SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

21 ta’ Settembru 2023 ( *1 )

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Sistema ta’ Dublin – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Kriterji u mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali – Responsabbiltà tal-Istat Membru li jkun ħareġ dokument ta’ residenza lill-applikant – Artikolu 2(l) – Tifsira ta’ ‘dokument ta’ residenza’ – Karta tal-identità diplomatika maħruġa minn Stat Membru – Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi”

Fil-Kawża C‑568/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Awwissu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Settembru 2021, fil-proċedura

Staatsecretaris van Justitie en Veiligheid

vs

E.,

S.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, P. G. Xuereb, T. von Danwitz, A. Kumin (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal E. u S., minn F. Wijngaarden, advocaat,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u A. Hanje, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u V. Strasser, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn L. Grønfeldt u W. Wils, sussegwentement minn W. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) u E. u S., li jaġixxu f’isimhom stess kif ukoll f’isem uliedhom minuri, dwar iċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

3

Skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi, konkluża fi Vjenna fit‑18 ta’ April 1961 u li daħlet fis-seħħ fl‑24 ta’ April 1964 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 500, p. 95, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”):

“L-istabbiliment ta’ relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-Istati u t-trażmissjoni ta’ missjonijiet diplomatiċi permanenti għandhom isiru b’kunsens reċiproku.”

4

L-Artikolu 4 ta’ din il-konvenzjoni jistipula:

“1.   L-Istat mittenti għandu jiżgura li l-persuna li huwa jippjana li jakkredita bħala Kap tal-Missjoni mal-Istat riċeventi tkun irċeviet l-approvazzjoni ta’ dan l-Istat.

2.   L-Istat riċeventi mhuwiex meħtieġ li jagħti lill-Istat mittenti r-raġunijiet għal rifjut ta’ akkreditazzjoni.”

5

L-Artikolu 5(1) tal-imsemmija konvenzjoni huwa fformulat kif ġej:

“L-Istat mittenti, wara notifika lill-Istati riċeventi kkonċernati, jista’ jakkredita Kap ta’ Missjoni jew jassenja membru tal-persunal diplomatiku, skont il-każ, ma’ diversi Stati, sakemm wieħed mill-Istati riċeventi ma joġġezzjonax espressament għal dan.”

6

L-Artikolu 9 tal-istess konvenzjoni jipprevedi:

“1.   L-Istat riċeventi jista’, fi kwalunkwe ħin u mingħajr ma jkollu għalfejn jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu, jinforma lill-Istat mittenti li l-Kap jew kwalunkwe membru ieħor tal-persunal diplomatiku tal-missjoni jkun persona non grata jew kwalunkwe membru ieħor tal-persunal tal-missjoni ma jkunx aċċettabbli. L-Istat mittenti mbagħad ifakkar lill-persuna inkwistjoni jew itemm il-funzjonijiet tagħha fi ħdan il-missjoni, skont il-każ. Persuna tista’ tiġi ddikjarata non grata jew mhux aċċettabbli qabel ma tasal fit-territorju tal-Istat riċeventi.

2.   Jekk l-Istat mittenti jirrifjuta li jeżegwixxi, jew jonqos milli jwettaq fi żmien raġonevoli, l-obbligi tiegħu skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, l-Istat riċeventi jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi l-istatus ta’ membru tal-missjoni lill-persuna inkwistjoni.”

7

L-Artikolu 10(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna huwa redatt kif ġej:

“Huma nnotifikati lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Istat riċeventi jew lil tali ministeru ieħor li jkun ġie miftiehem li:

a)

Il-ħatra tal-membri tal-missjoni, il-wasla u t-tluq definittiv tagħhom jew it-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom fil-missjoni;

b)

Il-wasla u t-tluq definittiv ta’ persuna li tagħmel parti minn familja ta’ membru tal-missjoni, u, jekk ikun il-każ, il-fatt li persuna ssir jew ma tibqax membru tal-familja ta’ membru tal-missjoni;

[…]”

Id‑dritt tal‑Unjoni

8

Skont il-premessi 4 u 5 tar-Regolament Dublin III:

“(4)

Il-konklużjonijiet ta’ Tampere ddikjaraw ukoll li [s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil] għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil.

(5)

Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.”

