SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

19 ta’ Ottubru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48/KE – Artikolu 13 – Proċeduri kriminali – Kamp ta’ applikazzjoni – Danni li jsofri l-proprjetarju ta’ trade mark bħala element li jikkostitwixxi l-ksur – Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS) – Artikolu 61 – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 51(1) – Implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Ġurisdizzjoni – Artikolu 49(1) u (3) – Legalità u proporzjonalità tal-pieni”

Fil‑Kawża C‑655/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rayonen sad – Nesebar (il-Qorti Distrettwali ta’ Nesebar, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Ottubru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Ottubru 2021, fil-proċeduri kriminali kontra

G. ST. T.,

fil-preżenza ta’:

Rayonna prokuratura Burgas, TO Nesebar,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu‑Matei (Relatriċi), J.‑C. Bonichot, S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u A. Kögl, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. L. Kalėda u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ April 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 32) u tal-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali li nbdew kontra G. ST. T. għal kontrafazzjoni ta’ trade marks.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

3

Il-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPS”), li jikkostitwixxi l-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil‑15 ta’ April 1994 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), għandu Parti III, intitolata “Infurzar tad-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali”.

4

L-Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPS, li jinsab fit-Taqsima 5, intitolata “Proċeduri kriminali”, ta’ din il-Parti III, jipprovdi:

“Il-Membri għandhom jipprovdu għall-proċeduri kriminali u penali sabiex ikunu applikati ta’ l-inqas fil-każi ta’ falsifikazzjoni ta’ trademark maħsuba jew piraterija tad-dritt ta’ l-awtur fuq skala kummerċjali. Ir-rimedji disponibbli għandhom jinkludu priġunerija u/jew multi ta’ flus biżżejjed sabiex jipprovdu deterrent, konsistentement bil-livell ta’ penali applikati għal delitti ta’ gravità li tikkorrespondi. F’każijiet xierqa, rimedji disponibbli għandhom ukoll jinkludu l-konfiska, s-sekwestru u l-qerda ta’ l-oġġetti li jiksru u ta’ kull materjal u jimplimentaw l-użu predominanti li kien [kull materjal u strument prinċipalment użati] fil-kummissjoni ta’ l-offiża. Il-Membri jistgħu jipprovdu għal proċeduri kriminali u penali sabiex ikunu applikati f’każijiet oħra ta’ tkissir ta’ drittijiet ta’ proprjetà intelletwali, partikolarment meta huma kommessi intenzjonalment u fuq skala kummerċjali.”

Id‑dritt tal‑Unjoni

5

Skont il-premessa 28 tad-Direttiva 2004/48:

“Mal-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji civili u amministrattivi stipulati f’din id-Direttiva, sanzjonijiet kriminali jikkostitwixxu wkoll, f’każijiet xierqa, il-mezzi biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.”

6

Skont l-Artikolu 1 tagħha, intitolat “Materja tas-suġġett”, din id-direttiva “tikkonċerna il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali”.

7

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Firxa ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti fil-Komunità jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il-mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw, skond l-Artikolu 3, għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-Komunità u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat.

2.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi fuq l-infurzar tad-drittijiet u fuq l-eċċezzjonijiet li qegħdin fil-leġislazzjoni tal-Komunità li jikkonċernaw id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet oħra relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur, l-aktar dawk li huma fid-[Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE ta’ l‑14 ta’ Mejju 1991 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU 1991, L 122, p. 42)] u, b’mod partikolari, l-Artikolu 7 [tagħha], jew fid-[Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230)] u, b’mod partikolari, l-Artikoli 2 sa 6 u l-Artikolu 8 [tagħha].

3.   Din id-Direttiva ma għandix taffettwa:

[…]

(b)

l-obbligazzjonijiet internazzjonali ta’ l-Istati Membri u l-aktar il-Ftehim TRIPS, li jinkludu dawk relatati mal-proċeduri kriminali u l-penalitajiet;

(ċ)

id-dispożizzjonijiet kollha ta’ l-Istati Membri relatati ma’ proċeduri kriminali jew penalitajiet fir-rigward tal-kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.”

8

L-Artikolu 13 tal-istess direttiva, intitolat “Id-danni”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, fuq l-applikazzjoni tal-parti li sarulha d-danni, jordnaw lill-kontravventur li kien jaf jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, daħal f’attività li tikkontravjeni, biex iħallas id-danni lid-detentur tad-dritt skond il-preġudizzju attwali soffert minnu/minnha riżultat tal-kontravvenzjoni.

Meta l-awtoritajiet ġudizzjarji jiffissaw id-danni:

(a)

Għandhom jikkunsidraw l-aspetti xierqa kollha, bħall-konsegwenzi negattivi ekonomiċi, li jinkludu qliegħ mitluf, li l‑parti li sarulha d-danni [sostniet], xi profitti inġusti li saru mill-kontravventur u, f’każijiet xierqa, elementi barra fatturi ekonomiċi, bħall-preġudizzju morali ikkawżat lid-detentur tad-dritt bil-kontravvenzjoni.

jew

(b)

bħala alternattiva għall-(a), huma jistgħu, f’każijiet xierqa, jistabbilixxu d-danni bħala somma waħda fuq bażi ta’ l-elementi bħal għall-inqas l-ammont ta’ royalties jew ħlasijiet li kieku riedu jitħallsu jekk il-kontravventur talab l-awtoriżazzjoni biex juża’ id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali in kwestjoni.

2.   Fejn il-kontravventur daħal f’attività li tikkontravjenu, u ma kiex jaf jew kien jaf imma kellu raġjunijiet validi, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jordnaw li jiġu rkuprati l-profitti jew il-pagament tad-danni, li jistgħu jkunu stabbiliti minn qabel.”

9

Skont l-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Is-sanzjonijiet mill-Istati Membri”:

“Mingħajr preġudizzju għall-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji ċivili u amministrattivi stipulati bid-Direttivi, l-Istati Membri jistgħu japplikaw għal sanzjonijiet oħra xierqa f’każijiet fejn id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ġew kontravvenuti.”

