SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

9 ta’ Novembru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratt ta’ kreditu għall-konsum – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 1(2) – Klawżola li tirrifletti dispożizzjoni leġiżlattiva imperattiva – Artikolu 3(1), Artikolu 4(1), Artikolu 6(1), u Artikolu 7(1) – Klawżola ta’ skadenza tat-terminu – Stħarriġ ġudizzjarju – Proporzjonalità fid-dawl tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kuntrattwali tal-konsumatur – Artikoli 7 u 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kuntratt iggarantit permezz ta’ garanzija fuq proprjetà immobbli – Bejgħ ekstraġudizzjarju tad-dar tal-konsumatur”

Fil-Kawża C‑598/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov, is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Settembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Settembru 2021, fil-proċedura

SP,

CI

vs

Všeobecná úverová banka a.s.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei (Relatriċi), J.-C. Bonichot, S. Rodin u L. S. Rossi,, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑26 ta’ Ottubru 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal SP, minn L. Riedl, advokát,

għal Všeobecná úverová banka a.s., minn M. Hrbek, advokát,

għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, u sussegwentement minn E. V. Drugda, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Goddin, R. Lindenthal u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali fis-seduta tat‑12 ta’ Jannar 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 38 tagħha, tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86), tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2011/90/UE tal‑14 ta’ Novembru 2011 (ĠU 2011, L 296, p. 35) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2008/48”), kif ukoll tal-prinċipju ta’ effettività.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SP u CI, minn naħa, u l-Všeobecná úverová banka a.s. (iktar ’il quddiem “VÚB”), istituzzjoni bankarja, min-naħa l-oħra, dwar is-sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni ekstraġudizzjarja tal-garanzija immobbiljarja, ikkostitwita mill-akkomodazzjoni tagħhom, li tiggarantixxi l-kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn dawn il-partijiet.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 93/13

3

Il-premessi (13) u (16) tad-Direttiva 93/13 jistipulaw:

“Billi d-disposizzjonijiet statutorji jew regolatorji ta’l-Istati Membri li jistabbilixxu direttament jew indirettament il-klawżoli tal-kuntratti tal-konsumatur huma preżunti li ma’ fihomx klawżoli inġusti; billi, għal dan il-għan, ma jidhirx li huwa meħtieġ li jiġu assoġġettati l-klawżoli li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u l-prinċipji jew id-disposizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom huma parti l-Istati Membri jew il-Komunità; billi f’dak ir-rigward il-kliem ‘disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji’ fl-Artikolu 1(2) ikopru wkoll ir-regoli li, skond il-liġi, għandhom jgħoddu bejn il-partijiet kontraenti sakemm ma twaqqfux xi arranġamenti oħra.

[…]

Billi l-istima, skond il-kriterji ġenerali magħżula, tal-karattru inġust ta’ klawżoli, b’mod partikolari fil-bejgħ jew f’attivitajiet ta’ provvista ta’ natura pubblika li jipprovdu servizzi kollettivi li jqisu s-solidarjetà fost l-utenti, għandha tiġi supplimentata billi ssir valutazzjoni globali tad-diversi interessi involuti; billi din tikkostitwixxi l-ħtieġa ta’ buona fede; billi, waqt li tkun qed issir stima ta’ buona fede, għandha titqies b’mod partikolari s-saħħa tal-posizzjonijiet tal-ftehim tal-partijiet, kemm jekk il-konsumatur kellu xi jħajru biex jaqbel mal-klawżola kif ukoll jekk il-merkanzija jew is-servizzi nbiegħu jew ġew ipprovduti bl-ordni speċjali tal-konsumatur; billi l-ħtieġa ta’ buona fede tista’ tkun sodisfatta mill-bejjiegħ jew mill-fornitur meta dan jittratta b’mod ġust u ekwu mal-parti l-oħra li huwa għandu jikkunsidra l-interessi leġittimi tagħha”.

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

2.   Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew il-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

5

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

6

L-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.”

7

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti”.

8

L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

Id‑Direttiva 2005/29

9

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2005/29, intitolat “Ambitu ta’ applikazzjoni” jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara transazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.”

Id‑Direttiva 2008/48

10

Il-premessa 10 tad-Direttiva 2008/48 tistipula:

“Id-definizzjonijiet li jinsabu f’din id-Direttiva jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-armonizzazzjoni. L-obbligu ta’ l-Istati Membri li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandu għalhekk ikun limitat għall-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kif iddeterminat b’dawn id-definizzjonijiet. Madankollu, din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni mill-Istati Membri, b’mod konformi mal-liġi Komunitarja, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għal oqsma mhux koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha […]”.

11

Skont l-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn li ġejjin:

(a)

ftehim ta’ kreditu li huma garantiti b’ipoteka jew b’garanzija komparabbli oħra użata komunament fi Stat Membru fuq proprjetà immobbli jew garantiti bi dritt relatat ma’ proprjetà immobbli”.

Id‑dritt Slovakk

Il‑Kodiċi Ċivili

12

L-Artikolu 53 taz-zákon č. 40/1964 Zb. Občiansky zákonník (il-Liġi Nru 40/1964 dwar il-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), jirregola l-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi. Dan l-artikolu jipprevedi, fil-paragrafu 9 tiegħu:

“Fil-każ ta’ eżekuzzjoni permezz ta’ ħlas ta’ pagamenti rateali ta’ kuntratt konkluż mal-konsumatur, il-bejjiegħ jew fornitur jista’ jeżerċita d-dritt mogħti mill-Artikolu 565 tal-Kodiċi Ċivili wara l-iskadenza ta’ tliet xhur mid-dewmien tal-ħlas ta’ pagament wieħed u wara li hu jkun nnotifika lill-konsumatur mill-inqas 15‑il jum qabel l-eżerċizzju ta’ dak id-dritt.”

13

L-Artikolu 54(1) tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi:

“Il-klawżoli kuntrattwali previsti f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur ma jistgħux ikunu differenti minn din il-liġi għad-detriment tal-konsumatur. B’mod partikolari, il-konsumatur ma jistax jirrinunzja bil-quddiem għad-drittijiet mogħtija lilu minn din il-liġi jew minn dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi, u lanqas ma jista’, b’xi mod ieħor, jaggrava l-pożizzjoni kuntrattwali tiegħu.”

14

Skont l-Artikolu 151j(1) ta’ dan il-kodiċi:

“Fil-każ li dejn kopert bil-garanzija ma jitħallasx b’mod sħiħ u puntwali, il-kreditur kopert bil-garanzija jista’ jieħu passi biex tiġi eżegwita l-garanzija. Fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-garanzija, il-kreditur kopert bil-garanzija jista’ jiġi kkumpensat bil-mod speċifikat fil-kuntratt jew permezz ta’ bejgħ bl-irkant tal-garanzija konformement ma’ liġi speċifika, […] jew jista’ jitlob li jiġi kkumpensat permezz tal-bejgħ tat-titolu ta’ garanzija konformement ma’ dispożizzjonijiet legali speċifiċi, […] sakemm ma jkunx previst mod ieħor minn din il-liġi jew minn xi liġi speċifika”.