9

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(c)

‘applikant’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkun għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li dwarha deċiżjoni finali tkun għadha ma tteħditx;

[…]

(l)

‘dokument ta’ residenza’ tfisser kull awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jawtorizza ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida biex joqgħod fit-territorju tiegħu, inklużi d-dokumenti li jissostanzjaw l-awtorizzazzjoni biex jibqgħu fit-territorju taħt arranġamenti ta’ protezzjoni temporanja jew sakemm iċ-ċirkostanzi li jimpedixxu ordni ta’ tneħħija milli tkun eżegwita ma japplikawx aktar, ħlief viżas u awtorizzazzjonijiet maħruġa matul il-perijodu rekwiżit biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli kif stabbilit f’dan ir-Regolament jew matul l-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jew applikazzjoni għal permess ta’ residenza;

[…]”

10

L-Artikoli 7 sa 15 tal-imsemmi regolament jinsabu fil-Kapitolu III tiegħu, intitolat “Il-kriterji biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli”. L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Ġerarkija ta’ kriterji” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-kriterji li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli għandhom ikunu applikati fl-ordni li fiha huma ddikjarati f’dan il-Kapitolu.”

11

L-Artikolu 12 tar-Regolament Dublin III, intitolat “Ħruġ ta’ dokumenti ta’ residenza jew viża”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn applikant ikun fil-pussess ta’ dokument ta’ residenza validu, l-Istat Membru li jkun ħareġ id-dokument għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.”

12

L-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Preżentazzjoni ta’ talba biex jittieħed inkarigu”, jistabbilixxi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Fejn Stat Membru li għandu kienet iddepożitata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membru ieħor huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni, jista’, kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata fit-tifsira tal-Artikolu 20(2), jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu inkarigu tal-applikant.”

13

L-Artikolu 29 tal-imsemmi regolament, intitolat “Modalitajiet u żmien limitu”, jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“It-trasferiment tal-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fil-punti (c) jew (d) tal-Artikolu 18(1) mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3).”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

14

E. u S. kif ukoll it-tfal minuri tagħhom huma ċittadini ta’ pajjiż terz. Il-missier kien membru tal-missjoni diplomatika ta’ pajjiżu fl-Istat Membru X u għex fit-territorju ta’ dan tal-aħħar ma’ martu u wliedhom. Waqt din ir-residenza, huma nħarġulhom karti diplomatiċi mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ta’ dan l-Istat Membru.

15

Wara li telqu mill-Istat Membru X, E. u S. ippreżentaw, fil-Pajjiżi l-Baxxi, applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

16

Fil‑31 ta’ Lulju 2019, is-Segretarju tal-Istat qies li l-Istat Membru X kien, skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Dublin III, responsabbli għall-eżami ta’ dawn l-applikazzjonijiet peress li l-karti ta’ identità diplomatiċi maħruġa mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru kienu jikkostitwixxu permessi ta’ residenza. Fil‑25 ta’ Settembru 2019, l-imsemmi Stat Membru aċċetta t-talbiet sabiex jittieħed inkarigu.

17

Permezz ta’ deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Jannar 2020, is-Segretarju tal-Istat irrifjuta li jeżamina l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati minn E. u S. minħabba li l-Istat Membru X kien responsabbli għall-eżami tagħhom.

18

E. u S. ippreżentaw rikorsi kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi). Insostenn ta’ dawn ir-rikorsi, huma sostnew li l-Istat Membru X ma kienx responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet tagħhom, għaliex l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru qatt ma kienu ħarġulhom permess ta’ residenza. Huwa minħabba l-istatus diplomatiku tagħhom li huma bbenefikaw minn dritt ta’ residenza, peress li dan kien mislut direttament mill-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

19

Permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2020, ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) laqgħet ir-rikorsi billi qieset li s-Segretarju tal-Istat kien żbalja meta żamm lill-Istat Membru X responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. Din il-qorti enfasizzat li l-karti tal-identità diplomatiċi maħruġa mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru ma setgħux jitqiesu bħala awtorizzazzjoni ta’ residenza, peress li E. u S. diġà kellhom dritt ta’ residenza fl-imsemmi Stat Membru skont il-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

20

Is-Segretarju tal-Istat appella minn din is-sentenza quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), il-qorti tar-rinviju, billi sostna li l-karti diplomatiċi maħruġa lil E. u S. mill-Istat Membru X jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “permess ta’ residenza”, fis-sens tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament Dublin III.

