SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

14 ta’ Lulju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam matrimonjali u fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikolu 8(1) u Artikolu 61(a) – Ġurisdizzjoni ġenerali – Prinċipju ta’ perpetuatio fori – Trasferiment, fil-mori tal-kawża, tar-residenza abitwali ta’ wild minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea lejn Stat terz li huwa Parti għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996”

Fil-Kawża C‑572/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Settembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Settembru 2021, fil-proċedura

CC

vs

VO,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, S. Rodin, J.‑C. Bonichot, L. S. Rossi (Relatriċi) u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, U. Bartl u M. Hellmann, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn A. Daniel u A.-L. Desjonquères, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Carlin u W. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) u tal-Artikolu 61 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn CC u VO dwar it-talba mressqa minn dan tal-aħħar sabiex jikseb il-kustodja tat-tifel tagħhom, M, fl-Iżvezja.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

3

Il-Konvenzjoni fuq il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, rikonoxximent, infurzar u kooperazzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u miżuri għall-protezzjoni tat-tfal, konkluża f’Den Haag fid‑19 ta’ Ottubru 1996 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996”), ġiet irratifikata jew kienet is-suġġett ta’ adeżjoni mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Il-Federazzjoni Russa aderixxiet ukoll għal din il-konvenzjoni fl‑2012, li ilha fis-seħħ f’dan l-Istat mill‑1 ta’ Ġunju 2013.

4

Ir-raba’ premessa tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996 hija fformulata kif ġej:

“Waqt li jikkonfermaw li l-aħjar interessi tat-tifel għandhom ikunu konsiderazzjoni ewlenija”.

5

Fil-Kapitolu II ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Ġurisdizzjoni”, l-Artikolu 5 tagħha jipprovdi:

“1.   L-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi ta’ l-Istat Kontraenti tar-residenza abitwali tat-tifel għandhom ġurisdizzjoni li jieħdu miżuri bil-għan li jipproteġu l-persuna jew il-proprjetà tat-tifel.

2.   Suġġett għall-Artikolu 7, f’każ ta’ tibdil fir-residenza abitwali tat-tifel għal Stat Kontraenti ieħor, l-awtoritajiet ta’ l-Istat tar-residenza abitwali l-ġdida għandhom ġurisdizzjoni.”

6

L-Artikolu 52(2) sa (4) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996 jipprovdi:

“2.   Din il-Konvenzjoni ma taffetwax il-possibiltà għal wieħed jew aktar mill-Istati Kontraenti li jikkonkludu ftehimiet li jkunu jinsabu fihom, fir-rigward ta’ tfal li abitwalment jkunu residenti fi kwalunkwe mill-Istati, Partijiet għal dawn il-ftehimiet, dispożizzjonijiet fuq materji irregolati minn din il-Konvenzjoni.

3.   Ftehimiet li għandhom jiġu konklużi minn wieħed jew aktar mill-Istati Kontraenti fuq materji fl-iskop ta’ din il-Konvenzjoni ma jaffetwawx, fir-relazzjoni ta’ dawn l-Istati ma’ Stati Kontraenti oħra, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni.

4.   Il-paragrafi ta’ qabel dan japplikaw ukoll lil-liġijiet uniformi bbażati fuq rbit speċjali ta’ natura reġjonali jew oħra bejn l-Istati in kwistjoni.”

Id‑dritt tal‑Unjoni

7

Il-premessi 12 u 33 tar-Regolament Nru 2201/2003 huma fformulati kif ġej:

“(12)

Ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità.

[…]

(33)

Dan ir-Regolament jirrikonoxxi d-drittijiet fondamentali u josserva l-prinċipji ta’ l-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, ifittex li jassigura r-rispett għad-drittijiet fondamentali ta’ l-minuri kif stabbiliti fl-Artikolu 24 ta’ l-Karta tat-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.”

8

L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

(a)

id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ;

(b)

l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.

2.   Il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu1(b) jistgħu, partikolarment, jittrattaw fi:

(a)

drittijiet ta’ kustodja u drittijiet ta’ aċċess;

[…]”

9

L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni ġenerali”, jipprevedi li:

“1.   Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess [tkun ġiet adita].

2.   Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.”

