SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

4 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Networks soċjali online – Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu fir-rigward ta’ kuntratti konklużi bejn pjattaforma diġitali u utent – Reklamar personalizzat – Artikolu 5(1)(b) – Prinċipju ta’ limitazzjoni tal-fini – Artikolu 5(1)(c)) – Prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data – Artikolu 9(1) u (2) – Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali – Data dwar l-orjentazzjoni sesswali – Data li ssir pubblika mis-suġġett tad-data”

Fil-Kawża C‑446/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Lulju 2021, fil-proċedura

Maximilian Schrems

vs

Meta Platforms Ireland Limited Ltd, li qabel kienet Facebook Ireland Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, J.-C. Bonichot, S. Rodin u L. S. Rossi (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: N. Mundhenke, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Frar 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Maximilian Schrems, minn A. Egger, rechtsanwalt u minn K. Raabe-Stuppnig, Rechtsanwältin,

għal Meta Platforms Ireland Ltd, minn K. Hanschitz, H.-G. Kamann, S. Khalil u B. Knötzl u A. Natterer, Rechtsanwalte,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll, C. Gabauer, G. Kunnert u E. Riedl, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard u A.-L. Desjonquères, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn E. De Bonis, avvocato dello stato,

għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, A. Pimenta, J. Ramos u C. Vieira Guerra, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, F. Erlbacher, M. Heller u H. Kranenborg, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ April 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(b) u (c), tal-Artikolu 6(1)(a) u (b), u tal-Artikolu 9(1) u (2)(e) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2) (iktar ’il quddiem ir-“RĠPD”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Maximilian Schrems, utent tan-netwerk soċjali Facebook, u Meta Platforms Ireland Ltd, li qabel kienet Facebook Ireland Ltd, li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab fl-Irlanda, dwar l-ipproċessar allegatament illegali, minn din il-kumpannija, tad-data personali ta’ dan l-utent.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 1, 4, 39, 42, 43, 50 u 51 tar-RĠPD jipprovdu:

“(1)

Il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali hija dritt fundamentali. L-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-‘Karta’) u l-Artikolu 16(1) [TFUE] jipprevedu li kull persuna għandha dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha.

[…]

(4)

L-ipproċessar tad-data personali għandu jitfassal biex iservi lill-bniedem. Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mhuwiex dritt assolut; huwa għandu jiġi kkunsidrat b’rabta mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà u jkun ibbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħrajn, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali kollha u josserva l-libertajiet u l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta kif integrata fit-Trattati, b’mod partikolari r-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dar u l-komunikazzjonijiet, il-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà tal-intrapriża, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali u d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika.

[…]

(39)

Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali għandu jkun legali u ġust. Għandu jkun trasparenti għall-persuni fiżiċi li fir-rigward tagħhom qiegħda tinġabar, tintuża, tiġi kkonsultata jew b’xi mod ieħor ipproċessata data personali u l-punt sa fejn id-data personali qiegħda tiġi pproċessata jew ser tiġi pproċessata. […] Għandha tinġibed l-attenzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tar-riskji, ir-regoli, is-salvagwardji u d-drittijiet b’rabta mal-ipproċessar ta’ data personali u kif għandhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’rabta ma’ tali pproċessar. B’mod partikolari, il-finijiet speċifiċi li għalihom tiġi pproċessata data personali għandhom ikunu espliċiti u leġittimi u stabbiliti fil-mument meta tinġabar id-data personali. Id-data personali għandha tkun adegwata, rilevanti u limitata għal dak li huwa neċessarju għall-finijiet li għalihom hija tkun qiegħda tiġi pproċessata. Dan jeħtieġ, b’mod partikolari, li jiġi żgurat li l-perijodu li matulu tinħażen id-data personali jkun limitat strettament għall-inqas possibbli. Id-data personali għandha tkun ipproċessata biss jekk il-fini tal-ipproċessar ma jkunx jista’ jintlaħaq mod ieħor b’mod raġonevoli. Sabiex ikun żgurat li d-data personali ma tinżammx għal aktar żmien minn kemm meħtieġ, il-kontrollur għandu jistabbilixxi limiti ta’ żmien għat-tħassir jew għal eżami perjodiku. […]

[…]

(42)

Fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jkun jista’ juri li s-suġġett tad-data ta l-kunsens tiegħu għall-attività tal-ipproċessar. […] Biex il-kunsens ikun wieħed informat, is-suġġett tad-data għandu jkun konxju mill-inqas tal-identità tal-kontrollur u l-finijiet tal-ipproċessar li għalihom tkun intenzjonata d-data personali. Il-kunsens ma għandux jitqies li ngħata liberament jekk is-suġġett tad-data ma jkollux għażla ġenwina jew libera jew ma jkunx jista’ jiċħad jew jirtira l-kunsens mingħajr ħsara.

(43)

Sabiex jiġi żgurat l-għoti ta’ kunsens b’mod liberu, il-kunsens ma għandux jipprovdi raġuni legali valida għall-ipproċessar ta’ data personali f’każ speċifiku fejn ikun hemm żbilanċ ċar bejn is-suġġett tad-data u l-kontrollur, b’mod partikolari fejn il-kontrollur huwa awtorità pubblika u għalhekk ikun improbabbli li l-kunsens ingħata liberament fiċ-ċirkostanzi kollha ta’ dik is-sitwazzjoni speċifika. Il-kunsens huwa preżunt li mhux mogħti b’mod liberu jekk ma jippermettix li jingħata kunsens separat għal operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data personali differenti minkejja li jkun xieraq fil-każ partikolari, jew jekk it-twettiq ta’ kuntratt, inkluż il-provvediment ta’ servizz, ikun jiddependi mill-kunsens minkejja li tali kunsens ma jkunx meħtieġ għal tali twettiq.

[…]

(50)

L-ipproċessar ta’ data personali għal finijiet oħra minbarra dawk li għalihom id-data personali tkun inġabret inizjalment għandu jkun permess biss fejn l-ipproċessar ikun kompatibbli mal-finijiet li għalihom id-data personali tkun inġabret inizjalment. F’tali każ ma tkun meħtieġa l-ebda bażi għajr dik li tkun ippermettiet il-ġbir tad-data personali. […]

(51)

Data personali, li min-natura tagħha, tkun partikolarment sensittiva fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jistħoqqilha protezzjoni speċifika billi l-kuntest tal-ipproċessar tagħha jista’ joħloq riskji sinifikanti għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. […] Tali data personali ma għandhiex tiġi pproċessata, għajr jekk l-ipproċessar ikun permess f’każijiet speċifiċi stabbiliti f’dan ir-Regolament […]. Minbarra r-rekwiżiti speċifiċi għal dan l-ipproċessar, il-prinċipji ġenerali u regoli oħra ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw, b’mod partikolari fir-rigward tal-kondizzjonijiet għal ipproċessar legali. Id-derogi mill-projbizzjoni ġenerali għall-ipproċessar ta’ tali kategoriji speċjali ta’ data personali għandhom jiġu previsti b’mod espliċitu, fost oħrajn fejn is-suġġett tad-data jagħti l-kunsens espliċitu tiegħu jew tagħha jew fir-rigward ta’ ħtiġijiet speċifiċi […].”

