SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

2 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

Werrej

 

I. Il-kuntest ġuridiku

 

A. Id-dritt internazzjonali

 

B. Id-dritt tal-Unjoni

 

1. Id-Direttiva “habitats”

 

2. Id-Direttiva “għasafar”

 

C. Id-dritt Pollakk

 

1. Il-liġi dwar il-foresti

 

2. Ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba

 

3. Il-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura

 

4. Il-Liġi dwar l-Informazzjoni fuq l-Ambjent

 

5. Il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent

 

II. Il-proċedura prekontenzjuża

 

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

IV. Fuq ir-rikors

 

A. Fuq l-ewwel ilment

 

1. Fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ispeċi

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

2. Fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-habitats

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

B. Fuq it-tieni lment

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

a) Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tat-tieni lment

 

b) Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

 

Fuq l-ispejjeż

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa – Artikolu 6(1) sa (3), Artikolu 12(1)(a) sa (d), Artikolu 13(1)(a) u Artikolu 16(1) – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi – Artikolu 4(1), Artikolu 5(a), (b) u (d) u Artikolu 9(1) – Ġestjoni tal-foresti fuq il-bażi ta’ prattika tajba – Pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Aċċess għall-ġustizzja – Artikolu 6(1)(b) u Artikolu 9(2) – Eżami tal-legalità, kemm fil-mertu u kemm minn aspett proċedurali, tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti – Dritt għal azzjoni legali tal-organizzazzjonijiet għall-konservazzjoni tal-ambjent”

Fil-Kawża C‑432/21,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fil-15 ta’ Lulju 2021,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Brauhoff, G. Gattinara, C. Hermes u D. Milanowska, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), F. Biltgen, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

Wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tikkonstata li:

billi introduċiet fis-sistema nazzjonali dispożizzjonijiet li skonthom il-ġestjoni tal-foresti fuq il-bażi ta’ prattika tajba ma tikser ebda dispożizzjoni dwar il-konservazzjoni tan-natura taħt id-Direttiva 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat-13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘habitats’), u tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7), kif emendata bid-Direttiva 2013/17 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘għasafar’”), ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 6(2), l-Artikolu 12(1)(a) sa (d), l-Artikolu 13(1)(a) u (d), u l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “habitats” kif ukoll l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 5(a), (b) u (d), u l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “għasafar”, u

billi eskludiet il-possibbiltà li l-organizzazzjonijiet għall-konservazzjoni tal-ambjent li jikkontestaw quddiem qorti l-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, b’rabta mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, mal-Artikolu 216(2) TFUE, mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), mal-Artikolu 6(1)(b), u mal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall- ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”).

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt internazzjonali

2

L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, intitolat “Partiċipazzjoni tal-pubbliku fid-deċiżjonijiet dwar attivitajiet partikolari”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull parti:

a)

għandha tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu meta tkun meħtieġa deċiżjoni dwar jekk għandhomx jiġu awtorizzati jew le attivitajiet proposti tat-tip ta’ attivitajiet elenkati fl-Anness I;

b)

għandha tapplika wkoll id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, konformement mad-dritt intern tagħha, meta tkun meħtieġa deċiżjoni dwar attivitajiet proposti li ma humiex elenkati fl-Anness I u li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Il-Partijiet għandhom jiddeterminaw, f’kull każ, jekk l-attività proposta taqax taħt dawn id-dispożizzjonijiet;

ċ)

tista’ tiddeċiedi każ b’każ, fejn previst mid-dritt nazzjonali, li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu għal attivitajiet proposti għal għanijiet ta’ difiża nazzjonali, jekk tħoss li l-applikazzjoni tagħhom tista’ tippreġudika l-kisba ta’ dawn l-għanijiet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3

L-Artikolu 9 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Aċċess għall-ġustizzja”, jipprovdi:

“[…]

2.   Kull Parti għandha tiżgura, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tagħha, li l-membri tal-pubbliku kkonċernat

a)

li jkollhom interess ġuridiku suffiċjenti jew, jekk le,

b)

li jinvokaw ksur ta’ dritt, meta l-kodiċi ta’ proċedura amministrattiva ta’ Parti jeżiġi tali kundizzjoni, ikunu jistgħu jippreżentaw rikors quddiem istanza ġudizzjarja u/jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit mil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità, kemm fil-mertu u kemm minn aspett proċedurali, ta’ kwalunkwe deċiżjoni, att jew ommissjoni li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u, jekk id-dritt intern jipprevedi dan u bla ħsara għall-paragrafu 3 iktar ’il quddiem, taħt dispożizzjonijiet rilevanti oħra ta’ din il-konvenzjoni.

X’jikkostitwixxi interess suffiċjenti u ksur ta’ dritt għandu jiġi ddeterminat skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern u konformement mal-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni. Għal dan il-għan, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 2(5) għandu jitqies suffiċjenti għall-finijiet tas-subparagrafu (a) ta’ dan l-Artikolu. Tali organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet li jistgħu jiġu ppreġudikati għall-finijiet tas-subparagrafu (b) ta’ dan l-Artikolu.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu 2 ma jeskludux il-possibbiltà li jkun hemm proċedura għal stħarriġ preliminari quddiem awtorità amministrattiva u ma jaffettwawx ir-rekwiżit li jiġu eżawriti r-rimedji amministrattivi qabel ma jinfetħu proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju, meta jkun jeżisti dan ir-rekwiżit taħt id-dritt nazzjonali.

3.   Barra minn hekk u bla ħsara għall-proċeduri ta’ reviżjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 iktar ’il fuq, kull parti għandha tiżgura li l-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji eventwali previsti mid-dritt intern tagħha jkunu jistgħu jipproċedu bi proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ individwi jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jiksru dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent.

4.   Barra minn hekk u bla ħsara għall-paragrafu 1 iktar ’il fuq, il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 iktar ’il fuq għandhom jipprovdu rimedji xierqa u effettivi, inkluż ordnijiet fejn ikun xieraq, u għandhom ikunu ġusti, ekwi, fil-ħin u m’għandhomx jiswew b’mod li jiġi prekluż l-użu tagħhom. Id-deċiżjonijiet taħt dan l-Artikolu għandhom jingħataw jew jiġu rreġistrati bil-miktub. Deċiżjonijiet ta’ qrati, u kull fejn possibbli ta’ korpi oħrajn, għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

B.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva “habitats”

4

L-Artikolu 1tad-Direttiva “habitats” jistipula:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

a)

konservazzjoni tfisser għadd ta’ miżuri meħtieġa biex jiġu mantnuti jew ripristinati l-habitat naturali u l-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa fi stat favorevoli kif imfisser f’(e) u (i);

[…]

j)

sit tfisser żona definita ġeografikament li dwarha hemm indikat b’mod ċar sa fejn twassal;

k)

sit ta’ importanza għall-Komunità tfisser sit li, fir-reġjun bioġeografiku jew reġjuni bioġeografiċi li jinsab fih, jgħin b’ mod sinifikanti fil-manteniment jew fir-ripristinar fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew ta’ speċi fl-Anness II u jista’ wkoll jgħin b’ mod sinifikanti għall-koerenza ta’ Natura 2000 imsemmija fl-Artikolu 3, u/jew jgħin b’ mod sinifikanti fil-ħarsien tad-diversità bioloġika fi ħdan ir-reġjun bioġeografiku jew reġjuni bioġeografiċi konċernati.

Għall-ispeċi ta’ l-annimali li jimirħu fuq żoni kbar, is-siti ta’ importanza għall-Komunità għandhom jaqblu mal-postijiet fil-medda naturali ta’ dawk l-ispeċi li joffru l-fatturi fiżiċi jew bioloġiċi essenzjali għall-għijxien u r-riproduzzjoni tagħhom;

l)

żona speċjali ta’ konservazzjoni tfisser sit ta’ importanza għall-Komunità nnominat mill-Istati Membri permezz ta’ att statutorju, amministrattiv u/jew kuntrattwali li bih il-miżuri meħtieġa ta’ konservazzjoni huma applikati għall-manteniment jew għar-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u/jew il-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi li għalihom is-sit ġie nominat;

[…]”.

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat.

2.   Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.

[…]”.

6

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.   Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.   Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

7

L-Artikolu 12(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:

a)

l-forom kollha ta’ qbid volontarju jew qtil ta’ kampjuni minn dawn l-ispeċi fis-selvaġġ;

b)

tfixkil volontarju ta’ dawn l-ispeċi, speċjalment waqt il-perjodu tat-tgħammir, tkabbir, ibernazzjoni u migrazzjoni;

ċ)

qerda volontarja jew teħid tal-bajd mis-selvaġġ;

d)

deterjorazzjoni jew qerda ta’ siti tat-tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ.”

8

Skont kliem l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva “habitats”:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistbailixxu [jistabbilixxu] sistema għall-ħarsien strett ta’ l-ispeċi tal-pjanti elenkati fl-Anness IV (b), u li jipprojbixxu:

a)

il-ġbir, qtugħ, qlugħ mill-għeruq jew qerda intenzjonata ta’ dawk il-pjanti fil-firxa naturali tagħhom fis-selvaġġ;

b)

iż-żamma, it-trasport u l-bejgħ jew skambju, u l-offerta għall-bejgħ jew skambju, ta’ kampjuni meħuda mis-selvaġġ, ħlief għal dawk meħuda b’mod legali qabel ma tiġi implimentata din id-Direttiva.”

9

L-Artikolu 16 tal-istess direttiva jistipula:

“1.   Sakemm ma jkunx hemm alternattiva sodisfaċenti u d-deroga mhix ta’ dannu għall-ħarsien tal-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi konċernati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 12, 13, 14 u15 (a) u (b):

a)

fl-interess li jħarsu l-fawna u l-flora selvaġġa u li jikkonservaw l-habitat naturali;

b)

biex jipprevjenu l-ħsara serja, b’mod partikolari lill-uċuh tar-raba’, lill-bhejjem, lill-foresti, lis-sajd u lill-ilma u lil tipi oħra ta’ proprjetà;

ċ)

fl-interessi tas-saħħa u s-sigurtà pubblika, jew għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk tat-tip soċjali jew ekonomiku u l-konsegwenzi ta’ benefiċċju ta’ l-akbar importanza għall-ambjent;

d)

għall-għan tar-riċerka u l-edukazzjoni, biex tiġġedded il-popolazzjoni u biex jiġu introdotti mill-ġdid dawn l-ispeċi u għall-ħidmiet ta’ tgħammir meħtieġa għal dawn l-iskopijiet, inkluża l-propagazzjoni artifiċjali tal-pjanti;

e)

biex ikun jista’ jsir, taħt kondizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta, fuq bażi selettiva u għal ammont limitat, it-teħid jew iż-żamma ta’ ċerti kampjuni ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness IV f’għadd limitat speċifikat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni kull sentejn rapport skond l-għamla stabbilita mill-Kumitat dwar id-derogi mħaddna skond il-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-opinjoni tagħha dwar dawn id-derogi f’perjodu ta’ żmien massimu ta’ 12-il xahar wara li tirċievi r-rapport u trid tagħti rendikont lill-Kumitat.

[…]”.

2. Id-Direttiva “għasafar”

10

L-Artikolu 1 tad-Direttiva “għasafar” huwa fformulat kif ġej:

“1.   Din id-Direttiva hija dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi kollha tal-għasafar li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat. Din tkopri l-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll ta’ dawn l-ispeċi u tippreskrivi regoli għall-isfruttar tagħhom.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-għasafar, il-bajd, il-bejtiet u l-ambjent naturali tagħhom.”

11

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   L-ispeċi msemmija fl-Anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-ambjent naturali tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

F’konnessjoni ma’ dan, għandu jittieħed kont tal-:

a)

ispeċi fil-perikolu tal-estinzjoni;

b)

ispeċi vulnerabbli għal ċertu tibdil fl-ambjent naturali tagħhom;

c)

ispeċi kkunsidrati rari minħabba popolazzjonijiet żgħar jew distribuzzjoni lokali ristretta;

d)

ispeċi oħra li jkollhom bżonn attenzjoni partikolari għar-raġunijiet tan-natura speċifika tal-ambjent naturali tagħhom.

Id-drawwiet u l-varjazzjonijiet fil-livelli tal-populazzjoni għandhom ikunu meħuda in konsiderazzjoni bħala sfond għal evalwazzjonijiet.

L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs, partikolarment bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-Anness I, billi jżommu f’moħħhom il-bżonn tagħhom għal protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva, rigward iż-żoni ta’ tgħammir, tbiddil u żoni fejn iqattgħu x-xitwa u postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom. […]

[…]

4.   Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali u kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ dan l-Artikolu. Barra minn dawn iż-żoni tal-protezzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-iżjed possibbli biex jevitaw it-tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali.”

12

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7 u 9, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ġenerali ta’ protezzjoni għall-ispeċi kollha tal-għasafar imsemmija fl-Artikolu 1, li tipprojbixxi partikolarment:

a)

il-qtil u l-qabda intenzjonata bi kwalunkwe metodu;

b)

il-qerda, jew il-ħsara intenzjonata lill-bejtiet u l-bajd tagħhom jew it-tneħħija tal-bejtiet tagħhom;

[…]

d)

it-tfixkil intenzjonat ta’ dawn l-għasafar partikolarment waqt il-perjodu tat-tgħammir u tkabbir, sakemm dan it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ din id-Direttiva;

[…]”.