Id‑dritt Bulgaru

Il‑Kodiċi Kriminali

10

L-Artikolu 172b tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali), fil-verżjoni tiegħu li japplika għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Kriminali”), jipprovdi:

“(1)   Kull min, mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-dritt esklużiv, juża fil-kummerċ trade mark […] jeħel il-piena ta’ priġunerija għal żmien mhux iktar minn ħames snin u multa sa 5000 lev Bulgaru (BGN).

(2)   Jekk l-att imsemmi fil-paragrafu 1 ikun twettaq iktar minn darba jew ikun ikkawża effetti dannużi sinjifikattivi, il-piena hija priġunerija minn ħames sa tmien snin u multa minn BGN 5000 sa BGN 8000.

(3)   Ikun min ikun il-proprjetarju tiegħu, l-oġġett tar-reat kriminali għandu jiġi kkonfiskat favur l-Istat u meqrud.”

Iż‑ZMGO preċedenti u ż‑ZMGO ġdida

11

L-Artikolu 13 taż-zakon za markite i geografskite oznachenia (il-Liġi dwar it-Trade Marks u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, DV Nru 81, tal‑14 ta’ Settembru 1999), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZMGO preċedenti”), kien jipprevedi:

“(1)   Id-dritt ta’ trade mark jinkludi d-dritt tad-detentur tagħha li jużaha, li jiddisponi minnha u li jżomm lil kull terz milli juża fil-kummerċ, mingħajr il-kunsens tiegħu, kwalunkwe sinjal li:

1. ikun identiku għat-trade mark li tintuża b’rabta ma’ prodotti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trade mark;

2. minħabba li jkun identiku jew simili għat-trade mark u minħabba li jintuża b’rabta ma’ prodotti jew servizzi li huma identiċi jew simili għal dawk tat-trade mark, jinħoloq riskju ta’ konfużjoni f’moħħ il-konsumaturi, inkluż ir-riskju li s-sinjal jiġi assoċjat mat-trade mark;

3. ikun identiku jew simili għat-trade mark li tintuża b’rabta ma’ prodotti jew servizzi li ma humiex identiċi jew simili għal dawk li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trade mark, fejn din tal-aħħar ikollha isem tajjeb fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija u li l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ inġust min-natura distintiva jew mill-isem tajjeb tat-trademark […] jew ikun ta’ ħsara għalihom.

(2)   Isir użu fil-kummerċ fis-sens tal-paragrafu 1 billi:

1. jitwaħħal is-sinjal fuq il-prodotti jew l-ippakkjar tagħhom;

2. jiġu offruti l-prodotti b’dan is-sinjal jew jitqiegħdu fis-suq, jew jinħażnu għal dawn il-finijiet, jew jiġu offruti jew pprovduti servizzi taħt dak is-sinjal;

3. jiġu importati jew esportati prodotti b’dan is-sinjal;

[…]”

12

L-Artikolu 76b ta’ din il-liġi, intitolat “Każijiet speċjali ta’ kumpens”, kien jipprevedi:

“(1)   Meta t-talba tkun fondata iżda l-informazzjoni dwar l-ammont tagħha ma tkunx biżżejjed, min iressaq it-talba jista’ jitlob bħala kumpens:

1. minn BGN 500 sa BGN 100000, fejn id-determinazzjoni tal-ammont preċiż titħalla għall-evalwazzjoni tal-qorti taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 76a(2) u (3), jew

2. l-ekwivalenti tal-prezzijiet bl-imnut ta’ prodotti mmanifatturati legalment, identiċi jew simili għall-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur.

(2)   Sabiex jiġi ddeterminat il-kumpens skont il-paragrafu 1 għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-profitti li jinkisbu bħala riżultat tal-ksur.”

13

Intitolat “Ksur u sanzjonijiet amministrattivi”, l-Artikolu 81 tal-imsemmija liġi kien jipprovdi:

“(1)   Kull min juża fil-kummerċ, fis-sens tal-Artikolu 13, prodotti jew servizzi, li fuqhom jitwaħħal sinjal identiku jew simili għal trade mark irreġistrata, mingħajr il-kunsens tad-detentur tagħha, jeħel multa ta’ bejn BGN 500 u BGN 1500, u l-impriżi individwali u l-persuni ġuridiċi jeħlu sanzjoni pekunjarja ta’ bejn BGN 1000 u BGN 3000.

(2)   Fil-każ ta’ repetizzjoni tal-ksur, fis-sens tal-paragrafu 1, il-persuna tista’ teħel multa ta’ bejn BGN 1500 u BGN 3000, u l-impriżi individwali u persuni ġuridiċi jistgħu jeħlu sanzjoni pekunjarja ta’ bejn BGN 3000 u BGN 5000.

(3)   Il-ksur ikun irrepetut fejn jitwettaq fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni li timponi sanzjoni amministrattiva fuq il-persuna li tkun wettqet il-ksur għall-istess tip ta’ ksur.

[…]

(5)   Ikun min ikun il-proprjetarju tagħhom, il-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu kkonfiskati favur l-Istat u kkunsinnati sabiex jinqerdu u l-proprjetarju tat-trade mark jew persuna awtorizzata minnu tista’ tgħin sabiex jinqerdu dawn il-prodotti.

[…]”

14

Iż-ZMGO preċedenti tħassret u ġiet issostitwita biż-zakon za markite i geografskite oznachenia (il-Liġi dwar it-Trade Marks u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, DV Nru 98, tat‑13 ta’ Diċembru 2019, iktar ’il quddiem iż-“ZMGO ġdida”). L-Artikolu 13 taż-ZMGO ġdida jinkludi l-istess kliem tal-Artikolu 13 taż-ZMGO preċedenti qabel tħassar.