4

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)

‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); […]

(2)

‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[…]

(7)

‘kontrollur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali; fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru;

[…]

(11)

‘kunsens’ tas-suġġett tad-data tfisser kwalunkwe indikazzjoni tax-xewqat tas-suġġett tad-data mogħtija b’mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa li permezz tagħha s-suġġett tad-data, permezz ta’ dikjarazzjoni jew permezz ta’ azzjoni affermattiva ċara, juri li jaqbel mal-ipproċessar ta’ data personali relatata miegħu;

[…]

(23)

‘ipproċessar transkonfinali’ tfisser jew:

(a)

l-ipproċessar ta’ data personali li jsir fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ stabbilimenti f’iktar minn Stat Membru wieħed ta’ kontrollur jew proċessur fl-Unjoni fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikun stabbilit f’iktar minn Stat Membru wieħed; jew

(b)

l-ipproċessar ta’ data personali li jsir fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ stabbiliment uniku ta’ kontrollur jew proċessur fl-Unjoni li madankollu jaffettwa sostanzjalment lil suġġetti tad-data f’aktar minn Stat Membru wieħed, jew li x’aktarx li ser jaffettwahom sostanzjalment.

[…]”

5

L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Id-data personali għandha:

(a)

tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (‘legalità, ġustizzja u trasparenza’);

(b)

tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet;

(c)

tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (‘minimizzazzjoni tad-data’); […] (limitazzjoni tal-fini);

(e)

tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux aktar żmien milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data personali tkun qed tiġi pproċessata; […] (‘limitazzjoni tal-ħażna’)

2.   Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (‘responsabbiltà’).”

6

L-Artikolu 6 tal-istess regolament, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

(a)

is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

(b)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f’kuntratt;

[…]

4.   Fejn l-ipproċessar għal finijiet differenti minn dak li għalih id-data personali tkun inġabret ma jkunx ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data jew fuq liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika biex tissalvagwardja l-objettivi msemmija fl-Artikolu 23(1), il-kontrollur għandu, sabiex jaċċerta jekk l-ipproċessar għal fini ieħor huwiex kompatibbli mal-fini li għalih tkun inġabret id-data personali inizjalment, jieħu kont, fost l-oħrajn, ta’:

(a)

kwalunkwe rabta bejn il-fini li għalih tkun inġabret id-data personali u l-fini tal-ipproċessar ulterjuri li jkun maħsub;

(b)

il-kuntest li fih inġabret id-data personali, b’mod partikolari fir-rigward tar-relazzjoni bejn is-suġġetti tad-data u l-kontrollur;

(c)

in-natura tad-data personali, b’mod partikolari jekk jiġux ipproċessati kategoriji speċjali ta’ data personali, skont l-Artikolu 9, jew jekk tiġix ipproċessata data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati, skont l-Artikolu 10;

(d)

il-konsegwenzi possibbli għas-suġġetti tad-data tal-ipproċessar ulterjuri maħsub;

(e)

l-eżistenza ta’ salvagwardji xierqa, li jistgħu jinkludu kriptaġġ jew psewdonimizzazzjoni.”

7

L-Artikolu 7 tar-RĠPD, intitolat “Kondizzjonijiet għal kunsens”, jipprovdi:

“1.   Fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-kunsens, il-kontrollur għandu jkun jista’ juri li s-suġġett tad-data ta kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu.

[…]

3.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jirtira l-kunsens tiegħu fi kwalunkwe ħin. L-irtirar tal-kunsens ma għandux jaffettwa l-legalità tal-ipproċessar ibbażat fuq kunsens qabel ma dan jiġi rtirat. Qabel ma jagħti l-kunsens, is-suġġett tad-data għandu jiġi informat b’dan. Għandu jkun faċli li jiġi rtirat kunsens daqs kemm li dan jingħata.

4.   Meta jiġi vvalutat jekk il-kunsens ikunx ingħata b’mod liberu, għandu jittieħed kont sħiħ tal-fatt jekk, inter alia, l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt, inkluż il-provvista ta’ servizz, tkunx kondizzjonata fuq il-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali li ma jkunx meħtieġ għall-eżekuzzjoni ta’ dak il-kuntratt.”

8

L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali”, jipprovdi:

“1.   L-ipproċessar ta’ data personali, li jiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija fi trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, data bijometrika sabiex tidentifika b’mod uniku persuna fiżika, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali u l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika huma projbiti.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk japplika wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

is-suġġett tad-data jkun ta kunsens espliċitu għall-ipproċessar ta’ dik id-data personali għal fini speċifiku wieħed jew aktar, għajr fejn il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi ta’ Stat Membru tipprevedi li l-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tistax titneħħa mis-suġġett tad-data;

[…]

(e)

l-ipproċessar ikun relatat ma’ data personali li b’mod ċar tkun saret pubblika mis-suġġett tad-data;

[…]”.

9

L-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, li jirrigwarda l-“[i]nformazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn tinġabar data personali mis-suġġett tad-data”, jipprevedi dan li ġej:

“1.   Fejn data personali relatata ma’ suġġett tad-data tinġabar mingħand is-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu, fil-ħin li tinkiseb id-data personali, jipprovdi l-informazzjoni kollha li ġejja lis-suġġett tad-data:

[…]

(c)

l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija maħsuba d-data personali kif ukoll il-bażi legali għall-ipproċessar;

[…]

3.   Fejn il-kontrollur ikollu l-intenzjoni li jipproċessa d-data personali ulterjorment għal fini differenti minn dak li għalih tkun inġabret id-data personali, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data, qabel dak l-ipproċessar ulterjuri, b’informazzjoni dwar dak il-fini l-ieħor u kwalunkwe informazzjoni ulterjuri rilevanti kif imsemmi fil-paragrafu 2.

[…]”.

10

L-Artikolu 25(2) tal-istess regolament jipprovdi:

“Il-kontrollur għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiżgura li, b’mod awtomatiku, tiġi pproċessata biss data personali li mhijiex meħtieġa għal kull għan speċifiku tal-ipproċessar. Dak l-obbligu japplika għall-ammont ta’ data personali miġbura, il-livell ta’ pproċessar tagħha, il-perijodu tal-ħażna tagħha u l-aċċessibbiltà tagħha. B’mod partikolari, tali mekkaniżmi għandhom jiżguraw li b’mod awtomatiku d-data personali ma ssirx aċċessibbli mingħajr l-intervent tal-individwu għal numru indefinit ta’ persuni fiżiċi.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Meta Platforms Ireland, li tiġġestixxi l-offerta tas-servizzi tan-network soċjali online Facebook fl-Unjoni, hija l-kontrollur tad-data personali tal-utenti ta’ dan in-network soċjali fl-Unjoni. Hija ma għandhiex fergħa fl-Awstrija. Meta Platforms Ireland tippromwovi, b’mod partikolari fl-indirizz www.facebook.com, servizzi li, sal-5 ta’ Novembru 2023, ġew ipprovduti mingħajr ħlas lill-utenti privati. Mis-6 ta’ Novembru 2023, dawn is-servizzi komplew ikunu mingħajr ħlas biss għall-utenti li aċċettaw li d-data personali tagħhom tinġabar u tintuża sabiex jintbagħtilhom reklamar personalizzat, fejn l-utenti għandhom il-possibbiltà li jissottoskrivu ruħhom għal abbonament bi ħlas sabiex jaċċedu għal verżjoni tal-imsemmija servizzi mingħajr ma jirċievu reklamar immirat.