10

L-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Ir-Relazzjonijiet ma’ ċerti konvenzjonijiet multilaterali”, jipprevedi li, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, dan ir-regolament għandu jipprevali fuq ċertu numru ta’ konvenzjonijiet internazzjonali, elenkati b’mod eżawrjenti f’din id-dispożizzjoni, sa fejn dawn il-konvenzjonijiet jikkonċernaw kwistjonijiet irregolati minn dan ir-regolament.

11

L-Artikolu 61 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ir-Relazzjonijiet mal-[Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996]”, jipprovdi:

“Dwar ir-relazzjoni mal-[Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996], dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)

fejn il-minuri konċernat għandu/għandha r-residenza abitwali tiegħu/tagħha fit-territorju ta’ xi Stat Membru;

(b)

dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenza maqtugħa f’qorti ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, anki jekk il-minuri kkonċernat għandu r-residenza abitwali tiegħu/tagħha fit-territorju ta’ Stat terz li huwa Parti kontrattanti għall-imsemmija Konvenzjoni.”

It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

12

CC welldet lil M matul is-sena 2011, fl-Isvezja. Hija kisbet il-kustodja esklużiva tal-wild tagħha sa mit-twelid tiegħu. Sa Ottubru 2019, M dejjem irrisjeda fl-Isvezja.

13

F’Ottubru 2019, M beda jattendi skola b’akkomodazzjoni fit-territorju tal-Federazzjoni Russa.

14

F’Diċembru 2019, VO, missier M, ippreżenta quddiem it-Tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, l-Isvezja) kompetenti talba sabiex jingħata, prinċipalment, il-kustodja esklużiva ta’ M, kif ukoll sabiex ir-residenza abitwali ta’ dan tal-aħħar tiġi stabbilita fid-domiċilju tiegħu, fl-Isvezja. CC qajmet eċċezzjoni dwar in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali ta’ dik il-qorti minħabba l-fatt li, minn Ottubru 2019, M kellu r-residenza abitwali tiegħu fir-Russja.

15

L-imsemmija qorti ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma minn CC minħabba li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, M ma kienx ittrasferixxa r-residenza abitwali tiegħu lejn ir-Russja. Hija tat, b’mod provviżorju, il-kustodja esklużiva ta’ M lil VO.

16

Il-Hovrätten över Skåne och Blekinge (il-Qorti tal-Appell sedenti f’Malmö, l-Isvezja) ikkonfermat id-deċiżjoni tat-Tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza) fis-sens li l-qrati Svediżi għandhom ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003. Madankollu, hija annullat id-deċiżjoni ta’ dik il-qorti li tagħti, b’mod provviżorju, il-kustodja esklużiva ta’ M lil VO.

17

CC ressqet quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja), talba sabiex dik il-qorti tawtorizza l-appell mid-deċiżjoni tal-Hovrätten över Skåne och Blekinge (il-Qorti tal-Appell sedenti f’Malmö) u sabiex tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 2201/2003. Quddiem il-qorti tar-rinviju, CC tippreċiża li hija, barra minn hekk, kienet ressqet talba dwar il-kustodja ta’ M quddiem qorti Russa, li, permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2020, irrikonoxxiet li kellha ġurisdizzjoni għal kull kwistjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ M.

18

Skont il-qorti tar-rinviju, iqumu kwistjonijiet, minn naħa, dwar jekk il-prinċipju ta’ perpetuatio fori (perpetwazzjoni tal-forum), kif jirriżulta mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, japplikax fil-każ ta’ bidla fir-residenza abitwali tal-wild fi Stat terz li huwa Parti għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996 u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tar-regola ta’ prevalenza prevista fl-Artikolu 61(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, dwar liema huwa l-mument li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat il-post tar-residenza abitwali tal-wild u dwar jekk il-portata ta’ tali artikolu hijiex limitata għar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri jew jekk għandux kamp ta’ applikazzjoni usa’. Il-qorti tar-rinviju żżid li, għalkemm ċerti qrati ta’ Stati Membri oħra qiesu li, f’sitwazzjonijiet simili, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma japplikax, din il-kwistjoni għadha ma hijiex maqtugħa b’mod ċar fid-duttrina speċjalizzata.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Qorti ta’ Stat Membru żżomm il-ġurisdizzjoni tagħha abbażi tal-Artikolu 8(1) tar-[Regolament Nru 2201/2003] jekk il-wild ikkonċernat mill-proċedura jittrasferixxi fil-mori tal-kawża r-residenza abitwali tiegħu minn Stat Membru lejn Stat terz li huwa parti għall-Konvenzjoni Den Haag tal‑1996 (ara l-Artikolu 61 tal-imsemmi regolament)?”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

20

Il-qorti tar-rinviju talbet li din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talba tagħha, dik il-qorti tippreċiża li l-kawża prinċipali tirrigwarda kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni li huwa essenzjali li tiġi maqtugħa fi żmien qasir.

