SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
9 ta’ Frar 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2014/17/UE – Kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi relatati ma’ proprjetà immobbli residenzjali – Artikolu 25(1) – Rimbors antiċipat – Dritt tal-konsumatur għal tnaqqis mill-ispiża totali tal-kreditu li tikkonsisti fl-interessi u fl-ispejjeż dovuti fir-rigward tat-terminu residwali tal-kuntratt – Artikolu 4(13) – Kunċett ta’ ‘spiża totali tal-kreditu lill-konsumatur’ – Spejjeż li ma humiex dipendenti fuq it-tul tal-kuntratt”
Fil-Kawża C‑555/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill‑Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Awwissu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Settembru 2021, fil-proċedura
UniCredit Bank Austria AG
vs
Verein für Konsumenteninformation
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, M. Safjan (Relatur), N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,
Reġistratur: S. Beer, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Lulju 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal UniCredit Bank Austria AG, minn M. Kellner u F. Liebel, Rechtsanwälte, |
– |
għal Verein für Konsumenteninformation, minn A.‑M. Kosesnik‑Wehrle u S. Langer, Rechtsanwälte, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u M. Hellmann, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Rocchitta, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Goddin, B.‑R. Killmann u H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑29 ta’ Settembru 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 60, p. 34, rettifika fil-ĠU 2015, L 246, p. 11). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn UniCredit Bank Austria AG (iktar ’il quddiem “UCBA”) u Verein für Konsumenteninformation (iktar ’il quddiem “VKI”), dwar l-użu, minn UCBA, ta’ klawżola standard li tinsab fil-kuntratti ta’ kreditu immobiljari tagħha li tipprovdi li, fil-każ ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu mill-konsumatur, l-ispejjeż tal-ipproċessar li ma humiex dipendenti fuq it-tul tal-kreditu ma jiġux irrimborsati. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2008/48/KE
3 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, ĠU L 207, p. 14, ĠU 2010, L 199, p. 40 u fil-ĠU 2011, ĠU L 234, p. 46), intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw: […]
[…]” |
4 |
L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Radd lura antiċipat”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Il-konsumatur għandu jkun intitolat li jifdi interament jew parzjalment l-obbligi tiegħu taħt ftehim ta’ kreditu fi kwalunkwe ħin. F’tali każijiet, huwa għandu jkun intitolat għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu, tali tnaqqis ikun jikkonsisti mill-interessi u l-ispejjeż ta’ matul it-terminu li jkun baqa’ tal-kuntratt.” |
Id-Direttiva 2014/17
5 |
Il-premessi 15, 19, 20, 22 u 50 tad-Direttiva 2014/17 huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
[…]
|
6 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi: “Din id-Direttiva tistipula qafas komuni għal ċerti aspetti ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar kuntratti li jkopru l-kreditu għal konsumaturi ggarantit b’ipoteka jew b’mod ieħor rigward proprjetà immobbli residenzjali, inkluż obbligu li ssir valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur qabel ma jingħata kreditu, bħala bażi għall-iżvilupp ta’ standards ta’ sottoskrizzjoni effettivi b’rabta ma’ proprjetà residenzjali immobbli fl-Istati Membri, u għal ċerti rekwiżiti prudenzjali u superviżorji, inkluż għall-istabbiliment u s-superviżjoni tal-intermedjarji tal-kreditu, rappreżentanti maħtura u istituzzjonijiet mhux tal-kreditu.” |
7 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
8 |
L-Artikolu 14 tal-istess direttiva, intitolat “Informazzjoni prekuntrattwali”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kreditur u, fejn applikabbli, l-intermedjarju tal-kreditu jew rappreżentanti maħturin, iforni lill-konsumatur l-informazzjoni personalizzata meħtieġa sabiex ikun jista’ jqabbel il-krediti disponibbli fuq is-suq, jivvaluta l-implikazzjonijet tagħhom u jieħu deċiżjoni infurmata dwar jekk jikkonkludix kuntratt ta’ kreditu:
