Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ April 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 102 TFUE – Prinċipju ta’ effettività – Azzjonijiet għad-danni fid-dritt nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni – Direttiva 2014/104/UE – Traspożizzjoni tardiva tad-Direttiva – Applikazzjoni ratione temporis – Artikolu 10 – Terminu ta’ preskrizzjoni – Modalitajiet tad-dies a quo – Tmiem tal-ksur – Għarfien tal-informazzjoni indispensabbli għall-introduzzjoni tar-rikors għad-danni – Pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-sommarju tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni – Effett vinkolanti ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li għadha ma hijiex definittiva – Sospensjoni jew interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni jew sad-data li fiha d-deċiżjoni tagħha ssir definittiva”

Fil-Kawża C‑605/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Settembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Settembru 2021, fil-proċedura

Heureka Group a.s.

vs

Google LLC,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev (Relatur), A. Prechal, E. Regan, T. von Danwitz u Z. Csehi, Presidenti ta’ Awla, J.-C. Bonichot, S. Rodin, J. Passer, D. Gratsias, M. L. Arastey Sahún u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Marzu 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Heureka Group a.s., minn L. Duffek, L. Kačerová, J. Měkota, M. Olík u V. Podešva, advokáti,

–        għal Google LLC, minn R. Neruda, P. J. Pipková, J. Šturm, P. Vohnický u M. Vojáček, advokáti, u minn A. Komninos, dikigoros,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Khan, G. Meessen u P. Němečková, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Settembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, tal-Artikolu 10, tal-Artikolu 21(1) u tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1), kif ukoll tal-prinċipju ta’ effettività.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Heureka Group a.s. (iktar ’il quddiem “Heureka”), kumpannija Ċeka attiva fis-suq tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, u Google LLC dwar il-kumpens għad-dannu allegatament imġarrab minħabba ksur tal-Artikolu 102 TFUE mwettaq minn Google u l-kumpannija omm tagħha, Alphabet Inc., u kkonstatat mill-Kummissjoni Ewropea f’deċiżjoni li għadha ma hijiex definittiva.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IrRegolament (KE) Nru 1/2003

3        L-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), huwa fformulat kif ġej:

“1.      Meta il-qrati nazzjonali jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu [101] jew [102 TFUE] li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jieħdux id-deċiżjonijiet li jmorru kontra id-deċiżjoni adottata mil-Kummissjoni. Huma jridu jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li huma f’kunflitt ma deċiżjoni kontemplata mil-Kummissjoni fil-proċeduri li jniżjat [mibdija minn din tal-aħħar]. Għal dak l-effet, il-qrati nazzjonali jistgħu jagħmlu stima jekk huwiex neċessarju li jpoġġu [jissospendu] dawn il-proċeduri. Dan l-obligu hu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obligazzjonijiet [obbligi] taħt l-Artikolu [267 TFUE].

2.       Meta l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu [101] jew [102 TFUE] li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra għad-deċiżjoni adottata mil-Kummissjoni.”

 IdDirettiva 2014/104

4        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/104, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

(8)      ‘awtorità tal-kompetizzjoni’ tfisser il-Kummissjoni jew awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, jew it-tnejn skont kif jeħtieġ il-kuntest;

[...]

(11)      ‘deċiżjoni dwar ksur’ tfisser deċiżjoni ta’ awtorità tal-kompetizzjoni jew qorti tal-appell li ssib ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni;

(12)      ‘deċiżjoni finali dwar ksur’ tfisser deċiżjoni dwar ksur li ma tistax jew li warajha ma hemmx aktar dritt ta’ appell bil-mezzi ordinarji;

[...]”

5        L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Effett ta’ deċiżjonijiet nazzjonali”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni misjub b’deċiżjoni finali ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew minn qorti tal-appell, jiġi meqjus li hu stabbilit b’mod inkontestabbli għall-finijiet ta’ azzjoni għad-danni mressqa quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom skont l-Artikoli 101 jew 102 TFUE jew taħt il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn deċiżjoni finali msemmija fil-paragrafu 1 tittieħed fi Stat Membru ieħor, dik id-deċiżjoni finali tista’, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, tiġi ppreżentata quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom bħala tal-inqas evidenza prima facie tal-fatt li seħħ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, u, kif xieraq, tista’ tiġi valutata flimkien ma’ kwalunkwe evidenza oħra ppreżentata mill-partijiet.

3.      Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-qrati nazzjonali taħt l-Artikolu 267 TFUE.”

6        L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Perijodi ta’ preskrizzjoni”, jistipula:

“1.      L-Istati Membri għandhom, f’konformità ma’ dan l-Artikolu, jistabbilixxu r-regoli applikabbli għall-perijodi ta’ preskrizzjoni għat-tressiq tal-azzjonijiet għad-danni. Dawk ir-regoli għandhom jiddeterminaw meta jibda l-perijodu ta’ preskrizzjoni, it-tul ta’ żmien tal-perijodu u ċ-ċirkostanzi li taħthom huwa interrott jew sospiż.

2.      Il-perijodi ta’ preskrizzjoni ma jibdewx jiddekorru qabel ma jkun waqaf il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-attur ikun jaf, jew jista’ jkun raġonevolment mistenni li jkun jaf:

a)      bl-imġiba u l-fatt li din tikkostitwixxi ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni;

b)      bil-fatt li l-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni kkawża ħsara lilu; u

c)      l-identità tal-kontraventur.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perijodi ta’ preskrizzjoni għat-tressiq ta’ azzjonijiet għad-danni huma mill-inqas ta’ ħames snin.

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li perijodu ta’ preskrizzjoni jiġi sospiż jew, skont il-liġi nazzjonali, interrot jekk awtorità tal-kompetizzjoni tieħu azzjoni għall-fini tal-investigazzjoni jew il-proċedimenti tagħha fir-rigward ta’ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni li miegħu tkun relatata l-azzjoni għad-danni. Is-sospensjoni għandha tintemm l-aktar kmieni sena wara li d-deċiżjoni tal-ksur tkun saret finali jew wara li l-proċedimenti jkunu ntemmu mod ieħor.”

7        L-Artikolu 21(1) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jaderixxu ma’ din id-Direttiva sas-27 ta’ Diċembru 2016. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

[...]”.

8        L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2014/104, intitolat “Applikazzjoni temporali [ratione temporis]”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21 sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ din id-Direttiva ma japplikawx retroattivament.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1, ma japplikawx għal azzjonijiet għal danni mressqa quddiem qorti qabel is-26 ta’ Diċembru 2014.”

 Id-dritt Ċek

9        L-Artikolu 620(1) taz-zákon č. 89/2012 Sb., občiansky zákonník (il-Liġi Nru 89/2012 dwar il-Kodiċi Ċivili) jipprevedi:

“Iċ-ċirkustanzi rilevanti sabiex it-terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt għal kumpens għad-dannu jibda jiddekorri jinkludu l-għarfien tad-dannu u dak tal-[identità] tal-persuna responsabbli mill-kumpens tiegħu. Dan għandu japplika, mutatis mutandis, anki għall-finijiet tal-kumpens għad-dannu immaterjali.”

10      L-Artikolu 629(1) ta’ dan il-Kodiċi jistipula:

“It-terminu ta’ preskrizzjoni huwa ta’ tliet snin.”

