SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

24 ta’ Marzu 2026 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Indipendenza tal-membri tal-ġudikatura – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Leġiżlazzjoni u ġurisprudenza nazzjonali li tipprojbixxi lill-qrati nazzjonali milli jikkontestaw il-leġittimità tal-qrati u tal-korpi kostituzzjonali jew milli jikkonstataw jew jevalwaw il-legalità tal-ħatra tal-imħallfin jew tas-setgħat ġudizzjarji tagħhom – Obbligu għall-qorti adita b’talba għal rikuża ta’ mħallef ieħor li tivverifika l-osservanza tar-rekwiżit ta’ ‘qorti stabbilita minn qabel bil-liġi’ – Ħatra tal-imħallfin ordinarji fil-Polonja – Nuqqas ta’ indipendenza tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, il-Polonja) – Assenza ta’ rimedju effettiv tal-kandidati għall-pożizzjoni ta’ mħallef ikkonċernat – Imħallef li ma jikkostitwixxix ‘qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi’ – Possibbiltà li jitneħħa mħallef minn kulleġġ ġudikanti”

Fil-Kawża C‑521/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy Poznań-Stare Miasto w Poznaniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań-Stare Miasto, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Lulju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Awwissu 2021, fil-proċedura

MJ

vs

AA,

fil-preżenza ta’:

Rzecznik Praw Obywatelskich,

Prokurator Prokuratury Okręgowej w Poznaniu,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, T. von Danwitz, Viċi President, F. Biltgen, I. Jarukaitis (Relatur), M. L. Arastey Sahún, I. Ziemele, J. Passer, O. Spineanu-Matei u M. Condinanzi, Presidenti ta’ Awla, A. Kumin, D. Gratsias, M. Gavalec, Z. Csehi, B. Smulders, u R. Frendo, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Spielmann,

Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Jannar 2025,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal MJ, minnu stess

–

għar-Rzecznik Praw Obywatelskich, minn J. Roszkiewicz u M. Taborowski,

–

għall-Prokurator Prokuratury Okręgowej w Poznaniu, minn M. Smętkowski,

–

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, B. Grabowska-Moroz u M. Rzotkiewicz, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, C. Pochet, L. Van den Broeck u M. Van Regemorter, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Daniż, M. Pasternak Jørgensen u M. Søndahl Wolff, bħala aġenti,

–

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–

għall-Gvern Svediż, minn A. Runeskjöld u H. Shev, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑29 ta’ April 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 6(1) sa (3), u tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn MJ u AA, żewġ imprendituri, dwar kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi.

Il‑kuntest ġuridiku

Il-Kostituzzjoni

3

Bis-saħħa tal-Artikolu 179 tal-Konstytucja Rzeczypospolitej Polskiej (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni”):

“L-imħallfin għandhom jinħatru mill-President tar-Repubblika, fuq proposta tal-Krajowa Rada Sądownictwa [(il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-‘KRS’)], għal żmien indeterminat.”

4

Skont l-Artikolu 186(1) tal-Kostituzzjoni:

“Il-[KRS] huwa l-gwardjan tal-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin.”

5

L-Artikolu 187 tal-Kostituzzjoni jipprovdi:

“1.   Il-[KRS] huwa kompost minn:

1)

il-President tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja)], il-Ministru għall-Ġustizzja, il-President tan-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja)] u persuna maħtura mill-President tar-Repubblika,

2)

ħmistax-il imħallef magħżula minn fost l-imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], il-qrati ordinarji, il-qrati amministrattivi u l-qrati militari,

3)

erba’ membri eletti mis-[Sejm (il-Parlament, il-Polonja)] minn fost id-deputati u żewġ membri eletti mis-Senat fost is-senaturi.

[…]

3.   Il-mandat tal-membri eletti tal-[KRS] huwa ta’ erba’ snin.

4.   Ir-regoli, il-qasam ta’ attività, il-metodu ta’ ħidma [tal-KRS] kif ukoll il-mod li bih jiġu eletti l-membri tiegħu huma ddefiniti mil-liġi.”

Il-Liġi dwar il-KRS

6

Skont l-Artikolu 9a tal-ustawa o Krajowej Radzie Sądownictwa (il-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura), tat‑12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. Nru 126, pożizzjoni 714), kif emendata bl-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra), tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 3) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-KRS”):

“1.   Il-Parlament għandu jeleġġi, minn fost l-imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], tal-qrati ordinarji, tal-qrati amministrattivi u tal-qrati militari, ħmistax-il membru [tal-KRS] għal mandat komuni ta’ erba’ snin.

2.   Meta jipproċedi bl-elezzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Parlament għandu jieħu inkunsiderazzjoni, sa fejn ikun possibbli, in-neċessità ta’ rappreżentanza fi ħdan [il-KRS] tal-imħallfin minn tipi u livelli differenti ta’ qrati.

3.   Il-mandat komuni ta’ membri ġodda tal-[KRS] eletti minn fost l-imħallfin għandu jibda l-għada tal-jum tal-elezzjoni tagħhom. Il-membri tal-[KRS] li jispiċċaw mill-kariga għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom sal-jum li fih jibda l-mandat komuni tal-membri l-ġodda tal-[KRS].”

7

L-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-KRS kien jipprevedi:

“1.   Parteċipant fil-proċedura jista’ jifformula rikors quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] minħabba li r-riżoluzzjoni [tal-KRS] tkun illegali, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dispożizzjonijiet separati. […]

1a.   Fil-kawżi individwali li jikkonċernaw ħatra għall-funzjoni ta’ mħallef fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], huwa possibbli li jiġi ppreżentat appell quddiem in-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)]. F’dawn il-kawżi, ma huwiex possibbli li jiġi ppreżentat appell quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)]. L-appell quddiem in-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)] ma jistax ikun ibbażat fuq evalwazzjoni mhux xierqa tal-osservanza, mill-kandidati, tal-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-preżentazzjoni tal-proposta għall-ħatra għall-pożizzjoni ta’ mħallef fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].

1b.   Jekk ir-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 37(1) ma tkunx ġiet ikkontestata mill-parteċipanti kollha fil-proċedura, fil-kawżi individwali li jikkonċernaw il-ħatra għall-kariga ta’ mħallef fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], ir-riżoluzzjoni [tal-KRS] ssir definittiva, għall-parti li tinkludi d-deċiżjoni għas-sottomissjoni tal-proposta għall-ħatra għall-kariga ta’ mħallef fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] u għall-parti li tinkludi d-deċiżjoni li ma tiġix ippreżentata proposta għall-ħatra għall-kariga ta’ mħallef ta’ din il-Qorti Suprema, fir-rigward tal-parteċipanti fil-proċedura li ma ppreżentawx appell.

2.   L-appell għandu jiġi ppreżentat permezz tal-Przewodniczący [il-President tal-KRS], f’terminu ta’ ġimagħtejn mill-komunikazzjoni tar-riżoluzzjoni [tal-KRS] flimkien mal-motivazzjoni tagħha. […]”.

Il-Liġi dwar il-Qorti Suprema

8

L-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema), tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 5) stabbilixxiet b’mod partikolari, fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), l-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, il-Polonja).

9

L-Artikolu 26 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, kif emendata bl-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra), tal‑20 ta’ Diċembru 2019 (Dz. U. tal‑2020, pożizzjoni 190), jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.   L-[Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi] għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet jew dikjarazzjonijiet dwar ir-rikuża ta’ mħallef jew il-ħatra tal-qorti li quddiemha għandha titmexxa l-proċedura, inklużi lmenti bbażati fuq l-assenza ta’ indipendenza tal-qorti jew tal-imħallef. Il-qorti adita bil-kawża għandha tibgħat immedjatament talba lill-[President tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi] sabiex din tiġi ttrattata konformement mar-regoli stabbiliti minn dispożizzjonijiet distinti. Il-preżentata ta’ talba lill-President tal-[Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi] ma tissospendix il-proċedura pendenti.

