SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
16 ta’ Novembru 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/23/KE – Artikolu 1(1) – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, ta’ negozji jew ta’ partijiet minn impriżi jew minn negozji – Trasferiment ta’ uffiċċju notarili – Konstatazzjoni tan-nullità jew tan-natura abbużiva tat-tkeċċija ta’ impjegati – Determinazzjoni tal-anzjanità għall-kalkolu tal-kumpens – Applikabbiltà ta’ din id-direttiva – Kundizzjonijiet”
Fil-kawżi magħquda C‑583/21 sa C‑586/21,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Social no 1 de Madrid (il-Qorti Industrijali Nru 1 ta’ Madrid, Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑30 ta’ Lulju 2021, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Settembru 2021, fil-proċeduri
NC (C‑583/21),
JD (C‑584/21),
TA (C‑585/21),
FZ (C‑586/21),
vs
BA,
DA,
DV,
CG,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, J.-C. Bonichot, S. Rodin (Relatur) u L.S. Rossi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑9 ta’ Novembru 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal DA, CG, DV, BA, minn C. Martínez Cebrián, avukat, |
– |
għal NC, JD, TA u FZ minn F. Mancera Martínez u S. L. Moya Mata, avukati, |
– |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis u J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u M. Hellmann, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann kif ukoll S. Pardo Quintillán, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Mejju 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98). |
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn NC, JD, TA u FZ (iktar ’il quddiem, flimkien, “NC et”) u n-nutara BA, DA, DV u CG dwar il-konstatazzjoni tan-nullità jew tan-natura abbużiva tat-tkeċċija tal-ħaddiema rreklutati suċċessivament minn dawn in-nutara. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2001/23
3 |
Il-premessa 3 tad-Direttiva 2001/23 tipprovdi: “Huwa neċessarju li jigi pprovdut għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ li jinbidel min jimpjega, b’mod partikulari, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom ikunu salvagwardjati.” |
4 |
L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 jipprovdi:
|
5 |
L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, wara d-data tat-trasferiment, min jagħmel it-trasferiment u min lilu jsir it-trasferiment għandhom ikunu impenjati konġuntement u separatament għar-rigward ta’ obbliġi li kienu kkawżati qabel id-data ta’ trasferiment minn kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment.” |
6 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej: “1. It-trasferiment ta’ l-impriża, n-negozju jew xi parti mill-impriza jew negozju m’għandux fih innifsu jikkostitwixixi bażi għal tkeċċija minn min jagħmel it-trasferiment jew minn min lilu jsir it-trasferiment. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tkun ta’ xkiel għal tkeċċijiet li jistgħu iseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ l-organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu. […] 2. Jekk il-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni tax-xogħol jintemmu minħabba li t-trasferiment jinvolvi bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għad-detriment ta’ l-impjegat, min jimpjega għandu jitqies bħala responsabbli għat-tmiem tal-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni ta’ l-impjieg.” |
Ir-Regolament (UE) Nru 650/2012.
7 |
Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107, rettifiki fil-ĠU 2012, L 344, p. 3 u fil-ĠU 2013 L 60, p. 140): “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu ‘qorti’ jfisser kull awtorità ġudizzjarja u awtoritajiet u professjonisti legali oħra kollha bħal dawn b’kompetenza f’materji ta’ suċċessjoni li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji jew jaġixxu taħt delegazzjoni ta’ setgħa minn xi awtorità ġudizzjarja jew jaġixxu taħt il-kontroll ta’ xi awtorità ġudizzjarja dment li dawn l-awtoritajiet u l-professjonisti legali l-oħrajn joffru garanziji fir-rigward tal-imparzjalità u d-dritt tal-partijiet kollha li jinstemgħu u dment li d-deċiżjonijiet tagħhom jittieħdu skont il-liġi tal-Istat Membru li fih joperaw:
[…]” |
8 |
L-Artikolu 62 ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “1. Dan ir-Regolament joħloq Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (minn hawn ’il quddiem ‘iċ-Ċertifikat’) li għandu jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor u għandu jipproduċi l-effetti elenkati fl-Artikolu 69. 2. L-użu taċ-Ċertifikat ma għandux ikun mandatorju. 3. Iċ-Ċertifikat ma għandux jieħu l-post tad-dokumenti interni li jintużaw għal finijiet simili fl-Istati Membri. Madankollu, ladarba jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor, iċ-Ċertifikat għandu jipproduċi l-effetti elenkati fl-Artikolu 69 fl-Istat Membru li l-awtoritajiet tiegħu jkunu ħarġuh f’konformità ma’ dan il-Kapitolu.” |
