SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
15 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘danni personali’ – Kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja – Inċident tat-traffiku – Mewt ta’ passiġġier – Dritt għal kumpens tal-ulied minuri – Dannu mhux materjali – Tbatija minn wild li tirriżulta mill-mewt tal-ġenitur tiegħu wara dan l-inċident – Kumpens biss fil-każ ta’ dannu patoloġiku”
Fil-Kawża C‑577/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Awwissu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Settembru 2021, fil-proċedura
LM,
NO
vs
HUK-COBURG-Allgemeine Versicherung AG,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn M. Ilešič, li qiegħed jaġixxi bħala President ta’ Awla, I. Jarukaitis (Relatur) u Z. Csehi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal HUK-COBURG-Allgemeine Versicherung AG, minn G. I. Ilieva, advokat, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, U. Bartl, J. Heitz, M. Hellmann u U. Kühne, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Georgieva, D. Triantafyllou u H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE tat-30 ta’ Diċembru 1983 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3), kif emendat bid-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 (ĠU 2005, L 149, p. 14) iktar ’il quddiem it-“Tieni Direttiva”). |
|
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża minn LM u NO kontra HUK-COBURG-Allgemeine Versicherung AG (iktar ’il quddiem “HUK-COBURG”), impriża tal-assigurazzjoni, dwar il-kumpens minn din tal-aħħar, abbażi tar-responsabbiltà ċivili obbligatorja fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, tad-danni morali subiti minn LM u minn NO b’riżultat tal-mewt ta’ ommhom f’inċident tat-traffiku. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
It-Tieni Direttiva
|
3 |
L-Artikolu 1(1) tat-Tieni Direttiva jipprevedi: “L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-[Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE tal-24 ta’ April 1972 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10),] għandha tkopri b’obbligu kemm il-ħsara lill- proprjetà u kemm il-korrimenti personali.” |
Id-Direttiva 2009/103/KE
|
4 |
Id-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009, L 263, p. 11) ikkodifikat id-direttivi li kienu jeżistu qabel fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, inkluża t-Tieni Direttiva, u, konsegwentement, ħassrithom b’effett mis-27 ta’ Ottubru 2009. Skont it-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness II tad-Direttiva 2009/103, il-paragrafu 1 tal-Artikolu 1 tat-Tieni Direttiva jikkorrispondi għar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103. |
|
5 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103 jinkludi d-definizzjoni li ġejja: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…]” |
|
6 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Assigurazzjoni obbligatorja għall-vetturi”, jipprovdi: “Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 5, jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni. Il-ħsara koperta u t-termini u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu determinati fuq il-bażi tal-miżuri msemmijin fl-ewwel paragrafu. […] L-assigurazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm il-ħsara lill-proprjetà kif ukoll id-danni personali.” |
|
7 |
L-Artikolu 5 tad-direttiva msemmija, intitolat “Deroga mill-obbligazzjonijiet fir-rigward ta’ assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Stat Membru jista’ jaġixxi b’deroga tal-Artikolu 3 fir-rigward ta’ ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, pubbliċi jew privati; il-lista ta’ dawn il-persuni għandha titfassal mill-Istat konċernat u tiġi komunikata lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.” |
Ir-Regolament Nru 593/2008
|
8 |
L-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU L 309, 24.11.2009, p. 87), intitolat “Kuntratti ta’ assigurazzjoni”, jipprevedi, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tiegħu: “Sa fejn il-liġi applikabbli ma tkunx intgħażlet mill-partijiet, il-kuntratt ta’ l-assigurazzjoni għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn l-assiguratur ikollu r-residenza abitwali tiegħu. Meta miċ-ċirkostanzi kollha tal-każ ikun jidher ċar li l-kuntratt ikun manifestament aktar marbut ma’ pajjiż ieħor, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż.” |
Ir-Regolament (KE) Nru 864/2007
|