13

Skont kliem l-Artikolu 9 tal-istess direttiva:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonjiet tal-Artikoli 5 sa 8, fejn ma hemm ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti għar-raġunijiet li ġejjin:

a)

fl-interess tas-saħħa u s-siġurtà tal-pubbliku,

fl-interess tas-sigurtà tal-ajru,

biex ikunu prevenuti l-ħsarat serji tal-uċuħ, tal-bhejjem, tal-foresti, tas-sajd u tal-ilma,

għall-protezzjoni tal-flora u l-fawna;

b)

għal għanijiet tar-riċerka u t-tagħlim, tar-ripopolazzjoni, l-introduzzjoni mill-ġdid u għat-tagħmir neċessarju għal dawn l-għanijiet;

c)

biex jippermettu, taħt kondizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta u fuq bażijiet selettivi, il-qabda, iż-żamma jew l-użi oħra meqjusa ta’ ċerti għasafar f’numri żgħar.

2.   Id-derogi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jispeċifikaw:

a)

l-ispeċi li huma suġġetti għad-derogi;

b)

l-mezzi, l-arranġamenti jew il-metodi awtorizzati għall-qabda jew il-qtil;

c)

il-kondizzjonjiet tar-riskju u ċ-ċirkostanzi taż-żmien u l-post skont liema derogi bħal dawn jistgħu jingħataw;

d)

l-awtorità li jkollha s-setgħa li tiddikjara li l-kundizzjonijiet meħtieġa jkunu sodisfatti u li tiddeċidi liema mezzi, arranġamenti jew metodi jistgħu jkunu użati, f’liema limiti u minn min;

e)

il-kontrolli li se jkunu magħmula.

3.   Kull sena l-Istati Membri għandhom jibagħtu rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 u 2.

[…]”.

C.   Id-dritt Pollakk

1. Il-liġi dwar il-foresti

14

L-Artikolu 6(1) tal-ustawa o lasach (il-Liġi dwar il-Foresti), tat-28 ta’ Settembru 1991 (Dz. U. tal-1991, Nru 101, Pożizzjoni 444), fil-verżjoni kkonsolidata tagħha (Dz. U. tal-2018, Pożizzjoni 2129) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Foresti”), jistipula:

“It-termini użati fil-liġi huma dawn li ġejjin:

[…]

6)

pjan ta’ ġestjoni tal-foresti – id-dokument bażiku tal-ġestjoni tal-foresti ppreparat għal sit speċifiku, li jinkludi deskrizzjoni u evalwazzjoni tal-istat tal-foresta u l-għanijiet, kompiti u metodi ta’ ġestjoni tal-foresti;

[…]”.

15

L-Artikolu 14b ta’ din il-liġi, li ġie introdott fl-1 ta’ Jannar 2017 permezz tal-Artikolu 2 tal-ustawa o zmianie ustawy o ochronie przyrody oraz ustawy o lasach (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura u l-Liġi dwar il-Foresti), tas-16 ta’ Diċembru 2016 (Dz. U. tal-2016, Pożizzjoni 2249), huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-proprjetarji ta’ foresti għandhom jimplimentaw l-għanijiet u l-prinċipji ta’ ġestjoni tal-foresti indikati fil-liġi, b’mod partikolari għandhom jissodisfaw l-obbligi msemmija fl-Artikolu 9(1), fl-Artikolu 13(1) u fl-Artikolu 14(4) kif iddeterminat minnhom, sakemm il-mod ta’ kif jiġi osservat obbligu partikolari ma jkunx ġie ddeterminat mil-liġi.

[…]

3.   Il-ġestjoni tal-foresti eżegwita konformement mar-rekwiżiti ta’ prattika tajba fil-qasam ta’ ġestjoni tal-foresti ma tiksirx id-dispożizzjonijiet dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi, ta’ formazzjonijiet u ta’ komponenti naturali partikolari, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51 u tal-Artikolu 52 tal-[ustawa o ochronie przyrody (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura), tas-16 ta’ April 2004 (verżjoni kkonsolidata Dz. U. tat-2018, Pożizzjoni 1614) (iktar ’il quddiem il-‘Liġi dwar il-Protezzjoni tan-natura’)].”

16

L-Artikolu 22 tal-Liġi dwar il-Foresti jipprevedi:

“1.   Il-Ministru għall-ambjent għandu japprova pjan ta’ ġestjoni tal-foresti għall-foresti li huma proprjetà tat-Teżor pubbliku u pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti simplifikati għall-foresti li jifformaw parti mir-riżorsi tal-proprjetà agrikola tat-Teżor pubbliku.

[…]

4.   Il-Ministru għall-ambjent għandu jissuperviżjona l-eżekuzzjoni tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti għall-foresti li huma proprjetà tat-Teżor pubbliku u l-eżekuzzjoni tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti ssimplifikati għall-foresti li jifformaw parti mir-riżorsi tal-proprjetà agrikola tat-Teżor pubbliku.

[…]”.

2. Ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba

17

Ir-rekwiżiti ta’ prattika tajba ta’ ġestjoni tal-foresti huma previsti fir-rozporządzenie Ministra Środowiska w sprawie wymagań dobrej praktyki w zakresie gospodarki leśnej (ir-Regolament tal-Ministru għall-Ambjent dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba ta’ Ġestjoni tal-Foresti), tat-18 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal-2017, Pożizzjoni 2408) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar ir-rekwiżiti ta’ Prattika Tajba”).

18

Il-paragrafu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Ir-rekwiżiti segwenti fil-qasam ta’ prattiċi tajba ta’ ġestjoni tal-foresti huma ddefiniti kif ġej:

1)

qabel ix-xogħlijiet ta’ ġestjoni tal-foresti, għandha titwettaq spezzjoni fuq il-post fis-sezzjoni tal-foresta jew biċċa art li fuqha huma previsti operazzjonijiet sabiex tiġi vverifikata l-preżenza ta’ speċi protetti jew ta’ siti potenzjali għall-preżenza tagħhom;

2)

qabel it-twettiq ta xogħlijiet ta’ ġestjoni tal-foresta, is-siti fejn jinstabu speċi protetti, il-postijiet importanti għall-ispeċi protetti li għandhom jiġu ppreżervati għandhom jiġu mmarkati temporanjament fejn għandu jiżgura b’mod ieħor li dawn is-siti u dawn il-postijiet huma magħrufa minn min iwettaq ix-xogħlijiet;

3)

jekk il-preżenza ta’ siti ta’ speċi protetti jew ta’ siti potenzjali ta’ speċi protetti tiġi żvelata matul ix-xogħlijiet, il-punti 1 u 2 jiġu applikati mutatis mutandis, inkluż, jekk ikun il-każ, il-bidla immedjata tal-mod ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet u, jekk meħtieġ, tal-miżuri xierqa sabiex id-danni kkawżati jiġu minimizzati jew ikunu kkumpensati;

4)

fuq ix-xtajtiet tal-uċuħ tal-ilma u tan-nixxiegħat tal-ilma, minn tal-inqas 10 metri mix-xatt, għandhom jitħallew: iz-zkuk tas-siġar li waqgħu, l-arbuxxelli, il-ġebel il-kbir sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ilma u l-migrazzjoni tal-annimali;

5)

matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni tal-għasafar, is-siġar li fuqhom jiġu identifikati għasafar li jbejtu ma għandhomx jiġu maqtugħin;

6)

is-siġar biz-zokk vojt għandhom jitħallew sakemm jiddekomponu b’mod naturali;

7)

is-siġar mejta għandhom jitħallew b’mod li tiġi żgurata l-kontinwità ta’ injam mejjet, il-kwantità ta’ njam mejjet madankollu ma għandux jippreżenta b’mod partikolari riskju ta’ nirien jew ta’ aġenti bijotiċi ta’ ħsara;

8)

l-enklavi fil-foresta, inkluż l-fetħiet u l-pjanuri fejn ġew identifikati siti ta’ speċi protetti assoċjati ma żoni miftuħa, għandhom jinżammu fi stat mhux deterjorata jekk meħtieġ bit-tneħħija ta’ siġar u ta’ arbuxxelli u permezz ta’ ħsad bit-tneħħija tal-biomassa;

9)

il-korpi ta’ ilma u n-nixxiegħat tal-ilma f’ambjent tal-foresta għandhom jitħallew fl-istat naturali tagħhom jew, f’każijiet partikolari, qrib l-istat naturali;

10)

is-soddod tan-nixxiegħat tal-ilma ma għandhomx jintużaw għat-trasport tal-injam;

11)

il-pjanifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ ġestjoni tal-foresti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni n-neċessità li tiġi ppreżervata d-diversità tal-fażijiet tal-iżvilupp tas-siġar sfiqi tal-foresti fil-livell tal-pajżaġġ;

12)

huwa rrakkomandat li jiġi żgurat is-sehem tal-ispeċi ta’ bidu ta’ suċċessjoni tas-siġar sfiqi, b’mod partikolari il-Betula, il-Populus tremula, is-Salix caprea. Is-sehem tal-ispeċi msemmija iktar ’il fuq ta’ iktar minn 10 % jiddependi fuq id-deċiżjoni tal-proprjetarju tal-foresta, meħuda inkunsiderazzjoni l-kriterji naturali, soċjali u ekonomiċi;

13)

ir-ripristinar u l-afforestazzjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni:

a)

il-kundizzjonijiet naturali reġjonali,

b)

ir-reġjonalizzazzjoni taż-żriegħraħ fis-sens tal-leġiżlazzjoni fuq il-materjal tal-foresti ta’ riproduzzjoni,

c)

il-kundizzjonijiet tal-habitat u l-istat tal-ambjent naturali;

14)

qabbel it-twettiq tal-qtugħ ta’ riġenerazzjoni, għandu jingħażel it-tip ta’ qtugħ skont il-metodu ta’ riġenerazzjoni previst: naturali jew artifiċjali;

15)

ir-riġenerazzjoni naturali tintuża meta l-istokk omm li minnu għandhom jiġu stabbiliti s-siġar sfiqi li jdakkru lilhom innifishom huwa ta’ kwalità għolja u huwa kompost minn speċi mixtieqa fl-istess sit, meta l-kundizzjonijiet tal-habitat jippermettu li tinkiseb riġenerazzjoni naturali u meta din ir-riġenerazzjoni tiggarantixxi iktar minn 50 % tas-superfiċi kkultivata u l-istabbilità tas-siġar sfiqi;

16)

fis-siġar sfiqi maturi għar-riġenerazzjoni, amministrati permezz ta’ tqaċċit totali tas-siġar ta’ iktar minn ettaru, il-gruppi ta’ siġar xjuħ għandhom jitħallew fl-istat naturali u ma għandhomx jokkupaw iktar minn 5 % tas-superfiċi ta’ tqaċċit totali tas-siġar;

17)

it-tqaċċit totali tas-siġar ma għandux jiġi pprattikat direttament fuq l-għejjun tal-ilma, ix-xmajjar, l-għadajjar, it-torbieri u n-nixxiegħat tal-ilma ta’ fuq ir-riħ, kif ukoll fil-postijiet ta’ memorja nazzjonali u ta’ kult reliġjuż; f’dawn il-postijiet, huwa rrakkomandat li jitħallew żoni ta’ ekotone naturali jew li jinħolqu tali żoni, b’mod partikolari billi jitħawwlu arbuxxelli, jekk dawn huma assenti, u billi dawn jiġu mantnuti;

18)

meta l-miżuri tekniċi li għandhom jiġu implimentati waqt operazzjonijiet ta’ manutenzjoni, ta’ ġbir u ta’ qtugħ ikunu jeżiġu dan, għandhom jiġu stabbiliti itinerarju ta’ operazzjoni fis-siġar sfiqi fil-forma ta’ strixxi ta’ superfiċi tal-foresta ħielsa minn siġar u minn arbuxxelli, li l-wisa’ u l-ispazjar tagħhom għandhom jippermettu it-twettiq tal-operazzjonijiet ta’ manutenzjoni, ta’ ġbir u ta’ qtugħ;

19)

il-metodi kimiċi ta’ protezzjoni tal-foresti jistgħu jintużaw biss meta ma huwiex possibbli ma huwiex raġonevoli li jintużaw metodi oħra, fejn is-sigurtà tal-persuni, tal-annimali u tal-ambjent għandhom dejjem jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-għażla tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.”

3. Il-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura

19

L-Artikoli 48 sa 50 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura jipprovdu li l-Ministru għall-ambjent, li jaġixxi bi qbil mal-Ministru għall-Agrikoltura, għandu jiddetermina, permezz ta’ regolament, b’mod partikolari l-ispeċi ta’ pjanti, ta’ annimali u ta’ fungi protetti, il-projbizzjonijiet li jirrigwardawhom, kif ukoll il-metodi tal-protezzjoni tagħhom.

20

L-Artikoli 51 u 52 ta’ din il-liġi jipprevedu il-projbizzjonijiet possibbli li jirrigwardaw l-ispeċi ta’ annimali u ta’ pjanti protetti.

21

L-Artikolu 56 tal-imsemmija liġi jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom il-possibbiltà li jawtorizzaw l-attivitajiet li huma s-suġġett ta’ projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 51 u 52 tal-istess liġi.

4. Il-Liġi dwar l-Informazzjoni fuq l-Ambjent

22

L-Artikolu 44 tal-ustawa o udostępnianiu informacji o środowisku i jego ochronie, udziale społeczeństwa w ochronie środowiska oraz o ocenach oddziaływania na środowisko (il-Liġi dwar l-Informazzjoni fuq l-Ambjent u l-Protezzjoni Tiegħu, fuq il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fil-Protezzjoni tal-Ambjent u fuq l-Istudji ta’ Effetti fuq l-Ambjent), tat-3 ta’ Ottubru 2008 (verżjoni konsolidata Dz. U. tal-2018, Pożizzjoni 2018) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Informazzjoni fuq l-Ambjent”) jagħti lill-organizzazzjonijiet ambjentali d-dritt li jipparteċipaw fi proċedura li teħtieġ parteċipazzjoni tal-pubbliku, id-dritt li jressqu rikors amministrattiv kontra deċiżjoni meħuda fil-kuntest ta’ proċedura li teħtieġ il-parteċipazzjoni tal-pubbliku, kif ukoll id-dritt li jippreżentaw rikors quddiem qorti amministrattiva kontra tali deċiżjoni.