15

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jsegwi li din id-dispożizzjoni tinkludi l-ewwel nota ta’ qiegħ il-paġna, imdaħħla wara l-kliem “konformement ma’ liġi speċifika”, li tagħmel riferiment għaz- zákon č. 527/2002 Z. z. o dobrovoľných dražbách a o doplnení zákona Slovenskej národnej rady č. 323/1992 Zb. o notároch a notárskej činnosti (Notársky poriadok) v znení neskorších predpisov (il-Liġi Nru 527/2002 dwar l-Irkanti Volontarji u li Tissupplimenta l-Liġi tal-Kunsill Nazzjonali Slovakk Nru 323/1992/Zb. dwar in-Nutara u l-Attività Notarili (il-Kodiċi Notarili), kif emendata, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Bejgħ bl-Irkant Volontarju”), u nota oħra f’qiegħ il-paġna, wara l-kliem “dispożizzjonijiet legali speċifiċi”, li tagħmel riferiment għaz-zákon 160/2015 Z. z. Civilný sporový poriadok (il-Liġi Nru 160/2015 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) u għaz-zákon č. 233/1995 Z. z. Exekučný poriadok (il-Liġi Nru 233/1995 dwar l-Uffiċjali Ġudizzjarji u l-Eżekuzzjoni tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċeduri ta’ Eżekuzzjoni”).

16

L-Artikolu 151m tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi:

“(1)   Il-kreditur kopert bil-garanzija jista’ jbigħ it-titolu ta’ garanzija bil-modalitajiet speċifikati fil-kuntratt ta’ garanzija jew permezz ta’ bejgħ bl-irkant sa minn 30 jum wara d-data ta’ notifika tal-eżekuzzjoni tal-garanzija lill-garanti u lid-debitur, fil-każ li d-debitur u l-garanti ma jkunux l-istess persuna, sakemm ma jkunx ġie pprovdut mod ieħor f’leġiżlazzjoni speċifika. Jekk il-garanzija hija mdaħħla fir-reġistru tal-garanziji u d-data ta’ reġistrazzjoni tal-bidu tal-eżekuzzjoni tal-garanzija fir-reġistru tal-garanziji hija sussegwenti għad-data ta’ notifika tal-eżekuzzjoni tal-garanzija lill-garanti u lid-debitur u jekk id-debitur u l-garanti ma humiex l-istess persuna, it-terminu ta’ 30 jum jibda jiddekorri mid-data ta’ reġistrazzjoni tal-bidu tal-eżekuzzjoni tal-garanzija fir-reġistru tal-garanziji.

(2)   Wara n-notifika tal-eżekuzzjoni tal-garanzija, il-garanti u l-kreditur kopert bil-garanzija jistgħu jiftiehmu sabiex il-kreditur kopert bil-garanzija jiġi awtorizzat ibigħ it-titolu ta’ garanzija bil-modalitajiet speċifikati fil-kuntratt ta’ garanzija jew permezz ta’ bejgħ bl-irkant anki qabel ma jkun skada t-terminu previst fil-paragrafu 1.

(3)   Il-kreditur kopert bil-garanzija li jkun talab l-eżekuzzjoni tal-garanzija bil-għan li jitħallas id-debitu dovut lilu bil-mod speċifikat fil-kuntratt ta’ garanzija jista’ f’kull mument meta tkun se tiġi eżegwita l-garanzija jbiddel il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni u jista’ jbigħ it-titolu ta’ garanzija b’irkant pubbliku jew inkella jirrikjedi li jiġi kkumpensat bil-bejgħ tal-garanzija konformement ma’ dispożizzjonijiet legali speċifiċi. Il-kreditur kopert bil-garanzija għandu l-obbligu li jinforma lill-garanti b’kull bidla fil-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-garanzija.”

17

L-Artikolu 565 ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“Fil-każ ta’ eżekuzzjoni ta’ talba permezz ta’ pagamenti rateali, il-kreditur ma jistax jitlob il-ħlas tat-talba kollha minħabba nuqqas ta’ konformità ma’ xi pagament rateali sakemm dan ma jkunx ġie miftiehem bejn il-partijiet jew stipulat f’deċiżjoni. Il-kreditur jista’, madankollu, jeżerċita dan id-dritt l-iktar tard sad-data tal-iskadenza tal-ewwel pagament rateali li jkun imiss.”

Il‑Kodiċi tal‑Proċeduri ta’ Eżekuzzjoni

18

L-Artikolu 63(3) tal-Kodiċi tal-Proċeduri ta’ Eżekuzzjoni jipprovdi li l-bejgħ forzat ta’ proprjetà immobbli jista’ jsir biss b’mod eċċezzjonali, wara li l-qorti tkun awtorizzatu, jekk il-persuna inkwistjoni tkun koperta minn diversi proċeduri ta’ eżekuzzjoni dwar krediti li l-ammont totali tagħhom jaqbeż EUR 2000 u l-uffiċjal juri li d-dejn pekunjarju ma jistax jiġi rkuprat mod ieħor.

Il‑Liġi dwar il‑Bejgħ bl‑Irkant Volontarju

19

L-Artikolu 16 tal-Liġi dwar il-Bejgħ bl-Irkant Volontarju jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li t-tqegħid għall-bejgħ bl-irkant jista’ jsir biss abbażi ta’ konvenzjoni ffirmata bejn il-persuna li titlob il-bejgħ u l-irkantatur.

20

Skont l-Artikolu 17 ta’ din il-liġi, l-irkantatur għandu l-obbligu li jħabbar it-tqegħid għall-bejgħ bl-irkant permezz ta’ avviż ta’ bejgħ bl-irkant. Jekk l-oġġett tal-bejgħ bl-irkant ikun appartament, dar jew proprjetà immobbli oħra, impriża jew waħda mid-diviżjonijiet tagħha, jew jekk l-iktar offerta baxxa tkun ogħla minn EUR 16550, l-irkantatur għandu jippubblika l-avviż ta’ bejgħ bl-irkant fir-reġistru tal-bejgħ bl-irkant mill-inqas 30 jum qabel il-bidu tal-bejgħ bl-irkant. Huwa għandu jibgħat ukoll, mingħajr dewmien żejjed, l-avviż ta’ bejgħ bl-irkant lill-ministeru kompetenti għal pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Kummerċ kif ukoll lill-persuna li talbet il-bejgħ, lid-debitur tal-kreditur kopert bil-garanzija, u lill-proprjetarju tal-beni li huma s-suġġett tal-bejgħ, jekk huwa differenti mid-debitur.