9 |
L-Artikolu 64 tal-imsemmi regolament jipprovdi: “Iċ-Ċertifikat għandhu jinħareġ fl-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 4, l-Artikolu 7, l-Artikolu 10 jew l-Artikolu 11. L-awtorità emittenti għandha tkun:
|
10 |
L-Artikolu 67(1) tal-istess regolament jipprovdi: “L-awtorità emittenti għandha toħroġ iċ-Ċertifikat mingħajr dewmien f’konformità mal-proċedura stabbilita f’dan il-Kapitolu meta l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi. […] L-awtorità emittenti ma għandhiex toħroġ iċ-Ċertifikat b’mod partikolari jekk:
|
Id‑dritt Spanjol
11 |
L-Artikolu 1 tal-Ley Orgánica del Notariado (il-Liġi Organika dwar in-Nutara), tat‑28 ta’ Mejju 1862 (Gaceta de Madrid no 149, tad‑29 ta’ Mejju 1862, p. 1) jiddefinixxi lin-nutar bħala “l-uffiċjal pubbliku bis-setgħa li jawtentika, skont il-liġijiet, il-kuntratti u l-atti l-oħra extraġudizzjarji” u jżid li “għandu jkun hemm kategorija waħda ta’ tali uffiċjali fir-Renju kollu”. |
12 |
In-nutara għandhom ikunu affiljati b’mod obbligatorju mar-Régimen Especial de la Seguridad Social de los Trabajadores por Cuenta propia o Autónomos (skema speċjali tas-sigurtà soċjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom, jew “RETA”) u huma kemm uffiċjali pubbliċi kif ukoll il-persuni li jimpjegaw lill-persuni li jaħdmu għalihom, li magħhom huma jidħlu liberament permezz tal-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol suġġetti għal-liġi ġenerali tax-xogħol kollha kif ukoll għad-dritt tax-xogħol kollu tal-Unjoni. |
13 |
Skont ir-regoli ġenerali tar-Real Decreto Legislativo 2/2015, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 2/2015, li japprova t-test rivedut tal-Liġi dwar l-Istatus tal-Ħaddiema, tat‑23 ta’ Ottubru 2015, BOE no 255 tal‑24 ta’ Ottubru 2015, p. 100224) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali 2/2015”), in-nutara għandhom jinnegozjaw ftehim kollettivi, ta’ portata lokali sas-sena 2010 u ta’ portata nazzjonali minn dak iż-żmien ’il quddiem. |
14 |
L-Artikolu 44(1) u (2) tad-Digriet Irjali 2/2015 jipprovdi: “1. It-trasferiment ta’ impriża, ta’ ċentru ta’ xogħol jew ta’ unità ta’ produzzjoni awtonoma ta’ tali impriża ma jtemmx fih innifsu r-relazzjoni ta’ xogħol; il-persuna li timpjega l-ġdida tissostitwixxi fid-drittijiet u l-obbligi tal-persuna li timpjega preċedenti f’dak li jirrigwarda l-kuntratt ta’ xogħol u s-sigurtà soċjali, inklużi l-ħlasijiet tal-pensjoni, il-kundizzjonijiet previsti mil-liġijiet speċifiċi applikabbli u, b’mod ġenerali, l-obbligi kollha fir-rigward tal-protezzjoni soċjali kumplimentari li min jagħmel it-trasferiment ikun assuma. 2. Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, titqies bħala suċċessjoni tal-impriża t-trasferiment ta’ entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, bħala għaqda organizzata ta’ riżorsi, għat-twettiq ta’ attività ekonomika, kemm jekk ċentrali jew anċillari.” |
Il‑kawżi prinċipali u d‑domanda preliminari
15 |
NM et ġew impjegati f’uffiċċju notarili li jinsab f’Madrid (Spanja) f’isem nutara differenti li ssuċċedew dan l-istudju. Fit‑30 ta’ Settembru 2019, DV, in-nutar detentur tal-imsemmi uffiċċju mill‑31 ta’ Jannar 2015, offra lil NC et il-possibbiltà li jaħdmu miegħu fi ħdan l-uffiċċju l-ġdid tiegħu, f’belt oħra, jew li jxolji l-kuntratti ta’ xogħol tagħhom. NM et għażlu t-tieni għażla u rċevew kumpens għal tkeċċija ekonomika f’każ ta’ forza maġġuri. |
16 |
BA nħatar bħala nutar detentur tal-istess uffiċċju notarili fid‑29 ta’ Jannar 2020. Huwa ħa f’idejh il-ħaddiema impjegati min-nutar preċedenti, bl-istess struttura materjali u kompla jeżerċita l-attività notarili fl-istess post tax-xogħol fejn jinżammu l-atti ddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali bħala l-kollezzjoni tal-atti pubbliċi u dokumenti oħra miżjuda ma’ din il-kollezzjoni kull sena. Fil‑11 ta’ Frar 2020, BA kif ukoll NC et ikkonkludew kuntratt ta’ xogħol b’perijodu ta’ prova ta’ 6 xhur. |
17 |
Fil‑15 ta’ Marzu 2020, minħabba l-pandemija tal-Covid-19, id-Dirección General de Seguridad Jurídica y Fe Pública (id-Direttorat Ġenerali għaċ-Ċertezza Legali u Ċertifikazzjoni) tal-Ministerio de Justicia (il-Ministeru għall-Ġustizzja, Spanja) adotta deċiżjoni li stabbilixxiet li kienu ser jiġu implimentati biss miżuri urġenti, li l-uffiċji notarili kellhom jadottaw miżuri rrakkomandati mill-awtoritajiet sabiex impjegati ma jidħlux l-uffiċċju u li kienet ser tiġi stabbilita sistema ta’ rotazzjoni tal-impjegati. Il-jum ta’ wara, NC, TA u JD kienu marru l-uffiċċju notarili sabiex jitolbu lil BA japplika l-miżuri msemmija iktar ’il fuq. BA rrifjuta u, fl-istess jum, bagħat lil NC, lil TA kif ukoll lil JD u, fit‑2 ta’ April 2020, lil FZ, ittri ta’ tkeċċija fejn indika li dawn tal-aħħar ma kinux għaddew mill-perijodu ta’ prova tagħhom. |
18 |