21

L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, meta n-natura tal-kawża tkun teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura mħaffa.

22

Fis‑7 ta’ Ottubru 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tintlaqa’ din it-talba fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li l-qorti tar-rinviju ma kienet ipprovdiet ebda element speċifiku, dwar iċ-ċirkustanzi tal-każ, li kien kapaċi jistabbilixxi li n-natura tal-kawża kienet teħtieġ li tiġi ttrattata f’qasir żmien. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tagħmel minn kollox sabiex tiżgura soluzzjoni rapida tal-kawża prinċipali ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex jiġġustifika l-użu ta’ proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, TOTO u Vianini Lavori, C‑581/20, EU:C:2021:808, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

23

Madankollu, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li din il-kawża kellha tiġi ttrattata bi prijorità, skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

Fuq id‑domanda preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

24

Preliminarjament, għandu jiġi osservat, minn naħa, li d-domanda magħmula hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li M, li l-kustodja tiegħu hija b’mod partikolari s-suġġett tal-proċedura quddiem il-qrati Svediżi, effettivament ittrasferixxa, fil-mori tal-kawża, ir-residenza abitwali tiegħu lejn it-territorju ta’ Stat terz, jiġifieri l-Federazzjoni Russa, li hija Parti għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996. Sa fejn, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-residenza abitwali tal-wild, li tikkorrispondi għall-post fejn ikun jinsab, fil-verità, iċ-ċentru tal-ħajja tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, HR, C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 42), għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ analiżi globali ta’ ċirkustanzi fattwali speċifiċi għal kull każ partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, HR, C‑512/17, EU:C:2018:513, punti 42 u 54), ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja iżda huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw ruħhom mir-realtà tat-trasferiment tal-imsemmija residenza abitwali barra mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li, minbarra l-preżenza fiżika tal-wild fit-territorju ta’ Stat, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra li jistgħu jindikaw li din il-preżenza bl-ebda mod ma hija waħda ta’ natura temporanja jew okkażjonali u li din tirrifletti ċerta integrazzjoni tal-wild f’ambjent soċjali u familjari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, HR, C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Min-naħa l-oħra, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li M, li, sa mit-twelid tiegħu, kien taħt il-kustodja esklużiva ta’ CC, ittieħed b’mod illegali fit-territorju tal-Federazzjoni Russa.

Fuq il‑mertu

26

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 61(a) ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru, adita b’tilwima fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, iżżomm il-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar din it-tilwima skont dan l-Artikolu 8(1) meta r-residenza abitwali tal-wild inkwistjoni tkun ġiet ittrasferita legalment, fil-mori tal-kawża, lejn it-territorju ta’ Stat terz li huwa Parti għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996.

27

Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri hija attribwita lill-qrati tal-Istat Membru fejn il-wild ikollu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument meta l-qorti tiġi adita. Fil-fatt, minħabba l-prossimità ġeografika tagħhom, dawn il-qrati ġeneralment ikunu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwaw il-miżuri li għandhom jiġu adottati fl-interess tal-wild (sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Detiček, C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 36).

28

Filwaqt li jirreferi għall-mument li fih il-qorti tal-Istat Membru tiġi adita, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju ta’ perpetuatio fori, li jgħid li din il-qorti ma titlifx il-ġurisdizzjoni tagħha anki meta fil-mori tal-kawża jkun hemm bidla fil-post tar-residenza abitwali tal-wild ikkonċernat.

