb ieħor affiljat mal-istess assoċjazzjoni nazzjonali tal-futbol (iktar ’il quddiem ir-“regoli dwar il-‘plejers imrawma lokalment’”). |
|
7 |
Fil‑21 ta’ April 2005, ir-regoli dwar il-“plejers imrawma lokalment” ġew approvati mill-Kungress tal-UEFA waqt laqgħa li kienet tiġbor fiha l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol kollha li kienu membri tagħha u li nżammet f’Tallinn (l-Estonja) (iktar ’il quddiem il-“kungress ta’ Tallinn”). |
|
8 |
Mill-istaġun 2007/2008, dawn ir-regoli jipprevedu li l-klabbs tal-futbol professjonali li jipparteċipaw f’kompetizzjoni internazzjonali tal-futbol bejn il-klabbs organizzata mill-UEFA għandhom jinkludu minimu ta’ 8 “plejers imrawma lokalment” fil-lista tal-plejers tal-logħba komposta minn numru massimu ta’ 25 plejer. Minn dawn it-8 plejers, mill-inqas 4 plejers għandhom ikunu ġew imrawma mill-klabb li jkun inkludihom fil-lista. |
2. Ir‑regoli tal‑URBSFA
|
9 |
L-URBSFA hija assoċjazzjoni li għandha s-sede tagħha fil-Belġju. Hija għandha bħala għan li tiżgura l-organizzazzjoni u l-promozzjoni tal-futbol f’dan l-Istat Membru. F’dan ir-rigward, hija membru kemm tal-UEFA kif ukoll tal-Fédération internationale de football association (FIFA). |
|
10 |
Matul is-sena 2011, l-URBSFA introduċiet regoli dwar il-“plejers imrawma lokalment” fir-regolament federali tagħha. |
|
11 |
Fil-verżjoni tagħhom applikabbli matul il-proċedura ta’ arbitraġġ li ppreċediet il-proċedura fil-kawża prinċipali, dawn ir-regoli kienu redatti kif ġej: “Artikolu P335.11 – Diviżjonijiet futbol professjonali 1A u 1B: Sottomissjoni tal-lista ‘Squad size limit’ 1. Listi li għandhom jiġu sottomessi 11. Il-klabbs kollha tal-futbol professjonali 1A u 1B għandhom jissottomettu l-listi li ġejjin […] u jżommuhom aġġornati:
[…] Artikolu P1422 – Inklużjoni obbligatorja fil-lista tal-plejers tal-logħba 1. Għall-ewwel skwadra tal-klabbs tal-futbol professjonali 11. Fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kompetizzjonijiet uffiċjali tal-ewwel skwadri […], il-klabbs tal-futbol professjonali għandhom obbligu jsemmu fil-lista tal-plejers tal-logħba minimu ta’ 6 plejers li ġew imrawma minn klabb Belġjan u li minnhom mill-inqas 2 plejers jissodisfaw il-kundizzjoni addizzjonali riprodotta fil-punt 13 iktar ’il quddiem. Meta l-klabb ma jkunx jista’ jinkludi n-numru minimu ta’ plejers meħtieġ mill-paragrafu preċedenti, dan ma jistax jissostitwixxihom billi jinkludi plejers li ma jissodisfawx din il-kundizzjoni. 12. Il-plejers li, qabel għeluq it-23 sena tagħhom, għal mill-inqas tliet staġuni sħaħ, kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà għal logħba uffiċjali ma’ klabb fil-Belġju, jitqiesu li ġew imrawma minn klabb Belġjan. 13. Il-plejers li jkunu ilhom affiljati għal mill-inqas tliet staġuni sħaħ ma’ klabb fil-Belġju qabel għeluq il-21 sena tagħhom jissodisfaw din il-kundizzjoni addizzjonali. […] 15. Il-klabbs tal-futbol professjonali 1A u 1B jistgħu jinkludu fil-lista tal-plejers tal-logħba biss lil plejers li jinsabu fil-listi ‘Squad size limit’ tal-klabb ([Artikolu] P335). 16. Fil-każ ta’ ksur tar-regoli msemmija hawn fuq, l-istanza federali kompetenti timponi s-sanzjonijiet previsti għall-inklużjoni ta’ plejers li ma jikkwalifikawx […], bl-eċċezzjoni tal-multi.” |
|
12 |
Sussegwentement, dawn ir-regoli ġew emendati. Fil-verżjoni tagħhom li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari, dawn huma redatti kif ġej: “Artikolu B4.1[12] Għall-parteċipazzjoni fil-logħbiet uffiċjali tal-ewwel skwadri fil-futbol kompetittiv, għandhom japplikaw kundizzjonijiet speċifiċi għall-futbol professjonali u l-futbol amatorjali. Artikolu P Il-klabbs kollha tal-futbol professjonali 1A u 1B għandhom jissottomettu l-listi li ġejjin […] u jżommuhom aġġornati:
[…] Sabiex plejer ikun jista’ jiġi inkluż fil-lista ‘Squad size limit’:
[…] Artikolu B6.109 L-obbligi li ġejjin huma validi fir-rigward tal-inklużjoni tal-plejers fil-lista tal-plejers tal-logħba. Artikolu P Id-dispożizzjonijiet li ġejjin huma validi għall-ewwel skwadri tal-klabbs tal-futbol professjonali: Fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kompetizzjonijiet uffiċjali tal-ewwel skwadri, il-klabbs tal-futbol professjonali għandhom obbligu jsemmu fil-lista tal-plejers tal-logħba minimu ta’ 6 plejers li ġew imrawma minn klabb Belġjan u li minnhom mill-inqas 2 plejers jissodisfaw il-kundizzjoni addizzjonali riprodotta iktar ’il quddiem. Meta l-klabb ma jkunx jista’ jinkludi n-numru minimu ta’ plejers meħtieġ mill-paragrafu preċedenti, dan ma jistax jissostitwixxihom billi jinkludi plejers li ma jissodisfawx din il-kundizzjoni.
[…] Il-klabbs tal-futbol professjonali 1A u 1B jistgħu jinkludu fil-lista tal-plejers tal-logħba biss lil plejers li jinsabu fil-listi ‘Squad size limit’ tal-klabb. Fil-każ ta’ ksur tar-regoli msemmija hawn fuq, l-istanza federali kompetenti timponi s-sanzjonijiet previsti għall-inklużjoni ta’ plejers li ma jikkwalifikawx, bl-eċċezzjoni tal-multi.” |
II. Il‑fatti fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
13 |
UL huwa plejer tal-futbol professjonali li għandu n-nazzjonalità ta’ pajjiż terz kif ukoll dik Belġjana. Huwa ilu jeżerċita l-attività professjonali tiegħu fil-Belġju għal diversi snin. Fil-Belġju, huwa ħadem suċċessivament għal Royal Antwerp, klabb tal-futbol professjonali stabbilit fil-Belġju, u sussegwentement għal klabb tal-futbol professjonali ieħor. |
|
14 |
Fit‑13 ta’ Frar 2020, UL adixxa lill-Cour Belge d’Arbitrage pour le Sport (il-Qorti Belġjana ta’ Arbitraġġ għall-Isport, iktar ’il quddiem iċ-“CBAS”) bil-għan li jiġi ddikjarat, b’mod partikolari, li r-regoli dwar il-“plejers imrawma lokalment” adottati mill-UEFA u mill-URBSFA huma nulli ipso jure minħabba li jiksru l-Artikoli 45 u 101 TFUE kif ukoll li jinkiseb kumpens għad-danni li dawn ir-regoli kkawżawlu. Ulterjorment, ir-Royal Antwerp intervjeniet volontarjament fil-proċedura, billi talbet, hija wkoll, li tiġi kkumpensata għad-danni kkawżati mill-imsemmija regoli. |
|
15 |
Permezz ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija fl‑10 ta’ Lulju 2020, iċ-CBAS iddeċidiet li dawn it-talbiet kienu inammissibbli sa fejn kienu jirrigwardaw ir-regoli dwar il-“plejers imrawma lokalment” adottati mill-UEFA u ammissibbli iżda infondati sa fejn kienu jirrigwardaw dawk adottati mill-URBSFA. |
|
16 |
Fir-rigward tar-regoli adottati mill-UEFA, li ma kinitx parti fil-proċedura ta’ arbitraġġ, iċ-CBAS qieset, b’mod partikolari, li, fid-dawl tan-natura speċifika u distinta tagħhom meta mqabbla ma’ dawk adottati mid-diversi assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol membri tal-UEFA, fosthom l-URBSFA, dawn ma setgħux jitqiesu li kienu r-riżultat ta’ akkordju bejn dawn l-entitajiet differenti, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. |
|
17 |
Għal dak li jirrigwarda r-regoli adottati mill-URBSFA, iċ-CBAS ikkunsidrat essenzjalment, minn naħa, li dawn ma kinux jipprekludu l-moviment liberu tal-ħaddiema ggarantit mill-Artikolu 45 TFUE minħabba li dawn kienu applikabbli mingħajr distinzjoni, li ma kienu joħolqu ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta skont in-nazzjonalità u li, fi kwalunkwe każ, dawn kienu ġġustifikati minn għanijiet leġittimi, neċessarji sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u kienu proporzjonati għal dawn il-finijiet Min-naħa l-oħra, hija ddeċidiet li dawn ir-regoli la kellhom bħala għan u lanqas bħala riżultat ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni u li kienu, barra minn hekk, neċessarji u proporzjonati għat-tiftix ta’ għanijiet leġittimi, b’tali mod li lanqas ma kienu jiksru l-Artikolu 101(1) TFUE. |
|
18 |
Konsegwentement, iċ-CBAS ċaħdet it-talbiet ta’ UL u tar-Royal Antwerp. |
|
19 |
Permezz ta’ ċitazzjoni nnotifikata fl‑1 ta’ Settembru 2020, UL u r-Royal Antwerp ressqu proċedimenti kontra URBSFA quddiem it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju) bil-għan li jiksbu l-annullament tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija għar-raġuni li din tikser l-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 1717 tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan. |
|
20 |
Insostenn tat-talbiet tagħhom, huma jsostnu, essenzjalment, minn naħa, li r-regoli dwar il-“plejers imrawma lokalment” li ġew adottati mill-UEFA u mill-URBSFA jimplimentaw pjan ġenerali li għandu bħala għan u bħala riżultat ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. Min-naħa l-oħra, dawn ir-regoli jippreġudikaw il-moviment liberu tal-ħaddiema ggarantit mill-Artikolu 45 TFUE sa fejn jillimitaw kemm il-possibbiltà għal klabb tal-futbol professjonali bħar-Royal Antwerp li jirrekluta plejers li ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ għeruq lokali jew nazzjonali ddikjarat fihom, u li jiskjerahom waqt logħba, kif ukoll il-possibbiltà għal plejer bħal UL li jiġi rreklutat u skjerat minn klabb li fir-rigward tiegħu huwa ma jistax isostni li għandu tali għeruq. |
|
21 |
Fid‑9 ta’ Novembru 2021, il-UEFA ssottomettiet talba għal intervent volontarju insostenn tat-talbiet tal-URBSFA. |
|
22 |
Permezz ta’ deċiżjoni mogħtija fis‑26 ta’ Novembru 2021, jiġifieri wara d-data li fiha din it-talba għal deċiżjoni preliminari waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-intervent volontarju tal-UEFA ġie ddikjarat ammissibbli. Fit‑13 ta’ Diċembru 2021, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ammissjoni ta’ din il-parti l-ġdida fil-kawża prinċipali, konformement mal-Artikolu 97(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
23 |
Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) tosserva, fl-ewwel lok, li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistrieħ, kemm sa fejn din tikkonstata l-inammissibbiltà parzjali tat-talbiet ta’ UL u tar-Royal Antwerp kif ukoll sa fejn tiċħadhom bħala infondati għall-kumplament, fuq l-interpretazzjoni u fuq l-applikazzjoni ta’ żewġ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni – jiġifieri l-Artikoli 45 u 101 TFUE – li l-ksur tagħhom jista’ jiġi kklassifikat bħala “ksur tal-ordni pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 1717 tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan fid-dawl tan-natura tagħhom u tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal‑1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss,C‑126/97, EU:C:1999:269, u tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro,C‑168/05, EU:C:2006:675). |
|
24 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju għaliha li tikseb spjegazzjonijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 u 101 TFUE sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha. Essenzjalment, din il-qorti tistaqsi, l-ewwel nett, jekk ir-regoli dwar il-“plejers imrawma lokalment” li ġew adottati mill-UEFA u mill-URBSFA jistgħux jiġu kklassifikati bħala “akkordju bejn impriżi”, bħala “deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi” jew bħala “prattiki miftiehma” fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE. It-tieni nett, hija tistaqsi dwar il-konformità ta’ dawn ir-regoli mal-projbizzjoni tal-akkordji ddikjarata f’dan l-artikolu u mal-moviment liberu tal-ħaddiema ggarantit fl-Artikolu 45 TFUE, kif ukoll dwar in-natura potenzjalment iġġustifikata, adegwata, neċessarja u proporzjonata tal-imsemmija regoli. F’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti tirreferi, b’mod partikolari, għal stqarrija għall-istampa ppubblikata mill-Kummissjoni Ewropea u għal studju mwettaq f’isem din l-istituzzjoni li l-“konklużjoni prinċipali” tiegħu hija li r-regoli inkwistjoni jistgħu jkollhom effetti diskriminatorji indiretti skont in-nazzjonalità u effetti restrittivi fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema, u li minnu ma jiġix stabbilit li dawn huma proporzjonati mal-benefiċċji limitati li jirriżultaw minnhom fejn jidħol ekwilibriju kompetittiv bejn il-klabbs tal-futbol u t-taħriġ tal-plejers, fid-dawl tal-miżuri alternattivi inqas restrittivi li jidhru li huma mixtieqa. |
|
25 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
III. Fuq l‑ammissibbiltà
|
26 |
L-URBSFA, l-UEFA, il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni esprimew dubji dwar l-ammissibbiltà taż-żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. |
|
27 |