NC et adixxew lill-Juzgado de lo Social no 1 de Madrid (il-Qorti Industrijali Nru 1 ta’ Madrid, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’talba intiża biex it-tkeċċija tagħhom tiġi kkonstatata bħala nulla, jekk mhux abbużiva, u li l-anzjanità tagħhom tiġi kkalkolata mill-jum li fih huma kienu bdew jaħdmu fl-uffiċċju ta’ nutar li eżerċita l-funzjonijiet tiegħu fl-istess uffiċċju bħal BA qabel. BA oppona t-talbiet tagħhom u qies li l-anzjanità tagħhom għandha tibda tiddekorri mill‑11 ta’ Frar 2020, id-data tal-konklużjoni tal-kuntratti li jorbtuh ma’ NC et. |
19 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li NC et ġew impjegati, b’mod mhux interrott, mill-konvenuti fil-kawża prinċipali suċċessivament maħtura bħala nutara fl-istess post li jinsab f’Madrid sat-tkeċċija tagħhom matul is-sena 2020. |
20 |
In-nutara Spanjoli huma uffiċjali pubbliċi, li jaċċedu għal din il-funzjoni wara li jgħaddu minn kompetizzjoni ta’ portata nazzjonali perjodikament organizzata mid-Direttorat Ġenerali għaċ-Ċertezza Legali u Ċertifikazzjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja. Din il-kompetizzjoni hija suġġetta għal leġiżlazzjoni ġenerali speċjali u l-aħħar avviż ta’ kompetizzjoni magħruf kien intiż biex ikopri pożizzjonijiet vakanti minħabba l-irtirar, it-trasferiment, il-leave, il-mewt jew l-assenza ta’ kopertura tal-pożizzjoni fi tmiem il-kompetizzjoni preċedenti. |
21 |
Meta nutar itemm l-attivitajiet tiegħu minħabba trasferiment jew irtirar, in-nutar il-ġdid li jissuċċedih, li jista’ jibqa’ jew le fl-istess uffiċċju, huwa obbligat li jżomm għal 25 sena l-arkivji tal-predeċessur tiegħu u li jagħti l-kopji u l-estratti tal-atti rċevuti minn dan tal-aħħar meta l-persuni kkonċernati jitolbuhomlu, filwaqt li huwa mifhum li huwa abitwali, iżda mhux obbligatorju, li d-detentur il-ġdid tal-post iżomm il-mezzi umani u materjali kollha organizzati sabiex jissodisfa l-għan tas-servizz pubbliku notarili. Is-sitwazzjoni tal-persunal f’każ ta’ tkeċċija ma hija rregolata minn ebda regola speċifika jew minn ebda dispożizzjoni konvenzjonali, ħlief fil-każijiet ta’ trasferiment jew ta’ leave għal raġunijiet personali tan-nutar. |
22 |
Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fis-sentenza tagħha tat‑23 ta’ Lulju 2010, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) ikkonstatat li n-natura ġuridika tal-kariga pubblika assunta min-nutar “ma teskludix l-istatus ta’ persuna li timpjega lil dan tal-aħħar, peress li l-kriterji imposti mi[d-Digriet Irjali 2/2015] huma ssodisfatti, li jimplika li huwa għandu jeżegwixxi l-obbligi li l-leġiżlazzjoni tax-xogħol timponi fuq il-persuna li timpjega”, u ppreċiżat li “n-nutar ma għandux organizzazzjoni ta’ riżorsi umani u materjali li tista’ toħloq sitwazzjoni ta’ trasferiment ta’ impriżi meta jittrażmetti l-uffiċċju li fih huwa assuma l-inkarigu pubbliku li huwa responsabbli għalih, peress li l-ħatriet suċċessivi tiegħu u t-trasferimenti sussegwenti tiegħu jiddependu fuq il-gvern u peress li l-fatt li jinħatar f’uffiċċju partikolari lanqas ma jagħmlu proprjetarju tal-organizzazzjoni kollha partikolari għal dan l-uffiċċju, iżda sempliċement depożitarju tal-atti tiegħu u l-figura viżibbli u ta’ direzzjoni tal-missjoni pubblika – u mhux tas-servizz pubbliku fis-sens strett – li titwettaq fih”. |
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social no 1 de Madrid (il-Qorti Industrijali Nru 1 ta’ Madrid) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti: “L-Artikolu 1(1)(a) tad-[Direttiva 2001/23], u, konsegwentement, il-kontenut tal-imsemmija direttiva, huma applikabbli għal sitwazzjoni fejn il-proprjetarju ta’ uffiċju nutarili, uffiċjal pubbliku li huwa fl-istess waqt persuna privata li timpjega ħaddiema fis-servizz tagħha u li r-relazzjonijiet tiegħu fil-kapaċità tiegħu ta’ persuna li timpjega huma rregolati mid-dritt ġenerali tax-xogħol kif ukoll minn ftehim kollettiv settorjali, jissuċċedi proprjetarju preċedenti tal-uffiċċju nutarili, jiret l-atti, ikompli jeżerċita l-attività fl-istess post ta’ xogħol bl-istess struttura materjali, u jkompli jimpjega lill-persunal li kien jaħdem għal dan in-nutar tal-aħħar?” |
Fuq id‑domanda preliminari
Fuq l‑ammissibbiltà
24 |
BA u l-Gvern Spanjol isostnu li d-domanda preliminari hija inammissibbli peress li erba’ xhur qabel ma r-rikorrenti kienu impjegati minn BA, ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom ma’ DV, in-nutar li ppreċeda lil BA fl-istess uffiċċju, waqfet kontra l-kisba ta’ kumpens. Għalhekk, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw għal DV mill-kuntratti ta’ xogħol konklużi ma’ NC et ma baqgħux jeżistu fid-data tat-trasferiment tal-uffiċċju notarili u dawn fi kwalunkwe każ kienu ġew ikkumpensati. |
25 |
