SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Lulju 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur fis-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 3 – Dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku – Artikolu 5(2)(b) – Eċċezzjoni msejħa ta’ ‘kkopjar privat’ – Fornitur ta’ servizz ‘Internet Protocol Television’ (IPTV) – Aċċess għall-kontenut protett mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi ta’ drittijiet – Online video recorder – On demand – Teknika ta’ deduplikazzjoni”

Fil-Kawża C‑426/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Mejju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Lulju 2021, fil-kawża

Ocilion IPTV Technologies GmbH

vs

Seven.One Entertainment Group GmbH,

Puls 4 TV GmbH & Co. KG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, M. Ilešič, A. Kumin u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: D. Dittert, Kap tal-Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑21 ta’ Ġunju 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Ocilion IPTV Technologies GmbH, minn P. Burgstaller, Rechtsanwalt,

għal Seven.One Entertainment Group GmbH u Puls 4 TV GmbH & Co. KG, minn M. Boesch, Rechtsanwalt,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u G. von Rintelen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Diċembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Ocilion IPTV Technologies GmbH (iktar ’il quddiem “Ocilion”) u Seven.One Entertainment Group GmbH u Puls 4 TV GmbH und Co. KG (iktar ’il quddiem, flimkien, “Seven.One et”) dwar il-provvista minn Ocilion lill-klijenti kummerċjali tagħha ta’ servizz tat-televiżjoni permezz tal-internet f’network magħluq (“Internet Protocol Television” (IPTV)) li permezz tiegħu jixxandar lill-utenti finali l-kontenut ta’ programmi televiżivi li Seven.One et għandhom id-drittijiet tagħhom.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 4, 9, 10, 21, 23, 27, 31 u 44 tad-Direttiva 2001/29 jiddikjaraw:

“(4)

Qafas armonizzat legali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati, permezz ta’ ċertezza legali akbar u waqt li jipprovdi għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, jinkoraġġixxi investiment sostanzjali fil-kreattività u innovazzjoni, inkluż infrastruttura ta’ network, u li min-naħa tiegħu jwassal għal tkabbir u kompetittività akbar ta’ l-industrija Ewropea, sew fil-qasam li jipprovdi kontenut u teknoloġija ta’ l-informazzjoni u aktar ġenerali matul il-firxa tas-setturi industrijali u kulturali. Din tissalvagwardja l-impiegi u tinkuraġġixxi ħolqien ta’ impiegi ġodda.

[…]

(9)

Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

(10)

Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. L-investiment meħtieġ biex jipproduċu prodotti bħal fonogrammi, films u prodotti ta’ multimedia, u servizzi bħal servizzi ‘fuq talba’, huwa konsiderevoli. Protezzjoni legali adegwata għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ dan il-kumpens u tipprovdi l-opportunità għal profitti sodisfaċenti ta’ dan l-investiment.

[…]

(21)

Din id-Direttiva għandha tiddefinixxi l-iskop ta’ l-atti regolati mid-dritt ta’ riproduzzjoni rigward il-benefiċjarji differenti. Dan għandu jsir b’konformità ma’ l-acquis communautaire. Tifsira wiesgħa ta’ dawn l-atti hija meħtieġa biex tisgura ċertezza legali ġewwa s-suq intern.

[…]

(23)

Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt ta’ l-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid bħal din ta’ xogħol lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Dan id-dritt m’għandu jirregola l-ebda att ieħor.

[…]

(27)

Is-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi biex tkun tista’ iseħħ jew biex iseħħ komunikazzjoni ma twassalx fiha nfisha għal komunikazzjoni fit-tifsira ta’ din id-Direttiva.

[…]

(31)

Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. L-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet eżistenti tad-drittijiet kif stipulati mill-Istati Membri għandhom ikunu stmati mill-ġdid fl-isfond ta’ l-ambjent elettroniku ġdid. Differenzi eżistenti fl-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ta’ ċerti atti ristretti għandhom effetti diretti negattivi fuq il-funzjonament tas-suq intern tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati. Dawn id-differenzi jistgħu faċilment isiru aktar notevoli bħala riżultat ta’ żvilupp akbar ta’ sfruttament ta’ xogħolijiet li jaqsam il-fruntieri u attivitajiet transperiferali. Sabiex jiżguraw il-funzjonament sew tas-suq intern, dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għandhom ikunu mfissra aktar armonjożament. Il-grad ta’ armonizzazzjoni tagħhom għandu jkun ibbażat fuq l-impatt tagħhom fuq il-funzjonament faċli tas-suq intern.