5. Il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent

23

Skont kliem l-Artikolu 323 tal-ustawa – Prawo ochrony środowiska (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent), tas-27 ta’ April 2001 (verżjoni konsolidata Dz. U. tal-2019, Pożizzjoni 1396) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent”):

“1.   Kull persuna direttament mhedda minn dannu jew li ġarrbet dannu minħabba ħsara illegali għall-ambjent tista’ teżiġi li l-entità responsabbli mit-theddida jew mill-ħsara terġa tistabbilixxi l-istat ta’ fatt legali u tieħu l-miżuri preventivi, b’mod partikolari billi tistabbilixxi installazzjonijiet jew tagħmir intiż li jipprevjeni t-theddida jew il-ħsara; meta dan ma jkunx possibbli jew ikun eċċessivament diffiċli, hija tista’ teżiġi l-waqfien tal-attività li tat lok għat-theddida jew għall-ħsara.

2.   Meta t-theddida jew il-ħsara tirrigwarda l-ambjent inkwantu beni komuni, it-talba msemmija fil-paragrafu 1 tista’ titressaq mit-Teżor pubbliku, minn unità ta’ gvern lokali, kif ukoll minn organizzazzjoni ambjentali.”

II. Il-proċedura prekontenzjuża

24

Fl-20 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni bdiet proċedura EU Pilot [Fajl EUP(2011)2856] u talbet lill-awtoritajiet Pollakki jipprovdu kjarifiki dwar l-eżenzjoni, prevista mil-leġiżlazzjoni Pollakka, mill-obbligi previsti mid-direttivi “habitats” u “għasafar” f’dak li jirrigwarda l-operazzjonijiet fil-qasam ta’ ġestjoni tal-foresti. Fid-dawl tas-soluzzjonijiet proposti minn dawn l-awtoritajiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħlaq il-proċedura EU Pilot.

25

Fid-dawl tal-informazzjoni u tal-ilmenti li ġew sussegwentement ippreżentati quddiemha, il-Kummissjoni qieset li kien hemm ksur tad-dritt tal-Union. Barra minn hekk, hija osservat li d-dritt Pollakk ma kienx jiggarantixxi lill-organizzazzjonijiet għall-konservazzjoni tal-ambjent il-possibbiltà li jikkontestaw il-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti permezz ta’ rimedji amministrattiv u ġudizzjarju, u b’dan il-mod kien jikser l-obbligu li tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet mogħtija lill-dawn l-organizzazzjonijiet mid-direttivi “habitats” u “għasafar”.

26

Fl-20 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Polonja ittra ta’ intimazzjoni, li fiha sostniet, fl-ewwel lok, li, billi introduċiet, fis-sistema nazzjonali, dispożizzjonijiet li jipprevedu li l-ġestjoni tal-foresti bbażata fuq rekwiżiti ta’ prattika tajba ma jiksru ebda dispożizzjoni dwar il-konservazzjoni tan-natura prevista fid-direttivi “għasafar” u “habitats”, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(1) u (2), l-Artikolu 12(1)(a) sa (d), l-Artikolu 13(1)(a), u l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “habitats”, kif ukoll taħt l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 5(a), (b) u (d), u l-Artikolu 9 tad-Direttiva “għasafar”. Fit-tieni lok, l-imsemmija istituzzjoni allegat li, billi tipprekludi lill-organizzazzjonijiet għall-konservazzjoni tal-ambjent milli jikkontestaw quddiem qorti l-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti li jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fuq sit Natura 2000 u, konsegwentement, billi eskludiet mill-protezzjoni ġudizzjarja effettiva d-drittijiet ta’ dawn l-organizzazzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” u li jirrigwardaw dawn il-pjanijiet, ir-Repubblika tal-Polonja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, b’rabta mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, mal-Artikolu 216(2) TFUE, mal-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll mal-Artikolu 6(1)(b), u mal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

27

Fl-20 ta’ Settembru 2018, ir-Repubblika tal-Polonja rrispondiet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni.

28

Fis-26 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata, li ġiet irċevuta fl-istess jum mir-Repubblika tal-Polonja, li fiha din l-istituzzjoni kkonfermat l-ilmenti fformulati fl-ittra ta’ intimazzjoni, filwaqt li talbet li r-Repubblika tal-Polonja tadotta, fit-terminu ta’ xahrejn b’effett minn meta rċeviet l-opinjoni motivata, il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha magħha.

29

Fis-26 ta’ Settembru 2019, ir-Repubblika tal-Polonja rrispondiet għall-opinjoni motivata billi kkontestat in-nuqqasijiet allegati mill-Kummissjoni filwaqt li ddikjarat, f’dak li jirrigwarda l-ewwel ilment espost f’din l-opinjoni, l-adozzjoni fil-ġejjieni ta’ dispożizzjonijiet ġodda intiżi li jiċċaraw l-istat tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

30

Peress li ma kinitx sodisfatt b’din ir-risposta, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

31

Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Lulju 2022, bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni informat lil din tal-aħħar li s-semmija, fit-talbiet tagħha li jinstabu fid-dispożittiv tar-rikors fil-verżjoni tiegħu fil-lingwa tal-proċedura u li jirrigwardaw l-ewwel ilment tagħha, tal-Artikolu 13(1)(a) u (d) tad-Direttiva “habitats” u tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “għasafar”, kienet unikament dovuta għal żball tal-pinna u rrettifikat dawn it-talbiet fis-sens li dawn ma għandhomx jirreferu għall-imsemmija dispożizzjonijiet iżda, rispettivament, għall-Artikolu 13(1)(a) tad-Direttiva “habitats” u għall-Artikolu 9(1) tad-Direttiva “għasafar”.

32

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-suġġett tar-rikors ippreżentat bis-saħħa tal-Artikolu 258 TFUE huwa limitat mill-proċedura prekontenzjuża prevista f’din id-dispożizzjoni u li, konsegwentement, l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni u r-rikors għandhom ikunu bbażati fuq ilmenti identiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Ċipru, C‑515/14, EU:C:2016:30, punt 12).

33

Din-l-eżiġenza tirrispondi l-għan tal-proċedura prekontenzjuża li, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa dak li l-Istat Membru kkonċernat jingħata l-opportunità, minn naħa, li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jinvoka l-eċċezzjonijiet tad-difiża tiegħu b’mod utli kontra l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2022, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (Ġlieda kontra l-frodi tas-sottovalutazzjoni), C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li, kemm fl-ittra ta’ intimazzjoni u fl-opinjoni motivata kif ukoll fl-argumenti żviluppati fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni semmiet, b’mod kostanti, l-Artikolu 13(1)(a) tad-Direttiva “habitats” u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva “għasafar”, mingħajr ma għamlet riferiment għad-dispożizzjonijiet żbaljatament imsemmija fit-talbiet tar-rikors fil-verżjoni tiegħu fil-lingwa tal-proċedura. Min-naħa l-oħra, din is-semmija bl-ebda mod ma wasslet sabiex ir-Repubblika tal-Polonja tiġi indotta fi żball peress li, kemm fir-risposta tiegħu kif ukoll fil-kontroreplika tiegħu, dan l-Istat Membru għamel riferiment, b’mod konsistenti, għall-Artikolu 13(1)(a) tad-Direttiva “habitats” u għall-Artikolu 9(1) tad-Direttiva “għasafar”.

35

Minn dan jirriżulta li r-Repubblika tal-Polonja kienet manifestament f’pożizzjoni li ssostni b’mod sħiħ il-motivi tad-difiża tagħha fir-rigward tal-ilmenti fformulati mill-Kummissjoni, u dan, kemm fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża kif ukoll fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, mingħajr ma l-iżbalji tal-pinna indikati fil-punt 31 ta’ din is-sentenza ma affettwaw ħażin id-drittijiet tad-difiża tal-imsemmi Stat Membru.

36

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel ilment tar-rikors tal-Kummissjoni għandu jinqara fis-sens li jirrigwarda l-Artikolu 6(1) u (2), l-Artikolu 12(1)(a) sa (d), l-Artikolu 13(1)(a), u l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “habitats”, kif ukoll l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 5(a), (b) u (d), u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva “għasafar”.

IV. Fuq ir-rikors

A.   Fuq l-ewwel ilment

1. Fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ispeċi

a) L-argumenti tal-partijiet

37

Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni essenzjalment issostni li l-introduzzjoni, fid-dritt Pollakk, ta’ dispożizzjoni li tgħid li l-ġestjoni tal-foresti eżerċitata abbażi tar-rekwiżiti ta’ prattika tajba tal-foresti ma tikser ebda dispożizzjoni dwar il-konservazzjoni tan-natura koperta mir-rekwiżiti previsti mid-direttivi “għasafar” u “habitats” tikkostitwixxi traspożizzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ta’ dawn id-direttivi.

38

F’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-ispeċi, fir-rikors tagħha l-Kummissjoni tfakkar li l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva “habitats” u l-Artikolu 5 tad-Direttiva “għasafar” jipprevedu l-obbligu li jiġu stabbiliti sistemi ta’ protezzjoni stretta għall-ispeċi ta’ annimali elenkati fil-punt(a) tal-Anness IV tad-Direttiva “habitats” u għall-ispeċi ta’ pjanti elenkati fil-punt (b) tal-Anness IV ta’ din id-direttiva, kif ukoll l-obbligu li jiġu protetti l-għasafar selvaġġi, konformement mad-Direttiva “għasafar”. Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 16 tad-Direttiva “habitats” u l-Artikolu 9 tad-Direttiva “għasafar” jippermettu deroga mill-imsemmija obbligi, dawn id-derogi għandhom, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġu interpretati b’mod strett.

39

Issa, il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni Pollakka ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ traspożizzjoni korretta u ma tipprovdix qafas legali għal sistema koerenti ta’ projbizzjonijiet u ta’ derogi konformi mal-imsemmija dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ direttivi.

40

F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 14b(3) tal-Liġi dwar il-Foresti, li jipprevedi li l-ġestjoni tal-foresti mwettqa konformement mar-rekwiżiti ta’ prattika tajba tal-foresti ma tiksirx id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-natura, il-Kummissjoni tosserva, b’mod partikolari, li r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba ma jipprevedix il-kundizzjoni, imsemmija fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “habitats”, li tgħid li l-attività ma għandhiex tkun ta’ ħsara “għall-ħarsien tal-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi konċernati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom”.

41

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni li dan ir-regolament ma jipprevedi ebda projbizzjoni jew obbligu ta’ waqfien tax-xogħlijiet ta’ ġestjoni tal-foresti f’dawn is-siti fil-każ li jiġu skoperti speċi protetti.

42

Barra minn hekk, bil-kotra tar-rekwiżiti imposti fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “habitats” u fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva “għasafar”, ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba allegatament ma jipprevedix li deroga mir-regoli tal-protezzjoni tal-ispeċi hija possibbli biss jekk ma jkunx hemm “alternattiva sodisfaċenti”.

43

Dan ir-regolament lanqas ma jipprevedi xi obbligu li jiġi applikat wieħed mill-motivi ta’ deroga stipulati fl-Artikolu 16 tad-Direttiva “habitats” jew fl-Artikolu 9 tad-Direttiva “għasafar”.

44

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar, f’dak li jirrigwarda l-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva “habitats”, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjoni dwar in-natura intenzjonali tal-qbid jew tal-qtil ta’ kampjuni minn dawn l-ispeċi prevista minn din id-dispożizzjoni hija ssodisfatta anki meta l-awtur tal-att aċċetta biss il-possibbiltà ta’ tali qbid jew ta’ tali qtil (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2021, Föreningen Skydda Skogen, C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2021:166, punt 51, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). L-istess konstatazzjoni tapplika fir-rigward tal-Artikolu 5(b) u (d) tad-Direttiva “għasafar”.

45

Il-Kummissjoni tagħmel. Barra minn hekk, riferiment għall-ittra tad-Direttur Ġenerali tal-foresti tal-Istat, tas-6 ta’ Marzu 2018, indirizzata lid-diretturi tad-direttorati reġjonali tal-foresti tal-Istat, li fiha dan id-Direttur Ġenerali kkonstata li għalkemm l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba hija volontarja, xorta jibqa’ l-fatt li, fil-każ ta’ operazzjonijiet li jmorru kontra dawn id-dispożizzjonijiet, il-proprjetarju tal-foresta għandu, madankollu, jikseb kull darba deroga, jiġifieri l-kunsens tal-awtorità kompetenti fil-qasam tal-konservazzjoni tan-natura sabiex iwettaq l-operazzjonijiet inkwistjoni. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, din l-ittra tikkonferma li l-għan imfittex mill-Artikolu 14b(3) tal-Liġi dwar il-Foresti huwa li tiġi stabbilita eżenzjoni ġenerali mill-obbligu li jintalbu derogi individwali.

46

Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tirribatti li, konformement mal-Artikoli 48 sa 50 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura, il-Ministru għall-ambjent għandu jiddefinixxi, permezz ta’ regolament, l-ispeċi ta’ pjanti, ta’ annimali u ta’ fungi koperti mid-diversi kategoriji ta’ protezzjoni, li jeħtieġu li jiġi ddeterminati żoni ta’ protezzjoni tar-rifuġji tagħhom jew tas-siti tagħhom (u, f’dak li jirrigwarda l-annimali, anki tas-siti ta’ riproduzzjoni tagħhom jew fejn ikunu regolarment), u li huma, konformement ma din il-liġi, protetti minn projbizzjonijiet xierqa, previsti fl-Artikoli 51 u 52 ta’ din il-liġi. B’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-ispeċi partikolarment prezzjużi huma allegatament protetti konformement mar-regolamenti rispettivi tal-Ministru għall-ambjent fil-qasam ta’ protezzjoni tal-ispeċi.