12

Il-mudell ekonomiku tan-network soċjali online Facebook huwa bbażat fuq il-finanzjament permezz tar-reklamar online, li jintbagħat b’mod immirat lill-utenti individwali tan-network soċjali skont, b’mod partikolari, l-attitudnijiet ta’ konsum tagħhom, l-interessi tagħhom u skont is-sitwazzjoni personali tagħhom. Tali reklamar isir teknikament possibbli permezz tal-istabbiliment awtomatizzat ta’ profili ddettaljati tal-utenti tan-network u tas-servizzi online offruti fuq il-livell tal-grupp Meta.

13

Sabiex tipproċessa d-data personali tal-utenti tan-netwerk soċjali Facebook, Meta Platforms Ireland tibbaża ruħha fuq il-kuntratt ta’ użu li għalih dawn jaderixxu permezz tal-attivazzjoni tal-buttuna “irreġistra” u li permezz tagħha huma jaċċettaw il-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti minn din il-kumpannija. Fiż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, l-aċċettazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet kienet neċessarja għall-użu tan-network soċjali Facebook. F’dak li jirrigwarda l-ipproċessar tad-data personali tal-utenti, il-kundizzjonijiet ġenerali jagħmlu riferiment għall-politiki ta’ użu tad-data u tal-cookies stabbiliti mill-imsemmija kumpannija. Skont dawn il-politiki, Meta Platforms Ireland tiġbor data dwar l-utenti u l-apparat użat minnhom, li tirrigwarda l-attivitajiet tal-utenti, kemm fi ħdan in-network soċjali kif ukoll barra minnu, u tqiegħed din id-data f’korrelazzjoni mal-kontijiet Facebook tal-utenti kkonċernati. Id-data relatata mal-attivitajiet li jseħħu barra min-network soċjali (iktar ’il quddiem ukoll id-“data off Facebook”), toriġina, minn naħa, mill-konsultazzjoni ta’ paġni tal-internet u ta’ applikazzjonijiet terzi, li huma marbuta ma’ Facebook permezz ta’ interfaċċi ta’ programmazzjoni u, min-naħa l-oħra, mill-użu tas-servizzi online l-oħra li jappartjenu lill-grupp Meta, fosthom, b’mod partikolari, Instagram u WhatsApp.

14

Qabel id-dħul fis-seħħ tar-RĠPD, l-utenti ta’ Facebook kienu jagħtu l-kunsens espliċitu tagħhom għall-ipproċessar tad-data tagħhom f’konformità mal-kundizzjonijiet għall-użu tal-konvenuta li kienu applikabbli dak iż-żmien. Fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tar-RĠPD fil-25 ta’ Mejju 2018, Meta Platforms Ireland adottat, fid-19 ta’ April 2018, kundizzjonijiet ġodda għall-użu u ppreżentathom għall-approvazzjoni tal-utenti tagħha. Peress li l-kont tiegħu kien ġie bblukkat, M. Schrems aċċetta dawn il-kundizzjonijiet ta’ użu ġodda sabiex ikun jista’ jkompli juża Facebook. Dan il-kunsens kien meħtieġ biex ikun jista’ jżomm l-aċċess għall-kont tiegħu u biex jintużaw is-servizzi korrispondenti.

15

Meta Platforms Ireland implimentat diversi “għodod” (tools) li jippermettu li l-utenti jkollhom idea ġenerali u kontroll fuq id-data maħżuna tagħhom. Mhux id-data kollha pproċessata hija viżibbli f’dawn l-għodod, iżda biss dik li, skont din il-kumpannija, hija ta’ interess u ta’ rilevanza għall-utenti. Huwa għalhekk possibbli li l-utent japplika sabiex ikun jista’ jara, pereżempju, li huwa fetaħ applikazzjoni permezz tal-profil Facebook tiegħu, li żar sit internet, li wettaq tfittxija partikolari jew xiri, jew ukoll li kklikkja fuq reklamar.

16

Meta Platforms Ireland tuża, hekk kif huwa indikat fil-kundizzjonijiet tal-użu u fid-direttivi tagħha, “cookies”, ‘social plugin’ [moduli ta’ estensjoni soċjali] u pixels. Permezz tal-“cookies”, hija tista’ tiddetermina s-sors tal-konsultazzjonijiet. Fl-assenza ta’ attivazzjoni tal-“cookies”, ħafna servizzi pprovduti minn Meta Platforms Ireland ma jistgħux jintużaw. Is-“social plugins” ta’ Facebook “jiddaħħlu” mill-operaturi ta’ siti tal-internet terzi fil-paġni tagħhom. L-iktar plugin komuni hija l-buttuna “like” ta’ Facebook. Matul kull konsultazzjoni ta’ paġni tal-internet li fihom din il-buttuna, il-“cookies” installati fuq l-apparat użat, l-URL tal-paġna miżjura u data oħra, bħall-indirizz IP jew il-ħin, jiġu trażmessi lil Meta Platforms Ireland. Għal dan l-għan, ma huwiex neċessarju li l-utent ikun ikklikkja fuq il-buttuna “like”, peress li s-sempliċi fatt li tinfetaħ paġna tal-internet li tinkludi tali “plugin” huwa biżżejjed sabiex din id-data tiġi sussegwentement trażmessa lil din il-kumpannija.

17

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li xi “plugins” jinsabu wkoll fuq il-paġni tal-internet tal-partiti politiċi u fuq paġni intiżi għal pubbliku omosesswali li M. Schrems żar. Minħabba dawn il-“plugins”, Meta Platforms Ireland setgħet issegwi l-aġir ta’ M. Schrems fuq l-internet, li wassal għall-ġbir ta’ ċerta data personali sensittiva.

18

L-istess bħas-“social plugins”, il-pixels jistgħu jiġu integrati fil-paġni tas-siti tal-internet u jippermettu l-ġbir ta’ informazzjoni fuq l-utenti li żaru din il-paġna bil-għan, b’mod partikolari, li r-reklamar fuq dawn il-paġni jkun jista’ jitkejjel u jiġi ottimizzat. Pereżempju, billi jintegraw pixel Facebook fil-paġna tal-internet rispettivi tagħhom, l-operaturi ta’ dawn il-paġni jistgħu jiksbu rapporti mingħand Meta Platforms Ireland dwar in-numru ta’ persuni li raw r-reklamar tagħhom fuq Facebook u li sussegwentement daħlu fuq il-paġna tal-internet rispettiva tal-operaturi sabiex jikkonsultawha jew sabiex jixtru.

19

Is-“social plugins” u l-pixels, flimkien mal-“cookies”, għalhekk jikkostitwixxu element essenzjali tar-reklamar fuq l-internet, peress li l-parti l-kbira tal-kontenut disponibbli fuq l-internet huwa ffinanzjat mir-reklamar. B’mod partikolari, il-“plugins” jippermettu li l-utenti jiġu ppreżentati b’reklami rilevanti u l-pixels huma għodda f’idejn il-persuni li jirreklamaw li tippermettilhom kemm li jkejlu l-prestazzjoni tal-kampanji ta’ reklamar kif ukoll li jiksbu informazzjoni dwar gruppi mmirati ta’ utenti.

20

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li M. Schrems ma awtorizzax lil Meta Platforms Ireland tipproċessa d-data personali tiegħu, li hija tikseb mill-persuni li jirreklamaw u minn imsieħba oħra, dwar l-attivitajiet ta’ M. Schrems barra minn Facebook għal finijiet ta’ reklamar personalizzat. Madankollu, Meta Platforms Ireland allegatament kisbet ċerta data dwar M. Schrems permezz ta’ “cookies”, “soċjali plugins” u teknoloġiji komparabbli integrati fis-siti tal-internet ta’ terzi u użat din id-data sabiex ittejjeb il-prodotti Facebook u tibgħat reklamar personalizzat lil M. Schrems.