[…]

(44)

Meta japplikaw l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom f’din id-Direttiva, huma għandhom ikunu eżerċitati skond l-obbligi internazzjonali. Dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ma jistgħux jiġu applikati b’mod li jippreġudika l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet jew li jmorru kontra l-isfruttar normali tax-xogħol tiegħu jew ta’ suġġett ieħor. Id-disposizzjonijiet ta’ dawn l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet mill-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jirriflettu kif inhu xieraq, l-impatt ekonomiku miżjud li dawn l-eċċezzjonijiet jistgħu jkollhom fil-kuntest ta’ l-ambjent elettroniku ġdid. Għalhekk, l-iskop ta’ ċerti eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet jista’ jkollu jkun aktar limitat meta jiġi għal ċertu użu ġdid ieħor ta’ xogħolijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur u suġġett ieħor.”

4

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Dritt ta’ riproduzzjoni”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a)

għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

[…]

(e)

għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawn ix-xandirijiet ikunu trasmessi bil-fili jew bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.”

5

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jipprevedi:

“1   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

2   L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom:

[…]

(d)

għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawn ix-xandirijiet ikunu trasmessi bil-fili jew bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.

[…]”

6

Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”:

“1.   Atti temporanji ta’ riproduzzjoni msemmija fl-Artikolu 2, li huma temporanji jew inċidentali, li huma parti integrali u essenzjali tal-proċess teknoloġiku u li l-iskop uniku tagħhom huwa li jkunu jistgħu jsiru:

(a)

trasmissjoni f’network bejn partijiet terzi minn intermedju,

jew

(b)

użu legali

ta’ xogħol jew suġġett ieħor li għandu jsir, u li ma jkollhom ebda sinifikat ekonomiku indipendenti, għandhom ikunu eżenti mid-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:

[…]

(b)

rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat;

[…]

5.   L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

Id‑dritt Awstrijak

7

L-Artikolu 15 tal-Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur) tad‑9 ta’ April 1936 (BGBI. 111/1936), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UrhG), jipprovdi:

“L-awtur għandu d-dritt esklużiv li jirriproduċi x-xogħol, ikunu xi jkunu l-metodu użat u l-kwantità riprodotta, b’mod temporanju jew permanenti.”

8

L-Artikolu 17(1) tal-UrhG huwa fformulat kif ġej:

“L-awtur għandu d-dritt esklużiv li jxandar ix-xogħol permezz tax-xandir jew b’mod simili.”

9

Skont l-Artikolu 18a(1) tal-UrhG:

“L-awtur għandu d-dritt esklużiv li jqiegħed ix-xogħol għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, bil-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkun jista’ jkollhom aċċess għalih minn post u f’ħin li jagħżlu huma b’mod individwali.”

10

L-Artikolu 42 tal-UrhG jipprevedi:

“[…]

(4)   Kwalunkwe persuna fiżika tista’ tagħmel riproduzzjonijiet ta’ xogħol fuq mezzi ta’ komunikazzjoni li ma humiex dawk imsemmija fil-paragrafu 1, għal użu privat u għal finijiet li la huma direttament u lanqas indirettament kummerċjali.

(5)   Bla ħsara għall-paragrafi 6 u 7, riproduzzjoni ma ssirx għal użu personali jew privat fejn tkun saret sabiex ix-xogħol isir aċċessibbli għall-pubbliku permezz tal-kopja riprodotta jew fejn il-mudell użat għal dan il-għan ikun ġie prodott jew sar aċċessibbli għall-pubbliku b’mod manifestament illegali. Il-kopji prodotti għal użu personali jew privat ma jistgħux jiġu użati sabiex jagħmlu x-xogħol aċċessibbli għall-pubbliku.

[…]”

11

L-Artikolu 76a tal-UrhG jipprovdi:

“(1)   Kull min ixandar, permezz tax-xandir jew b’mod simili, ħsejjes jew immaġnijiet (xandar fis-sens tal-Artikolu 17) għandu, fil-limiti stabbiliti mil-liġi, id-dritt esklużiv li jxandar simultanjament ix-xandira permezz ta’ tranżmiter ieħor u li juża x-xandira għall-finijiet ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 18(3) f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku bi ħlas; ix-xandar għandu wkoll id-dritt esklużiv li jikkonserva x-xandira fuq midjum ta’ immaġnijiet jew ħsejjes (b’mod partikolari, ukoll, fil-forma ta’ ritratt), li jirriproduċiha, li jxandarha u li jużaha sabiex iqegħidha għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. ‘Riproduzzjoni’ għandha tfisser ukoll l-użu ta’ komunikazzjoni li ssir permezz ta’ midjum ta’ immaġnijiet jew ħsejjes sabiex tiġi trażmessa għal fuq midjum ieħor.