21

Ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) jippreċiża li ma huwiex ikkontestat li l-awtoritajiet tal-Istat Membru X ħarġu karti ta’ identità diplomatiċi lil E. u S., u li dawn il-karti kienu għadhom validi fil-mument meta dawn tal-aħħar ippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi. Barra minn hekk, l-Istat Membru X ħareġ dawn il-karti diplomatiċi konformement mal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, peress li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Istat Membru X huma partijiet għal din il-konvenzjoni.

22

Skont din il-qorti, id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati minn E. u S. teħtieġ li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk karta tal-identità diplomatika maħruġa minn Stat Membru skont il-Konvenzjoni ta’ Vjenna tikkostitwixxix permess ta’ residenza, fis-sens tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament Dublin III.

23

Issa, ir-risposta għal din id-domanda ma tistax tiġi dedotta direttament la minn din id-dispożizzjoni, u lanqas mis-sistema stabbilita minn dan ir-regolament, u lanqas mir-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali pubbliku. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-imsemmi regolament lanqas ma toffri kjarifika f’dan ir-rigward u jidher li l-prattiki tal-Istati Membri huma differenti fuq dan il-punt.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-punt (l) tal-Artikolu 2 tar-Regolament [Dublin III] għandu jiġi interpretat fis-sens li karta [tal-identità] diplomatika maħruġa minn Stat Membru taħt il-[Konvenzjoni ta’ Vjenna] tikkostitwixxi permess ta’ residenza fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?”

Fuq l‑ammissibbiltà tad‑domanda preliminari

25

Il-Gvern Awstrijak iqiegħed f’dubju l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li l-interpretazzjoni mitluba tar-Regolament Dublin III hija nieqsa minn utilità reali għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, f’dan il-każ, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sar responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali inkwistjoni peress li, jekk l-Istat Membru X aċċetta t-talbiet għall-finijiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, it-trasferiment tal-applikanti lejn dan l-aħħar Stat Membru ma kienx iseħħ fit-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 29(1) ta’ dan ir-regolament.

26

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tintervjeni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES, C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollha l-ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES, C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

Għandu jitfakkar ukoll li, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III, it-trasferiment tal-applikant mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli għandu jsir skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-iktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew mid-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3) ta’ dan ir-regolament.

29

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, meta appella mis-sentenza tal-ewwel istanza quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Segretarju tal-Istat, fid-dawl tal-iskadenza li jmiss tat-terminu ta’ trasferiment, talab l-għoti ta’ miżuri provviżorji u li din it-talba ntlaqgħet.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-appell ippreżentat mis-Segretarju tal-Istat ingħata effett sospensiv fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III, b’tali mod li t-terminu ta’ sitt xhur imsemmi f’din id-dispożizzjoni jibda jiddekorri biss wara li l-qorti tar-rinviju tkun tat id-deċiżjoni definittiva tagħha fuq dan l-appell.

31

Konsegwentement, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju ma hijiex neċessarja għal din tal-aħħar sabiex issolvi t-tilwima li għandha quddiemha. Għaldaqstant, din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domanda preliminari

32

Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll l-għanijiet u l-għan tal-att li minnu hija tagħmel parti (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Pankki S, C‑579/21, EU:C:2023:501, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament Dublin III, il-kunċett ta’ “permess ta’ residenza” huwa ddefinit bħala “kull awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jawtorizza ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida biex joqgħod fit-territorju tiegħu”. Barra minn hekk, skont din id-dispożizzjoni, għalkemm l-imsemmi kunċett jinkludi “d-dokumenti li jissostanzjaw l-awtorizzazzjoni biex jibqgħu fit-territorju taħt arranġamenti ta’ protezzjoni temporanja jew sakemm iċ-ċirkostanzi li jimpedixxu ordni ta’ tneħħija milli tkun eżegwita ma japplikawx aktar”, dan jeskludi min-naħa l-oħra l-“viżas u awtorizzazzjonijiet maħruġa matul il-perijodu rekwiżit biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli kif stabbilit f’dan ir-Regolament jew matul l-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jew applikazzjoni għal permess ta’ residenza”.