Għandu jitfakkar li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolatorju u fattwali li hija responsabbli sabiex tiddefinixxi, u li l-eżattezza tiegħu ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifikah, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jkun jidher, b’mod manifest, li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha [sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2023, BK u ZhP (Sospensjoni parzjali tal-proċedura fil-kawża prinċipali), C‑176/22, EU:C:2023:416, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata]. |
26 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23, huma biss id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw għaċ-ċedent minn kuntratt ta’ impjieg jew minn relazzjoni ta’ impjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment ta’ impriża li, minħabba dan it-trasferiment, jiġu ttrasferiti liċ-ċessjonarju. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-direttiva ma hijiex intiża biex ittejjeb il-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni jew ta’ kundizzjonijiet oħra tax-xogħol fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, ISS Facility Services, C‑344/18, EU:C:2020:239, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
Ċertament, mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, wara l-assenjazzjoni l-ġdida ta’ DV, NC et xoljew il-kuntratti ta’ xogħol tagħhom fit‑30 ta’ Settembru 2019 u, fil‑11 ta’ Frar 2020, huma ffirmaw il-kuntratti tagħhom ma’ BA, fejn dan tal-aħħar inħatar nutar detentur tal-uffiċċju notarili li DV kien proprjetarju tiegħu. |
28 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika li NC et ipprovdew is-servizzi tagħhom, b’mod mhux interrott mill‑24 ta’ Mejju 2004 u fuq l-istess post tax-xogħol, lid-diversi nutara maħtura suċċessivament f’dan l-uffiċċju, li magħhom huma kienu marbuta permezz ta’ relazzjoni ta’ xogħol ordinarja. Hija żżid, f’dan ir-rigward, li l-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23 għandha bħala konsegwenza ż-żamma tal-anzjanità sa mill-bidu tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom mal-imsemmi studju. |
29 |
Fir-rigward tal-argument tal-Gvern Spanjol li jgħid li d-domanda preliminari hija inammissibbli peress li NC et diġà kisbu kumpens minħabba t-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li tali possibbiltà tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li ma hijiex intiża biex tittrasponi d-Direttiva 2001/23 u għalhekk ma tistax tkun rilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-ammissibbiltà tad-domanda preliminari. Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-indikazzjonijiet ta’ NC et waqt is-seduta, u li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, dan il-kumpens kien ġie rrimborsat. |
30 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma jidhirx b’mod manifest li d-domanda preliminari li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/23 ma għandha ebda rabta mar-realtà tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali jew li l-problema hija ta’ natura ipotetika, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 25 ta’ din is-sentenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din id-domanda għandha titqies bħala ammissibbli. |
Fuq il‑mertu
31 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva hija applikabbli għal sitwazzjoni li fiha nutar, uffiċjal pubbliku u persuna li timpjega b’mod privat lill-ħaddiema fis-servizz tagħha, jissuċċedi lit-titolari preċedenti ta’ uffiċċju notarili, iżomm l-atti tiegħu, il-persunal li kien impjegat minn dan tal-aħħar u jkompli jeżerċita l-istess attività fl-istess bini bl-istess mezzi materjali. |
32 |
L-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2001/23 jipprovdi li din tapplika għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew ta’ inkorporazzjoni legali. |
33 |
Skont l-Artikolu 1(1)(b) ta’ din id-direttiva, jitqies li jikkostitwixxi trasferiment, fis-sens ta’ din id-direttiva, meta jkun hemm trasferiment ta’ entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi, bl-għan li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le. Il-kunċett ta’ entità jirreferi għal grupp organizzat ta’ persuni u ta’ oġġetti li jippermettu l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika b’għan speċifiku (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Grafe u Pohle, C‑298/18, EU:C:2020:121, punt 22). |
34 |
Abbażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1)(ċ) tad-Direttiva 2001/23, din tapplika għall-impriżi pubbliċi u privati li jeżerċitaw attività ekonomika, kemm jekk bi skop ta’ profitt kif ukoll jekk le. Għall-kuntrarju, skont it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, riorganizzazzjoni amministrattiva ta’ awtoritajiet amministrattivi pubbliċi jew it-trasferiment ta’ funzjonijiet amministrattivi bejn awtoritajiet amministrattivi pubbliċi ma jikkostitwixxux “trasferiment” fis-sens ta’ din id-direttiva. |
35 |
Għalhekk, qabel ma jiġi eżaminat jekk jeżistix trasferiment, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23, għandu jiġi eżaminat jekk l-attivitajiet bħal dawk tan-nutara Spanjoli, jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “attività ekonomika”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(ċ) ta’ din id-direttiva. |