(2)   Il-midja ta’ immaġnijiet jew ħsejjes riprodotti jew imxandra bi ksur tal-paragrafu 1 ma jistgħux jintużaw għall-finijiet ta’ xandira jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku.

(3)   Kwalunkwe persuna fiżika tista’, għal użu privat u għal finijiet li ma humiex kummerċjali la b’mod dirett u lanqas b’mod indirett, tikkonserva xandira fuq midjum ta’ immaġnijiet jew ħsejjes u tirriproduċi diversi kopja tagħha […]”.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

12

Ocilion, kumpannija stabbilita taħt id-dritt Awstrijak, toffri lil klijenti kummerċjali, li jistgħu jkunu ġestjonjarji ta’ network, pereżempju tat-telefonija jew tal-elettriku jew inkella stabbilimenti bħal lukandi jew stadiums (iktar ’il quddiem il-“ġestjonarji ta’ network”), servizz IPTV, li l-aċċess għalih huwa rriżervat għall-utenti finali tan-network li huma persuni fiżiċi, klijenti tal-ġestjonarji ta’ network. Dan is-servizz, li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-programmi televiżivi li tagħhom Seven.One et għandhom id-drittijiet ta’ trażmissjoni mill-ġdid, jieħu l-forma jew ta’ soluzzjoni on-premises, li permezz tagħha Ocilion tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-ġestjonarji tan-network il-hardware u s-software neċessarju, li huma amministrati minn dawn il-ġestjonarji, iżda li għalihom hija tiżgura li tingħata assistenza teknika, jew soluzzjoni cloud-based, li hija amministrata b’mod dirett minn Ocilion.

13

L-imsemmi servizz ta’ Ocilion mhux biss jippermetti t-trażmissjoni mill-ġdid simultanja tal-programmi televiżivi ta’ Seven.One et, iżda joffri wkoll il-possibbiltà li wieħed jirrekordja dawn il-programmi u jarahom iktar tard permezz ta’ online video recorder. Dan tal-aħħar jagħmel possibbli li xandira partikolari tiġi rrekordjata b’mod puntwali u wkoll li jiġu rrekordjati dawk il-programmi li jagħżel l-utent finali, klijent tal-ġestjonarju ta’ network, billi jippermetti li jintwerew iktar tard sa sebat ijiem minn meta l-programmi kkonċernati jkunu xxandru għall-ewwel darba.

14

Sew jekk soluzzjoni on-premises u sew jekk soluzzjoni cloud-based, l-inizjattiva għal kull irrekordjar hija, fil-prattika, tal-utent finali li jattiva huwa nnifsu l-funzjonijiet online ta’ rrekordjar u jagħżel dak li jixtieq jirrekordja. Hekk kif l-ewwel utent ikun għażel programm, ir-rekording jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ kull utent ieħor li jkun jixtieq jara dak li ġie rrekordjat. Sabiex isir dan, proċess ta’ deduplikazzjoni jevita li jsiru diversi kopji għall-klijenti li jiskedaw rekordings li jaħbtu flimkien u l-aċċess għar-rekordings isir billi jingħata numru ta’ riferiment li jiġi kkomunikat minn Ocilion lil kull utent.

15

Fir-rigward tas-soluzzjoni on-premises, il-kuntratti qafas bejn Ocilion u l-ġestjonarji ta’ network jistipulaw li dawn tal-aħħar għandhom jiżguraw, permezz tal-faċilitajiet tagħhom stess, li huma stess u l-klijenti tagħhom ikollhom biżżejjed drittijiet fuq il-kontenut kollu li huma jagħmlu disponibbli.

16

Billi ma qablux li l-programmi televiżivi tagħhom jiġu kkomunikati permezz tas-servizz ipprovdut minn Ocilion, Seven.One et iqisu li dan is-servizz huwa bħal trażmissjoni mill-ġdid mhux awtorizzata tal-kontenut li fuqu huma għandhom drittijiet esklużivi. Barra minn hekk, huma jsostnu li mill-modalitajiet ta’ funzjonament tal-online recorder ma jistax jiġi dedott li d-deduplikazzjonijiet li jsegwu jaqgħu taħt l-eċċezzjoni ta’ “kkopjar privat”, fis-sens tal-Artikolu 42(4), kif ukoll tal-Artikolu 76a(3) tal-UrhG.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, Seven.One et ressqu talba għal miżuri provviżorji intiża sabiex Ocilion tiġi pprojbita milli tqiegħed il-programmi tagħhom għad-dispożizzjoni tal-klijenti tagħha jew milli tirriproduċi jew tqabbad terzi jirriproduċu tali programmi, mingħajr il-kunsens tagħhom.

