SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

23 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Aġenti kummerċjali indipendenti – Direttiva 86/653/KEE – Artikolu 17(2)(a) – Terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija – Dritt tal-aġent kummerċjali għal kumpens – Kundizzjonijiet għall-għoti – Kumpens ekwu – Evalwazzjoni – Kunċett ta’ ‘kummissjonijiet li l-aġent kummerċjali jitlef’ – Kummissjonijiet fuq tranżazzjonijiet futuri – Klijenti ġodda li l-aġent kummerċjali ġab – Klijenti eżistenti li magħhom l-aġent kummerċjali jkun żviluppa n-negozju b’mod sinjifikattiv – Kummissjonijiet ta’ darba”

Fil-Kawża C‑574/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Settembru 2021, fil-proċedura

QT

vs

O2 Czech Republic a.s.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, M. Safjan, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Settembru 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal QT, minn D. Rašovský, advokát,

għal O2 Czech Republic a.s., minn L. Duffek u M. Olík, advokáti,

għall-Gvern Ċek, minn T. Machovičová, O. Serdula, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, U. Bartl, J. Heitz u M. Hellmann, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati, M. Mataija u P. Němečková, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Novembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE tat‑18 ta’ Diċembru 1986 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 177).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn QT, aġent kummerċjali, u l-kumpannija O2 Czech Republic a.s. dwar talba għal kumpens minħabba t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali li kien jorbot lil dan l-aġent kummerċjali ma’ din il-kumpannija.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

It-tieni u t-tielet premessa tad-Direttiva 86/653 jistabbilixxu:

“[b]illi d-differenzi fil-liġijiet nazzjonali li jikkonċernaw ir-rappreżentanza kummerċjali sostanzjalment jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u t-twettiq ta’ dik l-attività fil-Komunità u huma ta’ ħsara kemm għal protezzjoni disponibbli għal aġenti kummerċjali vis-à-vis il-prinċipali tagħhom u kemm għas-sigurtà ta’ operazzjonijiet kummerċjali; billi barraminnhekk dawk id-differenzi huma tali li jipprevienu sostanzjalment il-konklużjoni u l-operazzjoni ta’ kuntratti ta’ rappreżentanza kummerċjali meta l-prinċipal u l-aġenti kummerċjali jkunu stabbiliti fi Stati Membri differenti;

[b]illi l-kummerċ fil-merkanzija bejn Stati Membri għandu jitwettaq taħt il-kundizzjonijiet li huma simili għal dawk ta’ suq wieħed, u dan jeħtieġ l-approssimazzjoni tas-sistemi legali ta’ l-Istati Membri sal-limitu meħtieġ għal funzjonament kif suppost tas-suq komuni; billi f’dan ir-rigward ir-regoli li jikkonċernaw konflitti fil-liġijiet fil-fatt ma jneħħux, fil-materja ta’ rappreżentanza kummerċjali, l-inkonsistenzi msemmija fuq, lanqas ma kienu li kieku saru l-istess, u għalhekk l-armonizzazzjoni proposta hija neċessarja minkejja l-eżistenza ta’ dawk ir-regoli”.

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

“1.   Il-miżuri ta’ armonizzazzjoni stipulati minn din id-Direttiva għandhom japplikaw għal-liġijiet, għar-regolamenti u għad-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn aġenti kummerċjali u l-prinċipali tagħhom.

2.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, ‘aġent kummerċjali’ għandu jfisser intermedjarju li jaħdem għal rasu li jkollu awtorità kontinwa li jinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija f’isem persuna oħra, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa l-‘prinċipal’, jew li jinnegozja u jikkonkludi dawn l-operazzjonijiet għan-nom ta’ u f’isem dak il-prinċipal.

[…]”

5

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jippreċiża:

“1.   Fl-assenza ta’ kull ftehim dwar din il-materja bejn il-partijiet, u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw il-livell ta’ remunerazzjoni, aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għar-remunerazzjoni li l-aġenti kummerċjali maħtura għall-merkanzija li tifforma s-suġġett tal-kuntratt ta’ l-aġenzija tiegħu ikunu normalment permessi fil-post ta’ fejn hu jwettaq l-attivitajiet tiegħu. Jekk ma jkun hemm ebda użanza ta’ dan it-tip aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal remunerazzjoni raġonevoli billi jitqiesu l-aspetti kollha ta’ l-operazzjoni.

2.   Kull parti mir-remunerazzjoni li tvarja skond in-numru jew il-valur ta’ operazzjonijiet tan-negozju għandha titqies bħala kommissjoni fis-sens ta’ din id-Direttiva.

3.   L-Artikoli 7 sa 12 m’għandhomx japplikaw jekk l-aġent kummerċjali ma jkunx remunerat kompletament jew inparti mill-kommissjoni.”

6

L-Artikolu 7 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   Aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal kommissjoni fuq operazzjonijiet kummerċjali konklużi tul il-perjodu kopert bil-kuntratt ta’ l-aġenzija:

(a)

meta l-operazzjoni tkun ġiet konkluża bħala riżultat ta’ l-azzjoni tieghu; jew

(b)

meta l-operazzjoni tkun konkluża ma’ parti terza li jkun qabel akkwista bħala klijent għall-operazzjonijiet ta’ l-istess tip.

2.   Aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal kommissjoni fuq operazzjonijiet konklużi tul il-perjodu kopert bil-kuntratt ta’ l-aġenzija:

jew meta hu jkun ġie fdat b’żona ġeografika speċifika jew bi grupp ta’ klijenti,

jew meta hu jkollu d-dritt esklussiv għal żona ġeografika speċifika jew grupp ta’ klijenti,

u meta fl-operazzjoni jkun involut klijent li jappartieni għal dik iż-żona jew dak il-grupp.