Fuq l-eżistenza ta’ “attività ekonomika” fis-sens tad-Direttiva 2001/23
36 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċett ta’ “attività ekonomika” jinkludi kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti jew ta’ servizzi f’suq partikolari. Min-naħa l-oħra, bħala prinċipju, huma esklużi mill-kwalifika ta’ “attività ekonomika”, l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ setgħa pubblika, peress li s-servizzi li jinsabu f’kompetizzjoni ma’ dawk proposti minn operaturi li għandhom skop ta’ profitt jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “attivitajiet ekonomiċi”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(ċ) tad-Direttiva 2001/23 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Piscarreta Ricardo, C‑416/16, EU:C:2017:574, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li n-nutara Spanjoli joffru s-servizzi tagħhom fis-suq lil klijenti bi ħlas, peress li dawn is-servizzi jikkonsistu b’mod partikolari, essenzjalment, fl-awtentikazzjoni tal-kuntratti u l-atti extraġudizzjarji oħra. Skont l-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea waqt is-seduta, dawn in-nutara jassumu r-riskji finanzjarji relatati mal-eżerċizzju ta’ din l-attività. |
38 |
Tali attività taqa’, bħala prinċipju, kif indika, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, taħt il-kunċett ta’ “attività ekonomika”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) (ċ) tad-Direttiva 2001/23. |
39 |
Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk, minħabba ċerti ċirkustanzi oħra li jirriżultaw mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, attivitajiet bħal dawk tan-nutara Spanjoli jikkostitwixxux parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u għandhomx jitqiesu li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑47/08, EU:C:2011:334, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, peress li din hija esklużjoni għar-regola ġenerali ta’ applikabbiltà tad-Direttiva 2001/23, prevista fl-Artikolu 1(1) tagħha, din l-esklużjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, KRI, C‑323/22, EU:C:2023:641, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Għalhekk, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li n-nutara Spanjoli huma uffiċjali pubbliċi maħtura permezz ta’ digrieti ministerjali wara kompetizzjoni. |
42 |
Madankollu, huwa fid-dawl tal-attivitajiet fihom infushom, u mhux fid-dawl tal-istatus tan-nutara fl-ordinament ġuridiku Spanjol, li għandu jiġi vverifikat jekk dawn jeżerċitawx prerogattivi ta’ awtorità pubblika (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑47/08, EU:C:2011:334, punt 116). |
43 |
It-tieni, kif ikkonferma l-Gvern Spanjol waqt is-seduta, l-individwi huma liberi li jirrikorru għan-nutar tal-għażla tagħhom. F’dan ir-rigward, għalkemm id-drittijiet tan-nutara huma stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li l-kwalità tas-servizzi pprovduti tista’ tvarja minn nutar għal ieħor skont, b’mod partikolari, il-kapaċitajiet professjonali, u għalhekk dawn jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, fatt li ma huwiex karatteristiku tal-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑47/08, EU:C:2011:334, punt 117). |
44 |
It-tielet, fir-rigward tal-funzjonijiet eżerċitati min-nutara Spanjoli, il-Gvern Spanjol jindika li dawn huma, b’mod partikolari, kompetenti biex, minn naħa, jawtentikaw l-atti rregolati mid-dritt privat, jiċċelebraw żwiġijiet, ixoljuhom minħabba divorzju, jippronunzjaw separazzjoni kif ukoll jospitaw il-preżentazzjoni, l-awtentikazzjoni, il-ftuħ u d-depożitu ta’ testmenti magħluqa fl-atti u, min-naħa l-oħra, għandhom jirrifjutaw li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom f’sitwazzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni Spanjola. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 1 tar-Reglamento de la organización y régimen del notariado (ir-Regolament dwar l-organizzazzjoni u s-sistema tan-Notarjat), approvat b’mod definittiv bid-Decreto por el que se aprueba con carácter definitivo el Reglamento de la organización y régimen del Notariado (id-Digriet li japprova b’mod definittiv ir-Regolament dwar l-organizzazzjoni u s-sistema tan-Notarjat), tat-2 ta’ Ġunju 1944 (BOE Nru 189, tas-7 ta’ Lulju 1944, p. 5225) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar in-Nutara), iċċitat mill-Gvern Spanjol fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jirriżulta li, fil-kwalità tiegħu ta’ uffiċjal pubbliku, in-nutar għandu s-setgħa li jagħti n-natura ta’ awtentiċità notarili, li, fil-qasam tad-dritt, jistabbilixxi l-awtentiċità u s-saħħa probatorja tal-manifestazzjonijiet tal-volontà espressi mill-partijiet li jidhru fl-att awtentiku redatt skont il-liġi. |
45 |