11      Iż-zákon č. 262/2017 Sb., o náhradě škody v oblasti hospodářské soutěže (il-Liġi Nru 262/2017 dwar il-Kumpens għad-Danni fil-Qasam tal-Kompetizzjoni, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 262/2017”), li tittrasponi d-Direttiva 2014/104, daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017. L-Artikolu 9 tagħha jipprovdi, fil-paragrafi (1) sa (3) tiegħu:

“(1)      It-terminu ta’ preskrizzjoni għall-eżerċizzju ta’ dritt għall-kumpens għal dannu skont din il-liġi huwa ta’ 5 snin; id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 629 u 636 tal-Kodiċi Ċivili ma humiex applikabbli.

(2)      It-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha l-persuna kkonċernata ssir taf bid-danni, [bl-identità] tal-persuna responsabbli mill-kumpens tad-danni u bir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, jew kellha jew setgħet issir taf b’dawn l-elementi, iżda mhux qabel il-jum li fih intemmet ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

(3)      It-terminu ta’ preskrizzjoni ma jiddekorrix matul il-perijodu ta’ investigazzjoni jew tal-proċedura quddiem l-awtorità tal-kompetizzjoni dwar l-istess restrizzjoni tal-kompetizzjoni, kif ukoll matul perijodu ta’ sena li jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha:

a)      id-deċiżjoni adottata mill‑awtorità ta’ kompetizzjoni jew minn qorti li tikkonstata li hemm tali restrizzjoni tal-kompetizzjoni saret finali jew

b)      l-investigazzjoni, il‑proċedura quddiem l-awtorità tal-kompetizzjoni jew il-proċedura quddiem il-qorti ntemmet b’xi mod ieħor.”

12      L-Artikolu 36 ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

“Il-proċeduri dwar il-kumpens għal dannu kkawżat minn restrizzjoni tal-kompetizzjoni, kif ukoll il-proċeduri għas-soluzzjoni, b’applikazzjoni ta’ din il-liġi, tat-tilwimiet bejn l-awturi tad-dannu li huma obbligati jikkumpensaw id-dannu flimkien u in solidum, mibdija wara l-25 ta’ Diċembru 2014, għandhom jitkomplew konformement ma din il-liġi; l-effetti legali tal-atti li jkunu twettqu fil-proċedura qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi għandhom jinżammu.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

13      Fit-30 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni bdiet proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE kontra Google dwar eventwali abbuż minn pożizzjoni dominanti fil-qasam tat-tiftix online. Fl-istess 30 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni ħarġet stqarrija għall-istampa li tinforma lill-pubbliku bil-ftuħ ta’ din il-proċedura.

14      Matul is-sena 2013, Google pproponiet lill-Kummissjoni xi impenji sabiex tindirizza t-tħassib ta’ din tal-aħħar.

15      Fis-27 ta’ Mejju 2014, is-Sdružení pro internetový rozvoj v České republice (SPIR) (l-Assoċjazzjoni għall-Iżvilupp tal-Internet fir-Repubblika Ċeka), li tagħha Heureka hija membru, ippubblikat stqarrija għall-istampa li permezz tagħha esprimiet in-nuqqas ta’ qbil tagħha għall dawn l-impenji.

16      Fil-15 ta’ April 2015, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, indirizzata lil Google, li fiha hija waslet għall-konklużjoni provviżorja li l-prattiki ta’ din il-kumpannija jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti u, għaldaqstant, jiksru l-Artikolu 102 TFUE.

17      Fl-14 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali u bdiet proċedura ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE kontra Alphabet, il-kumpannija omm ta’ Google.

18      Fis‑27 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2017) 4444 final, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (Każ AT. 39740 – Google Search (Xiri)). Sommarju ta’ din id-deċiżjoni ġie ppubblikat fit-12 ta’ Jannar 2018 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2018, C 9, p. 11).

19      Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li Google kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fi tlettax-il suq nazzjonali tat-tfittxija ġenerali fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), fosthom fis-suq tar-Repubblika Ċeka, billi naqqset it-traffiku mill-paġni tar-riżultati tat-tfittxija ġenerali tagħha lejn it-tqabbil tax-xiri kompetituri u billi żiedet dan it-traffiku lejn it-tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha, li seta’ jkollu, jew li probabbilment kellu, effetti antikompetittivi fuq it-tlettax-il suq nazzjonali korrispondenti għat-tiftix speċjalizzat għat-tqabbil tax-xiri, iżda wkoll għall-imsemmija swieq tat-tiftix ġenerali.

20      Għalhekk, skont din id-deċiżjoni, Google kienet tagħti, essenzjalment, sistematikament pożizzjoni ewlenija lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha, filwaqt li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri tal-kompetituri ta’ Google kienu rrelegati fil-lista tar-riżultati.

21      Fir-rigward tat-tul tal-ksur imputabbli lil Google fit-territorju tar-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni kkonstatat, fid-Deċiżjoni C(2017) 4444 final, li dan il-ksur kien beda fix-xahar ta’ Frar 2013 u li dan kien għadu jipproduċi l-effetti tiegħu fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, jiġifieri fis-27 ta’ Ġunju 2017. Il-Kummissjoni għalhekk, fl-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni, ordnat lil Google ttemm l-imġiba tagħha f’terminu ta’ 90 jum u li ma tadottax imġiba ekwivalenti li għandha l-istess għan jew l-istess effett.

22      Fl-1 ta’ Settembru 2017 daħlet fis-seħħ il-Liġi Nru 262/2017 li tittrasponi d-Direttiva 2014/104 fid-dritt Ċek.

23      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Settembru 2017, Google u Alphabet ippreżentaw rikors kontra d-Deċiżjoni C(2017) 4444 final.

24      Fis-26 ta’ Ġunju 2020, Heureka ppreżentat quddiem il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka) rikors intiż sabiex Google tiġi kkundannata tikkumpensa d-dannu li hija allegatament ġarrbet minħabba l-prattika antikompetittiva li, skont id-Deċiżjoni C(2017) 4444 final, din il-kumpannija wettqet fir-Repubblika Ċeka matul il-perijodu ta’ bejn ix-xahar ta’ Frar 2013 u s-27 ta’ Ġunju 2017. Heureka esponiet li Google kienet poġġiet u wriet is-servizz ta’ tqabbil ta’ xiri tagħha fl-aħjar post possibbli fost ir-riżultati fis-servizzi tagħha ta’ tfittxija ġenerali, li naqqas il-konsultazzjoni tal-portal tagħha ta’ tqabbil tax-xiri Heureka.cz.

25      Fid-difiża tagħha, Google sostniet b’mod partikolari li, skont ir-regoli ta’ preskrizzjoni tal-obchodní zákoník (il-Kodiċi Kummerċjali), li jipprovdu li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin jibda jiddekorri mill-mument li fih il-persuna leża saret taf jew setgħet issir taf bid-dannu u bl-identità tal-persuna responsabbli għall-kumpens ta’ dan id-dannu, id-dritt għall-kumpens ta’ Heureka kien preskritt minn tal-inqas għall-perijodu mix-xahar ta’ Frar 2013 sal-25 ta’ Ġunju 2016.