21

L-Artikolu 21(2) tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“Fil-każ ta’ kontestazzjoni tal-validità tal-kuntratt li jikkostitwixxi l-garanzija jew ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, il-persuna li tallega ksur tad-drittijiet tagħha minħabba dan il-ksur tista’ titlob lill-qorti tiddikjara n-nullità tal-bejgħ. Id-dritt li tadixxi lill-qorti b’talba għal annullament madankollu jintemm jekk ma tiġix eżerċitata fi żmien tliet xhur wara l-aġġudikazzjoni, ħlief jekk ir-raġunijiet għall-annullament ikunu marbuta mat-twettiq ta’ reat kriminali u jekk il-bejgħ ikun jikkonċerna dar jew appartament li fih il-proprjetarju preċedenti fil-mument tal-aġġudikazzjoni kien iddomiċiljat uffiċjalment skont leġiżlazzjoni speċifika; f’dan il-każ, huwa possibbli li persuna titlob l-annullament tal-bejgħ anki wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu […]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

22

Fid‑9 ta’ Frar 2012, VÚB ta lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, SP u CI, kreditu għall-konsum, rimborsabbli fuq perijodu ta’ 20 sena, iggarantit permezz ta’ garanzija fuq proprjetà immobbli, jiġifieri d-dar tal-familja li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u persuni oħrajn kellhom id-domiċilju tagħhom fiha (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni”).

23

Qabel dik id-data, sa mis-sena 2004, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu kkontrattaw diversi krediti għall-konsum oħrajn ma’ Consumer Finance Holding a.s. (iktar ’il quddiem “CFH”), li dak iż-żmien VÚB kien marbut magħha ekonomikament. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jsegwi li VUB kien assenja kważi s-somma kollha mogħtija lil SP u lil CI bis-saħħa tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni għall-clearance tal-krediti mogħtija minn CFH li huma ma kinux għadhom jistgħu jħallsu lura. Barra minn hekk, dejjem qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni, VÚB kien tahom ċertu numru ta’ krediti għall-konsum li huwa kien stabbilixxa unilateralment l-ammont tagħhom u li huwa kien assenja wkoll, fil-parti l-kbira tagħhom, għar-rimbors tad-djun u tal-ispejjeż li jirriżultaw minn krediti preċedentement mogħtija lil SP u lil CI jew minnu stess, jew minn CFH.

24

Fix-xahar ta’ Jannar 2013, inqas minn sena wara l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu inadempjenti fil-ħlas, VÚB eżiġa l-ħlas lura tas-somom kollha dovuti skont dan il-kuntratt, abbażi ta’ klawżola ta’ skadenza tat-terminu inkluż fl-imsemmi kuntratt (iktar ’il quddiem il-“klawżola ta’ skadenza tat-terminu”). Fix-xahar ta’ April 2013, VÚB innotifika lil SP u lil CI bid-deċiżjoni tiegħu li jkompli l-eżekuzzjoni tal-garanzija tiegħu permezz tal-bejgħ bl-irkant “volontarju” tal-immobbli mogħti bħala garanzija, jiġifieri bejgħ bl-irkant ekstraġudizzjarju.

25

Dan it-tip ta’ bejgħ bl-irkant ekstraġudizzjarju jsir, bħalma joħroġ mit-talba għal deċiżjoni preliminari, minn persuni privati. Wara li l-kreditur ikun stabbilixxa unilateralment l-ammont tal-kreditu, irkantatur ibiegħ il-proprjetà immobbli kkonċernata ’l barra minn kwalunkwe proċess ġudizzjarju u mingħajr qorti ma tkun setgħet, preċedentement, teżamina l-fondatezza tal-ammont tal-kreditu jew in-natura proporzjonata tal-bejgħ meta mqabbel mal-ammont tal-kreditu. Minkejja l-oppożizzjoni tal-konsumaturi, il-liġi tiddeskrivi dan it-tip ta’ rkant bħala “volontarju”. Il-kreditur jista’ jibda l-proċess ta’ bejgħ bl-irkant volontarju 30 jum wara l-avviż ta’ eżekuzzjoni tal-garanzija.

26

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lill-Okresný súd Prešov (il-Qorti Distrettwali ta’ Prešov, is-Slovakkja) b’talba għas-sospensjoni ta’ dan il-bejgħ bl-irkant tad-dar tal-familja. Dik il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet it-talba tagħhom permezz tal-ewwel sentenza, li hija sussegwentement ikkonfermat, fuq rinviju, minkejja l-annullament tagħha mill-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov, is-Slovakkja). Skont l-imsemmija qorti tal-ewwel istanza, mill-ġurisprudenza tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) kien jirriżulta li mis-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2014, Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189), ma jistax jiġi dedott li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 jipprekludu l-leġiżlazzjoni Slovakka li tawtorizza l-proċedura ta’ eżekuzzjoni ekstraġudizzjarja permezz ta’ bejgħ bl-irkant volontarju ta’ garanzija imposta fuq il-proprjetà immobbli mogħtija bħala garanzija mill-konsumatur, anki jekk din hija r-residenza tiegħu u l-kreditu huwa bbażat fuq kuntratt li jinkludi klawżoli inġusti.

27

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn din it-tieni sentenza quddiem il-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov), li hija l-qorti tar-rinviju, billi rrepetew it-talba tagħhom għas-sospensjoni tal-bejgħ ekstraġudizzjarju tar-residenza tagħhom billi invokaw, b’mod partikolari, ksur tad-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi.

28

Il-qorti tar-rinviju tqis li huwa partikolarment importanti li l-konsumaturi jiġu protetti minn ksur sproporzjonat tad-drittijiet tagħhom, inkluż id-dritt tagħhom għal residenza, qabel il-bejgħ tal-proprjetà. Id-dritt sostantiv Slovakk, skont il-qorti tar-rinviju, ma jipprevedi ebda possibbiltà oħra ta’ protezzjoni ex ante, b’tali mod li, fil-każ ta’ bejgħ bl-irkant volontarju tar-residenza tagħhom, l-unika eżitu li jkollhom il-konsumaturi huwa li jippreżentaw azzjoni għas-sospensjoni ta’ dan il-bejgħ.

29

Dik il-qorti tippreċiża li, f’dan il-każ, il-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni jirrigwarda perijodu ta’ 20 sena u VÚB implimenta l-klawżola ta’ skadenza tat-terminu inqas minn sena wara l-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, minħabba dewmien fil-ħlas ta’ EUR 1 106.50. Il-valur tad-dar tal-familja li hija s-suġġett tal-bejgħ ekstraġudizzjarju huwa mill-inqas 30 darba ogħla mis-somma li għaliha VÚB iddikjara l-iskadenza tat-terminu u pproċeda għall-eżekuzzjoni tal-garanzija tiegħu.

30

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont id-dritt Slovakk, l-implimentazzjoni ta’ klawżola ta’ skadenza tat-terminu, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija suġġetta għal kundizzjoni waħda biss, jiġifieri dewmien ta’ pagament bi tliet xhur, u għall-osservanza mill-persuna li ssellef ta’ terminu ta’ preavviż addizzjonali ta’ ħmistax‑il jum.

31

Din il-leġiżlazzjoni kif ukoll il-ġurisprudenza tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka), imsemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, għalhekk jistgħu jkunu kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li dawn jippermettu li tinbiegħ il-proprjetà fejn huwa ddomiċiljat il-konsumatur, anki fl-ipoteżi ta’ nuqqas kuntrattwali minuri.