F’dan ir-rigward, huma jressqu, essenzjalment, erba’ tipi ta’ argumenti. L-ewwel nett, dawn jinkludu argumenti tat-tip proċedurali bbażati fuq il-fatt li d-deċiżjoni tar-rinviju saret qabel ma l-UEFA ġiet ammessa tintervjeni u għaldaqstant qabel ma nstemgħet fil-kawża prinċipali. It-tieni, qegħdin jiġu invokati argumenti tat-tip formali li skonthom il-kontenut ta’ din id-deċiżjoni ma josservax ir-rekwiżiti ddikjarati fl-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura inkwantu din id-deċiżjoni ma tippreżentax f’biżżejjed dettall il-kuntest ġuridiku u fattwali li fih il-qorti tar-rinviju tressaq domandi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – sitwazzjoni li hija ta’ natura li tipprekludi lill-persuni kkonċernati milli jieħdu pożizzjoni effettiva dwar il-kwistjonijiet li għandhom jiġu deċiżi. It-tielet, qegħdin isiru argumenti tat-tip sostantiv marbuta man-natura ipotetika tat-talba għal deċiżjoni preliminari, inkwantu ma teżistix tilwima reali li t-trattament tagħha tista’ tirrikjedi kwalunkwe deċiżjoni interpretattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja. Tali sitwazzjoni tkun tirriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li r-regoli dwar il-“plejers imrawma lokalment” ma pprekludewx lil UL milli jiġi rreklutat u skjerat mir-Royal Antwerp, u sussegwentement minn klabb tal-futbol professjonali ieħor. Ir-raba’ nett, il-kawża prinċipali għandha titqies li hija “purament interna” fir-rigward tal-Artikolu 45 TFUE u li ma hijiex tali li “tolqot il-kummerċ bejn Stati Membri” fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, fid-dawl tan-natura inter partes tagħha, tan-nazzjonalità ta’ UL, tal-post ta’ stabbiliment tar-Royal Antwerp, kif ukoll tal-portata ġeografika limitata tar-regoli li ġew adottati mill-URBSFA. |
A. Fuq il‑kundizzjonijiet proċedurali għall‑adozzjoni tad‑deċiżjoni tar‑rinviju
|
28 |
Fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tat-tqassim tal-funzjonijiet bejnha u l-qrati nazzjonali, li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju saritx konformement mar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarji. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha taġixxi fuq din id-deċiżjoni tar-rinviju sakemm din ma tkunx ġiet irtirata fil-kuntest tar-rimedji li jistgħu jkunu previsti mid-dritt intern (sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 1982, Reina,65/81, EU:C:1982:6, punt 7, u tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank,C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 70). |
|
29 |
F’dan il-każ, għaldaqstant ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu pożizzjoni dwar il-konsegwenzi possibbli marbuta, fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali u bis-saħħa tar-regoli nazzjonali ta’ proċedura ġudizzjarja applikabbli għaliha, mal-ammissjoni ta’ parti ġdida wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju. |
|
30 |
Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna l-proċedura li ppreċediet din is-sentenza, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 97(2) tar-Regoli tal-Proċedura jiddikjara li, meta parti ġdida tiġi ammessa tintervjeni fil-kawża prinċipali filwaqt li l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġà pendenti, din il-parti taċċetta din il-proċedura fl-istat li fih tkun tinsab fil-mument meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi informata bl-ammissjoni tagħha. Għandu jingħad ukoll li, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-istat li fih kienet tinsab l-imsemmija proċedura fil-mument meta l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet informata bl-ammissjoni tal-UEFA biex tintervjeni fil-kawża prinċipali, din il-parti mhux biss irċeviet il-komunikazzjoni tal-atti kollha ta’ proċedura diġà nnotifikati lill-partijiet l-oħra kkonċernati, kif inhu previst mill-istess dispożizzjoni, iżda setgħet ukoll tressaq u effettivament ressqet, sussegwentement, osservazzjonijiet matul il-fażi bil-miktub u mbagħad waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali. |
B. Fuq il‑kontenut tad‑deċiżjoni tar‑rinviju
|
31 |
Il-proċedura preliminari stipulata fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li permezz tagħha tal-ewwel tipprovdi lil tat-tieni l-punti ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu t-tilwim pendenti quddiemhom. Bis-saħħa tal-ġurisprudenza stabbilita, li issa hija riflessa fl-Artikolu 94(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura, il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali tirrikjedi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula jew li, tal-inqas, tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi. Barra minn hekk, huwa indispensabbli, hekk kif jiddikjara l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura, li t-talba għal deċiżjoni preliminari tesponi r-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll tar-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali. Dawn ir-rekwiżiti huma meħtieġa partikolarment fl-oqsma li huma kkaratterizzati minn sitwazzjonijiet kumplessi ta’ fatt u ta’ liġi bħall-qasam tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 2012, Pringle,C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 83, kif ukoll tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Super Bock Bebidas,C‑211/22, EU:C:2023:529, punti 23 u 24). |
|
32 |
Barra minn hekk, l-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjoni tar-rinviju ma għandhiex biss tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli iżda għandha wkoll tagħti lill-Gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet l-oħra kkonċernati l-possibbiltà li jressqu osservazzjonijiet konformement mal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ April 1982, Holdijk et, 141/81 sa 143/81, EU:C:1982:122, punt 7, kif ukoll tal‑11 ta’ April 2000, Deliège,C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punt 31). |
|
33 |
F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari tissodisfa r-rekwiżiti mfakkra fiż-żewġ punti preċedenti ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, id-deċiżjoni tar-rinviju tispjega, fid-dettall, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jidħlu d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni tesponi fil-qosor iżda b’mod ċar ir-raġunijiet fattwali u ġuridiċi li wasslu lill-qorti tar-rinviju tqis li kien neċessarju li tagħmel dawn id-domandi kif ukoll il-konnessjoni li tgħaqqad, fil-fehma tagħha, l-Artikoli 45 u 101 TFUE mal-kawża prinċipali fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
34 |
Ulterjorment, il-formulazzjoni tal-osservazzjonijiet bil-miktub sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja turi l-fatt li l-awturi tagħhom ma kellhom ebda diffikultà biex jikkonċepixxu l-kuntest fattwali u ġuridiku li fih jidħlu d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, biex jifhmu s-sens u l-portata tad-dikjarazzjonijiet fattwali sottostanti, biex jisiltu r-raġunijiet għalfejn il-qorti tar-rinviju qieset li kien neċessarju li tagħmilhom kif ukoll, b’mod definittiv, biex tieħu pożizzjoni b’mod komplet u effettiv f’dan ir-rigward. |
C. Fuq il‑fatti tal‑kawża u r‑rilevanza tad‑domandi magħmula lill‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
35 |
Hija biss il-qorti nazzjonali adita bil-kawża prinċipali li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li ser tingħata iktar ’il quddiem, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-aspetti partikolari ta’ din it-tilwima, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’qagħda li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn dan isegwi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza u li r-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar dawn id-domandi huwa possibbli biss jekk ikun jidher, b’mod manifest, li l-interpretazzjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jekk il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji biex tagħti risposta utli għall-imsemmija domandi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia,244/80, EU:C:1981:302, punti 15 u 18, kif ukoll tas‑7 ta’ Frar 2023, Confédération paysanne et (Mutaġenesi każwali in vitro), C‑688/21, EU:C:2023:75, punti 32 u 33). |
|
36 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju spjegati fil-qosor fil-punti 14 sa 24 ta’ din is-sentenza jixhdu n-natura fattwali tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, dawn l-istess dikjarazzjonijiet juru li l-fatt, għall-qorti tar-rinviju, li jsiru domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-kuntest, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 u 101 TFUE, ma huwiex manifestament nieqes minn rabta mal-fatti u mas-suġġett tal-kawża prinċipali. |
|
37 |
Fil-fatt, mill-imsemmija dikjarazzjonijiet jirriżulta, l-ewwel nett, li din il-qorti hija adita b’talba għal annullament ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li permezz tagħha ċ-CBAS ċaħdet, bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata, azzjoni għal nullità u għal kumpens ippreżentata minn UL u mir-Royal Antwerp kontra r-regoli tal-URBSFA u tal-UEFA dwar il-“plejers imrawma lokalment”. It-tieni, din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni kif ukoll fuq applikazzjoni tal-Artikoli 45 u 101 TFUE. It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fid-dawl tal-għan tat-tilwima li biha ġiet adita, hija għandha b’mod partikolari, biex tagħti s-sentenza tagħha, tistħarreġ il-mod kif iċ-CBAS interpretat u applikat l-Artikoli 45 u 101 TFUE, bil-għan li tiddetermina jekk id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija minnha hijiex kuntrarja jew le għall-ordni pubbliku Belġjan. |
D. Fuq id‑dimensjoni transkonfinali tal‑kawża prinċipali
|
38 |
Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-moviment liberu tal-kapital ma japplikawx għas-sitwazzjonijiet li fihom l-elementi kollha huma kkonfinati fi ħdan Stat Membru wieħed (sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten,C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 47, kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et, C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 31). Għalhekk, talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet f’tali sitwazzjonijiet jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ammissibbli, f’ċerti każijiet speċifiċi, biss jekk id-deċiżjoni tar-rinviju tindika l-elementi konkreti li jippermettu li jiġi stabbilit li l-interpretazzjoni preliminari mitluba hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima minħabba rabta bejn is-suġġett jew iċ-ċirkustanzi ta’ din it-tilwima u l-Artikoli 49, 56 jew 63 TFUE, konformement ma’ kif inhu meħtieġ mill-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten,C‑268/15, EU:C:2016:874, punti 50 sa 55, kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et, C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 34). |
|
39 |
Madankollu, f’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli minħabba li l-Artikolu 45 TFUE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa mingħajr rabta mal-kawża prinċipali fid-dawl tan-natura “purament interna” tagħha. |
|
40 |
Fil-fatt, minn naħa, għalkemm huwa minnu li l-kawża prinċipali hija ta’ natura inter partes li UL għandu n-nazzjonalità Belġjana, li r-Royal Antwerp hija stabbilita fil-Belġju u li r-regoli adottati mill-URBSFA għandhom portata ġeografika limitata għat-territorju ta’ dan l-Istat Membru, hekk kif osservaw ġustament uħud mill-partijiet ikkonċernati, xorta jibqa’ l-fatt li din it-tilwima tikkonċerna deċiżjoni ta’ arbitraġġ li fiha ċ-CBAS interpretat u applikat, b’mod partikolari, l-Artikolu 45 TFUE, hekk kif jirriżulta mill-punt 17 ta’ din is-sentenza. Il-kwistjoni dwar jekk dan l-artikolu japplikax għall-imsemmija tilwima għaldaqstant tirriżulta mill-mertu tagħha u, għalhekk, ma tistax tiġi invokata, jekk mhux biex jiġi ppreġudikat l-eżitu tagħha, sabiex tiġi kkontestata l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. |
|
41 |
Barra minn hekk, ir-regoli tal-UEFA u dawk tal-URBSFA li huma inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma, skont il-qorti tar-rinviju, strettament marbuta sa fejn l-URBSFA għandha l-obbligu, fil-kapaċità tagħha bħala membru tal-UEFA, tosserva l-istatuti, ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet tal-UEFA u sa fejn ir-regoli tagħha dwar il-“plejers imrawma lokalment” huma direttament ispirati minn dawk li ġew preċedentement adottati u approvati minn din tal-aħħar fil-kungress ta’ Tallinn, hekk kif issemma fil-punt 7 ta’ din is-sentenza. Għandu jingħad ukoll li huma, essenzjalment, dawn ir-rabtiet fattwali u ġuridiċi bejn ir-regoli tal-URBSFA, dawk tal-UEFA u d-dritt tal-Unjoni li wasslu lill-qorti tar-rinviju tiddikjara bħala ammissibbli l-intervent volontarju tal-UEFA fid-deċiżjoni msemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza. |
|
42 |
Min-naħa l-oħra, il-kawża prinċipali tirrigwarda, fl-istess waqt, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni, miċ-CBAS, tal-Artikolu 101 TFUE. |
|
43 |