L-Istati Membri għandhom jinkludu fil-leġislazzjoni tagħhom waħda mill-possibbiltajiet imsemmija fiż-żewġ inċiżi ta’ hawn fuq.”

7

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 86/653 jipprovdi:

“Aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal kommissjoni fuq operazzjonijiet kummerċjali konklużi wara li l-kuntratt ta’ l-aġenzja jkun ġie terminat:

(a)

jekk l-operazzjoni tista tkun prinċipalment attribwita għall-isforzi ta’ l-aġent kummerċjali tul il-perjodu kopert mill-kuntratt ta’ l-aġenzija u jekk l-operazzjonitkun seħħetf’perjodu raġonevoli wara li dak il-kuntratt ikun ġie terminat;

jew

(b)

jekk, skond il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7, l-ordni tal-parti terza tkun laħqet il-prinċipal jew l-aġent kummerċjali qabel ma jkun ġie terminat il-kuntratt ta’ l-aġenzija.”

8

L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-aġent kummerċjali jkun, wara t-terminu tal-kuntratt ta’ l-aġenzija, indennizzat skond il-paragrafu 2 jew ikkumpensat għad-danni skond il-paragrafu 3.

2.   

(a)

L-aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal indennizz jekk u sal-limiti li:

ikun ressaq lill-klijenti prinċipali ġodda jew ikun żied b’mod sinfikanti l-volum tan-negozju ma’ klijenti eżistenti u l-prinċipal jibqa’ jieħu benefiċċji sostanzjali min-negozju ma’ dawn il-klijenti, u

il-ħlas ta’ dan l-indennizz ikun indaqs fir-rigward taċ-ċirkostanzi kollha u, b’mod partikolari, il-kommissjoni mitlufa mill-aġent kummerċjali fuq in-negozju mwettaq ma’ dawk il-klijenti. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu biex dawn iċ-ċirkostanzi jinkludu l-applikazzjoni jew xort oħra ta’ klawsola fuq ir-restrizzjoni tal-kummerċ, fis-sens ta’ l-Artikolu 20;

(b)

L-ammont ta’ l-indennizz ma jistax jeċċedi figura ekwivalenti għal indennizz għal sena waħda ikkalkolata mir-remunerazzjoni annwali medja ta’ aġent kummerċjali tul il-ħames snin preċedenti u jekk il-kuntratt imur lura anqas minn ħames snin, l-indennnizz għandu jiġi kkalkolat fuq il-medja tal-perjodu inkwistjoni;

(ċ)

Il-għotja ta’ dan l-indennizz m’għandhiex iżżomm lill-aġent kummerċjali milli jfittex għad-danni.

3.   L-aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal indennizz għad-danni li hu jsofri bħala riżultat tat-terminazzjoni tar-relazzjonijiet tiegħu mal-prinċipal.

Dawn id-danni għandhom jitqiesu li jseħħu b’mod partikolari meta sseħħ it-terminazzjoni f’ċirkostanzi:

li jċaħħdu lill-aġent kummerċjali mill-kommissjoni li twettiq tajjeb tal-kuntratt ta’ l-aġenzija jkun akkwistalu waqt li jipprovdi lill-prinċipal b’benefiċċji sostanzjali marbuta ma’ l-attivitajiet ta’ l-aġent kummerċjali,

u/jew li ma jkunux għamluha faċli għall-aġent kummerċjali li jħallas bin-nifs l-infiq u l-ispejjeż li hu jkun sofra għat-twettiq tal-kuntratt ta’ l-aġenzija fuq il-parir tal-prinċipal.

4.   L-intitolament għal indennizz kif previst fil-paragrafu 2 jew għal kumpens għal danni kif previst fil-paragrafu 3, għandu iseħħ ukoll meta l-kuntratt ta’ l-aġenzija jkun itterminat minħabba l-mewt ta’ l-aġent kummerċjali.

5.   L-aġent kummerċjali għandu jitlef l-intitolament għall-indennizz fil-każijiet previsti fil-paragrafu 2 jew għall-indennizz għad-danni f’dawk il-każijiet previsti fil-paragrafu 3, jekk fi żmien sena wara t-terminazzjoni tal-kuntratt hu ma jkunx għarraf lill-prinċipal li jkollu l-ħsieb li jsegwi l-intitolament tiegħu.

6.   Il-Kummissjoni [Ewropea] għandha tissottometti lill-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], fi żmien tmien snin wara d-data tan-notifika ta’ din id-Direttiva, rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, u għandha jekk neċessarju tissottometti lilu l-proposti tagħha għal emendi.”

9

L-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva jippreċiża:

“L-indennizz jew il-kumpens imsemmija fl-Artikolu 17 m’għandhomx ikunu pagabbli:

(a)

meta l-prinċipal ikun ittermina l-kuntratt ta’ l-aġenzija minħabba nuqqas li jista jkun attribwit lill-aġent kummerċjali li kien jiġġustifika t-terminazzjoni immedjata tal-kuntratt ta’ l-aġenzija skond il-liġi nazzjonali;

(b)

meta l-aġent kummerċjali jkun ittermina l-kuntratt ta’ aġenzija, sakemm din it-terminazzjoni ma tkunx iġġustifikata b’ċirkostanzi li jistgħu jkunu attribwiti lill-prinċipal fuq bażi ta’ età, nuqqas ta’ saħħa jew mard ta’ l-aġent kummerċjali b’konsegwenza ma jkunx jista raġonevolment ikun meħtieġ li jkompli bl-attivitajiet tiegħu;

(ċ)

meta, bi ftehim mal-prinċipal, l-aġent kummerċjali jassenja d-drittijiet u d-dmirijiet tiegħu skond il-kuntratt ta’ l-aġenzija lil persuna oħra.”