32

Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, minkejja l-protezzjoni offruta mill-Artikoli 7, 38 u 47 tal-Karta, id-Direttivi 93/13 u 2005/29 kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività, il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-eżekuzzjoni ta’ garanzija fuq proprjetà immobbli permezz ta’ bejgħ bl-irkant volontarju ta’ proprjetà li tikkostitwixxi r-residenza tal-konsumaturi, kif interpretata min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka), ma tagħtix biżżejjed importanza għall-protezzjoni tar-residenza tal-familja u ma tiħux inkunsiderazzjoni l-possibbiltà ta’ mezzi oħrajn ta’ eżekuzzjoni tal-garanzija. Għalhekk, bħalma turi l-prattika, l-għoti ta’ krediti għall-konsumaturi jkollu konsegwenzi dannużi ferm għal dawn tal-aħħar u għall-familji tagħhom.

33

Fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-prattika tal-għoti ta’ kreditu għall-finijiet tal-ħlas lura tad-djun li jirriżultaw minn kreditu wieħed jew diversi preċedenti ma tistax tiġi eskluża mill-istħarriġ ġudizzjarju skont din id-direttiva. Il-qorti tar-rinviju tqis li ċ-ċirkustanzi li l-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni ġie konkluż fihom jikkostitwixxu prattiċi kummerċjali żleali li għandhom jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, minkejja li l-prattiċi kummerċjali żleali ma jwasslux direttament għan-nullità tal-att ġudizzjarju inkwistjoni, dawn għandhom effett fuq l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali.

34

Fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48, dik il-qorti tqis li kreditu mogħti għall-ħlas lura tad-djun li joħorġu minn krediti preċedenti la jikkorrispondi għall-għan tagħha u lanqas għal dak tad-direttiva li kienet preċedenti għaliha.

35

Barra minn hekk, minkejja li l-kuntratti ta’ kreditu li għandhom garanzija permezz ta’ ipoteka jew permezz ta’ dritt marbut ma’ proprjetà immobbli huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48, f’dan il-każ, il-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni ma jiddefinixxix is-suġġett tal-kreditu u jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli għall-kuntratti ta’ kreditu għall-konsum. Dan il-kuntratt ta’ kreditu la huwa ggarantit permezz ta’ ipoteka u lanqas ma huwa intiż li jiffinanzja l-akkwist ta’ proprjetà immobbli, iżda jservi sabiex jiżgura r-rimbors ta’ krediti għall-konsum preċedenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm rabta mill-qrib bejn l-imsemmi kuntratt ta’ kreditu u dawk il-kuntratti ta’ kreditu għall-konsum konklużi preċedentement minn SP u CI, b’tali mod li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali sitwazzjoni toħroġx ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48.

36

Fl-aħħar nett, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont eżatt tad-dejn tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová (C‑377/14, EU:C:2016:283), huwiex applikabbli f’din il-kawża.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Krajský súd vs Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

. L-Artikolu 47 [tal-Karta] moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 38 tal-[din], id-Direttiva [93/13], id-Direttiva [2005/29], kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik tal-Artikolu 53(9) u tal-Artikolu 565 tal-[Kodiċi Ċivili], bis-saħħa ta’ liema, fil-każ ta’ dikjarazzjoni ta’ skadenza tat-terminu, ma tiġix ikkunsidrata l-proporzjonalità ta’ dan il-att u b’mod partikolari l-gravità tal-ksur tal-obbligu li l-konsumaturi huma responsabbli għalih skont l-ammont u t-tul tal-kreditu?

F’każ li tingħata risposta fin-negattiv [għall-ewwel] domanda […]:

(2)

(a)

L-Artikolu 47 [tal-Karta] moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 38 tal-Karta, id-Direttiva 93/13, id-Direttiva 2005/29, kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni jipprekludu ġurisprudenza li ma tissospendix, fil-mertu, l-eżekuzzjoni ta’ garanzija taħt forma ta’ bejgħ bl-irkant privat ta’ proprjetà immobbli li tikkostitwixxi l-akkomodazzjoni tal-konsumaturi, anki ta’ nies oħra, filwaqt li ma tiġix ikkunsidrata l-gravità tal-ksur tal-obbligu li l-konsumatur huwa responsabbli għalih fir-rigward tal-ammont ta’ kreditu u t-tul tiegħu, anki fejn jeżisti metodu ieħor għall-ħlas tad-dejn tal-persuna li tissellef, jiġifieri ta’ eżekuzzjoni ġudizzjarja fil-kuntest ta’ liema il-bejgħ tal-akkomodazzjoni imposta mill-garanzija ma huwiex is-suġġett ta’ privileġġ?

(b)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-protezzjoni tal-konsumatur kontra l-prattiki kummerċjali żleali fil-qasam ta’ kreditu għall-konsum testendi għall-metodi kollha ta’ ħlas tad-dejn tal-persuna li tissellef, inkluża l-konklużjoni ta’ kreditu ġdid mogħti sabiex ikopri l-impenji li jirriżultaw minn kreditu preċedenti?

(c)

Id-Direttiva 2005/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li tikkunsidra wkoll bħala prattika kummerċjali żleali l-aġir ta’ professjonist li repetutament jagħti krediti lil konsumatur li ma jkunx jista’ iħallas lura l-krediti, b’tali mod li tiġi fformata katina ta’ krediti li l-professjonist effettivament ma jipprovdix lil konsumatur, iżda li hu jiġbor għall-finijiet ta’ ħlas lura ta’ krediti preċedenti u l-ispejjeż kollha tal-krediti?

(d)

L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva [2008/48] moqri flimkien mal-premessa 10 tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeskludix l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva wkoll fil-każ ta’ kreditu li għandu l-karatteristiċi kollha ta’ kreditu għall-konsum, li l-għan tiegħu ma huwiex stabbilit u fejn il-persuna li tissellef allokat kważi l-kreditu kollu għall-ħlas lura ta’ krediti għall-konsum preċedenti, u meta garanzija ta’ proprjetà immobbli ġiet miftiehma bħala garanzija?

(e)

Is-sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová (C‑377/14, EU:C:2016:283), għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri wkoll kuntratt ta’ kreditu mogħti lil konsumatur, jekk il-kuntratt ġie allokat għal parti mill-kreditu mogħti għall-ħlas tal-ispejjeż ta’ persuna li tissellef?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

38

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Frar 2023, VUB talab, prinċipalment, li jiġi kkonstatat, abbażi tal-Artikolu 100(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din ma għadx għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi, peress li t-tilwima fil-kawża prinċipali tilfet l-iskop tagħha. Sussidjarjament, VÚB talab li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura.

39

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Awwissu 2023, VÚB talab, mill-ġdid, il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali.