3.   It-talba msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhiex tiġi eżaminata jekk tikkonċerna l-istabbiliment jew l-evalwazzjoni tal-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tal-awtorità tiegħu biex iwettaq funzjonijiet ġudizzjarji.”

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

10

Skont l-Artikolu 47 tal-ustawa – Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi li Tintroduċi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), tas‑17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U. Nru 43, pożizzjoni 296), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Ċivili”):

“1.   Fl-ewwel istanza, il-qorti tisma’ kawżi b’imħallef wieħed, sakemm dispożizzjoni speċifika ma tipprovdix mod ieħor.

[…]

3.   Id-digrieti mhux mogħtija waqt seduta għandhom jingħataw minn imħallef wieħed.

[…]”

11

Skont l-Artikolu 48 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili:

“1.   Imħallef jiġi rrikużat bis-saħħa tal-liġi:

1)

fil-kawżi li fihom huwa parti jew li fihom huwa għandu rabta ġuridika tali ma’ waħda mill-partijiet li l-eżitu tal-kawża jkun jaffettwa d-drittijiet jew l-obbligi tiegħu;

[…]

5)

fil-kawżi li fihom huwa pparteċipa, f’istanza ta’ grad inferjuri, fl-adozzjoni tal-att ikkontestat, kif ukoll f’kawżi li jikkonċernaw il-validità ta’ att eżaminat minnu jew redatt bil-parteċipazzjoni tiegħu kif ukoll fil-kawżi li fihom huwa aġixxa bħala prokurator [(il-Prosekutur, il-Polonja)];

[…]”

12

L-Artikolu 49 ta’ dan il-kodiċi jippreċiża:

“Minkejja r-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 48, il-qorti għandha tirrikuża mħallef, fuq talba tiegħu jew ta’ parti, jekk ikun hemm ċirkustanza ta’ natura li tqajjem dubju leġittimu dwar l-imparzjalità ta’ dan l-imħallef fil-kawża inkwistjoni.”

13

L-Artikolu 50 tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

“1.   Il-partijiet għandhom jitolbu r-rikuża tal-imħallef bil-miktub jew permezz ta’ dikjarazzjoni orali rreġistrata quddiem il-qorti li quddiemha tkun pendenti l-kawża, filwaqt li jagħtu r-raġunijiet għat-talba tagħhom.

2.   Barra minn hekk, il-parti li pparteċipat fis-seduta għandha tipprova li ċ-ċirkustanza li tiġġustifika r-rikuża mitluba seħħet jew ġiet mgħarrfa lilha biss sussegwentement.

3.   Sakemm tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal rikuża ta’ mħallef:

1)

l-imħallef ikkonċernat mit-talba jista’ jkompli bil-proċedura;

2)

ma tista’ tingħata l-ebda deċiżjoni jew miżura li ttemm il-proċediment.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

14

Il-kawża prinċipali hija bejn żewġ imprendituri, dwar kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi.

15

Dak il-kuntratt jikkostitwixxi tranżazzjoni kummerċjali. skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011, L 48, p. 1). Fil-kuntest tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jitlob, b’mod partikolari, li l-konvenut fil-kawża prinċipali jiġi kkundannat iħallaslu kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru sostnuti, kif jipprevedu l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva u l-Artikolu 10(1) tal-ustawa o przeciwdziałaniu nadmiernym opóźnieniom w transakcjach handlowych (il-Liġi dwar il-Prevenzjoni ta’ Dewmien Eċċessiv fit-Tranżazzjonijiet Kummerċjali), tat‑8 ta’ Marzu 2013 (Dz. U. tal‑2013, pożizzjoni 403), li tittrasponi l-imsemmija direttiva.

16

Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Mejju 2021, il-konvenut fil-kawża prinċipali talab ir-rikuża tal-imħallef S.C., responsabbli għall-kawża prinċipali. Huwa jsostni li dik l-imħallef ma kinitx inħatret b’mod validu għall-kariga ta’ mħallef. Fil-fatt, ir-riżoluzzjoni dwar il-ħatra tagħha ġiet adottata mill-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu, li l-konformità tagħha mal-Kostituzzjoni ġiet ikkontestata min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema).

17

L-Imħallef S. C. issostni li ma hemm ebda ċirkustanza li tista’ tqajjem dubji dwar l-imparzjalità tagħha u li għalhekk ma hemm ebda raġuni sabiex tiġi eskluża mill-eżami tal-imsemmija kawża.

18

L-eżami tat-talba għal rikuża ta’ din l-imħallef ġie ppreżentat lis-Sąd Rejonowy Poznań-Stare Miasto w Poznaniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań-Stare Miasto, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, li kienet qiegħda tiddeċiedi bħala Imħallef uniku dwar din it-talba.

19

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ċerti aspetti tal-ħatra tal-imsemmi mħallef. B’mod iktar preċiż, dik il-qorti tindika li l-istess imħallef inħatret mill-President tar-Repubblika tal-Polonja bħala Mħallef tas-Sąd Rejonowy Poznań-Stare Miasto w Poznaniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań-Stare Miasto), fuq il-proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu.

20

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li tliet kandidaturi kienu ġew ippreżentati sabiex jokkupaw il-pożizzjoni ta’ mħallef ikkonċernat, fosthom dik ta’ S. C., imħallef assistent prinċipali fis-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań, il-Polonja) sa mis-sena 2016. Hija tippreċiża li l-kulleġġ tas-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań) u l-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Membri tal-Ġudikatura tal-Qrati Distrettwali tas-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań) kienu, rispettivament fil‑21 u fl‑24 ta’ Settembru 2018, taw opinjoni favorevoli dwar il-kandidatura ta’ S. C.

21

Permezz tar-Riżoluzzjoni Nru 611/2018 tal‑4 ta’ Diċembru 2018 tiegħu, il-KRS, fost it-tliet kandidaturi ppreżentati, żamm dik ta’ S. C. u ppropona lill-President tar-Repubblika tal-Polonja l-ħatra ta’ din għal din il-pożizzjoni ta’ mħallef. Iż-żewġ kandidati l-oħra ma appellawx minn din ir-riżoluzzjoni skont l-Artikolu 44(1) tal-Liġi dwar il-KRS. Fl‑14 ta’ Marzu 2019, il-President tar-Repubblika tal-Polonja ddeċieda li jaħtar lil S.C. għall-pożizzjoni ta’ mħallef.

22

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubji, minn naħa, dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-proċedura ta’ ħatra tal-Imħallef S. C., b’mod partikolari fid-dawl tal-kompożizzjoni u tar-rwol tal-KRS f’din il-proċedura kif ukoll tal-assenza ta’ rimedju effettiv tal-parteċipanti fl-imsemmija proċedura kontra din il-ħatra. Id-dubji tagħha f’dan ir-rigward jirriżultaw, min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja), li tipprovdi li talba għar-rikuża ta’ mħallef ibbażata fuq l-irregolaritajiet imwettqa waqt il-ħatra tiegħu hija inammissibbli, kif ukoll mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprovdu li l-eżami tal-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi. Hija tirreferi wkoll, f’dan il-kuntest, għall-ġurisprudenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), li tirriżulta mis-sentenza ta’ dik il-qorti tal‑14 ta’ Lulju 2021, fil-Kawża P 7/20, li fiha din iddeċidiet li t-tieni sentenza tal-Artikolu 4(3) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 279 TFUE, hija inkompatibbli mal-ordinament ġuridiku Pollakk, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi “obbligi ultra vires” fuq ir-Repubblika tal-Polonja permezz ta’ miżuri provviżorji dwar l-organizzazzjoni u l-kompetenza tal-qrati Pollakki kif ukoll dwar il-proċedura applikabbli quddiemhom.