34

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Awstrijak jiddeduċu, essenzjalment, mill-kliem użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni li l-kunċett ta’ “permess ta’ residenza” jinkludi biss l-atti adottati formalment minn amministrazzjoni nazzjonali u li jippermettu, b’mod kostituttiv, lil ċittadin ta’ pajjiż terz jew lil persuna mingħajr Stat li jibqgħu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. Min-naħa l-oħra, għalkemm jikkostitwixxu dokumenti formalment maħruġa minn amministrazzjoni nazzjonali, karti tal-identità diplomatiċi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħala prinċipju jirriflettu biss id-drittijiet u l-privileġġi li jibbenefikaw minnhom id-detenturi tagħhom skont il-Konvenzjoni ta’ Vjenna. Għalhekk, dawn għandhom natura purament dikjaratorja u ma jistgħux ikunu koperti mill-kunċett ta’ “permess ta’ residenza”, fis-sens tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament Dublin III.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-użu tal-kliem “kull awtorizzazzjoni” fl-Artikolu 2(l) tar-Regolament Dublin III, il-kunċett ta’ “permess ta’ residenza”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu tifsira wiesgħa. B’mod partikolari, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-definizzjoni li din id-dispożizzjoni tagħti ta’ dan il-kunċett ma tagħmilx riferiment għan-natura kostituttiva jew dikjaratorja tal-awtorizzazzjoni, u lanqas ma teskludi b’mod espress il-karti tal-identità diplomatiċi maħruġa skont il-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

36

Fir-rigward tal-kuntest li fih tinsab l-imsemmija dispożizzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “permess ta’ residenza” huwa determinanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament Dublin III, li jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li, fejn l-applikant ikun detentur ta’ permess ta’ residenza validu, l-Istat Membru li jkun ħarġu għandu jkun responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

37

Dan l-Artikolu 12 jagħmel parti mill-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III, li jirrigwarda l-kriterji għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-applikazzjoni tal-kriterji differenti stabbiliti fl-Artikoli 12 sa 14 ta’ dan ir-regolament għandha, bħala regola ġenerali, tippermetti li l-Istat Membru li minnu joriġina d-dħul jew ir-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istati Membri jingħata r-responsabbiltà li jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn dan iċ-ċittadin, u dan billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ dan l-Istat Membru fil-preżenza ta’ dan iċ-ċittadin fit-territorju tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Jafari, C‑646/16, EU:C:2017:586, punti 8791).

38

F’dan il-każ, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li r-rwol tal-Istat Membru X fil-preżenza tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri huwa negliġibbli peress li, skont il-Konvenzjoni ta’ Vjenna, Stat riċeventi ma huwiex liberu, ħlief għal ċerti każijiet partikolari, li jirrifjuta d-dħul u r-residenza fit-territorju tiegħu lill-membri ta’ missjoni diplomatika maħtura mill-Istat mittenti.

39

F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li, skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, it-trażmissjoni ta’ missjonijiet diplomatiċi permanenti ssir b’kunsens reċiproku, l-Istat riċeventi madankollu jingħata ċerti prerogattivi fir-rigward tad-dħul fit-territorju tiegħu ta’ persuni bħala membri tal-persunal diplomatiku ta’ missjoni.

40

B’mod partikolari, l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istat riċeventi jista’, f’kull mument u mingħajr ma jkollu jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu, jinforma lill-Istat mittenti li l-Kap jew kull membru ieħor tal-persunal diplomatiku tal-missjoni huwa persona non grata jew li kull membru ieħor tal-persunal tal-missjoni ma huwiex aċċettabbli, peress li persuna tista’ tiġi ddikjarata non grata jew li ma hijiex aċċettabbli anki qabel ma tasal fit-territorju tal-Istat riċeventi. Dan l-Artikolu 9 jżid, fil-paragrafu 2 tiegħu, li, jekk l-Istat mittenti jirrifjuta li jeżegwixxi, jew ma jeżegwixxix f’terminu raġonevoli, l-obbligi imposti fuqu skont il-paragrafu 1, l-Istat riċeventi jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi lill-persuna inkwistjoni l-kwalità ta’ membru tal-missjoni.

41

Barra minn hekk, mill-Artikolu 4(1) u (2) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jirriżulta li l-Istat mittenti għandu jiżgura ruħu li l-persuna li huwa għandu l-intenzjoni li jakkredita bħala Kap tal-Missjoni mal-Istat riċeventi rċeviet l-approvazzjoni ta’ dan l-Istat, peress li l-Istat riċeventi ma huwiex obbligat jagħti lill-Istat mittenti r-raġunijiet għal rifjut ta’ approvazzjoni.