21

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li M. Schrems ma inkluda l-ebda data sensittiva fil-profil Facebook tiegħu, li l-attivitajiet tiegħu jew l-informazzjoni li tidher fit-“timeline” tiegħu setgħu jarawha biss il-“ħbieb” tiegħu u li l-lista ta’ “ħbieb” tiegħu ma kinitx pubblika. M. Schrems għażel ukoll li ma jawtorizzax lil Meta Platforms Ireland tuża, għal finijiet ta’ pubbliċità mmirata, d-daħliet tal-profil tiegħu li jirrigwardaw jekk huwiex f’relazzjoni, il-persuna li timpjegah, l-impjieg tiegħu u t-taħriġ tiegħu.

22

Madankollu, fid-dawl tad-data għad-dispożizzjoni tagħha, Meta Platforms Ireland tista’ tidentifika wkoll l-interess li M. Schrems għandu f’suġġetti sensittivi, bħas-saħħa, l-orjentazzjoni sesswali, il-gruppi etniċi u l-partiti politiċi, u dan jippermetti li jibgħatulu reklami mmirati dwar, pereżempju, tali orjentazzjoni sesswali jew tali konvinzjoni politika.

23

Għalhekk, minn naħa, M. Schrems irċieva reklamar dwar personalità politika Awstrijaka, li kien ibbażat fuq l-analiżi mwettqa minn Meta Platforms Ireland li tgħid li huwa kellu punti komuni ma’ utenti oħra li kienu mmarkaw lil din il-personalità politika permezz tal-buttuna “like”. Min-naħa l-oħra, M. Schrems irċieva wkoll regolarment reklami li jirrigwardaw pubbliku omosesswali u stediniet għal avvenimenti korrispondenti, minkejja li huwa qatt ma kien preċedentement interessa ruħu f’dawn l-avvenimenti u minkejja li huwa ma kienx jaf il-post tal-imsemmija avvenimenti. Dawn ir-reklami u stediniet ma humiex ibbażati direttament fuq l-orjentazzjoni sesswali tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u tal-“ħbieb” tiegħu, iżda fuq analiżi taċ-ċentri ta’ interess tagħhom, f’dan il-każ fuq il-fatt li wieħed mill-ħbieb ta’ M. Schrems kien immarka prodott billi kklikkja fuq il-buttuna “like”.

24

M. Schrems talab it-twettiq ta’ analiżi fir-rigward tad-deduzjonijiet li jistgħu jinsiltu mil-lista ta’ ħbieb tiegħu u minn din l-analiżi rriżulta li kien wettaq is-servizz ċivili tiegħu mas-Salib l-Aħmar f’Salzburg (l-Awstrija) u li kien omosesswali. Barra minn hekk, fil-lista tal-attivitajiet tiegħu barra minn Facebook, fil-pussess ta’ Meta Platforms Ireland, jidhru, fost l-oħrajn, applikazzjonijiet u siti tal-internet ta’ tlaqqiegħ għall-omosesswali kif ukoll is-sit internet ta’ partit politiku Awstrijak. Fost id-data maħżuna tar-rikorrent fil-kawża prinċipali jidher ukoll indirizz tal-posta elettronika li mhux indikat fil-profil Facebook tiegħu, iżda li huwa kien uża biex jagħmel mistoqsijiet lil Meta Platforms Ireland.

25

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li M. Schrems jikkomunika pubblikament il-fatt li huwa omosesswali. Madankollu, huwa qatt ma semma l-orjentazzjoni sesswali tiegħu fil-profil Facebook tiegħu.

26

M. Schrems argumenta quddiem il-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien (il-Qorti Reġjonali għal Kwistjonijiet Ċivili ta’ Vjenna, l-Awstrija) li l-ipproċessar tad-data personali tiegħu mwettaq minn Meta Platforms Ireland kien jikser diversi dispożizzjonijiet tar-RĠPD. F’dan ir-rigward, huwa qies li l-kunsens tiegħu għall-kundizzjonijiet ta’ użu tal-pjattaforma diġitali tal-konvenuta fil-kawża prinċipali ma kienx konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, Meta Platforms Ireland tipproċessa data sensittiva tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, fis-sens tal-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, fl-assenza tal-kunsens neċessarju għal dan l-għan, skont l-Artikolu 7 tal-istess regolament. Bl-istess mod, ma jeżisti l-ebda kunsens validu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali ta’ M. Schrems li Meta Platforms Ireland irċeviet mingħand terzi. F’dan il-kuntest, M. Schrems talab, fost l-oħrajn, li l-konvenuta tiġi ordnata ttemm kemm l-ipproċessar tad-data personali tiegħu għal finijiet ta’ reklamar personalizzat kif ukoll l-użu ta’ din id-data li tirriżulta mill-konsultazzjoni ta’ siti tal-internet ta’ terzi u miksuba minn terzi.

27

Meta Platforms Ireland qieset, min-naħa l-oħra, li l-ipproċessar tad-data ta’ M. Schrems twettaq konformement mal-kundizzjonijiet għall-użu tan-network soċjali online, li huma kompatibbli mar-rekwiżiti tar-RĠPD. Dan l-ipproċessar ta’ data huwa legali u ma huwiex ibbażat fuq il-kunsens tar-rikorrent fil-kawża prinċipali meħtieġ mill-Artikolu 6(1)(a) ta’ dan ir-regolament, iżda fuq ġustifikazzjonijiet oħra, fosthom prinċipalment in-natura neċessarja ta’ dan l-ipproċessar għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt konkluż bejn dan tal-aħħar u l-konvenuta fil-kawża prinċipali, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(b) tal-imsemmi regolament.

28

Fil-kawża prinċipali, diġà tressqet talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja u tat lok għas-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, Schrems (C‑498/16, EU:C:2018:37). B’konsegwenza ta’ dik is-sentenza, il-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien (il-Qorti Reġjonali għal Kwistjonijiet Ċivili ta’ Vjenna), permezz ta’ sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2020, ċaħdet it-talbiet ta’ M. Schrems. Bl-istess mod, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), adita fl-appell, ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn M. Schrems kontra din is-sentenza għar-raġuni, b’mod partikolari, li l-ipproċessar tad-data personali ta’ dan tal-aħħar, bħala utent tal-pjattaforma online, inkluż ir-reklamar personalizzat, jifforma parti integrali mill-kuntratt ta’ użu ta’ din il-pjattaforma konkluż bejn il-partijiet. L-ipproċessar ta’ din id-data huwa għalhekk neċessarju għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(b) tar-RĠPD.

29

Adita b’rikors għal “Reviżjoni” minn M. Schrems, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) tosserva li l-mudell ekonomiku ta’ Meta Platforms Ireland jikkonsisti fil-ġenerazzjoni ta’ dħul permezz tar-reklamar immirat u permezz ta’ kontenuti kummerċjali li huma bbażati fuq il-preferenzi u fuq l-interessi tal-utenti ta’ Facebook billi tiġi pproċessata d-data personali ta’ dawn l-utenti. Issa, sa fejn dan l-ipproċessar jippermetti li Facebook joffri lill-utenti s-servizzi tiegħu mingħajr ħlas, l-istess ipproċessar jista’ jitqies li huwa neċessarju għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt konkluż mal-imsemmija utenti, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(b) tar-RĠPD.