2. L-informazzjoni personalizzata msemmija fil-paragrafu 1, bil-miktub jew b’mezz durabbli ieħor, għandha tingħata permezz tal-[Fuljett Ewropew ta’ Informazzjoni Standardizzata (FEIS)] kif stipulat fl-Anness II.” |
9 |
L-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/17, intitolat “Ħlas lura antiċipat”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumatur ikollu dritt li jeħles kompletament jew parzjalment mill-obbligi tiegħu skont kuntratt ta’ kreditu qabel ma jiskadi dak il-kuntratt. F’tali każijiet, il-konsumatur għandu jkun intitolat għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur, b’tali tnaqqis ikun jikkonsisti fl-imgħax u l-ispejjeż għat-tul ta’ żmien li jkun baqa’ tal-kuntratt.” |
10 |
L-Artikolu 41 ta’ din id-direttiva, intitolat “Natura imperattiva ta’ din id-Direttiva”, jipprovdi: “L-Istati Membri ta’ oriġini għandhom jiżguraw li: […]
|
Id‑dritt Awstrijak
11 |
L-Artikolu 20 tal-Bundesgesetz über Hypothekar- und Immobilienkreditverträge und sonstige Kreditierungen zu Gunsten von Verbrauchern (il-Liġi Federali dwar il-Kuntratti ta’ Kreditu Ipotekarju u Kreditu ieħor lill-Konsumaturi), tas‑26 ta’ Novembru 2015 (BGBl. I, 135/2015), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sal‑31 ta’ Diċembru 2020 (BGBl. I, 93/2017), intitolat “Rimbors antiċipat”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Il-mutwatarju jista’ fi kwalunkwe ħin jeżerċita d-dritt li jirrimborsa kompletament jew parzjalment l-ammont tal-kreditu qabel ma jiskadi l-perijodu previst. Ir-rimbors antiċipat tal-ammont totali ta’ kreditu, flimkien mal-interessi, għandu jkollhom l-effett li jxolju l-kuntratt ta’ kreditu. Fil-każ ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu, l-interessi dovuti mill-mutwatarju għandhom jitnaqqsu fi proporzjon mad-dejn pendenti hekk imnaqqas u, fejn xieraq, fi proporzjon mat-tnaqqis fit-tul tal-kuntratt li jirriżulta; l-ispejjeż li jiddependu fuq it-tul ta’ żmien tal-kuntratt għandhom jitnaqqsu proporzjonalment”. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
12 |
VKI, assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi, ippreżentat rikors quddiem il-qrati ċivili Awstrijaċi intiż li UCBA, istituzzjoni ta’ kreditu, tiġi ordnata twaqqaf l-użu, waqt il-konklużjoni ta’ kuntratti li jirrigwardaw krediti ggarantiti permezz ta’ ipoteki li jaqgħu taħt id-Direttiva 2014/17, ta’ klawżola kuntrattwali standard. Din il-klawżola tipprovdi li, fil-każ ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu mill-konsumatur, l-interessi kif ukoll l-ispejjeż dipendenti fuq it-tul tal-kreditu għandhom jitnaqqsu proporzjonalment, filwaqt li “l-ispejjeż tal-ipproċessar li ma humiex dipendenti fuq it-tul tal-kreditu ma għandhomx jiġu rrimborsati, anki proporzjonalment”. |
13 |
VKI tqis li tali klawżola hija inkompatibbli mal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17, li jistabbilixxi d-dritt tal-konsumatur għal tnaqqis mill-ispiża totali tal-kreditu fil-każ ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għas-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Lexitor (C‑383/18, EU:C:2019:702), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48, li jipprovdi tali dritt fil-qasam ta’ kuntratti ta’ kreditu lill-konsumaturi, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan id-dritt jinkludi l-ispejjeż kollha imposti fuq il-konsumatur. |
14 |
Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet ir-rikors ta’ VKI, abbażi tal-fatt li d-Direttiva 2014/17 tistabbilixxi sistema differenti minn dik tad-Direttiva 2008/48. Dawn iż-żewġ direttivi huma differenti fir-rigward, fost l-oħrajn, il-kunċett ta’ “spiża totali tal-kreditu għall-konsumatur” li titnaqqas fil-każ ta’ rimbors antiċipat. |
15 |
Il-qorti tal-appell bidlet din is-sentenza, billi qieset li, minħabba l-kliem kważi identiku tagħhom, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 u l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17 għandhom jiġu interpretati bl-istess mod. Fid-dawl tas-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Lexitor (C‑383/18, EU:C:2019:702), ma huwiex possibbli li mid-Direttiva 2014/17 jiġi dedott li l-ispejjeż li ma humiex dipendenti fuq it-tul tal-kuntratt ta’ kreditu ma għandhomx jiġu rrimborsati proporzjonalment. |
16 |