10

L-Artikolu 19 tal-istess direttiva jipprevedi:

“Il-partijiet ma jistgħux jidderogaw mill-Artikoli 17 u 18 għad-detriment ta’ l-aġent kummerċjali qabel ma l-kuntratt ta’ l-aġenzija jiskadi.”

Id‑dritt Ċek

11

L-Artikolu 652(1) taż-zákon č. 513/1991 Sb., obchodní zákoník (il-Liġi Nru 513/1991 dwar il-Kodiċi Kummerċjali), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Kummerċjali”), kien jipprevedi, essenzjalment, li, permezz ta’ kuntratt ta’ aġenzija, l-aġent kummerċjali jimpenja ruħu li jinnegozja u li jikkonkludi negozju mal-klijenti, kif ukoll li jwettaq tranżazzjonijiet relatati miegħu, f’isem il-prinċipal u għan-nom tiegħu.

12

L-Artikolu 669(1) ta’ dan il-kodiċi, li jittrasponi l-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 fl-ordinament ġuridiku Ċek, kien jiddisponi:

“Aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal indennizz fil-każ tat-terminazzjoni tal-kuntratt jekk:

(a)

huwa jkun ġab klijenti ġodda lill-prinċipal jew ikun żviluppa b’mod sinjifikattiv in-negozju ma’ klijenti eżistenti u l-prinċipal jibqa’ jieħu benefiċċji sostanzjali min-negozju ma’ tali klijenti; u

(b)

il-ħlas ta’ dan l-indennizz ikun ekwu meqjusa ċ-ċirkustanzi kollha u, l-iktar, il-kummissjoni mitlufa mill-aġent kummerċjali għan-negozju mwettaq ma’ tali klijenti […]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

13

Fl‑1 ta’ Jannar 1998, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kkonkluda kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali mal-predeċessur legali ta’ O2 Czech Republic (iktar ’il quddiem ukoll “O2 Czech Republic”). Din ir-relazzjoni kuntrattwali ntemmet fil‑31 ta’ Marzu 2010. Dan il-kuntratt kien jirrigwarda l-offerta u l-bejgħ ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet ipprovduti minn din il-kumpannija, il-provvista u l-bejgħ ta’ telefons ċellulari, tal-aċċessorji tagħhom u, jekk ikun il-każ, ta’ prodotti oħra u ta’ servizzi ta’ assistenza lill-abbonati.

14

Bis-saħħa tal-imsemmi kuntratt, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien jirċievi kummissjonijiet ta’ darba għal kull wieħed mill-kuntratti li huwa kien jikkonkludi għal O2 Czech Republic.

15

Matul l‑2006 u l‑2007, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġab klijenti ġodda lil O2 Czech Republic u kkonkluda kuntratti oħra ma’ klijenti eżistenti. Fid-dawl tat-tul massimu tal-impenn tariffarju, dawn il-kuntratti ma kinux jeċċedu d-data tat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l‑31 ta’ Marzu 2010.

16

Għall-kuntrarju, fir-rigward tas-snin 2008 u 2009, din id-data kienet skadiet għal total ta’ 431 abbonament, inkluż 155 abbonamenti ġodda u 276 emendi ta’ abbonamenti eżistenti, li għalihom ir-rikorrent fil-kawża prinċipali rċieva l-ħlas tal-kummissjonijiet korrispondenti minn O2 Czech Republic.

17

Peress li qies li din il-kumpannija ma kinitx, madankollu, ħallsitu l-kumpens dovut lilu skont l-Artikolu 669(1) tal-Kodiċi Kummerċjali, li jittrasponi l-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab lill-Obvodní soud pro Prahu 4 (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 4, ir-Repubblika Ċeka) li O2 Czech Republic tiġi kkundannata tħallsu l-ammont ta’ 2023799 koruna Ċeka (CZK) (madwar EUR 82000).

18

Dik il-qorti ċaħdet dik it-talba għar-raġuni li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienx wera li, wara t-tmiem tal-kuntratt ta’ aġenzija inkwistjoni, O2 Czech Republic baqgħet iżżomm benefiċċji sostanzjali li jirriżultaw minn negozju mal-klijenti li huwa kien ġab.

19

Dik id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fl-appell mill-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka). Permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2019, dik il-qorti enfasizzat li l-kummissjonijiet ta’ darba miftiehma bejn il-partijiet f’dan il-kuntratt kienu tħallsu debitament lir-rikorrent fil-kawża prinċipali. Hija kkonstatat li l-argument li jgħid li dan ir-rikorrent għandu dritt għall-kummissjonijiet li jistgħu ipotetikament jinkisbu ma jiġġustifikax id-dritt tiegħu għal kumpens. Huwa minnu li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ġab klijenti ġodda u żviluppa n-negozju mal-klijenti eżistenti li minnhom O2 Czech Republic setgħet tikseb benefiċċji wara t-tmiem tal-imsemmi kuntratt. Madankollu, din il-kumpannija allegatament ħallsitu l-kummissjonijiet għal dan abbażi tal-istess kuntratt. Minn dan, dik il-qorti ddeduċiet li l-ħlas ta’ kumpens ma jkunx ekwu, fis-sens tal-Artikolu 669(1)(b) tal-Kodiċi Kummerċjali, u li, għal din ir-raġuni biss, it-talba għandha tiġi miċħuda.