30

Madankollu, skont dik il-qorti, din id-dispożizzjoni, li għandha tiġi interpretata b’mod strett, ma għandhiex tippermetti tali pproċessar ta’ data bl-esklużjoni tal-kunsens tas-suġġett tad-data.

31

Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tosserva li Meta Platforms Ireland tipproċessa data personali li tista’ tiġi kklassifikata bħala “sensittiva”, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tar-RĠPD.

32

F’dan il-każ, Meta Platforms Ireland tipproċessa data dwar it-twemmin politiku u l-orjentazzjoni sesswali ta’ M. Schrems. Skont il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema), M. Schrems jikkomunika fil-pubbliku dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu. B’mod partikolari, fil-kuntest ta’ round table li għaliha huwa pparteċipa fi Vjenna fit-12 ta’ Frar 2019, fuq stedina tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea fl-Awstrija, M. Schrems għamel riferiment għall-orjentazzjoni sesswali tiegħu, sabiex jikkritika l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq minn Facebook, fosthom l-ipproċessar tad-data rispettiva tiegħu. Madankollu, u hekk kif huwa ddikjara wkoll f’dik l-okkażjoni, M. Schrems qatt ma semma dan l-aspett tal-ħajja privata tiegħu fil-profil Facebook tiegħu.

33

Skont dik il-qorti, tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk l-utent ikkonċernat għamilx manifestament pubblika data personali sensittiva li tikkonċernah u għalhekk awtorizzax l-ipproċessar tagħha, skont l-Artikolu 9(2)(e) tar-RĠPD.

34

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi, li l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1)(a) u (b) tar-[RĠPD] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-legalità ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-użu f’kuntratti ta’ pjattaformi bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali (b’mod partikolari, dispożizzjonijiet kuntrattwali bħal “Minflok tħallas għall-użu ta’ prodotti ta’ Facebook li fir-rigward tagħhom japplikaw dawn il-kundizzjonijiet […] inti tiddikjara li nistgħu nuruk reklamar […] Aħna nużaw id-data personali tiegħek […] sabiex ir-reklamar li nuruk ikun iktar adattat għalik”) li jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali għall-aggregazzjoni u għall-analiżi ta’ data għall-finijiet ta’ reklamar personalizzat, għandhom jiġu evalwati fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1)(a) flimkien mal-Artikolu 7 tar-RĠPD li ma jistgħux jiġu ssostitwiti bl-invokazzjoni tal-Artikolu 6(1)(b) tar-RĠPD?

2. L-Artikolu 5(1)(c) tar-RĠPD (minimizzazzjoni tad-data) għandu jiġi interpretat fis-sens li d-data personali kollha miżmuma minn pjattaforma bħal dik fil-kawża prinċipali (b’mod partikolari permezz tal-persuni kkonċernati jew ta’ terzi fi jew barra mill-pjattaforma) tista’ tiġi aggregata, analizzata u pproċessata għall-finijiet ta’ reklamar immirat mingħajr limitu f’termini ta’ żmien jew ta’ tip ta’ data?

3. L-Artikolu 9(1) tar-RĠPD għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-ipproċessar ta’ data li jawtorizza s-selezzjoni mmirata ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali bħal twemmin politiku jew orjentazzjoni sesswali (pereżempju għar-reklamar), anki jekk il-kontrollur tad-data ma jiddistingwix bejn din id-data?

4. L-Artikolu 5(1)(b) flimkien mal-Artikolu 9(2)(e) tar-RĠPD għandu jiġi interpretat fis-sens li dikjarazzjoni dwar l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna għall-finijiet ta’ diskussjoni fi grupp tawtorizza l-ipproċessar ta’ data oħra dwar l-orjentazzjoni sesswali għall-finijiet tal-aggregazzjoni u tal-analiżi ta’ data minħabba reklamar personalizzat?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

35

Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ April 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ssospenda dawn il-proċeduri fl-istennija tad-deċiżjoni li ttemm l-istanza fil-Kawża C‑252/21, Meta Platforms et.

36

Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Lulju 2023, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja għarraf lill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża bis-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ netwerk soċjali), (C‑252/21, EU:C:2023:537) u staqsiha jekk, fid-dawl ta’ dik is-sentenza, hija xtaqitx iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, kompletament jew parzjalment, u, fil-każ ta’ rtirar parzjali ta’ din it-talba, tesponi r-raġunijiet għaż-żamma ta’ parti minnha.

37

Permezz ta’ digriet tad-19 ta’ Lulju 2023, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Awwissu 2023, dik il-qorti rtirat l-ewwel u t-tielet domandi preliminari tagħha billi sostniet li l-imsemmija sentenza kienet tirrispondi għal dawn id-domandi. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti żammet it-tieni u r-raba’ domandi preliminari tagħha billi sostniet li l-istess sentenza ma kinitx irrispondiethom b’mod sħiħ.

Fuq it-tieni domanda

38

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1)(c) tar-RĠPD għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ “minimizzazzjoni tad-data” li huwa jipprevedi jipprekludix li d-data personali kollha li tkun inkisbet minn kontrollur, bħall-operatur ta’ pjattaforma ta’ network soċjali online, mingħand is-suġġett tad-data jew mingħand terzi u li tkun inġabret kemm fuq din il-pjattaforma kif ukoll barra minnha, tiġi aggregata, analizzata u pproċessata għal finijiet ta’ reklamar immirat, mingħajr limitazzjoni ratione temporis u mingħajr distinzjoni skont in-natura ta’ din id-data.

Fuq l-ammissibbiltà

39

Il-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni li din id-domanda hija inammissibbli minħabba, minn naħa, li l-qorti tar-rinviju ma spjegatx ir-raġunijiet li għalihom risposta għall-imsemmija domanda tkun utli għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, li din il-qorti bbażat ruħha fuq premessa fattwali mhux eżatta, billi kkunsidrat, b’mod żbaljat, li l-konvenuta fil-kawża prinċipali tuża, għal finijiet ta’ reklamar, id-data personali kollha li hija għandha għad-dispożizzjoni tagħha mingħajr limitazzjoni ratione temporis u mingħajr distinzjoni skont in-natura ta’ din id-data.

40

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-argument li jgħid li l-qorti tar-rinviju ma esponietx ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li risposta għat-tieni domanda tagħha hija utli għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, għandha tiġi enfasizzata l-importanza tal-indikazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tar-raġunijiet preċiżi li wasslu sabiex hija jkollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et, C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, EU:C:2005:741, punt 46, u tad-29 ta’ Frar 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Aspettattivi reċiproċi fil-każ ta’ trasferiment), C 392/22, EU:C:2024:195, punt 85). F’dan il-każ, mill-elaborazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari madankollu jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, anki jekk jitqies li l-ipproċessar għal finijiet ta’ reklamar inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ġġustifikat skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD, il-portata tad-data hekk ipproċessata mill-konvenuta fil-kawża prinċipali tosservax il-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data jew jekk, għall-kuntrarju, ipproċessar daqshekk estiż jiksirx l-obbligi imposti fuq il-kontrollur, abbażi tal-Artikolu 5 tar-RĠPD. Ir-raġunijiet li għalihom ir-risposta għal din id-domanda hija utli għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali għalhekk jirriżultaw b’mod suffiċjenti mit-talba għal deċiżjoni preliminari.