26      F’dan ir-rigward, Google esponiet li, meqjusa n-natura tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti allegat, Heureka kienet f’pożizzjoni li tkun taf kemm l-awtur tal-ksur kif ukoll il-fatt li hija sofriet dannu ħafna qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni C(2017) 4444 final. Fil-fatt, Heureka ma setgħetx ma tkunx konxja, b’mod partikolari mill-qari tal-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Novembru 2010, li Google kienet l-operatur tal-mutur ta’ tfittxija msejjaħ “Google”. Fi kwalunkwe każ, l-istqarrija għall-istampa tas-SPIR tas-27 ta’ Mejju 2014, imsemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, li permezz tagħha din l-assoċjazzjoni kienet esprimiet in-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-impenji proposti minn Google lill-Kummissjoni, kienet suffiċjenti sabiex it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri.

27      Għalhekk, it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli f’dan il-każ kien beda jiddekorri mix-xahar ta’ Frar 2013, jiġifieri mill-bidu tat-twettiq tal-allegat ksur fit-territorju Ċek u minn meta d-dannu allegat beda jiġi mġarrab, jew, l-iktar tard, mis-27 ta’ Mejju 2014, li hija d-data tal-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa tas-SPIR.

28      Skont Google, xejn ma pprekluda lil Heureka milli tippreżenta r-rikors tagħha għad-danni iktar kmieni, filwaqt li ppreċiżat li, f’dan il-każ, din il-kumpannija setgħet progressivament iżżid l-ammont tat-talba tagħha għad-danni skont iż-żieda matul iż-żmien tad-danni mġarrba.

29      Il-qorti tar-rinviju tosserva, fl-ewwel lok, li, f’dan il-każ, l-eventwali aġir antikompetittiv beda qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/104, jiġifieri fil-25 ta’ Diċembru 2014, u waqaf biss wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, jiġifieri fis-27 ta’ Diċembru 2016.

30      Dik il-qorti għandha għalhekk dubji dwar jekk l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva japplikax għad-dannu kollu kkawżat mill-ksur tal-Artikolu 102 TFUE inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jew biss għad-dannu li seħħ wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva, jew inkella biss għad-dannu li seħħ wara d-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tal-istess direttiva.

31      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104 huwiex dispożizzjoni sostantiva, fis-sens tal-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, jew dispożizzjoni proċedurali.

32      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk is-sistema ta’ preskrizzjoni Ċeka dwar ir-rikorsi għad-danni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, applikabbli sad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 262/2017 li tittrasponi d-Direttiva 2014/104, hijiex kompatibbli mal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva u, jekk ikun il-każ, mal-Artikolu 102 TFUE u mal-prinċipju ta’ effettività.

33      F’dan ir-rigward, dik il-qorti tenfasizza, preliminarjament, li r-regoli ta’ preskrizzjoni applikabbli fil-kawża prinċipali ma humiex dawk tal-Kodiċi Kummerċjali iżda dawk tal-Kodiċi Ċivili u li huma dawn tal-aħħar li jikkostitwixxu s-sistema l-antika ta’ preskrizzjoni rilevanti f’dan il-każ. Issa, skont l-Artikolu 620(1) tal-Kodiċi Ċivili, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin jibda jiddekorri minn meta l-persuna li sofriet id-dannu ssir taf, jew minn meta jista’ jiġi kkunsidrat li saret taf, l-identità tal-awtur tal-ksur u bid-dannu subit. Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-għarfien tal-fatt li ġie subit dannu minħabba r-reat inkwistjoni, mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 620(1) tal-Kodiċi Ċivili mogħtija min-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka) jirriżulta li l-għarfien ta’ dannu parzjali huwa biżżejjed sabiex it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri. Id-dannu huwa, b’mod partikolari fil-każijiet ta’ ksur kontinwu u ripetut, diviżibbli, għalkemm kull “dannu ġdid” jista’ jiġi invokat b’mod separat u jagħti lok għad-dekorrenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ġdid.

34      Skont il-qorti tar-rinviju, minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, kull tfittxija ġenerali magħmula fis-sit ta’ Google li wasslet għal pożizzjonament u dehra ta’ riżultati li kienu iktar favorevoli għas-servizz ta’ tqabbil ta’ xiri ta’ Google kienet tat lok għad-dekorrenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ġdid awtonomu.

35      Barra minn hekk, dik il-qorti tosserva li, sabiex ikun hemm bidu ta’ dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, il-Kodiċi Ċivili ma jirrikjedix li l-persuna leża tkun taf bil-fatt li l-aġir inkwistjoni kien jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Dan il-kodiċi lanqas ma jimponi li l-ksur ikkonċernat ikun intemm. Fl-aħħar nett, l-imsemmi kodiċi ma jinkludix regoli li jimponu s-sospensjoni jew l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni matul il-perijodu tal-investigazzjoni dwar dan l-aġir.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 21(1) tad-Direttiva [2014/104] u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-Direttiva 2014/104, u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha, tapplika direttament jew indirettament għat-tilwima preżenti rigward kumpens għal kull dannu kkawżat minn ksur tal-Artikolu 102 TFUE li beda qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/104 u li ntemm wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha, f’sitwazzjoni fejn l-azzjoni għad-danni wkoll tressaq wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni, jew fis-sens li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104 japplika biss għal parti mill-aġir invokat (u għall-parti tad-dannu li tirriżulta minn dan) li seħħet wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/104 jew wara d-data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni [tal-imsemmija direttiva]?

2)      It-tifsira u l-għan tad-Direttiva 2014/104 u/jew tal-Artikolu 102 TFUE u l-prinċipju ta’ effettività jeżiġu li l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2014/104 jiġi interpretat fis-sens li l-“miżuri nazzjonali adottati skont l- 21, minbarra dawk imsemmija [fl-Artikolu 22(1)]” huma dawk id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104, fi kliem ieħor, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104 u r-regoli ta’ preskrizzjoni jaqgħu taħt l-ewwel jew it-tieni paragrafu tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2014/104?

3)      L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2014/104 u/jew l-Artikolu 102 TFUE u l-prinċipju ta’ effettività huma konformi ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali u l-interpretazzjoni tagħha li torbot ‘l-għarfien li ġie kkawżat dannu’, li huwa rilevanti sabiex it-terminu ta’ preskrizzjoni suġġettiv jibda jiddekorri, mal-għarfien mill-parti li sostniet id-dannu tad-‘danni parzjali individwali’ li jirriżultaw gradwalment maż-żmien f’każ ta’ aġir antikompetittiv permanenti jew kontinwu (peress li l-ġurisprudenza titlaq mill-premessa li t-talba għal kumpens għad-dannu kkonċernat hija, fit-totalità tagħha, diviżibbli) u li fir-rigward tagħhom jibdew jiddekorru termini ta’ preskrizzjoni suġġettivi indipendenti, irrispettivament mill-għarfien mill-parti li sostniet id-dannu tal-portata sħiħa tad-dannu kkawżat mill-ksur tal-Artikolu 102 TFUE kollu, jiġifieri għalhekk leġiżlazzjoni nazzjonali u l-interpretazzjoni mogħtija lilha li tippermetti li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ talba għal kumpens għad-danni kkawżati mill-aġir antikompetittiv jibda jiddekorri qabel il-mument li fih intemm dan l-aġir, li jikkonsisti fit-tqegħid u fl-indikazzjoni b’mod iktar favorevoli tas-servizz tat-tqabbil tax-xiri tagħha stess, bi ksur tal-Artikolu 102 TFUE?