15

L-Artikolu 127 taż-ZMGO ġdida, intitolat “Ksur u sanzjonijiet amministrattivi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull min juża fil-kummerċ, fis-sens tal-Artikolu 13(1) u (2), prodotti jew servizzi, li fuqhom jitwaħħal sinjal identiku jew simili għal trade mark irreġistrata, mingħajr il-kunsens tad-detentur tagħha, jeħel multa ta’ bejn BGN 2000 u BGN 10000, u l-impriżi individwali u l-persuni ġuridiċi jeħlu sanzjoni pekunjarja ta’ bejn BGN 3000 u BGN 20000.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

16

G. ST. T. hija l-proprjetarja ta’ impriża individwali, li tinnegozja fis-suq tal-bejgħ ta’ ħwejjeġ.

17

Matul is-sena 2016, aġenti tal-Ministeru Bulgaru għall-Affarijiet Interni wettqu kontroll f’binja kummerċjali mikrija minn din l-impriża fil-komun ta’ Nesebar (il-Bulgarija) u ssekwestraw il-prodotti li kienu għall-bejgħ hemmhekk. Il-perizja legali li ġiet ordnata wriet li s-sinjali li twaħħlu fuq dawn il-prodotti kienu simili għal trade marks irreġistrati u stmat il-valur totali tal-imsemmija prodotti għal BGN 1404590 (madwar EUR 718000) “bħala oriġinali” u għal BGN 80201 (madwar EUR 41000) “bħala imitazzjonijiet”.

18

Ir-Rayonna prokuratura Burgas, TO Nesebar (il-Prosekutur Distrettwali ta’ Burgas, unità territorjali ta’ Nesebar, il-Bulgarija) qies li G. ST. T. kienet għalhekk, mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet esklużivi, użat fil-kummerċ it-trade marks li kienu s-suġġett ta’ dawn id-drittijiet esklużivi u li din l-attività kienet ikkawżat “effetti dannużi sinjifikattivi”, b’mod li l-persuna kkonċernata ntbagħtet lura quddiem ir-Rayonen sad - Nesebar (il-Qorti Distrettwali ta’ Nesebar, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju, mixlija b’reat ta’ kontrafazzjoni aggravata previst fl-Artikolu 172b(2) tal-Kodiċi Kriminali.

19

Ebda waħda mill-persuni ġuridiċi li sfaw vittmi ma ppreżentat talba għal kumpens kontra G. ST. T. u lanqas ma dehret bħala parti ċivili fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

20

Il-qorti tar-rinviju tispjega, essenzjalment, li, fil-kuntest tal-possibbiltà li għandhom l-Istati Membri, konformement mal-premessa 28 tad-Direttiva 2004/48, li jimponu sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, ir-Repubblika tal-Bulgarija introduċiet l-Artikolu 172b(1) u (2) tal-Kodiċi Kriminali. Din id-dispożizzjoni, fil-paragrafu 1 tagħha, tikklassifika bħala reat kriminali l-użu ta’ trade mark fil-kummerċ mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-dritt esklużiv u, fil-paragrafu 2 tagħha, tkopri l-każ fejn dan l-att ikun twettaq iktar minn darba jew ikun ikkawża “effetti dannużi sinjifikattivi”. Dan l-Istat Membru introduċa wkoll, fl-Artikolu 81(1) taż-ZMGO preċedenti, illum issostitwit bl-Artikolu 127(1) taż-ZMGO ġdida, ksur amministrattiv intiż li jissanzjona l-istess fatti.

21

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 172b(2) tal-Kodiċi Kriminali, li tipprovdi li d-danni li jsofri l-proprjetarju tat-trade mark jagħmlu parti mill-elementi kostituttivi tar-reat kriminali li hija tistabbilixxi, hijiex konformi mar-regoli dwar id-danni kkawżati minħabba eżerċizzju illegali ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali introdotti mid-Direttiva 2004/48 u, kemm‑il darba hija hekk konformi, jekk il-mekkaniżmu ta’ determinazzjoni tad-danni bbażat fuq preżunzjoni, jiġifieri skont il-valur tal-prodotti offruti għall-bejgħ bil-prezzijiet bl-imnut ta’ prodotti mmanifatturati legalment, introdott mill-ġurisprudenza Bulgara, huwiex konformi ma’ dawn ir-regoli.

22

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, sanċit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta, jippreżumi li leġiżlazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tistabbilixxi b’mod ċar il-limiti tal-aġir li jikkostitwixxi reat kriminali u, b’mod partikolari, tiddefinixxi l-elementi kostituttivi tar-reat inkwistjoni. Issa, fil-leġiżlazzjoni Bulgara jeżistu dispożizzjonijiet li jiddefinixxu l-istess aġir, jiġifieri l-użu fil-kummerċ ta’ trade mark fl-assenza ta’ kunsens tad-detentur tad-dritt esklużiv, bħala ksur amministrattiv (Artikolu 81(1) taż-ZMGO preċedenti u Artikolu 127(1) taż-ZMGO ġdida) u bħala reat kriminali (Artikolu 172b tal-Kodiċi Kriminali). Madankollu, din il-leġiżlazzjoni ma fiha ebda kriterju distintiv sabiex dak l-aġir jiġi kklassifikat bħala reat kriminali jew bħala ksur amministrattiv. Din l-assenza ta’ kriterju ċar u preċiż twassal għal prattiki kontradittorji u għal trattament mhux ugwali bejn individwi li jkunu wettqu prattikament l-istess atti.

23

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fid-dawl tas-severità tas-sanzjonijiet previsti sabiex jiġi ssanzjonat il-ksur imsemmi fl-Artikolu 172b(2) tal-Kodiċi Kriminali, jiġifieri piena għolja ta’ priġunerija flimkien ma’ multa kbira, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, sanċit fl-Artikolu 49(3) tal-Karta, jipprekludix leġiżlazzjoni bħal-leġiżlazzjoni Bulgara. Din il-qorti tippreċiża, f’dan il-kuntest, li l-possibbiltajiet ta’ tnaqqis fil-piena jew ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni huma limitati u li dawn il-pieni huma akkumpanjati mill-konfiska u mill-qerda tal-prodotti kontrafatti.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rayonen sad – Nesebar (il-Qorti Distrettwali ta’ Nesebar) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

Leġislazzjoni u ġurisprudenza li minnhom jirriżulta li d-danni mġarrba mid-detentur jagħmlu parti mill-elementi kostitwenti tar-reati kriminali previsti fl-Artikolu 172b(1) u (2) [tal-Kodiċi Kriminali], huma konformi mal-istandards dwar id-danni kkawżati mill-eżerċizzju illegali ta’ drittijiet intellettwali introdotti permezz tad-Direttiva [2004/48]?