Huma kemm huma importanti tali attivitajiet ta’ interess ġenerali, in-nutara Spanjoli, peress li jeżerċitaw dawn l-attivitajiet f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni, ma jistgħux jitqiesu bħala awtoritajiet amministrattivi pubbliċi, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(ċ) tad-Direttiva 2001/23. |
46 |
Il-fatt li n-nutara jaġixxu billi jsegwu għan ta’ interess ġenerali meta jirrifjutaw li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom ma huwiex biżżejjed sabiex l-attività tagħhom titqies li taqa’ taħt l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Fil-fatt, huwa stabbilit li l-attivitajiet eżerċitati fil-kuntest ta’ diversi professjonijiet irregolati jimplikaw ta’ spiss, fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, l-obbligu għall-persuni li jeżerċitawhom li jsegwu tali għan, mingħajr ma dawn l-attivitajiet jaqgħu għaldaqstant taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑47/08, EU:C:2011:334, punt 96). |
47 |
Ir-raba’, ir-Renju ta’ Spanja nnotifika lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012, bl-għażla tiegħu li jinnomina lin-nutara Spanjoli bħall-awtoritajiet jew il-professjonisti legali l-oħra msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “qorti”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, u jistgħu jadottaw Ċertifikati Ewropej tas-Suċċessjoni skont l-Artikolu 64 ta’ dan ir-regolament. |
48 |
Għandu jiġi rrilevat li l-imsemmi regolament jirrigwarda l-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet, l-aċċettazzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet kif ukoll il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni u ma jaffettwax, konsegwentement, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(ċ) tad-Direttiva 2001/23 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, C‑575/16, EU:C:2018:186, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
49 |
Barra minn hekk, il-fatt li n-nutara ta’ Stat Membru jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012, ma jimplikax li huma jeżerċitaw prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Skont il-kundizzjonijiet meħtieġa minn din id-dispożizzjoni, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “qorti” mhux biss awtorità jew professjonist legali kompetenti fil-qasam tas-suċċessjoni li jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji, jew jaġixxi bis-saħħa ta’ delega ta’ setgħat minn awtorità ġudizzjarja, iżda wkoll awtorità jew professjonist legali li jaġixxi biss taħt il-kontroll ta’ awtorità ġudizzjarja. |
50 |
Il-kompetenza tan-nutara Spanjoli sabiex joħorġu, skont l-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 650/2012, iċ-Ċertifikati Ewropej tas-Suċċessjoni, lanqas ma hija ekwivalenti għal eżerċizzju ta’ tali prerogattivi. Minn naħa, mill-Artikolu 62 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-użu ta’ dawn iċ-ċertifikati ma huwiex obbligatorju u, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 67(1)(a) tal-imsemmi regolament, jirriżulta li l-imsemmija ċertifikati ma jistgħux jinħarġu jekk l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati jiġu kkontestati. |
51 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, li għandha tivverifika l-qorti tar-rinviju, jidher li n-nutara Spanjoli jeżerċitaw attività ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(ċ) tad-Direttiva 2001/23. |
Fuq l-eżistenza ta’ “trasferiment” fis-sens tad-Direttiva 2001/23
52 |
Qabel kollox, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2001/23 hija intiża biex tiżgura l-kontinwità tar-relazzjonijiet ta’ xogħol eżistenti fil-kuntest ta’ entità ekonomika, indipendentement minn bdil tal-proprjetarju. Il-kriterju deċiżiv sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “trasferiment”, fis-sens ta’ din id-direttiva, huwa l-fatt jekk l-entità inkwistjoni żżommx l-identità tagħha, li jirriżulta, partikolarment, mit-tkomplija effettiva tal-operazzjoni tagħha jew mit-teħid tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Strong Charon, C‑675/21, EU:C:2023:108, punti 37 u 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
53 |
F’dan il-każ, BA, wara li nħatar mill-Istat bħala nutar detentur tal-uffiċċju notarili taż-żona ġeografika partikolari, li DV kien titolari tiegħu, impjega lil parti mill-persunal, ħa l-materjal u l-uffiċċji u sar id-depożitarju tal-atti ta’ dan l-uffiċċju. |
54 |
Skont l-Artikolu 1 tal-Liġi Organika dwar in-Notarjat, in-nutar huwa l-uffiċjal pubbliku awtorizzat li jawtentika, konformement mal-liġijiet, kuntratti u atti extraġudizzjarji oħra, filwaqt li l-uffiċċju notarili li huwa detentur tiegħu jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 69 tar-Regolament dwar in-Notarjat, “stabbiliment pubbliku”, li huwa ddefinit bħala “ir-riżorsi umani u materjali kollha organizzati sabiex jissodisfaw [l-]għan [tas-servizz pubbliku notarili]”. |