20

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali appella fil-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem in-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

21

Permezz tal-appell tiegħu, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jikkritika l-ġurisprudenza stabbilita ta’ dik il-qorti relatata mal-Artikolu 669(1)(b) tal-Kodiċi Kummerċjali, li tgħid li l-“kummissjonijiet li l-aġent kummerċjali jitlef” huma dawk li jkun irċieva fuq tranżazzjonijiet diġà mwettqa, jiġifieri tranżazzjonijiet li huwa stess ikkonkluda jew li żviluppa b’mod sinjifikattiv. Għall-kuntrarju, huwa jsostni li dan il-kunċett għandu jinkludi l-kummissjonijiet li dan l-aġent kien irċieva ipotetikament, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li l-prinċipal wettaq, wara t-tmiem tal-kuntratt ta’ aġenzija inkwistjoni, mal-klijenti li l-imsemmi aġent kien ġab jew li magħhom huwa kien żviluppa n-negozju b’mod sinjifikattiv matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

22

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-ġurisprudenza tagħha hija differenti mill-ġurisprudenza Ġermaniża. Skont din tal-aħħar, il-“kummissjonijiet li l-aġent kummerċjali jitlef” huma l-kummissjonijiet li jikkorrispondu għat-tranżazzjonijiet li l-aġent kummerċjali kien jikkonkludi f’isem il-prinċipal li kieku l-kuntratt ta’ aġenzija kien ipotetikament kompla. Barra minn hekk, skont din il-ġurisprudenza Ġermaniża, jekk, fil-każ ta’ kummissjonijiet ta’ darba, l-aġent kummerċjali ma jitlef l-ebda kummissjoni, huwa xorta jista’ jibbenefika mid-dritt għal kumpens. Għaldaqstant jeżisti dubju serju fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-espressjoni ‘kommissjoni mitlufa mill-aġent kummerċjali’ fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva [86/653/KEE] għandha tiġi interpretata fis-sens li tikkostitwixxi wkoll tali kommissjoni, kommissjoni għall-konklużjoni ta’ kuntratti li l-aġent kummerċjali kien jikkonkludi, li kieku l-kuntratt ta’ aġenzija ma ġiex xolt, mal-klijenti li huwa jkun sab għall-individwu rrappreżentat jew li magħhom żied b’mod sinjifikattiv id-dħul mill-bejgħ kummerċjali?

2)

Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet din il-konklużjoni tirreferi anki għall-hekk imsejħa kommissjonijiet ta’ darba għall-konklużjoni ta’ kuntratt?”

Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja u l‑ammissibbiltà tad‑domandi preliminari

24

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż fl‑1 ta’ Jannar 1998, jiġifieri qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea, fl‑1 ta’ Mejju 2004. Dan il-kuntratt kien jorbot lill-partijiet fil-kawża prinċipali sal‑31 ta’ Marzu 2010, id-data li fiha O2 Czech Republic xoljiet l-imsemmi kuntratt. Peress li dawn huma l-konsegwenzi legali ta’ dan ix-xoljiment, li seħħew wara din l-adeżjoni, li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali, id-Direttiva 86/653 tapplika ratione temporis għal din il-kawża.

25

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva, mill-Artikolu 1(2) tagħha jirriżulta li din tapplika biss għall-bejgħ jew għax-xiri ta’ merkanzija u mhux għall-provvista ta’ servizzi. L-għan tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwarda kemm il-bejgħ ta’ merkanzija kif ukoll il-provvista ta’ servizzi. Għalhekk, dan jidħol biss parzjalment f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae.

26

Madankollu, jidher li, permezz tal-Artikolu 652 tal-Kodiċi Kummerċjali, il-leġiżlatur Ċek iddeċieda, waqt it-traspożizzjoni tad-Direttiva 86/653 fl-ordinament ġuridiku Ċek, li jinkludi l-każijiet kollha li aġent kummerċjali jista’ jittratta u għalhekk kellu l-intenzjoni li japplika d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva kemm għat-tranżazzjonijiet ta’ xiri u ta’ bejgħ kif ukoll għall-provvista ta’ servizzi.

27

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta leġiżlazzjoni nazzjonali jkollha l-intenzjoni tikkonforma ruħha, fir-rigward tas-soluzzjonijiet li hija tipprovdi għal sitwazzjonijiet purament interni, għal sitwazzjonijiet stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni sabiex, b’mod partikolari, tevita l-preżenza ta’ diskriminazzjoni fir-rigward taċ-ċittadini nazzjonali jew ta’ distorsjonijiet eventwali tal-kompetizzjoni, jew ulterjorment sabiex tiżgura proċedura unika f’sitwazzjonijiet komparabbli, jeżisti interess ċert li, sabiex jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni iktar ’il quddiem, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti derivanti mid-dritt tal-Unjoni jirċievu interpretazzjoni uniformi, ikunu liema jkunu ċ-ċirkustanzi li fihom qiegħda tintalab l-applikazzjoni tagħhom (sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2015, Quenon K., C‑338/14, EU:C:2015:795, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Minn dan isegwi li l-fatt li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwarda kemm merkanzija kif ukoll servizzi ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju.

29

Għalhekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għal dawn id-domandi.

30

Fit-tieni lok, O2 Czech Republic issostni li l-imsemmija domandi huma inammissibbli peress li ma humiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Volkswagen, C‑134/20, EU:C:2022:571, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Volkswagen, C‑134/20, EU:C:2022:571, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju esponiet b’mod suffiċjenti, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, mhux biss ir-raġunijiet li wassluha tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 86/653, iżda wkoll dawk li għalihom din l-interpretazzjoni tidhrilha neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi preliminari huma ammissibbli.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

