Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

11 ta’ Ġunju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja – Politika komuni fil-qasam tal-ażil – Direttiva 2011/95/UE – Kundizzjonijiet sabiex persuna tkun tista’ tibbenefika mill-istatus ta’ refuġjat – Artikolu 2(d) u (e) – Raġunijiet għall-persekuzzjoni – Artikolu 10(1)(d) u (2) – ‘Sħubija fi grupp soċjali partikolari’ – Artikolu 4 – Evalwazzjoni individwali tal-fatti u taċ-ċirkustanzi – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 10(3) – Kundizzjonijiet li huwa suġġett għalihom l-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali – Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – L-aħjar interessi tal-wild – Determinazzjoni – Ċittadini ta’ pajjiż terz minuri li jidentifikaw ruħhom mal-valur fundamentali tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel minħabba r-residenza tagħhom fi Stat Membru”

Fil-Kawża C‑646/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ‘s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Ottubru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Ottubru 2021, fil-proċedura

K,

L

vs

Staatsecretaris van Justitie en Veiligheid,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, C. Lycourgos, E. Regan, F. Biltgen u N. Piçarra (Relatur), Presidenti ta’ Awla, P. G. Xuereb, L. S. Rossi, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen, N. Wahl, I. Ziemele u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑18 ta’ April 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal K u L, minn B.W.M. Toemen u Y. E. Verkouter, advocaten, assistiti minn S. Rafi, esperta,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman, A. Hanje u A. M. de Ree, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn L. Halajová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn M. Michelogiannaki u T. Papadopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis u A. Pérez-Zurita Gutiérrez, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn A.-L. Desjonquères u J. Illouz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn Zs. Biró-Tóth u M. Z. Fehér, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Lulju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 10(1)(d) u (2) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn K u L minn naħa u l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) dwar iċ-ċaħda, minn dan tal-aħħar, tal-applikazzjonijiet sussegwenti tagħhom għal protezzjoni internazzjonali.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt internazzjonali

 IlKonvenzjoni ta’ Genève

3        Skont il-punt 2 tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954, kif issupplimentata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”): “għall-finijiet ta’ din il-konvenzjoni, it-terminu ‘refuġjat’ għandu japplika għal kwalunkwe persuna li, minħabba f’biża’ bir-raġun li tiġi ppersegwitata għar-raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, sħubija fi grupp soċjali partikolari jew opinjoni politika, tkun barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma tkunx tista’ jew, minħabba din il-biża’, ma tkunx tixtieq tapprofitta ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż; [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Iċ-CEDEF

4        Skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, (iktar ’il quddiem iċ-“CEDEF”), adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit‑18 ta’ Diċembru 1979, li daħlet fis-seħħ fit‑3 ta’ Settembru 1981 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1249, Nru I-20378, p. 13) u li l-Istati Membri kollha huma partijiet għaliha, “[g]ħall-finijiet ta’ [din il-konvenzjoni] [l]-espressjoni ‘diskriminazzjoni kontra n-nisa’ tkopri kwalunkwe distinzjoni, esklużjoni jew restrizzjoni bbażata fuq is-sess li għandha l-effett jew l-iskop li tfixkel jew tħassar ir-rikonoxximent, it-tgawdija jew l-eżerċizzju min-nisa, irrispettivament mill-istat ċivili tagħhom, fuq il-bażi tal-ugwaljanza tal-irġiel u tan-nisa, tad-drittijiet [tal-bniedem] u l-libertajiet fundamentali fl-oqsma politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali u ċivili jew fi kwalunkwe qasam ieħor.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        L-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi li l-Istati Partijiet għandhom, fl-oqsma kollha, b’mod partikolari fl-oqsma politiċi, soċjali, ekonomiċi u kulturali, jieħdu l-miżuri xierqa kollha, inklużi dispożizzjonijiet leġiżlattivi, sabiex jiżguraw l-iżvilupp sħiħ u l-progress tan-nisa, sabiex jiggarantixxu lilhom l-eżerċizzju u t-tgawdija tad-drittijiet [tal-bniedem] u tal-libertajiet fundamentali fuq il-bażi tal-ugwaljanza mal-irġiel.

6        Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija konvenzjoni, l-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jimmodifikaw l-iskemi u l-mudelli ta’ mġiba soċjokulturali tal-irġiel u tan-nisa bil-ħsieb li tinkiseb l-eliminazzjoni ta’ preġudizzji u prattiki konswetudinali, jew ta’ kwalunkwe tip ieħor, li huma bbażati fuq l-idea ta’ inferjorità jew tas-superjorità ta’ sess wieħed jew l-ieħor jew ta’ rwol sterjotipiku tal-irġiel u tan-nisa.”

7        Skont l-Artikoli 7, 10 u 16 tal-istess konvenzjoni, l-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jeliminaw id-diskriminazzjoni kontra n-nisa fil-ħajja politika u pubblika tal-pajjiż, f’dak li jirrigwarda l-edukazzjoni kif ukoll fil-kwistjonijiet kollha li jirriżultaw miż-żwieġ u fir-relazzjonijiet familjari.

 IlKonvenzjoni ta’ Istanbul

8        Konformement mal-Artikolu 1 tagħha, il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika, konkluża f’Istanbul fil‑11 ta’ Mejju 2011, iffirmata mill-Unjoni Ewropea fit‑13 ta’ Ġunju 2017, approvata f’isimha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 tal‑1 ta’ Ġunju 2023 (ĠU 2023, L 143, p. 4) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Istanbul”), u li daħlet fis-seħħ, fir-rigward tal-Unjoni, fl‑1 ta’ Ottubru 2023, għandha l-għan b’mod partikolari kemm li tipproteġi lin-nisa minn kull forma ta’ vjolenza, kif ukoll li tipprevjeni, takkuża u telimina l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, kif ukoll li tikkontribwixxi għall-eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-promozzjoni tal-ugwaljanza reali bejn in-nisa u l-irġiel, inkluż billi n-nisa jsiru awtonomi.

9        L-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni jippreċiża li għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħha, l-espressjoni “vjolenza kontra n-nisa” għandha tinftiehem bħala ksur tad-drittijiet tal-bniedem u forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa, u tirreferi għall-atti kollha ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess li jirriżultaw fi, jew li jistgħu jirriżultaw f’danni jew tbatija ta’ natura fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika, inkluż it-theddid ta’ atti bħal dawn, kostrizzjoni jew deprivazzjoni arbitrarja tal-libertà, kemm jekk dan isir fil-ħajja pubblika kif ukoll fil-ħajja privata.

10      L-Artikolu 4(2) tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi:

“Il-Partijiet jikkundannaw il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa u, mingħajr dewmien, jieħdu miżuri leġislattivi u oħrajn neċessarji sabiex jiġi evitat dan, b’mod partikolari billi:

–        jinkorporaw fil-kostituzzjonijiet nazzjonali tagħhom jew leġiżlazzjoni xierqa oħra l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u jiżguraw it-twettiq fil-prattika ta’ dan il-prinċipju;

–        jipprojbixxu d-diskriminazzjoni kontra n-nisa, inkluż permezz tal-użu ta’ sanzjonijiet, fejn xieraq;

–        jabolixxu liġijiet u prattiki li jiddiskriminaw kontra n-nisa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

11      L-Artikolu 60 tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul huwa fformulat kif ġej:

“1      Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex jiżguraw li l-vjolenza bbażata fuq is-sess tkun tista’ tiġi rrikonoxxuta bħala forma ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 1, Taqsima A, tal-Konvenzjoni ta’ Genève u bħala forma ta’ perikolu serju li jagħti lok għal protezzjoni kumplimentari/sussidjarja.