9 |
Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU 2007, L 199, p. 40): “Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn delitt jew kważi-delitt ċivili għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu irrispettivament mill-pajjiż fejn seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu u irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn iseħħu l-konsegwenzi indiretti ta’ dak l-avveniment.” |
Id-dritt Ġermaniż
|
10 |
Taħt it-titolu “Danni immaterjali”, l-Artikolu 253 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“BGB”), huwa fformulat kif ġej:
|
|
11 |
L-Artikolu 823 tal-BGB, intitolat “Obbligu ta’ kumpens għad-dannu”, jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Kull min, meta jaġixxi intenzjonalment jew b’negliġenza, jippreġudika b’mod illegali l-ħajja, il-ġisem, is-saħħa, il-libertà, il-proprjetà jew kull dritt ieħor ta’ ħaddieħor, huwa obbligat li jikkumpensa d-dannu li jirriżulta minn dan.” |
|
12 |
Intitolat “Dritt ta’ azzjoni diretta”, l-Artikolu 115 tal-Gesetz über den Versicherungsvertrag (il-Liġi dwar il-Kuntratt ta’ Assigurazzjoni), tat-23 ta’ Novembru 2007 (BGBl. 2007 I, p. 2631), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “It-terz jista’ wkoll jinvoka d-dritt tiegħu għal kumpens kontra l-assiguratur,
[…] Id-dritt jirriżulta mill-obbligi tal-assiguratur li jirriżultaw mir-rapport ta’ assigurazzjoni u, fin-nuqqas ta’ obbligu, mill-Artikolu 117(1) sa (4). L-assiguratur għandu jħallas il-kumpens fi flus. L-assiguratur u d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni responsabbli għall-kumpens tad-dannu huma responsabbli in solidum.” |
|
13 |
L-Artikolu 7 tal-iStraßenverkehrsgesetz (il-Liġi dwar it-Traffiku fit-Toroq), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, intitolat “Responsabbiltà tad-detentur, frodi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Jekk, waqt l-użu ta’ vettura bil-mutur, persuna tinqatel, iġġarrab leżjoni fiżika jew ħsara għas-saħħa tagħha, jew jekk oġġett isirlu ħsara, id-detentur huwa obbligat jikkumpensa d-dannu li jirriżulta minn dan lill-parti leża.” |
|
14 |
Skont l-Artikolu 11 tal-Liġi dwar it-Traffiku fit-Toroq, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, intitolat “Portata tal-obbligu ta’ kumpens f’każ ta’ dannu fiżiku”: “F’każ ta’ leżjoni fiżika jew ta’ ħsara għas-saħħa, il-kumpens għandu jkopri l-ispejjeż sostnuti mill-vittma sabiex tirkupra saħħitha u d-dannu pekunjarju li hija ġarrbet minħabba l-korriment tagħha minħabba t-telf jew it-tnaqqis temporanju jew definittiv tal-kapaċità tagħha għax-xogħol jew ukoll minħabba ż-żieda temporanja jew definittiva tal-bżonnijiet tagħha. Jista’ jintalab ukoll kumpens ekwu fi flus għad-dannu mhux patrimonjali.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
15 |
NO, imwielda fl-2006, u LM, imwielda fl-2010, huma l-bniet ta’ AB, ommhom, u ta’ CD, missierhom, li huma kollha ta’ nazzjonalità Bulgara. |
|
16 |
Matul l-2013, AB u CD stabbilixxew ruħhom fil-Ġermanja sabiex jaħdmu hemmhekk, filwaqt li NO u LM kienu baqgħu fil-Bulgarija. |
|
17 |
Fis-27 ta’ Lulju 2014, AB mietet f’inċident tat-traffiku li seħħ f’Emsdetten (il-Ġermanja). CD, li kien assigurat ma’ HUK-COBURG, impriża ta’ assigurazzjoni stabbilita fil-Ġermanja, abbażi tar-responsabbiltà ċivili obbligatorja, ikkawża dan l-inċident. Huwa kien qiegħed isuq il-vettura tiegħu fi stat ta’ sakra, filwaqt li AB kienet tinsab fil-post ta’ quddiem fuq il-lemin, mingħajr ma kienet qaflet iċ-ċintorin tas-sigurtà. |
|
18 |
Wara l-inċident, HUK-COBURG ħallset lil NO u lil LM is-somma ta’ EUR 5000 bħala kumpens għad-dannu marbut mal-mewt ta’ ommhom. Billi qiesu din is-somma insuffiċjenti, NO u LM, irrappreżentati minn CD, ressqu kawża kontra HUK-Coburg quddiem is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), il-qorti tar-rinviju, intiża għall-ħlas ta’ kumpens ta’ BGN 300000 (madwar EUR 153000) għal kull waħda minnhom bħala dannu immaterjali li jirriżulta minn din il-mewt. Dan id-dannu jirriżulta minn dannu għas-saħħa psikoloġika tagħhom, peress li NO u LM isofru minn insomnja, inkubi, tibdil fil-burdata, irritabbiltà, ansjetà, introversjoni u kriżijiet ta’ ansjetà. |
|
19 |
