SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

8 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 2(b) – Kunċett ta’ ‘konsumatur’ – Kuntratt dwar l-affiljazzjoni ma’ sistema ta’ lealtà li tippermetti li jinkisbu ċerti vantaġġi finanzjarji mix-xiri ta’ oġġetti u servizzi mingħand negozjanti terzi”

Fil-Kawża C‑455/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Olt (il-Qorti tal-Kontea ta’ Olt, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Mejju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Lulju 2021, fil-kawża

OZ

vs

Lyoness Europe AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, D. Gratsias, M. Ilešič, I. Jarukaitis u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal OZ, minnu nnifsu,

għal Lyoness Europe AG, minn R. Boanţă, M. Doibani, I. Palenciuc, I. Postolachi u I. Stănciulescu, avocați,

għall-Gvern Rumen, minn E. Gane u L. Liţu, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Greco, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Boitos u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn OZ u Lyoness Europe AG dwar ċerti klawżoli fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratt li jirrigwardaw l-affiljazzjoni ma’ skema ta’ lealtà li tippermetti li jinkisbu ċerti vantaġġi finanzjarji mix-xiri ta’ beni u servizzi mingħand negozjanti terzi.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 93/13

3

Il-ħames, is-sitt u l-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13 jiddikjaraw:

“Billi, ġeneralment, il-konsumaturi ma jkunux jafu r-regoli tal-liġi li, fi Stati Membri li ma jkunux tagħhom stess, jiggwidaw kuntratti għall-bejgħ ta’ merkanzija jew servizzi; billi dan in-nuqqas ta’ kuxjenza jista’ jżommhom lura minn transazzjonijiet diretti għax-xiri ta’ merkanzija jew servizzi fi Stat Membru ieħor;

Billi, biex jitħaffef l-istabbiliment tas-suq intern u biex jiġi salvagwardat iċ-ċittadin fir-rwol tiegħu bħala konsumatur meta jakkwista merkanzija u servizzi b’kuntratti li jkunu rregolati mil-liġijiet ta’ l-Istati Membri mhux tiegħu stess, huwa essenzali li jitneħħew klawżoli inġusti minn dawn il-kuntratti;

[…]

Billi tista’ tinkiseb protezzjoni aktar effettiva tal-konsumatur billi jiġu adottati regoli tal-liġi uniformi fil-kwistjoni ta’ klawżoli inġusti; billi dawk ir-regoli għandhom jgħoddu għall-kuntratti kollha konklużi bejn il-bejjiegħa jew il-fornituri u l-konsumaturi; billi bħala riżultat kuntratti inter alia relatati ma’ l-impieg, kuntratti relatati mad-drittijiet tas-suċċessjoni, kuntratti relatati mad-drittijiet taħt il-liġi tal-familja u kuntratti relatati ma’ l-inkorporazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ kumpaniji jew ftehim ta’ sħubija għandhom jiġu esklużi minn din id-Direttiva”.

4

Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat bil-mod kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(b)

‘konsumatur’ tfisser kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

(ċ)

‘bejjiegħ jew fornitur’ tfisser kull persuna naturali jew legali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet relatati mas-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha, sew jekk proprjetà pubblika u sew jekk propjetà privata.”

6

L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jipprevedi li “[k]lawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur”.

7

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-konsumatur ma jitlifx il-protezzjoni mogħtija minn din id-Direttiva bis-saħħa ta’ l-għażla tal-liġi ta’ pajjiż li ma jkunx membru bħala l-liġi applikabbli għall-kuntratt jekk dan ta’ l-aħħar ikollu konnessjoni mill-qrib mat-territorju ta’ l-Istati Membri.”