55 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-fatt li nutar isir id-detentur ta’ uffiċċju notarili minħabba l-ħatra tiegħu mill-Istat u mhux abbażi ta’ kuntratt konkluż mal-proprjetarju preċedenti tiegħu ma jistax fih innifsu jeskludi l-eżistenza ta’ trasferiment, fis-sens tad-Direttiva 2001/23. |
56 |
Fil-fatt, in-nuqqas ta’ rabta konvenzjonali bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju, għalkemm jista’ jikkostitwixxi indizju li ma seħħ ebda trasferiment fis-sens tad-Direttiva 2001/23, ma jistax ikollu importanza determinanti f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Strong Charon, C‑675/21, EU:C:2023:108, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
57 |
Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva huwa estiż għall-ipoteżijiet kollha ta’ bidla, fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali, tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-operat tal-impriża, li tikkontratta l-obbligi tal-persuna li timpjega fil-konfront tal-impjegati tal-impriża. B’hekk, sabiex tapplika d-direttiva msemmija, ma huwiex meħtieġ li jkun hemm relazzjonijiet kuntrattwali diretti bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju, peress li t-trasferiment jista’ jsir permezz ta’ parti terza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Strong Charon, C‑675/21, EU:C:2023:108, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
58 |
Għalhekk, il-fatt li t-trasferiment jirriżulta minn deċiżjonijiet unilaterali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u mhux minn qbil ta’ intenzjonijiet ma jeskludix l-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Strong Charon, C‑675/21, EU:C:2023:108, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
59 |
Fit-tieni lok, il-fatt li huwa biss in-nutar li huwa awtorizzat jeżerċita l-funzjoni pubblika notarili ma jaffettwax l-applikabbiltà ta’ din id-direttiva. |
60 |
Fil-fatt, it-trasferiment, fis-sens tad-Direttiva 2001/23, għandu jirrigwarda entità ekonomika organizzata b’mod stabbli li l-attività tagħha ma tikkonċernax sempliċement l-eżekuzzjoni ta’ xogħol determinat. Tikkostitwixxi tali entità kull grupp organizzat ta’ persuni u ta’ elementi li jippermettu l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika li ssegwi għan speċifiku u li hija strutturata u awtonoma biżżejjed (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2014, Amatori et, C‑458/12, EU:C:2014:124, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
61 |
Issa, kif ġie indikat fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 69 tar-Regolament dwar in-Notarjat, l-uffiċċju notarili jikkostitwixxi “stabbiliment pubbliku”, li huwa ddefinit bħala r-riżorsi umani u materjali kollha “organizzati” sabiex jissodisfa l-għan tas-servizz pubbliku notarili. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat waqt is-seduta, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt mill-persuni kkonċernati l-oħra, iżda mingħajr preġudizzju għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li mill-Artikolu 14 tal-II Convenio Colectivo estatal de Notarios y Personal Empleado (it-tieni ftehim kollettiv nazzjonali dwar il-persuni impjegati f’uffiċċji notarili), tal‑24 ta’ Lulju 2017 (BOE Nru 241, tas‑6 ta’ Ottubru 2017, p. 97369), jirriżulta li, anki jekk l-uffiċċju notarili jopera taħt il-kontroll tan-nutar, dan iwettaq, permezz tal-impjegati tiegħu, kompiti bħal dawk relatati mal-organizzazzjoni tal-uffiċċju, it-tfassil tad-dokumenti u l-komunikazzjoni mal-klijenti, fir-rigward b’mod partikolari tal-konsultazzjonijiet ġuridiċi li jagħmlu organizzazzjoni awtonoma. |
62 |
F’dan il-każ, minkejja li uffiċċju notarili Spanjol jaġixxi neċessarjament taħt il-kontroll tan-nutar, il-ħatra mill-Istat tad-detentur il-ġdid tiegħu twassal għat-trasferiment tal-istess servizz pubbliku notarili, marbut, b’mod partikolari, mal-ġurisdizzjoni ġeografika partikolari, li kien jeżerċita d-detentur preċedenti tiegħu. Tali bidla fil-persuna tad-detentur ta’ uffiċċju notarili għandha titqies li tikkostitwixxi bidla fit-tmexxija tal-impriża, fatt li fih id-Direttiva 2001/23 hija intiża, skont il-premessa 3 tagħha, biex tipproteġi lill-ħaddiema. |
63 |
Fit-tielet lok, il-bidla tad-detentur ta’ uffiċċju notarili ma twassalx neċessarjament għall-bidla tal-identità ta’ dan l-istudju. |
64 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjoni taż-żamma tal-identità ta’ impriża hijiex issodisfatta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ fatt kollha li jikkaratterizzaw it-tranżazzjoni kkonċernata, fosthom b’mod partikolari t-tip ta’ impriża jew ta’ negozju involut, it-trasferiment jew le ta’ assi tanġibbli, bħall-bini u l-beni mobbli, il-valur tal-assi mhux tanġibbli fil-mument tat-trasferiment, il-fatt jekk il-maġġoranza tal-persunal tiġix impjegata mill-ġdid jew le mit-tmexxija l-ġdida tal-impriża, it-trasferiment jew le tal-klijentela, kif ukoll il-grad ta’ xebh bejn l-attivitajiet eżerċitati qabel u wara t-trasferiment, u t-tul ta’ sospensjoni eventwali ta’ dawn l-attivitajiet. Madankollu, dawn l-elementi jikkostitwixxu biss aspetti parzjali tal-evalwazzjoni ġenerali li għandha ssir u ma jistgħux, minħabba f’hekk, jiġu evalwati b’mod iżolat (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Strong Charon, C‑675/21, EU:C:2023:108, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