40

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-talba prinċipali inkluża fl-att ippreżentat fit‑22 ta’ Frar 2023, VÚB jiddikjara fil-fatt li rrinunzja għall-garanzija fuq proprjetà immobbli li tiggarantixxi l-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni, b’effett mill‑14 ta’ Frar 2023, b’tali mod li t-tilwima fil-kawża prinċipali tilfet l-iskop tagħha u li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

41

Barra minn hekk, permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ April 2023, VÚB informaha li huwa kien aċċetta ċessjoni tad-dejn tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali lil terz, li fil-frattemp kien ħallas dan id-dejn lura. Għal din ir-raġuni wkoll, it-tilwima fil-kawża prinċipali ma għadx għandha skop.

42

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Madankollu, hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li bis-saħħa tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li dawn jeħtieġu sabiex isolvu t-tilwim li jkunu msejħa jiddeċiedu. Il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima. Għaldaqstant, jekk jidher li t-tilwima fil-kawża prinċipali tkun saret mingħajr skop, b’tali mod li d-domandi magħmula manifestament ma jkunux għadhom rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonstata li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2022, Banco Cetelem, C‑302/21, EU:C:2022:919, punti 26, 27, 3132 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat, fl‑14 ta’ Marzu 2023 u fis‑26 ta’ Mejju 2023, talba għal kjarifiki lill-qorti tar-rinviju sabiex issir taf jekk iċ-ċirkustanzi invokati minn VÚB kinux effettivament itemmu t-tilwima fil-kawża prinċipali u jekk ir-risposti għad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja kinux għadhom neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali u, skont il-każ, għal liema raġunijiet.

44

Permezz ta’ ittri tal‑5 ta’ April 2023 u tat‑12 ta’ Ġunju 2023, il-qorti tar-rinviju indikat li la r-rinunzja għall-garanzija fuq proprjetà immobbli u lanqas iċ-ċessjoni tad-dejn ma kellhom bħala effett li t-tilwima fil-kawża prinċipali titlef l-iskop tagħha, għar-raġuni, essenzjalment, li ma kinux ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ validità previsti għal dan l-għan mid-dritt nazzjonali. Minn naħa, dik il-qorti ppreċiżat li hija ma approvatx ir-rinunzja unilaterali, minn VÚB, tal-garanzija, peress li ftehim mad-debituri huwa indispensabbli għat-tmiem ta’ tali garanzija permezz ta’ rinunzja. Min-naħa l-oħra, hija enfasizzat li, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, għalkemm kien hemm ċessjoni tal-kreditu ta’ VÚB, id-drittijiet kollha tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala konsumaturi kienu nżammu.

45

Fid-dawl tal-kjarifiki pprovduti mill-qorti tar-rinviju, għandu jitqies li t-tilwima fil-kawża prinċipali żżomm l-iskop tagħha u, għaldaqstant, li d-domandi magħmula għadhom rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima. Konsegwentement, hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari.

46

Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali, VUB jargumenta, essenzjalment, fit-talba sussidjarja tiegħu ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Frar 2023, li, fuq ċerti punti, huwa ma jaqbilx mal-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, li skont hu huma bbażati fuq elementi żbaljati, u għalhekk għandu jiġi kkjarifikat il-kuntest fattwali u/jew ġuridiku tad-domandi preliminari. Barra minn hekk, VÚB jikkontesta diversi drabi l-interpretazzjoni li l-Avukata Ġenerali għamlet fil-konklużjonijiet tagħha tad-direttivi msemmija f’dawn id-domandi.

47

Permezz tal-att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Awwissu 2023, VÚB ġab fil-konoxxenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, insostenn tat-talba tiegħu għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali, minn naħa, li, fl-istess jum, huwa ppreżenta rikors quddiem l’Ústavný súd Slovenskej republiky (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovena) kontra d-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju tat‑12 ta’ Ġunju 2023 li permezz tagħha hija ddeċidiet li tiċħad it-talba għall-irtirar tad-deċiżjoni preliminari minkejja r-rinunzja minn VUB għall-garanzija fuq proprjetà immobbli u ċ-ċessjoni tad-dejn, imsemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, VÚB ma talabx lil dik il-qorti tirtira r-rinviju għal deċiżjoni preliminari tagħha minħabba dawn l-atti, iżda li ġġib fil-konoxxenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kull element li jista’ jaffettwa t-tfittxija tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari konformement mal-Artikolu 100(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Issa, din ir-rinunzja u din iċ-ċessjoni tad-dejn jikkostitwixxu tali elementi.

48

Min-naħa l-oħra, VÚB iqis, essenzjalment, li, fl-ipoteżi li l-informazzjoni li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ din iċ-ċessjoni u rinunzja ma tkunx tippermettilha tiddeċiedi fuq dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 100(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ikollha terġa’ tinfetaħ il-proċedura orali sabiex jiġi kkjarifikati l-elementi li hija tqis rilevanti f’dan ir-rigward.

49

Skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

50

Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti fit-tilwima fil-kawża prinċipali jew ta’ persuna kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Gallaher, C‑707/20, EU:C:2023:101, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Minn dan joħroġ li n-nuqqas ta’ qbil ikkonstatat ta’ VÚB mal-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ma jistax jiġġustifika, fih innifsu, il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

52

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li hija għandha, wara l-fażi bil-miktub tal-proċedura u tas-seduta li nżammet quddiemha, l-elementi neċessarji kollha sabiex tiddeċiedi fuq din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

53

Fil-fatt, il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-persuni kkonċernati li pparteċipaw f’din il-proċedura, u b’mod partikolari VÚB, setgħu jesponu, kemm matul il-fażi bil-miktub kif ukoll il-fażi orali tagħha, il-punti ta’ dritt u ta’ fatt li huma qiesu rilevanti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja talbet espressament li tittieħed pożizzjoni, matul is-seduta, fir-rigward tat-tweġibiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju għall-ewwel talba għal kjarifiki li kienet indirizzata lilha fis‑7 ta’ Ġunju 2022, u li kienet tirrigwarda b’mod partikolari l-qafas ġuridiku u fattwali tad-domandi preliminari, VÚB iddeċieda li ma jipparteċipax fis-seduta. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda r-rinunzja għall-garanzija fuq proprjetà immobbli u ċ-ċessjoni tad-dejn kif ukoll il-konsegwenzi tagħhom għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 100(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-elementi ma humiex ta’ natura li jkunu jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq id-deċiżjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa tagħti, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punti 40 sa 45 ta’ din is-sentenza.

54

Fl-aħħar, it-talbiet għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura mressqa minn VÚB ma jiżvelaw ebda fatt ġdid ta’ natura li jista’ jeżerċita influwenza fuq id-deċiżjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa tagħti.

55

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ammissibbiltà

56

VÚB jargumenta, essenzjalment, li d-domandi preliminari dwar l-interpetazzjoni tad-Direttiva 93/13 huma inammissibbli għar-raġuni li huma inutli għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima u li huma ipotetiċi peress li ma għandhom ebda rabta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, huwa jirrileva, essenzjalment, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali sistematikament u b’mod serju kisru l-obbligi kuntrattwali tagħhom, u għalhekk l-eżekuzzjoni tal-garanzija hija fi kwalunkwe każ konformi mat-test ta’ proporzjonalità skont il-kriterji stipulati fis-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 73).