Filwaqt li tikkontesta l-fondatezza ta’ din it-talba, HUK-COBURG issostni quddiem il-qorti tar-rinviju, qabel kollox, li d-dritt applikabbli f’dan il-każ huwa d-dritt Ġermaniż u li, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data tal-inċident, dan id-dritt ma kienx jipprevedi l-kumpens għad-dannu immaterjali subit minn terzi, sakemm dan id-dannu ma jimmanifestax ruħu minn problema patoloġika. Kien biss mit-22 ta’ Lulju 2017 li d-dritt Ġermaniż kien jipprevedi l-kumpens għad-dannu immaterjali subit minn terzi jekk dawn il-persuni jkollhom rabtiet partikolarment stretti mal-vittma. Sussegwentement, il-vittma kkontribwixxiet għall-mewt tagħha billi vvjaġġat f’karozza misjuqa minn persuna fi stat ta’ sakra u billi ma qaflitx iċ-ċinturin tas-sigurtà tagħha. Finalment, l-ammont tad-danni mitluba minn NO u minn LM huwa eċċessiv. |
|
20 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li, abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 593/2008 u tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 864/2007, id-dritt Ġermaniż huwa applikabbli għall-kawża li għandha quddiemha. |
|
21 |
Din il-qorti tindika li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), danni dovuti bħala kumpens għall-uġigħ u għat-tbatija li jirriżultaw mill-mewt ta’ ġenitur, skont id-dritt Ġermaniż, jiġifieri l-Artikolu 253(2) u l-Artikolu 823(1) tal-BGB, moqrija flimkien mal-punt 1 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 115(1) tal-Liġi dwar il-Kuntratti ta’ Assigurazzjoni, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, huma dovuti biss jekk ikunu kkawżaw dannu patoloġiku. |
|
22 |
Għaldaqstant, skont din l-interpretazzjoni, hija għandha tiċħad it-talba ta’ NO u ta’ LM minħabba li l-uġigħ u t-tbatija kkawżati mill-mewt ta’ ommhom ma wasslux għal patoloġija. |
|
23 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li l-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tirrestrinġi l-portata tal-kunċett ta’ “korrimenti personali”, fis-sens tat-Tieni Direttiva. |
|
24 |
Għaldaqstant, din il-qorti tistaqsi jekk din l-interpretazzjoni tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), li jkollha bħala konsegwenza li tirrestrinġi, fil-prattika, iċ-ċirku tal-benefiċjarji ta’ kumpens għad-dannu immaterjali li jirriżulta mill-mewt ta’ qarib wara inċident tat-traffiku, hijiex inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni sa fejn hija tidher li tillimita l-effettività tat-Tieni Direttiva. |
|
25 |
Peress li l-qorti nazzjonali hija obbligata tinterpreta d-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, din il-qorti tistaqsi, barra minn hekk, jekk, fil-kuntest tal-applikazzjoni eventwali ta’ dan il-prinċipju għall-kawża li biha hija adita, hija tistax, fil-kwalità tagħha ta’ qorti Bulgara, tinterpreta d-dritt ta’ Stat Membru ieħor, jiġifieri d-dritt Ġermaniż. |
|
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
27 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 1(1) tat-Tieni Direttiva. |
|
28 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Fil-fatt, il-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija dik li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament indikati fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2021, Skarb Państwa (Kopertura tal-assigurazzjoni tal-karozzi), C‑428/20, EU:C:2021:1043, punt 24). |
|
29 |
F’dan il-każ, peress li d-Direttiva 2009/103 kkodifikat u ħassret, b’effett mis-27 ta’ Ottubru 2009, id-direttivi preċedenti dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, li minnhom it-Tieni Direttiva, u l-Artikolu 1(1) tagħha jikkorrispondu, konformement mat-tabella li tinsab fl-Anness II tad-Direttiva 2009/103, mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ din l-aħħar direttiva, il-qorti tar-rinviju għandha tingħata, fid-dawl tad-data tal-inċident li wassal għall-kawża prinċipali, interpretazzjoni mhux tal-Artikolu 1(1) tat-Tieni Direttiva, iżda tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103. Barra minn hekk, peress li d-Direttiva 2009/103 ma għamlitx emendi sostanzjali għal dawn id-direttivi preċedenti, il-ġurisprudenza relatata magħhom tista’ tiġi trasposta għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tad-Direttiva 2009/103 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, Van Ameyde España, C‑923/19, EU:C:2021:475, punt 23). |
|
30 |
Konsegwentement, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-kumpens, mill-assiguratur għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur, għad-dannu immaterjali subit mill-membri tal-familja qrib il-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku għall-kundizzjoni li dan id-dannu jkun wassal għal dannu patoloġiku fost tali membri tal-familja fil-qrib. |
