Kawża C‑598/21

SP

u

CI

vs

Všeobecná úverová banka a.s.,

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Krajský súd v Prešove)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tad‑9 ta’ Novembru 2023

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratt ta’ kreditu għall-konsum – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 1(2) – Klawżola li tirrifletti dispożizzjoni leġiżlattiva imperattiva – Artikolu 3(1), Artikolu 4(1), Artikolu 6(1) u Artikolu 7(1) – Klawżola ta’ skadenza antiċipata tat-terminu – Stħarriġ ġudizzjarju – Proporzjonalità fid-dawl tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kuntrattwali tal-konsumatur – Artikoli 7 u 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kuntratt iggarantit permezz ta’ garanzija fuq proprjetà immobbli – Bejgħ ekstraġudizzjarju tad-dar tal-konsumatur”

  1. Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Kamp ta’ applikazzjoni – Esklużjoni prevista għall-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari imperattivi – Klawżola ta’ skadenza antiċipata tat-terminu – Applikazzjoni tad-direttiva

    (Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 1(2))

    (ara l-punti 63 sa 71)

  2. Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Klawżola inġusta fis-sens tal-Artikolu 3 – Evalwazzjoni tan-natura inġusta mill-qorti nazzjonali – Kriterji

    (Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikoli 3(1), 4(1) u 6(1))

    (ara l-punti 74 sa 79)

  3. Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Portata – Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-eżekuzzjoni ekstraġudizzjarja ta’ garanzija fuq proprjetà immobbli imposta fuq ir-residenza tal-konsumatur – Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, matul l-istħarriġ ġudizzjarju tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ skadenza antiċipata tat-terminu, tal-proporzjonalità tal-possibbiltà tal-bejjiegħ jew fornitur li jeżerċita d-dritt mislut minn din il-klawżola – Inammissibbiltà

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 38; Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikoli 3(1), 4(1), 6(1) u 7(1))

    (ara l-punti 80 sa 90 u d-dispożittiv)

Sunt

SP u CI, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ikkonkludew kreditu għall-konsum rimborsabbli fuq perijodu ta’ 20 sena u ggarantit permezz ta’ garanzija immobiljari, jiġifieri d-dar tal-familja li fiha huma kellhom id-domiċilju tagħhom.

Inqas minn sena wara l-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu inadempjenti fil-ħlas, il-persuna li ssellef eżiġiet ir-rimbors tas-somom kollha dovuti skont il-kuntratt ta’ kreditu, abbażi ta’ klawżola ta’ skadenza antiċipata tat-terminu inkluża f’dan il-kuntratt. Sussegwentement hija pproċediet bl-eżekuzzjoni tal-garanzija tagħha permezz tal-bejgħ b’irkant ekstraġudizzjarju tal-proprjetà immobbli mogħtija bħala garanzija.

Adita mir-rikorrenti b’talba għas-sospensjoni ta’ dan il-bejgħ, l-Okresný súd Prešov (il-Qorti Distrettwali ta’ Prešov, is-Slovakkja) ċaħdet it-talba tagħhom permezz tal-ewwel sentenza, li hija sussegwentement ikkonfermat, fuq rinviju, minkejja l-annullament tagħha mill-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov, is-Slovakkja). Ir-rikorrenti appellaw minn din it-tieni sentenza quddiem il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov, il-qorti tar-rinviju. Skont din tal-aħħar, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tawtorizza l-eżekuzzjoni ekstraġudizzjarja ta’ garanzija immobiljari permezz ta’ bejgħ bl-irkant tal-proprjetà li kienet tikkostitwixxi r-residenza tal-konsumaturi setgħet tmur kontra d-Direttiva 93/13 kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ffokat fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13 ( 1 ) u, b’mod iktar partikolari, fuq il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ skadenza antiċipata tat-terminu li tinsab f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, meta din il-klawżola tippermetti l-bejgħ ekstraġudizzjarju tar-residenza tal-familja tal-konsumatur.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-klawżola ta’ skadenza antiċipata tat-terminu li tippermetti lill-kreditur jitlob ir-rimbors antiċipat tas-somma kollha li tkun għadha dovuta fil-każ tan-nuqqas mid-debitur li jwettaq l-obbligi kuntrattwali tiegħu taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13. Għalhekk, hija enfasizzat li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, din il-klawżola ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala “klawżola li tirrifletti dispożizzjonijiet mandatorji statutorji jew regolatorji”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, għalkemm din l-istess klawżola tirrepeti ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ( 2 ), dawn ma humiex imperattivi u ma jissodisfawx it-tieni kundizzjoni meħtieġa minn dan l-Artikolu 1(2) sabiex tiġi applikata l-esklużjoni prevista fih.

Fit-tieni lok, wara li fakkret ir-regoli ġenerali li jirregolaw l-istħarriġ ġudizzjarju tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-kriterji li fid-dawl tagħhom il-qorti nazzjonali tista’ tidentifika n-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju għal żmien twil li tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom il-kreditur ikun awtorizzat jeżiġi r-rimbors antiċipat tiegħu, bħalma hija l-klawżola ta’ skadenza antiċipata tat-terminu.