57

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi relatati mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-eżattezza tagħha ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ma huwiex possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, ħlief meta, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti rigward il-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari li jinsabu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura ma jiġux osservati jew meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma jkollhom l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Koalitsia “Demokratichna Bulgaria – Obedinenie”, C‑306/21, EU:C:2022:813, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Issa, tali assenza ta’ relazzjoni jew in-natura ipotetika tad-domandi magħmula ma tistax tiġi stabbilita abbażi biss tal-allegazzjoni ta’ VÚB li l-implimentazzjoni tal-eżekuzzjoni tal-garanzija hija, f’dan il-każ, proporzjonata. Fil-fatt, bħalma rrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tagħha, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13 ma humiex intiżi li jiġi ddeterminat jekk dan huwiex il-każ f’din il-kawża, iżda huma intiżi għall-għarfien dwar jekk il-qorti għandhiex teżamina n-natura proporzjonata tal-fakultà li l-klawżola ta’ skadenza tat-terminu toffri lill-kreditur, fl-assenza ta’ obbligu f’dan is-sens impost mil-leġiżlazzjoni jew mill-ġurisprudenza nazzjonali.

59

Għalhekk, l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 tidher neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari ma humiex ta’ natura ipotetika. Konsegwentement, dawn id-domandi huma ammissibbli.

60

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, bħalma jargumentaw il-Gvern Slovakk u l-Kummissjoni Ewropea, il-qorti tar-rinviju ma tipprovdix l-informazzjoni ta’ dritt u ta’ fatt li turi r-rabta bejn id-domandi magħmula u d-Direttiva 2005/29. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju ma tispjegax ir-rabta li teżisti bejn l-implimentazzjoni tal-klawżola ta’ skadenza tat-terminu, minn naħa, u l-eżistenza ta’ prattiki kummerċjali żleali, min-naħa l-oħra. Bl-istess mod, hija la tippreċiża sa liema punt l-eżekuzzjoni tal-garanzija fuq proprjetà immobbli permezz ta’ bejgħ bl-irkant volontarju tista’ tikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali u lanqas ma tippreċiża r-raġuni li għaliha l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva f’dan il-kuntest hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

61

Għandu għaldaqstant jitqies li r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura ma humiex osservati u li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, id-domandi preliminari huma inammissibbli sa fejn dawn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29.

Fuq l‑ewwel domanda

62

Peress li l-ewwel domanda tirrigwarda essenzjalment l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-fakultà mogħtija lill-kreditur li jiddikjara dovut is-self kollu permezz ta’ klawżola ta’ skadenza tat-terminu, għandu, preliminarjament, jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-klawżola ta’ skadenza tat-terminu taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 1(2) tagħha, il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu dispożizzjonijiet mandatorji statutorji jew regolatorji ma għandhomx ikunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

63

Din l-esklużjoni tal-applikazzjoni tal-iskema tad-Direttiva 93/13, li testendi għad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirregolaw ir-relazzjoni tal-partijiet kontraenti indipendentement mill-għażla tagħhom u ma’ dawk li huma applikabbli awtomatikament, hija ġġustifikata mill-fatt li, bħala prinċipju, huwa leġittimu li jiġi preżunt li l-leġiżlatur nazzjonali stabbilixxa bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet f’ċerti kuntratti, bilanċ li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried espliċitament iżomm (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Prima banka Slovensko, C‑192/20, EU:C:2021:480, punt 32, u tal‑5 ta’ Mejju 2022, Zagrebačka banka, C‑567/20, EU:C:2022:352, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

L-imsemmija esklużjoni tippreżumi li żewġ kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, jiġifieri, minn naħa, il-klawżola kuntrattwali għandha tirrifletti dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolamentari u, min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni għandha tkun mandatorja (sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2014, Kušionová, C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 78, u tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 31).

65

Sabiex jiġi stabbilit jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-klawżola kuntrattwali kkonċernata tirriflettix dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li japplikaw b’mod mandatorju bejn il-partijiet kontraenti indipendentement mill-għażla tagħhom jew mid-dispożizzjonijiet ta’ natura supplimentari u għaldaqstant applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla, jiġifieri fl-assenza ta’ arranġament differenti bejn il-partijiet f’dan ir-rigward (sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2014, Kušionová, C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 79; tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 32, u tal‑5 ta’ Mejju 2022, Zagrebačka banka, C‑567/20, EU:C:2022:352, punt 55).

66

F’dan ir-rigward, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk tali klawżola taqax taħt l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 fid-dawl tal-kriterji ddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri billi tieħdu inkunsiderazzjoni n-natura, l-istruttura ġenerali u l-istipulazzjonijiet tal-kuntratti ta’ self ikkonċernati kif ukoll il-kuntest ġuridiku u fattwali li jaqgħu taħtu dawn tal-aħħar, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi previst minn din id-direttiva, l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2) tagħha għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Zagrebačka banka, C‑567/20, EU:C:2022:352, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

F’dan il-każ, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li huma s-suġġett tal-ewwel domanda, jiġifieri l-Artikolu 53(9) u l-Artikolu 565 tal-Kodiċi Ċivili, huma riflessi fi klawżola tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni, jiġifieri l-klawżola ta’ skadenza tat-terminu. Il-qorti tar-rinviju tirrileva f’dan ir-rigward, fil-fatt, li din il-klawżola “essenzjalment tikkopja” dawn id-dispożizzjonijiet.

68

Skont l-Artikolu 53(9) tal-Kodiċi Ċivili, fil-każ ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum imħallas lura permezz ta’ pagamenti rateali, il-kreditur jista’ jitlob il-ħlas tal-kreditu kollu, konformement mal-Artikolu 565 ta’ dan il-kodiċi, jekk ikun hemm qbil bejn il-partijiet. Il-kreditur jista’ jeżerċita dan id-dritt wara l-iskadenza ta’ tliet xhur mid-dewmien tal-ħlas ta’ pagament wieħed u wara li hu jkun nnotifika lill-konsumatur mill-inqas ħmistax‑il jum qabel dan.

69

Fit-tweġiba tagħha għat-talba għal kjarifiki tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju indikat li l-imsemmija dispożizzjonijiet flimkien ma japplikawx awtomatikament jew awtomatikament fl-assenza ta’ għażla f’dan is-sens mill-partijiet. Barra minn hekk, anki jekk il-partijiet ftehmu, fil-kuntratt ta’ kreditu, fuq il-possibbiltà, għall-kreditur, li jitlob il-ħlas lura kmieni tas-somma mislufa, dan ma huwiex obbligat jeżerċita dan id-dritt. Il-qorti tar-rinviju tqis barra minn hekk li l-Artikolu 54(1) tal-Kodiċi Ċivili, li jipprevedi, essenzjalment, li l-klawżoli kuntrattwali li jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur ma jistgħux jevadu d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi b’detriment għall-konsumatur, ma jagħtix madankollu natura imperattiva għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 53(9) tal-imsemmi kodiċi, peress li l-ewwel dispożizzjoni tippermetti lill-partijiet jidderogaw mit-tieni waħda, sakemm din tkun favur il-konsumatur.