35

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653, li huwa s-suġġett tal-ewwel domanda, għandha tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq minn din id-direttiva u tas-sistema li hija tistabbilixxi. Dan l-għan jikkonsisti fl-armonizzazzjoni tad-dritt tal-Istati Membri f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet legali bejn il-partijiet f’kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2015, Quenon K., C‑338/14, EU:C:2015:795, punti 2122 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Kif jirriżulta mit-tieni u mit-tielet premessa, id-Direttiva 86/653 hija intiża sabiex tipproteġi lill-aġenti kummerċjali fir-relazzjonijiet tagħhom mal-prinċipali, sabiex tippromwovi s-sigurtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u sabiex tiffaċilita l-iskambji ta’ merkanziji bejn Stati Membri billi tapprossima s-sistemi ġuridiċi ta’ dawn tal-aħħar fil-qasam tar-rappreżentanza kummerċjali. Għal dan l-għan, din id-direttiva tistabbilixxi b’mod partikolari, fl-Artikoli 13 sa 20 tagħha, regoli dwar il-konklużjoni u t-tmiem tal-kuntratt ta’ aġenzija (sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2015, Quenon K., C‑338/14, EU:C:2015:795, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tat-tmiem tal-kuntratt ta’ aġenzija, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653 jobbliga lill-Istati Membri li jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ kumpens għad-danni tal-aġent kummerċjali billi jippermettilhom li jagħżlu bejn żewġ possibbiltajiet, jew kumpens iddeterminat skont il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, jiġifieri s-sistema ta’ kumpens għat-telf tal-klijentela, jew kumpens għad-danni skont il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, jiġifieri s-sistema ta’ kumpens għad-danni (sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2015, Quenon K., C‑338/14, EU:C:2015:795, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, ir-Repubblika Ċeka għażlet is-sistema ta’ kumpens għat-telf tal-klijentela, prevista fl-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 86/653.

39

Din is-sistema ta’ kumpens għat-telf tal-klijentela tinqasam fi tliet fażijiet. Qabelxejn, l-ewwel waħda minn dawn il-fażijiet hija intiża sabiex tikkwantifika l-benefiċċji tal-prinċipal li jirriżultaw minn negozju ma’ klijenti mressqa mill-aġent kummerċjali, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-ewwel inċiż ta’ dan l-Artikolu 17(2)(a). Sussegwentement, it-tieni fażi hija intiża sabiex tivverifika, skont it-tieni inċiż tal-imsemmi Artikolu 17(2)(a), jekk l-ammont tal-kumpens, ikkalkolat abbażi ta’ dawn il-kriterji, huwiex ekwu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni u b’mod partikolari tat-telf ta’ kummissjoni mġarrab mill-aġent kummerċjali. Fl-aħħar nett, fit-tielet fażi, dan l-ammont huwa suġġett għal-limitu massimu previst fl-istess Artikolu 17(2)(b) li japplika biss jekk l-imsemmi ammont jeċċedi dan il-limitu massimu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2015, Quenon K., C‑338/14, EU:C:2015:795, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan il-każ, l-ewwel domanda tirrigwarda speċifikament is-sens tal-espressjoni “kommissjoni mitlufa mill-aġent kummerċjali”, użata fit-tieni inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653, li tikkorrispondi, formalment, għat-tieni fażi tal-imsemmija sistema ta’ kumpens għat-telf tal-klijentela. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-problema mqajma mill-qorti tar-rinviju hija iktar ġenerali u li ma tikkonċernax biss din it-tieni fażi. Fil-fatt, dan jirrigwarda wkoll l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-benefiċċji li l-prinċipal iżomm wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, li jaqa’ taħt l-ewwel fażi tal-istess sistema, u mhux biss il-kalkolu tal-kumpens korrispondenti bl-għan li jirrendih ekwu.

41

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, dik il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kummissjonijiet li l-aġent kummerċjali kien jirċievi fil-każ tat-tkomplija ipotetika tal-kuntratt ta’ aġenzija, abbażi tat-tranżazzjonijiet li kienu ġew konklużi wara t-terminazzjoni ta’ dan il-kuntratt ta’ aġenzija mal-klijenti l-ġodda li huwa jkun ġab lill-prinċipal qabel din it-terminazzjoni, jew mal-klijenti li magħhom huwa kien żviluppa n-negozju b’mod sinjifikattiv qabel l-imsemmija terminazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-kumpens previst fl-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva.

42

Fl-ewwel lok, l-Artikolu 17(2)(a) tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 17(1) tal-istess direttiva, jipprevedi l-kundizzjonijiet li fihom aġent kummerċjali għandu dritt għal kumpens wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija u jinkludi preċiżazzjonijiet dwar il-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ dan il-kumpens. B’hekk, id-dritt għal kumpens tal-aġent kummerċjali, previst f’dawn id-dispożizzjonijiet, huwa suġġett għat-terminazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali tiegħu mal-prinċipal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2018, CMR, C‑645/16, EU:C:2018:262, punt 23).

43

F’dan ir-rigward, kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tagħha, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 jippreċiża li l-aġent kummerċjali għandu dritt għal kumpens jekk jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Minn naħa, l-aġent kummerċjali għandu jkun ġab klijenti ġodda lill-prinċipal jew żviluppa n-negozju mal-klijenti eżistenti b’mod sinjifikattiv. Min-naħa l-oħra, il-prinċipal għandu jkun irċieva wkoll benefiċċji sostanzjali li jirriżultaw min-negozju ma’ dawn il-klijenti.