Ir‑Regolament Ruma I

8

Il-premessi 7 u 25 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”) jiddikjaraw:

“(7)

L-ambitu sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42)] […]

[…]

(25)

Il-konsumaturi għandhom ikunu protetti minn regoli bħal dawn, tal-pajjiż tar-residenza abitwali tagħhom, li minnhom ma tistax issir deroga bi ftehim, sakemm il-kuntratt konsumistiku ġie konkluż b’riżultat ta’ l-eżerċizzju mill-professjonist ta’ l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tiegħu f’dak il-pajjiż partikolari. […]”

9

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Libertà ta’ l-għażla”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet. […]”

10

Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kuntratti ta’ konsum”:

“1.   Bla ħsara għall-Artikoli 5 u 7, kuntratt konkluż minn persuna fiżika għal skop li jista’ jitqies bħala mhux relatat mas-sengħa jew professjoni tagħha (‘il-konsumatur’), ma’ persuna oħra li taġixxi fl-eżerċizzju tas-sengħa jew professjoni tagħha (‘il-professjonist’) għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, bil-kondizzjoni li:

(a)

il-professjonist jeżerċita l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tiegħu fil-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, jew

(b)

bi kwalunkwe mezz, jindirizza dawn l-attivitajiet lejn dak il-pajjiż jew lejn diversi pajjiżi inkluż dak il-pajjiż,

u li l-kuntratt jaqa’ fl-ambitu ta’ dawn l-attivitajiet.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għal kuntratt li tissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 1, skond l-Artikolu 3. Tali għażla, madankollu, ma tistax twassal sabiex iċċaħħad lill-konsumatur mill-protezzjoni mogħtija lilu minn dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim taħt il-liġi li, fin-nuqqas ta’ l-għażla, kienet tkun applikabbli abbażi tal-paragrafu 1.

[…]”

Id‑dritt Rumen

11

Id-Direttiva 93/13 ġiet trasposta fid-dritt Rumen permezz tal-Legea nr. 193/2000 privind clauzele abuzive din contractele încheiate între comercianți și consumatori (il-Liġi Nru 193/2000 dwar il-klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn kummerċjanti u konsumaturi) tas‑6 ta’ Novembru 2000 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 560 tal‑10 ta’ Novembru 2000), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 193/2000”).

12

Skont l-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 193/2000:

“1.   Kull kuntratt bejn kummerċjant u konsumatur għall-bejgħ ta’ oġġetti jew għall-provvista ta’ servizzi għandu jkollu klawżoli kuntrattwali ċari, mhux ekwivoċi u li ma jeħtiġux għarfien speċifiku sabiex jinftiehmu.

2.   F’każ ta’ dubju dwar l-interpretazzjoni ta’ klawżoli kuntrattwali, dawn tal-aħħar għandhom jiġi interpretati favur il-konsumatur.

3.   Il-kummerċjanti huma pprojbiti milli jinkludu klawżoli inġusti fil‑kuntratti mal-konsumaturi.”

13

L-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 193/2000 jipprevedi:

“1.   ‘Konsumatur’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew kwalunkwe grupp ta’ persuni fiżiċi li jifformaw assoċjazzjoni li, fil-kuntest ta’ kuntratt li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, taġixxi għal finijiet li jmorru lil hinn mill-attivitajiet kummerċjali, industrijali jew ta’ produzzjoni, artiġjanali jew professjonali tagħha.

2.   ‘Kummerċjant’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika awtorizzata sabiex, fil-kuntest ta’ kuntratt li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, taġixxi għall-finijiet tal-attivitajiet kummerċjali, industrijali jew ta’ produzzjoni, artiġjanali jew professjonali tagħha, kif ukoll kwalunkwe persuna li taġixxi għall-istess finijiet f’isem jew bħala rappreżentant ta’ din il-persuna.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

14

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, OZ, huwa persuna fiżika u inġinier mekkaniku. Huwa ma jeżerċitax attivitajiet kummerċjali f’kapaċità professjonali.

15

OZ ikkonkluda mal-konvenut fil-kawża prinċipali, Lyoness Europe, kuntratt ta’ adeżjoni mas-sistema Lyoness (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ adeżjoni”). Is-sistema Lyoness tippermetti li jitgawdew, fost oħrajn, kundizzjonijiet favorevoli ta’ xiri, fil-forma ta’ rimborsi fuq xirjiet, kummissjonijiet u vantaġġi promozzjonali oħra. Fil-qafas ta’ din is-sistema, il-“klijenti leali” huma intitolati jixtru oġġetti jew servizzi mingħand kummerċjanti f’relazzjoni kuntrattwali mal-konvenut fil-kawża prinċipali. Il-membri tal-imsemmija sistema jistgħu wkoll jaġixxu bħala intermedjarji fid-dawl tal-adeżjoni ta’ persuni oħra ma’ din tal-aħħar. Skont il-kuntratt ta’ adeżjoni, id-dritt li japplika għar-relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali huwa d-dritt Svizzeru.