29

Barra minn hekk, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2018, UD (C‑393/18 PPU, EU:C:2018:835, punti 33 sa 41), la mill-kliem u lanqas mill-istruttura tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għandu jitqies li japplika biss għat-tilwimiet li jinvolvu relazzjonijiet bejn qrati ta’ Stati Membri. Għall-kuntrarju, ir-regola dwar ġurisdizzjoni ġenerali prevista fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament tista’ tapplika għal tilwimiet li jinvolvu relazzjonijiet bejn il-qrati ta’ Stat Membru u dawk ta’ Stat terz.

30

Minn dan isegwi li, sa fejn, fil-mument li fih tiġi adita l-qorti tal-Istat Membru, il-wild inkwistjoni jkollu r-residenza abitwali tiegħu fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru, dik il-qorti għandha, bħala prinċipju, ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, inkluż meta t-tilwima tkun tinvolvi relazzjonijiet ma’ Stat terz.

31

Madankollu, għandu jiġi vverifikat, kif tistaqsi l-qorti tar-rinviju, jekk ir-regola stabbilita fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 tapplikax meta l-Istat terz, li lejn it-territorju tiegħu jitwettaq it-trasferiment legali tar-residenza abitwali tal-wild fil-mori tal-kawża fid-dawl tal-kriterji indikati fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, ikun Parti għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996.

32

F’dan id-dawl, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 61(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprevedi li, fir-relazzjonijiet mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996, ir-Regolament Nru 2201/2003 japplika “fejn il-minuri konċernat għandu/għandha r-residenza abitwali tiegħu/tagħha fit-territorju ta’ xi Stat Membru”.

33

Mill-kliem tagħha jirriżulta li din id-dispożizzjoni tirregola r-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, li kollha rratifikaw il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996 jew aderixxew għaliha, u l-Istati terzi li huma wkoll Partijiet għal din il-konvenzjoni, fis-sens li r-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali prevista fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma tibqax tapplika meta r-residenza abitwali ta’ wild tkun ġiet ittrasferita, fil-mori tal-kawża, mit-territorju ta’ Stat Membru għal dak ta’ Stat terz li jkun Parti għall-imsemmija konvenzjoni.

34

Il-kuntest tal-Artikolu 61(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 jissostanzja din l-interpretazzjoni. Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni ma tindikax, b’differenza mill-Artikolu 60 ta’ dan ir-regolament, li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa limitat għar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri.

35

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li, għalkemm l-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament jippreċiża, essenzjalment, li l-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri taqa’ fuq il-qorti tal-Istat Membru li fih il-wild ikkonċernat jirrisjedi abitwalment “fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess [tkun ġiet adita]”, l-Artikolu 61(a) tal-istess regolament ma jinkludix l-istess preċiżazzjoni.

36

Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ppreveda l-leġiżlatur tal-Unjoni fir-rigward tal-ewwel dispożizzjoni, u kif enfasizzaw il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 61(a) tippermetti li jitqies li r-residenza abitwali, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, tal-wild hija dik li jkollu l-wild fil-mument li fih il-qorti li għandha ġurisdizzjoni tagħti d-deċiżjoni tagħha, b’tali mod li jekk, f’dak il-mument, din ir-residenza ma tkunx għadha stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru, iżda f’dak ta’ Stat terz, li jkun Parti għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996, l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandha tiġi eskluża favur dik tal-istipulazzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.

37

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kliem tal-Artikolu 61(b) tar-Regolament Nru 2201/2003, li jipprevedi li dan ir-regolament japplika “dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenza maqtugħa f’qorti ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, anki jekk il-minuri kkonċernat għandu r-residenza abitwali tiegħu/tagħha fit-territorju ta’ Stat terz li huwa Parti kontrattanti għall-[Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996]”.

38

Għalhekk, minn qari flimkien tal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 61 tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-Artikolu 8(1) tiegħu ma jibqax japplika jekk ir-residenza abitwali tal-wild tkun ġiet ittrasferita lejn it-territorju ta’ Stat terz li huwa Parti għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996 qabel ma l-qorti li għandha ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru, adita b’tilwima fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, tkun iddeċidiet. Għall-kuntrarju, fl-ipoteżi fejn il-bidla fir-residenza abitwali tal-wild isseħħ wara li din il-qorti tkun iddeċidiet, din il-bidla ma tipprekludix, skont l-Artikolu 61(b) ta’ dan ir-regolament, li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament japplikaw għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

39

Il-limitazzjoni magħmula mill-Artikolu 61(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, mill-mument li fih il-wild ma jibqax residenti abitwali fit-territorju ta’ Stat Membru iżda f’dak ta’ Stat terz, li huwa Parti għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996, hija wkoll konformi mal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li ma jippreġudikax l-istipulazzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.