41

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-argument li jgħid li l-qorti tar-rinviju bbażat ruħha fuq premessa fattwali mhux eżatta, huwa minnu li t-tieni domanda preliminari hija msejsa fuq il-premessa li, minn naħa, hekk kif ġie indikat fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, minkejja li M. Schrems ma awtorizzax lil Meta Platforms Ireland tipproċessa d-data personali tiegħu dwar l-attivitajiet tiegħu barra minn Facebook, din il-kumpannija xorta waħda pproċessat ċerta data li hija allegatament kisbet mingħand imsieħba terzi, abbażi tal-aċċettazzjoni minn M. Schrems tal-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu tan-netwerk soċjali, bis-saħħa b’mod partikolari tal-“cookies” u tas-“social plugins” ta’ Facebook integrati fis-siti tal-internet ta’ dawn it-terzi u li, min-naħa l-oħra, din id-data personali hija pproċessata minn Meta Platforms Ireland mingħajr limitazzjoni ratione temporis u mingħajr distinzjoni skont in-natura tal-imsemmija data.

42

Issa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 267 TFUE jistabbilixxi proċedura ta’ kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, li għandha l-obbligu li tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi biss fuq l-interpretazzjoni jew fuq il-validità ta’ test tal-Unjoni abbażi tal-fatti li jkunu indikati lilha mill-qorti nazzjonali (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Polbud–Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Għaldaqstant, hemm lok li d-domandi magħmula tingħata risposta fuq il-bażi ta’ din il-premessa, li l-fondatezza tagħhom għandha, madankollu, tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

44

Għaldaqstant, it-tieni domanda preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

45

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-għan imfittex mir-RĠPD, hekk kif jirriżulta kemm mill-Artikolu 1 tiegħu kif ukoll mill-premessi 1 u 10 tiegħu, huwa, b’mod partikolari, dak li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, sanċit fl-Artikolu 8(1) tal-Karta u fl-Artikolu 16(1) TFUE (sentenza tas-7 ta’ Marzu 2024, IAB Europe,C‑604/22, EU:C:2024:214, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Għal dan il-għan, il-Kapitoli II u III ta’ dan ir-regolament jistipulaw, rispettivament, il-prinċipji li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali kif ukoll id-drittijiet tas-suġġett tad-data li għandhom jiġu osservati minn kull ipproċessar ta’ data personali. B’mod partikolari, bla ħsara għad-derogi previsti fl-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament, kull ipproċessar ta’ data personali għandu, minn naħa, ikun konformi mal-prinċipji dwar l-ipproċessar ta’ tali data stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-istess regolament u jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ legalità elenkati fl-Artikolu 6 tiegħu u għandu, min-naħa l-oħra, jirrispetta d-drittijiet tas-suġġett tad-data li jinsabu fl-Artikoli 12 sa 22 tar-RĠPD (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2024, Meta Platforms Ireland (Azzjoni rappreżentattiva),C‑757/22, EU:C:2024:598, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Kif diġà ġie ppreċiżat mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipji relatati mal-ipproċessar tad-data personali, stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-RĠPD, huma applikabbli b’mod kumulattiv (sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2022, Digi,C‑77/21, EU:C:2022:805, punt 47).

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-RĠPD, id-data personali għandha tiġi pproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data u li, konformement mal-punt (b) ta’ dan l-Artikolu 5(1), din id-data għandha tinġabar għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi, u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawn il-finijiet.

49

Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1)(c) ta’ dan ir-regolament, li jissanċixxi l-prinċipju msejjaħ ta’ “minimizzazzjoni tad-data”, jipprevedi li d-data personali għandha tkun “adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata” (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Dan il-prinċipju, hekk kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa espressjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata u tat-30 ta’ Jannar 2024, Direktor na Glavna direktsia Natsionalna politsia pri MVR – Sofia, C‑118/22, EU:C:2024:97, punt 41).

51

Konformement mal-prinċipju ta’ responsabbiltà stipulat fl-Artikolu 5(2) tar-RĠPD, il-kontrollur għandu jkun jista’ juri li d-data personali tinġabar u tiġi pproċessata fl-osservanza tal-prinċipji stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2022, Digi,C‑77/21, EU:C:2022:805, punt 24). Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 13(1)(c) ta’ dan ir-regolament, meta data personali tinġabar mingħand is-suġġett tad-data, huwa l-kontrollur li għandu jinformah kemm dwar l-għanijiet tal-ipproċessar li għalih din id-data hija intiża kif ukoll dwar il-bażi legali ta’ dan l-ipproċessar (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 95).

52

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-limitazzjoni ratione temporis ta’ pproċessar ta’ data personali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data, il-kontrollur huwa obbligat li jillimita għal dak li huwa strettament neċessarju, fid-dawl tal-għan tal-ipproċessar previst, il-perijodu ta’ ġbir tad-data personali inkwistjoni (sentenza tal-24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet fiskali), C‑175/20, EU:C:2022:124, punt 79).

53

Effettivament, iktar ma tkun twila ż-żamma ta’ tali data, iktar ikunu sinjifikattivi l-konsegwenzi fuq l-interessi u fuq il-ħajja privata tas-suġġett tad-data, u iktar ikunu kunsiderevoli r-rekwiżiti relatati mal-legalità taż-żamma ta’ din l-informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding (Rilaxx ta’ dejn li ma tħallasx lura) (C‑26/22 u C‑64/22, EU:C:2023:958, punt 95).

54

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, skont il-kliem tal-Artikolu 5(1)(e) tar-RĠPD, id-data personali għandha tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal perijodu li ma jeċċedix dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet li għalihom id-data personali hija pproċessata.

55

Għalhekk, mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu jirriżulta mingħajr ambigwità li l-prinċipju tal-“limitazzjoni tal-ħażna” li huwa jistabbilixxi jirrikjedi li l-kontrollur ikun f’pożizzjoni li juri, konformement mal-prinċipju ta’ responsabbiltà mfakkar fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, li d-data personali tinżamm biss matul il-perijodu neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet li għalihom tkun inġabret jew li għalihom tkun ġiet ipproċessata ulterjorment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2022, Digi,C‑77/21, EU:C:2022:805, punt 53).

56

Minn dan jirriżulta, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, li anki pproċessar inizjalment legali ta’ data jista’ jmur, biż-żmien, kontra d-dispożizzjonijiet tar-RĠPD meta din id-data ma tkunx għadha neċessarja fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tkun inġabret jew ġiet sussegwentement ipproċessata u meta l-imsemmija data għandha titħassar meta dawn l-għanijiet jintlaħqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2022, Digi,C‑77/21, EU:C:2022:805, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 22 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha u billi tapplika l-prinċipju ta’ proporzjonalità, imfakkar fl-Artikolu 5(1)(c) tar-RĠPD, jekk it-tul taż-żamma tad-data personali mill-kontrollur huwiex raġonevolment iġġustifikat fid-dawl tal-għan li jikkonsisti f’li jiġi permess it-tixrid ta’ reklamar personalizzat.

58

Fi kwalunkwe każ, iż-żamma, għal perijodu illimitat, tad-data personali tal-utenti ta’ pjattaforma ta’ network soċjali għal finijiet ta’ reklamar immirat għandha titqies bħala interferenza sproporzjonata fid-drittijiet iggarantiti lil dawn l-utenti mir-RĠPD.