23

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tesponi, l-ewwel nett, li l-KRS jikkostitwixxi, skont il-Kostituzzjoni, korp essenzjali għall-awtonomija tas-setgħa ġudizzjarja, inkarigat li jiżgura l-garanzija tal-indipendenza tal-imħallfin u tal-qrati. Għaldaqstant, il-kompożizzjoni u l-funzjonament ta’ dan il-korp għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti mill-Kostituzzjoni, sabiex jiġi ggarantit li l-proposti ta’ ħatra għal pożizzjoni ta’ mħallef li l-imsemmi korp jindirizza lill-President tar-Repubblika joriġinaw minn korp indipendenti u rappreżentattiv tal-ġudikatura. Madankollu, dik il-qorti tippreċiża li, fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu, li tirriżulta mil-Liġi dwar il-KRS, il-KRS ġie kkostitwit bi ksur tal-prinċipji kostituzzjonali fundamentali tad-dritt Pollakk kif ukoll tal-valuri tal-Istat tad-dritt stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-elezzjoni tal-ħmistax-il membru tal-KRS li għandhom il-kwalità ta’ mħallfin mill-Parlament, u mhux mill-imħallfin stess, wasslet għal telf ta’ awtonomija tal-ġudikatura u għal dipendenza manifesta ta’ dan il-korp fuq is-setgħa leġiżlattiva u eżekuttiva. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li tali konstatazzjonijiet ġew espressament ikkonfermati min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema), mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) kif ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja stess, li kollha kemm huma rrilevaw li l-KRS ma kienx jippreżenta, fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa, b’mod partikolari, mid-dritt tal-Unjoni.

24

It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-eżami tar-rikorsi diretti kontra riżoluzzjonijiet tal-KRS dwar il-proposti ta’ ħatra għal pożizzjoni ta’ mħallef huwa fdat lill-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, komposta esklużivament minn persuni maħtura wara proċess ta’ ħatra mwettaq mill-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din l-awla ma tistax titqies li għandha l-garanziji ta’ indipendenza meħtieġa minn “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”. Issa, fl-assenza ta’ kwalunkwe possibbiltà reali oħra li tiġi kkontestata r-regolarità ta’ dan il-proċess, l-assenza ta’ rimedju effettiv hija ta’ natura li tqajjem, b’mod sistematiku, dubji leġittimi dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin li jirriżultaw mill-imsemmi proċess.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy Poznań-Stare Miasto w Poznaniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań-Stare Miasto) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 2 u 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem it-‘TUE’) u l-Artikolu 6(1) sa (3) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma hijiex qorti stabbilita abbażi ta’ liġi fis-sens tad-dritt tal-Unjoni qorti li fil-kompożizzjoni tagħha tinsab persuna maħtura fil-pożizzjoni ta’ mħallef f’din il-qorti fi proċedura fejn:

a)

l-għażla tal-persuna nnominata għall-ħatra ta’ mħallef lill-President tar-Repubblika tal-Polonja saret mill-[KRS] attwali, li ġie elett bi ksur tad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali u legali Pollakki, li ma huwiex organu indipendenti u li fih ma jinsabux rappreżentanti tal-qasam tal-ġudikatura maħtura fil-kompożizzjoni tiegħu indipendenti mill-awtorità eżekuttiva u leġiżlattiva, u b’hekk ma ressaqx proposta effettiva għall-ħatra fil-pożizzjoni ta’ mħallef prevista fid-dritt nazzjonali;

b)

il-parteċipanti fit-tellieqa għall-ħatra ma kinux intitolati għal appell quddiem qorti fis-sens tal-Artikoli 2 u 19(1) TUE u tal-Artikolu 6(1) sa (3) TUE, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta[?]

2)

L-Artikoli 2 u 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn fil-kompożizzjoni tal-qorti jkun hemm persuna maħtura fil-kundizzjonijiet deskritti fl-ewwel domanda, huma:

a)

jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jiddelegaw l-eżami tal-legalità tal-ħatra ta’ tali persuna fil-pożizzjoni ta’ mħallef lill-kompetenza esklużiva ta[l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi], komposta esklużivament minn persuni maħtura fil-pożizzjoni ta’ mħallef taħt il-kundizzjonijiet deskritti fl-ewwel domanda, u li fl-istess waqt jordnaw li l-oġġezzjonijiet dwar il-ħatra fil-pożizzjoni ta’ mħallef jitħallew mhux eżaminati, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest istituzzjonali jew sistemiku;

b)

jirrikjedu, bil-għan li tiġi ggarantita l-effettività tad-dritt Ewropew, interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li tippermetti lill-qorti teskludi, anki ex officio, lil tali persuni milli jeżaminaw il-kawża abbażi ta’ dispożizzjonijiet, applikabbli b’analoġija, dwar l-esklużjoni ta’ mħallef li ma huwiex kapaċi jagħti deċiżjonijiet (iudex inhabilis);

c)

jirrikjedu li, qorti nazzjonali bil-għan li tapplika d-dritt tal-Unjoni u tikseb effett utli, ma tiħux inkunsiderazzjoni sentenza ta’ qorti kostituzzjonali nazzjonali sa fejn dik is-sentenza tiddikjara bħala inkompatibbli mad-dritt nazzjonali r-rikonoxximent ta’ talba għall-esklużjoni ta’ mħallef abbażi tal-fatt li tqajmu ċirkustanzi ta’ irregolarità tal-ħatra ta’ mħallef li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea dwar qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bis-saħħa tal-liġi fis-sens tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta;

d)

jirrikjedu li, qorti nazzjonali bil-għan li tapplika d-dritt tal-Unjoni u tikseb effett utli, ma tiħux inkunsiderazzjoni sentenza ta’ qorti kostituzzjonali nazzjonali jekk din tkun tipprekludi l-eżekuzzjoni ta’ digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ miżuri interim, liema digriet jordna s-sospensjoni tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li ma jippermettux l-eżami, minn qrati nazzjonali, tal-issodisfar tar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bis-saħħa tal-liġi fis-sens tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑23 ta’ Marzu 2022 u tal‑11 ta’ Jannar 2024, il-proċedura ġiet sospiża, rispettivament, sad-deċiżjoni li ttemm l-istanza fil-Kawżi magħquda C‑181/21 u C‑269/21 u sussegwentement tkompliet.

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

27

Il-Prokuratura Okręgowa w Poznaniu (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Poznań, il-Polonja) isostni n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari, għar-raġuni, essenzjalment, li d-domandi magħmula jikkonċernaw l-organizzazzjoni tal-ġustizzja, qasam li ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Unjoni.

28

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’, ċertament, taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni u li jista’ jkun hekk, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ regoli nazzjonali dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ħatra tal-imħallfin u, jekk ikun il-każ, ta’ regoli relatati mal-istħarriġ ġudizzjarju applikabbli fil-kuntest ta’ tali proċeduri ta’ ħatra (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 56, kif ukoll tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ Mħallef), C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143, punt 42).

29

Min-naħa l-oħra, l-oġġezzjoni hekk imressqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Poznań essenzjalment tirrigwarda l-portata stess tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fid-domandi magħmula, u, għaldaqstant, l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Issa, tali interpretazzjoni taqa’ manifestament taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari.