47

L-introduzzjoni fl-ordinament ġuridiku Pollakk tar-rekwiżiti ta’ prattika tajba fil-qasam ta’ ġestjoni tal-foresti ma biddlitx il-prinċipji li jirriżultaw mill-Artikoli 48 sa 50 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura u tar-regolamenti ta’ implimentazzjoni li jipprevedu l-projbizzjonijiet fir-rigward tal-ispeċi strettament protetti.

48

F’dak li jirrigwarda r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba, dan għandu jiġi eżaminat fil-kuntest kemm tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Informazzjoni fuq l-Ambjent, kif ukoll tal-ustawa o zapobieganiu szkodom w środowisku i ich naprawie (il-Liġi dwar il-Prevenzjoni u t-Tiswija tad-Danni Ambjentali), tat-13 ta’ April 2007 (verżjoni konsolidata Dz. U. tal-2020, Pożizzjoni 2187) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Prevenzjoni u t-Tiswija tad-Danni Ambjentali”). Issa, l-obbligu taż-żamma, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija liġijiet. Għaldaqstant, il-fatt li r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba ma jipprevedix expressis verbis il-kundizzjoni li tgħid li l-attività inkwistjoni ma għandhiex tkun ta’ ħsara “għall-ħarsien tal-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi konċernati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom” ma jagħmlux kuntrarju għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-direttivi “habitats” u “għasafar”.

49

L-argument tal-Kummissjoni li jgħid li r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba ma jipprevedi ebda obbligu li jintemmu x-xogħlijiet ta’ ġestjoni tal-foresti fis-siti inkwistjoni huwa kontradett mill-formulazzjoni tal-punt 3(1) ta’ dan ir-regolament.

50

Fil-każ ta’ identifikazzjoni ta’ siti ta’ speċi protetti, il-proprjetarju tal-foresta huwa allegatament obbligat li jibdel l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-foresti billi japplika miżuri ta’ limitazzjoni b’tali mod li jiġu evitati l-qtil, il-qerda u t-tfixkil intenzjonali. Meta l-proprjetarju tal-foresta jixtieq iwettaq operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-foresti f’żona jew f’sit fejn ġiet skoperta speċi protetta, huwa obbligat li jikseb deroga individwali konformement mal-kundizzjonijiet ġenerali li jirriżultaw mill-Artikolu 56 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura, fejn dawn il-kundizzjonijiet jirriflettu l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva “habitats” u fl-Artikolu 9 tad-Direttiva “għasafar”.

51

Ir-Repubblika tal-Polonja tkompli tesponi li r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba jipprevedi protezzjoni addizzjonali tal-ispeċi meta mqabbla ma dik prevista fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ġenerali. Fil-fatt, huwa possibbli li kampjun ta’ speċi protetta jistabbilixxi ruħu f’post ġdid fejn jgħix wara t-tfassil tal-pjan tal-kompiti ta’ konservazzjoni ta’ sit speċifiku Natura 2000. F’tali każ, bis-saħħa taż-żjarat fuq il-post, il-proprjetarju tal-foresta jista’ saħansitra jevita l-effetti dannużi mhux intenzjonali

52

Peress li l-Artikolu 14b(3) tal-Liġi dwar il-Foresti ma jidderogax mid-dispożizzjonijiet tad-direttivi li jistabbilixxu r-rekwiżiti fil-qasam ta’ protezzjoni tal-ispeċi, ma huwiex neċessarju li r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba ikun jinkludi l-kundizzjonijiet u l-elementi elenkati fl-Artikolu 16 tad-Direttiva “habitats” u fl-Artikolu 9 tad-Direttiva “għasafar”.

53

F’dak li jirrigwarda l-ittra tad-Direttur Ġenerali tal-foresti tal-Istat, tas-6 ta’ Marzu 2018, imsemmija mill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li din l-ittra ma tammontax għal interpretazzjoni vinkolanti tal-Artikolu 14b(3) tal-Liġi dwar il-Foresti.

54

B’risposta għall-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2021, Föreningen Skydda Skogen (C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2021:166), dan l-Istat Membru jirribatti li l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-foresti fis-sens strett ma humiex operazzjonijiet li jikkonsistu fil-qerda jew fil-qtil intenzjonali tal-kampjuni ta’ speċi protetti.

55

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma wrietx li l-awtorità li adottat ir-Regolament dwar ir-rekwiżiti ta’ Prattika Tajba riedet il-qbid jew il-qtil ta’ kampjun ta’ speċi ta’ annimal protett jew, minn tal-inqas, li aċċettat il-possibbiltà ta’ tali qbid jew qtil.

56

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tosserva li l-argument tar-Repubblika tal-Polonja li jgħid li r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba huwa applikat u għandu jiġi eżaminat flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet rispettivi fil-qasam tal-ambjent la huwa sostnut mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u lanqas fil-prattika dwar l-applikazzjoni tiegħu.

57

F’dak li jirrigwarda l-possibbiltà ta’ bdil tax-xogħlijiet ta’ ġestjoni tal-foresti, imsemmija mir-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni tosserva li bidla fil-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet meta fiż-żona kkonċernata jiġu identifikati speċi protetti ma tiggarantixxix li dawn l-attivitajiet ma jkunux jinvolvu tfixkil jew mhux ser jikkawżaw il-mewt tal-kampjuni ta’ dawn l-ispeċi protetti.

58

B’risposta għall-argument tar-Repubblika tal-Polonja dwar is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2021, Föreningen Skydda Skogen (C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2021:166), il-Kummissjoni ssostni li l-operaturi li jwettqu attivitajiet ta’ ġestjoni tal-foresti jistgħu ikunu konxji mill-eżistenza ta’ riskju ta’ qerda tal-habitats jew tal-ispeċi u jistgħu jaċċettaw dan ir-riskju.

59

Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tirrepeti li huwa abbażi tal-Artikoli 48, 49 u 50 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura li l-Ministru għall-ambjent stabbilixxa projbizzjonijiet għal ċerti speċi. Issa, peress li l-Artikolu 14b tal-Liġi dwar il-Foresti ma jagħmilx riferiment għall-imsemmija dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura, ma jistax jiġi sostnut li r-Repubblika tal-Polonja kisret il-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva “habitats” u fl-Artikolu 5 tad-Direttiva “għasafar”.

60

Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni tar-Regolament dwar ir-rekwiżiti ta’ prattika tajba ma tipprevedi deroga mill-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva “habitats” jew fl-Artikolu 5 tad-Direttiva “għasafar”. Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li dan ir-regolament jistipula r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 16 tad-Direttiva “habitats” u mill-Artikolu 9 tad-Direttiva “għasafar”.

61

Dan l-Istat Membru jqis li l-Kummissjoni tinterpreta r-rekwiżit dwar il-bdil tax-xogħlijiet b’mod ġenerali wisq u mhux korrett, billi tippreżentah bħala rekwiżit li jista’ jagħti lok għal tfixkil jew għal qerda ta’ sit ta’ riproduzzjoni jew ta’ post ta’ mistrieħ.

62

Ir-Repubblika tal-Polonja tkompli tesponi li jeżistu diversi modi ta’ bdil tas-xogħlijiet, li jiddependu fil-parti l-kbira fuq il-pożizzjonament, fuq il-kundizzjonijiet tas-sit, fuq it-tul tax-xogħlijiet, fuq il-kompożizzjoni tal-ispeċi, fuq il-kopertura tal-foresti u, fuq kollox, fuq l-għan tal-protezzjoni u fuq il-bijoloġija ta’ speċi inkwistjoni.

63

F’dak li jirrigwarda s-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2021, Föreningen Skydda Skogen (C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2021:166), ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, minn naħa, li l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-foresti ma jikkostitwixxux atti ta’ qtil jew ta’ qbid intenzjonali, fis-sens ta’ dik is-sentenza. Min-naħa l-oħra, konformement mal-punt 3(1) tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba, jekk proprjetarju ta’ foresta jidentifika, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ spezzjoni fuq il-post, speċi protetta, huwa jkun obbligat li jieħu miżuri sabiex jibdel l-operazzjonijiet inizjali tiegħu, b’tali mod li ma jippermettix il-qbid jew il-qtil intenzjonali. Dawn il-modalitajiet huma konformi mal-imsemmija sentenza.

b) L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

64

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, id-Direttiva “habitats”, għandu jitfakkar li l-Artikolu 12(1) tagħha jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jistabbilixxu sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi tal-annimali msemmija f’din id- dispożizzjoni, fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu l-attivitajiet li l-imsemmija dispożizzjoni elenkati fl-inċiżi (a) sa (d).

65

B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva “habitats” jipprevedi, fl-inċiż (a), il-projbizzjoni ta’ kull forma ta’ qbid jew ta’ qtil intenzjonali ta’ kampjuni ta’ dawn l-ispeċi fis-selvaġġ, fl-inċiż (b), il-projbizzjoni ta’ tfixkil intenzjonali ta’ dawn l-ispeċi b’mod partikolari matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni, ta’ tkabbir, ta’ ibernazzjoni u ta’ migrazzjoni, fl-inċiż (ċ), il-projbizzjoni ta’ qerda intenzjonali jew ta’ teħid tal-bajd intenzjonali mis-selvaġġ u, fl-inċiż (d), il-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni jew qerda ta’ siti ta’ riproduzzjoni jew ta’ postijiet ta’ mistrieħ.

66

L-Artikolu 13(1)(a) ta’ din id-direttiva jistipula, min-naħa tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jistabbilixxu sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi tal-pjanti msemmija f’din id-dispożizzjoni li jipprojbixxu il-ġbir, il-qtugħ, il-qlugħ mill-għeruq jew il-qerda intenzjonali ta’ dawn il-pjanti fil-firxa naturali tagħhom fis-selvaġġ.

67

Fl-istess ħin, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “habitats” jipprovdi li, sakemm ma jkunx hemm alternattiva sodisfaċenti u sakemm id-deroga ma tkunx ta’ dannu għall-ħarsien tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi konċernati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet b’mod partikolari tal-Artikoli 12 u 13 ta’ din id-direttiva fil-każijiet elenkati fl-inċiżi (a) sa’ (e) tal-imsemmi Artikolu 1(1).

68

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, id-Direttiva “għasafar”, l-Artikolu 5 tagħha jipprevedi li, bla ħsara għall-Artikoli 7 u 9 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ġenerali ta’ protezzjoni għall-ispeċi kollha tal-għasafar imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, u li tipprojbixxi partikolarment l-attivitajiet elenkati fl-inċiżi (a) sa (e) tal-imsemmi Artikolu 5.

69

B’mod iktar partikolari, l-imsemmi Artikolu 5 tad-Direttiva “għasafar” jipprevedi, fl-inċiż (a), il-projbizzjoni ta’ qtil jew ta’ qbid intenzjonali tal-għasafar irrispettivament mill-metodu użat, fl-inċiż (b), il-projbizzjoni ta’ qerda jew ta’ ħsara intenzjonali tal-bejtiet u tal-bajd tagħhom kif ukoll it-tneħħija tal-bejtiet tagħhom, u, fl-inċiż (d), il-projbizzjoni ta’ tfixkil intenzjonat tagħhom, b’mod partikolari, waqt il-perjodu ta’ riproduzzjoni u ta’ tkabbir, sakemm dan it-tfixkil jista’ jkollu effett sinjifikattiv fil-kuntest tal-għanijiet ta’ din id-direttiva.

70

Fl-istess ħin, konformement mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva “għasafar”, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-Artikoli 5 sa 8 tagħha jekk ma teżisti ebda soluzzjoni sodisfaċenti oħra, għar-raġunijiet elenkati f’din l-ewwel dispożizzjoni.

71

F’dak li jirrigwarda tad-Direttiva “habitats”, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 12, 13 u 16 tagħha jifformaw totalità koerenti ta’ normi intiżi sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati, b’tali mod li kull deroga li tkun inkompatibbli ma’ din id-direttiva tkun tikser kemm il-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 12 jew 13 tagħha kif ukoll ir-regola li derogi jistgħu jingħataw konformement mal-Artikolu 16 tal-istess direttiva (sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑6/04, EU:C:2005:626, punt 112).

72

Barra minn hekk, filwaqt li enfasizzat li l-habitats u l-ispeċi mhedda jifformaw parti mill-patrimonju naturali tal-Unjoni, b’tali mod li l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni hija obbligu impost, abbażi tar-responsabbiltà komuni, fuq l-Istati Membri kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, fil-kuntest ta’ din id-direttiva, li tipprovdi regoli kumplessi u tekniċi fil-qasam tad-dritt tal-ambjent, l-Istati Membri huma speċjalment obbligati li jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tagħhom intiża li tiżgura t-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva tkun ċara u preċiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑46/11, mhux ippubblikata, EU:C:2012:146, punti 2627 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

73

Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva “għasafar”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kriterji li abbażi tagħhom l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-projbizzjonijiet previsti f’din id-direttiva għandhom ikunu riprodotti f’dispożizzjonijiet nazzjonali suffiċjentement ċari u preċiżi, peress li l-eżattezza tat-traspożizzjoni hija ta’ importanza partikolari f’qasam fejn il-ġestjoni tal-patrimonju komuni hija fdata, għat-territorji rispettivi tagħha, f’idejn l-Istati Membri (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑192/11, mhux ippubblikata, EU:C:2012:44, punt 56).

74

Fil-kawża preżenti, għandu jiġi osservat li, skont kliem l-Artikolu 14b(3) tal-Liġi dwar il-Foresti, il-ġestjoni tal-foresti eżegwita konformement mar-rekwiżiti ta’ prattika tajba fil-qasam ta’ ġestjoni tal-foresti ma tiksirx id-dispożizzjonijiet dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi, ta’ formazzjonijiet u ta’ komponenti naturali partikolari, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51 u tal-Artikolu 52 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura.