4)      L-Artikolu 10(2), (3) u (4) tad-Direttiva 2014/104 u/jew l-Artikolu 102 TFUE u l-prinċipju ta’ effettività jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li t-terminu ta’ preskrizzjoni suġġettiv f’azzjonijiet għad-danni huwa ta’ tliet snin u jibda jiddekorri mill-jum li fih il-parti li sostniet id-dannu saret taf jew setgħet issir taf bid-dannu parzjali kif ukoll bil-persuna li hija obbligata tikkumpensa għal dan, iżda ma tqisx (i) il-mument li fih l-aġir antikompetittiv intemm, (ii) l-għarfien tal-parti li sostniet id-dannu li l-aġir jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u li fl-istess ħin (iii) ma tissospendix jew twaqqaf dan it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni dwar dan il-ksur pendenti tal-Artikolu 102 TFUE, u (iv) ma tinkludix ir-regola li s-sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni jiskadi l-iktar kmieni sena wara li d-deċiżjoni dwar il-ksur tkun saret finali?”

 Liżviluppi sussegwenti għaddeċiżjoni tarrinviju u lproċedura quddiem ilQorti tal-Ġustizzja

37      Fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Novembru 2021, Google u Alphabet vs Il-Kummissjoni (Google Shopping) (T‑612/17, EU:T:2021:763), il-Qorti Ġenerali essenzjalment ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Google u Alphabet kontra d-Deċiżjoni C(2017) 4444 final billi kkonfermat l-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward tas-suq tat-tiftix speċjalizzat għat-tqabbil tax-xiri. Madankollu, fir-rigward tas-swieq nazzjonali tat-tiftix ġenerali, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq kunsiderazzjonijiet wisq impreċiżi sabiex tiġġustifika l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi, anki potenzjali, u li l-motiv ta’ Google u ta’ Alphabet ibbażat fuq in-natura purament spekulattiva tal-analiżi tal-effetti kellu, għal dawn is-swieq, jiġi milqugħ. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali annullat din id-deċiżjoni biss sa fejn fiha l-Kummissjoni kienet ikkonstatat ksur minn Google u minn Alphabet fi tlettax-il suq nazzjonali tat-tiftix ġenerali fi ħdan iż-ŻEE abbażi tal-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi f’dawn is-swieq u ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

38      Fl-20 ta’ Jannar 2022, Google u Alphabet ippreżentaw appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Novembru 2021, Google u Alphabet vs Il-Kummissjoni (Google Shopping) (T‑612/17, EU:T:2021:763). Dan l-appell għadu pendenti.

39      Fit-22 ta’ Ġunju 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza Volvo u DAF Trucks (C‑267/20, EU:C:2022:494), li fiha hija ddeċidiet, b’mod partikolari, dwar in-natura tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104 kif ukoll dwar l-applikabbiltà ratione temporis ta’ din id-dispożizzjoni.

40      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ġunju 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotifikat din is-sentenza lill-qorti tar-rinviju u staqsietha jekk, fid-dawl tagħha, hija kinitx tixtieq iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

41      Permezz ta’ komunikazzjoni bil-miktub li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Settembru 2022, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li kienet qed tirtira l-ewwel u t-tieni domanda tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari tagħha iżda li kienet ser iżomm it-tielet u r-raba’ domandi tiegħu.

 Fuq iddomandi preliminari

42      Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju għandha dubji, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104 u/jew l-Artikolu 102 TFUE u l-prinċipju ta’ effettività għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-qrati nazzjonali kompetenti, li tipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin applikabbli għar-rikorsi għad-danni għal ksur kontinwu tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni li:

–        jibda jiddekorri, indipendentement u separatament għal kull dannu parzjali li jirriżulta minn tali ksur, mill-mument li fih il-persuna leża saret taf jew tista’ raġonevolment titqies li saret taf kemm bil-fatt li hija ġarrbet tali dannu parzjali kif ukoll bl-identità tal-persuna responsabbli għall-kumpens ta’ dan id-dannu, mingħajr ma l-persuna leża ma tkun saret taf bil-fatt li l-aġir ikkonċernat jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u mingħajr ma dan il-ksur ma jkun intemm;

–        la jista’ jiġi sospiż u lanqas ma jista’ jiġi interrott matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar tali ksur, u li

–        lanqas ma jista’ jiġi sospiż, minn tal-inqas, sa sena wara d-data li fiha d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata dan l-istess ksur issir definittiva.

43      Mill-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li din tfittex b’mod partikolari li tiddetermina jekk, permezz tar-rikors tagħha ppreżentat fis-26 ta’  2020, Heureka, li tqis ruħha leża minn abbuż minn pożizzjoni dominanti mwettaq minn Google fis-suq rilevanti fir-Repubblika Ċeka bejn Frar 2013 u s-27 ta’ Ġunju 2017 u kkonstatat minn deċiżjoni li għadha ma hijiex definittiva tal-Kummissjoni, tistax titlob kumpens għad-dannu kkawżat matul dan il-perijodu kollu, jew jekk id-dritt tagħha għal kumpens huwiex diġà preskritt għal parti mill-imsemmi perijodu.

44      F’dan ir-rigward dik il-qorti tesponi li, qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104 permezz tal-Liġi Nru 262/2017, l-Artikolu 620(1) tal-Kodiċi Ċivili kien jorbot il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, stabbilit għal tliet snin mill-Artikolu 629(1) ta’ dan il-kodiċi, biss mal-għarfien tad-dannu u tal-awtur tiegħu. Dawn id-dispożizzjonijiet ġew interpretati fis-sens li d-dannu sħiħ li jirriżulta matul ksur kontinwu tad-dritt tal-kompetizzjoni kien diviżibbli f’danni parzjali u li, għal kull dannu parzjali, kien jibda jiddekorri terminu ta’ preskrizzjoni awtonomu. Id-dritt għal kumpens kien għalhekk jiġi preskritt b’mod separat u progressiv.

45      L-imsemmija qorti tirrileva, barra minn hekk, li, f’dan il-każ, il-ksur inkwistjoni beda qabel il-25 ta’ Diċembru 2014, li hija d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/104, iżda kien biss wara s-27 ta’ Diċembru 2016, li hija d-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni previst fl-Artikolu 21 ta’ din id-direttiva, li dan il-ksur intemm. Madankollu, peress li din id-direttiva ġiet trasposta tard fl-ordinament ġuridiku Ċek, dan il-ksur jidher li ntemm qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 262/2017, jiġifieri l-1 ta’ Settembru 2017. Min-naħa l-oħra, ir-rikors fil-kawża prinċipali ġie ppreżentat wara din l-aħħar data.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa neċessarju, sabiex tingħata risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda, li l-ewwel nett tiġi vverifikata l-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104, li għalih jagħmlu riferiment dawn id-domandi u li jistabbilixxi ċerti rekwiżiti fir-rigward tat-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-azzjonijiet għad-danni għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, billi jiddetermina, b’mod partikolari, it-tul minimu ta’ dan it-terminu u l-iktar mument kmieni li fih dan jista’ jibda jiddekorri kif ukoll iċ-ċirkustanzi li fihom dan għandu jiġi sospiż jew interrott.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104 huwa dispożizzjoni sostantiva, fis-sens tal-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva. Issa, abbażi tad dispożizzjoni msemmija l-aħħar l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21tal-imsemmija direttiva sabiex jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet sostantivi tal-istess direttiva ma japplikawx retroattivament (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punti 36 u 47).