(2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: il-mekkaniżmu ta’ preżunzjoni għad-determinazzjoni tad-danni, li ġie introdott fir-Repubblika tal-Bulgarija permezz tal-ġurisprudenza u li jwassal sabiex id-danni jiġu ddeterminati fl-ammont tal-valur tal-merkanzija offruta għall-bejgħ, ikkalkolat skont il-prezzijiet bl-imnut ta’ merkanzija prodotta b’mod legali, huwa konformi mal-istandards previsti fid-Direttiva 2004/48?

(3)

Leġizlazzjoni li ma tistabbilixxix distinzjoni bejn il-ksur amministrattiv (Artikolu 127(1) taż-[ZMGO ġdida] u Artikolu 81(1) taż-[ZMGO preċedenti] ir-reat kriminali previst fl-Artikolu 172b(1) [tal-Kodiċi Kriminali] u, fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, ir-reat kriminali previst fl-Artikolu 172b(2) [tal-Kodiċi Kriminali], hija konformi mal-prinċipju ta’ [nullum crimen, nulla poena sine lege], kif iddikjarat fl-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

(4)

Il-pieni previsti fl-Artikolu 172b(2) [tal-Kodiċi Kriminali], jiġifieri bejn ħames u tmien snin privazzjoni tal-libertà u multa ta’ bejn BGN 5000 u BGN 8000, huma konformi mal-prinċipju ddikjarat fl-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jipprovdi li s-severità tal-piena ma għandhiex tkun sproporzjonata għar-reat?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda

25

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni u ġurisprudenza nazzjonali li jipprovdu li l-entità tad-dannu mġarrab jinsab fost l-elementi kostituttivi tar-reat kriminali ta’ kontrafazzjoni aggravata ta’ trade mark. Fil-każ ta’ risposta negattiva, hija tistaqsi dwar jekk mekkaniżmu ta’ preżunzjoni għad-determinazzjoni tad-danni, huwiex konformi mal-istandards stabbiliti minn din l-istess direttiva.

26

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/48, li jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji previsti minnha japplikaw għal kull ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali previst mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, u li din id-direttiva hija bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali dwar l-infurzar tad-drittijiet u l-eċċezzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur.

27

Madankollu, dan l-istess Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/48 iżid, fil-paragrafu 3(b) u (ċ) tiegħu, li din tal-aħħar la taffettwa l-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw mill-konvenzjonijiet internazzjonali, u b’mod partikolari mill-Ftehim TRIPS, inkluż dawk relatati mal-proċeduri kriminali u s-sanzjonijiet applikabbli, u lanqas id-dispożizzjonijiet nazzjonali kollha relatati ma’ dawn il-proċeduri jew ma’ dawn is-sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

28

Barra minn hekk, l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva jippreċiża li, bla ħsara għall-miżuri, għall-proċeduri u għar-rimedji ċivili u amministrattivi li hija tipprevedi, l-Istati Membri jistgħu japplikaw sanzjonijiet oħra xierqa fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

29

Fl-aħħar nett, il-premessa 28 tal-imsemmija direttiva tiddikjara li, apparti l-imsemmija miżuri, proċeduri u rimedji ta’ natura ċivili u amministrattiva previsti taħt l-istess direttiva, sanzjonijiet kriminali jikkostitwixxu wkoll, f’każijiet xierqa, mezz sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

30

Minn dawn id-dispożizzjonijiet u minn din il-premessa jirriżulta li d-Direttiva 2004/48 ma tirregolax il-proċeduri u s-sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, filwaqt li tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jilleġiżlaw skont id-dritt nazzjonali jew internazzjonali sabiex jipprevedu sanzjonijiet, b’mod partikolari ta’ natura kriminali, li huma jqisu xierqa fil-każ ta’ ksur ta’ dawn id-drittijiet.

31

Skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija tkun adita mill-qorti nazzjonali, sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess jew l-ammissibbiltà tat-talba mressqa quddiemha. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm‑il darba enfasizzat li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu tal-ewwel tagħti lil tat-tieni l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni meħtieġa minnhom għas-soluzzjoni tat-tilwimiet li huma jkunu ntalbu jiddeċiedu u li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jkunx iġġustifikat għaliex jippermetti li jingħataw opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda għaliex ikun meħtieġ għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima. Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex il-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu adita biha (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny et (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑508/19, EU:C:2022:201, punti 59 sa 61, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

Issa, billi d-Direttiva 2004/48 ma tapplikax għar-regoli nazzjonali dwar il-proċeduri kriminali u s-sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva mitluba mill-qorti tar-rinviju permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha ma hijiex meħtieġa għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, liema kawża tikkostitwixxi proċedura purament kriminali.

33

Dan ifisser li l-ewwel u t-tieni domanda huma inammissibbli.

Fuq it‑tielet u r‑raba’ domanda

Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

34

Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 tal-Karta sabiex tivverifika l-kompatibbiltà tal-Artikolu 172b(2) tal-Kodiċi Kriminali ma’ dan tal-aħħar.

35

Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari li jsirulha fejn is-sitwazzjoni ġuridika li tkun wasslet għall-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li kull dispożizzjoni tal-Karta li tista’ tiġi invokata ma tistax, minnha nnifisha, tistabbilixxi din il-ġurisdizzjoni (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Viva Telecom Bulgaria, C‑257/20, EU:C:2022:125, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Il-Gvern Awstrijak isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-tielet u għar-raba’ domanda. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxux implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta u ma jistgħux, għaldaqstant, jiġu evalwati fid-dawl tal-Artikolu 49 tal-Karta.

37

F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar japplikaw għall-Istati Membri biss meta jkunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta japplikaw f’kull sitwazzjoni rregolata mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet (sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 1719 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et, C‑83/20, EU:C:2022:346, punti 2526).

38

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li, meta l-Istati Membri jwettqu l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni Ewropea, liema ftehim jagħmel parti integrali mid-dritt ta’ din tal-aħħar sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu, huma għandhom jitqiesu li qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Edukazzjoni Ogħla), C‑66/18, EU:C:2020:792, punti 69213).

39

Issa, il-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO, li jinkludi l-Ftehim TRIPS, ġie konkluż mill-Unjoni u jagħmel għalhekk parti integrali mid-dritt tal-Unjoni sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu, jiġifieri mill‑1 ta’ Jannar 1995 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punti 3940, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata u tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Edukazzjoni Ogħla), C‑66/18, EU:C:2020:792, punti 69 sa 71).