75

Issa, l-imsemmija Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura tittrasponi, fl-ordinament ġuridiku Pollakk, id-dispożizzjonijiet tad-direttivi “habitats” u “għasafar”. B’mod iktar partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 51 u 52 ta’ din il-liġi jipprevedu projbizzjonijiet fir-rigward tal-ispeċi ta’ annimali u ta’ pjanti protetti u ġew, skont ir-Repubblika tal-Polonja, adottati, b’mod partikolari, għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva “habitats” kif ukoll tal-Artikolu 5 tad-Direttiva “għasafar”.

76

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 14b(3) tal-Liġi dwar il-Foresti, huwa fformulat b’mod ġenerali u għandu portata wiesgħa ħafna. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni toħloq, skont kliemha stess, preżunzjoni li tgħid li l-ġestjoni tal-foresti eżegwita konformement mal-paragrafu 1 tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba ma tiksirx, b’mod partikolari, l-imsemmija Artikoli 51 u 52. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din tippermetti, bla ħsara għall-osservanza tal-imsemmija rekwiżiti, li jkun hemm deroga, b’mod ġenerali, mid-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li jimplimentaw l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva “habitats” u l-Artikolu 5 tad-Direttiva “għasafar” għall-finijiet tal-operazzjonijiet mibdija fil-kuntest ta’ tali ġestjoni tal-foresti, meta dawn l-operazzjonijiet jinvolvu atti pprojbiti mid-dispożizzjonijiet imsemmija l-aħħar.

77

Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja li tgħid li l-ġestjoni tal-foresti ma tinkludix operazzjonijiet li jinvolvu tali atti pprojbiti, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li l-Artikolu 14b(3) tal-Liġi dwar il-Foresti huwa kapaċi jawtorizza operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-foresti b’mod ġenerali, inkluż meta dawn x’aktarx jinvolvu atti pprojbiti abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva “habitats” kif ukoll l-Artikolu 5 tad-Direttiva “għasafar”, u b’mod partikolari dawk li jikkonsistu fil-qerda u fil-qtil intenzjonali ta’ kampjuni ta’ speċi protetti.

78

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-projbizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva “habitats” jistgħu japplikaw għal attività, bħal attività ta’ sfruttament ta’ foresti, li l-għan tagħha huwa manifestament differenti mill-qbid jew mill-qtil, mit-tfixkil ta’ speċi ta’ annimali jew mill-qerda jew mit-teħid intenzjonat tal-bajd (sentenza tal-4 ta’ Marzu 2021, Föreningen Skydda Skogen, C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2021:166, punt 53).

79

L-Artikolu 14b(3) tal-Liġi dwar il-Foresti jista’, konsegwentement, jiġi interpretat u applikat mill-awtoritajiet nazzjonali bħala li jikkostitwixxi deroga mid-dispożizzjonijiet Pollakki kollha li jittrasponu d-dispożizzjonijiet tad-direttivi “habitats” u “għasafar”, u b’mod partikolari dawk li jimplimentaw l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva “habitats” kif ukoll l-Artikolu 5 tad-Direttiva “għasafar”.

80

Wara dan, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 14b(3) tal-Liġi dwar il-Foresti, kif ukoll il-paragrafu 1 tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba ma jikkorrispondux mal-kundizzjonijiet, previsti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva “habitats” u fl-Artikolu 9 tad-Direttiva “għasafar”, li għandhom jiġu sodisfatti mill-Istati Membri li jixtiequ jidderogaw b’mod partikolari kemm mill-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva “habitats” kif ukoll mill-Artikolu 5 tad-Direttiva “għasafar”.

81

Fil-fatt, il-paragun bejn, minn naħa, il-formulazzjoni tal-paragrafu 1 tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba, li jelenka dawn ir-rekwiżiti, u, min-naħa l-oħra, il-każijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tad-direttivi “habitats” u “għasafar”, konformement mal-Artikolu 16(1)(a) sa (e) tad-Direttiva “habitats” u mal-Artikolu 9(1) (a) sa (ċ) tad-Direttiva “għasafar”, jippermetti li jiġi kkonstatat li l-imsemmija rekwiżiti ma jikkorrispondux mal-imsemmija każijiet imsemmija minn dawn iż-żewġ direttivi.

82

F’dan ir-rigward, il-kundizzjoni, prevista fl-Artikolu 16 tad-Direttiva “habitats”, li tgħid li ma jeżistux alternattiva sodisfaċenti u li d-deroga ma tkunx ta’ ħsara għall-ħarsien tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi konċernati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom, ma tinstabx fir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba, mingħajr ma huwa rilevanti, għall-finijiet ta’ din l-aħħar konstatazzjoni, il-fatt li jsir magħruf jekk l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti kollha tippermettix jew ma tippermettix li l-ispeċi kkonċernati jinżammu fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, hekk kif donnha tiddikjara, essenzjalment, ir-Repubblika tal-Polonja. Bl-istess mod, il-kundizzjoni, prevista fl-Artikolu 9 tad-Direttiva “għasafar”, li tipprevedi li ma teżistix alternattiva sodisfaċenti, ma hijiex prevista fid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

83

Barra minn hekk, hekk kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni, il-paragrafu 1 tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba ma jinkludi ebda riferiment għar-raġunijiet ta’ deroga stipulati fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “habitats” u fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva “għasafar”.

84

Fl-aħħar, għalkemm ir-Repubblika tal-Polonja ssostni wkoll li hemm dispożizzjonijiet oħra ta’ liġijiet Pollakki li jippermettu li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ deroga previsti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva “habitats” u fl-Artikolu 9 tad-Direttiva “għasafar”, xorta jibqa’ l-fatt li, anki jekk jitqies li din iċ-ċirkustanza tiġi ppruvata, tkun teżisti, f’tali każ, kontradizzjoni bejn, minn naħa, id-deroga ġenerali prevista fl-Artikolu 14b(3) tal-Liġi dwar il-Foresti u, min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet ta’ liġijiet oħra allegatament applikabbli.

85

Issa, kontradizzjoni bejn id-diversi dispożizzjonijiet nazzjonali mhux biss tali tkun tammonta għal ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, iżda hija wkoll ta’ natura li twassal sabiex l-awtoritajiet amministrattivi inkarigati mill-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva tal-Unjoni jkunu żbaljati dwar il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑192/11, mhux ippubblikata, EU:C:2012:44, punt 58).

86

Barra minn hekk, jidher li r-realtà ta’ dan ir-riskju seħħet f’dan il-każ, hekk kif dan jirriżulta mill-ittra tad-Direttur Ġenerali tal-foresti tal-Istat, tas-6 ta’ Marzu 2018, indirizzata lid-diretturi tad-direttorati reġjonali tal-foresti tal-Istat u msemmija mill-Kummissjoni, li minnha jirriżulta li dan id-Direttur Ġenerali telaq mill-premessa li l-proprjetarju tal-foresta ma huwiex obbligat li jikseb deroga għal operazzjonijiet fil-foresti li huma konformi mar-rekwiżiti ta’ prattika tajba.

87

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi adotta l-Artikolu 14b(3) tal-Liġi dwar il-Foresti, li jipprevedi li ġestjoni tal-foresti eżegwita konformement mar-rekwiżiti ta’ prattika tajba fil-qasam ta’ ġestjoni tal-foresti ma tiksirx id-dispożizzjonijiet dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi, ta’ formazzjonijiet u ta’ komponenti naturali partikolari, il-leġiżlatur Pollakk kiser l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Artikolu 12(1) tal-Artikolu 13(1)(a), u mill-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “habitats”, kif ukoll mill-Artikolu 5(a), (b) u (d), u mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva “għasafar”.

2. Fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-habitats

a) L-argumenti tal-partijiet

88

F’dak li jirrigwarda il-protezzjoni tal-habitats, il-Kummissjoni tfakkar, fir-rikors tagħha, li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “habitats” u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “għasafar” jirrakkomandaw bis-saħħa l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni għal żoni speċifiċi. Issa, l-applikazzjoni tal-Artikolu 14b(3) tal-Liġi dwar il-Foresti u tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba tkun tfisser li ma huwiex iktar neċessarju li fil-Polonja jiġu adottati u implimentati miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ dawn iż-żoni, bi ksur tal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-direttivi “habitats” u “għasafar”.

89

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li ma humiex stabbiliti u applikati għal żoni speċifiċi ma jistgħux jissodisfaw ir-rekwiżiti u jiżguraw l-effett utli tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “habitats”, peress li l-miżuri ta’ konservazzjoni ta’ żona speċifika għandhom ikunu kompleti, ċari u preċiżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑849/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1047, punti 7785).

90

Peress li r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba huwa ġenerali ħafna, dan ma jistax jissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

91

F’għajnejn il-Kummissjoni, jeżisti r-riskju li, fil-każ fejn jirriżulta li operazzjoni inkwistjoni hija konformi għal prattika tajba, konformement mal-Artikolu 14b(3) tal-Liġi dwar il-Foresti, din tkun eżentata milli tosserva l-prinċipji ta’ konservazzjoni tas-siti kkonċernati, inklużi s-siti Natura 2000. Konsegwentement, jeżisti riskju li l-miżuri ta’ konservazzjoni li jistgħu jkunu ddefiniti fil-pjanijiet ta’ konservazzjoni ta’ network Natura 2000 ma jiġux implimentati.

92

Issa, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri ma jistgħux jawtorizzaw interventi li jirriskjaw li jikkompromettu b’mod serju l-karatteristiċi ekoloġiċi tas-siti jinkludu tipi ta’ habitat naturali u/jew speċi ta’ prijorità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 163).

93

Għal dawn ir-raġunijiet, kif ukoll għar-raġunijiet ippreżentati mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-ksur, mir-Repubblika tal-Polonja, tal-Artikoli 12 u 16 tad-Direttiva “habitats” u tal-Artikoli 5 u 9 tad-Direttiva “għasafar”, ikun xieraq li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 14b(3) tal-Liġi dwar il-Foresti u r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba jikkostitwixxu traspożizzjoni żbaljata tal-obbligu, stipulat fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”, li jiġi evitat id-deterjorament tal-habitats naturali u tal-habitats tal-ispeċi.

94

Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tirribatti li, konformement mal-leġiżlazzjoni Pollakka, l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-foresti għandhom ikunu konformi mal-miżuri ta’ protezzjoni stabbiliti fil-pjanijiet tal-kompiti ta’ konservazzjoni speċifiċi tas-siti Natura 2000.

95

Konformement mal-Artikolu 46 tal-Liġi dwar l-Informazzjoni fuq l-Ambjent, il-pjanijiet kollha ta’ ġestjoni tal-foresti fiż-żona Natura 2000 għandhom ikunu suġġetti, qabel ma jiġu adottati, għall-proċedura tal-evalwazzjoni strateġika tal-impatt fuq l-ambjent, li tanalizza l-livell ta’ effett tal-miżuri ppjanati fuq iż-żoni Natura 2000. Konformement mal-Artikolu 55(2) ta’ din il-liġi, il-proġett ma jistax jiġi adottat, ħlief jekk jeżistu l-premessi previsti fl-Artikolu 34 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura, fil-każ fejn l-evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent tindika li jista’ jkun hemm impatt negattiv sinjifikattiv fuq iż-żona Natura 2000.

96

L-għan tar-Regolament dwar ir-rekwiżiti ta’ prattika tajba huwa speċifikament dak li jiġu esklużi kuntrasti mal-għanijiet ta’ konservazzjoni relatati maż-żoni Natura 2000 li jgħoddu għas-siti ta’ speċi protetti, billi jidentifikahom, u wara billi jbiddel l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-foresti. Sa fejn l-imsemmija operazzjonijiet għandhom ikunu konformi mal-pjanijiet tal-kompiti ta’ konservazzjoni u mal-pjanijiet ta’ konservazzjoni taż-żoni Natura 2000, ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza li dan ir-regolament ma jeħlisx lill-proprjetarji tal-foresti mill-obbligu li josservaw l-imsemmija pjanijiet.

97

F’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva “habitats”, il-Kummissjoni ma pproduċiet l-ebda prova sabiex issostni l-allegazzjonijiet tagħha u tillimita ruħha li tikkonkludi li jeżisti “riskju” li l-miżuri ta’ protezzjoni ddefiniti fil-pjanijiet ta’ konservazzjoni ma jiġux implimentati.

98

Barra minn hekk, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-eżami tal-osservanza tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”, il-Kummissjoni ma tistax tevalwa l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest leġiżlattiv li minnu din tifforma parti. Il-Kummissjoni għandha turi li l-miżuri adottati b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni kkontestata ma jippermettux effettivament li jiġi evitat id-deterjorament tal-habitats (sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑241/08, EU:C:2010:114, punt 23).

99

F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba, ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza li dawn jixbħu dawk iddefiniti fil-pjanijiet tal-kompiti ta’ konservazzjoni għad-diversi żoni Natura 2000 u jipprevedu miżuri li jikkontribwixxu b’dan il-mod kemm għat-titjib u għas-salvagwardja tal-habitats kif ukoll għall-ġlieda kontra t-tfixkil tal-ispeċi. Għaldaqstant, dan ir-regolament jiggarantixxi twettiq aħjar tal-għanijiet previsti fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”.

100

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-formulazzjoni ċara kemm tal-Artikolu 14b(3) tal-Liġi dwar il-Foresti kif ukoll tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba testendi d-deroga għall-miżuri ta’ konservazzjoni fis-sens tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva “habitats” u tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “għasafar”. Għalkemm ir-Repubblika tal-Polonja ġustament tenfasizza li jeżistu miżuri oħra ta’ konservazzjoni, hija madankollu ma tiħux pożizzjoni dwar ir-riskju ta’ interpretazzjoni letterali tad-dispożizzjonijiet li jintroduċu deroga tant wiesgħa.