B’danakollu, hija ġurisprudenza stabbilita li, filwaqt li l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu tirrikjedi, fost kundizzjonijiet oħra, li jiġi stabbilit, b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti, li ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma jista’ jaffettwa, b’mod sinjifikattiv, il-kummerċ bejn l-Istati Membri billi jeżerċita influwenza diretta jew indiretta u attwali jew potenzjali fuq il-kummerċ kurrenti, bir-riskju li jiġi ostakolat it-twettiq jew il-funzjonament tas-suq intern, din il-kundizzjoni tista’ titqies li tiġi ssodisfatta meta jseħħ aġir li jkopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, ING Pensii,C‑172/14, EU:C:2015:484, punti 48 u 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-portata ġeografika tar-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali u tar-rabta stretta bejniethom, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 101 TFUE ma għandu ebda rabta mal-kawża prinċipali minħabba li r-regoli relatati ma’ dan l-artikolu jistgħu ma jkunux tali li “jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri”. |
|
45 |
Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli fl-intier tagħha. |
IV. Fuq id‑domandi preliminari
|
46 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli li ġew adottati minn assoċjazzjoni responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet tal-futbol fuq livell Ewropew u implimentati kemm minn din l-assoċjazzjoni kif ukoll mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol membri tagħha, u li jobbligaw lil kull klabb li jipparteċipa f’dawn il-kompetizzjonijiet jinkludi fil-lista tal-plejers tiegħu kif ukoll li juri fuq il-lista tal-plejers tal-logħba numru minimu ta’ plejers imrawma jew mill-klabb innifsu jew fil-konfini territorjali tal-assoċjazzjoni nazzjonali li magħha huwa affiljat l-imsemmi klabb. |
|
47 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 45 u 101 TFUE għandhomx jiġu interpretat fis-sens li jipprekludu regoli li ġew adottati minn assoċjazzjoni responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet tal-futbol fuq livell nazzjonali, u li jobbligaw lil kull klabb li jipparteċipa f’dawn il-kompetizzjonijiet jinkludi fil-lista tal-plejers tiegħu kif ukoll li juri fuq il-lista tal-plejers tal-logħba numru minimu ta’ plejers imrawma fil-konfini territorjali ta’ din l-assoċjazzjoni. |
|
48 |
Kemm fid-dawl tal-portata ta’ dawn id-domandi kif ukoll fid-dawl tan-natura tat-tilwima li fil-kuntest tagħha dawn id-domandi tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jeħtieġ, qabel ma jiġu eżaminati, li jiġu fformulati osservazzjonijiet preliminari maqsuma fi tliet partijiet. |
A. Osservazzjonijiet preliminari
1. Fuq is‑suġġett tal‑kawża prinċipali
|
49 |
Mid-diċitura nnifisha taż-żewġ domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hemm sovrappożizzjoni bejniethom sa fejn dawn jikkonċernaw l-Artikolu 101 TFUE. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tipprova tikseb spjegazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu bil-għan li tkun tista’ tistħarreġ kif dan ġie applikat f’deċiżjoni ta’ arbitraġġ dwar il-konformità, mal-imsemmi artikolu, tar-regoli dwar il-“plejers imrawma lokalment”, hekk kif ġew adottati u implimentati mill-UEFA kif ukoll mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol differenti li huma membri tagħha, fosthom l-URBSFA. |
|
50 |
Min-naħa l-oħra, dawn iż-żewġ domandi huma differenti sa fejn jikkonċernaw l-Artikolu 45 TFUE peress li hija biss it-tieni minn dawn id-domandi, li tirrigwarda r-regoli adottati u implimentati mill-URBSFA, li jirreferu għal dan l-artikolu. F’dan ir-rigward, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li ma hijiex intenzjoni tagħha li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda dwar il-konformità tar-regoli adottati u implimentati mill-UEFA mal-Artikolu 45 TFUE. Madankollu, din il-qorti tippreċiża, essenzjalment, li hija ma teskludix li tieħu inkunsiderazzjoni din il-kwistjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ftehim, ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew ta’ prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE. |
|
51 |
Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi differenti, jeħtieġ li jiġu ttrattati flimkien id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, billi inizjalment jiġi interpretat l-Artikolu 101 TFUE u sussegwentement l-Artikolu 45 TFUE. |
2. Fuq l‑applikabbiltà tad‑dritt tal‑Unjoni għall‑isport u għall‑attività tal‑assoċjazzjonijiet sportivi
|
52 |
Id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 u 101 TFUE fil-kuntest ta’ tilwima li tqiegħed inkwistjoni regoli li ġew adottati minn żewġ entitajiet li, skont l-istatuti rispettivi tagħhom, huma assoċjazzjonijiet irregolati mid-dritt privat responsabbli mill-organizzazzjoni u mill-kontroll tal-futbol rispettivament fuq il-livell Ewropew u Belġjan, u li jissuġġettaw il-kompożizzjoni tat-timijiet li jistgħu jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet tal-futbol ta’ bejn il-klabbs għal ċerti kundizzjonijiet, flimkien ma’ sanzjonijiet. |
|
53 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sa fejn l-ipprattikar ta’ sport jikkostitwixxi attività ekonomika, dan jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma applikabbli għal tali attività (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch, 36/74, EU:C:1974:140, punt 4, kif ukoll tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais,C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 27). |
|
54 |
Huma biss ċerti regoli speċifiċi li, minn naħa, ġew adottati esklużivament għal raġunijiet ta’ natura mhux ekonomika u li, min-naħa l-oħra, jirrigwardaw kwistjonijiet li jikkonċernaw biss l-isport bħala tali li għandhom jitqiesu li ma jagħmlu parti minn ebda attività ekonomika. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, ta’ dawk li jirrigwardaw l-esklużjoni ta’ plejers barranin mill-kompożizzjoni tat-timijiet li jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet bejn timijiet li jirrappreżentaw lill-pajjiżhom jew li jirrigwardaw l-iffissar ta’ kriterji ta’ klassifikazzjoni użati għas-selezzjoni tal-atleti li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet b’mod individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch, 36/74, EU:C:1974:140, punt 8; tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman,C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 76 u 127, kif ukoll tal‑11 ta’ April 2000, Deliège,C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punti 43, 44, 63, 64 u 69). |
|
55 |
Bl-eċċezzjoni ta’ dawn ir-regoli speċifiċi, ir-regoli li l-assoċjazzjonijiet sportivi jadottaw bil-għan li jirregolaw ix-xogħol bis-salarju jew il-provvista ta’ servizzi tal-plejers professjonisti jew semi‑professjonisti u, b’mod usa’, ir-regoli li, filwaqt li ma jirregolawx formalment dan ix-xogħol jew din il-provvista ta’ servizzi, għandhom inċidenza diretta fuq l-imsemmi xogħol jew l-imsemmija provvista ta’ servizzi, jistgħu jaqgħu taħt l-Artikoli 45 u 56 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch, 36/74, EU:C:1974:140, punti 5, 17 sa 19 u 25; tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman,C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 75, 82 sa 84, 87, 103 u 116; tat‑12 ta’ April 2005, Simutenkov,C‑265/03, EU:C:2005:213, punt 32, kif ukoll tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais,C‑325/08, EU:C:2010:143, punti 28 u 30). |
|
56 |
Bl-istess mod, ir-regoli adottati minn tali assoċjazzjonijiet u, b’mod usa’, l-aġir tal-assoċjazzjonijiet li adottawhom, jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar id-dritt tal-kompetizzjoni meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jiġu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca‑Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punti 30 sa 33), li jimplika li dawn l-assoċjazzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “impriżi” fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE jew li r-regoli inkwistjoni jistgħu jiġu kklassifikati bħala “deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi” fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE. |
|
57 |
B’mod iktar ġenerali, peress li tali regoli jaqgħu għalhekk taħt l-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, dawn għandhom, fil-każ fejn jiddikjaraw rekwiżiti applikabbli għall-individwi, jiġu kkonċepiti u implimentati billi jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi, C‑22/18, EU:C:2019:497, punti 60, 65 u 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
58 |
B’danakollu, ir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, irrispettivament minn jekk joħorġux mill-UEFA jew mill-URBSFA, ma jagħmlux parti minn dawk ir-regoli li fir-rigward tagħhom tista’ tiġi applikata l-eċċezzjoni msemmija fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, liema eċċezzjoni l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret numru ta’ drabi li għandha tibqa’ limitata għall-għan proprju tagħha u li ma tistax tiġi invokata biex tiġi eskluża kull attività sportiva mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar id-dritt ekonomiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 1976, Donà,13/76, EU:C:1976:115, punti 14 u 15, kif ukoll tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca‑Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punt 26). |
|
59 |
Għall-kuntrarju, minkejja li dawn ir-regoli ma jirregolawx formalment il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-plejers, dawn għandhom jitqiesu li għandhom inċidenza diretta fuq dan ix-xogħol inkwantu jissuġġettaw għal ċerti kundizzjonijiet, suġġetti għal sanzjonijiet jekk ma jiġux osservati, il-kompożizzjoni tat-timijiet li jistgħu jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet tal-futbol ta’ bejn il-klabbs kif ukoll, konsegwentement, il-parteċipazzjoni tal-plejers innifishom f’dawn il-kompetizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman,C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 116 u 119). |
|
60 |
B’mod iktar speċifiku, mid-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-imsemmija regoli jipprevedu, essenzjalment, li l-klabbs tal-futbol professjonali li jipparteċipaw f’dawn il-kompetizzjonijiet għandhom, suġġett għal sanzjonijiet, jinkludu fil-lista tal-plejers tal-logħba numru minimu ta’ “plejers imrawma lokalment”. Fir-regoli adottati mill-UEFA, din l-espressjoni tintuża biex jiġu indikati, fil-verità, mhux biss il-plejers li ġew imrawma mill-klabb li jimpjegahom, iżda wkoll plejers li ġew imrawma minn klabb ieħor affiljat mal-istess assoċjazzjoni nazzjonali tal-futbol. Fir-regoli adottati mill-URBSFA, l-imsemmija espressjoni tintuża esklużivament biex jiġu indikati plejers li ġew imrawma minn “klabb Belġjan”, jiġifieri klabb affiljat ma’ din l-assoċjazzjoni, ikun liema klabb ikun. Iċ-ċirkustanza li tali regoli b’hekk jillimitaw il-possibbiltà li għandhom il-klabbs li jinkludu plejers fil-lista tal-plejers tal-logħba, u għaldaqstant li jiskjeraw lil dawn il-plejers fil-logħba korrispondenti, u mhux formalment il-possibbiltà li jimpjegaw lill-imsemmija plejers, hija irrilevanti peress li l-parteċipazzjoni f’logħob u f’kompetizzjonijiet tikkostitwixxi l-għan essenzjali tal-attività tal-plejers u li din il-possibbiltà ta’ impjieg tirriżulta wkoll, min-naħa tagħha, limitata b’konsegwenza ta’ dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman,C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 120, kif ukoll tat‑13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine, C‑176/96, EU:C:2000:201, punt 50). |
|
61 |
Barra minn hekk, peress li l-kompożizzjoni tat-timijiet tikkostitwixxi wieħed mill-parametri essenzjali tal-kompetizzjonijiet li fihom jikkompetu l-klabbs tal-futbol professjonali u li dawn il-kompetizzjonijiet jagħtu lok għal attività ekonomika, ir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom ukoll jitqiesu li għandhom inċidenza diretta fuq il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ din l-attività ekonomika u fuq il-kompetizzjoni bejn il-klabbs tal-futbol professjonali li jeżerċitaw din l-attività. |
|
62 |
Għalhekk, ir-regoli tal-UEFA u tal-URBSFA li fir-rigward tagħhom il-qorti tar-rinviju għamlet domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 45 u 101 TFUE. |
3. Fuq l‑Artikolu 165 TFUE
|
63 |
Il-maġġoranza tal-partijiet fil-kawża prinċipali u wħud mill-gvernijiet li ħadu sehem fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja esprimew ruħhom, minn perspettivi differenti, dwar il-konsegwenzi li jistgħu jkunu marbuta mal-Artikolu 165 TFUE fil-kuntest tar-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. |
|
64 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-Artikolu 165 TFUE għandu jinftiehem fid-dawl tal-Artikolu 6(e) TFUE li jipprevedi li l-Unjoni għandha kompetenza biex tieħu azzjonijiet sabiex tappoġġja, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-formazzjoni vokazzjonali, iż-żgħażagħ u l-isport. Fil-fatt, l-Artikolu 165 TFUE jikkonkretizza din id-dispożizzjoni billi jispeċifika kemm l-għanijiet li huma attribwiti lill-azzjoni tal-Unjoni fl-oqsma kkonċernati kif ukoll il-mezzi li għalihom wieħed jista’ jirrikorri biex jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet. |
|
65 |