Adita b’appell fuq punt ta’ liġi minn UCBA, il-qorti tar-rinviju, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), tqis li l-approċċ tal-qorti tal-appell ma huwiex daqstant ovvju. |
17 |
Skont il-qorti tar-rinviju, jista’ ċertament jitqies li, fid-dawl tal-formulazzjoni kważi identika taż-żewġ dispożizzjonijiet kif ukoll tal-għan komuni taż-żewġ direttivi li tiġi żgurata protezzjoni għolja tal-konsumatur, l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17 għandu jiġi interpretat fl-istess sens bħall-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48. |
18 |
Madankollu, il-kuntratti ta’ kreditu lill-konsumaturi rregolati mid-Direttiva 2008/48 għandhom differenzi sinjifikattivi meta mqabbla mal-kuntratti ta’ kreditu ggarantiti minn ipoteka jew relatati ma’ proprjetà immobbli, irregolati mid-Direttiva 2014/17, peress li dawn tal-aħħar ġeneralment jinkludu numru ta’ spejjeż li ma humiex dipendenti fuq it-tul tal-kuntratt u li l-ammont tagħhom ma jaqax taħt il-kontroll tal-istituzzjoni ta’ kreditu. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssemmi, fost l-oħrajn, l-ispejjeż ta’ valutazzjoni tal-proprjetà immobbli, ta’ awtentifikazzjoni tal-firem għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-ipoteka fir-reġistru tal-artijiet, ta’ applikazzjoni għal teħid ta’ pożizzjoni għall-finijiet ta’ bejgħ jew ta’ rahan u ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-ipoteka fir-reġistru tal-artijiet. |
19 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-ispejjeż li ma humiex dipendenti fuq it-tul tal-kuntratt fil-kuntest tad-Direttiva 2014/17, il-kreditur bilkemm għandu marġni ta’ manuvra kuntrattwali sabiex jikklassifika mill-ġdid tali spejjeż bħala spejjeż dipendenti fuq dan it-tul. F’dan ir-rigward, il-qrati Awstrijaċi jistħarrġu, jekk ikun neċessarju permezz ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid, jekk ċerti spejjeż imposti fuq il-konsumatur jikkorrispondux għal remunerazzjoni għall-użu temporanju ta’ kapital jew jekk dawn humiex intiżi li jikkumpensaw kreditur għal servizz li ma huwiex dipendenti fuq it-tul tal-kuntratt. |
20 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 25(1) tad-Direttiva [2014/17] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li fil-każ li l-mutwatarju jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrimborsa integralment jew parzjalment l-ammont ta’ kreditu qabel l-iskadenza tat-terminu previst, l-interessi dovuti mill-mutwatarju u l-ispejjeż li huma dipendenti fuq it-tul tal-ftehim jitnaqqsu proporzjonalment, mingħajr ma hemm regola simili fir-rigward tal-ispejjeż li ma humiex dipendenti fuq tali tul?” |
Fuq id‑domanda preliminari
21 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-dritt tal-konsumatur għal tnaqqis mill-ispiża totali tal-kreditu fil-każ ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu jinkludi biss l-interessi u l-ispejjeż li huma dipendenti fuq it-tul tal-kuntratt. |
22 |
Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel l-iskadenza ta’ kuntratt ta’ kreditu, il-konsumatur ikollu dritt li jeħles kompletament jew parzjalment mill-obbligi tiegħu skont l-imsemmi kuntratt. F’dan il-każ, il-konsumatur ikollu dritt għal tnaqqis mill-ispiża totali tal-kreditu li tikkorrispondi għall-interessi u l-ispejjeż dovuti għat-tul residwali tal-kuntratt. |
23 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ispejjeż li jistgħu jaqgħu fil-portata ta’ “spiża totali tal-kreditu għall-konsumatur”, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta definizzjoni wiesgħa ta’ dan il-kunċett. |
24 |
Fil-fatt, mill-Artikolu 4(13) tad-Direttiva 2014/17, moqri flimkien mal-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48, jirriżulta li l-kunċett ta’ “spiża totali tal-kreditu għall-konsumatur”, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, jinkludi l-ispejjeż kollha li l-konsumatur għandu jħallas skont il-kuntratt ta’ kreditu u li l-kreditur għandu għarfien tagħhom. Huma esklużi biss minn dan, hekk kif tikkonferma l-premessa 50 tad-Direttiva 2014/17, l-ispejjeż notarili, l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni marbuta mat-trasferiment tas-sjieda tal-proprjetà immobbli, bħall-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet u t-taxxi anċillari, kif ukoll l-ispejjeż li għandhom jitħallsu mill-konsumatur fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi previsti fil-kuntratt ta’ kreditu. |