48      Madankollu, għandu jitfakkar li, b’effett mill-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ direttiva, id-dritt nazzjonali għandu jiġi interpretat b’mod konformi ma’ kull dispożizzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 115, kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punti 33 u 77).

49      Għalhekk, sabiex tiġi ddeterminata l-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104, huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kinitx konkluża qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva jew jekk din komplietx tipproduċi l-effetti tagħha wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punt 48).

50      Għal dan il-għan, fid-dawl tal-aspetti speċifiċi tar-regoli ta’ preskrizzjoni, tan-natura tagħhom kif ukoll tal-mekkaniżmu ta’ funzjonament tagħhom, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, għandu jiġi mistħarreġ jekk, fid-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104, jiġifieri fis-27 ta’ Diċembru 2016, it-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit mid-dritt nazzjonali, applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali sa din id-data, kienx skada, u dan jimplika li għandu jiġi ddeterminat il-mument li fih dan it-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri konformement ma dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punt 49).

51      Fil-fatt, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam sad-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104, huwa l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens għal dannu li jirriżulta minn ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, inklużi dawk relatati mat-termini ta’ preskrizzjoni, sakemm ikunu osservata l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, sa fejn il-prinċipju msemmi l-aħħar jeżiġi li r-regoli applikabbli għar-rimedji ġudizzjarji intiżi li jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża jisiltu mill-effett dirett tad-dritt tal-Unjoni ma jagħmlux l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punti 42 u 43, kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punt 50).

52      F’dan ir-rigward, minn dan l-istess prinċipju jirriżulta li, anki qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104, leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi d-data li minnha jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni, it-tul u l-modalitajiet tas-sospensjoni jew tal-interruzzjoni tagħha għandha tiġi adattata għall-karatteristiċi speċifiċi tad-dritt tal-kompetizzjoni u għall-għanijiet tal-implimentazzjoni tar-regoli ta’ dan id-dritt mill-persuni kkonċernati, sabiex ma tinġiebx fix-xejn l-effettività sħiħa tal-Artikoli 101 u 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punti 47, kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punt 53).

53      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Artikolu 102 TFUE jipproduċi effetti diretti fuq ir-relazzjonijiet bejn l-individwi u joħloq drittijiet fi ħdan il-partijiet f’kawża, drittijiet li għandhom jiġu mħarsa mill-qrati nazzjonali (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      L-effettività sħiħa tal-Artikolu 102 TFUE u, b’mod partikolari, l-effett utli tal-projbizzjoni stabbilita f’dan l-artikolu jiġu ppreġudikati, b’mod partikolari, jekk, minħabba l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi d-data li fiha jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni, it-tul u l-modalitajiet tas-sospensjoni jew tal-interruzzjoni tiegħu, ikun prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li persuna titlob kumpens għad-dannu li hija allegatament ġarrbet minħabba l-aġir abbużiv ta’ impriża dominanti li jista’ joħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni. Id-dritt ta’ kull persuna li titlob kumpens għal tali dannu fil-fatt isaħħaħ in-natura operattiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u huwa ta’ natura li jiskoraġġixxi abbużi minn pożizzjonijiet dominanti li jistgħu joħolqu restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni, u b’dan il-mod jikkontribwixxu għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punti 39 u 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt isir prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli jekk it-termini ta’ preskrizzjoni applikabbli għar-rikorsi għad-danni għal ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni jibdew jiddekorru qabel ma jintemm il-ksur u qabel ma l-persuna leża ma ssir taf jew tista’ raġonevolment titqies li saret taf l-informazzjoni indispensabbli għall-preżentazzjoni tal-azzjoni għad-danni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punti 56, 57 u 61).

56      Fil-fatt, fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni dwar it-tmiem tal-ksur, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tressiq ta’ azzjonijiet għad-danni għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jeħtieġ, bħala prinċipju, it-twettiq ta’ analiżi fattwali u ekonomika kumplessa (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57      Issa, it-tilwim li jikkonċerna ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni huwa kkaratterizzat, bħala prinċipju, minn assimetrija ta’ informazzjoni għad-detriment tal-persuna leża, li jagħmilha iktar diffiċli li din il-persuna tikseb din l-informazzjoni milli għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni li jiksbu l-informazzjoni neċessarja għall-finijiet tal-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom li japplikaw id-dritt tal-kompetizzjoni (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punt 55).

58      Barra minn hekk, ta’ spiss huwa partikolarment diffiċli li l-persuna leża tistabbilixxi kemm l-eżistenza u l-portata ta’ tali ksur kif ukoll id-dannu li jirriżulta minn dan il-ksur qabel it-tmiem tiegħu.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżit li t-terminu ta’ preskrizzjoni ma jistax jibda jiddekorri qabel ma jintemm il-ksur ikkonċernat huwa neċessarju sabiex jippermetti li l-persuna leża tidentifika u tipprova l-eżistenza tiegħu, il-portata tiegħu u t-tul tiegħu, il-portata tad-dannu kkawżat mill-ksur kif ukoll ir-rabta kawżali bejn dan id-dannu u dan il-ksur u għalhekk li tkun effettivament f’pożizzjoni li teżerċita d-dritt tagħha li titlob kumpens sħiħ, li jirriżulta mill-Artikoli 101 u 102 TFUE.

60      B’mod partikolari, fid-dawl tal-kumplessità tal-kwantifikazzjoni tad-dannu f’kawżi li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni meta l-ksur ikun għadu għaddej, il-fatt li l-persuna leża tintalab iżżid progressivament l-ammont tal-kumpens mitlub abbażi tad-danni addizzjonali li jirriżultaw minn dan il-ksur jagħmel l-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens sħiħ prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

61      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, l-istess bħall-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni mill-awtoritajiet pubbliċi (public enforcement), l-azzjonijiet għad-danni għall-ksur ta’ dawn ir-regoli (private enforcement) jifformaw parti integrali mis-sistema ta’ implimentazzjoni tal-imsemmija regoli, li hija intiża li twaqqaf l-aġiri antikompetittivi tal-impriżi u sabiex tiskoraġġihom milli jwettqu tali aġiri (sentenza tal-6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      F’dan ir-rigward, minn naħa, il-konsegwenza ta’ sistema ta’ preskrizzjoni li tipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin li d-dies a quo tiegħu jippreċedi t-tmiem ta’ ksur uniku u kontinwu u li la jista’ jiġi sospiż u lanqas ma jista’ jiġi interrott matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, tista’ tkun li dan it-terminu jiskadi ferm qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata dan il-ksur, u dan għandu jaffettwa direttament il-possibbiltà li l-persuna leża tippreżenta rikors għad-danni wara tali deċiżjoni (follow-on damages action) u, għaldaqstant, tali sistema hija ta’ natura li tagħmel l-eżerċizzju tad-dritt tagħha li titlob kumpens sħiħ eċċessivament diffiċli. Fil-fatt, b’mod ġenerali, huwa diffiċli għal din il-persuna li tipproduċi l-prova ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) jew tal-Artikolu 102 TFUE fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni jew ta’ awtorità nazzjonali.