101

Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, id-deroga prevista mid-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 14b(3) tal-Liġi dwar il-Foresti u tal-imsemmi regolament testendi għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura li jittrasponu l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva “habitats” u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “għasafar”, li minnu nnifsu diġà jmur kontra dawn iż-żewġ direttivi. Din l-istituzzjoni tenfasizza li l-effett tal-imsemmija deroga huwa li prattiki jitqiesu kompatibbli mal-obbligu ta’ konservazzjoni previst fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” biss għar-raġuni li huma konformi mar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba. Issa, qiegħed jiġi sostnut li dan ir-regolament ma huwiex suffiċjenti biex jiġġustifika deroga għad-dispożizzjonijiet tad-direttivi “habitats” u “għasafar”.

102

Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza li l-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova li l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-foresti, implimentati abbażi tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba, jitbiegħdu mir-regoli stabbiliti fil-pjanijiet speċifiċi tal-kompiti ta’ konservazzjoni u fil-pjanijiet speċifiċi ta’ konservazzjoni tas-siti Natura 2000. Issa, konformement mal-Artikolu 33(1) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura, l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-foresti fis-sit Natura 2000 ma jistax ikollhom difett negattiv importanti fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ din iż-żona. Din ir-regola hija applikabbli wkoll għall-operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-foresti mwettqa abbażi tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba.

103

B’risposta għall-argument tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva “habitats” u dwar l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “għasafar”, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-punt 1 tal-Artikolu 33(1) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura jipprevedi espliċitament il-projbizzjoni li tinbeda kwalunkwe attività li tista’ tiddeterjora l-istat tal-habitats naturali jew tal-habitats tal-ispeċi ta’ pjanti u ta’ annimali li għal protezzjoni tagħhom ġie nnominat sit Natura 2000, jew li ssir ħsara lill-ispeċi li għal protezzjoni tagħhom ġie nnominat sit Natura 2000. Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni Pollakka ma tħalli l-ebda dubju dwar il-fatt li din tapplika wkoll meta operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-foresti jiġu implimentati abbażi tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba.

b) L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

104

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont kliem l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “habitats”, għaż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ ġestjoni xierqa u l-miżuri xierqa statutorji, amministrattivi jew kuntrattwali, li jissodisfaw il-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitats naturali u tal-ispeċi inkwistjoni.

105

Il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 6 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament tal-habitat naturali u tal-habitat tal-ispeċi kif ukoll t-tfixkil tal-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, sa fejn dak it-tfixkil jista’ jkollu effetti sinjifikattivi meta jitqiesu l-għanijiet tal-imsemmija direttiva.

106

F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “għasafar”, dan jipprovdi li l-ispeċi inkwistjoni għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw il-habitat tagħhom, bil-għan li tkun iggarantita s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

107

F’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-habitats, prevista fl-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva “habitats” u fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “għasafar”, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dawn id-dispożizzjonijiet jeżiġu, għaliex inkella jkunu mċaħħda minn kull effett utli, mhux biss l-adozzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa għaż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-habitats u tal-ispeċi protetti fi ħdan is-sit ikkonċernat, iżda wkoll, u fuq kollox, l-implimentazzjoni effettiva tagħhom “sentenza tas-17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 213).

108

Barra minn hekk, l-eżattezza tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva “habitats” li jipprevedi l-protezzjoni tal-habitats tal-ispeċi hija ta’ importanza partikolari meta, hekk kif tipprevedi din id-direttiva, il-ġestjoni tal-patrimonju komuni hija fdata, għat-territorji rispettivi tagħhom, f’idejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑849/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1047, punt 78).

109

Issa, għandu jiġi osservat li, hekk kif ġie kkonstatati fil-punti 76 u 79 ta’ din is-sentenza, id-deroga mir-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ispeċi ta’ annimali u ta’ pjanti, prevista fl-Artikolu 14b(3) tal-Liġi dwar il-Foresti, hija fformulata b’mod ġenerali u hija ta’ portata wiesgħa ħafna. Din tista’, konsegwentement, tiġi interpretata u applikata mill-awtoritajiet nazzjonali bħala li tikkostitwixxi deroga mid-dispożizzjonijiet Pollakki kollha li jittrasponu d-dispożizzjonijiet tad-direttivi “habitats” u “għasafar”.

110

Għaldaqstant, anki jekk, fil-kuntest tad-difiża tiegħu, il-Gvern Pollakk jagħmel riferiment għad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi Pollakki l-oħra li jimplimentaw l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva “habitats” u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “għasafar”, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 14b(3) tal-Liġi dwar il-Foresti u r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba ma jiggarantixxux iċ-ċarezza u l-preċiżjoni meħtieġa f’dak li jirrigwarda t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-direttivi “habitats” u “għasafar”.

111

F’dan ir-rigward, sa fejn il-Gvern Pollakk innifsu josserva li dawn ir-rekwiżiti “jixbħu dawk iddefiniti”, b’mod partikolari, fil-pjanijiet ta’ konservazzjoni għad-diversi żoni Natura 2000, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li dan il-gvern ma jikkontestax li r-rekwiżiti msemmija l-ewwel ma jaqblux perfettament mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva “habitats” kif ukoll mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “għasafar”.

112

F’kull każ, ir-rekwiżiti ta’ prattika tajba ta’ ġestjoni tal-foresti msemmija fil-paragrafu 1 tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Prattika Tajba japplikaw, b’mod ġenerali, għall-operazzjonijiet fil-foresti, irrispettivament mill-karatteristiċi taż-żoni li fihom jinbdew dawn l-operazzjonijiet u, konsegwentement, dawn jinjoraw il-karatteristiċi tal-habitats u tal-ispeċi li jistgħu jiġu affettwati minnhom. Minn dan jirriżulta li l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti ma tistax tiggarantixxi li l-kundizzjonijiet speċifiċi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva “habitats” kif ukoll mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “għasafar”, li jirrigwardaw il-habitats u l-ispeċi konkreti, ikunu ssodisfatti.

113

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi adotta l-Artikolu 14b(3) tal-Liġi dwar il-Foresti, li jipprevedi li ġestjoni tal-foresti eżegwita konformement mar-rekwiżiti ta’ prattika tajba fil-qasam ta’ ġestjoni tal-foresti ma tiksirx id-dispożizzjonijiet dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi, ta’ formazzjonijiet u ta’ komponenti naturali partikolari, il-leġiżlatur Pollakk kiser l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva “habitats” kif ukoll l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “għasafar”.

114

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(1) u (2), tal-Artikolu 12(1), tal-Artikolu 13(1)(a), u tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “habitats”, kif ukoll tal-Artikolu 4(1), tal-Artikolu 5(a), (b) u (d), u tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva “għasafar”, huwa fondat.

B.   Fuq it-tieni lment

1. L-argumenti tal-partijiet

115

Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tallega li sa fejn il-Liġi dwar il-Foresti tagħti lill-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti biss natura interna, id-drittijiet tal-organizzazzjonijiet għall-konservazzjoni tal-ambjent ma humiex iggarantiti. Fil-fatt, att li japprova tali pjan ma għandux in-natura ta’ deċiżjoni amministrattiva, peress li l-Artikolu 22(1) tal-Liġi dwar il-Foresti ma jagħmilx riferiment għal deċiżjoni amministrattiva, filwaqt li l-istess liġi tipprevedi espliċitament il-forma ta’ deċiżjoni amministrattiva f’dak li jirrigwarda atti oħra tal-korpi amministrattivi.

116

In-natura esklużivament interna tal-atti ta’ approvazzjoni tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti hija kkonfermata mill-ġurisprudenza tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja). Fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Marzu 2014 (II OSK 2477/12), din il-qorti suprema Pollakka kkonfermat iċ-ċaħda tar-rikors kontra pjan ta’ ġestjoni tal-foresti mressaq minn organizzazzjoni għall-konservazzjoni tal-ambjent bħala inammissibbli, minħabba l-fatt li l-att tal-Ministru għall-ambjent li japprova dan il-pjan ma jikkostitwixxix deċiżjoni amministrattiva li tista’ tiġi kkontestata quddiem qorti.

117

Barra minn hekk, fid-digriet tagħha tas-17 ta’ Ottubru 2017 (II OSK 2336/17), in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) ikkonfermat, għall-istess raġunijiet, iċ-ċaħda bħala inammissibbli, mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Varsavja, il-Polonja), ta’ rikors imressaq mir-Rzecznik Praw Obywatelskich (l-Ombudsman, Il-Polonja) kontra att tal-Ministru għall-ambjent li japprova anness tal-pjan ta’ ġestjoni tal-foresti.

118

Għalhekk, peress li l-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ pjan ta’ ġestjoni tal-foresti hija ta’ natura “interna”, din ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li hija proċedura li teħtieġ il-parteċipazzjoni tal-pubbliku. Konsegwentement, f’dak li jirrigwarda tali pjanijiet, l-organizzazzjonijiet għall-konservazzjoni tal-ambjent huma mċaħħda mid-drittijiet proċedurali, fosthom id-dritt li jippreżentaw rikors quddiem il-qorti amministrattiva kontra deċiżjoni meħuda fil-kuntest ta’ tali proċedura, stipulati fl-Artikolu 44(1) sa (3) tal-Liġi dwar l-Informazzjoni fuq l-Ambjent, u huma awtorizzati li jissottomettu biss osservazzjonijiet u proposti, konformement mal-Artikoli 39 sa 41 tal-liġi msemmija l-aħħar.

119

Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, din is-sitwazzjoni legali hija inkompatibbli kemm mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” u mal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, kif ukoll mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja.

120

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li organizzazzjoni għall-konservazzjoni tal-ambjent li tissodisfa r-rekwiżiti imposti fl-Artikolu 2(5) ta’ din il-Konvenzjoni għandha tkun tista’ tikkontesta, fil-kuntest ta’ rikors imsemmi fl-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, mhux biss id-deċiżjoni li ma titwettaqx evalwazzjoni xierqa tal-effetti tal-pjan jew tal-proġett inkwistjoni fuq is-sit ikkonċernat iżda wkoll, jekk ikun il-każ, l-evalwazzjoni mwettqa meta din tkun ivvizzjata b’difetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punti 58 sa 61).

121

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni li l-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti għandhom jiġu kklassifikati bħala li huma “pjanijiet jew proġetti”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, u bħala li huma “deċiżjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) (b) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Għaldaqstant, l-Artikolu 9(2) ta’ din il-konvenzjoni huwa applikabbli għall-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti, bil-konsegwenza li l-organizzazzjonijiet għall-konservazzjoni tal-ambjent għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċeduri li jirrigwardaw il-kontroll ambjentali ta’ dawn il-pjanijiet u għandhom ukoll ikunu jistgħu iressqu azzjoni quddiem qorti jew korp indipendenti u imparzjali ieħor sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom.

122

F’dak li jirrigwarda l-espressjoni “pjan jew proġett”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-terminu “proġett”, użat f’din id-dispożizzjoni, huwa uwsa minn dak li jinstab fid-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44) (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment et, C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punti 6566).

123

Sa fejn diversi operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-foresti jissodisfaw id-definizzjoni iktar stretta ta’ “proġett”, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2011/92, dawn għandhom għalhekk, a fortiori, jiġu kklassifikati bħala “proġetti”, fis-sens tad-Direttiva “habitats” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 123).

124

F’dak li jirrigwarda l-argument tar-Repubblika tal-Polonja li jgħid li l-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, il-Kummissjoni tfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri kollha adottati abbażi tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) ta’ din il-konvenzjoni (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 56).

125

Barra minn hekk, mis-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2021, Stichting Varkens in Nood et (C‑826/18, EU:C:2021:7, punt 58) jirriżulta li l-organizzazzjonijiet għall-konservazzjoni tal-ambjent għandu jkollhom aċċess għall-ġustizzja indipendentement mill-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedura deċiżjonali li tirrigwarda l-pjan jew il-proġett ikkonċernat.

126

Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, preliminarjament, li t-tieni lment huwa inammissibbli sa fejn dan ma josservax ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, il-livell ta’ protezzjoni li jirriżulta mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ddefiniti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u applikabbli f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta, huwa differenti minn dak li jirriżulta mill-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

127

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġuni li għaliha t-tieni lment tar-rikors tagħha jikkonċerna biss l-impossibbiltà li l-organizzazzjonijiet ambjentali jikkontestaw quddiem qorti l-atti ta’ approvazzjoni tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti, minkejja li mill-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jirriżulta li kategorija uwsa ta’ partijiet f’kawża, jiġifieri l-pubbliku kkonċernat, għandu jkun jista’ jibbenefika minn dan id-dritt.

128

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, f’kull każ, it-tieni lment huwa infondat.

129

F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus biss jekk huma indikati fl-Artikolu 6(1) (b) ta’ din il-konvenzjoni, jiġifieri biss jekk dawn jikkonċernaw “attivitajiet”, fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija l-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 57).

130

Ir-Repubblika tal-Polonja tkompli tesponi li s-suġġett tal-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza kien jirrigwarda attività speċifika u mhux, bħal fil-kawża preżenti, l-evalwazzjoni tad-dokumenti ta’ pjanifikazzjoni li jikkostitwixxu l-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti.