59

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-fatt li d-data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinġabar, tiġi aggregata, analizzata u pproċessata għal finijiet ta’ reklamar immirat, mingħajr distinzjoni skont in-natura ta’ din id-data, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data, previst fl-Artikolu 5(1)(c) tar-RĠPD, il-kontrollur ma jistax iwettaq, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, ġbir ta’ data personali, u li huwa għandu jastjeni milli jiġbor data li ma hijiex strettament neċessarja fid-dawl tal-għanijiet tal-ipproċessar (sentenza tal-24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet fiskali), C‑175/20, EU:C:2022:124, punt 74).

60

Għandu jiġi osservat ukoll li l-Artikolu 25(2) ta’ dan ir-regolament jeżiġi li l-kontrollur jimplimenta l-miżuri xierqa sabiex jiżgura li, b’mod awtomatiku, tiġi pproċessata biss id-data personali li hija neċessarja fid-dawl ta’ kull għan speċifiku tal-ipproċessar. Skont il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, tali rekwiżit japplika b’mod partikolari għall-kwantità ta’ data personali miġbura u għall-portata tal-ipproċessar tagħha, kif ukoll għall-perijodu taż-żamma tagħha.

61

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Meta Platforms Ireland tiġbor id-data personali tal-utenti ta’ Facebook, fosthom M. Schrems, li tirrigwarda l-attivitajiet ta’ dawn l-utenti kemm fuq dan in-netwerk soċjali kif ukoll barra minnu, inkluża b’mod partikolari d-data dwar il-konsultazzjoni tal-pjattaforma online kif ukoll ta’ paġni tal-internet u ta’ applikazzjonijiet terzi, u ssegwi wkoll l-aġir ta’ navigazzjoni tal-utenti fuq dawn il-paġni permezz ta’ “social plugins” u ta’ “pixels” imdaħħla fil-paġni tal-internet ikkonċernati.

62

Issa, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, tali pproċessar huwa partikolarment estensiv meta jirrigwarda data potenzjalment illimitata u meta għandu impatt sinjifikattiv fuq l-utent, li l-parti l-kbira tal-attivitajiet online tiegħu, jekk mhux kważi kollha, huma mmonitorjati minn Meta Platforms Ireland, fatt li jista’ jqajjem fih is-sensazzjoni ta’ superviżjoni kontinwa tal-ħajja privata tiegħu (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 118).

63

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ipproċessar tad-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kkaratterizzat minn indħil serju fid-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, b’mod partikolari tad-drittijiet tagħhom għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li huwa raġonevolment iġġustifikata fid-dawl tal-għan li jikkonsisti f’li jiġi permess ix-xandir ta’ reklamar immirat.

64

Fi kwalunkwe każ, l-użu mingħajr distinzjoni tad-data personali kollha miżmuma minn pjattaforma ta’ network soċjali għal finijiet ta’ reklamar, irrispettivament mill-livell ta’ sensittività ta’ din id-data, ma jidhirx li huwa ndħil proporzjonat fid-drittijiet iggarantiti lill-utenti ta’ din il-pjattaforma mir-RĠPD.

65

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(1)(c) tar-RĠPD għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ “minimizzazzjoni tad-data” li huwa jipprevedi jipprekludi li d-data personali kollha li tkun inkisbet minn kontrollur, bħall-operatur ta’ pjattaforma ta’ network soċjali online, mingħand is-suġġett tad-data jew mingħand terzi u li tkun inġabret kemm fuq din il-pjattaforma kif ukoll barra minnha, tiġi aggregata, analizzata u pproċessata għal finijiet ta’ reklamar immirat, mingħajr limitazzjoni ratione temporis u mingħajr distinzjoni skont in-natura ta’ din id-data.

Fuq ir-raba’ domanda

66

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(2)(e) tar-RĠPD, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li persuna esprimiet ruħha fuq l-orjentazzjoni sesswali tagħha waqt round table, li l-parteċipazzjoni għaliha hija miftuħa għall-pubbliku, jawtorizza lill-operatur ta’ pjattaforma ta’ netwerk soċjali online jipproċessa data oħra dwar l-orjentazzjoni sesswali ta’ din il-persuna, miksuba, jekk ikun il-każ, barra minn din il-pjattaforma permezz ta’ applikazzjonijiet u ta’ siti tal-internet ta’ terzi msieħba, bil-għan tal-aggregazzjoni u tal-analiżi tagħha, sabiex dan l-operatur jipproponi reklamar personalizzat lill-imsemmija persuna.

67

B’mod iktar partikolari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina jekk, fid-dawl tad-dikjarazzjoni magħmula minn M. Schrems fil-kuntest ta’ round table, huwa tilifx id-dritt għall-protezzjoni mogħti mill-Artikolu 9(1) tar-RĠPD u jekk, konsegwentement, Facebook kellux id-dritt li jipproċessa data oħra dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu.

68

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li r-round table msemmija mill-qorti tar-rinviju, li fil-kuntest tagħha M. Schrems għamel dikjarazzjoni dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu, seħħet fit-12 ta’ Frar 2019 u li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, f’dik id-data, Meta Platforms Ireland kienet diġà tipproċessa data personali dwar l-orjentazzjoni sesswali ta’ M. Schrems b’tali mod li din id-dikjarazzjoni saret wara l-bidu ta’ tali pproċessar ta’ data.

69

Minn dan isegwi li r-raba’ domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tinftiehem bħala li tikkonċerna biss l-eventwali pproċessar ta’ data dwar l-orjentazzjoni sesswali ta’ M. Schrems li allegatament twettaq minn Meta Platforms Ireland, wara t-12 ta’ Frar 2019. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk tali pproċessar effettivament seħħx wara dik id-data, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza.

70

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu, fl-ewwel lok, jitfakkar li l-premessa 51 tar-RĠPD tistipula li d-data personali li, minn natura tagħha, hija partikolarment sensittiva mil-perspettiva tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali jistħoqqilha protezzjoni speċifika, peress li l-kuntest tal-ipproċessar tagħha jista’ jinvolvi riskji sinjifikattivi għal dawn il-libertajiet u għal dawn id-drittijiet. Din il-premessa tippreċiża li tali data personali ma għandhiex tiġi pproċessata, sakemm dan l-ipproċessar ma jkunx awtorizzat fil-każijiet speċifiċi previsti mill-imsemmi regolament.

71

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 9(1) tar-RĠPD jistabbilixxi l-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-ipproċessar ta’ kategoriji speċifiċi ta’ data personali li huwa jsemmi. Din hija, b’mod partikolari, data li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż kif ukoll data li tirrigwarda s-saħħa, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika.

72

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) tar-RĠPD, għandu jiġi vverifikat, fil-każ ta’ pproċessar ta’ data personali mwettaq mill-operatur ta’ network soċjali online, jekk din id-data tippermettix li tiġi żvelata informazzjoni li taqa’ taħt waħda mill-kategoriji msemmija f’din id-dispożizzjoni, kemm jekk din l-informazzjoni tkun tikkonċerna utent ta’ dan in-network kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika oħra. Fl-affermattiv, tali pproċessar ta’ data personali jkun għaldaqstant ipprojbit, bla ħsara għad-derogi previsti fl-Artikolu 9(2) tar-RĠPD.