Fuq l-ammissibiltà

31

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Poznań isostni, fl-ewwel lok, li d-domandi magħmula huma ipotetiċi, peress li l-qorti tar-rinviju ma ssostni ebda ċirkustanza speċifika ta’ natura li tindika li l-Imħallef S. C. ma toffrix garanzija ta’ indipendenza jew li hija ġiet maħtura b’mod irregolari.

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dawn id-domandi huma intiżi, minn naħa, sabiex jippermettu lill-qorti tar-rinviju tevalwa l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-ħatra tal-imħallfin, b’mod partikolari dik ta’ din l-imħallef, b’mod partikolari, mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija domandi huma intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali ta’ dan tal-aħħar li tagħti l-kompetenza esklużiva sabiex tistħarreġ il-legalità tal-ħatra ta’ mħallef fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rikuża bbażata fuq il-kundizzjonijiet li fihom inħatret din l-imħallef lil korp, li, bħall-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, ma jissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

33

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Poznań dwar il-garanziji ta’ indipendenza offruti mill-Imħallef S. C. jirrigwardaw essenzjalment il-portata u, għaldaqstant, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma s-suġġett tad-domandi preliminari, kif ukoll l-effetti li jistgħu jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet. Tali argumenti, li jikkonċernaw il-mertu tad-domandi magħmula, ma jistgħux għalhekk huma stess, essenzjalment, iwasslu għal inammissibbiltà tagħhom (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 90 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

L-imsemmija domandi ma jistgħux għalhekk jitqiesu li huma ipotetiċi.

35

Fit-tieni lok, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Poznań isostni li l-qorti tar-rinviju ma osservatx l-obbligu previst fl-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, dwar id-deskrizzjoni tar-raġunijiet li għalihom hija tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kkonċernati kif ukoll dik tar-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa minn dan l-Artikolu 94(c), b’mod partikolari l-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fid-domandi magħmula kif ukoll ir-rabta stabbilita minn din il-qorti bejn dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi dwar dawn id-domandi.

37

Għalhekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id‑domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

38

Mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li d-domandi magħmula jirrigwardaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-qrati li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u mill-Artikolu 47 tal-Karta u, min-naħa l-oħra, li, kif indikat fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, il-kawża li tat lok għat-talba għal rikuża inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni Pollakka li tittrasponi d-Direttiva 2011/7. Għaldaqstant, il-kawża prinċipali taqa’ mhux biss taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, iżda wkoll taħt dak tal-Artikolu 47 tal-Karta.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li d-domandi magħmula jiġu eżaminati biss fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu interpretati wkoll il-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 6 TUE, peress li l-qorti tar-rinviju ma esponietx ir-raġunijiet li għalihom hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

Fuq it‑tieni domanda

40

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u l-ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali tiegħu li bis-saħħa tagħhom, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rikuża bbażata fuq il-kundizzjonijiet ta’ ħatra tal-imħallef ikkonċernat minnha, l-eżami tat-talba għal rikuża jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva ta’ korp bħall-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi u huwa eskluż kull eżami minn dan il-korp tal-legalità tal-ħatra ta’ dan l-imħallef, kif ukoll, fl-affermattiv, jekk, sabiex jiġi ppreżervat l-effett utli ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-qorti nazzjonali adita b’din it-talba għal rikuża hijiex obbligata tapplika, b’analoġija, dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-rikuża ipso jure ta’ mħallef li ma jkunx jista’ jiddeċiedi.

41

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, kif tfakkar, essenzjalment, fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, b’mod partikolari l-istabbiliment, il-kompożizzjoni, il-kompetenzi u l-funzjonament tal-qrati nazzjonali, inkluż fir-rigward tal-modalitajiet ta’ stħarriġ tal-legalità tal-ħatra tal-imħallfin, taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dawn l-Istati, dawn xorta waħda huma obbligati, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, li josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

42

F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li għalih jirreferi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u li fil-preżent huwa affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19,EU:C:2021:1034, punt 219 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; tal‑11 ta’ Mejju 2023, Inspecţia Judiciară, C‑817/21, EU:C:2023:391, punt 40, u tat‑8 ta’ Mejju 2024, Asociaţia Forumul Judecătorilor din România (Assoċjazzjonijiet tal-Imħallfin), C‑53/23, EU:C:2024:388, punt 35).

43

Barra minn hekk, sa fejn il-Karta tiddikjara drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-KEDB, l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa intiż li jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet inklużi fiha u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, mingħajr ma dan jippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti f’każ partikolari tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti EBD (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Dimnev, C‑404/24, EU:C:2025:595, punt 44, u tal‑4 ta’ Settembru 2025, AW T, C‑225/22, EU:C:2025:649, punt 46).

44

Madankollu, għandu jitfakkar li kull Stat Membru għandu, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jiżgura li l-istanzi li huma msejħa, bħala “qorti” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, jiddeċiedu dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt u li għalhekk jaqgħu taħt is-sistema ta’ rimedji tiegħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fosthom dak tal-indipendenza (sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; tal‑4 ta’ Settembru 2025, AW T, C‑225/22, EU:C:2025:649, punt 47, u tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Stħarriġ Ultra Vires tal-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Supremazija tad-Dritt tal-Unjoni), C‑448/23, EU:C:2025:975, punt 107).

45

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju hija inkarigata li teżamina t-talba għal rikuża ta’ mħallef, minħabba li din ma ġietx maħtura b’mod validu. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk, kif interpretati mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), jipprevedu li l-istħarriġ tal-legalità tal-ħatra għall-pożizzjoni ta’ mħallef tal-persuna kkonċernata jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, b’tali mod li, skont dan id-dritt u l-ġurisprudenza ta’ dik il-qorti kostituzzjonali Pollakka, ma hijiex il-qorti tar-rinviju li għandha twettaq tali eżami hija stess u li dik il-qorti għandha tibgħat din l-evalwazzjoni lil dik l-awla. Barra minn hekk, din il-ġurisdizzjoni esklużiva tibqa’ limitata, sa fejn, konformement mal-Artikolu 26(3) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, l-imsemmija awla ma teżaminax talba mressqa skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 26 jekk din tikkonċerna l-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-legalità tal-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallef.

46

F’dan ir-rigward, wara t-tressiq ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, fil-punti 201 u 386 tas-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u Ħajja Privata tal-Imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442), li r-Repubblika tal-Polonja, billi adottat u żammet fis-seħħ regoli nazzjonali li jipprojbixxu, taħt piena ta’ sanzjonijiet dixxiplinari, lill-qrati nazzjonali milli jivverifikaw jekk huma stess jew l-imħallfin li jifformawhom jew imħallfin jew qrati oħra jissodisfawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni dwar l-indipendenza, fuq l-imparzjalità u l-istabbiliment minn qabel bil-liġi tal-qrati u tal-imħallfin ikkonċernati, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

47

Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet l-ewwel u t-tieni lment imressqa mill-Kummissjoni Ewropea, li kienu jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, tal-Artikolu 42a(1) u (2) tal-ustawa – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji), tas‑27 ta’ Lulju 2001 (Dz. U. Nru 98, pożizzjoni 1070), li jipprojbixxu lil kull qorti nazzjonali milli teżamina l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni dwar il-garanzija ta’ “qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”, kif ukoll tal-punti 2 u 3 tal-Artikolu 107(1) ta’ din il-liġi, li jippermettu li tali eżami jiġi kklassifikat bħala reat dixxiplinari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, AW T, C‑225/22, EU:C:2025:649, punt 60).