|
31 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, kull Stat Membru għandu, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, jieħu l-miżuri xierqa kollha sabiex ir-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi li abitwalment jinsabu fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li d-danni koperti kif ukoll il-modalitajiet ta’ din l-assigurazzjoni għandhom jiġu ddeterminati fil-kuntest tal-miżuri previsti fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu 3. L-aħħar paragrafu tal-Artikolu 3 tal-istess direttiva jippreċiża li l-assigurazzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tiegħu tkopri b’mod obbligatorju d-danni materjali u d-danni fiżiċi. Fir-rigward tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/103, dan jipprevedi b’mod partikolari, fil-paragrafu 1 tiegħu, li, taħt il-kundizzjonijiet li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, kull Stat Membru jista’ jidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 3 f’dak li jirrigwarda lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi. |
|
32 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, ifformulat f’termini ġenerali ħafna, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu, fl-ordinament ġuridiku intern tagħhom, obbligu ġenerali ta’ assigurazzjoni tal-vetturi (sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, Van Ameyde España, C‑923/19, EU:C:2021:475, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
Mill-premessi tad-Direttiva 2009/103 jirriżulta li din, bħad-Direttivi dwar l-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur li ppreċedewha, hija intiża, minn naħa, biex tiżgura l-moviment liberu kemm tal-vetturi bil-mutur li jkunu abitwalment fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll tal-persuni li huma abbord tagħhom u, min-naħa l-oħra, biex tiggarantixxi li l-vittmi tal-inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi bil-mutur jibbenefikaw minn trattament paragunabbli, irrispettivament mill-post fit-territorju tal-Unjoni fejn ikun seħħ l-inċident (sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, Van Ameyde España, C‑923/19, EU:C:2021:475, punt 34). |
|
34 |
Id-Direttiva 2009/103 timponi għalhekk fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu li r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur li jinsabu abitwalment fit-territorju tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni u tispeċifika, b’mod partikolari, it-tipi ta’ danni u t-terzi li jkunu sfaw vittmi li din l-assigurazzjoni għandha tkopri (sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, Van Ameyde España, C‑923/19, EU:C:2021:475, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
Madankollu, l-obbligu ta’ kopertura mill-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili għad-danni kkawżati lil terzi minn vetturi bil-mutur huwa distint mill-portata tal-kumpens ta’ dawn id-danni fuq il-bażi tar-responsabbiltà ċivili tal-assigurat. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel waħda hija ddefinita u ggarantita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, it-tieni waħda hija rregolata, essenzjalment, mid-dritt nazzjonali (sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, Van Ameyde España, C‑923/19, EU:C:2021:475, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Fil-fatt, mill-għan tad-Direttiva 2009/103 u mill-formulazzjoni tagħha jirriżulta li din, bħad-direttivi li hija tikkodifika, ma hijiex intiża biex tarmonizza s-sistemi ta’ responsabbiltà ċivili tal-Istati Membri u li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, dawn tal-aħħar jibqgħu liberi li jiddeterminaw is-sistema ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli għall-inċidenti li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi bil-mutur (sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, Van Ameyde España, C‑923/19, EU:C:2021:475, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Konsegwentement, u fir-rigward b’mod partikolari tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/103, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, ħielsa li jiddeterminaw, b’mod partikolari, id-danni kkawżati minn vetturi bil-mutur li għandhom ikunu kkumpensati b’mod obbligatorju, il-portata tad-dritt għal kumpens u l-persuni li għandhom dritt għall-imsemmi kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, Van Ameyde España, C‑923/19, EU:C:2021:475, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, din id-direttiva ma tipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi kriterji vinkolanti għad-determinazzjoni tad-danni immaterjali li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2014, Petillo, C‑371/12, EU:C:2014:26, punt 43). |