25 |
Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk it-tipi ta’ spejjeż li hija ssemmi u li huma mfakkra fil-punt 18 ta’ din is-sentenza jaqgħux taħt l-ispejjeż li l-konsumatur għandu jsostni skont il-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li l-kreditur għandu għarfien tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-każijiet espressament imsemmija fl-Artikolu 4(13) tad-Direttiva 2014/17 u fl-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48, u jekk, skont il-każ, jaqgħux taħt l-eċċezzjonijiet miġbura fil-qosor fil-punt preċedenti, b’mod partikolari l-ispejjeż notarili. |
26 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-portata tal-kunċett ta’ “tnaqqis mill-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur”, imsemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, fil-punti 24 u 25 tas-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019(Lexitor, C‑383/18, EU:C:2019:702), fir-rigward tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48, li la r-riferiment għall-“perijodu residwu tal-kuntratt”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, u lanqas analiżi komparattiva tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi tagħha ma jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata eżatta tat-tnaqqis previst fl-imsemmija dispożizzjoni. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet, fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, li għalhekk kien hemm lok, skont il-ġurisprudenza stabbilita tagħha, li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata skont il-kuntest tagħha kif ukoll l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha. |
27 |
L-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17 huwa redatt f’termini kważi identiċi għal dawk tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48, b’tali mod li hemm lok li jitqies li l-formulazzjoni tiegħu ma tippermettix li tiġi ddeterminata, fuq is-sempliċi bażi ta’ tali formulazzjoni, il-portata eżatta tat-tnaqqis previst minn din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, din għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha. |
28 |
F’dan ir-rigward, mill-premessi 19 u 20 tad-Direttiva 2014/17 jirriżulta li hemm lok, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, li tiġi żgurata l-koerenza u l-komplementarjetà ta’ din id-direttiva ma’ atti oħra adottati fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi. Madankollu, joħroġ ukoll mill-premessa 22 li huwa importanti li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-kuntratti ta’ kreditu marbutin ma’ proprjetà immobbli għal użu residenzjali li jiġġustifikaw approċċ differenzjat. |
29 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/17, moqri fid-dawl tal-premessa 15 tagħha, din id-direttiva tistabbilixxi qafas komuni dwar ċerti aspetti tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-kuntratti li jkopru l-kreditu lill-konsumaturi ggarantit b’ipoteka jew kreditu ieħor marbut ma’ proprjetà immobbli għal użu residenzjali sabiex jiġi żgurat li dawn tal-aħħar igawdu livell għoli ta’ protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2020, Association française des usagers de banques, C‑778/18, EU:C:2020:831, punt 34). |
30 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, li d-dritt għal tnaqqis previst fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17 ma huwiex intiż li jqiegħed lill-konsumatur fis-sitwazzjoni li kien ikun fiha li kieku l-kuntratt ta’ kreditu kien ġie konkluż għal perijodu iqsar, għal ammont inqas jew, b’mod iktar ġenerali, taħt kundizzjonijiet differenti. Min-naħa l-oħra, huwa intiż li jadatta dan il-kuntratt skont iċ-ċirkustanzi tar-rimbors antiċipat. |
31 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan id-dritt ma jistax jinkludi l-ispejjeż li, indipendentement mit-tul tal-kuntratt, jitħallsu mill-konsumatur favur il-kreditur jew lil terzi fir-rigward ta’ servizzi li diġà ġew eżegwiti kompletament fil-mument tar-rimbors antiċipat. |
32 |