B’hekk, fir-rigward tal-għanijiet li huma attribwiti għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-isport, l-Artikolu 165 TFUE jiddikjara, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għat-tmexxija ’l quddiem tal-kwistjonijiet Ewropej tal-isport, waqt li tieħu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tiegħu, l-istrutturi tiegħu bbażati fuq il-volontarjat kif ukoll il-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu, u, fl-aħħar inċiż tal-paragrafu 2 tiegħu, li l-azzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam għandha tkun immirata lejn l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea tal-isport, billi tiġi promossa l-ġustizzja u t-trasparenza fil-kompetizzjonijiet sportivi kif ukoll il-kooperazzjoni bejn il-korpi responsabbli mill-isport, u billi tiġi protetta l-integrità fiżika u morali tal-isportivi, speċjalment ta’ dawk l-iktar żgħażagħ fosthom. |
|
66 |
Fir-rigward tal-mezzi li għalihom wieħed jista’ jirrikorri biex jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, l-Artikolu 165 jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-Unjoni għandha tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi kif ukoll mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-isport u, fil-paragrafu 4 tiegħu, li l-Parlament u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jew il-Kunsill, li jaġixxi waħdu fuq proposta tal-Kummissjoni, jistgħu jadottaw, rispettivament, inċentivi jew rakkomandazzjonijiet. |
|
67 |
It-tieni, kif jirriżulta kemm mid-diċitura tal-Artikolu 165 TFUE kif ukoll minn dik tal-Artikolu 6(e) TFUE, l-awturi tat-Trattati kellhom l-intenzjoni li permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jikkonferixxu lill-Unjoni kompetenza ta’ appoġġ li tippermettilha twettaq “azzjoni” f’numru ta’ oqsma speċifiċi, fosthom l-isport, u mhux “politika”, hekk kif previst f’dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat FUE. B’hekk l-imsemmija dispożizzjonijiet jikkostitwixxu bażi legali li tawtorizza lill-Unjoni teżerċita din il-kompetenza, fiċ-ċirkustanzi u l-limiti ffissati minnhom, fosthom, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 165(4) TFUE, l-esklużjoni ta’ kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti adottati fuq livell nazzjonali. Barra minn hekk, l-imsemmija kompetenza ta’ appoġġ tippermetti lill-Unjoni tadotta atti legali bis-sempliċi għan li tappoġġja, tikkoordina jew tikkompleta l-azzjoni tal-Istati Membri konformement mal-Artikolu 6 TFUE. |
|
68 |
B’korrelazzjoni, u kif jirriżulta wkoll mill-kuntest li minnu jagħmel parti l-Artikolu 165 TFUE, b’mod partikolari mill-inklużjoni tiegħu fit-Tielet Parti tat-Trattat FUE, li huwa ddedikat għall-“Politika u Azzjonijiet Interni tal-Unjoni”, u mhux fl-Ewwel Parti ta’ dan it-trattat, li jinkludi dispożizzjonijiet ta’ prinċipju, fosthom, fit-Titolu II, “Dispożizzjonijiet ta’ Applikazzjoni Ġenerali” dwar, b’mod partikolari, il-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg, il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-protezzjoni tal-ambjent jew ukoll il-protezzjoni tal-konsumaturi, dan l-artikolu ma jikkostitwixxix dispożizzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali ta’ natura trażversali. |
|
69 |
Għaldaqstant, minkejja li l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Unjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni elementi u għanijiet differenti elenkati fl-Artikolu 165 TFUE meta jadottaw, fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu u fil-kundizzjonijiet iffissati minnu, azzjonijiet ta’ inċentiv jew rakkomandazzjonijiet fil-qasam tal-isport, dawn l-elementi u għanijiet differenti kif ukoll dawn l-azzjonijiet ta’ inċentiv u rakkomandazzjonijiet ma jirrikjedux li jiġu integrati jew li jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod restrittiv fl-applikazzjoni tar-regoli li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta, irrispettivament minn jekk dawn jirrigwardawx il-moviment liberu tal-ħaddiema (Artikolu 45 TFUE) jew jekk jirrigwardawx id-dritt tal-kompetizzjoni (Artikolu 101 TFUE). B’mod usa’, l-Artikolu 165 TFUE lanqas ma jista’ jitqies li huwa regola speċjali li jeskludi kompletament jew parzjalment lill-isport minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt primarju tal-Unjoni li jistgħu jiġu applikati għalih jew li jimponi li dan jirċievi trattament speċjali fil-kuntest ta’ din l-applikazzjoni. |
|
70 |
It-tielet, xorta jibqa’ fil-fatt li, kif osservat numru ta’ drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, l-attività sportiva għandha importanza soċjali u edukattiva kunsiderevoli, li issa hija riflessa fl-Artikolu 165 TFUE, għall-Unjoni kif ukoll għaċ-ċittadini tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman,C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 106, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi, C‑22/18, EU:C:2019:497, punti 33 u 34). |
|
71 |
Barra minn hekk, din l-attività tippreżenta karatteristiċi speċifiċi ċerti li, filwaqt li jikkonċernaw speċjalment l-isport amatorjali, jistgħu jinstabu wkoll fl-ipprattikar tal-isport bħala attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine, C‑176/96, EU:C:2000:201, punt 33). |
|
72 |
Fl-aħħar nett, tali karatteristiċi speċifiċi jistgħu eventwalment jittieħdu inkunsiderazzjoni, fost elementi oħra u sa fejn jirriżultaw li huma rilevanti, fl-applikazzjoni tal-Artikoli 45 u 101 TFUE, premess, madankollu, li dan it-teħid inknsiderazzjoni jseħħ biss fil-kuntest u fl-osservanza tal-kundizzjonijiet kif ukoll tal-kriterji ta’ applikazzjoni previsti għal kull wieħed minn dawn l-artikoli. |
|
73 |
B’mod partikolari, meta jiġi sostnut li regola adottata minn assoċjazzjoni sportiva tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema jew akkordju antikompetittiv, il-karatterizzazzjoni ta’ din ir-regola bħala ostakolu jew bħala akkordju antikompetittiv għandha, fi kwalunkwe ipoteżi, tistrieħ fuq eżami konkret tal-kontenut tal-imsemmija regola fil-kuntest reali li fih din għandha tiġi implimentata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman,C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 98 sa 103; tal‑11 ta’ April 2000, Deliège,C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punti 61 sa 64, kif ukoll tat‑13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine, C‑176/96, EU:C:2000:201, punti 48 sa 50). Tali eżami jista’ jimplika li jittieħdu inkunsiderazzjoni, pereżempju, in-natura, l-organizzazzjoni jew ukoll il-funzjonament tal-isport ikkonċernat u, b’mod iktar speċifiku, kemm jiġi pprattikat b’mod professjonali, il-mod kif huwa pprattikat, il-mod kif jinteraġixxu d-diversi atturi li jipparteċipaw fih kif ukoll ir-rwol li għandhom l-istrutturi jew l-organi li huma responsabbli fuq kull livell u li magħhom l-Unjoni tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni, konformement mal-Artikolu 165(3) TFUE. |
|
74 |
Barra minn hekk, meta tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, l-assoċjazzjoni li tkun adottat ir-regola inkwistjoni għandha l-possibbiltà li turi n-natura ġġustifikata, neċessarja u proporzjonata tagħha fid-dawl ta’ ċerti għanijiet li jistgħu jitqiesu bħala leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman,C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 104), u li min-naħa tagħhom jiddependu mill-karatteristiċi speċifiċi tal-isport ikkonċernat f’każ partikolari. |
|
75 |
Huwa fid-dawl tal-punti kollha preċedenti li jeħtieġ li jiġu eżaminati d-domandi tal-qorti tar-rinviju sa fejn jikkonċernaw l-Artikolu 101 TFUE u sussegwentement l-Artikolu 45 TFUE. |
B. Fuq id‑domandi preliminari sa fejn jikkonċernaw l‑Artikolu 101 TFUE
|
76 |
L-Artikolu 101 TFUE huwa applikabbli għal kull entità li teżerċita attività ekonomika u li, bħala tali, għandha tiġi kkategorizzata bħala impriża, indipendentement mill-forma ġuridika tagħha kif ukoll mill-mod ta’ finanzjament tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C‑41/90, EU:C:1991:161, punt 21; tal‑11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C‑280/06, EU:C:2007:775, punt 38, kif ukoll tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE,C‑49/07, EU:C:2008:376, punti 20 u 21). |
|
77 |
Konsegwentement, l-imsemmi artikolu huwa applikabbli, b’mod partikolari, għal entitajiet li huma kkostitwiti taħt forma ta’ assoċjazzjonijiet li għandhom bħala għan, skont l-istatuti tagħhom, l-organizzazzjoni u l-kontroll ta’ sport speċifiku, sa fejn dawn l-entitajiet jeżerċitaw attività ekonomika b’rabta ma’ dan l-isport, billi joffru oġġetti jew servizzi, u fejn dawn għandhom jiġu kkategorizzati, f’dan ir-rigward, bħala “impriżi” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE,C‑49/07, EU:C:2008:376, punti 22, 23 u 26). |
|
78 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 101 TFUE japplika wkoll għal entitajiet li, minkejja li fihom innifishom ma jikkostitwixxux neċessarjament impriżi, jistgħu jiġu kkategorizzati bħala “assoċjazzjonijiet ta’ impriżi”. |
|
79 |
F’dan il-każ, fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali u tad-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 101 TFUE huwa applikabbli għall-UEFA u għall-URBSFA ġaladarba dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet għandhom bħala membri jew bħala affiljati, sew jekk direttament u sew jekk indirettament, entitajiet, bħalma huma l-klabbs tal-futbol, li jistgħu jiġu kkategorizzati bħala “impriżi” inkwantu dawn jeżerċitaw attività ekonomika. |
1. Fuq l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 101(1) TFUE
|
80 |
L-Artikolu 101(1) TFUE jiddikjara li kull ftehim bejn impriżi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u prattiki miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn Stati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern huma inkompatibbli mas-suq intern. |
a) Fuq l‑eżistenza ta’ “deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi”
|
81 |
L-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE fil-każ ta’ entità bħall-UEFA jew l-URBSFA, bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi, teħtieġ, l-ewwel nett, li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi”, bħal deċiżjoni li tikkonsisti, għall-assoċjazzjoni kkonċernata, mill-adozzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ regolamenti li jkollhom inċidenza diretta fuq il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-attività ekonomika tal-impriżi li huma direttament jew indirettament membri tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 64, kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas,C‑1/12, EU:C:2013:127, punti 42 sa 45). |
|
82 |
Issa, hawnhekk, dan huwa l-każ taż-żewġ deċiżjonijiet li fir-rigward tagħhom il-qorti tar-rinviju qiegħda tressaq domandi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri dawk li permezz tagħhom l-UEFA u l-URBSFA adottaw regoli dwar il-“plejers imrawma lokalment”. |
b) Fuq l‑effett fuq il‑kummerċ bejn Stati Membri
|
83 |
It-tieni, l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE fil-każ ta’ tali deċiżjonijiet timplika l-konstatazzjoni, b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti, li dawn “jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri”, b’mod sinjifikattiv, billi jeżerċitaw influwenza diretta jew indiretta u attwali jew potenzjali fuq il-fluss tal-kummerċ, bir-riskju li jiġi ostakolat it-twettiq tal-funzjonament tas-suq intern. |
|
84 |
F’dan il-każ, il-portata ġeografika tad-deċiżjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza u suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li jiġi kkunsidrat li din il-kundizzjoni ġiet issodisfatta. |
c) Fuq il‑kunċett ta’ aġir li għandu bħala “għan” jew bħala “riżultat” li jippreġudika l‑kompetizzjoni u fuq il‑karatterizzazzjoni tal‑eżistenza ta’ tali aġir
|
85 |
Sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat, f’każ speċifiku, li ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma jaqgħu taħt il-projbizzjoni ddikjarata fl-Artikolu 101(1) TFUE, huwa neċessarju, konformement mal-kliem innifsu ta’ din id-dispożizzjoni, li jintwera jew li dan l-aġir għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, jew li dan l-aġir ikollu tali riżultat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, LTM,56/65, EU:C:1966:38, p. 359, u tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Super Bock Bebidas,C‑211/22, EU:C:2023:529, punt 31). |
|
86 |
Għal dan il-għan, jeħtieġ, qabel kollox, li jiġi eżaminat l-għan tal-aġir inkwistjoni. Fil-każ fejn, wara li jsir tali eżami, jirriżulta li dan l-aġir għandu għan antikompetittiv, ma jkunx neċessarju li jsir eżami tal-effett tiegħu fuq il-kompetizzjoni. Għaldaqstant huwa biss fil-każ fejn ma jkunx jista’ jiġi kkunsidrat li l-imsemmi aġir għandu tali għan antikompetittiv li jkun neċessarju li, sussegwentement, isir l-eżami ta’ dan l-effett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, LTM,56/65, EU:C:1966:38, p. 359, kif ukoll tas‑26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija,C‑345/14, EU:C:2015:784, punti 16 u 17). |