44

Issa, kemm l-użu tal-avverbji “encore”, “noch”, “fortsat”, “nadále”, “todavía”, “ancora”, “nadal”, “ainda”, “nog” u “naďalej”, rispettivament fil-verżjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni bil-lingwa Franċiża, Ġermaniża, Daniża, Ċeka, Spanjola, Taljana, Pollakka, Portugiża, Olandiża u Slovakka, kif ukoll dak tal-forom verbali “продължава”, “jätkuvalt”, “διατηρεί”, “to derive from”, “továbbra is […] tesz szert”, “continuă” u “fortsätter”, rispettivament fil-verżjonijiet tal-imsemmija dispożizzjoni bil-lingwa Bulgara, Estonjana, Griega, Ingliża, Ungeriża, Rumena, Finlandiża u Svediża, jindikaw b’mod ċar li dawn il-benefiċċji huma dawk li jibqgħu wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija u li għalhekk huma relatati mat-tranżazzjonijiet imwettqa mal-imsemmija klijenti wara din it-terminazzjoni. Fi kliem ieħor, l-imsemmija benefiċċji jikkorrispondu għal dawk li l-prinċipal ikompli jikseb, wara l-imsemmija terminazzjoni, mir-relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti jew żviluppati mill-aġent kummerċjali matul l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

45

Minn din il-perspettiva, it-tieni inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 jippreċiża, essenzjalment, li l-kalkolu tal-kumpens li għalih l-aġent kummerċjali għandu dritt wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija għandu jieħu inkunsiderazzjoni, sabiex ikun ekwu, iċ-ċirkustanzi kollha relatati ma’ dan il-kuntratt ta’ aġenzija, u b’mod partikolari l-kummissjonijiet li l-aġent kummerċjali jitlef u li jirriżultaw mill-imsemmija tranżazzjonijiet konklużi mal-imsemmija klijenti. Fil-fatt, dawn il-kummissjonijiet jikkorrispondu għall-benefiċċji msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) sa fejn jirriżultaw, bħal dawn il-benefiċċji, mit-tranżazzjonijiet imwettqa mal-klijenti msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni wara t-terminazzjoni tal-imsemmi kuntratt.

46

B’hekk, il-“kummissjonijiet li l-aġent kummerċjali jitlef”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653, huma dawk li l-aġent kummerċjali kien ikollu jirċievi li kieku l-kuntratt ta’ aġenzija kien kompla u li jikkorrispondu għall-benefiċċji, favur il-prinċipal, li jippersistu wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija u li jirriżultaw minn relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti jew żviluppati b’mod sinjifikattiv minn dan l-aġent kummerċjali qabel din it-terminazzjoni.

47

Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 jirriżulta li l-kummissjonijiet li l-aġent kummerċjali kien jirċievi fil-każ tat-tkomplija ipotetika tal-kuntratt ta’ aġenzija, abbażi tat-tranżazzjonijiet li jkunu ġew konklużi wara t-terminazzjoni ta’ dan il-kuntratt ta’ aġenzija mal-klijenti l-ġodda li huwa jkun ġab lill-prinċipal qabel din it-terminazzjoni, jew mal-klijenti li magħhom huwa kien żviluppa n-negozju b’mod sinjifikattiv qabel l-imsemmija terminazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-kumpens previst f’dan l-Artikolu 17(2).

48

Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 17(2)(a) ta’ din id-direttiva.

49

L-ewwel, kif tfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva jħalli lill-Istati Membri l-għażla, sabiex jiżguraw il-kumpens għad-dannu lill-aġent kummerċjali, fil-każ tat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija, bejn żewġ sistemi, previsti rispettivament fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu. Sa fejn it-tnejn li huma huma intiżi sabiex jiżguraw tali kumpens, dawn is-sistemi għandhom jinftiehmu bħala li jkopru premessi identiċi, jiġifieri t-telf li jikkorrispondi għall-perijodu ta’ wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2018, CMR, C‑645/16, EU:C:2018:262, punt 28).

50

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 86/653, li l-aġent kummerċjali għandu dritt għall-kumpens għad-dannu mġarrab b’mod partikolari meta dan id-dannu jirriżulta meta sseħħ it-terminazzjoni tar-relazzjonijiet kuntrattwali tiegħu mal-prinċipal taħt kundizzjonijiet li jċaħħdu lil dan l-aġent kummerċjali mill-kummissjonijiet li t-twettiq tal-kuntratt ikun kisiblu waqt li jipprovdi lill-prinċipal b’benefiċċji sostanzjali marbuta mal-attivitajiet tal-imsemmi aġent kummerċjali u/jew taħt kundizzjonijiet li ma jkunux għamluha faċli għal dan tal-aħħar li jħallas l-infiq u l-ispejjeż li huwa jkun ġarrab għat-twettiq tal-kuntratt fuq ir-rakkomandazzjoni tal-prinċipal (sentenza tad‑19 ta’ April 2018, CMR, C‑645/16, EU:C:2018:262, punt 27). Għalhekk, dan l-Artikolu 17(3) ikopri l-ipoteżi ta’ kummissjonijiet futuri li kienu jinkisbu li kieku t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija ma seħħitx.

51

Minn dan isegwi li l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 86/653 għandu jkopri wkoll din l-ipoteżi u li l-kumpens li huwa jipprevedi għandu jieħu inkunsiderazzjoni, taħt ċerti kundizzjonijiet li huwa jiddefinixxi, il-kummissjonijiet li l-aġent kummerċjali kien jirċievi fil-każ tat-tkomplija ipotetika tal-kuntratt ta’ aġenzija.

52

It-tieni, qari ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 ta’ din id-direttiva jikkonferma wkoll din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, dan l-Artikolu 7 jipprevedi li l-aġent kummerċjali għandu dritt għal kummissjoni għal kull tranżazzjoni kummerċjali konkluża matul it-tul tal-kuntratt ta’ aġenzija taħt ċerti kundizzjonijiet speċifikati fl-imsemmi Artikolu 7. L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva jżid li l-aġent kummerċjali għandu wkoll id-dritt li jirċievi kummissjoni għal tranżazzjoni kummerċjali, anki meta din tiġi konkluża wara t-terminazzjoni ta’ dan il-kuntratt, meta, essenzjalment, din it-tranżazzjoni kienet fil-punt li kienet ser titwettaq fid-data ta’ din it-terminazzjoni.