63      Min-naħa l-oħra, hekk kif ġie essenzjalment osservat mill-Avukata Ġenerali fil-punt 118 tal-konklużjonijiet tagħha, it-tmiem tal-ksur bħala kundizzjoni li għandha tiġi ssodisfatta sabiex it-terminu ta’ preskrizzjoni jkun jista’ jibda jiddekorri jista’ jkollu effett dissważiv u jwassal sabiex l-awtur ta’ dan il-ksur itemmu iktar malajr. Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ ta’ sistema li, għall-finijiet tal-preżentata ta’ rikors għad-danni għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, ma tiħux inkunsiderazzjoni din il-kundizzjoni, iżda tippermetti li l-preskrizzjoni tinfirex f’diversi dies a quo suċċessivi u, konsegwentement, tippermetti li t-termini ta’ preskrizzjoni jiskadi għal ċerta parti tad-dannu kkawżat mill-ksur ikkonċernat.

64      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, għandha tiġi ssodisfatta sabiex t-terminu ta’ preskrizzjoni jkun jista’ jibda jiddekorri, jiġifieri li l-persuna leża ssir taf bl-informazzjoni indispensabbli għall-preżentata tar-rikors għad-danni tagħha għal ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni, għandu jitfakkar li din l-informazzjoni tiġbor taħtha l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, l-eżistenza ta’ dannu, ir-rabta kawżali bejn dan id-dannu u dan il-ksur kif ukoll l-identità tal-awtur tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punt 60).

65      Fil-fatt, fl-assenza tal-imsemmija informazzjoni, huwa estremament diffiċli, jekk mhux impossibbli, li l-persuna leża tikseb kumpens għad-dannu li dan il-ksur ikkawżalha.

66      F’dan ir-rigward, hija l-qorti nazzjonali adita b’rikors għad-danni li għandha tiddetermina l-mument li minnu jista’ raġonevolment jitqies li l-persuna leża saret taf bl-imsemmija informazzjoni. Fil-fatt, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan espost, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tipprovdi preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-imsemmija qorti nazzjonali f’din id-determinazzjoni.

67      Għalhekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, bħala prinċipju, dan il-mument jikkoinċidi mad-data tal-pubblikazzjoni tas-sommarju tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni kkonċernata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punt 71).

68      Fil-fatt, minn naħa, il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni ta’ att maħruġ minn istituzzjoni tal-Unjoni tiggarantixxi li kemm il-persuni fiżiċi kif ukoll il-persuni ġuridiċi jkollhom il-possibbiltà li jsiru jafu bih (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-6 ta’ Marzu 2023, Deutsche Bank (Akkordju – Derivattivi tar-Rati tal-Imgħax f’Euro), C‑198/22 u C‑199/22, EU:C:2023:166, punt 49, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

69      Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-azzjonijiet għad-danni mressqa wara deċiżjoni definittiva tal-Kummissjoni, ir-rabta ma’ element oġġettiv bħall-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-sommarju ta’ din id-deċiżjoni tifforma parti mill-interess taċ-ċertezza legali fis-sens li tippermetti, sakemm il-ksur ikkonċernat ikun intemm, li jiġi stabbilit, bħala prinċipju, il-mument li minnu jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni, kemm għall-impriżi li pparteċipaw f’akkordju kif ukoll għall-persuni leżi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-6 ta’ Marzu 2023, Deutsche Bank (Akkordju – Derivattivi tar-Rati tal-Imgħax f’Euro), C‑198/22 u C‑199/22, EU:C:2023:166, punt 48).

70      Dan espost, ma huwiex eskluż li persuna leża minn ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tista’ ssir taf bl-elementi indispensabbli għall-preżentata tal-azzjoni għad-danni ferm qabel il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-sommarju ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni (digriet tas-6 ta’ Marzu 2023, Deutsche Bank (Akkordju – Derivattivi tar-Rati tal-Imgħax f’Euro), C‑198/22 u C‑199/22, EU:C:2023:166, punt 44, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

71      Madankollu, hija l-persuna li kontriha titressaq l-azzjoni għad-danni li għandha turi li dan huwa l-każ.

72      F’dan il-każ, madankollu, tqum ukoll il-kwistjoni dwar liema huma l-effetti, fuq id-determinazzjoni tad-dies a quo tat-terminu ta’ preskrizzjoni, tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-sommarju ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, li għadha ma saritx definittiva, li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. B’differenza mill-kawżi li taw lok għas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks (C‑267/20, EU:C:2022:494), u għad-digriet tas-6 ta’ Marzu 2023, Deutsche Bank (Akkordju – Derivattivi tar-Rati tal-Imgħax f’Euro), C‑198/22 u C‑199/22, EU:C:2023:166), li fihom id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni kienu saru definittivi, f’din il-kawża, kif jirriżulta mill-punti 37 u 38 ta’ din is-sentenza, id-Deċiżjoni C(2017) 4444 final għadha ma saritx definittiva. Fil-fatt, Google u Alphabet ikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza mogħtija minn din tal-aħħar, li laqgħet biss parzjalment din il-kontestazzjoni, hija s-suġġett ta’ appell, minn dawn il-kumpanniji, li għadu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

73      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu, bħala prinċipju, minn preżunzjoni ta’ legalità u, għaldaqstant, jipproduċu effetti ġuridiċi sakemm ma jiġux annullati jew irtirati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ellenika, C‑475/01, EU:C:2004:585, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju jimplika wkoll l-obbligu, għall-persuni kollha suġġetti għad-dritt tal-Unjoni, li jirrikonoxxu l-effettività sħiħa tal-imsemmija atti sakemm l-illegalità tagħhom ma tkunx ġiet stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja u li josservaw is-saħħa eżekuttiva tagħhom sakemm din tal-aħħar ma tkunx iddeċidiet li tissospendi l-eżekuzzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 1988, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ellenika, 63/87, EU:C:1988:285, punt 10, kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni, 46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 64).

74      B’mod partikolari, skont il-kliem tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003, meta l-qrati nazzjonali jiddeċiedu fuq ftehimiet, deċiżjonijiet jew prattiċi li jaqgħu taħt l-Artikolu 101 jew l-Artikolu 102 TFUE li huma diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jistgħux jagħtu deċiżjonijiet li jmorru kontra d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni. Issa, dan l-Artikolu 16(1) ma jeżiġix li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun saret definittiva sabiex il-qorti nazzjonali tkun obbligata tikkonforma ruħha magħha. F’dan ir-rigward, l-imsemmi Artikolu 16 huwa differenti mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/104, sa fejn dan tal-aħħar jagħti valur probatorju lid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni nazzjonali biss jekk dawn ikunu saru definittivi. Din id-differenza bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet hija ġġustifikata speċifikament min-natura vinkolanti tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

75      Ċertament, fil-punt 42 tas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, Sumal (C‑882/19, EU:C:2021:800), il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment qieset li, sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà ta’ kwalunkwe entità ġuridika li taqa’ taħt unità ekonomika, il-ksur inkwistjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għandu jiġi kkonstatat f’deċiżjoni tal-Kummissjoni li saret definittiva jew, meta ebda deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur ma tkun ġiet adottata mill-Kummissjoni, dan għandu jiġi stabbilit b’mod awtonomu quddiem il-qorti nazzjonali kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 42). Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet jirrigwardaw biss l-iktar żewġ każijiet evidenti li fihom jista’ jiġi ppreżentat rikors għad-danni.