|
87 |
L-eżami li għandu jsir huwa differenti skont jekk jirrigwardax il-punt dwar jekk l-aġir inkwistjoni jkollux bħala “għan” jew bħala “riżultat” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, fejn kull wieħed minn dawn iż-żewġ kunċetti huwa suġġett għal regoli ġuridiċi u probatorji distinti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 63). |
1) Fuq il‑karatterizzazzjoni tal‑eżistenza ta’ aġir li għandu bħala “għan” il‑prevenzjoni, ir‑restrizzjoni jew id‑distorsjoni tal‑kompetizzjoni
|
88 |
Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif spjegata fil-qosor, b’mod partikolari, fis-sentenzi tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann‑La Roche et (C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 78), u tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 67), il-kunċett ta’ “għan” antikompetittiv, filwaqt li ma jikkostitwixxix, kif jirriżulta mill-punti 85 u 86 ta’ din is-sentenza, eċċezzjoni fil-konfront tal-kunċett ta’ “riżultat” antikompetittiv, għandu madankollu jiġi interpretat b’mod strett. |
|
89 |
B’hekk, dan il-kunċett għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi esklużivament għal ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li juru grad suffiċjenti ta’ noċività għall-kompetizzjoni b’tali mod li jkun jista’ jiġi kkunsidrat li ma huwiex meħtieġ li jsir eżami tal-effetti tagħhom. Fil-fatt, ċerti forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jistgħu jitqiesu, min-natura tagħhom stess, li jagħmlu ħsara lill-funzjonament it-tajjeb tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, LTM,56/65, EU:C:1966:38, p. 359; tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et, C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 78, kif ukoll tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 67). |
|
90 |
Fost it-tipi ta’ aġir li għandhom jiġu kkunsidrati bħala tali hemm, primarjament, ċertu aġir kollużorju partikolarment noċiv għall-kompetizzjoni, bħall-akkordji orizzontali li jwasslu għall-iffissar tal-prezzijiet, għal-limitazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew għat-tqassim tal-klijentela. Fil-fatt, dan it-tip ta’ aġir huwa tali li joħloq żieda fil-prezzijiet jew tnaqqis fil-produzzjoni u, għalhekk, tal-offerta – li jwassal għal użu ħażin tar-riżorsi għad-detriment tal-impriżi utenti u tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, EU:C:2008:643, punti 17 u 33; tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 51, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2015, ING Pensii,C‑172/14, EU:C:2015:484, punt 32). |
|
91 |
Mingħajr ma neċessarjament ikunu daqstant noċivi fil-konfront tal-kompetizzjoni, tipi oħra ta’ aġir jistgħu wkoll jitqiesu, f’ċerti każijiet, li għandhom għan antikompetittiv. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, ta’ ċerti tipi ta’ ftehim orizzontali minbarra akkordji, pereżempju ftehim li jwassal għall-esklużjoni ta’ impriżi kompetituri mis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 76, 77, 83 sa 87 u 101, kif ukoll tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni, C‑591/16 P, EU:C:2021:243, punti 113 u 114), jew ukoll ċerti tipi ta’ deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li għandhom bħala għan li jikkoordinaw l-aġir tal-membri tagħhom, b’mod partikolari fejn jidħlu prezzijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 1987, Verband der Sachversicherer vs Il‑Kummissjoni, 45/85, EU:C:1987:34, punt 41). |
|
92 |
Bil-għan li jiġi ddeterminat, f’każ speċifiku, jekk ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma fihomx, min-natura tagħhom stess, grad suffiċjenti ta’ noċività fil-konfront tal-kompetizzjoni sabiex ikunu jistgħu jitqiesu li għandhom bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tagħha, huwa neċessarju li tiġi eżaminata, l-ewwel nett, il-portata tal-ftehim, tad-deċiżjoni jew tal-prattika inkwistjoni, it-tieni, il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jidħlu u, it-tielet nett, l-għanijiet li dawn għandhom l-intenzjoni li jilħqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 53, kif ukoll tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann‑La Roche et, C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 79). |
|
93 |
F’dan ir-rigward, qabel kollox, fir-rigward tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jidħol l-aġir inkwistjoni, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali li jikkaratterizzaw l-istruttura u l-funzjonament tas-setturi u/jew tas-swieq inkwistjoni (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 53, kif ukoll tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffman‑La Roche et, C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 80). Min-naħa l-oħra, b’ebda mod ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati u wisq iżjed li jintwerew, l-effetti ta’ dan l-aġir fuq il-kompetizzjoni, sew jekk reali jew potenzjali kif ukoll jekk negattivi jew pożittivi, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 85 u 86 ta’ din is-sentenza. |
|
94 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-għanijiet tal-aġir inkwistjoni, hemm lok li jiġu ddeterminati l-għanijiet oġġettivi li dan l-aġir għandu l-intenzjoni li jikseb fil-konfront tal-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza li l-impriżi involuti aġixxew mingħajr ma kellhom l-intenzjoni suġġettiva li jwettqu prevenzjoni, restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-fatt li fittxew li jilħqu ċerti għanijiet leġittimi ma humiex determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ April 2006, General Motors vs Il‑Kummissjoni, C‑551/03 P, EU:C:2006:229, punti 64 u 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, EU:C:2008:643, punt 21). |
|
95 |
B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat numru ta’ drabi li ftehimiet intiżi għall-kompartimentalizzazzjoni tas-swieq skont fruntieri nazzjonali, bil-għan li jikkostitwixxu mill-ġdid il-kompartimentalizzazzjoni tas-swieq nazzjonali jew li jagħmlu iktar diffiċli l-interpenetrazzjoni tas-swieq nazzjonali, jistgħu jkunu kuntrarji għall-għan tat-Trattati UE u FUE li huwa dak tat-twettiq tal-integrazzjoni ta’ dawn is-swieq permezz tal-ħolqien tas-suq intern u li, għal din ir-raġuni, bħala prinċipju, dawn għandhom jiġu kkategorizzati bħala ftehimiet li għandhom “bħala għan” ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Settembru 2008, Sot. Lélos kai Sia et, C‑468/06 sa C‑478/06, EU:C:2008:504, punt 65 u l-ġurisprurdenza ċċitata, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 139). |
|
96 |
Din il-ġurisprudenza, li ġiet applikata wkoll għal aġir minbarra ftehimiet, irrispettivament minn jekk dawn jirriżultawx minn impriżi jew minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 1972, Vereeniging van Cementhandelaren vs Il‑Kummissjoni, 8/72, EU:C:1972:84, punti 23 sa 25 u 29, kif ukoll tas‑16 ta’ Settembru 2008, Sot. Lélos kai Sia et, C‑468/06 sa C‑478/06, EU:C:2008:504, punt 66), tibbaża ruħha fuq il-fatt li, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1)(b) TFUE, l-istabbiliment tar-regoli tal-kompetizzjoni neċessarji għall-funzjonament tas-suq intern jagħmel parti integrali mill-għan ta’ stabbiliment ta’ dan is-suq li l-Artikolu 3(3) TFUE jattribwixxi, fost oħrajn, lill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punti 42 u 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, billi jikkompartimentalizza s-swieq skont fruntieri nazzjonali, billi jirrikostitwixxi l-kompartimentalizzazzjoni jew jagħmel l-interpenetrazzjoni ta’ dawn is-swieq iktar diffiċli, tali aġir jinnewtralizza l-vantaġġi li l-konsumaturi jistgħu jisiltu minn kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2008, Sot. Lélos kai Sia et (C‑468/06 sa C‑478/06, EU:C:2008:504, punt 66). |
|
97 |
Il-kategorizzazzjoni bħala “għan” antikompetittiv, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, għalhekk intużat għal forom differenti ta’ akkordji li għandhom l-intenzjoni jew it-tendenza li jirrestrinġu l-kompetizzjoni skont il-fruntieri nazzjonali, irrispettivament minn jekk ikunux jinvolvu, b’mod partikolari, il-prevenzjoni jew ir-restrizzjoni tal-kummerċ parallel, il-garanzija ta’ protezzjoni territorjali assoluta għal min għandu drittijiet esklużivi jew il-limitazzjoni, taħt forom oħra, tal-kompetizzjoni transkonfinali fis-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punt 61, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punti 139 sa 142). |
|
98 |
Fl-aħħar nett, il-karatterizzazzjoni ta’ aġir speċifiku fis-sens li għandu bħala “għan” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, għandha, fi kwalunkwe każ, tindika r-raġunijiet preċiżi għalfejn dan l-aġir joħloq grad suffiċjenti ta’ noċività fir-rigward tal-kompetizzjoni li jiġġustifika li jitqies li għandu tali għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 69). |
2) Fuq il‑karatterizzazzjoni tal‑eżistenza ta’ aġir li għandu bħala “riżultat” il‑prevenzjoni, ir‑restrizzjoni jew id‑distorsjoni tal‑kompetizzjoni
|
99 |
Il-kunċett ta’ aġir li għandu “riżultat” antikompetittiv jiġbor fih, min-naħa tiegħu, aġir li ma jistax jiġu kkunsidrat li għandu “għan” antikompetittiv, sakemm ma jintweriex li dan l-aġir għandu bħala riżultat attwali jew potenzjali li joħloq prevenzjoni, restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni u dan b’mod kunsiderevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il‑Kummissjoni, C‑7/95 P, EU:C:1998:256, punt 77, kif ukoll tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 117). |
|
100 |
Għal dan il-għan, huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-kompetizzjoni skont il-kuntest reali li fih din tirriżulta fl-assenza tal-ftehim, tad-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew tal-prattika miftiehma inkwistjoni (sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, LTM,56/65, EU:C:1966:38, p. 360, kif ukoll tat‑20 ta’ Jannar, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 118), billi jiġu ddefiniti s-suq jew is-swieq li fuqhom dan l-aġir jista’ jipproduċi l-effetti tiegħu, u sussegwentement billi dawn tal-aħħar jiġu kkaratterizzati, sew jekk ikunu reali u sew jekk ikunu potenzjali. Dan l-eżami nnifsu jimplika li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti. |
3) Fuq il‑kategorizzazzjoni, bħala deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li għandhom bħala “għan” jew bħala “riżultat” ir‑restrizzjoni tal‑kompetizzjoni, tar‑regoli li jobbligaw lill‑klabbs ikollhom kwota minima ta’ plejers “imrawma lokalment” fit‑timijiet tagħhom
|
101 |
F’dan il-każ, għal dak li għandu x’jaqsam mal-kontenut tar-regoli tal-UEFA u tal-URBSFA li fir-rigward tagħhom il-qorti tar-rinviju qiegħda tressaq domandi preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jitfakkar, minn naħa, li dawn ir-regoli jobbligaw lill-klabbs tal-futbol professjonali, li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet tal-futbol ta’ bejn il-klabbs li jaqgħu taħt dawn l-assoċjazzjonijiet, biex jinkludu fil-lista tal-plejers tal-logħba numru minimu ta’ plejers li jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa biex ikunu jistgħu jitqiesu bħala “plejers imrawma lokalment” hekk kif iddefiniti fl-imsemmija regoli taħt piena ta’ sanzjonijiet. Billi jagħmlu hekk, huma jillimitaw, min-natura tagħhom stess, il-possibbiltà li għandhom il-klabbs li jinkludu f’din il-lista plejers li ma jissodisfawx tali rekwiżiti. |
|
102 |
Min-naħa l-oħra, mid-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li din il-limitazzjoni tal-possibbiltà li għandhom il-klabbs li jikkomponu liberament it-timijiet tagħhom issir b’żewġ modi differenti. Fil-fatt, ir-regoli tal-UEFA u tal-URBSFA jobbligaw lil dawn il-klabbs jinkludu fil-lista tal-plejers tal-logħba numru minimu ta’ plejers li, filwaqt li huma kkategorizzati bħala “plejers imrawma lokalment”, fil-verità ma ġewx imrawma neċessarjament mill-klabb li jimpjegahom iżda minn klabb differenti affiljat mal-istess assoċjazzjoni nazzjonali tal-futbol, ikun liema klabb ikun u indipendentement minn kull rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni ġeografika fi ħdan il-konfini territorjali ta’ din l-assoċjazzjoni. F’dan is-sens, il-limitazzjoni introdotta minn dawn ir-regoli sseħħ, fil-verità, fuq il-livell tal-assoċjazzjoni kkonċernata u għaldaqstant fuq il-livell nazzjonali. B’mod parallel, ir-regoli tal-UEFA jobbligaw ukoll lill-imsemmija klabbs l-obbligu li jinkludu, fost il-“plejers tal-futbol imrawma lokalment” li għandhom jinkludu fil-lista tal-plejers tal-logħba, numru minimu ta’ plejers li effettivament ġew imrawma mill-klabb li jimpjegahom. B’hekk, il-limitazzjoni imposta min-naħa tagħhom isseħħ fuq il-livell tal-klabb ikkonċernat. |
|
103 |