48

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal din il-konklużjoni wara li enfasizzat, b’mod partikolari, li l-Artikolu 26(3) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema jeskludi li l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tista’, wara t-trażmissjoni lil din l-awla, minn qorti oħra, ta’ talba intiża għar-rikuża ta’ mħallef, teżamina din it-talba meta din tal-aħħar tikkonċerna l-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ ħatra ta’ mħallef jew il-leġittimità tiegħu sabiex jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u Ħajja Privata tal-Imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 198).

49

Din il-konklużjoni kienet immotivata wkoll, parzjalment, mill-fatt li, essenzjalment, ir-regoli nazzjonali msemmija fil-punt 46 ta’ din is-sentenza kienu, minħabba projbizzjonijiet u reati dixxiplinari li huma jistabbilixxu fir-rigward tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u tal-qrati ordinarji u amministrattivi kollha, ta’ natura li jipprekludu lil dawn tal-aħħar milli jwettqu konstatazzjonijiet u evalwazzjonijiet li, f’ċerti ċirkustanzi, huma madankollu responsabbli għalihom skont id-dritt tal-Unjoni, fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u mill-Artikolu 47 tal-Karta dwar il-garanzija ta’ “qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u Ħajja Privata tal-Imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 285).

50

Fil-fatt, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati jiggarantixxu l-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv li jippermetti, jekk ikun il-każ, li tiġi vverifikata l-legalità tal-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin. Dan l-obbligu jirriżulta mir-rekwiżit stess ta’ “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, li jippreżupponi li l-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin tkun suġġetta għal garanziji maħsuba sabiex jiġi evitat kull preġudizzju għall-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom. Għalhekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jeżiġi li qorti nazzjonali tkun tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tivverifika jekk irregolarità li tivvizzja l-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallef setgħetx twassal għal ksur tad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv quddiem qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 47 tal-Karta (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 130 u 131, 152 sa 154 u 159, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u Ħajja Privata tal-Imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 131).

51

Xorta jibqa’ l-fatt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat ċar u preċiż li ma huwa akkumpanjat minn ebda kundizzjoni f’dak li jirrigwarda l-indipendenza li għandha tikkaratterizza l-qrati msejħa sabiex jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni. Minn dan isegwi li l-qrati nazzjonali inkarigati li japplikaw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, id-dritt tal-Unjoni huma obbligati jiggarantixxu l-effett sħiħ tar-rekwiżiti ta’ dan id-dritt u għalhekk ta’ dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1), billi ma japplikawx, jekk ikun meħtieġ, kull dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 146, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 253 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52

Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li kull qorti nazzjonali, adita fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, hija, bħala korp ta’ Stat Membru, obbligata ma tapplikax kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkollha effett dirett fit-tilwima li jkollha quddiemha (sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, PopławskiC‑573/17, EU:C:2019:530, punt 61, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 158 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Għalhekk, fil-każ ta’ ksur ipprovat tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-qrati nazzjonali inkarigati li japplikaw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, id-dritt tal-Unjoni jħallu, ex officio, mhux applikati d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jiksru r-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1), kemm jekk dawn ikunu ta’ oriġini leġiżlattiva kif ukoll jekk ikunu ta’ oriġini kostituzzjonali, mingħajr ma jkollhom għalfejn jitolbu jew jistennew l-eliminazzjoni minn qabel ta’ dawn id-dispożizzjonijiet permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punti 247 u 251, kif ukoll tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-qorti nazzjonali li tkun eżerċitat il-fakultà li ngħatatilha mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandha għalhekk, jekk ikun il-każ, twarrab l-evalwazzjonijiet ta’ qorti nazzjonali superjuri, inkluż meta din l-evalwazzjoni tkun ta’ qorti kostituzzjonali, jekk tqis, fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, jekk ikun il-każ billi ma tapplikax ir-regola nazzjonali li tobbligaha tikkonforma mad-deċiżjonijiet ta’ din il-qorti superjuri. Din is-soluzzjoni tapplika wkoll meta qorti ordinarja tkun marbuta, bis-saħħa ta’ regola ta’ proċedura nazzjonali, b’deċiżjoni ta’ qorti kostituzzjonali nazzjonali li hija tqis li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punti 75 u 76).

55

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddecidiet, fis-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Stħarriġ Ultra Vires tal-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Supremazija tad-Dritt tal-Unjoni) (C‑448/23, EU:C:2025:975, punt 196), li r-Repubblika tal-Polonja kienet, fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni imwettqa mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fis-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Lulju 2021, iċċitata fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont il-prinċipji ta’ awtonomija, ta’ supremazija, ta’ effettività u tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt ta’ Unjoni.

56

Minn dan isegwi li qorti Pollakka hija meħtieġa tħalli mhux applikati l-evalwazzjonijiet li jirriżultaw mis-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tal‑14 ta’ Lulju 2021, sa fejn tikkonferma l-projbizzjoni, għal kull qorti nazzjonali, li tivverifika jekk istanza oħra tosservax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-garanzija ta’ qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi.

57

F’dan il-każ, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 41 sa 56 ta’ din is-sentenza, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-qorti tar-rinviju hija adita bl-eżami ta’ talba għal rikuża ta’ mħallef ibbażata fuq il-kundizzjonijiet tal-ħatra tiegħu, hija għandha twarrab il-leġiżlazzjoni Pollakka, kif interpretata b’mod partikolari mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), li tipprojbixxiha milli teżamina l-legalità ta’ din il-ħatra u tobbligaha tirrinvija dan l-eżami lill-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, sabiex twettaq hija stess l-imsemmi eżami u tislet, jekk ikun il-każ, il-konsegwenzi, billi tippronunzja r-rikuża tal-imħallef ikkonċernat.

58

Madankollu, għandu jiġi osservat li mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari mill-osservazzjonijiet ifformulati waqt is-seduta, jirriżulta li l-ħatriet irregolari għall-pożizzjonijiet ta’ mħallfin huma ta’ natura sistemika fil-Polonja. Fil-fatt, iktar minn 3000 imħallef, jiġifieri madwar 30 % tal-imħallfin ta’ dan l-Istat Membru, inħatru fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu, mingħajr ma l-kandidati esklużi mill-proċeduri ta’ ħatra kellhom rimedju effettiv kontra l-proposti tal-KRS. Barra minn hekk, diversi aspetti ta’ din ir-riforma diġà ġew deċiżi, permezz ta’ diversi sentenzi tal-Qorti EDB u tal-Qorti tal-Ġustizzja stess, bħala li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw, rispettivament, mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta.

59

F’dan ir-rigward, kif ġie indikat, essenzjalment, fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi fuq kull Stat Membru l-obbligu li jistabbilixxi u li jżomm sistema ġudizzjarja xierqa sabiex tiggarantixxi li l-istanzi li jaqgħu taħt din is-sistema u li għandhom kompetenza sabiex jiddeċiedu dwar rikorsi fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fosthom dik tal-indipendenza.

60

Issa, fid-dawl tan-natura sistemika tal-ħatriet irregolari, evalwazzjoni każ b’każ tal-osservanza tar-rekwiżit ta’ “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ rikuża bbażati fuq il-kundizzjonijiet ta’ ħatra tal-imħallfin ikkonċernati, ma tistax, bħala prinċipju, tkun suffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-osservanza sħiħa tar-rekwiżit, li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li l-kawżi li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni jiġu eżaminati minn qrati indipendenti.

61

Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-eżistenza ta’ ksur sistemiku jew iġġeneralizzat tal-indipendenza tal-ġudikatura nazzjonali li jirriżulta minn tali ħatriet irregolari tista’ wkoll tikkomprometti l-funzjonament tajjeb tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, li tikkostitwixxi komponent essenzjali tas-sistema stabbilita mit-Trattati sabiex il-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Royal Football Club Seraing, C‑600/23, EU:C:2025:617, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata), peress li tali ksur jikkomprometti serjament l-uniformità, il-koerenza u l-effett sħiħ ta’ dan id-dritt.