131

Dan l-Istat Membru huwa tal-opinjoni li pjan ta’ ġestjoni tal-foresti jikkostitwixxi jew pjan, jew inkella strateġija jew programm u li, konsegwentement, huwa kopert mill-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. F’dan ir-rigward, ir-rekwiżiti stabbiliti bl-Artikolu 6(3), (4) u (8) ta’ din il-konvenzjoni għandhom jiġu osservati. Min-naħa l-oħra, xejn ma jippermetti li jitqies li pjan ta’ ġestjoni tal-foresti jista’ jitqies bħala li huwa “attività proposta”, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(b) tal-imsemmija konvenzjoni.

132

Minn dan jirriżulta li “proġett” huwa azzjoni (realizzazzjoni, intervent), filwaqt li “pjan” huwa dokument (pjan, programm) imfassal jew adottat minn awtorità permezz ta’ proċedura leġiżlattiva speċifika u huwa rikjest mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi.

133

Ir-Repubblika tal-Polonja tikkonstata li, skont kliem l-Artikolu 6(1)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, il-partijiet għal din il-konvenzjoni għandhom jiddeterminaw f’kull każ jekk l-attività proposta taqax taħt tal-Artikolu 6 tal-imsemmija konvenzjoni. Issa, la mid-dritt tal-Unjoni u lanqas mid-dritt Pollakk ma jirriżulta li din id-dispożizzjoni tapplika għall-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti.

134

L-imsemmija pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti lanqas ma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li huma proġetti minn perspettiva funzjonali u teleoloġika.

135

L-għan prinċipali tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti huwa li tiġi ppreżervata d-durabbiltà, il-kontinwità u l-vijabbiltà tal-foresti. Issa, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tipperċepixxi, b’mod żbaljat, il-ġestjoni tal-foresti bħala serje ta’ proġetti separati. Din l-istituzzjoni titratta l-kwistjoni tal-qtugħ tas-siġar, jiġifieri l-qtugħ għall-isfruttament, indipendentement mir-riġenerazzjonijiet futuri u interventi oħra ta’ ġestjoni tal-foresti, kif ukoll billi tinjora l-fatt li dawn l-interventi kollha huma ppjanifikati fuq perijodi ta’ għaxar snin u li dawn il-perijodi jikkostitwixxu, fil-verità, l-elementi ta’ proċess kontinwu u mhux interrott ta’ manutenzjoni sostenibbli tal-foresti.

136

Dan l-Istat Membru jikkonkludi li l-Kummissjoni ma wrietx li pjan ta’ ġestjoni tal-foresti jikkostitwixxi “attività” fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, u jaqa, minħabba f’dan, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) ta’ din il-konvenzjoni.

137

F’dak li jirrigwarda l-ġurisprudenza tal-qrati Pollakki, iċċitata fir-rikors tal-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li din il-ġurisprudenza ma hijiex suffiċjenti sabiex issostni l-argumenti tal-imsemmija istituzzjoni ppreżentati fil-kuntest tat-tieni lment.

138

B’mod iktar konkret, is-sentenzi tal-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Varsavja), tat-30 ta’ April 2009 (IV SA/Wa 2036/08), tal-14 ta’ Ġunju 2012 (IV SA/Wa 516/12), u tat-28 ta’ Jannar 2015 (IV SA/Wa 2004/14) jikkonfermaw li l-Ministru għall-ambjent huwa obbligat li jagħti lill-atti li japprovaw il-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti l-forma ta’ deċiżjoni amministrattiva.

139

Il-ġurisprudenza tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) barra minn hekk ikkonfermat li l-qrati amministrattivi għandhom l-obbligu li jinterpretaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni. F’dak li jirrigwarda l-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti, l-interpretazzjoni konformi magħżula mill-qrati amministrattivi tista’ twassal sabiex jiġi konkluż li att li japprova il-pjan ta’ ġestjoni tal-foresti għandu l-forma ta’ deċiżjoni amministrattiva li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors ippreżentat mill-organizzazzjonijiet ambjentali b’applikazzjoni tal-Artikolu 44(3) tal-Liġi dwar l-Informazzjoni fuq l-Ambjent.

140

Ir-Repubblika tal-Polonja tkompli tesponi li, konformement mal-leġiżlazzjoni Pollakka, qorti ordinarja tista’ tiġi adita b’azzjoni essenzjalment intiża li tikkontesta pjan ta’ ġestjoni tal-foresti, jiġifieri l-operazzjonijiet imwettqa b’eżekuzzjoni tal-imsemmija pjanijiet.

141

Ir-Repubblika tal-Polonja tispeċifika wkoll li t-tieni lment huwa infondat ratione materiae. Fil-fatt, sa fejn il-Kummissjoni qed tallega l-ksur tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, dan l-ilment għandu jkun jirrigwarda biss il-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti li jikkonċernaw operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-foresti li, individwalment jew flimkien ma pjanijiet u proġetti oħra, jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv is-siti Natura 2000, u li, għal din ir-raġuni, għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tagħhom fuq l-imsemmija siti. Madankollu, hija biss parti mill-foresti kkonċernati mill-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti li tirrigwarda żoni Natura 2000. Issa, fl-argumenti tagħha żviluppati fil-kuntest tat-tieni lment, il-Kummissjoni ma tagħmel ebda distinzjoni bejn dawn iż-żewġ eżempji.

142

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tosserva li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà eċċepita mir-Repubblika tal-Polonja f’dak li jirrigwarda t-tieni lment hija infondata.

143

Fis-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 63), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Artikolu 47 tal-Karta seta’ jinqara flimkien mal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Barra minn hekk, fis-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2019, Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland et (C‑197/18, EU:C:2019:824, punt 32), kif ukoll tal-14 ta’ Jannar 2021, Stichting Varkens in Nood et (C‑826/18, EU:C:2021:7, punt 64), hija ddeċidiet li l-Artikolu 47 tal-Karta jkollu sens indipendenti biss meta tiġi evalwata n-natura ġġustifikata jew mhux iġġustifikata ta’ restrizzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv. Issa, s-suġġett tal-kawża preżenti ma huwiex restrizzjoni ta’ dan id-dritt, iżda n-nuqqas ta’ aċċess tal-organizzazzjonijiet għall-konservazzjoni tal-ambjent għall-ġustizzja.

144

B’risposta għall-argument magħmul mir-Repubblika tal-Polonja li jgħid li d-definizzjoni ta’ “proġett” jew ta’ “pjan” għandha tiġi stabbilita konformement mad-Direttivi 2011/92 u 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, il-Kummissjoni tfakkar li, bejn l-approvazzjoni ta’ pjan ta’ ġestjoni tal-foresti u l-intervent fuq l-ambjent fil-forma ta’ attivitajiet ta’ ġestjoni tal-foresti, ma jeżisti l-ebda stadju ieħor ta’ validazzjoni ta’ tali attivitajiet li tista’ twassal għal deċiżjoni amministrattiva li tista’ tiġi kkontestata jew bi proċedura amministrattiva jew bi proċedura ġudizzjarja.

145

F’dak li jirrigwarda il-ġurisprudenza nazzjonali msemmija mir-Repubblika tal-Polonja fir-risposta tagħha insostenn tal-argument tagħha li jgħid li pjan ta’ ġestjoni tal-foresti jista’ jiġi kkontestat quddiem qorti, il-Kummissjoni ssostni li dan l-Istat Membru għamel riferiment għad-deċiżjonijiet ta’ qorti ġerarkikament inferjuri, filwaqt li l-argumenti tal-Kummissjoni huma bbażati fuq il-ġurisprudenza tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema).

146

F’kull każ, il-possibbiltà li qrati Pollakki jagħtu interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni ma tistax teżenta lill-leġiżlatur Pollakk mill-obbligu tiegħu li jikkoreġi n-nuqqas ta’ konformità tad-dritt Pollakk mad-dritt tal-Unjoni.

147

F’dak li jirrigwarda d-dritt li jiġu ppreżentati lmenti jew proposti abbażi tal-Artikolu 221 tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva Pollakk, dan ma jagħtix il-possibbiltà li titressaq kawża quddiem qorti amministrattiva sabiex tiġi kkontestata direttament deċiżjoni li tapprova pjan ta’ ġestjoni tal-foresti.

148

F’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors quddiem qorti amministrattiva kontra deċiżjoni relatata mal-kundizzjonijiet ambjentali għall-proġetti li jeħtieġu l-evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent, il-Kummissjoni tenfasizza li, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Foresti, pjan ta’ ġestjoni tal-foresti ma huwiex meqjus bħala li huwa proġett li jeħtieġ tali evalwazzjoni u permess ambjentali.

149

B’risposta għall-argument tar-Repubblika tal-Polonja li jagħmel riferiment għall-Artikoli 322 sa 324 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent, il-Kummissjoni ssostni li l-azzjonijiet ċivili ma jippermettux li l-organizzazzjonijiet għall-konservazzjoni tal-ambjent jikkontestaw direttament pjan ta’ ġestjoni tal-foresti quddiem qorti. Sa fejn dawn it-tipi ta’ rikorsi jirrigwardaw ir-responsabbiltà ċivili fil-każ ta’ ħsara lill-ambjent, il-qorti ordinarja li quddiema jitressaq rikors ma tistax tneħħi mill-ordinament ġuridiku Pollakk pjan ta’ ġestjoni tal-foresti vvizzjat b’irregolaritajiet.

150

Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Kummissjoni ma indikatx jekk, fl-opinjoni tagħha, huwiex possibbli li l-istess att, f’dan il-każ pjan ta’ ġestjoni tal-foresti, ikun fl-istess ħin “attività partikolari”, hekk kif imsemmi fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, u “pjan/programm relatat mal-ambjent”, hekk kif imsemmi fl-Artikolu 7 ta’ din il-konvenzjoni. Fil-fatt, pjan ta’ ġestjoni tal-foresti għandu jiġi kkunsidrat bħala li huwa pjan relatat mal-ambjent, kemm fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42, kif ukoll f’dak tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk li jittrasponu dawn l-atti legali, jiġifieri b’mod partikolari l-Artikolu 46 tal-Liġi dwar l-Informazzjoni fuq l-Ambjent. Issa, konformement mal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, il-pjanijiet u l-programmi relatati mal-ambjent huma koperti biss mill-paragrafi (3), (4) u (8) tal-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni, filwaqt li huma biss l-attivitajiet proposti li huma koperti mill-Artikolu 6 fit-totalità tiegħu.

151

Ir-Repubblika tal-Polonja tkompli tesponi li l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jirrigwarda l-“attivitajiet partikolari”, filwaqt li pjan ta’ ġestjoni tal-foresti ma jipprevedi ebda attività partikolari b’indikazzjoni ta’ data jew ta’ post ta’ eżekuzzjoni, iżda jipprevedi biss kompiti li għandhom jitwettqu matul perijodu ta’ għaxar snin.

152

L-Anness I tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus la jelenka pjan ta’ ġestjoni tal-foresti u lanqas miżuri previsti f’tali pjan u, konsegwentement, dawn ma humiex koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(1)(a) ta’ din il-konvenzjoni. F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 6(1)(b) tal-imsemmija konvenzjoni, il-partijiet għall-imsemmija konvenzjoni huma awtorizzati li jiddeterminaw f’kull każ jekk l-attività inkwistjoni hijiex koperta minn dan l-artikolu.

153

F’dak li jirrigwarda r-rimedji ċivili intiżi li jirrimedjaw l-irregolaritajiet tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti, il-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li dawn ir-rimedji huma insuffiċjenti u għaliex huwa biss id-dritt li deċiżjonijiet li japprovaw il-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti jiġu kkontestati quddiem qorti amministrattiva li jista’ jissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet imsemmija fit-tieni lment.

154

F’dan ir-rigward, rikors ċivili jkun jippermetti li jitneħħew operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-foresti speċifiċi li kienu previsti fi pjan ta’ ġestjoni tal-foresti u li l-implimentazzjoni tagħhom ġiet approvata mid-distrett tal-foresti.

2. L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

a) Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tat-tieni lment

155

Preliminarjament, għandu jitfakkar li rikors ippreżentat b’applikazzjoni tal-Artikolu 258 TFUE għandu jippreżenta l-ilmenti b’mod koerenti u preċiż, sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni allegat, li hija kundizzjoni neċessarja sabiex dan l-Istat ikun jista’ jsostni b’mod utli l-motivi ta’ difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat (sentenza tat-28 ta’ April 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (Aġġornament tal-istrateġiji marini), C‑510/20, EU:C:2022:324, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

156

B’mod partikolari, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jkun fih espożizzjoni koerenti u ddettaljata tar-raġunijiet li wassluha għall-konvinzjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattati (sentenza tat-28 ta’ April 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (Aġġornament tal-istrateġiji marini), C‑510/20, EU:C:2022:324, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

157

Fil-kawża preżenti, fir-rikors tagħha l-Kummissjoni allegat li, billi eskludiet il-possibbiltà li l-organizzazzjonijiet għall-konservazzjoni tal-ambjent jikkontestaw quddiem qorti l-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, moqri b’rabta mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, mal-Artikolu 216(2) TFUE, mal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll mal-punt (b) tal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

158

Fil-motivazzjoni tat-tieni lment, il-Kummissjoni enfasizzat li r-rabta bejn din id-dispożizzjoni tad-Direttiva “habitats” u l-imsemmija dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u, inċidentalment, l-Artikolu 216(2) TFUE, filwaqt li għamlet riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija tqis rilevanti f’dan ir-rigward.

159

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi sostnut li l-Kummissjoni ma ssodisfatx, f’dak li jirrigwarda r-rikors tagħha, l-obbligi li hija għandha konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 155 u 156 ta’ din is-sentenza f’dak li jirrigwarda l-imsemmija dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tat-Trattat FUE.

160

Min-naħa l-oħra, l-argument espost fir-rikors la jinkludi xi riferiment għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u għall-Artikolu 47 tal-Karta u lanqas ma jesponi, a fortiori, b’liema mod dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni huma rilevanti sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-tieni lment, b’tali mod li ma hemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmija dispożizzjonijiet fil-kuntest tal-eżami tal-imsemmi rikors.