16

Billi qies li diversi klawżoli fil-kuntratt ta’ adeżjoni, intitolat “Kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ għall-klijenti ta’ Lyoness” (fil-verżjoni tiegħu tax-xahar ta’ Novembru 2009), kif ukoll fl-anness ta’ dan tal-aħħar, intitolat “Rifużjonijiet Lyoness u modalitajiet ta’ pagament), kienu “inġusti” fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Liġi Nru 193/2000, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali adixxa lill-Judecătoria Slatina (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Slatina, ir-Rumanija) sabiex din tal-aħħar tikkonstata li dawn il-klawżoli huma pprojbiti skont din id-dispożizzjoni.

17

Permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2020, il-Judecătoria Slatina (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Slatina) ċaħdet l-azzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, minħabba li l-kuntratt ta’ adeżjoni ma kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi Nru 193/2000 u li, b’mod partikolari, dan ir-rikorrent ma ssodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jitqies bħala “konsumatur” fis-sens ta’ din il-liġi.

18

Din il-qorti ddeċidiet li, skont il-kuntratt ta’ adeżjoni, il-konvenuta fil-kawża prinċipali u s-sieħba tagħha jikkostitwixxu “assoċjazzjoni għall-finijiet ta’ provvista internazzjonali”, li fi ħdanha l-parteċipanti setgħu jibbenefikaw minn kundizzjonijiet favorevoli ta’ xiri, fil-forma ta’ rimborsi, kummissjonijiet u vantaġġi oħra, billi l-kunsinna ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi kienu żgurati b’mod dirett mis-sieħba kummerċjali f’relazzjoni kuntrattwali mal-konvenuta fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, hija qieset li, permezz tas-servizzi tagħha, il-konvenuta fil-kawża prinċipali llimitat ruħha li taġixxi bħala intermedjarju fir-rigward tas-servizzi ta’ kull sieħeb kummerċjali, li parzjalment tevalwa dawn is-servizzi u li tordna l-“kupuni Lyoness” li jippermettu x-xiri ta’ oġġetti u servizzi mingħand dawn is-sieħba kummerċjali. Fl-aħħar nett, fil-fehma tal-Judecătoria Slatina (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Slatina), il-partijiet fil-kawża prinċipali kisbu mingħand xulxin vantaġġi finanzjarji fil-qafas tal-kuntratt ta’ adeżjoni.

19

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta appell mis-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2020 quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa jsostni li l-kuntratt ta’ adeżjoni jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi Nru 193/2000 u tad-Direttiva 93/13. Huwa jippreċiża li, fil-qafas ta’ dan il-kuntratt, huwa ma aġixxiex bi skop marbut ma’ “attivitajiet kummerċjali, industrijali jew ta’ produzzjoni, artiġjanali jew professjonali”, fis-sens ta’ din il-liġi u li huwa, fl-ebda mument, ma eżerċita tali attivitajiet f’kapaċità professjonali. Huwa jżid jgħid li ma teżistix “assoċjazzjoni għall-finijiet ta’ provvista internazzjonali” fis-sens tal-imsemmi kuntratt, billi din l-assoċjazzjoni ma għandhiex ħlief kumpanniji kummerċjali bħala soċji, jiġifieri l-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-kumpanniji msieħba u l-imsieħba kummerċjali ta’ din tal-aħħar. Il-“klijenti leali” għandhom id-dritt li jipparteċipaw fl-imsemmija assoċjazzjoni biss fir-rigward tax-xiri ta’ oġġetti u ta’ servizzi mingħand dawn is-sieħba kummerċjali. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni wkoll li mill-kuntratt ta’ adeżjoni ma jirriżultax li dan jistipula xi kummissjonijiet, tnaqqis jew vantaġġi finanzjarji oħra favur il-konvenuta fil-kawża prinċipali u li, bħala persuna fiżika, li ma aġixxietx għal finijiet marbuta mal-attività professjonali tagħha, huwa lanqas ma kellu l-possibbiltà li joffri vantaġġi finanzjarji lil din tal-aħħar. Barra minn hekk, l-eżerċizzju ta’ tali attività jitlob, qabelxejn, li jinkisbu l-awtorizzazzjonijiet u r-reġistrazzjonijiet previsti f’dan ir-rigward.