62

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat ukoll li l-Qorti EDB, meta ddeċidiet skont il-proċedura tas-sentenza pilota fis-sentenza tagħha tat‑23 ta’ Novembru 2023, Wałęsa vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2023:1123JUD005084921), iddeċidiet, essenzjalment, li l-problemi sistemiċi interkonnessi kkonstatati jeħtieġu min-naħa tal-Istat Pollakk miżuri leġiżlattivi u miżuri oħra xierqa intiżi sabiex jirrimedjaw il-problemi ta’ indipendenza ġudizzjarja marbuta mar-riformi f’dan l-Istat.

63

Għaldaqstant, sabiex, minn naħa, tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja tal-pubbliku fis-sistema ġudizzjarja u tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri u, min-naħa l-oħra, tiġi ggarantita l-kontinwità u l-effettività tal-funzjonament tal-ġustizzja, inkluża l-effettività tal-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li għandu jistabbilixxi qafas normattiv li jippermetti, fid-dawl tan-natura u tal-gravità tal-irregolaritajiet imwettqa matul il-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin, li jiġu evalwati l-possibbiltajiet għall-persuni maħtura b’mod irregolari fil-pożizzjonijiet ta’ mħallfin li jkomplu jeżerċitaw il-kariga tagħhom.

64

Madankollu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ma jimponix fuq l-Istati Membri mudell uniku sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u lanqas sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja fis-sistema ġudizzjarja mitlufa mill-pubbliku minħabba irregolaritajiet sistemiċi fil-ħatra għall-pożizzjonijiet ta’ mħallfin.

65

Għalhekk, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fir-rigward tal-kontenut konkret tal-qafas normattiv stabbilit għal dan l-għan, sakemm madankollu dan jiżgura, permezz ta’ kriterji oġġettivi, li huma biss il-persuni maħtura b’mod irregolari li għandhom garanziji suffiċjenti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità li jistgħu jkomplu jeżerċitaw il-kariga tagħhom.

66

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u l-ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali tiegħu li tinterpreta din il-leġiżlazzjoni b’tali mod li tagħti kompetenza esklużiva lil korp sabiex jiddeċiedi dwar talba għal rikuża ta’ mħallef ibbażata fuq il-kundizzjonijiet għall-ħatra tiegħu, filwaqt li ċċaħħad lil dan il-korp mill-possibbiltà li jeżamina tali talba jekk hija tikkontesta l-legalità tal-proċedura ta’ ħatra ta’ dan l-imħallef. Hija l-qorti nazzjonali adita b’tali talba għal rikuża li għandha teskludi l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, kif interpretata f’din il-ġurisprudenza, u li għandha teżamina hija stess il-legalità tal-ħatra tal-istess mħallef, b’mod partikolari billi tivverifika li dan tal-aħħar jissodisfa r-rekwiżit ta’ “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, u, jekk ikun il-każ, billi tiddeċiedi r-rikuża tal-istess imħallef jekk l-eventwali irregolaritajiet li bihom hija vvizzjata din il-ħatra jimplikaw ksur ta’ dan ir-rekwiżit.

Fuq l‑ewwel domanda

67

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li jiġi kklassifikat bħala “qorti indipendenti u imparzjali” kulleġġ ġudikanti li fih jiltaqa’ mħallef uniku li jkun inħatar fil-pożizzjoni tiegħu wara proċedura ta’ ħatra kkaratterizzata mill-fatt li, fl-ewwel lok, il-kandidatura tiegħu ġiet irrakkomandata minn korp li ma huwiex indipendenti u, fit-tieni lok, il-parteċipanti l-oħra f’din il-proċedura ta’ ħatra ma kellhomx dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv sabiex jikkontestaw il-legalità tal-ħatra ta’ dan l-imħallef.

68

F’dan ir-rigward, kif imfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jirreferi għalih it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri, li ġie stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB, u fil-preżent affermat fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

69

Il-garanziji ta’ aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, b’mod partikolari dawk li jiddeterminaw il-kunċett kif ukoll il-kompożizzjoni tagħhom, jirrappreżentaw il-pedament tad-dritt għal smigħ xieraq. Il-verifika tal-punt dwar jekk, permezz tal-kompożizzjoni tagħha, istanza tikkostitwixxix tali qorti, meta jkun jidher fuq dan il-punt dubju serju, hija neċessarja għall-fiduċja li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom jispiraw fil-parti fil-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 113, u tat‑8 ta’ Mejju 2024, Asociaţia Forumul Judecătorilor din România (Assoċjazzjonijiet tal-Imħallfin), C‑53/23, EU:C:2024:388, punt 55).

70

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni jitolbu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, il-ħatra, it-tul tal-kariga kif ukoll ir-raġunijiet għal astensjoni, ta’ rikuża u ta’ tneħħija tal-membri tagħha, b’mod li jippermettu li jitneħħa kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà ta’ dik l-istanza fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi quddiemha (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 109, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Stħarriġ Ultra Vires tal-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Supremazija tad-Dritt tal-Unjoni), C‑448/23, EU:C:2025:975, punt 263).

71

F’dan ir-rigward, huwa importanti li l-imħallfin ikunu ħielsa minn indħil jew minn pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tagħhom. Ir-regoli applikabbli għall-istatus tal-imħallfin u għall-eżerċizzju tal-kariga tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jippermettu li tiġi eskluża mhux biss kull influwenza diretta, fil-forma ta’ istruzzjonijiet, iżda wkoll il-forom ta’ influwenza iktar indiretta li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati, u b’hekk jeskludu assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tagħhom li tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet f’kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 110, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Stħarriġ Ultra Vires tal-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Supremazija tad-Dritt tal-Unjoni), C‑448/23, EU:C:2025:975, punt 264).

72

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja, billi rreferiet għall-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, iddeċidiet li, għalkemm id-dritt għal “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi” jikkostitwixxi dritt awtonomu, dan tal-aħħar xorta waħda għandu rabtiet mill-qrib ħafna mal-garanziji ta’ “indipendenza” u ta’ “imparzjalità”. B’mod partikolari, konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri li jikkaratterizza l-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, l-indipendenza tal-qrati għandha tiġi żgurata fil-konfront tas-setgħat leġiżlattivi u dawk eżekuttivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 124 u 127 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punti 117 u 118 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krajowa Rada Sądownictwa (Żamma ta’ mħalllef fil-kariga), C‑718/21, EU:C:2023:1015, punt 47).

73

F’dan ir-rigward, ir-rekwiżit ta’ “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, għandu l-għan li jevita li l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja titħalla għad-diskrezzjoni tas-setgħa eżekuttiva u li jiżgura li dan il-qasam ikun irregolat minn liġi adottata mill-poter leġiżlattiv b’mod konformi mar-regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha. Din l-espressjoni tirrifletti b’mod partikolari l-prinċipju tal-Istat tad-dritt u tikkonċerna mhux biss il-bażi legali tal-eżistenza stess tal-qorti, iżda wkoll il-kompożizzjoni tas-sede f’kull kawża kif ukoll kull dispożizzjoni oħra tad-dritt intern li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha jirrendi irregolari l-parteċipazzjoni ta’ mħallef wieħed jew iktar fl-eżami tal-kawża, li jinkludi, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tal-qorti kkonċernata (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 129, u tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Stħarriġ Ultra Vires tal-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Supremazija tad-Dritt tal-Unjoni), C‑448/23, EU:C:2025:975, punt 265).