|
38 |
Din il-libertà hija madankollu limitata mill-imsemmija direttiva sa fejn din, l-ewwel, trendi obbligatorju l-kopertura ta’ ċerti danni sal-ammonti minimi stabbiliti minnha. Fost dawn id-danni li l-kopertura tagħhom hija obbligatorja hemm b’mod partikolari d-“danni personali”, kif jippreċiża l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2014, Petillo, C‑371/12, EU:C:2014:26, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Jifforma parti mill-kunċett ta’ “danni personali” kull dannu, sa fejn il-kumpens tiegħu huwa previst mir-responsabbiltà ċivili tal-persuna assigurata mid-dritt nazzjonali applikabbli għall-kawża, li jirriżulta minn indebboliment tal-integrità tal-persuna, li tinkludi t-tbatija kemm fiżika kif ukoll psikoloġika (sentenza tat-23 ta’ Jannar 2014, Petillo, C‑371/12, EU:C:2014:26, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
Konsegwentement, fost id-danni li għandhom jiġu kkumpensati b’mod konformi mad-Direttiva 2009/103 jidhru d-danni mhux materjali li l-kumpens għalihom huwa previst taħt ir-responsabbiltà ċivili tal-assigurat mid-dritt nazzjonali applikabbli għall-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2014, Petillo, C‑371/12, EU:C:2014:26, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
It-tieni, f’dak li jirrigwarda l-persuni li jistgħu jeżiġu kumpens ta’ dawn id-danni mhux materjali abbażi tad-Direttiva 2009/103, għandu jiġi rrilevat li minn qari flimkien tal-punt 2 tal-Artikolu 1 u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-protezzjoni li għandha tiġi mogħtija permezz ta’ din id-direttiva testendi għal kull persuni aventi kawża, taħt id-dritt nazzjonali tar-responsabbiltà ċivili, għall-kumpens tad-dannu kkawżat minn dawn il-vetturi bil-mutur. L-ebda element tad-direttiva msemmija ma jippermetti li jiġi konkluż li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jirrestrinġi l-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva biss lill-persuni direttament involuti f’avveniment li kkawża d-danni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Drozdovs, C‑277/12, EU:C:2013:685, punti 42 u 45). |
|
42 |
Konsegwentement, l-Istati Membri huma marbuta jiżguraw li l-kumpens dovut, skont id-dritt nazzjonali tagħhom dwar ir-responsabbiltà ċivili, minħabba d-dannu mhux materjali subit mill-membri tal-familja li huma qrib il-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku jkun kopert mill-assigurazzjoni obbligatorja sal-ammonti minimi stabbiliti mid-Direttiva 2009/103. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Drozdovs, C‑277/12, EU:C:2013:685, punti 46). |
|
43 |
Mill-motivi esposti fil-punti 39 sa 43 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu, fl-ordinament ġuridiku intern, li r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur applikabbli skont id-dritt nazzjonali tagħhom hija koperta minn assigurazzjoni konformi mar-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/103 imfakkra f’dawn il-punti u għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kumpens għall-inċidenti li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi ma jistgħux iċaħħdu lil din id-direttiva mill-effettività tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, Van Ameyde España, C‑923/19, EU:C:2021:475, punti 39 u 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
F’dan ir-rigward, f’diversi okkażjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li sabiex id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi bil-mutur kellhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jippreġudikaw l-effett utli ta’ dawn id-dispożizzjonijiet billi jeskludu ex officio jew billi jillimitaw b’mod sproporzjonat id-dritt tal-vittma milli tikseb kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi bil-mutur, sa fejn dawn b’hekk jikkompromettu l-possibbiltà li jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku, kontinwament imfittex u msaħħaħ mil-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, Van Ameyde España, C‑923/19, EU:C:2021:475, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif interpretata mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), taqa’ taħt id-dritt nazzjonali sostantiv tar-responsabbiltà ċivili li għaliha tirreferi d-Direttiva 2009/103. Barra minn hekk, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-leġiżlazzjoni, kif hekk interpretata, tirregola wkoll il-kumpens għad-dannu immaterjali subit minn terzi, inklużi l-uġigħ u t-tbatija subiti minn wild li jirriżultaw mill-mewt ta’ ġenitur, minħabba inċident tat-traffiku, u tiddefinixxi d-dannu li jagħti lok għad-dritt għall-kumpens ta’ tali dannu abbażi tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili, irrispettivament miċ-ċirkustanzi li fihom seħħ. |