2      Il-Partijiet għandhom jiżguraw li tingħata interpretazzjoni li hija sensittiva għad-differenza bejn is-sessi għal kull waħda mir-raġunijiet tal-Konvenzjoni ta’ Genève u li l-applikanti għal ażil jingħataw l-istatus ta’ refuġjat fil-każ fejn jiġi stabbilit li l-biża’ ta’ persekuzzjoni tkun ibbażata fuq waħda jew iktar minn dawn ir-raġunijiet, skont l-istrumenti rilevanti applikabbli.

[...]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 2011/95

12      Skont il-premessi 4, 16, 24 u 30 tad-Direttiva 2011/95:

“(4)      Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u l-Protokoll jipprovdu l-pedament tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati.

[...]

(16)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-[Karta]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u d-dritt għall-ażil għal applikanti u għall-membri tal-familja li jakkompanjawhom u sabiex tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 7, 11, 14, 15, 16, 18, 21, 24, 34 u 35 ta’ dik il-Karta u għandha għalhekk tiġi implimentata kif meħtieġ.

[...]

(18)      L-‘aħjar interessi tat-tfal’, għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja tal-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw din id-Direttiva, skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Fl-evalwazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal, l-Istati Membri għandhom partikolarment jikkunsidraw b’mod xieraq il-prinċipju tal-unità tal-familja, il-benesseri tal-minuri u l-iżvilupp soċjali, il-kunsiderazzjonijiet tas-sikurezza u tas-sigurtà u l-opinjonijiet tal-minuri skont l-età u l-maturità tiegħu/jew tagħha.

[...]

(30)      Hu ugwalment meħtieġ li jiġi introdott kunċett komuni tal-bażi ta’ persekuzzjoni ‘sħubija fi grupp soċjali partikolari’. Minħabba l-bżonn li tingħata tifsira ta’ grupp soċjali partikolari, kwistjonijiet li joħorġu mis-sess ta’ applikant, inkluża l-identità sesswali u l-orjentazzjoni sesswali, li jistgħu jkunu relatati ma’ ċerti tradizzjonijiet u drawwiet legali, li jirriżultaw pereżempju f’mutilazzjoni ġenitali, sterilizzazzjoni furzata, jew abort furzat, għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni li jixirqilhom, sakemm ikunu relatati mal-biża’ ġustifikata tal-applikant minn persekuzzjoni.”

13      L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)      ‘protezzjoni internazzjonali’ tfisser l-istatus ta’ refuġjat u ta’ protezzjoni sussidjarja kif definit f’punti (e) u (g);

[...]

d)      ‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħda barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma tistax jew, minħabba f’dan il-biża’, ma tixtieqx tirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għaliha;

e)      ‘status ta’ refuġjat’ ifisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bħala refuġjat;

[...]

i)      ‘applikant’ ifisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li għamel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha għadha ma ttiħditx deċiżjoni finali;

[...]

k)      ‘minuri’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla stat taħt l-età ta’ 18-il sena;

[...]

n)      ‘pajjiż ta’ oriġini’ ifisser il-pajjiż jew pajjiżi ta’ nazzjonalità jew, għal persuni mingħajr stat, ta’ residenza abitwali ta’ qabel.”

14      L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Eżami ta’ fatti u ċirkostanzi”, li jinsab fil-Kapitolu II tagħha, dwar l-“[e]żami ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jqisuh bħala d-dmir tal-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’kooperazzjoni mal-applikant huwa d-dmir tal-Istat Membru li jeżamina l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni.

2.      L-elementi msemmija fil-paragrafu 1 jikkonsistu mid-dikjarazzjonijiet tal-applikant u d-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant rigward l-età tal-applikant, l-isfond, inkluż dawk ta’ qraba rilevanti, l-identità, in-nazzjonalità(jiet), il-pajjiż(i) u l-post(ijiet) ta’ residenza ta’ qabel, l-applikazzjonijiet ta’ ażil preċedenti, ir-rotot ta’ vjaġġar, id-dokumenti ta’ vjaġġar u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

3.      L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:

a)      il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ oriġini fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni, inkluż liġijiet u regolamenti tal-pajjiż tal-oriġini u l-manjiera li biha jiġu applikati;

[...]

c)      il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, inkluż fatturi bħal ma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, is-sess u l-età, sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista’ jiġi espost ikunu jammontaw għal persekuzzjoni jew periklu serju;

...

5.      Fejn Stati Membri japplikaw il-prinċipju skont liema huwa d-dmir tal-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u fejn aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant mhumiex appoġġjati minn xhieda dokumentarja jew xhieda oħra, dawk l-aspetti m’għandhomx jeħtieġu konferma, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

[...]

c)      id-dikjarazzjonijiet tal-applikant jinstabu li huma koerenti u plawżibbli [...]

[...]

e)      il-kredibilità ġenerali tal-applikant tkun ġiet stabbilita.”

15      L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Atti ta’ persekuzzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Sabiex din titqies bħala att ta’ persekuzzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, att għandu:

a)      ikun serju biżżejjed fin-natura jew ripetizzjoni tiegħuli jikkostitwixxi vjolazzjoni serja ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem, partikolarment id-drittijiet li ma tistax issir deroga minnhom skont l-Artikolu 15(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fondamentali [, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950]; jew

b)      ikunu akkumulazzjoni ta’ diversi miżuri, inkluż vjolazzjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem li huwa serju biżżejjed li jaffettwa individwu f’manjiera simili kif imsemmi f’punt (a).

2.      Atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikati fil-paragrafu 1, jistgħu, fost ħwejjeġ oħra, jieħdu l-forma ta’:

[...]

f)      atti ta’ natura speċifika għas-sess jew għat-tfal.”

16      L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Raġunijiet għal persekuzzjoni”, jipprovdi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom iqisu l-elementi li ġejjin meta jivvalutaw ir-raġunijiet għal persekuzzjoni:

[...]

d)      grupp għandu jitqies li jifforma grupp soċjali partikolari fejn partikolarment:

–        membri ta’ dak il-grupp jaqsmu karatteristika innata jew sfond komuni li ma jistax jinbidel, jew jaqsmu karatteristika jew twemmin li tant huwa fondamentali għall-identità jew il-kuxjenza li persuna m’għandhiex tiġi sfurzata li tirrinunċja għalih;

–        grupp għandu identità distinta fil-pajjiż rilevanti, minħabba li hija meqjusa bħala differenti mis-soċjeta ta’ madwaru.

[...] Aspetti relatati mas-sess, inkluża l-identità sesswali, għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni li jixirqilhom sabiex tiġi determinata sħubija fi grupp soċjali partikolari jew identifikata karatteristika ta’ grupp bħal dan;

[...]

2.      Fil-valutazzjoni ta’ jekk applikant għandux biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni mhuwiex importanti jekk l-applikant fil-verità għandux il-karatteristika [marbuta mal-appartenenza għal grupp soċjali partikolari] li tattira l-persekuzzjoni, sakemm din il-karatteristika tkun attribbwita għall-applikant mill-attur ta’ persekuzzjoni.”