74

Għalhekk huwa neċessarju li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ħatra ta’ mħallfin ikunu tali li ma jkunux jistgħu joħolqu, f’moħħ il-partijiet f’kawża, dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati fil-konfront ta’ elementi esterni u n-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi kunfliġġenti, ladarba jinħatru l-partijiet ikkonċernati. Għal dan il-għan huwa importanti, b’mod partikolari, li dawn il-kundizzjonijiet u modalitajiet jitfasslu b’mod li jissodisfaw ir-rekwiżiti mfakkar fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75

Fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tal-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin, il-Qorti tal-Ġustizzja, billi rreferiet għall-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, iddeċidiet ukoll li, fid-dawl tal-konsegwenzi fundamentali li dan il-proċess għandu għall-funzjonament tajjeb u għal-leġittimità tas-setgħa ġudizzjarja fi Stat demokratiku rregolat mill-Istat tad-dritt, tali proċess jikkostitwixxi neċessarjament element inerenti għall-kunċett ta’ “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Għalhekk, l-indipendenza ta’ qorti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, titkejjel, b’mod partikolari, bil-mod kif inħatru l-membri tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata; tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krajowa Rada Sądownictwa (Żamma ta’ mħalllef fil-kariga), C‑718/21, EU:C:2023:1015, punt 60).

76

Madankollu, mhux kwalunkwe żball li jista’ jseħħ matul il-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallef huwa tali li jqajjem dubju dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dan l-imħallef u, għaldaqstant, dwar il-kwalità ta’ “qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, ta’ kulleġġ ġudikanti li fih dan l-imħallef ikun sedenti (sentenzi tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 123, u tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Stħarriġ Ultra Vires tal-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Supremazija tad-Dritt tal-Unjoni), C‑448/23, EU:C:2025:975, punt 267).

77

Hija ġurisprudenza stabbilita li irregolarità mwettqa waqt il-ħatra ta’ mħallef jew ta’ mħallfin fi ħdan is-sistema ġudizzjarja kkonċernata twassal għal ksur tar-rekwiżit ta’ “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi” meta, b’mod partikolari, din l-irregolarità tkun ta’ natura u ta’ gravità tali li toħloq riskju reali li fergħat oħra tal-poter, b’mod partikolari l-eżekuttiv, ikunu jistgħu jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali indebita li tipperikola l-integrità tar-riżultat li jwassal għalih il-proċess ta’ ħatra u li b’hekk toħloq dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallef jew tal-imħallfin ikkonċernati. Dan huwa l-każ meta inkwistjoni jkun hemm ir-regoli fundamentali li jiffurmaw parti integrali mill-istabbiliment u l-funzjonament ta’ din is-sistema ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 130, kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2024, Valančius, C‑119/23, EU:C:2024:653, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78

Konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur tar-rekwiżit ta’ “qorti stabbilita minn qabel mil-liġi” u l-konsegwenzi ta’ tali ksur hija suġġetta għal evalwazzjoni globali ta’ ċertu numru ta’ elementi, li, meqjusa flimkien, jikkontribwixxu sabiex joħolqu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dubji leġittimi fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imħallfin (sentenzi tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Stħarriġ Ultra Vires tal-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Supremazija tad-Dritt tal-Unjoni), C‑448/23, EU:C:2025:975, punt 269).

79

F’dan il-każ, fid-dawl tal-konstatazzjoni magħmula fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, hija għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, il-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi, fid-dawl tal-prinċipji kollha mfakkra fil-punti 68 sa 75 tal-istess sentenza, u wara li wettqet l-evalwazzjonijiet meħtieġa għal dan l-għan, dwar jekk il-kundizzjonijiet kollha li fihom seħħet il-ħatra tal-Imħallef S. C. u, b’mod partikolari, l-eventwali irregolaritajiet li twettqu fil-kuntest tal-proċedura ta’ ħatra tagħha, humiex ta’ natura li jwasslu għall-konklużjoni li dik il-qorti ma tistax titqies li hija “qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

80

Fil-fatt, l-Artikolu 267 TFUE ma jawtorizzax lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari, iżda jawtorizzaha biss tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti mwettqa mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, abbażi tal-elementi tal-proċess għad-dispożizzjoni tagħha, tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għaliha fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dispożizzjoni jew oħra tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 132 u 133 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

81

Fir-rigward tal-elementi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u b’mod iktar partikolari, fl-ewwel lok, tal-fatt li l-kandidatura tal-Imħallef S. C. ġiet irrakkomandata mill-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-punt 23 ta’ din is-sentenza, li l-KRS jikkostitwixxi, skont il-Kostituzzjoni, korp essenzjali tal-awtonomija tas-setgħa ġudizzjarja, inkarigat li jiggarantixxi l-indipendenza tal-imħallfin u tal-qrati.

82

Issa, fir-rigward tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li l-mandat pendenti ta’ wħud mill-membri li sa dak iż-żmien kienu jifformaw il-KRS, ta’ tul ta’ erba’ snin previst fl-Artikolu 187(3) tal-Kostituzzjoni, kien tqassar u l-fatt li, wara l-emendi magħmula għal-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura li wasslu għal-Liġi dwar il-KRS, il-ħmistax-il membru tal-KRS li għandhom il-kwalità ta’ mħallfin u li qabel kienu eletti mill-kollegi tagħhom ġew maħtura minn fergħa tas-setgħa leġiżlattiva Pollakka, bil-konsegwenza li 23 mill-25 membru li jifformaw il-KRS f’din il-kompożizzjoni l-ġdida nħatru mill-poter eżekuttiv u leġiżlattiv Pollakk jew huma membri ta’ dawn is-setgħat, setgħu joħolqu dubji leġittimi fir-rigward tal-indipendenza u tar-rwol tal-KRS fil-proċess ta’ ħatra li kellu jwassal għall-ħatriet għal pożizzjonijiet ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punti 104, 105 u 108, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 146 u 150).

83

Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-fatt li l-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu ma jippreżentax garanziji ta’ indipendenza suffiċjenti sabiex jitneħħa kull dubju leġittimu dwar ir-regolarità tal-proċeduri ta’ ħatra ta’ mħallfin li fihom huwa jintervjeni ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex jiġi konkluż li kien hemm ksur tar-rekwiżiti inerenti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

84

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-assenza ta’ dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv għall-parteċipanti fil-proċedura ta’ ħatra kkonċernata, peress li r-rikors tagħhom huwa possibbli biss quddiem l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, li min-naħa tagħha hija komposta minn imħallfin maħtura fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu, għandu jitfakkar li, fil-punt 77 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krajowa Rada Sądownictwa (Żamma ta’ mħalllef fil-kariga) (C-718/21, EU:C:2023:1015), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, li, meqjusa flimkien, l-elementi kemm sistemiċi kif ukoll ċirkustanzjali li kkaratterizzaw il-ħatra, fi ħdan dan il-korp, tal-imħallfin inizjalment maħtura f’din l-awla għandhom bħala konsegwenza li din ma għandhiex il-kwalità ta’ “qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, AW T, C‑225/22, EU:C:2025:649, punti 49 u 50).

85

Barra minn hekk, b’estensjoni ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, f’diversi digrieti, abbażi tal-istess motivi, l-inammissibbiltà ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi komposta, kompletament jew parzjalment, minn membri maħtura taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza (digrieti tad‑9 ta’ April 2024, T. (Programmi awdjoviżivi għat-tfal), C‑22/22, EU:C:2024:313; tal‑15 ta’ Mejju 2024, Rzecznik Finansowy, C‑390/23, EU:C:2024:419; tad‑29 ta’ Mejju 2024, Prokurator Generalny (Appell straordinarju Pollakk II), C‑43/22, EU:C:2024:459; tad‑29 ta’ Mejju 2024, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikors straordinarju Pollakk), C‑720/21, EU:C:2024:489, u tal‑21 ta’ Ġunju 2024, Kancelaria B., C‑810/23, EU:C:2024:543).