20

Fil-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma għandux il-kwalità ta’ “konsumatur” fis-sens tal-Liġi Nru 193/2000. Hija tqis li, konformement mal-funzjonament tas-sistema Lyoness, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jeżerċita l-attività ekonomika tiegħu, b’mod indipendenti u sistematiku, bir-riżorsi soċjali u finanzjarji tiegħu. B’hekk, fil-fehma tagħha, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa involut f’attivitajiet kummerċjali bl-iskop li jikseb benefiċċji fil-forma ta’ “dħul passiv” u ma jfittixx li, b’mod esklużiv, jikseb tnaqqis. Barra minn hekk, il-konvenuta fil-kawża prinċipali sostniet li l-affiljazzjoni mas-sistema Lyoness hija mingħajr ħlas u li l-attività sussegwenti ta’ membri fil-kuntest ta’ din is-sistema ma hija suġġetta għall-ebda ħlas. Hija tippreċiża li s-somom ta’ flus iddepożitati mill-membri tal-imsemmija sistema jammontaw għal ħlasijiet minn qabel tax-xirjiet futuri tagħhom u li l-uniku obbligu tagħhom huwa li jużaw dawn is-somom fil-kuntest tal-iskema ta’ lealtà, kif ukoll li jagħmlu x-xirjiet tagħhom mingħand is-sieħba kummerċjali tagħha. Is-sistema Lyoness u l-membri tagħha jifformaw komunità ta’ xerrejja bil-għan li jinkisbu benefiċċji reċiproċi. Fil-fehma tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kiseb vantaġġi marbuta mal-affiljazzjoni tiegħu mas-sistema Lyoness, jiġifieri rimborsi fuq ix-xirjiet tiegħu, vantaġġi estiżi fuq ix-xirjiet tal-membri rrakkomandati (“friendship bonus”) u vantaġġi mogħtija mill-istatus ta’ membru.

21

Il-qorti tar-rinviju ma taqbilx mal-mod kif il-kwalità ta’ “konsumatur” tar-rikorrent fil-kawża prinċipali fis-sens tal-Liġi Nru 193/2000 ġiet interpretata fis-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2020.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Cluj (il-Qorti tal-Kontea ta’ Olt, ir-Rumanija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-Artikolu 2(b) tad-[Direttiva 93/13] għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika li teżerċita l-professjoni ta’ inġinier mekkaniku u li tispeċjalizza fil-makkinarju idrawliku u pnewmatiku (u li ma twettaq l-ebda attività kummerċjali f’kapaċità professjonali, b’mod partikolari ma tinvolvix ruħha fix-xiri ta’ oġġetti u servizzi għall-bejgħ mill-ġdid u/jew attivitajiet ta’ intermedjar), u li tikkonkludi kuntratt ta’ adeżjoni ma’ kumpannija kummerċjali (bejjiegħ jew fornitur) permezz ta’ liema din il-persuna fiżika għandha d-dritt li tipparteċipa f’assoċjazzjoni għall-provvista ma’ din il-kumpannija kummerċjali fil-forma tas-sistema Lyoness (sistema li twiegħed il-ksib ta’ dħul ekonomiku fil-forma ta’ rimborsi fuq xiri, kummissjonijiet u benefiċċji promozzjonali oħra), għax-xiri ta’ oġġetti u servizzi mingħand kummerċjanti f’relazzjoni kuntrattwali ma’ din il-kumpannija (imsejħa ‘msieħba fil-kummerċ ma’ Lyoness’), u sabiex taġixxi bħala intermedjarja fis-sistema Lyoness ma’ persuni [oħra] (imsejħa ‘klijenti leali potenzjali’), tista’ tiġi kkunsidrata bħala ‘konsumatur’ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minkejja l-klawżola kuntrattwali li tgħid li r-relazzjoni kuntrattwali bejn Lyoness u l-klijent hija rregolata esklużivament mid-dritt Svizzeru, irrispettivament mill-pajjiż ta’ residenza tal-klijent, sabiex il-konsumatur ikun protett b’mod effettiv?