17      L-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, li jinsab fil-Kapitolu VII tagħha, dwar il-“[k]ontenut ta’ protezzjoni internazzjonali”, jipprovdi fil-paragrafi (3) u (5) tiegħu:

“3.      Fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri għandhom iqisu s-sitwazzjoni speċifika ta’ persuni vulnerabbli bħal ma huma minuri, minuri mhux akkumpanjati [...], ġenituri li jrabbu waħedhom bi tfal minuri [...]

[...]

5.      L-aħjar interessi tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri meta jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu li jinvolvi minuri.”

 IdDirettiva 2013/32/UE

18      L-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), jiddefinixxi “applikazzjoni sussegwenti” bħala “applikazzjoni oħra għall-protezzjoni internazzjonali li ssir wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti [...]”.

19      L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Rekwiżiti għall-eżami ta’ applikazzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet mill-awtorità determinanti dwar applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jiġu meħuda wara eżami adegwat. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

a)      l-applikazzjonijiet jiġu eżaminati u d-deċiżjonijiet jiġu meħuda individwalment, oġġettivament u imparzjalment;

b)      tinkiseb informazzjoni preċiża u aġġornata minn sorsi varji, bħall-[Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO)] u l-[Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR)] u organizzazzjonijiet rilevanti tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali, rigward is-sitwazzjoni ġenerali li teżisti fil-pajjiżi ta’ origini tal-applikanti u, [...] li tali informazzjoni issir disponibbli għall-persunal responsabbli mill-eżami tal-applikazzjonijiet u mit-teħid ta’ deċiżjonijiet;

[...]

d)      il-persunal li jeżamina l-applikazzjonijiet u li jieħu d-deċiżjonijiet għandu l-possibbiltà li jitlob parir, meta jkun meħtieġ, minn esperti dwar kwistjonijiet partikolari, bħal pereżempju kwistjonijiet mediċi, kulturali, dwar it-tfal jew is-sess.”

20      Skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva, “[l]-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu fil-liġi nazzjonali dawk il-każijiet li fihom minorenni għandu jingħata l-opportunità ta’ intervista personali”.

21      L-Artikolu 15(3) tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-intervisti personali jitmexxew taħt kundizzjonijiet li jippermettu li l-applikanti jippreżentaw ir-raġunijiet għall-applikazzjonijiet tagħhom b’mod komprensiv. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom:

[...]

e)      jiżguraw li l-intervisti mal-minorenni jsiru b’mod li jifmuhom it-tfal.”

22      L-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Applikazzjonijet sussegwenti”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Għall-finijiet tat-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali taħt l-Artikolu 33(2)(d), applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali għandha tkun suġġetta l-ewwel għal eżami preliminari dwar jekk, ikunux instabu, jew ġew ippreżentati mill-l-applikant elementi jew sejbiet ġodda dwar l-eżami jekk dan jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95].”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

23      K u L, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, huma żewġ aħwa ta’ nazzjonalità Iraqina, imwielda rispettivament fl-2003 u fl-2005. Huma waslu fil-Pajjiżi l-Baxxi matul is-sena 2015, flimkien mal-ġenituri tagħhom u z-zija tagħhom. Huma ilhom jirrisjedu hemmhekk mingħajr interruzzjoni minn dak iż-żmien. Fis‑7 ta’ Novembru 2015, il-ġenituri tagħhom ippreżentaw applikazzjonijiet għall-ażil f’isimhom u f’isem K u L, li ġew miċħuda fis‑17 ta’ Frar 2017. Dawn id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda saru definittivi matul is-sena 2018.

24      Fl‑4 ta’ April 2019, K u L ippreżentaw applikazzjonijiet sussegwenti, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, li ġew miċħuda, bħala manifestament infondati, permezz ta’ deċiżjonijiet tas-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà tal‑21 ta’ Diċembru 2020. Sabiex jikkontestaw dawn id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda, K u L isostnu quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats’ s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’’s-Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi), il-qorti tar-rinviju, li, minħabba r-residenza fit-tul tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi, huma adottaw in-normi, il-valuri u l-aġir taż-żgħażagħ tal-età tagħhom u li għalhekk huma ġew “oċċidentalizzati”. Konsegwentement, bħala nisa żgħażagħ, huma jqisu li għandhom il-possibbiltà li jagħmlu għażliet għalihom innifishom fir-rigward tal-eżistenza u l-futur tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tar-relazzjonijiet tagħhom mal-persuni tas-sess maskili, iż-żwieġ tagħhom, l-istudji tagħhom, ix-xogħol tagħhom kif ukoll il-formazzjoni u l-espressjoni tal-opinjonijiet politiċi u reliġjużi tagħhom. Huma jibżgħu li jiġu ppersegwitati fil-każ ta’ ritorn lejn l-Iraq minħabba l-identità li huma ffurmaw fil-Pajjiżi l-Baxxi, ikkaratterizzata mill-assimilazzjoni ta’ normi, valuri u aġir differenti minn dawk tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, li saru tant essenzjali għall-identità tagħhom u l-kuxjenza tagħhom li huma ma jistgħux jirrinunzjaw għaliha. Hemm jsostnu li jappartjenu għal “grupp soċjali partikolari” fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95.

25      K u L isostnu wkoll li, minħabba din ir-residenza għal żmien twil fil-Pajjiżi l-Baxxi, huma issa rabbew l-għeruq f’dan il-pajjiż u jsofru dannu fl-iżvilupp tagħhom jekk ikollhom jitilqu minnu. Dan id-dannu jiżdied ma’ dak subit minħabba l-perijodu twil ta’ inċertezza fir-rigward tal-ksib ta’ permess ta’ residenza f’dan l-Istat Membru.

26      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “sħubija fi grupp soċjali partikolari”, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95. Hija tqis li l-kunċett ta’ “oċċidentalizzazzjoni” jirreferi għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u, b’mod partikolari, għad-dritt tan-nisa li jiġu protetti minn kull vjolenza marbuta mas-sess, li ma jkunux obbligati jiżżewġu, kif ukoll id-dritt li jaderixxu jew le għal twemmin, li jkollhom l-opinjonijiet politiċi proprji u li jkunu jistgħu jesprimuhom.

27      Din il-qorti tfakkar li, skont il-ġurisprudenza tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), in-“nisa oċċidentalizzati” jikkostitwixxu grupp wisq varjat sabiex ikunu jistgħu jitqiesu bħala li jappartjenu għal “grupp soċjali partikolari”, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95, u li, skont il-prassi legali nazzjonali, eventwali “oċċidentalizzazzjoni” hija eżaminata bħala raġuni ta’ persekuzzjoni bbażata jew fuq ir-reliġjon, jew fuq l-opinjonijiet politiċi.

28      L-imsemmija qorti tistaqsi, fit-tieni lok, dwar il-mod kif għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-wild, iggarantit fl-Artikolu 24(2) tal-Karta, fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. Hija ma ssib ebda indikazzjoni fid-dritt tal-Unjoni dwar kif għandu jiġi stabbilit dan l-interess.