40

F’dan id-dawl, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996, fil-każ ta’ bidla fir-residenza abitwali tal-wild lejn Stat kontraenti ieħor, ikollhom ġurisdizzjoni l-awtoritajiet tal-Istat tar-residenza abitwali l-ġdida.

41

Barra minn hekk, l-Artikolu 52(3) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996 jipprekludi espressament li, fir-rigward tal-oqsma rregolati mill-imsemmija konvenzjoni, konvenzjoni oħra konkluża bejn diversi Stati kontraenti taffettwa, fir-relazzjonijiet ta’ dawn l-Istati mal-Istati kontraenti l-oħra, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996. Issa, kif jikkonfermaw il-punti 170 sa 173 tar-rapport ta’ spjegazzjoni dwar din il-konvenzjoni, stabbilit minn P. Lagarde, l-Artikolu 52(3) tagħha jirriżulta preċiżament minn kompromess bejn il-pożizzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni, li huma wkoll, kollha kemm huma, Partijiet għall-imsemmija konvenzjoni, li xtaqu jkunu jistgħu jikkonkludu ftehimiet separati f’dan il-qasam, bħalma hija l-Konvenzjoni msejħa ta’ “Brussell II”, li ħa postha r-Regolament Nru 2201/2003, u l-pożizzjoni tal-Istati l-oħra Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996 li kienu qegħdin jibżgħu li tali ftehimiet separati setgħu jintużaw bħala argument mill-Istati li kienu kkonkludewhom sabiex jaħarbu mill-obbligi tagħha fil-konfront tal-Istati l-oħra li huma Partijiet għal din il-konvenzjoni, li kien ikollu l-effett li jdgħajjifha.

42

Kif sostnew ġustament il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, jekk il-qorti ta’ Stat Membru żżomm, skont ir-regola ta’ perpetuatio fori prevista fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-ġurisdizzjoni tagħha, minkejja t-trasferiment legali, fil-mori tal-kawża, tar-residenza abitwali tal-wild lejn it-territorju ta’ Stat terz, li huwa Parti għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996, tali estensjoni tal-ġurisdizzjoni tkun tmur kontra kemm l-Artikolu 5(2) ta’ din il-konvenzjoni kif ukoll l-Artikolu 52(3) tagħha. Jekk tiġi aċċettata tali interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, li b’hekk tinjora l-portata tal-Artikolu 61(a) ta’ dan ir-regolament, dan iwassal lill-Istati Membri sabiex jaġixxu kontra l-obbligi internazzjonali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2021, MCP, C‑603/20 PPU, EU:C:2021:231, punt 56).

43

Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li l-esklużjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 favur dik tal-istipulazzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996 ma twassalx, fiha nnifisha, sabiex jiġi kompromess l-aħjar interess tal-wild peress li l-qrati tal-Istati li huma Partijiet għal din il-konvenzjoni għandhom jiżguraw li dan l-interess ikun, skont ir-raba’ premessa tal-imsemmija konvenzjoni, kunsiderazzjoni ewlenija.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 61(a) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru, adita b’tilwima dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, ma żżommx il-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar din it-tilwima skont dan l-Artikolu 8(1) meta r-residenza abitwali tal-wild inkwistjoni tkun ġiet ittrasferita legalment, fil-mori tal-kawża, lejn it-territorju ta’ Stat terz li huwa Parti għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996.

Fuq l‑ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, moqri flimkien mal-Artikolu 61(a) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru, adita b’tilwima dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, ma żżommx il-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar din it-tilwima skont dan l-Artikolu 8(1) meta r-residenza abitwali tal-wild inkwistjoni tkun ġiet ittrasferita legalment, fil-mori tal-kawża, lejn it-territorju ta’ Stat terz li huwa Parti għall-Konvenzjoni fuq il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, rikonoxximent, infurzar u kooperazzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u miżuri għall-protezzjoni tat-tfal, konkluża f’Den Haag fid‑19 ta’ Ottubru 1996.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.