(2)

L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li hija parti f’kuntratt ma’ bejjiegħ jew fornitur li għandu skop doppju, jiġifieri, [fejn] il-kuntratt huwa konkluż għal finijiet li parzjalment jaqgħu fl-attività kummerċjali, industrijali jew fil-professjoni ta’ din il-persuna fiżika u li parzjalment jibqgħu barra minn din l-attività, u li l-iskop kummerċjali, industrijali jew professjonali ta’ din il-persuna fiżika ma għandux piż predominanti fil-kuntest ġenerali tal-kuntratt, tista’ titqies bħala ‘konsumatur’ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?

(3)

Fil-każ li r-risposta għad-domanda preċedenti hija fl-affermattiv, liema huma l-kriterji ewlenin li bihom jista’ jiġi ddeterminat jekk l-iskop kummerċjali, industrijali jew professjonali ta’ din il-persuna fiżika għandux piż predominanti fil-kuntest ġenerali tal-kuntratt jew le?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ammissibbiltà

23

Il-Gvern Rumen għandu dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju, fit-talba tagħha, fissret il-fatti tal-kawża prinċipali fil-qosor ħafna, bi ksur tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, din it-talba ma kellhiex l-informazzjoni neċessarja sabiex dawn il-fatti jkunu jistgħu jinftiehmu sew u l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli għad-domandi magħmula u l-partijiet u l-persuni interessati jippreżentaw osservazzjonijiet rilevanti.

24

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li bis-saħħa tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li dawn jeħtieġu għas-soluzzjoni tat-tilwima li huma jkunu ntalbu jiddeċiedu (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 44, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ibbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet tal-qrati nazzjonali u dawk tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali, kif ukoll li tiddetermina l-portata eżatta tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi nazzjonali. Hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li hija awtorizzata tagħti deċiżjonijiet dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali u legali kif deskritta mill-qorti tar-rinviju, sabiex tagħti lil din tal-aħħar l-informazzjoni utli għas-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemha (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Benedetti Pietro e Angelo et, C‑377/19, EU:C:2022:4 punt 37, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

Peress li d-domanda għal deċiżjoni preliminari sservi ta’ bażi għall-imsemmija proċedura, il-qorti nazzjonali hija mitluba tfisser, f’din id-domanda stess, il-kuntest fattwali u regolamentari tal-kawża prinċipali u tagħti l-ispjegazzjonijiet neċessarji dwar ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija titlob l-interpretazzjoni tagħhom, kif ukoll dwar ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima mressqa quddiemha (ara, f’dan is-sens, fost oħrajn, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, C.F. (Kontroll fiskali),C‑430/19, EU:C:2020:429, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Dawn ir-rekwiżiti kumulattivi li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jinsabu b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tosserva bir-reqqa (digriet tat‑3 ta’ Lulju 2014, Talasca,C‑19/14, EU:C:2014:2049, punt 21, kif ukoll is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Toplofikatsia Sofia et, C‑208/20 u C‑256/20, EU:C:2021:719, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn huma mfakkra wkoll fil-punti 13, 15 u 16 tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1).

28

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju, permezz tal-ewwel domanda tagħha, tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 u, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni jekk persuna fiżika li tkun ikkonkludiet kuntratt ta’ adeżjoni ma’ sistema implimentata minn kumpannija kummerċjali li tippermetti, fost oħrajn, li jinkisbu ċertu vantaġġi finanzjarji mix-xiri ta’ oġġetti jew servizzi mingħand is-sieħba kummerċjali ta’ din il-kumpannija tistax titqies bħala “konsumatur” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni fil-kuntest ta’ tilwima li fiha r-rikorrent fil-kawża prinċipali jinvoka n-natura inġusta, fis-sens ta’ din id-direttiva, ta’ diversi klawżoli f’dan il-kuntratt ta’ adeżjoni, b’mod partikolari dik li tindika d-dritt Svizzeru bħala l-liġi applikabbli.