29      F’dan ir-rigward, filwaqt li tfakkar li, skont is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Ritorn ta’ minuri mhux akkumpanjat) (C‑441/19, EU:C:2021:9, punt 45), fl-atti kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja, konformement mal-Artikolu 24(2) tal-Karta, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ prattika legali nazzjonali li, fl-ewwel lok, l-awtorità kompetenti tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali billi tevalwa, f’termini ġenerali, l-aħjar interess tal-wild, peress li l-applikant jista’ jikkontesta d-deċiżjoni hekk adottata biss fit-tieni lok, billi jistabbilixxi konkretament li dan l-interess jordna deċiżjoni differenti.

30      Fit-tielet lok, billi tosserva li l-allegat dannu sostnut minn K u L, imnissel mill-inċertezza li tirriżulta mis-sitwazzjoni tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi, ma għandux rabta ma’ raġunijiet ta’ persekuzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, dik il-qorti tistaqsi jekk, fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-interess superjuri tal-wild jimponix madankollu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali dannu u, fl-affermattiv, skont liema modalitajiet.

31      Fir-raba’ u l-aħħar lok, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk il-prassi legali nazzjonali li l-awtorità li tiddeċiedi dwar “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, ma hijiex obbligata teżamina ex officio d-dritt ta’ residenza tal-applikant għal “raġunijiet ordinarji” hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’’s-Hertogenbosch), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-Artikolu 10(1)(d) tad-[Direttiva 2011/95] għandu jiġi interpretat fis-sens li normi, valuri u aġir effettivi tal-Punent li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jadottaw waqt li jirresjedu fit-territorju tal-Istat Membru filwaqt li jieħdu sehem b’mod sħiħ fis-soċjetà matul parti sostanzjali tal-fażi tal-ħajja tagħhom li fiha jifformaw l-identità tagħhom, għandhom jitqiesu bħala sfond komuni, li ma jistax jinbidel, jew jikkostitwixxu karatteristiċi tant essenzjali għall-identità li l-persuni kkonċernati ma jistgħux ikunu meħtieġa jirrinunzjaw għalihom?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tingħata fl-affermattiv, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu adottaw normi u valuri tal-Punent analogi, indipendentement mir-raġunijiet għal dan, billi rrisjedew de facto fl-Istat Membru matul il-fażi tal-ħajja tagħhom li fiha huma fformaw l-identità tagħhom, għandhom jitqiesu bħala ‘membri ta’ grupp soċjali partikolari’ fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-[Direttiva 2011/95]? Il-kwistjoni dwar jekk hemmx ‘grupp [li] għandu identità distinta fil-pajjiż rilevanti’ għandha tiġi evalwata f’dan ir-rigward mill-perspettiva tal-Istat Membru jew din l-espressjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 10(2) tad-[Direttiva 2011/95], għandha tiġi interpretata fis-sens li jingħata piż deċiżiv lill-kapaċità tal-persuna barranija li turi li hija meqjusa, fil-pajjiż ta’ oriġini, li tappartjeni għal grupp soċjali partikolari jew mill-inqas li din l-appartenenza hija attribwita lilha? Huwa konformi mal-Artikolu 10 tad-[Direttiva 2011/95], moqri flimkien mal-prinċipju ta’ non-refoulement u mad-dritt għall-ażil, ir-rekwiżit li l-adozzjoni ta’ normi u valuri tal-Punent tista’ twassal għall-istatus ta’ refuġjat biss jekk din tkun ibbażata fuq raġunijiet reliġjużi jew politiċi?

3)      Prassi legali nazzjonali li bis-saħħa tagħha awtorità deċiżjonali teżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali billi tevalwa l-aħjar interessi tal-minuri mingħajr ma tiddetermina (jew titlob li jiġi ddeterminat) konkretament dawn l-interessi tal-minuri minn qabel (f’kull proċedura) hija konformi mad-dritt tal-Unjoni u b’mod iktar partikolari mal-Artikolu 24(2) tal-[Karta] moqri flimkien mal-Artikolu 51(1) tal-Karta? Ir-risposta għal din id-domanda tkun differenti jekk l-Istat Membru għandu jeżamina applikazzjoni għall-ammissjoni għar-residenza abbażi ta’ raġunijiet ordinarji u għandu jiddeċiedi fuq din l-applikazzjoni billi jieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-minuri?

4)      Fid-dawl tal-Artikolu 24(2) tal-Karta, b’liema mod u f’liema fażi tal-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u jiġu evalwati l-aħjar interessi tal-minuri u, b’mod iktar partikolari, il-ħsara li minuri jkun ġarrab minħabba li rrisjeda de facto għal żmien twil fi Stat Membru? Ir-regolarità ta’ din ir-residenza de facto hija rilevanti f’dan ir-rigward? Huwa rilevanti għall-evalwazzjoni tal-aħjar interessi tal-minuri fl-imsemmi eżami jekk l-Istat Membru ddeċidiex fuq l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fit-termini stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, jekk obbligu ta’ ħruġ mit-territorju impost qabel ġiex osservat u jekk l-Istat Membru wettaqx it-tneħħija wara l-adozzjoni ta’ ordni ta’ ħruġ mit-territorju b’tali mod li r-residenza tal-minuri fl-Istat Membru setgħet tkompli de facto?

5)      Prassi legali nazzjonali li bis-saħħa tagħha ssir distinzjoni bejn l-ewwel applikazzjoni u l-applikazzjonijiet sussegwenti għal protezzjoni internazzjoni fis-sens li r-raġunijiet ordinarji ma jittieħdux inkunsiderazzjoni għall-applikazzjonijiet sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta moqri flimkien mal-Artikolu 24(2) tal-Karta?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel u ttieni domanda

33      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-qorti tar-rinviju tirreferi, b’mod partikolari fl-ewwel domanda tagħha, għan-“normi, valuri u aġir effettivi tal-Punent li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jadottaw waqt li jirresjedu fit-territorju tal-Istat Membru filwaqt li jieħdu sehem b’mod sħiħ fis-soċjetà matul parti sostanzjali tal-fażi tal-ħajja tagħhom li fiha jifformaw l-identità tagħhom”, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li din tirrigwarda, essenzjalment, l-identifikazzjoni effettiva ta’ dawn in-nisa mal-valur fundamentali tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll għall-volontà tagħhom li jkomplu jibbenefikaw minn din l-ugwaljanza fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel żewġ domandi preliminari tagħha, li jistgħu jiġu eżaminati flimkien, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(1)(d) u (2) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li, skont il-kundizzjonijiet li jipprevalu fil-pajjiż ta’ oriġini, jistgħu jitqiesu li jappartjenu għal “grupp soċjali partikolari”, bħala “raġunijiet ta’ persekuzzjoni” li jistgħu jwasslu għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat, in-nisa ċittadini ta’ dan il-pajjiż, inklużi dawk minuri, li għandhom bħala karatteristika komuni l-identifikazzjoni effettiva tal-valur fundamentali tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 2 TFUE, li seħħet matul ir-residenza tagħhom fi Stat Membru.