76      F’dan il-każ, kuntrarjament għat-tilwima li tat lok għas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, Sumal (C‑882/19, EU:C:2021:800), li kienet tikkonċerna deċiżjoni definittiva tal-Kummissjoni, ir-rikors għad-danni fil-kawża prinċipali ġie ppreżentat wara deċiżjoni tal-Kummissjoni li għadha ma saritx definittiva għaliex kienet is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali u għaliex s-sentenza ta’ din tal-aħħar ġiet appellata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

77      Issa, hekk kif ġie essenzjalment osservat mill-Avukata Ġenerali fil-punti 54 u 62 tal-konklużjonijiet tagħha, deċiżjoni tal-Kummissjoni li għadha ma saritx definittiva, li fiha l-Kummissjoni tikkonstata ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, għandha effett vinkolanti sakemm din ma tiġix annullata u hija l-qorti nazzjonali li għandha tislet il-konsegwenzi xierqa ta’ din id-deċiżjoni fuq il-proċedura mressqa quddiemha. Għalhekk, persuna leża tista’ tibbaża ruħha fuq il-konstatazzjonijiet li jinsabu f’tali deċiżjoni insostenn tar-rikors tagħha għad-danni.

78      Għaldaqstant, irrispettivament mill-fatt ta’ jekk id-deċiżjoni inkwistjoni tal-Kummissjoni saritx definittiva jew le, b’effett mill-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-sommarju tagħha u sakemm il-ksur ikkonċernat ikun intemm, jista’, bħala prinċipju, raġonevolment jitqies li l-persuna leża għandha l-informazzjoni kollha neċessarja li tippermettilha tippreżenta r-rikors għad-danni tagħha f’terminu raġonevoli, inklużi dawk neċessarji sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-eventwali dannu mġarrab minħabba l-ksur ikkonċernat. Fil-fatt, b’mod ġenerali din il-pubblikazzjoni tippermetti li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur. Barra minn hekk, il-persuna leża tista’ tistabbilixxi l-portata tal-eventwali dannu mġarrab minħabba dan il-ksur abbażi ta’ din il-konstatazzjoni u tad-data li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha.

79      Fir-rigward tal-punt dwar jekk l-Artikolu 102 TFUE u l-prinċipju ta’ effettività jimponux is-sospensjoni jew l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-punt 62 ta’ din is-sentenza, terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin, li jibda jiddekorri qabel it-tmiem tal-ksur uniku u kontinwu kkonċernat u li la jista’ jiġi sospiż u lanqas ma jista’ jiġi interrott matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, jista’ jiskadi saħansitra qabel ma tintemm il-proċedura quddiem il-Kummissjoni, u dan jagħmel l-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens sħiħ permezz ta’ rikors għad-danni ppreżentat wara deċiżjoni tal-Kummissjoni eċċessivament diffiċli, jew saħansitra impossibbli. Fil-fatt, is-sospensjoni jew l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni huma, bħala prinċipju, neċessarji sabiex il-persuna leża, b’mod partikolari wara tmiem din l-investigazzjoni, tkun tista’ tevalwa jekk twettaqx ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, issir taf bil-portata u bit-tul tiegħu, u tibbaża ruħha fuq din il-konstatazzjoni fil-kuntest ta’ azzjoni sussegwenti għad-danni.

80      Min-naħa l-oħra, peress li, kif jirriżulta mill-punt 77 ta’ din is-sentenza, persuna leża tista’, insostenn tar-rikors tagħha għad-danni, tibbaża ruħha fuq il-konstatazzjonijiet li jinsabu f’deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tkunx saret definittiva, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 102 TFUE u l-prinċipju ta’ effettività ma jeżiġux li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibqa’ sospiż sal-mument li fih id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ssir definittiva. Barra minn hekk, hekk kif essenzjalment osservat l-Avukata Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tagħha, għalkemm il-qorti nazzjonali għandha l-possibbiltà li tissospendi l-proċedura quddiemha sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ssir definittiva, meta tqis li dan ikun xieraq minħabba ċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, hija bl-ebda mod ma hija obbligata li tagħmel dan sakemm ma titbegħidx minn din id-deċiżjoni.

81      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 51 sa 80 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li sistema ta’ preskrizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li, minn naħa, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin jibda jiddekorri indipendentement u separatament għal kull dannu parzjali li jirriżulta mill-ksur inkwistjoni b’effett mill-mument li fih il-persuna leża saret taf jew tista’ raġonevolment titqies li saret taf kemm bil-fatt li hija ġarrbet dannu parzjali kif ukoll bl-identità tal-persuna responsabbli għall-kumpens ta’ dan id-dannu, mingħajr ma jkun neċessarju li l-ksur ikun intemm u li din il-persuna tkun saret taf bil-fatt li l-aġir ikkonċernat jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, u li, min-naħa l-oħra, l-imsemmi terminu la jista’ jiġi sospiż u lanqas ma jista’ jiġi interrott matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar tali ksur, tagħmel l-eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-istess ksur prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

82      Konsegwentement, huwa billi jiġu injorati l-elementi ta’ din is-sistema ta’ preskrizzjoni li huma inkompatibbli mal-Artikolu 102 TFUE u mal-prinċipju ta’ effettività li għandu jiġi mistħarreġ jekk, fid-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104, jiġifieri fis-27 ta’ Diċembru 2016, it-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit mid-dritt nazzjonali, applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali sa din id-data, kienx skada.

83      F’dan il-każ, is-sommarju tad-Deċiżjoni C(2017) 4444 final ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta’ Jannar 2018, b’tali mod li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jista’, raġonevolment jitqies li, fl-imsemmija data, Heureka saret taf bl-informazzjoni kollha neċessarja li tippermettilha tippreżenta rikors għad-danni. Jekk Google għandha l-intenzjoni tikkontesta din il-konstatazzjoni billi ssostni li Heureka kienet taf b’din l-informazzjoni ħafna qabel l-imsemmija data, hija għandha turi quddiem il-qorti tar-rinviju li dan kien effettivament il-każ.

84      Barra minn hekk, mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni C(2017) 4444 final jirriżulta li l-ksur inkwistjoni fil-kawża prinċipali beda fix-xahar ta’ Frar 2013 u li dan kien għadu ma ntemmx fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, jiġifieri fis-27 ta’ Ġunju 2017. Il-Kummissjoni lanqas ma kkonstatat xi interruzzjoni fl-imġiba ta’ Google matul dan il-perijodu. Mill-bqija, din l-istituzzjoni ordnat lil din il-kumpannija, fl-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni, sabiex ittemm l-aġir tagħha f’terminu ta’ 90 jum.