65 |
Minn dan jirriżulta li l-importanza rispettiva li għandha tingħata lill-kriterji differenti tal-eżistenza ta’ “trasferiment”, fis-sens tad-Direttiva 2001/23, jinbidel neċessarjament skont l-attività eżerċitata, jew il-metodi ta’ produzzjoni jew ta’ operazzjoni użati fl-entità ekonomika, fl-istabbiliment jew f’parti mill-istabbiliment inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Strong Charon, C‑675/21, EU:C:2023:108, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
66 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li entità ekonomika tista’, f’ċerti setturi, tiffunzjona mingħajr ebda assi, tanġibbli jew mhux tanġibbli, sinjifikattivi, b’mod li ż-żamma tal-identità ta’ tali entità wara t-tranżazzjoni li taffettwaha ma tistax, loġikament, tiddependi fuq it-trasferiment ta’ tali assi (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Strong Charon, C‑675/21, EU:C:2023:108, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
67 |
F’settur fejn l-attività hija essenzjalment ibbażata fuq il-ħaddiema, li huwa b’mod partikolari l-każ meta attività ma teħtieġx l-użu ta’ elementi materjali speċifiċi, l-identità ta’ entità ekonomika ma tistax tinżamm lil hinn mill-operazzjoni kkonċernata jekk il-maġġoranza tal-impjegati, f’termini ta’ numru u ta’ kompetenza, ta’ din l-entità ma titteħidx miċ-ċessjonarju preżunt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Strong Charon, C‑675/21, EU:C:2023:108, punti 52 u 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
68 |
Din l-analiżi timplika, għaldaqstant, l-eżistenza ta’ ċertu numru ta’ konstatazzjonijiet ta’ natura fattwali, peress li din il-kwistjoni għandha tiġi evalwata in concreto mill-qorti nazzjonali fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2001/23, bħal dak tal-protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ bdil fit-tmexxija tal-impriża sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom jinżammu, stabbiliti fil-premessa 3 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Strong Charon, C‑675/21, EU:C:2023:108, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
69 |
F’dan ir-rigward, mill-punt 54 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni Spanjola, il-persunal u l-faċilitajiet tal-uffiċċju notarili jikkostitwixxu “stabbiliment pubbliku”, li huwa ddefinit bħala li jikkostitwixxi t-totalità tar-riżorsi umani u materjali organizzati sabiex jintlaħaq l-għan tas-servizz pubbliku notarili. |
70 |
L-attività ta’ tali uffiċċju notarili hija bbażata prinċipalment fuq il-ħaddiema ta’ dan l-istudju, b’tali mod li hija tista’ żżomm l-identità tagħha lil hinn mit-trasferiment tiegħu jekk parti essenzjali mill-persunal, f’termini ta’ numru u ta’ kompetenza, tittieħed mid-detentur il-ġdid tiegħu, li jippermetti lil dan tal-aħħar li jkompli l-attivitajiet tal-uffiċċju notarili. |
71 |
Fil-każ li nutar maħtur bħala detentur ta’ uffiċċju notarili jkun ħa parti essenzjali mill-persunal impjegat mill-predeċessur tiegħu u kompla jafdalhom kompiti bħal dawk imsemmija fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li huwa sar id-detentur ta’ uffiċċju notarili, b’mod partikolari ta’ post ġeografiku partikolari, ħa l-mezzi materjali kif ukoll il-bini ta’ dan l-istudju u sar id-depożitarju tal-atti jindika li l-imsemmi uffiċċju żamm l-identità tiegħu. |
72 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva hija applikabbli għal sitwazzjoni fejn nutar, uffiċjal pubbliku u persuna li timpjega b’mod privat lill-ħaddiema assenjati fl-uffiċċju notarili tiegħu, jissuċċedu lid-detentur preċedenti ta’ tali studju, jieħu l-atti tiegħu, kif ukoll parti essenzjali mill-persunal li kien impjegat minn dan tal-aħħar u jkompli jeżerċita l-istess attività fl-istess bini bl-istess mezzi materjali, bil-kundizzjoni li tinżamm l-identità ta’ dan l-istudju, u dan għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. |
Fuq l‑ispejjeż
73 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva hija applikabbli għal sitwazzjoni fejn nutar, uffiċjal pubbliku u persuna li timpjega b’mod privat lill-ħaddiema assenjati fl-uffiċċju notarili tiegħu, jissuċċedu lid-detentur preċedenti ta’ tali studju, jieħu l-atti tiegħu, kif ukoll parti essenzjali mill-persunal li kien impjegat minn dan tal-aħħar u jkompli jeżerċita l-istess attività fl-istess bini bl-istess mezzi materjali, bil-kundizzjoni li tinżamm l-identità ta’ dan l-istudju, u dan għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.