35      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95 jiddefinixxi bħala “refuġjat” kull ċittadin ta’ pajjiż terz li, minħabba biża’ ġġustifikata ta’ persekuzzjoni minħabba raġunijiet marbuta mar-razza tiegħu, mar-reliġjon tiegħu, man-nazzjonalità tiegħu, mal-opinjoni politika tiegħu jew is-sħubija tiegħu fi grupp soċjali partikolari, isib ruħu barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħu u ma jkunx jista’ jew, minħabba din il-biża’, ma jkunx jixtieq jinvoka l-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż. Din id-definizzjoni tirriproduċi dik li tinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 1A tal-Konvenzjoni ta’ Genève li, kif tiddikjara l-premessa 4 ta’ din id-direttiva, tikkostitwixxi “l-pedament tar-reġim [tas-sistema] legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati”.

36      L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 għandha, għaldaqstant, issir mhux biss fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan ta’ din id-direttiva, iżda wkoll fl-osservanza tal-Konvenzjoni ta’ Genève u ta’ trattati oħra rilevanti msemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE. Fost dawn it-trattati hemm, b’mod partikolari, il-Konvenzjoni ta’ Istanbul u ċ-CEDEF (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2024, Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika), C‑621/21, EU:C:2024:47, punti 37 u 44 sa 47).

37      Kif jikkonfermaw l-Artikoli 1 u 3 kif ukoll l-Artikolu 4(2) tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel timplika b’mod partikolari d-dritt, għal kull mara, li tiġi protetta minn kull vjolenza marbuta mas-sess, id-dritt li ma tkunx imġiegħla tiżżewweġ, kif ukoll id-dritt li taderixxi jew le ma’ twemmin, li jkollha l-opinjonijiet politiċi proprji u li tesprimihom u li twettaq liberament l-għażliet tal-ħajja tagħha stess, b’mod partikolari, fil-qasam tal-edukazzjoni, tal-karriera professjonali jew tal-attivitajiet fl-isfera pubblika. L-istess japplika għall-Artikoli 3, 5, 7, 10 u 16 taċ-CEDEF.

38      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 għandha ssir ukoll, kif tistabbilixxi l-premessa 16 tagħha, fl-osservanza tad-drittijiet irrikonoxxuti mill-Karta, li din id-direttiva hija intiża li tippromwovi l-applikazzjoni tagħha, u li l-Artikolu 21(1) tagħha jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Jannar 2021, Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana), C‑507/19, EU:C:2021:3, punt 39, u tad‑9 ta’ Novembru 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Kunċett ta’ dannu serju), C‑125/22, EU:C:2023:843, punt 60).

39      Fit-tieni lok, l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2011/95 jelenka, għal kull wieħed minn dawn il-ħames raġunijiet ta’ persekuzzjoni li jistgħu jwasslu, skont tal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva, għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat, elementi li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni.

40      Fir-rigward, b’mod partikolari, tar-raġuni tas-“sħubija fi grupp soċjali partikolari”, minn dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) jirriżulta li grupp jitqies bħala “grupp soċjali partikolari” meta jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Minn naħa, il-persuni li jistgħu jkunu msieħba f’dan il-grupp għandhom jaqsmu mill-inqas waħda mit-tliet karatteristiċi ta’ identifikazzjoni, li huma “karatteristika innata”, “sfond [storja] komuni li ma tistax tinbidel”, jew anki “karatteristika jew twemmin li tant huwa fondamentali għall-identità jew il-kuxjenza li persuna m'għandhiex tiġi sfurzata li tirrinunċja għalih”. Min-naħa l-oħra, dan il-grupp għandu jkollu l-“identità distinta” tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini peress li huwa pperċepit bħala li huwa differenti mis-soċjetà ta’ madwaru (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2024, Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika), C‑621/21, EU:C:2024:47, punt 40).

41      Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 10(1)(d) jippreċiża, fost oħrajn, li “[a]spetti relatati mas-sess, inkluża l-identità sesswali, għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni li jixirqilhom sabiex tiġi determinata sħubija fi grupp soċjali partikolari jew identifikata karatteristika ta’ grupp bħal dan”. Din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-premessa 30 tad-Direttiva 2011/95, li tipprovdi li l-identità tal-ġeneru tista’ tkun marbuta ma’ ċerti tradizzjonijiet legali jew konswetudini (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2024, Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika), C‑621/21, EU:C:2024:47, punt 41).

42      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni ta’ identifikazzjoni ta’ “grupp soċjali partikolari”, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95, jiġifieri li jiġi kondiviż minn tal-inqas wieħed mit-tliet karatteristiċi ta’ identifikazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li wieħed ikun ta’ sess femminili jikkostitwixxi karatteristika intrinsika, u huwa biżżejjed, għaldaqstant, sabiex jissodisfa din il-kundizzjoni (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2024, Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika), C‑621/21, EU:C:2024:47, punt 49).

43      Barra minn hekk, nisa li jaqsmu karatteristika komuni supplimentari bħal, pereżempju, karatteristika innata oħra, jew storja komuni li ma tistax tinbidel, bħal sitwazzjoni familjari partikolari, jew inkella karatteristika jew twemmin tant fundamentali għall-identità jew għall-kuxjenza li ma għandux ikun meħtieġ minn dawn in-nisa li jirrinunzjaw għalihom, jistgħu ukoll, abbażi ta’ dan, jissodisfaw l-imsemmija kundizzjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2024, Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika), C‑621/21, EU:C:2024:47, punt 50).

44      F’dan ir-rigward, minn naħa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-identifikazzjoni effettiva ta’ mara mal-valur fundamentali tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, sa fejn din tippreżupponi r-rieda li tibbenefika minn din l-ugwaljanza fil-ħajja tagħha ta’ kuljum, timplika li tkun tista’ twettaq liberament l-għażliet tal-ħajja tagħha stess, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-edukazzjoni u l-karriera professjonali tagħha, il-firxa u n-natura tal-attivitajiet tagħha fl-isfera pubblika, il-possibbiltà li tasal għall-indipendenza ekonomika billi taħdem barra mid-dar, id-deċiżjoni tagħha li tgħix waħedha jew fil-familja, u l-għażla tas-sieħeb tagħha, għażliet li huma essenzjali għad-determinazzjoni tal-identità tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-identifikazzjoni effettiva ta’ ċittadina ta’ pajjiż terz mal-valur fundamentali tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tista’ titqies bħala “karatteristika jew twemmin li tant huwa fondamentali għall-identità jew il-kuxjenza li persuna m’għandhiex tiġi sfurzata li tirrinunċja għalih”. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-fatt li din iċ-ċittadina ma tqisx li tifforma grupp maċ-ċittadini l-oħra ta’ pajjiżi terzi jew man-nisa kollha li jidentifikaw ruħhom ma’ dan il-valur fundamentali.

45      Min-naħa l-oħra, il-fatt li nisa żgħażagħ ċittadini ta’ pajjiżi terzi rrisjedew fi Stat Membru ospitanti, matul fażi tal-ħajja tagħhom li matulha l-identità ta’ persuna tifforma, u li, matul din ir-residenza, huma identifikaw ruħhom effettivament mal-valur fundamentali tat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel jista’ jikkostitwixxi “sfond [storja] komuni li ma jistax jinbidel”, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95.

46      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li dawn in-nisa, inklużi dawk minuri, jissodisfaw l-ewwel kundizzjoni ta’ identifikazzjoni għal “grupp soċjali partikolari”, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95.

47      Skont l-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tiżgura li l-karatteristika marbuta mal-appartenenza għal grupp soċjali partikolari hija attribwita lill-persuna kkonċernata fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, fis-sens tal-punt n tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, anki jekk din il-persuna ma għandhiex effettivament tali karatteristika.