Huwa minnu li, fil-kuntest tad-Direttiva 2008/48, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-effettività tad-dritt tal-konsumatur għal tnaqqis mill-ispiża totali tal-kreditu tiddgħajjef jekk dan it-tnaqqis ikun jista’ jiġi llimitat għat-teħid inkunsiderazzjoni biss tal-ispejjeż ippreżentati mill-kreditur bħala dipendenti fuq it-tul tal-kuntratt, peress li l-ispejjeż u t-tqassim tagħhom jiġu ddeterminati unilateralment mill-bank u li l-fatturazzjoni tal-ispejjeż tista’ tinkludi ċertu marġni ta’ profitt. Barra minn hekk, il-fatt li jiġi llimitat it-tnaqqis mill-ispiża totali tal-kreditu għas-sempliċi spejjeż espressament marbuta mat-tul tal-kuntratt ikun jimplika r-riskju li l-konsumatur jintalab jagħmel ħlas ta’ darba iktar għoli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu peress li l-kreditur jista’ jkollu t-tentazzjoni li jnaqqas għal minimu l-ispejjeż li huma dipendenti fuq it-tul tal-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Lexitor, C‑383/18, EU:C:2019:702, punti 31 u 32). |
33 |
Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, fil-kuntest tal-imsemmija direttiva, il-marġni ta’ manuvra li għandhom l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-fatturazzjoni tagħhom u fl-organizzazzjoni interna tagħhom irendi diffiċli ħafna, fil-prattika, id-determinazzjoni minn konsumatur jew minn qorti ta’ liema spejjeż huma oġġettivament marbuta mat-tul tal-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Lexitor, C‑383/18, EU:C:2019:702, punt 33). |
34 |
F’dan ir-rigward, għandu madankollu jitfakkar li, skont l-Artikolu 14(1) u (2) tad-Direttiva 2014/17, il-kreditur jew, skont il-każ, l-intermedjarju tal-kreditu jew ir-rappreżentant maħtur tiegħu, għandu l-obbligu li jipprovdi lill-konsumatur informazzjoni prekuntrattwali permezz tal-iskeda tal-FISE, li tinsab fl-Anness II ta’ din id-direttiva. Din l-iskeda tipprovdi tqassim tal-ispejjeż pagabbli mill-konsumatur skont jekk humiex spejjeż rikorrenti jew le. |
35 |
Tali tqassim standard tal-ispejjeż imħallsa mill-konsumatur inaqqas b’mod sinjifikattiv il-marġni ta’ manuvra li għandhom l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-fatturazzjoni tagħhom u fl-organizzazzjoni interna tagħhom u jippermetti, kemm lill-konsumatur kif ukoll lil qorti nazzjonali, jivverifikaw jekk tip ta’ spejjeż huwiex oġġettivament marbut mat-tul tal-kuntratt. |
36 |
Konsegwentement, ir-riskju ta’ aġir abbużiv tal-kreditur, imsemmi fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġġustifika li l-ispejjeż li ma humiex dipendenti fuq it-tul tal-kuntratt ikunu inklużi fid-dritt għat-tnaqqis mill-ispiża totali tal-kreditu, previst fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17. |
37 |
F’dan ir-rigward, għandu madankollu jitfakkar li, sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni li jibbenefikaw minnha l-konsumaturi skont id-Direttiva 2014/17, l-Artikolu 41(b) tagħha jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li l-miżuri li jadottaw sabiex jittrasponu din id-direttiva ma jkunux jistgħu jiġu evitati b’mod li jista’ jwassal sabiex il-konsumatur jitlef il-protezzjoni mogħtija mill-imsemmija direttiva minħabba l-formulazzjoni tal-kuntratti. |
38 |
Sabiex tiġi żgurata din il-protezzjoni, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw li l-ispejjeż li, indipendentement mit-tul tal-ftehim ta’ kreditu, huma imposti fuq il-konsumatur, ma jikkostitwixxux oġġettivament remunerazzjoni lill-kreditur għall-użu temporanju tal-kapital li huwa s-suġġett ta’ dan il-kuntratt jew għal servizzi li, fil-mument tar-rimbors antiċipat, għad iridu jiġu pprovduti lill-konsumatur. F’dan ir-rigward, il-kreditur huwa marbut jistabbilixxi n-natura rikorrenti jew le tal-ispejjeż ikkonċernati. |
39 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-dritt tal-konsumatur għal tnaqqis mill-ispiża totali tal-kreditu fil-każ ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu jinkludi biss l-interessi u l-ispejjeż li huma dipendenti fuq it-tul tal-kuntratt. |
Fuq l-ispejjeż
40 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 |
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-dritt tal-konsumatur għal tnaqqis mill-ispiża totali tal-kreditu fil-każ ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu jinkludi biss l-interessi u l-ispejjeż li huma dipendenti fuq it-tul tal-kuntratt. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.