70

Għalhekk, u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha, il-klawżola ta’ skadenza tat-terminu li tippermetti lill-kreditur jitlob il-ħlas lura kmieni tas-somma rimanenti kollha li għadha dovuta fil-każ ta’ nuqqas mid-debitur tal-obbligi kuntrattwali tiegħu, ma tidhirx li għandha tiġi kklassifikata bħala “klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, peress li, minkejja li din tirrepeti d-dispożizzjonijiet nazzjonali ċċitata fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, dawn ma humiex imperattivi u, għaldaqstant, ma jissodisfawx it-tieni kundizzjoni meħtieġa minn dan l-Artikolu 1(2) sabiex tiġi applikata l-esklużjoni prevista fih.

71

F’din l-ipoteżi, tali klawżola hija, konsegwentement, suġġetta għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

72

F’dak li jirrigwarda l-mertu tad-domanda, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li hija adita biha. F’dan id-dawl, huwa obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha u li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali għandhom bżonn sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkunu aditi bihom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux indikati espressament fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Kamenova, C‑105/17, EU:C:2018:808, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

F’dan ir-rigward, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7 u 38 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali skont liema l-istħarriġ ġudizzjarju tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ skadenza tat-terminu inkluża f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum ma jiħux inkunsiderazzjoni tan-natura proporzjonata tal-fakultà mħollija lill-bejjiegħ jew fornitur li jeżerċita d-dritt li huwa jislet minn din il-klawżola, fid-dawl ta’ kriterji marbuta b’mod partikolari ma’ kemm huwa serju n-nuqqas ta’ twettiq tal-konsumatur tal-obbligi kuntrattwali tiegħu, bħall-ammont ta’ pagamenti mensili li huwa ma ħallasx meta mqabbel mal-ammont totali tal-kreditu u mat-tul tal-kuntratt, kif ukoll mal-possibbiltà li l-infurzar tal-imsemmija klawżola iwassal sabiex dan il-bejjiegħ jew fornitur ikun jista’ jipproċedi għall-irkupru tas-somom dovuti skont l-istess klawżola permezz tal-bejgħ, lil hinn minn kwalunkwe proċess ġudizzjarju, tad-dar tal-familja tal-konsumatur.

74

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ inferjorità li l-konsumatur jinsab fiha fil-konfront tal-bejjiegħ jew fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi. F’dan il-kuntest, u sabiex jiġi żgurat il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi stipulat fl-Artikolu 38 tal-Karta, il-qorti nazzjonali għandha tevalwa, anki ex officio, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, b’dan il-mod, tikkumpensa għall-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur, peress li hija jkollha l-punti ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji għal dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Bondora, C‑453/18 u C‑494/18, EU:C:2019:1118, punt 40, kif ukoll tas‑17 ta’ Mejju 2022, Ibercaja Banco, C‑600/19, EU:C:2022:394, punti 35 sa 37).

75

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kriterji li fid-dawl tagħhom għandu jiġi eżerċitat tali stħarriġ ġudizzjarju, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 jiddefinixxu, flimkien, il-kriterji ġenerali li jippermettu li ssir evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali suġġetti għad‑dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid, C‑484/08, EU:C:2010:309, punt 33).

76

B’dan premess, meta jirreferi għall-kunċetti ta’ “bona fide” u ta’ “żbilanċ sinjifikattiv” għad-detriment tal-konsumatur bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 jiddefinixxi biss b’mod astratt l-elementi li jagħtu natura inġusta lil klawżola kuntrattwali li ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77

Sabiex jiġi ddeterminat jekk klawżola toħloqx, għad-detriment tal-konsumatur, “żbilanċ sinifikanti” bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli tad-dritt nazzjonali applikabbli fl-assenza ta’ ftehim bejn il-partijiet f’dan is-sens. Din l-analiżi komparattiva tippermetti lill-qorti nazzjonali tevalwa jekk, u, jekk dan ikun il-każ, sa liema punt, il-kuntratt ipoġġi lill-konsumatur f’sitwazzjoni ġuridika inqas favorevoli meta mqabbla ma’ dik prevista mid-dritt nazzjonali fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 68).

78

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar f’liema ċirkustanzi jinħoloq tali żbilanċ “minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide”, il-qorti nazzjonali għandha, fid-dawl tas-sittax-il premessa tad-Direttiva 93/13, tivverifika għal dan l-għan jekk il-bejjiegħ jew il-fornitur, filwaqt li jkun ittratta mal-konsumatur b’mod leali u ġust, setax raġonevolment jistenna li dan tal-aħħar jaċċetta tali klawżola wara negozjati individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 69, u tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑609/19, EU:C:2021:469, punt 66).

79

Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-beni jew tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt u billi jsir riferiment, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tiegħu kif ukoll għall-klawżoli l-oħra kollha tal-imsemmi kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.

80

Fir-rigward speċifikament ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju fit-tul li tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom il-kreditur huwa awtorizzat jeżiġi l-ħlas lura kmieni tiegħu, bħall-klawżola ta’ skadenza tat-terminu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni wkoll li tistipula kriterji li fid-dawl tagħhom il-qorti nazzjonali tista’ tiskopri n-natura potenzjalment inġusta tagħha, bħalma fakkret l-Avukata Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tagħha.

81

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod iterattiv iddeċidiet li hija b’mod partikolari ta’ importanza essenzjali, sabiex jiġi ddeterminat jekk klawżola kuntrattwali ta’ skadenza tat-terminu ta’ kreditu ipotekarju toħloqx żbilanċ sinjifikattiv għad-detriment tal-konsumatur, il-kwistjoni dwar jekk il-fakultà tal-bejjiegħ jew fornitur li jiddikjara dovut is-self kollu tiddependix min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni mill-konsumatur ta’ obbligu li huwa ta’ natura essenzjali fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni, jekk din il-fakultà hijiex prevista għall-każijiet li fihom tali nuqqas ta’ eżekuzzjoni huwa ta’ natura suffiċjentement serja fir-rigward tat-tul u tal-ammont tas-self, jekk l-imsemmija fakultà tidderogax mir-regoli tad-dritt komuni applikabbli fil-qasam fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi u jekk id-dritt nazzjonali jipprevedix mezzi adegwati u effikaċi li jippermettu lill-konsumatur suġġett għall-applikazzjoni ta’ tali klawżola li jirrimedja l-effetti tal-eżegwibbiltà tas-self (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82

Minn dan isegwi li l-qorti nazzjonali għandha b’mod partikolari teżamina n-natura proporzjonata tal-fakultà mħollija lill-kreditur li jeżiġi skont din il-klawżola s-somom dovuti kollha meta hija tevalwa n-natura potenzjalment inġusta tagħha, aspett li jimplika li hija tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari sa liema punt il-konsumatur naqas milli jissodisfa l-obbligi kuntrattwali tiegħu, bħall-ammont ta’ pagamenti mensili li huwa ma ħallasx meta mqabbel mal-ammont tal-kreditu u mat-tul tal-kuntratt.