48      F’dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni ta’ identifikazzjoni ta’ “grupp soċjali partikolari”, prevista fit-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) tal-istess direttiva u dwar l-“identità distinta” tal-grupp fil-pajjiż ta’ oriġini, għandu jiġi kkonstatat li n-nisa jistgħu jiġu pperċepiti b’mod differenti mis-soċjetà ta’ madwarhom u tiġi rrikonoxxuta lilhom identità distinta f’din is-soċjetà, b’mod partikolari minħabba r-regoli soċjali, morali jew ġuridiċi li joperaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2024, Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika), C‑621/21, EU:C:2024:47, punt 52).

49      Din it-tieni kundizzjoni hija wkoll issodisfatta minn nisa li għandhom karatteristika komuni addizzjonali, bħall-identifikazzjoni effettiva mal-valur fundamentali tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, meta r-regoli soċjali, morali jew ġuridiċi li joperaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom għandhom bħala konsegwenza li dawn in-nisa, minħabba din il-karatteristika komuni, jiġu pperċepiti bħala differenti mis-soċjetà ta’ madwarhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2024, Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika), C‑621/21, EU:C:2024:47, punt 53).

50      F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat li huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat li għandhom jiddeterminaw liema soċjetà tal-madwar hija rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ dan il-grupp soċjali. Din is-soċjetà tista’ tikkoinċidi mal-pajjiż terz kollu ta’ oriġini tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali jew tista’ tkun iktar limitata, pereżempju għal parti mit-territorju jew mill-popolazzjoni ta’ dak il-pajjiż terz (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2024, Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika), C‑621/21, EU:C:2024:47, punt 54).

51      Minn dan isegwi li n-nisa, inklużi dawk minuri, li għandhom bħala karatteristika komuni l-identifikazzjoni effettiva tal-valur fundamentali tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, li seħħet matul ir-residenza tagħhom fi Stat Membru, jistgħu, skont il-kundizzjonijiet li jipprevalu fil-pajjiż ta’ oriġini, jitqiesu li jappartjenu għal “grupp soċjali partikolari”, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95.

52      Fid-dawl tad-dubji tal-qorti tar-rinviju, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li bl-ebda mod ma huwa meħtieġ li l-identifikazzjoni effettiva ta’ dawn in-nisa mal-valur fundamentali tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tkun ta’ natura politika jew reliġjuża sabiex tiġi rrikonoxxuta, fir-rigward tagħhom, l-eżistenza ta’ raġuni ta’ persekuzzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Xorta jibqa’ l-fatt li tali identifikazzjoni tista’, jekk ikun il-każ, tinftiehem ukoll bħala raġuni ta’ persekuzzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew fuq l-opinjonijiet politiċi.

53      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, inkluża “applikazzjoni sussegwenti”, ibbażata fuq ir-raġuni ta’ persekuzzjoni li tikkostitwixxi s-sħubija fi grupp soċjali partikolari, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jivverifikaw, kif jimponi tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95, jekk il-persuna li tinvoka din ir-raġuni ta’ persekuzzjoni “tibżax bir-raġun” li ssofri, fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, atti ta’ persekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 9(1) u (2) ta’ din id-direttiva, minħabba tali appartenenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2024, Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika), C‑621/21, EU:C:2024:47, punt 59).

54      Għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni, l-ewwel nett, li, kif huwa speċifikat fl-Artikolu 9(2)(f) tal-imsemmija direttiva, att ta’ persekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jista’ b’mod partikolari jieħu l-forma ta’ att indirizzat “kontra persuni fuq il-bażi tal-ġeneru tagħhom”.

55      F’dan ir-rigward, minn naħa, l-Artikolu 60(1) tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jipprovdi li l-vjolenza fuq in-nisa bbażata fuq is-sess, li għandha tinftiehem, skont l-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni, bħala ksur tad-drittijiet tal-bniedem u forma ta’ diskriminazzjoni fir-rigward tan-nisa, għandha tiġi rrikonoxxuta bħala forma ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-punt 2 tat-Taqsima A tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Min-naħa l-oħra, dan l-Artikolu 60(2) jimponi fuq il-partijiet l-obbligu li jiżguraw li tiġi applikata interpretazzjoni sensibbli għas-sess għal kull waħda mir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni previsti mill-Konvenzjoni ta’ Genève, inkluż għalhekk raġuni ta’ persekuzzjoni bbażata fuq is-sħubija fi grupp soċjali partikolari.

56      It-tieni nett, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/95, l-Istati Membri jistgħu jqisu li huwa l-applikant li għandu jissottometti, kemm jista’ jkun malajr, l-elementi kollha meħtieġa sabiex tiġi ssostanzjata l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali. Xorta jibqa’ l-fatt li l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom, jekk ikun il-każ, jikkooperaw b’mod attiv ma’ dan l-applikant sabiex jiddeterminaw u jikkompletaw l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2022, Secretary of State for the Home Department (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana), C‑349/20, EU:C:2022:151, punt 64). Barra minn hekk, għalkemm l-Istati Membri jagħmlu użu mill-possibbiltà mogħtija lilhom minn din id-dispożizzjoni, dan l-Artikolu 4(5) jipprevedi wkoll li, meta ċerti aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant ma jkunux sostnuti minn provi dokumentarji jew oħrajn, dawn l-aspetti ma jeħtiġux konferma, jekk il-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti f’dan il-paragrafu 5 ikunu ssodisfatti. Fost dawn il-kundizzjonijiet hemm il-koerenza u l-plawżibbiltà tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant u l-kredibbiltà ġenerali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie (Opinjonijiet politiċi fl-Istat Membru ospitanti), C‑151/22, EU:C:2023:688, punt 44).

57      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li d-dikjarazzjonijiet ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali jikkostitwixxu biss il-punt ta’ tluq tal-proċess ta’ evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi mwettaq mill-awtoritajiet kompetenti, li ta’ spiss ikunu f’pożizzjoni aħjar mill-applikant sabiex ikollhom aċċess għal ċerti tipi ta’ dokumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 65 u 66; tad‑19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz Militari u Ażil), C‑238/19, EU:C:2020:945, punt 52, u tad‑9 ta’ Novembru 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Kunċett ta’ dannu serju), C‑125/22, EU:C:2023:843, punt 47).

58      Għaldaqstant ikun kuntrarju għall-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 li jiġi kkunsidrat li huwa biss l-applikant li għandu neċessarjament jippreżenta l-elementi kollha neċessarji sabiex jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu u, b’mod partikolari, il-fatt, minn naħa, li jista’ jiġi pperċepit, fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, bħala li jappartjeni għal grupp soċjali partikolari, fis-sens tal-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, li jkun hemm riskju li jiġi ppersegwitat f’dan il-pajjiż għal din ir-raġuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz Militari u Ażil), C‑238/19, EU:C:2020:945, punti 54 u 55).