40

L-għan tal-Ftehim TRIPS huwa, fost oħrajn, li jitnaqqsu d-distorsjonijiet tal-kummerċ internazzjonali billi jiggarantixxi, fit-territorju ta’ kull wieħed mill-membri tal-WTO, protezzjoni effettiva u suffiċjenti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Il-Parti II tal-imsemmi ftehim tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq dan l-għan billi jiġu stabbiliti, għal kull wieħed mill-kategoriji prinċipali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, regoli li għandhom jiġu applikati għal kull membru tal-WTO (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi‑Aventis Deutschland, C‑414/11, EU:C:2013:520, punt 58). Fir-rigward tal-Parti III tal-istess ftehim, li wkoll tfittex li tilħaq dan l-istess għan, din tirrigwarda l-“infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali” u tistabbilixxi, b’mod partikolari, il-proċeduri u l-miżuri li l-membri tal-WTO għandhom l-obbligu, għall-finijiet ta’ dan l-għan, li jintroduċu fil-liġi tagħhom.

41

B’hekk, taħt it-Taqsima 5, intitolata “Proċeduri kriminali”, tal-Parti III tiegħu, l-Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPS jipprovdi li “l-Membri [tal-WTO] għandhom jipprovdu għall-proċeduri kriminali u penali sabiex ikunu applikati ta’ l-inqas fil-każi ta’ falsifikazzjoni ta’ trademark maħsuba jew piraterija tad-dritt ta’ l-awtur fuq skala kummerċjali”, li “r-rimedji disponibbli għandhom jinkludu priġunerija u/jew multi ta’ flus biżżejjed sabiex jipprovdu deterrent, konsistentement bil-livell ta’ penali applikati għal delitti ta’ gravità li tikkorrespondi” u li, “[f]’każijiet xierqa, rimedji disponibbli għandhom ukoll jinkludu l-konfiska, s-sekwestru u l-qerda ta’ l-oġġetti li jiksru u ta’ kull materjal u jimplimentaw l-użu predominanti li kien [kull materjal u strument prinċipalment użati] fil-kummissjoni ta’ l-offiża”.

42

Minn dan jirriżulta li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta l-Istati Membri jwettqu l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-Ftehim TRIPS, inkluż dawk l-obbligi li jimponi l-Artikolu 61 ta’ dan il-ftehim, huma għandhom jitqiesu li qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

43

Fil-fatt, l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPS, li jiġu previsti proċeduri kriminali li huma, tal-inqas fil-każ ta’ atti maħsuba ta’ kontrafazzjoni ta’ trade mark jew ta’ piraterija li jiksru dritt tal-awtur, imwettqa fuq skala kummerċjali, li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet effettivi, dissważivi u proporzjonati, jorbot lil kull wieħed mill-membri tal-WTO, inkluż l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u jagħmel, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, parti mid-dritt tal-Unjoni, irrispettivament mill-atti ta’ armonizzazzjoni interna. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li Stat Membru jkun qiegħed jimplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, meta jwettaq obbligu, stabbilit f’dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jiġu previsti sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi fir-rigward ta’ persuni responsabbli għall-ksur imsemmi f’din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et (C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 23), tapplika f’dan il-każ. Il-fatt li dan l-obbligu huwa stabbilit fi ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni u mhux f’att leġiżlattiv intern tagħha huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 38 ta’ din is-sentenza.

44

Konsegwentement, jekk Stat Membru jwettaq l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPS, dak l-Istat Membru jkun qiegħed jimplimenta d-dritt tal-Unjoni, b’mod li tkun tapplika l-Karta.

45

F’dan il-każ, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 172b(1) u (2) tal-Kodiċi Kriminali jidher li jikkostitwixxi implimentazzjoni mid-dritt Bulgaru tal-impenji taħt l-Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPS.

46

Dan ifisser li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-tielet u għar-raba’ domanda li sarulha.

Fuq il‑mertu

– Fuq it‑tielet domanda

47

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49(1) tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-każ ta’ użu fil-kummerċ ta’ trade mark mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-dritt esklużiv, li l-istess aġir jista’ jiġi kklassifikat kemm bħala ksur amministrattiv kif ukoll bħala reat kriminali, mingħajr ma tinkludi kriterji li jippermettu li l-ksur amministrattiv jinżamm distint mir-reat kriminali, jew saħansitra mir-reat kriminali aggravat.

48

Il-qorti tar-rinviju tispjega li, skont il-leġiżlazzjoni Bulgara, ċertu aġir jista’ jikkostitwixxi kemm ksur amministrattiv kif ukoll reat kriminali. Dan ikun il-każ fejn trade mark tintuża fil-kummerċ mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-dritt esklużiv, att li jikkostitwixxi mhux biss il-ksur amministrattiv imsemmi fl-Artikolu 81(1) taż-ZMGO preċedenti, li japplika għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda wkoll ir-reat kriminali ddefinit fl-Artikolu 172b(1) tal-Kodiċi Kriminali. Barra minn hekk, ir-reat kriminali previst fl-Artikolu 172b(2) ta’ dan il-kodiċi jikkoinċidi parzjalment, fir-rigward tal-elementi kostituttivi tiegħu, mal-Artikolu 172b(1) tal-imsemmi kodiċi, fis-sens li huwa wkoll ifittex li jissanzjona l-imsemmi użu pprojbit.

49

F’dan ir-rigward, skont il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, stabbilit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali għandhom josservaw ċerti rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà u ta’ prevedibbiltà, kemm fir-rigward tad-definizzjoni tar-reat, kif ukoll fir-rigward tad-determinazzjoni tal-piena (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Prokuratura Rejonowa w Słupsku, C‑634/18, EU:C:2020:455, punt 48).