29

B’hekk, l-ewwel domanda tirrigwarda, essenzjalment, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13. Din id-domanda hija għalhekk rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

30

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkonstata, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, anki jekk fi ftit kliem, elementi fattwali li jistgħu jitqiesu li huma biżżejjed sabiex tingħata risposta utli għall-ewwel domanda fil-kuntest partikolari ta’ kuntratt ta’ adeżjoni ma’ sistema bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

31

Għalhekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli sa fejn tikkonċerna l-ewwel domanda.

32

Mill-banda l-oħra, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma għandhiex biżżejjed elementi u raġunijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, permezz tagħhom, tagħti risposta utli għat-tieni u t-tielet domanda.

33

Fil-fatt, dawn iż-żewġ domandi jikkonċernaw “kuntratt bi skop doppju” konkluż bejn persuna fiżika u kummerċjant, li huwa intiż, parzjalment, għall-użu marbut mal-attività professjonali ta’ din il-persuna fiżika u, parzjalment biss, għal użu li jmur lil hinn minn din l-attività professjonali, mingħajr ma t-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi elementi ta’ natura li jissuġġerixxu li l-qorti tar-rinviju għandha quddiemha kuntratt bħal dan. Għandu jiġi rrilevat ukoll li jidher li l-qorti tar-rinviju stess tqis li r-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa parti għal kuntratt li fil-kuntest tiegħu huwa jaġixxi għal finijiet li jmorru lil hinn mill-attivitajiet professjonali tiegħu. Barra minn hekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tagħtix spjegazzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 fil-kuntest ta’ “kuntratt bi skop doppju”.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tosservax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 94(a) u (c) tar-Regoli tal-Proċedura, sa fejn tikkonċerna t-tieni u t-tielet domanda.

35

Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies bħala inammissibbli sa fejn tikkonċerna t-tieni u t-tielet domanda.

Fuq il‑mertu

36

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika li tkun ikkonkludiet kuntratt ta’ adeżjoni ma’ sistema implimentata minn kumpannija kummerċjali li tippermetti, fost oħrajn, li jinkisbu ċertu vantaġġi finanzjarji mix-xiri ta’ oġġetti u ta’ servizzi mingħand is-sieħba kummerċjali ta’ din il-kumpannija taqa’ taħt il-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

37

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, il-kuntratt ta’ adeżjoni fih klawżola li tindika d-dritt Svizzeru bħala l-liġi applikabbli.

38

Dwar dan il-punt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma I jipprevedi li, fil-prinċipju, kuntratt ta’ konsum “għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu”. Madankollu, l-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament jippermetti, bħala prinċipju, l-użu ta’ klawżola dwar l-għażla tal-liġi applikabbli, bil-kundizzjoni li din l-għażla ma ċċaħħadx lill-konsumatur mill-protezzjoni li jiżgurawlu d-dispożizzjonijiet li minnhom wieħed ma jistax jidderoga permezz ta’ ftehim skont il-liġi li kienet tkun applikabbli fl-assenza tal-imsemmija għażla.

39

Konsegwentement, klawżola li tindika d-dritt ta’ pajjiż terz bħala l-liġi applikabbli għall-kuntratt ma tistax iċċaħħad lil konsumatur mill-protezzjoni li tiżguralu d-Direttiva 93/13. Għalhekk, f’każ ta’ klawżola bħal din, hija l-qorti nazzjonali li għandha tara li l-protezzjoni prevista fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Ruma I u fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 93/13 tkun żgurata.