59      It-tielet nett, abbażi tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95, l-evalwazzjoni, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, tan-natura fondata tal-biża’ ta’ applikant li jiġi ppersegwitat għandha tkun ta’ natura individwali u għandha ssir każ b’każ b’viġilanza u prudenza, abbażi biss ta’ evalwazzjoni konkreta tal-fatti u taċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-fatti u ċ-ċirkustanzi stabbiliti jikkostitwixxux theddida tali li l-persuna kkonċernata tista’ bir-raġun tibża’, fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tagħha, li tkun effettivament vittma ta’ atti ta’ persekuzzjoni li kieku kellha tirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2023, Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie (Opinjonijiet politiċi fl-Istat Membru ospitanti), C‑151/22, EU:C:2023:688, punt 42, u tas‑16 ta’ Jannar 2024, Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika), C‑621/21, EU:C:2024:47, punt 60).

60      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 10(3)(b) tad-Direttiva 2013/32 jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw, minn naħa, li d-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jittieħdu wara eżami xieraq li matulu tkun inġabret informazzjoni preċiża u aġġornata minn sorsi differenti, bħall-EASO u l-HCR kif ukoll l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, dwar is-sitwazzjoni ġenerali eżistenti fil-pajjiżi ta’ oriġini tal-applikanti u, min-naħa l-oħra, li l-persunal responsabbli mill-eżami tal-applikazzjonijiet u mit-teħid tad-deċiżjonijiet ikollu aċċess għal din l-informazzjoni.

61      Għal dan l-għan, kif jirriżulta mill-punt 36(x) tal-Linji Gwida tal-HCR dwar il-Protezzjoni Internazzjonali Nru 1, dwar il-persekuzzjoni marbuta mas-sess fil-kuntest tal-punt 2 tal-Artikolu 1A tal-Konvenzjoni ta’ Geneve, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiġbru l-informazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini rilevanti għall-eżami tal-applikazzjonijiet magħmula min-nisa, bħas-sitwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fir-rigward tal-liġi, id-drittijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali tagħhom, id-drawwiet kulturali u soċjali tal-pajjiż u l-konsegwenzi f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità magħhom, il-frekwenza tal-prattiki tradizzjonali dannużi, l-impatt u l-forom ta’ vjolenza rrapportata kontra n-nisa, il-protezzjoni disponibbli għalihom, is-sanzjonijiet imġarrba mill-awturi ta’ tali vjolenza, kif ukoll ir-riskji mġarrba minn mara f’każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha wara li tkun ippreżentat tali applikazzjoni (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2024, Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika), C‑621/21, EU:C:2024:47, punt 61).

62      Ir-raba’ nett, għandu jiġi ppreċiżat li l-identifikazzjoni effettiva, minn ċittadina ta’ pajjiż terz, mal-valur fundamentali tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, li tkun seħħet matul ir-residenza tagħha fi Stat Membru, ma tistax tiġi kkwalifikata bħala ċirkustanza li din iċ-ċittadina ħolqot bid-deċiżjoni tagħha stess minn meta tkun telqet mill-pajjiż ta’ oriġini tagħha, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95, lanqas bħala attività li l-għan prinċipali tagħha huwa li jinħolqu kundizzjonijiet neċessarji sabiex issir applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 4(3)(d) ta’ din. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, meta tali identifikazzjoni tiġi kkonstatata b’mod suffiċjenti fid-dritt, din bl-ebda mod ma tista’ tiġi assimilata għall-prattiki abbużivi u ta’ strumentalizzazzjoni li dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi li jikkombattu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Frar 2024, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Konverżjoni reliġjuża ulterjuri), C‑222/22, EU:C:2024:192, punti 32 u 34).

63      F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, b’mod partikolari, jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali effettivament jidentifikawx ruħhom mal-valur fundamentali tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, fil-komponenti tiegħu deskritti fil-punti 37 u 44 ta’ din is-sentenza billi jfittxu li jibbenefikaw minnhom fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom, b’tali mod li dan il-valur jikkostitwixxi parti integrali mill-identità tagħhom, u jekk, minħabba f’hekk, humiex meqjusa bħala differenti mis-soċjetà tal-madwar fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Il-fatt li huma jistgħu jevitaw ir-riskju reali li jiġu ppersegwitati fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom minħabba din l-identifikazzjoni, billi juru riżerva fl-espressjoni tagħha ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-kuntest (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, X et, C‑199/12 sa C‑201/12, EU:C:2013:720, punti 70, 71, 74 u 75).

64      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li l-Artikolu 10(1)(d) u (2) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, skont il-kundizzjonijiet prevalenti fil-pajjiż ta’ oriġini, jistgħu jitqiesu li jappartjenu għal “grupp soċjali partikolari”, bħala “raġuni għall-persekuzzjoni” li tista’ twassal għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat, in-nisa ċittadini ta’ dan il-pajjiż, inkluż minuri, li jaqsmu bħala karatteristika komuni l-identifikazzjoni effettiva tagħhom mal-valur fundamentali tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, li seħħet matul ir-residenza tagħhom fi Stat Membru.

 Fuq ittielet u rraba’ domanda

65      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, permezz tat-tieni parti tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 24(2) tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 51(1) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi “prattika legali nazzjonali” li l-awtorità kompetenti, fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza “għal raġunijiet ordinarji”, tevalwa l-aħjar interessi tal-wild mingħajr ma “tiddeterminah minn qabel b’mod konkret”.

66      Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, la mid-digriet tar-rinviju u lanqas mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li tali applikazzjoni għal permess ta’ residenza “għal raġunijiet ordinarji” hija inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

67      Issa, għalkemm id-domandi preliminari li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza, il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma tikkonsistix fil-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda hija marbuta mal-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, The International Protection Appeals Tribunal et, C‑322/19 u C‑385/19, EU:C:2021:11, punt 53).

68      Għaldaqstant, peress li t-tieni parti tat-tielet domanda hija intiża, fir-realtà, sabiex tinkiseb opinjoni konsultattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja, din hija inammissibbli.

69      Permezz tal-ewwel parti tat-tielet domanda tagħha u permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 24(2) tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtorità nazzjonali kompetenti tiddeċiedi dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn minuri mingħajr ma tkun iddeterminat konkretament l-aħjar interessi ta’ dan il-minuri, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni individwali.

70      F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi wkoll dwar jekk u, jekk ikun il-każ, b’liema mod għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ dannu allegatament imġarrab mill-minuri minħabba residenza għal żmien twil fi Stat Membru u l-inċertezza dwar l-obbligu ta’ ritorn tiegħu.

71      Huwa importanti, fid-dawl tad-dibattiti matul il-fażi orali tal-proċedura, li jitwarrab mill-ewwel kwalunkwe dubju dwar l-eventwali inammissibbiltà ta’ dawn id-domandi preliminari, minħabba li, issa, K u L ma għadhomx minuri, fis-sens tal-punt k tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-mument tat-tressiq tal-applikazzjonijiet sussegwenti tagħhom li ċ-ċaħda tagħhom hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, jiġifieri l‑4 ta’ April 2019, K u L kellhom inqas minn 18 sena.

72      Madankollu, għandu jitfakkar li l-Artikolu 24 tal-Karta, li jinsab, kif tiddikjara l-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95, fost l-artikoli tal-Karta li l-applikazzjoni tagħhom għandha tiġi promossa minn din id-direttiva, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li, “[f]l-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja”.