Għal dak li jirrigwarda l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jidħlu r-regoli li fir-rigward tagħhom il-qorti tar-rinviju qiegħda tressaq domandi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, qabel kollox, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dawl tan-natura speċifika tal-“prodotti” kkostitwiti, mill-perspettiva ekonomika, mill-kompetizzjonijiet sportivi, huwa permess, b’mod ġenerali, li assoċjazzjonijiet li huma responsabbli minn dixxiplina sportiva, bħall-UEFA jew l-URBSFA, jadottaw regoli relatati, b’mod partikolari, mal-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet f’din id-dixxiplina, mal-iżvolġiment it-tajjeb ta’ dawn il-kompetizzjonijiet u mal-parteċipazzjoni tal-isportivi fihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ April 2000, Deliège,C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:1999, punti 67 u 68, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi, C‑22/18, EU:C:2019:497, punt 60), sa fejn dawn l-assoċjazzjonijiet ma jillimitawx, b’dan il-mod, l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet li d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman,C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 81 u 83, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi, C‑22/18, EU:C:2019:497, punt 52). |
|
104 |
Sussegwentement, in-natura speċifika tal-futbol professjonali u tal-attivitajiet ekonomiċi li għalihom dan l-isport jagħti lok jippermettu li jiġi kkunsidrat li huwa leġittimu, għall-assoċjazzjonijiet bħall-UEFA u l-URBSFA, li jirregolaw, b’mod iktar partikolari, il-kundizzjonijiet li fihom il-klabbs tal-futbol professjonali jistgħu jikkostitwixxu t-timijiet li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet ta’ bejn il-klabbs fil-konfini territorjali tagħhom. |
|
105 |
Fil-fatt, dan l-isport, li fl-Unjoni għandu importanza kunsiderevoli mhux biss soċjali u kulturali (sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman,C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 106, u tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais,C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 40), iżda wkoll medjatika, huwa kkaratterizzat, fost partikolaritajiet oħra, miċ-ċirkustanza li dan jagħti lok għall-organizzazzjoni ta’ ħafna kompetizzjonijiet fuq livell kemm Ewropew kif ukoll nazzjonali li fihom jintalbu jipparteċipaw numru kbir ħafna ta’ klabbs u numru kbir ħafna ta’ plejers. Barra minn hekk, dan huwa kkaratterizzat, bħalma huwa ċertu sport ieħor, mill-fatt li l-parteċipazzjoni f’dawn il-kompetizzjonijiet hija rriżervata għal timijiet li kisbu ċerti riżultati sportivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 1995, Bosman,C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 132), fejn l-iżvolġiment tal-imsemmija kompetizzjonijiet huwa bbażat fuq logħbiet bejn, u l-eliminazzjoni progressiva ta’, dawn it-timijiet. Dan konsegwentement jistrieħ essenzjalment fuq il-mertu sportiv, li jkun jista’ jintwera biss jekk it-timijiet kollha parteċipanti jkunu ġew ikkostitwiti b’osservanza tal-kundizzjonijiet regolatorji u tekniċi omoġenji li jiżguraw ċerti opportunitajiet indaqs. |
|
106 |
Fl-aħħar nett, il-kundizzjonijiet reali li jikkaratterizzaw il-funzjonament tas-“suq” ikkostitwiti, mill-perspettiva ekonomika, minn kompetizzjonijiet tal-futbol professjonali, jispjegaw li r-regoli li jistgħu jiġu adottati minn assoċjazzjonijiet bħall-UEFA u l-URBSFA, u b’mod iktar partikolari r-regoli dwar l-organizzazzjoni u l-iżvolġiment it-tajjeb tal-kompetizzjonijiet li jaqgħu taħthom, jistgħu jkomplu jagħmlu riferiment, fuq ċerti punti u sa ċertu mod, għal rekwiżit jew għal kriterju nazzjonali. Fil-fatt, minn perspettiva funzjonali, dan l-isport huwa kkaratterizzat mill-koeżistenza ta’ kompetizzjonijiet bejn il-klabbs u kompetizzjonijiet bejn timijiet li jirrappreżentaw assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol, li l-kompożizzjoni tagħhom tista’ tiġi leġittimament suġġetta għall-osservanza ta’ “klawżoli ta’ nazzjonalità” fid-dawl tan-natura speċifika ta’ dawn il-logħbiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman,C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 127 u 128 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
107 |
Għal dak li jirrigwarda l-għan li r-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali oġġettivament ifittxu li jilħqu, fir-rigward tal-kompetizzjoni, mid-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju dwar il-kontenut ta’ dawn ir-regoli jirriżulta li dawn jillimitaw jew jikkontrollaw wieħed mill-parametri essenzjali tal-kompetizzjoni li jistgħu jipprattikaw il-klabbs tal-futbol professjonali, jiġifieri r-reklutaġġ ta’ plejers ta’ talent, irrispettivament mill-klabb u l-post fejn ikunu ġew imrawma, li jippermetti lit-tim tagħhom jirbaħ meta jilgħab kontra t-tim avversarju. Minn din il-perspettiva, il-Gvern Belġjan żied, ġustament, li din il-limitazzjoni hija tali li jkollha effett fuq il-kompetizzjoni bejn il-klabbs mhux biss fis-“suq introduttiv jew ta’ provvista” kkostitwit, mill-perspettiva ekonomika, mir-reklutaġġ tal-plejers, iżda wkoll fis-“suq ta’ implimentazzjoni” kkostitwit, mill-istess perspettiva, mill-kompetizzjonijiet tal-futbol ta’ bejn il-klabbs. |
|
108 |
Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li jkollha tiddetermina jekk ir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali fihomx, min-natura tagħhom stess, grad suffiċjenti ta’ noċività fir-rigward tal-kompetizzjoni biex ikunu jistgħu jitqiesu li għandhom bħala “għan” ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. |
|
109 |
Għal dan il-għan, hija jkollha tieħu inkunsiderazzjoni, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 92 ta’ din is-sentenza, il-portata ta’ dawn ir-regoli u tiddetermina jekk dawn tal-aħħar jillimitawx, b’mod suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li dawn fihom grad ta’ noċività tali li jippermetti li jiġu kkategorizzati bħala antikompetittivi minħabba l-“għan”, l-aċċess tal-klabbs tal-futbol professjonali għar-“riżorsi” essenzjali għas-suċċess tagħhom bħalma huma, mill-perspettiva ekonomika, il-plejers diġà mrawma, billi jobbligawhom jirreklutaw numru minimu ta’ plejers imrawma f’qafas nazzjonali, għad-detriment tal-kompetizzjoni transkonfinali li normalment jipprattikaw billi jirreklutaw plejers imrawma fi ħdan assoċjazzjonijiet nazzjonali oħra tal-futbol. Minn din il-perspettiva, il-proporzjon ta’ plejers ikkonċernati fih rilevanza partikolari. |
|
110 |
Il-qorti tar-rinviju jkollha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 70 sa 73, 93 u 94 ta’ din is-sentenza, il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih ir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew adottati kif ukoll l-aspetti speċifiċi tal-futbol, u jkollha tevalwa jekk l-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli kellhiex, jew le, bħala għan ir-restrizzjoni tal-aċċess tal-klabbs għal dawn ir-riżorsi, il-kompartimentalizzazzjoni jew il-kompartimentalizzazzjoni mill-ġdid tas-swieq skont fruntieri nazzjonali jew li tagħmel iktar diffiċli l-interpenetrazzjoni tas-swieq nazzjonali billi tintroduċi forma ta’ “preferenza nazzjonali”. |
|
111 |
Jekk il-qorti tar-rinviju tasal, fi tmiem l-eżami tagħha, għall-konklużjoni li l-grad ta’ noċività tar-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa suffiċjenti biex tkun iġġustifikata l-kunsiderazzjoni li dawn għandhom bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni u li, konsegwentement, jaqgħu taħt il-projbizzjoni ddikjarata fl-Artikolu 101(1) TFUE, ma jkunx hemm lok, għaliha, li teżamina r-riżultat attwali jew potenzjali ta’ dawn ir-regoli. |
|
112 |
Fil-każ kuntrarju, hija jkollha teżamina dan ir-riżultat. |
d) Fuq il‑possibbiltà li ċertu aġir speċifiku jitqies li ma jaqax taħt l‑Artikolu 101(1) TFUE
|
113 |
Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull ftehim bejn impriżi jew kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li jillimita l-libertà ta’ azzjoni tal-impriżi li huma partijiet f’dan il-ftehim jew li huma suġġetti għall-osservanza ta’ din id-deċiżjoni ma jaqax neċessarjament taħt il-projbizzjoni ddikjarata fl-Artikolu 101(1) TFUE. Fil-fatt, l-eżami tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jidħlu wħud minn dawn il-ftehimiet u wħud minn dawn id-deċiżjonijiet jista’ jwassal għall-konstatazzjoni, l-ewwel nett, li dawn ikunu ġġustifikati bit-tiftix ta’ għan jew numru ta’ għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali neqsin, fihom innifishom, minn natura antikompetittiva, it-tieni, li l-mezzi konkreti li għalihom wieħed irrikorra biex jintlaħqu dawn l-għanijiet huma verament neċessarji għal dan u, it-tielet nett, li, anki jekk jiġri li dawn il-mezzi għandhom bħala riżultat inerenti li joħolqu restrizzjoni jew distorsjoni, minn tal-inqas potenzjali, tal-kompetizzjoni, dan ir-riżultat inerenti ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju, b’mod partikolari billi jelimina kull kompetizzjoni. Din il-ġurisprudenza tista’ tkun applikabbli, b’mod partikolari, fil-preżenza ta’ ftehimiet jew ta’ deċiżjonijiet li jieħdu l-forma ta’ regoli adottati minn assoċjazzjoni bħal assoċjazzjoni professjonali jew assoċjazzjoni sportiva, bil-għan li jfittxu li jilħqu ċerti għanijiet ta’ natura etika jew deontoloġika u, b’mod usa’, li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ attività professjonali, jekk l-assoċjazzjoni kkonċernata turi li l-kundizzjonijiet imsemmija ġew issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 97; tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca‑Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punti 42 sa 48, kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas,C‑1/12, EU:C:2013:127, punti 93, 96 u 97). |
|
114 |
B’mod iktar speċifiku, fil-qasam tal-isport, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet biex osservat, fid-dawl tal-elementi għad-dispożizzjoni tagħha, li l-leġiżlazzjoni antidoping adottata mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (IOC) ma taqax taħt il-projbizzjoni ddikjarata fl-Artikolu 101(1) TFUE, minkejja li tillimita l-libertà ta’ azzjoni tal-atleti u għandha bħala riżultat inerenti li toħloq restrizzjoni potenzjali tal-kompetizzjoni bejniethom billi tiddefinixxi l-limitu li lil hinn minnu l-preżenza ta’ nandrolone tikkostitwixxi doping, u dan sabiex tippreżerva l-iżvolġiment leali, integru u oġġettiv tal-kompetizzjoni sportiva, li tiżgura l-opportunitajiet indaqs bejn l-atleti, li tipproteġi s-saħħa tagħhom kif ukoll li tiżgura r-rispett tal-valuri etiċi li huma ċentrali għall-isport, fosthom il-meritokrazija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca‑Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punti 43 sa 55). |
|
115 |
Min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 113 ta’ din is-sentenza ma tistax tapplika fil-preżenza ta’ aġir li, filwaqt li ma għandux bħala “riżultat” inerenti li joħloq restrizzjoni, minn tal-inqas potenzjalment, tal-kompetizzjoni billi jillimita l-libertà ta’ azzjoni ta’ ċerti impriżi, joħloq, fir-rigward ta’ din il-kompetizzjoni, grad ta’ noċività li jiġġustifika li jiġi kkunsidrat li dan għandu bħala “għan” speċifiku li joħloq prevenzjoni, restrizzjoni jew distorsjoni tagħha. B’hekk, huwa biss jekk jirriżulta, fi tmiem l-eżami tal-aġir inkwistjoni f’każ speċifiku, li dan l-aġir ma għandux bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni li jkun hemm lok li jiġi ddeterminat, sussegwentement, jekk dan jistax jirriżulta minn din il-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas,C‑1/12, EU:C:2013:127, punt 69; tal‑4 ta’ Settembru 2014, API et, C‑184/13 sa C‑187/13, C‑194/13, C‑195/13 u C‑208/13, EU:C:2014:2147, punt 49, kif ukoll tat‑23 ta’ Novembru 2017, CHEZ Elektro Bulgaria u FrontEx International, C‑427/16 u C‑428/16, EU:C:2017:890, punti 51, 53, 56 u 57). |
|
116 |
Fir-rigward tal-aġir li għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, għaldaqstant huwa biss b’applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE u sa fejn ikunu ġew osservati l-kundizzjonijiet kollha previsti minn din id-dispożizzjoni li dan l-aġir jista’ jibbenefika minn eżenzjoni tal-projbizzjoni ddikjarata fl-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, EU:C:2008:643, punt 21). |
|
117 |
F’dan il-każ, huwa għalhekk biss jekk il-qorti tar-rinviju, fi tmiem l-eżami tagħha tar-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tasal għall-konklużjoni li dawn ma għandhomx bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, iżda għandhom tali riżultat, li jkollha tivverifika jekk tali aġir jissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 113 ta’ din is-sentenza, billi tieħu inkunsiderazzjoni, f’dan il-kuntest, l-għanijiet esposti, b’mod partikolari, mill-assoċjazzjonijiet sportivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsistu f’li tiġi żgurata l-omoġeneità tal-kundizzjonijiet li fihom huma kkostitwiti t-timijiet li jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet tal-futbol ta’ bejn il-klabbs kif ukoll li jiġi inkoraġġut it-trawwim tal-plejers iż-żgħażagħ tal-futbol professjonali. |