50

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-prinċipju jikkostitwixxi espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali u jimplika, b’mod partikolari, li l-liġi għandha tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u l-pieni li jissanzjonawh (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg‑Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Dan ir-rekwiżit jiġi osservat meta l-parti f’kawża tkun f’qagħda, abbażi tal-formulazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti u, jekk ikun meħtieġ, bl-għajnuna tal-interpretazzjoni li jagħtu l-qrati u abbażi ta’ parir legali, li tkun taf liema atti jew ommissjonijiet jagħmluha kriminalment responsabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 56, kif ukoll tal‑5 ta’ Mejju 2022, BV, C‑570/20, EU:C:2022:348, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

F’dan il-każ, l-Artikolu 172b tal-Kodiċi Kriminali jipprevedi li kull użu fil-kummerċ ta’ trade mark mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-dritt esklużiv jikkostitwixxi reat kriminali u jagħti lok għall-impożizzjoni tal-pieni msemmija f’din id-dispożizzjoni.

53

Huwa minnu li, skont il-liġi Bulgara dwar it-trade marks, iż-ZMGO, dan l-istess aġir huwa kklassifikat ukoll bħala ksur amministrattiv u jista’ jagħti lok għall-impożizzjoni ta’ multa amministrattiva.

54

B’hekk, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-istess aġir, li jikkonsisti fl-użu fil-kummerċ ta’ trade mark mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-dritt esklużiv, huwa kklassifikat bħala reat kriminali u ksur amministrattiv u, għaldaqstant, jista’ jagħti lok kemm għal sanzjonijiet kriminali kif ukoll għal sanzjonijiet amministrattivi.

55

Madankollu, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huwa s-suġġett tar-raba’ domanda, l-Istati Membri jistgħu jimponu, għall-istess fatti, kombinazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi u kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 34 u tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 84, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56

Dan ifisser li, kemm‑il darba d-dispożizzjoni tal-liġi kriminali tkun, bħala tali, konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege mfakkra fil-punti 50 u 51 ta’ din is-sentenza, dan il-prinċipju ma jżommx leġiżlazzjoni nazzjonali milli tikklassifika l-istess aġir bħala reat kriminali u bħala ksur amministrattiv u milli tiddefinixxi, għalhekk, l-aġir issanzjonat minn tali reati b’termini simili, jew saħansitra identiċi.

57

Issa, l-użu fil-kummerċ ta’ trade mark mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-dritt esklużiv huwa ppreżentat mingħajr ambigwità mill-Artikolu 172b tal-Kodiċi Kriminali bħala reat kriminali li jagħti lok għall-pieni stabbiliti fih. F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 50 u 51 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege stabbilit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta għandu, bla ħsara għall-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, jitqies li ġie osservat.

58

Fir-rigward tal-fatt, irrilevat mill-qorti nazzjonali, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’mod partikolari, l-Artikolu 81(1) taż-ZMGO preċedenti u l-Artikolu 172b tal-Kodiċi Kriminali, ma tinkludix kriterji li jippermettu li l-ksur amministrattiv jinżamm distint mir-reat kriminali, għandu jiġi osservat li ma jirriżultax minn dan il-prinċipju rekwiżit li l-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tinkludi tali kriterji.

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 49(1) tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-każ ta’ użu fil-kummerċ ta’ trade mark mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-dritt esklużiv, li l-istess aġir jista’ jiġi kklassifikat kemm bħala ksur amministrattiv kif ukoll bħala reat kriminali, mingħajr ma tinkludi kriterji li jippermettu li l-ksur amministrattiv jinżamm distint mir-reat kriminali, billi l-ksur huwa deskritt b’termini simili, jew saħansitra identiċi, fil-liġi kriminali u fil-liġi dwar it-trade marks.

– Fuq ir‑raba’ domanda

60

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 49(3) tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li, fil-każ ta’ użu fil-kummerċ ta’ trade mark mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-dritt esklużiv, tipprevedi kemm l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali li jċaħħdu l-libertà kif ukoll l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali pekunjarji, fejn il-piena ta’ priġunerija tkun minn ħames sa tmien snin meta dan l-użu jkun sar iktar minn darba jew ikun ikkawża effetti dannużi sinjifikattivi.

61

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-limitu l-iktar baxx ta’ din il-piena ta’ priġunerija huwa għoli ħafna u li din il-piena tiġi imposta, apparti minn hekk, flimkien ma’ multa li l-ammont tagħha huwa wkoll għoli. Barra minn hekk, il-possibbiltajiet li għandha l-qorti li tnaqqasha jew li tissospendi l-eżekuzzjoni tagħha huma limitati ħafna. Fl-aħħar nett, il-miżura addizzjonali ta’ konfiska u ta’ qerda tal-proprjetà li hija l-oġġett tar-reat tikkontribwixxi sabiex tiżdied is-severità kumplessiva tas-sanzjonijiet imġarrba.

62

Skont l-Artikolu 49(3) tal-Karta, li, kif ġie rrilevat fil-punti 44 u 45 ta’ din is-sentenza, japplika kemm‑il darba d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun qiegħda timplimenta l-Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPS, l-intensità tal-pieni ma għandhiex tkun sproporzjonata meta mqabbla mar-reat.

63

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, filwaqt li jħalli l-għażla u l-modalitajiet tal-proċeduri kriminali u tas-sanzjonijiet applikabbli fid-diskrezzjoni tal-membri tal-WTO, l-Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPS jobbliga lil dawn tal-aħħar li tal-inqas jissanzjonaw kriminalment ċertu ksur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali, bħall-atti maħsuba ta’ kontrafazzjoni ta’ trade mark ta’ ditta jew ta’ kummerċ imwettqa fuq skala kummerċjali. Barra minn hekk, dan l-artikolu jindika li s-sanzjonijiet għandhom jinkludu “l-priġunerija u/jew multi suffiċjenti sabiex ikunu ta’ deterrent” u għandhom ikunu “relatati mal-livell tal-pieni applikati għal reati ta’ gravità korrispondenti”. Fil-każijiet xierqa, ir-“rimedji disponibbli għandhom ukoll jinkludu l-konfiska, s-sekwestru u l-qerda ta’ l-oġġetti li jiksru u ta’ kull materjal u jimplimentaw l-użu predominanti li kien [kull materjal u strument prinċipalment użati] fil-kummissjoni ta’ l-offiża”.