40

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, iktar minn darba, li s-sistema ta’ protezzjoni implimentata mid-Direttiva 93/13 hija msejsa fuq l-idea li, imqabbel mal-kummerċjant, il-konsumatur jinsab f’pożizzjoni iktar dgħajfa, kemm fir-rigward tas-setgħa li jinnegozja kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, pożizzjoni li twasslu jaqbel mal-kundizzjonijiet imħejjija minn qabel mill-kummerċjant, mingħajr ma jista’ jkollu influwenza fuq il-kontenut tagħhom (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Costea,C‑110/14, EU:C:2015:538, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Fir-rigward ta’ din il-pożizzjoni iktar dgħajfa, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi. Din hija dispożizzjoni obbligatorja intiża sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali stabbilit mill-kuntratt bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ veru ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Ibercaja Banco,C‑600/19, EU:C:2022:394, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-konsumatur ma jiċċaħħadx mill-protezzjoni mogħtija minn din l-istess direttiva “bis-saħħa ta’ l-għażla tal-liġi ta’ pajjiż li ma jkunx membru bħala l-liġi applikabbli għall-kuntratt jekk dan ta’ l-aħħar ikollu konnessjoni mill-qrib mat-territorju ta’ l-Istati Membri”.

43

Kif tiddikjara wkoll l-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13, ir-regoli uniformi dwar il-klawżoli inġusti għandhom, ħlief għall-eċċezzjonijiet elenkati f’din il-premessa, japplikaw għall-“kuntratti kollha” bejn kummerċjant u konsumatur, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(b) u (c) ta’ din id-direttiva (sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, S. V. (Binja f’kondominju),C‑485/21, EU:C:2022:839, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Huwa għalhekk b’riferiment għall-kwalità tal-partijiet kontraenti, skont jekk dawn jaġixxux jew le fil-kuntest tal-attività professjonali tagħhom, li d-Direttiva 93/13 tiddefinixxi l-kuntratti li tapplika għalihom (sentenza tal-21 ta’ Marzu 2019, Pouvin u Dijoux, C‑590/17, EU:C:2019:232, punt 23, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

Minn dan isegwi li, fejn klawżola li tindika d-dritt ta’ pajjiż terz bħala l-liġi applikabbli f’kuntratt, konkluż bejn kummerċjant u konsumatur, li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 93/13 u l-konsumatur jkollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru, il-qorti nazzjonali għandha tapplika d-dispożizzjonijiet li jittrasponu din id-direttiva fl-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat Membru.

46

Hija għalhekk din il-qorti li, minkejja l-eżistenza ta’ tali klawżola, għandha tiddetermina jekk il-parti li magħha jikkontratta l-kummerċjant inkwistjoni tistax titqies bħala “konsumatur” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13. Huwa f’dan id-dawl li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tingħata.

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, hija “konsumatur” kwalunkwe persuna fiżika li, fil-kuntratti li jaqgħu taħt din id-Direttiva, taġixxi għal finijiet li jmorru lil hinn mill-kuntest tal-attività professjonali tagħha.

48

Għalhekk, il-kwalità ta’ “konsumatur” tal-persuna inkwistjoni għandha tiġi stabbilita fid-dawl ta’ kriterju funzjonali, li jevalwa jekk ir-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni tagħmilx parti mill-kuntest ta’ attivitajiet li jmorru lil hinn mill-eżerċizzju ta’ professjoni (sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, S. V. (Binja f’kondominju),C‑485/21, EU:C:2022:839, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tippreċiża wkoll li l-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, huwa ta’ natura oġġettiva u huwa indipendenti mill-għarfien konkret li l-persuna inkwistjoni jista’ jkollha, jew mill-informazzjoni li din il-persuna tassew ikollha (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Pouvin u Dijoux, C‑590/17, EU:C:2019:232, punt 24, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-qorti nazzjonali adita b’tilwima li tirrigwarda kuntratt li jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha u b’mod partikolari l-kliem ta’ dan il-kuntratt, jekk il-persuna kkonċernata tistax tiġi kklassifikata bħala “konsumatur” fis-sens tal-imsemmija direttiva. Sabiex tagħmel dan, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, u b’mod partikolari n-natura tal-oġġett jew tas-servizz li jkun is-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni, li jkunu jistgħu juru għal liema għan ikun inxtara dak l-oġġett jew servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2015, Costea,C‑110/14, EU:C:2015:538, punti 2223, kif ukoll tal‑21 ta’ Marzu 2019, Pouvin u Dijoux, C‑590/17, EU:C:2019:232, punt 26).