73      Mill-Artikolu 24(2) tal-Karta, kif ukoll mill-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni Internazzjonali tad-Drittijiet tat-Tfal, adottata mill-Assemblea Ġenerali tal-Nazzjonijiet Uniti fl‑20 ta’ Novembru 1989, li għalih jirreferu espressament l-ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 24 tal-Karta, jirriżulta li l-aħjar interessi tal-wild għandhom mhux biss jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-mertu tal-applikazzjonijiet li jikkonċernaw l-ulied, iżda għandhom ukoll jinfluwenzaw il-proċess deċiżjonali li jippreċedi din l-evalwazzjoni, permezz ta’ garanziji proċedurali partikolari. Fil-fatt, kif irrileva l-Kumitat tad-Drittijiet tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti, l-espressjoni “l-aħjar interessi tal-wild”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(1), tirreferi kemm għal dritt sostantiv, għal prinċipju interpretattiv u għal regola ta’ proċedura (ara l-Osservazzjoni Ġenerali Nru 14 (2013) tal-Kumitat tad-Drittijiet tat-Tfal dwar id-dritt tal-wild li l-aħjar interessi tiegħu jitqiesu bħala kunsiderazzjoni primarja (Artikolu 3( 1), CRC/C/GC/14, punt 6).

74      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 24(1) tal-Karta jippreċiża li t-tfal jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom liberament u li tali opinjonijiet għandhom jitqiesu f’materji li jirrigwardawhom, skont l-età u l-maturità tagħhom.

75      Fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-premessa 18 tad-Direttiva 2011/95, meta l-Istati Membri jevalwaw l-aħjar interessi tal-wild fil-kuntest ta’ proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, huma għandhom b’mod partikolari jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-prinċipju tal-unità tal-familja, tal-benesseri u tal-iżvilupp soċjali tal-wild — li jinkludi s-saħħa tiegħu, is-sitwazzjoni tal-familja tiegħu u l-edukazzjoni tiegħu — u kunsiderazzjonijiet marbuta mas-sikurezza u mas-sigurtà tiegħu.

76      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(3)(c) tad-Direttiva 2011/95 jipprevedi li l-evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha ssir billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-età tal-applikant, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tiegħu, l-atti li għalihom huwa kien jew hemm riskju li jiġi espost jistgħux jitqiesu bħala persekuzzjoni jew dannu serju. L-Artikolu 9(2)(f) ta’ din id-direttiva jippreċiża li tali atti ta’ persekuzzjoni jistgħu b’mod partikolari jieħdu l-forma ta’ att ta’ natura speċifika intiż “[kontra t-tfal]”.

77      L-evalwazzjoni tal-konsegwenzi li għandhom jiġu dedotti mill-età tal-applikant, inkluż it-teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interess tiegħu meta dan ikun minuri, taqa’ taħt ir-responsabbiltà biss tal-awtorità nazzjonali kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 69 u 70).

78      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, meta applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun minuri, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni, wara eżami individwalizzat, l-aħjar interessi ta’ dan il-minuri meta tevalwa l-fondatezza tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali.

79      Fit-tieni lok, mill-premessa 18 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, l-opinjoni tal-minuri skont l-età u l-maturità tiegħu. Barra minn hekk, abbażi tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2013/32, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu fid-dritt nazzjonali tagħhom f’liema każijiet minuri għandha tingħata l-opportunità ta’ intervista personali. Meta tali possibbiltà tiġi offruta lil minuri, l-Artikolu 15(3)(e) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li din l-intervista ssir b’mod adattat għat-tfal. F’dan il-kuntest, skont l-Artikolu 10(3)(d) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkollhom il-possibbiltà li jitolbu parir mingħand esperti, jekk ikun il-każ, dwar kwistjonijiet partikolari relatati, b’mod partikolari, mat-tfal.

80      Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet iktar preċiżi fid-Direttiva 2011/95 u fid-Direttiva 2013/32, huwa l-Istat Membru li għandu jiddetermina l-modalitajiet ta’ evalwazzjoni tal-aħjar interessi tal-wild fil-kuntest tal-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari l-mument jew il-mumenti li fihom għandha ssir din l-evalwazzjoni u l-forma li għandha tieħu, bla ħsara għall-osservanza tal-Artikolu 24 tal-Karta kif ukoll tad-dispożizzjonijiet imfakkra fil-punti 75 sa 79 ta’ din is-sentenza.

81      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, l-Istati Membri għandhom josservaw l-Artikolu 24(2) tagħha malli jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni u għalhekk ukoll meta jeżaminaw “applikazzjoni sussegwenti” fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32. Min-naħa l-oħra, peress li l-Artikolu 40(2) ta’ din id-direttiva ma jagħmel ebda distinzjoni bejn l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u “applikazzjoni sussegwenti” fir-rigward tan-natura tal-provi jew tal-fatti li jistgħu juru li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jikkwalifika għall-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95, l-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi insostenn ta’ dawn l-applikazzjonijiet għandha, fiż-żewġ każijiet, issir skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Provi jew fatti ġodda), C‑921/19, EU:C:2021:478, punt 40).

82      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk u, jekk ikun il-każ, b’liema mod għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ dannu allegatament sostnut minn minuri minħabba residenza fit-tul fi Stat Membru u l-inċertezza dwar l-obbligu tiegħu ta’ ritorn, li jistgħu jiġu imputati lill-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn dan il-minuri, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-qorti tar-rinviju, li ma humiex l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jevalwaw l-eżistenza ta’ tali dannu fil-kuntest ta’ proċedura intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persuna kkonċernata għandhiex biża’ fondata li tiġi ppersegwitata fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha minħabba “sħubija fi grupp soċjali partikolari”, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95.

83      Madankollu, residenza għal żmien twil fi Stat Membru, speċjalment meta tikkoinċidi ma’ perijodu li matulu applikant minuri jkun ifforma l-identità tiegħu, tista’, skont l-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-Artikolu 24(2) tal-Karta, tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bbażata fuq raġuni ta’ persekuzzjoni bħal “sħubija fi grupp soċjali partikolari”, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tal-imsemmija direttiva.

84      Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel parti tat-tielet domanda u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 24(2) tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtorità nazzjonali kompetenti milli tiddeċiedi dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn minuri mingħajr ma tkun iddeterminat konkretament l-aħjar interess ta’ dan il-minuri, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni individwali.

 Fuq ilħames domanda

85      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 24(2) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi “prattika legali nazzjonali” li tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni “ir-raġunijiet ordinarji” waqt l-eżami tal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, iżda mhux waqt l-eżami ta’ “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32.

86      Issa, għar-raġunijiet esposti fil-punti 66 sa 68 ta’ din is-sentenza u kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-ħames domanda hija inammissibbli peress li ma għandhiex rabta mal-kawża prinċipali.

 Fuq lispejjeż

87      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 10(1)(d) u (2) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

skont il-kundizzjonijiet prevalenti fil-pajjiż ta’ oriġini, jistgħu jitqiesu li jappartjenu għal “grupp soċjali partikolari”, bħala “raġuni għall-persekuzzjoni” li tista’ twassal għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat, in-nisa ċittadini ta’ dan il-pajjiż, inkluż minuri, li jaqsmu bħala karatteristika komuni l-identifikazzjoni effettiva tagħhom mal-valur fundamentali tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, li seħħet matul ir-residenza tagħhom fi Stat Membru.

2)      L-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi li l-awtorità nazzjonali kompetenti milli tiddeċiedi dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn minuri mingħajr ma tkun iddeterminat konkretament l-aħjar interess ta’ dan il-minuri, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni individwali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.