64

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, fl-assenza ta’ miżuri leġiżlattivi interni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli, l-Istati Membri huma kompetenti sabiex jiddeterminaw in-natura u l-livell ta’ dawn is-sanzjonijiet, b’osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, K. M. (Sanzjonijiet imposti fuq il‑kaptan ta’ bastiment), C‑77/20, EU:C:2021:112, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, konformement ma’ dan il-prinċipju tal-aħħar, il-miżuri repressivi permessi minn leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhomx imorru lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet li din il-leġiżlazzjoni leġittimament tfittex li tilħaq. Il-ħruxija tas-sanzjonijiet għandha tkun approporzjonat tal-gravità tal-ksur li huma jissanzjonaw, billi, b’mod partikolari, jiżguraw effett tassew dissważiv, filwaqt li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Frar 2021, K. M. (Sanzjonijiet imposti fuq il‑kaptan ta’ bastiment), C‑77/20, EU:C:2021:112, punti 3738, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑14 ta’ Ottubru 2021, Landespolizeidirektion Steiermark (Magni tal‑logħob), C‑231/20, EU:C:2021:845, punt 45).

66

B’hekk, fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi kumulu ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali, bħall-kumulu ta’ sanzjonijiet pekunjarji u ta’ pieni li jċaħħdu l-libertà, l-awtoritajiet kompetenti jkollhom l-obbligu li jiżguraw li s-severità tas-sanzjonijiet imposti kollha ma tmurx lil hinn mill-gravità tar-reat ikkonstatat, għaliex inkella jinkiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BV, C‑570/20, EU:C:2022:348, punti 4950).

67

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li fid-determinazzjoni tas-sanzjoni u tal-ammont tal-multa, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Link Logistik N&N, C‑384/17, EU:C:2018:810, punt 45).

68

Sabiex tiġi evalwata l-proporzjonalità tas-sanzjonijiet, għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li għandha l-qorti nazzjonali li tibdel il-klassifikazzjoni skont dik li tinsab fl-att ta’ akkuża, liema possibbiltà hija ta’ natura li twassal għall-applikazzjoni ta’ sanzjoni inqas severa, u dik li taġġusta s-sanzjoni skont il-gravità tal-ksur ikkonstatat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, Chmielewski, C‑255/14, EU:C:2015:475, punt 26, u tal‑11 ta’ Frar 2021, K. M. (Sanzjonijiet imposti fuq il-kaptan ta’ bastiment), C‑77/20, EU:C:2021:112, punt 51).

69

F’dan il-każ, fl-ewwel lok, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 172b(2) tal-Kodiċi Kriminali, li abbażi tiegħu nbdew il-proċeduri kontra G. ST. T., jfittex li jissanzjona l-użu fil-kummerċ ta’ trade mark mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-dritt esklużiv meta dan l-użu jkun ta’ ċerta gravità, jew għaliex ikun sar iktar minn darba, jew għaliex ikun ikkawża effetti dannużi sinjifikattivi.

70

Sa fejn tipprevedi, bħala sanzjoni għal tali att, piena ta’ priġunerija ta’ bejn ħames u tmien snin u multa ta’ bejn BGN 5000 u BGN 8000, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tidher xierqa sabiex tilħaq l-għanijiet leġittimi mfittxija mill-Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPS, li jimponi li jiġu ssanzjonati kriminalment u b’mod suffiċjentement dissważiv, tal-inqas, l-atti maħsuba ta’ kontrafazzjoni ta’ trade mark imwettqa fuq skala kummerċjali.

71

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-miżura tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-piena ta’ priġunerija prevista għar-reat ta’ kontrafazzjoni aggravata, previst fl-Artikolu 172b(2) tal-Kodiċi Kriminali, hija stabbilita għal limitu minimu ta’ ħames snin, limitu li l-qorti tar-rinviju tqis bħala li huwa “estremament għoli”.

72

Barra minn hekk, din l-istess dispożizzjoni tipprevedi li, flimkien ma’ din il-piena ta’ priġunerija, tiġi imposta wkoll multa ta’ natura kriminali ta’ bejn BGN 5000 u BGN 8000, li din il-qorti wkoll tqisha bħala waħda għolja.

73

L-imsemmija qorti ssemmi wkoll l-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 172b(3) tal-Kodiċi Kriminali, li tiġi imposta miżura addizzjonali li tikkonsisti fil-konfiska tal-proprjetà li hija l-oġġett tar-reat u l-qerda tagħha. Dawn il-miżuri jikkontribwixxu, fil-fehma tal-istess qorti, sabiex tiżdied is-severità tas-sanzjoni imposta kumplessivament.

74

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, kif ġie mfakkar fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPS jipprevedi li s-sanzjonijiet li l-membri tal-WTO għandhom jimponu “għandhom jinkludu priġunerija u/jew multi ta’ flus biżżejjed sabiex jipprovdu deterrent”. Billi tuża l-konġunzjonijiet “u” u “jew”, din id-dispożizzjoni b’hekk tawtorizza lil dawn il-membri jipprevedu, fil-leġiżlazzjoni tagħhom, il-kumulu ta’ piena ta’ priġunerija u ta’ multa sabiex jiġi ssanzjonat dan l-aġir.

75

Barra minn hekk, l-imsemmi Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPS jobbliga lill-membri tal-WTO jipprevedu li, fil-każijiet xierqa, ir-“rimedji disponibbli għandhom ukoll jinkludu l-konfiska, s-sekwestru u l-qerda ta’ l-oġġetti li jiksru u ta’ kull materjal u jimplimentaw l-użu predominanti li kien [kull materjal u strument prinċipalment użati] fil-kummissjoni ta’ l-offiża.” Tali miżuri, minbarra l-konsegwenzi finanzjarji li jinvolvu għall-awtur tal-kontrafazzjoni, huma ta’ natura li jikkontribwixxu għall-effikaċja tas-sanzjoni fis-sens li jevitaw li merkanzija li tikser dritt intellettwali tkun tista’ tibqa’ fis-suq u tkun is-suġġett ta’ użu sussegwenti.

76

B’hekk, huma d-dispożizzjonijiet stess tal-Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPS li jeżiġu grad ta’ severità suffiċjentement għoli sabiex jiġi evitat li l-aġir inkriminat jitwettaq jew jirrepeti ruħu.