161

Barra minn hekk, l-argument tar-Repubblika tal-Polonja dwar l-allegat nuqqas ta’ koerenza tas-suġġett tar-rikors u tar-raġunament żviluppat mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-tieni lment, imsemmi fil-punt 126 ta’ din is-sentenza, jirrigwarda l-eżami fuq il-mertu tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

162

F’dak li jirrigwarda l-argument tar-Repubblika tal-Polonja imsemmi fil-punt 127 ta’ din is-sentenza, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fis-sistema stabbiltà mill-Artikolu 258 TFUE, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali sabiex tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li ma hijiex responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa jekk huwiex xieraq li din is-setgħa tiġi eżerċitata (sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑48/10, mhux ippubblikata, EU:C:2010:704, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

163

Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Polonja ma tistax b’mod utli tinvoka l-fatt li l-Kummissjoni ma allegatx, fil-kuntest tat-tieni lment, l-assenza ta’ aċċess għal qorti, konformement mal-leġiżlazzjoni Pollakka, tal-pubbliku kkonċernat fit-totalità tiegħu sabiex dan l-ilment jiġi ddikjarat inammissibbli inkwantu dan jirrigwarda l-organizzazzjonijiet għall-konservazzjoni tal-ambjent (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑530/07, mhux ippubblikata, EU:C:2009:292, punt 30).

164

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tat-tieni lment tar-rikors tal-Kummissjoni, eċċepita mir-Repubblika tal-Polonja, għandha tiġi miċħuda.

b) Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

165

Skont kliem l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma huwiex meħtieġ għall-ġestjoni ta’ sit, iżda li x’aktarx ser jkollu effett sinjifikattiv fuq dan is-sit, individwalment jew flimkien ma pjanijiet u proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tiegħu fuq is-sit fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. Fl-isfond tar-riżultati tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku.

166

L-Artikolu 6(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprevedi li kull parti għandha tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu meta tkun meħtieġa deċiżjoni dwar jekk għandhomx jiġu awtorizzati jew le attivitajiet proposti tat-tip ta’ attivitajiet elenkati fl-Anness I. Skont kliem l-inċiż (b) ta’ din id-dispożizzjoni, kull parti għandha tapplika wkoll id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, konformement mad-dritt intern tagħha, meta tkun meħtieġa deċiżjoni dwar attivitajiet proposti li ma humiex elenkati fl-Anness I u li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Il-Partijiet għandhom jiddeterminaw, f’kull każ, jekk l-attività proposta taqax taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

167

Konformement mal-Artikolu 9(2) ta’ din il-konvenzjoni, kull Parti għandha tiżgura, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tagħha, li l-membri tal-pubbliku kkonċernat li jkollhom interess ġuridiku suffiċjenti jew, jekk le, li jinvokaw ksur ta’ dritt, meta l-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva ta’ Parti jeżiġi tali kundizzjoni, ikunu jistgħu jippreżentaw rikors quddiem istanza ġudizzjarja u/jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit mil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità, kemm fil-mertu u kemm minn aspett proċedurali, ta’ kwalunkwe deċiżjoni, att jew ommissjoni li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tal-imsemmija konvenzjoni u, jekk id-dritt intern jipprevedi dan u bla ħsara għall-Artikolu 6(3) tagħha, taħt dispożizzjonijiet rilevanti oħra tal-istess konvenzjoni.

168

F’dak li jirrigwarda pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti, li huma s-suġġett tat-tieni lment tar-rikors tal-Kummissjoni, għandu jitfakkar li l-punt (6) tal-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar il-Foresti jiddefinixxi tali pjan bħala “id-dokument bażiku tal-ġestjoni tal-foresti ppreparat għal sit speċifiku, li jinkludi deskrizzjoni u evalwazzjoni tal-istat tal-foresta u l-għanijiet, kompiti u metodi ta’ ġestjoni tal-foresti”.

169

Skont kliem l-Artikolu 22(1) tal-Liġi dwar il-Foresti, il-Ministru għall-ambjent għandu japprova pjan ta’ ġestjoni tal-foresti għall-foresti li huma proprjetà tat-Teżor pubbliku u pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti ssimplifikati għall-foresti li jifformaw parti mir-riżorsi tal-proprjetà agrikola tat-Teżor pubbliku.

170

F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li teżamina pjan ta’ ġestjoni tal-foresti, hekk kif previst mil-leġiżlazzjoni Pollakka, fid-dawl tad-Direttiva “habitats” u applikat, f’dan ir-rigward, ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta de Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punti 106 sa 193].

171

Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni, li tikkonċerna “[k]ull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu”, tista’ tiġi applikata għall-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti imsemmija fl-Artikolu 22 tal-Liġi dwar il-Foresti.

172

F’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn, minn naħa, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-kuntest tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, kemm jekk jirrigwardaw talba għall-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, l-evalwazzjoni tan-neċessità ta’ evalwazzjoni ambjentali tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett jew inkella n-natura xierqa tal-konklużjonijiet li jirriżultaw minn tali evalwazzjoni fir-rigward ir-riskji ta’ dan il-proġett jew dan il-pjan għall-integrità ta’ tali sit, irrispettivament minn jekk humiex indipendenti minn jew integrati f’deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, huma deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 56).

173

Fil-fatt, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, li ma jirrigwardawx attività elenkata fl-Anness I tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, huma indikati fl-Artikolu 6(1)(b) ta’ din il-konvenzjoni u, għalhekk, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) tagħha, sa fejn dawn id-deċiżjonijiet jimplikaw li l-awtoritajiet kompetenti jevalwaw, qabel kwalunkwe awtorizzazzjoni ta’ attività, jekk din, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, jistax ikollha effett sinjifikattiv fuq l-ambjent (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 57).

174

Fir-rigward tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, din id-dispożizzjoni tirrestrinġi l-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Istati Membri għandhom fid-determinazzjoni tal-modalitajiet ta’ rimedju msemmija fiha peress li l-għan tagħha huwa li tagħti “aċċess wiesa’ għall-ġustizzja” lill-pubbliku kkonċernat li jinkludi l-organizzazzjonijiet għall-konservazzjoni tal-ambjent li jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 2(5) ta’ din il-konvenzjoni (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 58).

175

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1)(b) tagħha, tħalli lill-Istati partijiet ċertu marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda l-eżami ta’ effetti importanti fuq l-ambjent ta’ attività inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li, meqjusa l-ġurisprudenza msemmija fil-punti 172 u 173 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva “habitats” tikkonkretizza r-rekwiżiti li għandhom jiġu fformulati f’dak li jirrigwarda l-importanza tal-effetti fuq l-ambjent fil-qasam tal-protezzjoni Ewropea tan-natura. Issa, sa fejn l-effetti negattivi fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ żoni Ewropew ta’ protezzjoni għandhom bħala prinċipju jiġu kkunsidrati bħala importanti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, l-organizzazzjonijiet għall-konservazzjoni tal-ambjent għandhom għalhekk id-dritt li jitolbu li l-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw, każ b’każ, jekk l-attivitajiet proposti jistax ikollhom tali effett importanti.

176

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, għandu jiġi deċiż li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1)(b) u l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, jimponi, fuq ir-Repubblika tal-Polonja, obbligu li tiżgura li l-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent ikollhom il-possibbiltà li jressqu azzjoni quddiem qorti intiża għal eżaminazzjoni effettiva tal-legalità, kemm fil-mertu u kemm minn aspett proċedurali, tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Foresti, sakemm dawn il-pjanijiet ikunu koperti mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”.

177

Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni li tipprevedi tali aċċess għal qorti għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni, imposti fil-qasam tad-dritt tal-ambjent konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑46/11, mhux ippubblikata, EU:C:2012:146, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

178

F’dan il-każ, fid-dawl tal-fajl li għandha għad-dispożizzjoni tagħha il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Pollakka ma tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-punti 176 u 177 ta’ din is-sentenza.

179

B’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 22(1) tal-Liġi dwar il-Foresti, li jipprevedi li l-Ministru għall-ambjent għandu japprova pjan ta’ ġestjoni tal-foresti, fir-rikors tagħha l-Kummissjoni invokat il-ġurisprudenza tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema), imsemmija fil-punti 116 u 117 ta’ din is-sentenza, li tgħid li dan l-att ta’ approvazzjoni ma jikkostitwixxix deċiżjoni amministrattiva li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju.

180

Fir-risposta tagħha għall-dan l-argument tal-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja ma tikkontestax l-eżistenza tal-imsemmija ġurisprudenza iżda tillimita ruħha li tinvoka d-deċiżjonijiet ta’ qorti inferjuri, jiġifieri dawk tal-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Varsavja), li ti iixhed favur il-possibbiltà li l-approvazzjoni, mil-Ministru għall-ambjent, ta’ pjan ta’ ġestjoni tal-foresti tiġi kkontestata quddiem qorti amministrattiva.

181

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji iżolati jew minoritarji f’kuntest ġurisprudenzjali li fihom orjentazzjoni oħra, jew interpretazzjoni kontradetta mill-qorti suprema nazzjonali, ma għandhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑129/00, EU:C:2003:656, punt 32).

182

F’kull każ, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tkun is-suġġett ta’ interpretazzjonijiet ġudizzjarji diverġenti li jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni, fejn xi wħud iwasslu għal applikazzjoni kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u oħrajn iwasslu għal applikazzjoni inkompatibbli miegħu, hemm lok li jiġi kkonstatat li, minn tal-anqas, din il-leġiżlazzjoni ma hijiex ċara biżżejjed sabiex tiżgura applikazzjoni kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑129/00, EU:C:2003:656, punt 33).

183

Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza, jekk jitqies li hija kkonfermata, li l-prattika tal-awtoritajiet nazzjonali hija xierqa sabiex tiżgura applikazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva ma hijiex ta’ natura, waħedha, li tipprovdi ċ-ċarezza u l-preċiżjoni meħtieġa sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑192/11, mhux ippubblikata, EU:C:2012:44, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

184

F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 323 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent, li għalih għamlet riferiment ir-Repubblika tal-Polonja fir-risposta tagħha, li, skont dan l-Istat Membru, jipprevedi li qorti ordinarja tista’ tiġi adita b’azzjoni essenzjalment intiża li tikkontesta l-operazzjonijiet imwettqa b’eżekuzzjoni ta’ pjan ta’ ġestjoni tal-foresti, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, din id-dispożizzjoni hija limitata li tagħti d-dritt ta’ tressiq ta’ azzjoni quddiem din il-qorti lil kull persuna direttament mhedda minn dannu jew li ġarrbet dannu minħabba ħsara illegali għall-ambjent.

185

Issa, l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li jagħti lill-membri tal-pubbliku kkonċernat aċċess għall-ġustizzja, ma jipprevedix, f’dan ir-rigward, il-kundizzjoni dwar it-theddida diretta ta’ dannu jew ta’ dannu minħabba ħsara illegali għall-ambjent.

186

Min-naħa l-oħra, l-imsemmi Artikolu 323 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent ma jipprevedix il-possibbiltà li tiġi eżaminata l-legalità, kemm fil-mertu u kemm minn aspett proċedurali, tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti, iżda jippermetti biss li jintalab l-istabbiliment mill-ġdid tal-istat ta’ fatt legali u li jittieħdu l-miżuri preventivi, b’mod partikolari billi jiġu stabbiliti installazzjonijiet jew tagħmir intiż li jipprevjeni t-theddida jew li jseħħ id-dannu. Meta jirriżulta li dan huwa impossibbli jew eċċessivament diffiċli, jista’ jintalab il-waqfien tal-attività li tat lok għar-riskju.

187

Minn dan isegwi li l-elementi pprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja mir-Repubblika tal-Polonja ma jippermettux li jitqies li dan ir-rimedju huwa ta’ natura li jippermetti li jiġi effettivament żgurat li l-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent jkollhom il-possibbiltà li jissuġġettaw il-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti koperti mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” għal stħarriġ ġudizzjarju f’dak li jirrigwarda l-mertu u l-proċedura tal-adozzjoni ta’ dawn il-pjanijiet.

188

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1)(b) u mal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, huwa fondat.

V. Fuq l-ispejjeż

189

Skont kliem l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Polonja tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi adottat l-Artikolu 14b(3) tal-ustawa o lasach (il-Liġi dwar il-Foresti), tat-28 ta’ Settembru 1991, kif emendata bl-ustawa o zmianie ustawy o ochronie przyrody oraz ustawy o lasach (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura u l-Liġi dwar il-Foresti), tas-16 ta’ Diċembru 2016, li jipprevedi li l-ġestjoni tal-foresti eżegwita konformement mar-rekwiżiti ta’ prattika tajba fil-qasam ta’ ġestjoni tal-foresti ma tiksirx id-dispożizzjonijiet dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi, ta’ formazzjonijiet u ta’ komponenti naturali partikolari, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 51 u 52 tal-ustawa o ochronie przyrody (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura), tas-16 ta’ April 2004, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(1) u (2), l-Artikolu 12(1), l-Artikolu 13(1)(a) u l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat-13 ta’ Mejju 2013, kif ukoll taħt l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 5(a), (b) u (d) u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, kif emendata bid-Direttiva 2013/17.

 

2)

Billi naqset milli tadotta d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi kollha neċessarji sabiex tiżgura li l-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent jkollhom il-possibbiltà li jressqu azzjoni quddiem qorti intiża għal eżaminazzjoni effettiva tal-legalità, kemm fil-mertu u kemm minn aspett proċedurali, tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Foresti, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, kif emendata bid-Direttiva 2013/17, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1)(b) u mal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005.

 

3)

Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa oriġinali: il-Pollakk.