42

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, jekk l-Istat mittenti, wara notifika dovuta lill-Istati riċeventi kkonċernati, jista’ jakkredita Kap ta’ Missjoni jew jassenja membru tal-persunal diplomatiku, skont il-każ, ma’ diversi Stati, wieħed mill-Istati riċeventi jista’ jopponi espressament għal dan.

43

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 10(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jipprevedi, b’mod partikolari, li l-ħatra tal-membri tal-missjoni, il-wasla tagħhom u t-tluq definittiv tagħhom jew it-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom fil-missjoni kif ukoll il-wasla u t-tluq definittiv ta’ persuna li tagħmel parti mill-familja ta’ membru tal-missjoni għandhom jiġu nnotifikati lill-ministeru kompetenti tal-Istat riċeventi.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħruġ ta’ karta tal-identità diplomatika lil persuna minn Stat Membru jirrifletti l-aċċettazzjoni minn dan tal-aħħar tar-residenza ta’ din il-persuna fit-territorju tiegħu bħala membru tal-persunal diplomatiku ta’ missjoni, u b’hekk juri r-rwol ta’ dan l-Istat Membru fil-preżenza tal-imsemmija persuna fit-territorju tal-Istati Membri.

45

L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “permess ta’ residenza” fis-sens li jkopri karta tal-identità diplomatika maħruġ skont il-Konvenzjoni ta’ Vjenna tikkorrispondi wkoll għall-istruttura ġenerali tal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament Dublin III, peress li, skont l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, dan l-Artikolu 12 japplika bi prijorità.

46

Fir-rigward tal-għan imfittex mir-Regolament Dublin III, il-premessi 4 u 5 tiegħu jenfasizzaw l-importanza ta’ metodu ċar u li jiffunzjona sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli, ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati u li jippermetti li dan l-Istat Membru jiġi ddeterminat malajr.

47

Issa, il-fatt li jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, il-ħruġ ta’ karta tal-identità diplomatika jikkontribwixxi għall-għan ta’ ħeffa fl-ipproċessar ta’ tali applikazzjoni.

48

Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan tar-Regolament Dublin III imfakkar fil-punt 46 ta’ din is-sentenza jitqiegħed inkwistjoni jekk ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jibbenefikaw mill-privileġġi u mill-immunitajiet previsti mill-Konvenzjoni ta’ Vjenna kienu jkunu jistgħu jagħżlu l-Istat Membru li fih jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

49

Fi kwalunkwe każ, il-fatt li karta tal-identità diplomatika tiġi kklassifikata bħala “permess ta’ residenza”, fis-sens tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament Dublin III, jikkonċerna biss id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u jibqa’ mingħajr effett fuq id-dritt ta’ residenza diplomatika. Barra minn hekk, tali klassifikazzjoni ma tippreġudikax id-deċiżjoni sussegwenti dwar l-għoti jew le tal-protezzjoni internazzjonali minn dan l-Istat Membru.

50

Fl-aħħar nett, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-riferiment magħmul mill-konvenuti fil-kawża prinċipali għall-esklużjoni ta’ persuni li għandhom status ġuridiku rregolat mill-Konvenzjoni ta’ Vjenna mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272) huwa irrilevanti.

51

Fil-fatt, minn naħa, ir-Regolament Dublin III ma jipprevedix tali esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu lanqas ma jinkludi regoli derogatorji li jikkonċernaw l-effetti li għandhom jintrabtu mal-ħruġ ta’ karta tal-identità diplomatika għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

52

Min-naħa l-oħra, għalkemm id-Direttiva 2003/109 ma tikkonċernax il-persuni li ma għandhomx l-intenzjoni li jirrisjedu fit-tul fit-territorju tal-Istati Membri, dan il-fatt ma jipprekludix dawn milli joħorġu permessi ta’ residenza, fis-sens tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament Dublin III.

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 2(l) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li karta tal-identità diplomatika maħruġa minn Stat Membru skont il-Konvenzjoni ta’ Vjenna jikkostitwixxi “permess ta’ residenza”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l‑ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(l) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

karta tal-identità diplomatika maħruġa minn Stat Membru skont il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi, konkluża fi Vjenna fit‑18 ta’ April 1961 u li daħlet fis-seħħ fl‑24 ta’ April 1964, tikkostitwixxi “permess ta’ residenza”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.