77

Konsegwentement, ma jistax jiġi affermat li leġiżlazzjoni kriminali, introdotta minn Stat Membru sabiex jissanzjona atti ta’ kontrafazzjoni ta’ trade mark ta’ ċerta gravità, hija sproporzjonata minħabba s-sempliċi fatt li hija tipprevedi, f’każijiet xierqa, minbarra l-impożizzjoni ta’ multa u d-distruzzjoni tal-merkanzija inkwistjoni u tal-għodda li tkun intużat sabiex jitwettaq ir-reat, l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija.

78

Madankollu, kif jirriżulta wkoll mill-imsemmi Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPS, li jirrifletti, f’dan ir-rigward, ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità stabbilit ukoll fl-Artikolu 49(3) tal-Karta, kull sanzjoni kriminali prevista minn din il-leġiżlazzjoni għandha tkun approporzjon tal-gravità tad-delitt korrispondenti.

79

Issa, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, l-aġir illegali msemmi fl-Artikolu 172b tal-Kodiċi Kriminali, li jikkonsisti fl-“użu” fil-kummerċ ta’ trade mark mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-dritt esklużiv, jidher li jkopri l-atti kollha msemmija fl-Artikolu 13(1) u (2) taż-ZMGO, kemm dik preċedenti kif ukoll dik ġdida. Dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar jikkorrispondu, essenzjalment, għall-Artikolu 10(2) u (3) tad-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1).

80

B’hekk, jidher li l-Artikolu 172b tal-Kodiċi Kriminali jista’ jikkonċerna kull att ta’ użu, fil-kummerċ, ta’ trade mark mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-dritt esklużiv. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 172b(2) ta’ dan il-kodiċi, kull att li jikkorrispondi għal din id-deskrizzjoni u li jkun irripeta ruħu jew ikun ikkawża effetti dannużi sinjifikattivi, huwa punibbli, b’mod partikolari, b’piena ta’ priġunerija ta’ mill-inqas ħames snin.

81

Għalkemm tali sanzjoni ma hijiex neċessarjament sproporzjonata f’ċerti każijiet ta’ kontrafazzjoni, għandu jiġi kkonstatat, madankollu, li dispożizzjoni bħall-Artikolu 172b(2) tal-Kodiċi Kriminali, li tassoċja deskrizzjoni ta’ ksur partikolarment wiesgħa ma’ piena ta’ priġunerija ta’ mill-inqas ħames snin, ma tippermettix li tiġi ggarantita l-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li, f’kull każ individwali, konformement mal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 49(3) tal-Karta mfakkar fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, jiżguraw li s-severità tas-sanzjonijiet imposti ma tmurx lil hinn mill-gravità tal-ksur ikkonstatat.

82

Dawn l-awtoritajiet jistgħu, fil-fatt, jintalbu jeżaminaw atti ta’ użu mingħajr kunsens ta’ trade mark li, fil-kummerċ, l-effett tagħhom jibqa’ partikolarment limitat, anki jekk dawn l-atti jkunu twettqu b’mod maħsub u iktar minn darba.

83

L-imsemmija awtoritajiet jistgħu wkoll jintalbu, lil hinn mill-każijiet li jirrigwardaw prodotti kontrafatti, jeżaminaw atti ta’ użu mingħajr kunsens ta’ trade mark li, filwaqt li jkunu twettqu b’mod maħsub, iktar minn darba u b’effetti kunsiderevoli fil-kummerċ, jirriżulta li jkunu illegali biss wara evalwazzjoni kumplessa tal-portata tad-dritt esklużiv.

84

Billi tipprevedi piena ta’ priġunerija ta’ mill-inqas ħames snin għall-każijiet kollha ta’ użu mhux awtorizzat ta’ trade mark fil-kummerċ, dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali bħal dik imsemmija fir-raba’ domanda magħmula tagħmel diffiċli ħafna l-kompitu tal-awtoritajiet kompetenti li jistabbilixxu, fid-dawl tal-informazzjoni rilevanti kollha, sanzjoni li s-severità tagħha ma tmurx lil hinn mill-gravità tal-ksur ikkonstatat.

85

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju indikat li l-possibbiltà li joffri d-dritt kriminali Bulgaru li tiġi stabbilita piena inferjuri għall-piena minima prevista fl-Artikolu 172b(2) tal-Kodiċi Kriminali hija limitata għall-każijiet fejn iċ-ċirkustanzi attenwanti jkunu eċċezzjonali jew numerużi. Din il-qorti indikat ukoll li l-possibbiltà li tiġi sospiża l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija teżisti biss jekk din il-piena ma taqbiżx it-tliet snin. Fid-dawl tad-determinazzjoni, fl-Artikolu 172b(2) tal-Kodiċi Kriminali, ta’ piena ta’ priġunerija ta’ mill-inqas ħames snin għall-każijiet kollha ta’ użu mhux awtorizzat ta’ trade mark fil-kummerċ, dawn il-possibbiltajiet limitati ta’ tnaqqis tal-piena u ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni jistgħu jirriżultaw insuffiċjenti sabiex, f’kull każ, is-sanzjoni titnaqqas għal piena li hija approporzjon ta’ din il-gravità.

86

Fid-dawl tal-premess, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 49(3) tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li, fil-każ ta’ użu fil-kummerċ ta’ trade mark mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-dritt esklużiv, iktar minn darba jew b’effetti dannużi sinjifikattivi, tipprevedi piena minima ta’ ħames snin priġunerija.

Fuq l‑ispejjeż

87

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-każ ta’ użu fil-kummerċ ta’ trade mark mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-dritt esklużiv, li l-istess aġir jista’ jiġi kklassifikat kemm bħala ksur amministrattiv kif ukoll bħala reat kriminali, mingħajr ma tinkludi kriterji li jippermettu li l-ksur amministrattiv jinżamm distint mir-reat kriminali, billi l-ksur huwa deskritt b’termini simili, jew saħansitra identiċi, fil-liġi kriminali u fil-liġi dwar it-trade marks.

 

2)

L-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li, fil-każ ta’ użu fil-kummerċ ta’ trade mark mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-dritt esklużiv, iktar minn darba jew b’effetti dannużi sinjifikattivi, tipprevedi piena minima ta’ ħames snin priġunerija.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.