85      F’dan ir-rigward, hekk kif essenzjalment osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 91 tal-konklużjonijiet tagħha, il-ksur allegat jikkonsisti f’aġir kontinwu li jsegwi għan ekonomiku wieħed, jiġifieri l-pożizzjonament u d-dehra iktar favorevoli li Google tat, fil-paġni tar-riżultati tat-tiftix ġenerali tagħha, lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettivi tagħha sabiex iżżid it-traffiku lejn dan is-servizz ta’ tqabbil ta’ xiri għad-detriment ta’ servizzi ta’ tqabbil ta’ xiri kompetituri.

86      Issa, f’dan il-kuntest, irrispettivament mill-mument li fih jista’ jitqies li Heureka saret taf bl-informazzjoni indispensabbli għall-preżentata tar-rikors għad-danni tagħha, kemm jekk dan il-mument kienx id-data tal-pubblikazzjoni tas-sommarju tad-Deċiżjoni C(2017) 4444 final f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew mument preċedenti għal din id-data, it-terminu ta’ preskrizzjoni ma setax jibda jiddekorri qabel is-27 ta’ Ġunju 2017 peress li, kif jirriżulta mill-Artikoli 1 u 3 tad-Deċiżjoni C(2017) 4444 final, il-ksur allegat inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienx intemm fid-data msemmija l-aħħar. Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika liema hija d-data eżatta tat-tmiem ta’ dan il-ksur.

87      Minn dan isegwi li, fid-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104, jiġifieri fis-27 ta’ Diċembru 2016, mhux biss talli t-terminu ta’ preskrizzjoni kien għadu ma skadiex iżda talli dan lanqas kien għadu ma beda jiddekorri.

88      Għaldaqstant, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx intemmet qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, b’tali mod li l-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva huwa applikabbli ratione temporis f’dan il-każ. Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet u għar-raba’ domanda ma għandiex tkun ibbażata biss fuq l-Artikolu 102 TFUE u fuq il-prinċipju ta’ effettività, iżda wkoll fuq l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104.

89      F’dan ir-rigward, mill-punti 51 sa 81 ta’ din is-sentenza jirriżulta li sistema ta’ preskrizzjoni, bħal dik li hija s-suġġett tat-tielet u tar-raba’ domanda, hija inkompatibbli mal-Artikolu 102 TFUE u mal-prinċipju ta’ effettività, sa fejn din tipprevedi, minn naħa, li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin jibda jiddekorri indipendentement u separatament għal kull dannu parzjali li jirriżulta mill-ksur ikkonċernat b’effett mill-mument li fih il-persuna leża saret taf jew tista’ raġonevolment titqies li saret taf kemm bil-fatt li hija ġarrbet dannu parzjali kif ukoll bl-identità tal-persuna responsabbli għall-kumpens ta’ dan id-dannu, mingħajr ma jkun neċessarju li l-ksur ikun intemm u li din il-persuna tkun saret taf bil-fatt li l-aġir ikkonċernat jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmi terminu la jista’ jiġi sospiż u lanqas ma jista’ jiġi interrott matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar tali ksur.

90      Barra minn hekk, mill-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 10(2) u (4) tad-Direttiva 2014/104 jirriżulta li tali sistema lanqas ma hija kompatibbli ma dan l-artikolu.

91      B’mod partikolari, it-tieni sentenza tal-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2014/104 issa teżiġi li s-sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni wara att ta’ awtorità tal-kompetizzjoni intiż għall-investigazzjoni jew għall-prosekuzzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li jkun is-suġġett tal-azzjoni għad-danni tintemm mhux iktar kmieni minn sena wara d-data li fiha d-deċiżjoni li tikkonstata ksur tkun saret definittiva jew mid-data ta’ meta l-proċedura tkun intemmet b’xi mod ieħor.

92      Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, direttiva ma tistax, minnha nfisha, toħloq obbligi għal individwu u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata bħala tali kontrih. Fil-fatt, jekk l-invokabbiltà ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva mhux trasposta jew trasposta b’mod skorrett, tiġi estiża għall-qasam tar-relazzjonijiet bejn l-individwi, dan ikun jammonta għar-rikonoxximent, lil-Unjoni, tas-setgħa li tistabbilixxi b’effett immedjat obbligi fuq l-individwi meta hija għandha din il-kompetenza biss f’dawk l-oqsma fejn ingħatat is-setgħa li tadotta regolamenti (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks (C‑267/20, EU:C:2022:494) punt 76).

93      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, fil-kuntest ta’ tilwima bejn individwi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali għandha, jekk ikun il-każ, tinterpreta d-dritt nazzjonali, b’effett mill-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva mhux trasposta, b’tali mod li s-sitwazzjoni inkwistjoni ssir immedjatament kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, mingħajr madankollu ma twettaq interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks (C‑267/20, EU:C:2022:494, punt 77).

94      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104 kif ukoll l-Artikolu 102 TFUE u l-prinċipju ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-qrati nazzjonali kompetenti, li tipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin applikabbli għar-rikorsi għad-danni għal ksur kontinwu tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni li:

–        jibda jiddekorri, indipendentement u separatament għal kull dannu parzjali li jirriżulta minn tali ksur, mill-mument li fih il-persuna leża saret taf jew tista’ raġonevolment titqies li saret taf kemm bil-fatt li hija ġarrbet tali dannu parzjali kif ukoll bl-identità tal-persuna responsabbli għall-kumpens ta’ dan id-dannu, mingħajr ma l-persuna leża ma tkun saret taf bil-fatt li l-aġir ikkonċernat jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u mingħajr ma dan il-ksur ma jkun intemm, u li

–        la jista’ jiġi sospiż u lanqas ma jista’ jiġi interrott matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar tali ksur.

Barra minn hekk, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104 jipprekludi wkoll tali leġiżlazzjoni sa fejn din ma tipprevedix li t-terminu ta’ preskrizzjoni jiġi sospiż, minn tal-inqas, sa sena wara d-data li fiha d-deċiżjoni li tikkonstata dan l-istess ksur tkun saret definittiva.

 Fuq lispejjeż

95      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikolu 102 TFUE u l-prinċipju ta’ effettività,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-qrati nazzjonali kompetenti, li tipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin applikabbli għar-rikorsi għad-danni għal ksur kontinwu tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni li:

–        jibda jiddekorri, indipendentement u separatament għal kull dannu parzjali li jirriżulta minn tali ksur, mill-mument li fih il-persuna leża saret taf jew tista’ raġonevolment titqies li saret taf kemm bil-fatt li hija ġarrbet tali dannu parzjali kif ukoll bl-identità tal-persuna responsabbli għall-kumpens ta’ dan id-dannu, mingħajr ma l-persuna leża ma tkun saret taf bil-fatt li l-aġir ikkonċernat jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u mingħajr ma dan il-ksur ma jkun intemm, u li

–        la jista’ jiġi sospiż u lanqas ma jista’ jiġi interrott matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar tali ksur.

Barra minn hekk, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104 jipprekludi wkoll tali leġiżlazzjoni sa fejn din ma tipprevedix li t-terminu ta’ preskrizzjoni jiġi sospiż, minn tal-inqas, sa sena wara d-data li fiha d-deċiżjoni li tikkonstata dan l-istess ksur tkun saret definittiva.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.