|
46 |
Fit-tieni lok, kif jenfasizza l-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet tiegħu, skont id-dritt Ġermaniż, il-kumpens għad-dannu immaterjali subit mill-vittmi indiretti ta’ inċident tat-traffiku huwa essenzjalment suġġett għal tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li tali vittma tkun sofriet ħsara għas-saħħa tagħha stess, li tkun membru tal-familja qrib il-vittma diretta u li teżisti relazzjoni kawżali bejn l-iżball imwettaq mill-persuna responsabbli għall-inċident u dan il-preġudizzju. Barra minn hekk, il-Gvern Ġermaniż jenfasizza, fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, li, skont id-dritt Ġermaniż, kif interpretat mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), id-danni ta’ natura psikika jistgħu jitqiesu biss bħala ħsara għas-saħħa jekk dawn jaqgħu taħt patoloġija u jmorru lil hinn mill-ħsara għas-saħħa li l-persuni kkonċernati huma ġeneralment esposti għalihom f’każ ta’ mewt jew ta’ korriment gravi ta’ membru tal-familja mill-qrib. |
|
47 |
Għalhekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi, b’mod partikolari, kriterju oġġettiv li jippermetti li jiġi identifikat, jekk ikun il-każ waqt stħarriġ imwettaq każ b’każ minn qorti nazzjonali adita, id-dannu immaterjali li jista’ jkun is-suġġett ta’ kumpens ta’ membru tal-familja qrib il-vittma diretta ta’ inċident tat-traffiku. |
|
48 |
Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punti 36 u 37 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li d-Direttiva 2009/103 ma timponix fuq l-Istati Membri l-għażla ta’ sistema ta’ responsabbiltà ċivili b’mod partikolari sabiex jiddeterminaw il-portata tad-dritt tal-vittma għal kumpens abbażi tar-responsabbiltà ċivili tal-persuna assigurata, b’tali mod li din id-direttiva ma tipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi kriterji vinkolanti għad-determinazzjoni tad-danni immaterjali li jistgħu jiġu kkumpensati. |
|
49 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, f’dan il-każ, ma jidhirx li l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlatur Ġermaniż, kif interpretati mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), sabiex dannu immaterjali subit mill-membri tal-familja qrib il-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku jagħti dritt għal kumpens, ikunu ta’ natura li jikkompromettu l-kisba tal-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku previst mid-Direttiva 2009/103. |
|
50 |
Fil-fatt, il-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludi ebda element ta’ natura li jirrileva li sistema ta’ responsabbiltà ċivili bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali teskludi ex officio jew tillimita b’mod sproporzjonat id-dritt ta’ membru tal-familja qrib il-vittma diretta ta’ inċident tat-traffiku li jikseb kumpens għad-dannu immaterjali abbażi tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur. |
|
51 |
Mill-motivi kollha preċedenti jirriżulta li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-kumpens, mill-assiguratur għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur, għad-dannu immaterjali subit mill-membri tal-familja qrib il-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku għall-kundizzjoni li dan id-dannu jkun ikkawża dannu patoloġiku lil tali membri tal-familja qrib il-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku. |
Fuq it-tieni domanda
|
52 |
Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l-ispejjeż
|
53 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-kumpens, mill-assiguratur għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur, għad-dannu immaterjali subit mill-membri tal-familja qrib il-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku għall-kundizzjoni li dan id-dannu jkun ikkawża dannu patoloġiku lil tali membri tal-familja qrib il-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.