73

Hekk kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, din il-projbizzjoni bħala prinċipju, prevista fl-Artikolu 9(1) tar-RĠPD, hija indipendenti mill-kwistjoni dwar jekk l-informazzjoni żvelata mill-ipproċessar inkwistjoni hijiex eżatta jew le u jekk il-kontrollur huwiex qiegħed jaġixxi bl-għan li jikseb informazzjoni li taqa’ taħt waħda mill-kategoriji speċifiċi msemmija f’din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, fid-dawl tar-riskji sinjifikattivi għal-libertajiet fundamentali u għad-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data, li jirriżultaw minn kull ipproċessar ta’ data personali li jaqa’ taħt il-kategoriji msemmija fl-Artikolu 9(1) tar-RĠPD, dan għandu l-għan li jipprojbixxi dan l-ipproċessar, indipendentement mill-għan iddikjarat tiegħu (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punti 6970).

74

Dan espost, għalkemm dan l-Artikolu 9(1) jipprojbixxi, bħala prinċipju, l-ipproċessar tad-data dwar, b’mod partikolari, l-orjentazzjoni sesswali, il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu jipprevedi, fil-punti (a) sa (j) tiegħu, għaxar derogi li huma indipendenti minn xulxin u li għalhekk għandhom jiġu evalwati b’mod awtonomu. Minn dan isegwi li l-fatt li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ waħda mid-derogi previsti f’dan il-paragrafu 2 ma humiex issodisfatti ma jistax jipprekludi lil kontrollur milli jkun jista’ jinvoka deroga oħra msemmija f’din id-dispożizzjoni (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2023, Krankenversicherung Nordrhein,C‑667/21, EU:C:2023:1022, punt 47).

75

F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, d-deroga prevista fl-Artikolu 9(2)(e) tar-RĠPD, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, il-projbizzjoni bħala prinċipju ta’ kull ipproċessar ta’ kategoriji speċifiċi ta’ data personali, stabbilita fl-Artikolu 9(1) ma tapplikax fil-każ fejn l-ipproċessar ikun jirrigwarda data personali li “b’mod ċar tkun saret pubblika mis-suġġett tad-data”.

76

Sa fejn jipprevedi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-ipproċessar ta’ kategoriji speċifiċi ta’ data personali, l-Artikolu 9(2)(e) tar-RĠPD għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali) (C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77

Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 9(2)(e) tar-RĠPD, għandu jiġi vverifikat jekk is-suġġett tad-data kellux l-intenzjoni, b’mod espliċitu u permezz ta’ att affermattiv ċar, li jagħmel id-data personali inkwistjoni aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 77).

78

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-round table organizzata fi Vjenna fit-12 ta’ Frar 2019, li fil-kuntest tagħha M. Schrems għamel dikjarazzjoni dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu, kienet aċċessibbli għall-pubbliku, li seta’ jikseb biljett sabiex jassisti fiżikament għaliha fil-limitu tal-postijiet disponibbli, u li kienet imxandar bi streaming. Barra minn hekk, reġistrazzjoni tagħha ġiet sussegwentement ippubblikata kemm fil-forma ta’ podcast, kif ukoll fuq il-kanal YouTube tal-Kummissjoni.

79

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti nazzjonali, ma jistax jiġi eskluż li din id-dikjarazzjoni, minkejja li tagħmel parti minn diskors iktar wiesa’ u minkejja li saret biss bil-għan li jiġi kkritikat l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq minn Facebook, tikkostitwixxi att li permezz tiegħu s-suġġett tad-data, b’għarfien sħiħ tal-fatti, jkun għamel manifestament pubblika, fis-sens tal-Artikolu 9(2)(e) tar-RĠPD, l-orjentazzjoni sesswali tiegħu.

80

Fit-tieni lok, għalkemm il-konsegwenza tal-fatt li s-suġġett tad-data jkun għamel manifestament pubbliku data dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu hija li din id-data tista’ tkun is-suġġett ta’ pproċessar, b’deroga mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 9(1) tar-RĠPD u konformement mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija ta’ referenza għal data sensittiva), C‑136/17, EU:C:2019:773, punt 64), dan il-fatt, bil-kontra ta’ dak li ssostni Meta Platforms Ireland, ma jawtorizzax, waħdu, l-ipproċessar ta’ data personali oħra relatata mal-orjentazzjoni sesswali ta’ dan is-suġġett tad-data.

81

Għalhekk, minn naħa, il-fatt li jitqies li d-data kollha dwar l-orjentazzjoni sesswali ta’ suġġett tad-data ma hijiex koperta mill-protezzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 9(1) biss għar-raġuni li s-suġġett tad-data jkun manifestament għamel pubblika data personali relatata mal-orjentazzjoni sesswali tiegħu, imur kontra l-interpretazzjoni stretta li għandha tingħata lill-Artikolu 9(2)(e) tar-RĠPD.

82

Min-naħa l-oħra, il-fatt li suġġett tad-data jkun manifestament għamel pubblika data dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu ma jippermettix li jitqies li dan is-suġġett tad-data ta l-kunsens tagħha, fis-sens tal-Artikolu 9(2)(a) tar-RĠPD, għall-ipproċessar mill-operatur ta’ pjattaforma ta’ network soċjali online ta’ data oħra relatata mal-orjentazzjoni sesswali tiegħu.

83

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(2)(e) tar-RĠPD għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li persuna esprimiet ruħha fuq l-orjentazzjoni sesswali tagħha waqt round table, li l-parteċipazzjoni għaliha hija miftuħa għall-pubbliku, ma jawtorizzax lill-operatur ta’ pjattaforma ta’ netwerk soċjali online jipproċessa data oħra dwar l-orjentazzjoni sesswali ta’ din il-persuna, miksuba, jekk ikun il-każ, barra minn din il-pjattaforma permezz ta’ applikazzjonijiet u ta’ siti tal-internet ta’ terzi msieħba, bil-għan tal-aggregazzjoni u tal-analiżi tagħha, sabiex dan l-operatur jipproponi reklamar personalizzat lill-imsemmija persuna.

Fuq l-ispejjeż

84

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data),

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-prinċipju ta’ “minimizzazzjoni tad-data” li huwa jipprevedi jipprekludi li d-data personali kollha li tkun inkisbet minn kontrollur, bħall-operatur ta’ pjattaforma ta’ network soċjali online, mingħand is-suġġett tad-data jew mingħand terzi u li tkun inġabret kemm fuq din il-pjattaforma kif ukoll barra minnha, tiġi aggregata, analizzata u pproċessata għal finijiet ta’ reklamar immirat, mingħajr limitazzjoni ratione temporis u mingħajr distinzjoni skont in-natura ta’ din id-data.

2)

L-Artikolu 9(2)(e) tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-fatt li persuna esprimiet ruħha fuq l-orjentazzjoni sesswali tagħha waqt round table, li l-parteċipazzjoni għaliha hija miftuħa għall-pubbliku, ma jawtorizzax lill-operatur ta’ pjattaforma ta’ netwerk soċjali online jipproċessa data oħra dwar l-orjentazzjoni sesswali ta’ din il-persuna, miksuba, jekk ikun il-każ, barra minn din il-pjattaforma permezz ta’ applikazzjonijiet u ta’ siti tal-internet ta’ terzi msieħba, bil-għan tal-aggregazzjoni u tal-analiżi tagħha, sabiex dan l-operatur jipproponi reklamar personalizzat lill-imsemmija persuna.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.