2. Fuq l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 101(3) TFUE
|
118 |
Mill-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 101(3) TFUE jirriżulta li kull ftehim, kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew kull prattika miftiehma li tirriżulta li hija kuntrarja għall-Artikolu 101(1) TFUE, sew jekk minħabba l-għan, sew jekk minħabba l-effett antikompetittiv, jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha previsti f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il‑Kummissjoni, punt 38, kif ukoll tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 230), filwaqt li għandu jiġi osservat li dawn il-kundizzjonijiet huma iktar stretti minn dawk imsemmija fil-punt 113 ta’ din is-sentenza. |
|
119 |
Konformement mal-Artikolu 101(3) TFUE, il-benefiċċju minn din l-eżenzjoni, f’każ speċifiku, huwa suġġett għal erba’ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, għandu jiġi stabbilit, b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punt 95), li l-ftehim, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni bejn impriżi jew il-prattika miftiehma inkwistjoni għandhom jippermettu li jkun hemm kisbiet ta’ effikaċja, billi jikkontribwixxu jew għat-titjib tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati, jew inkella għall-promozzjoni tal-progress tekniku jew ekonomiku. It-tieni, għandu jiġi stabbilit, bl-istess livell ta’ probabbiltà, li parti ekwa tal-profitt li jirriżulta minn dawn il-kisbiet ta’ effikaċja hija rriżervata għall-utenti. It-tielet, il-ftehim, id-deċiżjoni jew il-prattika inkwistjoni ma għandhomx jobbligaw lill-impriżi parteċipanti restrizzjonijiet li ma humiex indispensabbli biex ikun hemm tali kisbiet ta’ effikaċja. Ir-raba’ nett, dan il-ftehim, din id-deċiżjoni jew din il-prattika ma għandhomx jagħtu lill-impriżi parteċipanti l-possibbiltà li tiġi eliminata kull kompetizzjoni effettiva għal parti sostanzjali tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. |
|
120 |
Hija l-parti li tistrieħ fuq tali eżenzjoni li għandha turi, permezz ta’ argumenti u provi konvinċenti, li l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa biex tkun tista’ tibbenefika minnha ġew issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il‑Kummissjoni, 42/84, EU:C:1985:327, punt 45, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punt 82). Fil-każ fejn dawn l-argumenti u dawn il-provi jkunu tali li jobbligaw lill-parti l-oħra tikkonfutahom b’mod konvinċenti, huwa permess, fl-assenza ta’ tali konfutazzjoni, li jiġi konkluż li l-oneru tal-prova fuq il-parti li tinvoka l-Artikolu 101(3) TFUE ġie ssodisfatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 79, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punt 83). |
|
121 |
B’mod partikolari, fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni mfakkra fil-punt 119 ta’ din is-sentenza, il-kisbiet ta’ effikaċja li l-ftehim, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew il-prattika miftiehma għandhom jippermettu li jsiru ma jikkorrispondux għal kull vantaġġ li l-impriżi parteċipanti jisiltu minn dan il-ftehim, din id-deċiżjoni jew din il-prattika fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħhom, iżda biss għall-vantaġġi oġġettivi kunsiderevoli li l-imsemmi ftehim, l-imsemmija deċiżjoni jew l-imsemmija prattika, ikkunsidrati b’mod speċifiku, jippermettu li jsiru fis-settur/i jew suq/swieq differenti kkonċernati. Barra minn hekk, sabiex din l-ewwel kundizzjoni tkun tista’ titqies li ġiet issodisfatta, jeħtieġ mhux biss li tiġi stabbilita r-realtà u l-portata ta’ dawn il-kisbiet ta’ effikaċja, iżda wkoll li jintwera li dawn huma ta’ natura li jpaċu l-inkonvenjenti li jirriżultaw mill-ftehim, mid-deċiżjoni jew mill-prattika inkwistjoni mill-perspettiva tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il‑Kummissjoni, 56/64 u 58/64, EU:C:1966:41, p. 502, u tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punti 232, 234 u 236, kif ukoll, b’analoġija, tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark,C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 43). |
|
122 |
Għal dak li jikkonċerna t-tieni kundizzjoni mfakkra fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, din timplika li jiġi stabbilit li l-kisbiet ta’ effikaċja li l-ftehim, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew il-prattika miftiehma inkwistjoni għandhom jippermettu li jsiru għandhom effett favorevoli fuq l-utenti kollha, irrispettivament minn jekk ikunux professjonisti, konsumaturi intermedjarji jew konsumaturi finali fid-diversi setturi jew swieq ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado, C‑238/05, EU:C:2006:734, punt 70, kif ukoll tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punti 236 u 242). |
|
123 |
Għaldaqstant, f’sitwazzjoni fejn l-aġir li jikser l-Artikolu 101(1) TFUE huwa antikompetittiv minħabba l-għan, jiġifieri għandu grad suffiċjenti ta’ noċività għall-kompetizzjoni, u fejn, barra minn hekk, huwa tali li jaffettwa kategoriji differenti ta’ utenti jew ta’ konsumaturi, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk u, jekk ikun il-każ, kemm, dan l-aġir, minkejja n-natura tiegħu li tikkostitwixxi ħsara, għandu effett favorevoli fuq kull waħda minn dawn il-kategoriji. |
|
124 |
Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni mfakkra fil-punt 119 ta’ din is-sentenza, dwar in-natura indispensabbli jew neċessarja tal-aġir inkwistjoni, hija tinvolvi l-evalwazzjoni u l-paragun tal-effett rispettiv ta’ dan l-aġir u tal-miżuri alternattivi li realment jistgħu jiġu ppjanati, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk il-kisbiet ta’ effikaċja mistennija mill-imsemmi aġir jistgħux isiru permezz ta’ miżuri inqas restrittivi għall-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, din il-kundizzjoni ma tistax twassal biex tiġi applikata waħda mill-għażliet bejn tali aġir u tali miżuri alternattivi fl-ipoteżi fejn dawn tal-aħħar ma jidhrux inqas restrittivi għall-kompetizzjoni. |
|
125 |
Fir-rigward tar-raba’ kundizzjoni mfakkra fil-punt 119 ta’ din is-sentenza, il-verifika tal-osservanza tagħha, f’każ speċifiku, jimplika li għandu jsir eżami tal-elementi ta’ natura kwantitattiva u kwalitattiva li jikkaratterizzaw il-funzjonament tal-kompetizzjoni fis-setturi jew is-swieq ikkonċernati, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ftehim, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew il-prattika miftiehma inkwistjoni jagħtux lill-impriżi parteċipanti l-possibbiltà li tiġi eliminata kull kompetizzjoni effettiva għal parti sostanzjali tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. B’mod partikolari, fil-preżenza ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew ta’ ftehim li għalih kien hemm adeżjoni kollettiva min-naħa tal-impriżi, is-sehem mis-suq importanti ħafna miżmum minnhom jista’ jikkostitwixxi, fost ċirkustanzi oħra rilevanti u fil-kuntest ta’ analiżi globali ta’ dawn tal-aħħar, indikatur tal-possibbiltà li din id-deċiżjoni jew dan il-ftehim jagħtu, fid-dawl tal-kontenut tagħhom u tal-għan jew tar-riżultat tagħhom, lill-impriżi parteċipanti li jeliminaw kull kompetizzjoni effettiva – raġuni li waħedha teskludi l-vantaġġ tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 101(3) TFUE. |
|
126 |
B’mod iktar ġenerali, l-eżami tal-kundizzjonijiet differenti msemmija fil-punt 119 ta’ din is-sentenza jista’ jirrikjedi li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi u l-partikolaritajiet tas-settur/i jew tas-suq/swieq ikkonċernati mill-ftehim, mid-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew mill-prattika miftiehma inkwistjoni, jew dawn il-karatteristiċi jew dawn il-partikolaritajiet ikunu deċiżivi fir-rigward tar-riżultat ta’ dan l-eżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punt 103, kif ukoll tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 236). |
|
127 |
Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ waħda mill-erba’ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 119 ta’ din is-sentenza huwa biżżejjed biex jiġi eskluż il-vantaġġ tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 101(3) TFUE. |
|
128 |
Hawnhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar jekk ir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfawx il-kundizzjonijiet kollha li jippermettu lill-partijiet jibbenefikaw minn eżenzjoni taħt l-Artikolu 101(3) TFUE wara li jkunu qegħduhom f’pożizzjoni jissodisfaw l-oneru tal-prova impost fuqhom, hekk kif imfakkar fil-punt 120 ta’ din is-sentenza. |
|
129 |
Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi osservat, fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, relatata mal-vantaġġi oġġettivi kunsiderevoli li aġir li għandu bħala għan jew bħala riżultat il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni għandu jippermetti li jinkisbu fis-settur/i jew suq/swieq ikkonċernati, li r-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċpali jistgħu jinċentivaw lill-klabbs tal-futbol professjonali jirreklutaw u jħarġu lil plejers żgħażagħ u għaldaqstant li l-kompetizzjoni tiġi intensifikata permezz tat-taħriġ. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju, waħedha, li jkollha tiddeċiedi, fid-dawl tal-argumenti u tal-provi konkreti prodotti jew li għandhom jiġu prodotti mill-partijiet, irrispettivament minn jekk ikunux ta’ natura ekonomika, statistika jew ta’ xort’oħra, dwar ir-realtà ta’ dan l-inċentiv, dwar il-portata tal-kisbiet ta’ effikaċja li jirriżultaw minnu f’termini ta’ taħriġ kif ukoll dwar il-punt jekk dawn il-kisbiet ta’ effikaċja humiex ta’ natura li jpaċu l-inkonvenjenti li jirriżultaw mill-imsemmija regoli mill-perspettiva tal-kompetizzjoni. |
|
130 |
Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, li l-aġir inkwistjoni għandu jkollu effett favorevoli għall-utenti, irrispettivament minn jekk ikunux professjonisti jew konsumaturi intermedji jew konsumaturi finali, fuq is-setturi jew swieq ikkonċernati, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, f’dan il-każ, l-“utenti” jinkludu, fuq quddiem, il-klabbs tal-futbol professjonali u l-plejers innifishom. Ma’ dawn għandhom jingħaddu, b’mod usa’, il-“konsumaturi” finali li huma, fis-sens ekonomiku tal-kelma, l-ispettaturi jew it-telespettaturi. Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, ma jistax jiġi eskluż a priori li l-interess li wħud minnhom juru lejn il-kompetizzjonijiet ta’ bejn il-klabbs jiddependi, fost parametri oħra, mill-post fejn huma stabbiliti l-klabbs li jipparteċipaw fihom u mill-preżenza, fi ħdan it-timijiet skjerati minn dawn il-klabbs, ta’ plejers imrawma lokalment. Għaldaqstant hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi b’mod partikolari, fid-dawl tal-argumenti u tal-provi konkreti prodotti jew li għandhom jiġu prodotti mill-partijiet, dwar il-kwistjoni jekk, fis-suq li dawn jaffettwaw b’mod ewlieni, jiġifieri dak tar-reklutaġġ tal-plejers minn dawn il-klabbs, ir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom effett favorevoli reali mhux bis fuq il-plejers iżda wkoll fuq il-klabbs kollha kif ukoll fuq l-ispettaturi u t-telespettaturi jew jekk, kif ġie sostnut quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn joperawx, fil-prattika, favur ċerti kategoriji ta’ klabbs iżda wkoll, fl-istess ħin, għad-detriment ta’ oħrajn. |
|
131 |
Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, dwar in-natura strettament neċessarja tar-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl tal-argumenti u tal-provi konkreti prodotti jew li għandhom jiġu prodotti mill-partijiet, jekk miżuri alternattivi bħal dawk li ssemmew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri l-impożizzjoni ta’ rekwiżiti ta’ taħriġ ta’ plejers għall-finijiet tal-għoti ta’ liċenzji lill-klabbs tal-futbol professjonali, l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament jew ta’ inċentivi finanzjarji, b’mod partikolari, għall-klabbs iż-żgħar, jew sistema ta’ kumpens dirett għall-ispejjeż sostnuti mill-klabbs li jrawmu, jistgħux jikkostitwixxu, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman,C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 108 u 109, kif ukoll tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais,C‑325/08, EU:C:2010:143, punti 41 sa 45), miżuri inqas restrittivi tal-kompetizzjoni. |
|
132 |