83

Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li l-kriterji stipulati fis-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 66), sabiex tiġi evalwata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali dwar l-iskadenza tat-terminu minħabba nuqqas tad-debitur li jissodisfa l-obbligi tiegħu għal perijodu limitat la huma kumulattivi jew alternattivi u lanqas eżawrjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Caisse régionale de Crédit mutuel de Loire-Atlantique et du Centre Ouest, C‑600/21, EU:C:2022:970, punti 3031).

84

Minn dan isegwi li l-istħarriġ ġudizzjarju tan-natura proporzjonali ta’ din il-klawżola għandu, skont il-każ, isir fid-dawl ta’ kriterji addizzjonali. Għalhekk, fid-dawl tal-effetti li jista’ jkollha klawżola ta’ skadenza tat-terminu mdaħħla f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum iggarantit bid-dar tal-familja, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali, meta tistħarreġ in-natura inġusta tal-fakultà li din il-klawżola toffri lill-kreditur, għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fl-analiżi tagħha, tal-iżbilanċ potenzjali kuntrattwali maħluq mill-imsemmija klawżola, taċ-ċirkustanza li l-implimentazzjoni tagħha tista’, skont il-każ, twassal għall-irkupru mill-kreditur tas-somom dovuti taħt l-istess klawżola permezz tal-bejgħ ta’ din ir-residenza ’l barra minn kwalunkwe proċess ġudizzjarju.

85

F’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-mezzi li jippermettu lill-konsumatur jirrimedja l-effetti tal-eżegwibbiltà sħiħa tas-somom dovuti taħt il-kuntratt ta’ self, dik il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni tal-konsegwenzi li ġġib magħha t-tkeċċija tal-konsumatur u tal-familja tiegħu mid-dar li tikkostitwixxi r-residenza prinċipali tagħhom. Fil-fatt, id-dritt għal akkomodazzjoni huwa dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta li l-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 93/13. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat f’dan ir-rigward l-importanza, għal dik il-qorti, li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha miżuri provviżorji li jippermettu li tiġi sospiża proċedura illegali ta’ eżekuzzjoni ipotekarja jew li din ma tirnexxix meta l-għoti ta’ tali miżuri jirriżulta li huwa neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-protezzjoni mixtieqa mid-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2014, Kušionová, C‑34/13, EU:C:2014:2189, punti 63 sa 66).

86

Jekk, abbażi tal-kriterji indikati iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tan-natura inġusta tal-klawżola ta’ skadenza tat-terminu, li, f’dan il-każ, id-dritt stipulat favur VÚB li jitlob il-ħlas lura kmieni tas-somma rimanenti kollha li għadha dovuta taħt il-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni, iggarantita bid-dar tal-familja tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jippermetti lil dan il-bejjiegħ jew fornitur jeżerċita dan id-dritt mingħajr ma jkollu għalfejn jieħu inkunsiderazzjoni kemm hu serju n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-konsumaturi meta mqabbel mal-ammont mogħti u mat-tul tas-self, din il-konstatazzjoni tkun tista’ twassal lil dik il-qorti sabiex ikollha tqis din il-klawżola bħala inġusta, sa fejn din tkun toħloq żbilanċ sinjifikattiv għad-detriment tal-konsumaturi, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fede, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li dan il-kuntratt ġie konkluż fihom u li l-bejjiegħ jew fornitur seta’ kellu għarfien tagħhom fid-data tal-konklużjoni tiegħu.

87

Jekk, fi tmien din l-analiżi, din il-klawżola kellha tiġi ddikjarata inġusta, ikun il-kompitu ta’ dik il-qorti li twarrab l-applikazzjoni tagħha sabiex din ma tipproduċix effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, ħlief jekk dan tal-aħħar jopponi għal dan (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 50).

88

F’dan ir-rigward, il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-drittijiet nazzjonali, li għalihom jirreferi l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, ma jistgħux jippreġudikaw is-sustanza tad-dritt li l-konsumaturi jisiltu abbażi ta’ din id-dispożizzjoni li ma jkunux marbuta minn klawżola meqjusa inġusta (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89

Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali stħarriġ, il-protezzjoni tal-konsumatur tkun inkompleta u insuffiċjenti u tkun tikkostitwixxi mezz li la huwa adegwat u lanqas effettiv sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ dan it-tip ta’ klawżoli, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90

Fid-dawl tal-motivi preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7 u 38 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali skont liema l-istħarriġ ġudizzjarju tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ skadenza tat-terminu inkluża f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum ma jiħux inkunsiderazzjoni tan-natura proporzjonata tal-fakultà mħollija lill-bejjiegħ jew fornitur li jeżerċita d-dritt li huwa jislet minn din il-klawżola, fid-dawl ta’ kriterji marbuta b’mod partikolari ma’ kemm huwa serju n-nuqqas ta’ twettiq mill-konsumatur tal-obbligi kuntrattwali tiegħu, bħall-ammont ta’ pagamenti mensili li huwa ma ħallasx meta mqabbel mal-ammont totali tal-kreditu u mat-tul tal-kuntratt, kif ukoll mal-possibbiltà li l-infurzar ta’ din il-klawżola iwassal sabiex il-bejjiegħ jew fornitur ikun jista’ jipproċedi għall-irkupru tas-somom dovuti skont l-imsemmija klawżola permezz tal-bejgħ, lil hinn minn kwalunkwe proċess ġudizzjarju, tad-dar tal-familja tal-konsumatur.

Fuq it‑tieni domanda

91

Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l‑ispejjeż

92

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(1), l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7 u 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali skont liema l-istħarriġ ġudizzjarju tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ skadenza tat-terminu inkluża f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum ma jiħux inkunsiderazzjoni tan-natura proporzjonata tal-fakultà mħollija lill-bejjiegħ jew fornitur li jeżerċita d-dritt li huwa jislet minn din il-klawżola, fid-dawl ta’ kriterji marbuta b’mod partikolari ma’ kemm huwa serju n-nuqqas ta’ twettiq mill-konsumatur tal-obbligi kuntrattwali tiegħu, bħall-ammont ta’ pagamenti mensili li huwa ma ħallasx meta mqabbel mal-ammont totali tal-kreditu u mat-tul tal-kuntratt, kif ukoll mal-possibbiltà li l-infurzar ta’ din il-klawżola iwassal sabiex il-bejjiegħ jew fornitur ikun jista’ jipproċedi għall-irkupru tas-somom dovuti skont l-imsemmija klawżola permezz tal-bejgħ, lil hinn minn kwalunkwe proċess ġudizzjarju, tad-dar tal-familja tal-konsumatur.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.