Għalhekk, waqt din l-evalwazzjoni, il-kwistjoni dwar, l-ewwel, jekk il-possibbiltà tal-bejjiegħ jew fornitur li jiddikjara eżiġibbli t-totalità tas-self tiddependix min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni mill-konsumatur ta’ obbligu li jkun ta’ natura essenzjali fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni u, it-tieni, jekk din il-possibbiltà tkunx prevista għall-każijiet li fihom tali nuqqas ta’ eżekuzzjoni jkun ta’ natura suffiċjentement serja meta mqabbla mat-tul u mal-ammont tas-self, hija importanti. It-tielet, huwa importanti wkoll li jiġi stabbilit jekk il-possibbiltà tal-bejjiegħ jew fornitur tidderogax mir-regoli tad-dritt ordinarju applikabbli fil-qasam fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi u, ir-raba’, jekk id-dritt nazzjonali jipprevedix mezzi adegwati u effikaċi li jippermettu lill-konsumatur suġġett għall-applikazzjoni ta’ tali klawżola jirrimedja l-effetti tal-eżiġibbiltà tas-self.

Għaldaqstant, meta tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ skadenza antiċipata tat-terminu, il-qorti nazzjonali kellha b’mod partikolari teżamina n-natura proporzjonata tal-possibbiltà mogħtija lill-kreditur li jeżiġi, skont din il-klawżola, is-somom kollha dovuti fid-dawl tal-kuntratt. Għaldaqstant, dik il-qorti kellha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari sa fejn il-konsumatur ikun naqas milli jwettaq l-obbligi kuntrattwali tiegħu, bħalma huwa l-ammont tal-pagamenti mensili li ma kinux ġew onorati meta mqabbla mal-ammont totali tal-kreditu u mat-tul tal-kuntratt.

Madankollu, il-kriterji msemmija preċedentement la huma kumulattivi jew alternattivi u lanqas ma huma eżawrjenti. Għalhekk, minn naħa, fl-istħarriġ ġudizzjarju tan-natura proporzjonata tal-klawżola ta’ skadenza antiċipata tat-terminu, jistgħu jiżdiedu kriterji addizzjonali, bħalma huma l-eventwali żbilanċ kuntrattwali maħluq mill-klawżola ta’ skadenza antiċipata tat-terminu u ċ-ċirkustanza li l-implimentazzjoni tagħha tista’, jekk ikun il-każ, twassal għall-irkupru mill-kreditur tas-somom dovuti abbażi tal-kuntratt permezz tal-bejgħ tar-residenza tal-familja tal-konsumatur mingħajr ebda proċess ġudizzjarju. Min-naħa l-oħra, fl-evalwazzjoni tagħha tal-mezzi li jippermettu lill-konsumatur jirrimedja l-effetti tal-eżiġibbiltà tas-self, il-qorti nazzjonali kellha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari fid-dawl tad-dritt fundamentali għar-residenza ( 3 ), il-konsegwenzi li ġġib magħha t-tkeċċija tal-konsumatur u tal-familja tiegħu mill-akkomodazzjoni li tikkostitwixxi r-residenza prinċipali tagħhom. Għaldaqstant, b’applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji u billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li fihom ġie konkluż il-kuntratt, il-qorti nazzjonali setgħet tikkonkludi li l-klawżola ta’ skadenza antiċipata tat-terminu tkunx inġusta meta tikkonstata li l-bejjiegħ jew fornitur seta’, skont din il-klawżola, jeżerċita d-dritt tiegħu li jitlob ir-rimbors antiċipat tal-bilanċ li jkun għadu dovut abbażi tas-self mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-importanza tan-nuqqas tal-konsumatur meta mqabbel mal-ammont mogħti u mat-tul tas-self.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja qatgħet u ddeċidiet li d-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-Karta ( 4 ), tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-istħarriġ ġudizzjarju tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ skadenza antiċipata tat-terminu li tinsab f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum ma jiħux inkunsiderazzjoni n-natura proporzjonata tal-possibbiltà mogħtija lill-bejjiegħ jew fornitur li jeżerċita d-dritt li huwa jislet minn din il-klawżola, fid-dawl ta’ kriterji speċifiċi. Fost dawn tal-aħħar hemm kriterji marbuta b’mod partikolari ma’ kemm huwa serju n-nuqqas ta’ twettiq mill-konsumatur tal-obbligi kuntrattwali tiegħu, bħall-ammont tal-pagamenti mensili li huwa jkun għadu ma ħallasx meta mqabbel mal-ammont totali tal-kreditu u mat-tul tal-kuntratt, kif ukoll mal-possibbiltà li l-infurzar ta’ din il-klawżola jwassal sabiex il-bejjiegħ jew fornitur ikun jista’ jipproċedi għall-irkupru tas-somom dovuti skont l-imsemmija klawżola permezz tal-bejgħ, mingħajr ebda proċess ġudizzjarju, tar-residenza tal-familja tal-konsumatur.


( 1 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

( 2 ) F’dan il-każ, l-Artikolu 53(9) u l-Artikolu 565 tal-Kodiċi Ċivili Slovakk.

( 3 ) Ara l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

( 4 ) Artikoli 7 u 38 tal-Karta.