Fir-rigward tar-raba’ kundizzjoni, dwar jekk, filwaqt li joħolqu restrizzjoni tal-kompetizzjoni li jistgħu jkunu involuti fiha l-klabbs tal-futbol professjonali permezz tar-reklutaġġ ta’ plejers diġà mrawma, ir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jeliminawx il-kompetizzjoni, l-element determinanti huwa l-livell li miegħu ġew iffissati l-ammonti minimi ta’ “plejers imrawma lokalment” li għandhom jitniżżlu fil-lista’ tal-plejers tal-logħba fi proporzjon man-numru totali ta’ plejers li għandhom jitniżżlu f’din il-lista. B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni indikat li, fir-rigward ta’ regoli simili li tagħhom kienet ħadet konjizzjoni, dawn il-proporzjonijiet minimi ma kinux jidhrulha sproporzjonati, anki jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-klabbs tal-futbol professjonali jistgħu fil-verità jkollhom jew ikunu jixtiequ jirreklutaw numru ogħla ta’ “plejers imrawma lokalment” bil-għan li jilqgħu għar-riskji bħas-seħħ ta’ inċidenti jew mard. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju, waħedha, li finalment ikollha tiddeċiedi dan il-punt. |
|
133 |
Dan il-paragun għandu jsir billi, sa fejn possibbli, tiġi mqabbla s-sitwazzjoni li tirriżulta mir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni inkwistjoni meta mqabbla mas-sitwazzjoni li tirriżulta fis-suq ikkonċernat li kieku ma kienx hemm prevenzjoni, restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni f’dan tal-aħħar minħabba dawn ir-restrizzjonijiet. |
|
134 |
Min-naħa l-oħra, il-fatt li r-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali japplikaw għall-kompetizzjonijiet kollha ta’ bejn il-klabbs u li jaqgħu taħt l-UEFA u l-URBSFA kif ukoll għall-klabbs tal-futbol professjonali kollha u għall-plejers kollha li jipparteċipaw fihom ma huwiex determinanti. Fil-fatt, dan l-element huwa inerenti għall-eżistenza nnifisha tal-assoċjazzjonijiet li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, f’konfini territorjali speċifiku, setgħa regolatorja li għall-osservanza tagħha huma suġġetti l-impriżi kollha li huma membri tagħhom kif ukoll il-persuni kollha affiljati magħhom. |
|
135 |
Fid-dawl tal-punti kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, sa fejn dawn jirrigwardaw l-Artikolu 101 TFUE, tkun li:
|
C. Fuq id‑domandi preliminari sa fejn jikkonċernaw l‑Artikolu 45 TFUE
1. Fuq l‑eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta jew ta’ ostakolu għall‑moviment liberu tal‑ħaddiema
|
136 |
Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Artikolu 45 TFUE, li għandu effett dirett, jipprekludi kull miżura, irrispettivament minn jekk din tkunx ibbażata fuq in-nazzjonalità jew jekk tkunx applikabbli indipendentement min-nazzjonalità, li tista’ tisfavorixxi liċ-ċittadini tal-Unjoni meta dawn ikunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom billi din il-miżura tipprekludihom jew tiddisswadihom milli jitilqu mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman,C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 93 sa 96, kif ukoll tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais,C‑325/08, EU:C:2010:143, punti 33 u 34). |
|
137 |
F’dan il-każ, hekk kif tiddikjara l-qorti tar-rinviju, mill-kliem innifsu u mill-istruttura tagħhom jirriżulta li regoli bħal dawk tal-URBSFA jistgħu, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jisfavorixxu lill-plejers tal-futbol professjonali li jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru, jiġifieri l-Belġju, li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, u li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet rikjesti minn dawn ir-regoli. Fil-fatt, filwaqt li ma humiex direttament ibbażati fuq kriterju ta’ nazzjonalità jew ta’ residenza, dawn ir-regoli huma xorta waħda bbażati fuq rabta ta’ natura espliċitament “nazzjonali” u dan minn żewġ aspetti, kif osservat korrettament il-Kummissjoni. Minn naħa, dawn jiddefinixxu lill-“plejers imrawma lokalment” bħala dawk li ġew imrawma fi ħdan klabb “Belġjan”. Min-naħa l-oħra, dawn jobbligaw lill-klabbs tal-futbol professjonali li jixtiequ jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet tal-futbol ta’ bejn il-klabbs li jaqgħu taħt l-URBSFA jinkludu fil-lista tal-plejers tagħhom u jinkludu fil-lista tal-plejers tal-logħba numru minimu ta’ plejers li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex ikunu jistgħu jiġu kkategorizzati b’dan il-mod. |
|
138 |
B’hekk, l-imsemmija regoli jillimitaw il-possibbiltà li għandhom il-plejers li ma jistgħux igawdu minn tali rabta “nazzjonali” milli jiġu inklużi fil-lista tal-plejers ta’ tali klabbs u milli jiġu inklużi fil-lista tal-plejers tal-logħba, u għaldaqstant milli jkunu jistgħu jiġu skjerati minn dawn il-klabbs. Kif ġie osservat fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, iċ-ċirkustanza li b’dan il-mod hija kkonċernata l-parteċipazzjoni tal-plejers fit-timijiet, u mhux formalment il-possibbiltà li dawn il-plejers jiġu impjegati, ma tagħmilx differenza peress li l-parteċipazzjoni f’logħbiet u f’kompetizzjonijiet tikkostitwixxi l-għan essenzjali tal-attività tal-imsemmija plejers. |
|
139 |
B’dan il-mod, ir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 u 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, joħolqu diskriminazzjoni indiretta fil-konfront tal-plejers provenjenti minn Stat Membru ieħor, inkwantu wisq probabbli dawn ir-regoli jispiċċaw jiġu applikati għad-detriment ta’ dawn tal-aħħar. |
|
140 |
Għaldaqstant dawn ir-regoli prima facie jippreġudikaw il-moviment liberu tal-ħaddiema, suġġett għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju. |
2. Fuq l‑eżistenza ta’ ġustifikazzjoni possibbli
|
141 |
Miżuri li ma joriġinawx mill-Istat jistgħu jiġu aċċettati, anki meta jostakolaw moviment liberu stabbilit mit-Trattat FUE, jekk jiġi stabbilit, l-ewwel nett, li l-adozzjoni tagħhom ifittex għan leġittimu ta’ interess ġenerali kompatibbli ma’ dan it-trattat u, għalhekk, ta’ natura li ma hijiex purament ekonomika, u, it-tieni, li dawn josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jfisser li jkunu adatti biex jiggarantixxu t-twettiq ta’ dan l-għan u li ma jmorrux lil hinn milli jkun neċessarju biex dan l-għan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman,C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 104; tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais,C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 38, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi, C‑22/18, EU:C:2019:497, punt 48). B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar in-natura adatta ta’ tali miżuri, għandu jitfakkar li dawn jistgħu jitqiesu li huma tali li jiggarantixxu t-twettiq tal-għan invokat biss jekk jissodisfaw effettivament ħsieb li dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, EU:C:2009:519, punt 61, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubruo 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Edukazzjoni ogħla), C‑66/18, EU:C:2020:792, punt 178). |
|
142 |
L-istess bħal fil-każ ta’ miżuri li joriġinaw mill-Istat, huwa l-awtur ta’ dawn il-miżuri li ma joriġinawx mill-Istat li għandu juri li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi ġew osservati (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Ċipru, C‑515/14, EU:C:2016:30, punt 54, u tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjativa), C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 77). |
|
143 |
F’dan il-każ, għaldaqstant hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar il-punt jekk ir-regoli tal-URBSFA inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfawx l-imsemmija kundizzjonijiet, fid-dawl tal-argumenti u tal-provi prodotti mill-partijiet. |
|
144 |
B’hekk, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li, kemm fid-dawl tal-funzjoni soċjali u edukattiva tal-isport, irrikonoxxuta fl-Artikolu 165 TFUE, kif ukoll, b’mod usa’, tal-importanza kunsiderevoli tal-isport fl-Unjoni, li ħafna drabi ġiet enfasizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan li jiġi inkoraġġut ir-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ plejers tal-futbol professjonali żgħażagħ jikkostitwixxi għan leġittimu ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman,C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 106, u tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais,C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 39). |
|
145 |
It-tieni, fir-rigward tan-natura adatta ta’ regoli bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jilħqu l-għan inkwistjoni, jeħtieġ li jiġi osservat qabel kollox, li dan l-għan jista’, f’ċerti każijiet u taħt ċerti kundizzjonijiet, jiġġustifika miżuri li, mingħajr ma jkunu kkonċepiti b’mod tali li jiggarantixxu, b’ċertezza u b’mod li jista’ jiġi kkwantifikat bil-quddiem, żieda jew intensifikazzjoni fir-reklutaġġ u fit-taħriġ tal-plejers żgħażagħ, jistgħu madankollu joħolqu inċentivi reali u sinjifikattivi f’dan is-sens (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman,C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 108 u 109, kif ukoll tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais,C‑325/08, EU:C:2010:143, punti 41 sa 45). |
|
146 |
Sussegwentement, hemm lok li jiġi osservat li, sa fejn regoli bħal dawn tal-URBSFA inkwistjoni fil-kawża prinċipali jobbligaw lill-klabbs tal-futbol professjonali li jixtiequ jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet tal-futbol ta’ bejn il-klabbs li jaqgħu taħt din l-assoċjazzjoni jinkludu fil-lista tal-plejers tagħhom u li jinkludu fil-lista tal-plejers tal-logħba numru minimu ta’ plejers żgħażagħ imrawma minn klabb li jaqa’ taħt l-imsemmija assoċjazzjoni, ikun liema klabb ikun, in-natura adatta tagħhom li jiggarantixxu li jintlaħaq l-għan li jikkonsisti fl-inkoraġġiment tar-reklutaġġ u t-taħriġ tal-plejers żgħażagħ fuq livell lokali jkollha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-elementi kollha rilevanti. |
|
147 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatt li, billi jqiegħdu fuq l-istess livell il-plejers żgħażagħ kollha li ġew imrawma minn klabb affiljat mal-assoċjazzjoni nazzjonali tal-futbol inkwistjoni, ikun liema klabb ikun, l-imsemmija regoli jistgħu ma jikkostitwixxux inċentivi reali u sinjifikattivi, għal uħud minn dawn il-klabbs, b’mod partikolari dawk li għandhom riżorsi finanzjarji sinjifikattivi, biex jirreklutaw plejers żgħażagħ bil-għan li jrawmuhom huma stess. Għall-kuntrarju, tali politika ta’ reklutaġġ u ta’ taħriġ, li għall-klabb ikkonċernat, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, tiswa, hija twila u hija inċerta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais,C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 42), hija mqiegħda fuq l-istess livell bħar-reklutaġġ ta’ plejers żgħażagħ diġà mrawma minn kwalunkwe klabb ieħor li wkoll huwa affiljat ma’ din l-assoċjazzjoni, ikun fejn ikun illokalizzat dan il-klabb ieħor fil-konfini territorjali tal-imsemmija assoċjazzjoni. Issa, huwa preċiżament l-investiment lokali fit-trawwim tal-plejers iż-żgħażagħ, b’mod partikolari meta dan isir minn klabbs żgħar, jekk ikun il-każ bi sħubija ma’ klabbs oħra fl-istess reġjun, ta’ daqs potenzjalment transkonfinali, li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-funzjoni soċjali u edukattiva tal-isport (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais,C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 44). |
|
148 |
It-tielet, ikollha tiġi eżaminata, kif jirriżulta mill-punti 131 u 132 ta’ din is-sentenza, in-natura neċessarja u proporzjonali tar-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari tan-numru minimu ta’ “plejers imrawma lokalment” li għandu jiġi inkluż fil-lista tal-plejers tal-klabbs u inkluż fil-lista tal-plejers tal-logħba, bis-saħħa ta’ dawn ir-regoli, b’kuntrast man-numru totali ta’ plejers li għandhom jinsabu f’dawn il-listi. |
|
149 |
L-elementi kollha msemmija fil-punti preċedenti ta’ din is-sentenza u, jekk ikun il-każ, l-elementi l-oħra li l-qorti tar-rinviju tista’ tqis li huma rilevanti fid-dawl ta’ din is-sentenza, għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ddettaljata u globali minn din il-qorti, fid-dawl tal-argumenti u tal-provi prodotti jew li għandhom jiġu prodotti mill-partijiet fil-kawża prinċipali. |
|
150 |
Fid-dawl tal-punti preċedenti kollha, jeħtieġ li r-risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, sa fejn dawn jirrigwardaw l-Artikolu 45 TFUE, tkun li dan l-artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli li ġew adottati minn assoċjazzjoni responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet tal-futbol fuq livell nazzjonali u li jobbligaw lil kull klabb li jipparteċipa f’dawn il-kompetizzjonijiet jinkludi fil-lista tal-plejers tiegħu kif ukoll iniżżel fil-lista tal-plejers tal-logħba numru minimu ta’ plejers imrawma fil-konfini territorjali ta’ din l-assoċjazzjoni, sakemm ma jiġix stabbilit li dawn ir-regoli huma tali li jiggarantixxu, b’mod koerenti u sistematiku, it-twettiq tal-għan li jikkonsisti fl-inkoraġġiment, fuq livell lokali, tar-reklutaġġ u t-taħriġ tal-plejers tal-futbol professjonali żgħażagħ, u li dawn ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex dan l-għan jintlaħaq. |
V. Fuq l‑ispejjeż
|
151 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.