86

Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, fiż-żmien tal-ħatra tal-Imħallef S. C., li matulha seta’ jiġi ppreżentat ir-rikors quddiem l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, l-Imħallfin kollha sedenti f’din l-awla kienu nħatru fiċ-ċirkustanzi li ġew eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krajowa Rada Sądownictwa (Żamma ta’ mħallef fil-kariga) (C‑718/21, EU:C:2023:1015), u li wasslu għall-konstatazzjoni, imfakkra fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, li l-imsemmija awla ma għandhiex il-kwalità ta’ “qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”.

87

Għalhekk, bla ħsara għall-evalwazzjonijiet li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, ir-rikors li jista’ jiġi ppreżentat quddiem l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi ma jistax jitqies li huwa effettiv, peress li tressaq quddiem qorti li l-membri tagħha ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

88

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-assenza, għall-parteċipanti fil-proċedura ta’ ħatra kkonċernata, ta’ dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex jitqies li l-imħallef inkwistjoni ma huwiex “stabbilit minn qabel bil-liġi”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja, ċertament, iddeċidiet li l-assenza eventwali ta’ possibbiltà li jiġi eżerċitat rimedju ġudizzjarju fil-kuntest ta’ proċess ta’ ħatra għal pożizzjonijiet ta’ mħallef ta’ qorti suprema nazzjonali tista’, f’ċerti każijiet, ma tkunx problematika fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Madankollu, is-sitwazzjoni hija differenti f’ċirkustanzi fejn l-elementi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw tali proċess f’kuntest ġuridiku u fattwali nazzjonali partikolari, u, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li fihom isseħħ f’daqqa t-tneħħija tal-possibbiltajiet ta’ rimedju ġudizzjarju eżistenti sa dak iż-żmien, huma ta’ natura li jistgħu joħolqu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dubji ta’ natura sistemika fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imħallfin maħtura fi tmiem dan il-proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 129).

89

F’dan il-każ, ma jistax, għaldaqstant, jitqies li l-assenza ta’ tali rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ħatra ta’ S. C. għall-kariga ta’ imħallef, meħuda waħedha, hija suffiċjenti sabiex tiġi ppronunzjata r-rikuża tagħha.

90

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi evalwat jekk iż-żewġ ċirkustanzi li huma s-suġġett tal-ewwel domanda, ikkunsidrati flimkien, jippermettux li jiġi konkluż li l-imsemmija mħallef ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

91

F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, u kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk l-imħallfin jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità u jikkostitwixxux “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ma għandhomx jiġu eżaminati biss l-elementi relatati mal-proċedura ta’ ħatra tagħhom, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll elementi kuntestwali rilevanti oħra, billi ssir evalwazzjoni globali tal-elementi kollha madwar il-ħatra tagħhom (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 132).

92

Issa, kif jirriżulta mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel lok, l-Imħallef S. C. kienet teżerċita l-kariga ta’ assistent prinċipali ta’ imħallef fis-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań). Fit-tieni lok, il-kulleġġ ta’ dik il-qorti reġjonali u l-assemblea tar-rappreżentanti tal-membri tal-ġudikatura tal-qrati distrettwali li jaqgħu taħt l-imsemmija qorti reġjonali taw opinjoni favorevoli għall-kandidatura tagħha. Fit-tielet lok, il-kandidati l-oħra għall-proċedura ta’ ħatra ma kkontestawx il-ħatra ta’ din l-imħallef. Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju ma semmiet ebda indizju rilevanti ieħor dwar iċ-ċirkustanzi madwar l-imsemmija ħatra, li seta’, għall-finijiet tal-eżami msemmi fil-punt 91 ta’ din is-sentenza, jikkontribwixxi sabiex jitnisslu dubji leġittimi f’moħħ il-partijiet fil-kawża dwar l-impermeabbiltà tal-istess qorti fir-rigward ta’ elementi esterni.

93

Għalhekk, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li f’dan il-każ tista’ tiġi kkonstatata ċirkustanza oħra ta’ fatt u ta’ liġi ta’ natura li tikkontesta l-indipendenza jew l-imparzjalità ta’ dik il-qorti.

94

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li jiġi kklassifikat bħala “qorti indipendenti u imparzjali” kulleġġ ġudikanti li fih jiltaqa’ mħallef uniku li jkun inħatar fil-pożizzjoni tiegħu wara proċedura ta’ ħatra kkaratterizzata mill-fatt li, fl-ewwel lok, il-kandidatura ta’ dan l-imħallef ġiet irrakkomandata minn korp li ma jippreżentax garanziji ta’ indipendenza suffiċjenti sabiex jitneħħa kull dubju leġittimu f’moħħ il-partijiet fil-kawża dwar ir-regolarità tal-proċeduri ta’ ħatra ta’ mħallfin li fihom jintervjeni dan il-korp u, fit-tieni lok, il-parteċipanti f’din il-proċedura ta’ ħatra ma kellhomx dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, fl-assenza ta’ elementi rilevanti oħra li jikkonċernaw il-kuntest madwar l-imsemmija proċedura li jkunu ta’ natura u ta’ gravità tali li, meħuda flimkien, jistgħu jikkontestaw l-indipendenza jew l-imparzjalità tal-imsemmi mħallef.

Fuq l‑ispejjeż

95

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u l-ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali tiegħu li tinterpreta din il-leġiżlazzjoni b’tali mod li tagħti kompetenza esklużiva lil korp sabiex jiddeċiedi dwar talba għal rikuża ta’ mħallef ibbażata fuq il-kundizzjonijiet għall-ħatra tiegħu, filwaqt li ċċaħħad lil dan il-korp mill-possibbiltà li jeżamina tali talba jekk hija tikkontesta l-legalità tal-proċedura ta’ ħatra ta’ dan l-imħallef. Hija l-qorti nazzjonali adita b’tali talba għal rikuża li għandha teskludi l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, kif interpretata f’din il-ġurisprudenza, u li għandha teżamina hija stess il-legalità tal-ħatra tal-istess mħallef, b’mod partikolari billi tivverifika li dan tal-aħħar jissodisfa r-rekwiżit ta’ “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, u, jekk ikun il-każ, billi tiddeċiedi r-rikuża tal-istess imħallef jekk l-eventwali irregolaritajiet li bihom hija vvizzjata din il-ħatra jimplikaw ksur ta’ dan ir-rekwiżit.

 

2)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux li jiġi kklassifikat bħala “qorti indipendenti u imparzjali” kulleġġ ġudikanti li fih jiltaqa’ mħallef uniku li jkun inħatar fil-pożizzjoni tiegħu wara proċedura ta’ ħatra kkaratterizzata mill-fatt li, fl-ewwel lok, il-kandidatura ta’ dan l-imħallef ġiet irrakkomandata minn korp li ma jippreżentax garanziji ta’ indipendenza suffiċjenti sabiex jitneħħa kull dubju leġittimu f’moħħ il-partijiet fil-kawża dwar ir-regolarità tal-proċeduri ta’ ħatra ta’ mħallfin li fihom jintervjeni dan il-korp u, fit-tieni lok, il-parteċipanti f’din il-proċedura ta’ ħatra ma kellhomx dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, fl-assenza ta’ elementi rilevanti oħra li jikkonċernaw il-kuntest madwar l-imsemmija proċedura li jkunu ta’ natura u ta’ gravità tali li, meħuda flimkien, jistgħu jikkontestaw l-indipendenza jew l-imparzjalità tal-imsemmi mħallef.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.