53

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 86/653 għandu jiġi interpretat, sabiex jiġi ggarantit l-effett utli tiegħu, fis-sens li jkopri ipoteżi differenti minn dawk li huma diġà koperti mill-Artikoli 7 u 8 ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, dan l-Artikolu 17(2) ma jistax ikopri s-sitwazzjonijiet li fihom l-aġent kummerċjali ma rċeviex il-kummissjonijiet kollha li kellu jitħallas, peress li dawn is-sitwazzjonijiet jaqgħu taħt l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva. Bl-istess mod, ma jistax jiġi interpretat bħala li japplika għat-tranżazzjonijiet li kienu fil-punt li jiġu konklużi qabel it-terminazzjoni tal-kuntratt u li ġew konklużi wara din it-terminazzjoni, li jaqgħu taħt l-Artikolu 8 tal-istess direttiva. Fil-fatt, il-kummissjonijiet imsemmija fl-Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 86/653 huma, min-natura tagħhom, drittijiet kweżiti u ma humiex suġġetti għal-limitazzjonijiet u għar-rekwiżiti speċifiċi previsti fl-Artikoli 17 u 18 ta’ din id-direttiva.

54

B’hekk, il-kumpens li jipprevedi l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 86/653 jirreferi neċessarjament għall-kummissjonijiet li l-aġent kummerċjali kien jirċievi fil-każ tat-tkomplija ipotetika tal-kuntratt ta’ aġenzija, abbażi tat-tranżazzjonijiet konklużi mal-klijenti l-ġodda li huwa jkun ġab lill-prinċipal jew mal-klijenti li magħhom huwa kien żviluppa n-negozju b’mod sinjifikattiv.

55

It-tielet, għandu jsir riferiment għar-rapport dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom, ippreżentat mill-Kummissjoni fit‑23 ta’ Lulju 1996 (COM(96) 364 final), konformement mal-Artikolu 17(6) tad-Direttiva 86/653, li jipprovdi informazzjoni ddettaljata dwar il-kalkolu effettiv tal-kumpens previst fl-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva u huwa intiż li jiffaċilita interpretazzjoni iktar uniformi ta’ dan l-Artikolu 17 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2009, Semen, C‑348/07, EU:C:2009:195, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rapport, huwa indikat li dan il-kumpens jikkorrispondi għall-benefiċċji li jkomplu jirriżultaw għall-prinċipal mill-attività tal-aġent kummerċjali wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija. Għandu jiġi ppreċiżat li dan huwa kumpens għall-avvjament iġġenerat għall-prinċipal. Minn dawn l-ispjegazzjonijiet jirriżulta li l-imsemmi kumpens għandu jkopri wkoll il-kummissjonijiet li l-aġent kummerċjali kien jirċievi fil-każ tat-tkomplija ipotetika ta’ dan il-kuntratt ta’ aġenzija, abbażi ta’ tranżazzjonijiet konklużi mal-klijenti l-ġodda li huwa jkun ġab lill-prinċipal jew mal-klijenti li magħhom huwa kien żviluppa n-negozju b’mod sinjifikattiv fl-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt.

56

Fit-tielet lok, l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Direttiva 86/653 jimmilitaw ukoll favur l-imsemmija interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2)(a) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, din id-direttiva hija intiża sabiex tipproteġi lill-aġenti kummerċjali fir-relazzjonijiet tagħhom mal-prinċipali tagħhom, sabiex tippromwovi s-sigurtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u sabiex tiffaċilita l-iskambji ta’ merkanziji bejn l-Istati Membri billi tapprossima s-sistemi ġuridiċi ta’ dawn tal-aħħar fil-qasam tar-rappreżentanza kummerċjali.

57

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 17 sa 19 tad-Direttiva 86/653 għandhom bħala għan il-protezzjoni tal-aġent kummerċjali wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali u li s-sistema stabbilita għal dan l-għan minn din id-direttiva hija ta’ natura imperattiva. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li kull interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva li tista’ tkun għad-detriment tal-aġent kummerċjali kienet eskluża (sentenza tad‑19 ta’ April 2018, CMR, C‑645/16, EU:C:2018:262, punti 3435 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Hija ddeċidiet ukoll, b’mod iktar preċiż, li l-Artikolu 17(2) tal-istess direttiva għandu jiġu interpretat f’sens li dan jikkontribwixxi għal din il-protezzjoni tal-aġent kummerċjali u li jieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ il-merti ta’ dan tal-aħħar fit-twettiq tat-tranżazzjonijiet li huwa inkarigat bihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2016, Marchon Germany, C‑315/14, EU:C:2016:211, punt 33).

58

Issa, kif osservat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tagħha, il-limitazzjoni tal-portata tal-kunċett ta’ “kummissjonijiet li l-aġent kummerċjali jitlef” għat-tranżazzjonijiet li kienu diġà twettqu qabel it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija tirriskja li ċċaħħad lill-aġent kummerċjali minn parti kbira mill-profitti li jkun għamel il-prinċipal wara din it-terminazzjoni abbażi tax-xogħol madankollu mwettaq minn dan l-aġent kummerċjali.

59

B’hekk, interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 li teskludi mid-determinazzjoni tal-kumpens il-kummissjonijiet li l-aġent kummerċjali kien jirċievi fil-każ tat-tkomplija ipotetika tal-kuntratt ta’ aġenzija, abbażi tat-tranżazzjonijiet li kienu ġew konklużi wara t-terminazzjoni ta’ dan il-kuntratt mal-klijenti l-ġodda li huwa jkun ġab lill-prinċipal qabel din it-terminazzjoni, jew abbażi ta’ tranżazzjonijiet li kienu ġew konklużi wara l-imsemmija terminazzjoni mal-klijenti li magħhom huwa kien żviluppa n-negozju b’mod sinjifikattiv qabel l-istess terminazzjoni, tmur kontra l-għanijiet ta’ din id-direttiva.