50

Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li, fil-każ ta’ persuna fiżika li tissieħeb ma’ sistema bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi, billi tieħu inkunsiderazzjoni wkoll in-natura tas-servizzi offruti mill-kummerċjant inkwistjoni, jekk din il-persuna fiżika tkunx aġixxiet fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha jew jekk din tkunx aġixxiet għal finijiet li jmorru lil hinn minn din l-attività.

51

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, skont il-kuntratt ta’ adeżjoni, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li ma jeżerċitax attività kummerċjali f’kapaċità professjonali, għandu d-dritt jipparteċipa fl-“assoċjazzjoni għall-finijiet ta’ provvista” mwaqqfa mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, jixtri oġġetti u servizzi mingħand kummerċjanti f’relazzjoni kuntrattwali ma’ din tal-aħħar, kif ukoll jaġixxi bħala intermedjarju għal persuni oħra fi ħdan is-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, din is-sistema “twiegħed” dħul ekonomiku fil-forma ta’ rimborsi fuq xirjiet, kummissjonijiet u vantaġġi promozzjonali oħra.

52

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li persuna fiżika li ma teżerċitax attività kummerċjali f’kapaċità professjonali u li tfittex, essenzjalment, li, mill-parteċipazzjoni tagħha f’sistema bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tgawdi minn kundizzjonijiet vantaġġjużi mix-xiri ta’ oġġetti u ta’ servizzi għal finijiet mhux kummerċjali mingħand is-sieħba kummerċjali tal-operatur ta’ din is-sistema, ma tistax titlef il-kwalità ta’ “konsumatur” fir-relazzjoni kuntrattwali ma’ dan l-operatur għas-sempliċi fatt li hija tista’ tgawdi minn ċerti vantaġġi, bħal rimborsi fuq xiri, kummissjonijiet u vantaġġi promozzjonali oħra, li jirriżultaw mix-xirjiet tagħha stess jew minn dawk ta’ persuni oħra li jipparteċipaw fl-imsemmija sistema wara li din tkun irrakkomandatilhom jagħmlu dan.

53

Fil-fatt, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, li teskludi minn dan il-kunċett persuna fiżika li taġixxi għal finijiet li jmorru lil hinn minn attività professjonali minħabba li, frott il-parteċipazzjoni tagħha fis-sistema inkwistjoni, hija tgawdi minn ċerti vantaġġi finanzjarji, twassal sabiex iżżomm milli tkun żgurata l-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva lill-persuni fiżiċi kollha li, imqabbla ma’ kummerċjant, jinsabu f’pożizzjoni iktar dgħajfa u li jagħmlu użu mhux professjonali mis-servizzi offruti minn dan tal-aħħar.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika li tissieħeb ma’ sistema implimentata minn kumpannija kummerċjali li tippermetti, fost oħrajn, li jinkisbu ċerti vantaġġi finanzjarji mix-xiri, minn din il-persuna fiżika jew minn persuni oħra li jipparteċipaw f’din is-sistema wara r-rakkomandazzjoni tagħha, ta’ oġġetti jew servizzi mingħand is-sieħba kummerċjali ta’ din il-kumpannija, fejn l-imsemmija persuna fiżika taġixxi għal finijiet li jmorru lil hinn mill-attività professjonali tagħha, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l‑ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

persuna fiżika li tissieħeb ma’ sistema implimentata minn kumpannija kummerċjali li tippermetti, fost oħrajn, li jinkisbu ċerti vantaġġi finanzjarji mix-xiri, minn din il-persuna fiżika jew minn persuni oħra li jipparteċipaw f’din is-sistema wara r-rakkomandazzjoni tagħha, ta’ oġġetti jew servizzi mingħand is-sieħba kummerċjali ta’ din il-kumpannija, fejn l-imsemmija persuna fiżika taġixxi għal finijiet li jmorru lil hinn mill-attività professjonali tagħha, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.