60

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kummissjonijiet li l-aġent kummerċjali kien jirċievi fil-każ tat-tkomplija ipotetika tal-kuntratt ta’ aġenzija, abbażi tat-tranżazzjonijiet li kienu ġew konklużi, wara t-terminazzjoni ta’ dan il-kuntratt ta’ aġenzija, mal-klijenti l-ġodda li huwa jkun ġab lill-prinċipal qabel din it-terminazzjoni jew mal-klijenti li magħhom huwa kien żviluppa n-negozju b’mod sinjifikattiv qabel l-imsemmija terminazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-kumpens previst fl-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva.

It‑tieni domanda

61

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ħlas ta’ kummissjonijiet ta’ darba jeskludi mill-kalkolu tal-kumpens, previst f’dan l-Artikolu 17(2), il-kummissjonijiet li l-aġent kummerċjali jitlef u li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet imwettqa mill-prinċipal, wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, mal-klijenti l-ġodda li huwa jkun ġab lill-prinċipal qabel din it-terminazzjoni jew mal-klijenti li magħhom huwa kien żviluppa n-negozju b’mod sinjifikattiv qabel l-imsemmija terminazzjoni.

62

F’dan ir-rigward, kif ġie rrilevat fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, it-tieni inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) ta’ din id-direttiva jeżiġi, essenzjalment, li l-ammont tal-kumpens jiġi kkalkolat b’mod ekwu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni u b’mod partikolari tat-telf ta’ kummissjoni mġarrab mill-aġent kummerċjali.

63

Minn dan isegwi li l-“kummissjonijiet li l-aġent kummerċjali jitlef”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jikkostitwixxu biss element wieħed fost oħrajn li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata n-natura ekwa tal-kumpens. L-għażla ta’ ċertu tip ta’ kummissjoni, bħal, pereżempju, kummissjonijiet ta’ darba, ma tistax għalhekk tpoġġi f’dubju d-dritt għal kumpens previst fl-imsemmija dispożizzjoni. Li kieku dan ma kienx il-każ, ikun hemm riskju ta’ evitar tan-natura obbligatorja ta’ dan id-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 19 tal-imsemmija direttiva.

64

F’dan il-każ, il-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jinkludi biss ftit preċiżazzjonijiet fuq x’inhu kopert mill-kummissjonijiet ta’ darba rċevuti mir-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-kuntest tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali li kien jorbotha ma’ O2 Czech Republic. Waqt is-seduta, din tal-aħħar madankollu indikat li l-kummissjonijiet ta’ darba inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jikkorrispondu għal remunerazzjonijiet fil-forma ta’ somma f’daqqa skont kull kuntratt ġdid konkluż ma’ klijenti ġodda jew ma’ klijenti eżistenti, permezz tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

65

Li kieku dan kien il-każ, li hija kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, il-klijentela maħluqa jew żviluppata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali tista’ toħloq avvjament permezz ta’ tranżazzjonijiet ġodda li kienu jagħtu dritt għal ħlas ta’ kummissjonijiet li kieku l-kuntratt ta’ aġenzija ma kienx intemm. F’tali ċirkustanzi, kif enfasizzat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 89 tal-konklużjonijiet tagħha, tali kummissjonijiet ta’ darba ma jkoprux il-kummissjonijiet li l-aġent kummerċjali jitlef u li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet imwettqa ma’ dawn il-klijenti, mill-prinċipal, wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali.

66

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħlas ta’ kummissjonijiet ta’ darba ma jeskludix mill-kalkolu tal-kumpens, previst f’dan l-Artikolu 17(2), il-kummissjonijiet li l-aġent kummerċjali jitlef u li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet imwettqa mill-prinċipal wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, mal-klijenti l-ġodda li huwa jkun ġab lill-prinċipal qabel din it-terminazzjoni jew mal-klijenti li magħhom huwa kien żviluppa n-negozju b’mod sinjifikattiv qabel l-imsemmija terminazzjoni, meta dawn il-kummissjonijiet jikkorrispondu għal remunerazzjonijiet fil-forma ta’ somma f’daqqa skont kull kuntratt ġdid konkluż ma’ dawn il-klijenti l-ġodda jew ma’ klijenti eżistenti tal-prinċipal, permezz tal-aġent kummerċjali.

Fuq l‑ispejjeż

67

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE tat‑18 ta’ Diċembru 1986 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-kummissjonijiet li l-aġent kummerċjali kien jirċievi fil-każ tat-tkomplija ipotetika tal-kuntratt ta’ aġenzija, abbażi tat-tranżazzjonijiet li kienu ġew konklużi, wara t-terminazzjoni ta’ dan il-kuntratt ta’ aġenzija, mal-klijenti l-ġodda li huwa jkun ġab lill-prinċipal qabel din it-terminazzjoni jew mal-klijenti li magħhom huwa kien żviluppa n-negozju b’mod sinjifikattiv qabel l-imsemmija terminazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-kumpens previst fl-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva.

 

2)

L-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-ħlas ta’ kummissjonijiet ta’ darba ma jeskludix mill-kalkolu tal-kumpens, previst f’dan l-Artikolu 17(2), il-kummissjonijiet li l-aġent kummerċjali jitlef u li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet imwettqa mill-prinċipal, wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, mal-klijenti l-ġodda li huwa jkun ġab lill-prinċipal qabel din it-terminazzjoni jew mal-klijenti li magħhom huwa kien żviluppa n-negozju b’mod sinjifikattiv qabel l-imsemmija terminazzjoni, meta dawn il-kummissjonijiet jikkorrispondu għal remunerazzjonijiet fil-forma ta’ somma f’daqqa skont kull kuntratt ġdid konkluż ma’ dawn il-klijenti l-ġodda jew ma’ klijenti eżistenti tal-prinċipal, permezz tal-aġent kummerċjali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: Iċ‑Ċek.