18

Billi din it-talba ġiet, essenzjalment, milqugħa fl-ewwel istanza u kkonfermata fl-appell, Ocilion adixxiet l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju, b’appell.

19

Din il-qorti tindika, l-ewwel, li hija għandha tistabbilixxi jekk ir-riproduzzjonijiet tax-xandiriet li saru permezz ta’ online video recorder jaqgħux taħt is-sistema derogatorja ta’ “kkopjar privat”, kemm fir-rigward tas-soluzzjoni on-premises, kif ukoll fil-kuntest tas-soluzzjoni cloud-based.

20

F’dan ir-rigward, hija tqis li l-kwistjoni dwar lil min hija imputabbli l-kopja tal-kontenut li tkun saret fil-kuntest tal-proċess ta’ deduplikazzjoni pprovduta minn Ocilion hija waħda deċiżiva. B’hekk, jekk din tal-aħħar għandha s-setgħa li torganizza l-operazzjoni ta’ rrekordjar u tal-online video player, id-deduplikazzjoni tal-kontenut hija imputabbli lilha u l-applikazzjoni tas-sistema derogatorja ta’ “kkopjar privat” hija eskluża. Għall-kuntrarju, jekk Ocilion sempliċement taħżen il-kopji li jsiru minn persuni fiżiċi, mingħajr ma toffri wkoll servizz li tagħmel aċċessibbli l-kontenut, xejn ma jżomm milli jitqies li r-riproduzzjonijiet li jkunu saru jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kkopjar privat”.

21

Il-qorti tar-rinviju tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2017, VCAST (C‑265/16, EU:C:2017:913), sa fejn din tippreċiża li l-fatt li l-persuna kkonċernata jkollha hija stess it-tagħmir, l-apparat jew il-midja ta’ riproduzzjoni sabiex tagħmel kopja privata ma jaffettwax in-natura illegali ta’ din il-kopja. Hija tiddubita, madankollu, ir-rilevanza ta’ tali soluzzjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-servizz li toffri Ocilion u, b’mod partikolari, minħabba l-fatt li dan is-servizz imur bil-wisq lil hinn minn dak ta’ fornitur ta’ spazju għall-ħżin. Għaldaqstant, sabiex jiġi evitat li d-Direttiva 2001/29 ma tiġix applikata, din il-qorti tqis li, sabiex jiġi ddeterminat jekk hijiex kopja privata, wieħed ma għandux għalfejn jidħol fil-kwistjoni formali dwar min għandu l-inizjattiva li jwettaq din l-operazzjoni ta’ kkopjar.

22

It-tieni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-servizz on-premises li toffri Ocilion jammontax għal komunikazzjoni lill-pubbliku tal-kontenut tax-xandiriet protetti, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, li għalih din l-impriża għandha tinżamm responsabbli.

23

F’dan ir-rigward, hija tindika, minn naħa, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma turix b’mod ċar jekk atti, li ma għandhomx jitqiesu fihom innifishom bħala atti ta’ trażmissjoni, iżda li jiffaċilitaw biss it-trażmissjoni minn terzi, jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, hija tqis li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein (C‑610/15, EU:C:2017:456) jeħtieġ li tiġi ċċarata fir-rigward tal-kunċett ta’ “rwol indispensabbli” li għandu jkollu, f’dan il-każ, il-fornitur sabiex jitqies li huwa jwettaq att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

Dispożizzjoni nazzjonali hija konformi mad-dritt tal-Unjoni jekk tawtorizza, abbażi tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva [2001/29], l-użu ta’ online video recorder ipprovdut minn operatur kummerċjali, li

(a)

minħabba l-proċess ta’ deduplikazzjoni teknikament użat, ma jipproduċix kopja separata tal-kontenut tax-xandir skedat kull darba li l-utent jattiva l-proċess, iżda pjuttost, sa fejn il-kontenut inkwistjoni jkun diġà ġie maħżun fuq inizjattiva ta’ utent ieħor li kien l-ewwel li rrekordja tali kontenut, sempliċement iwettaq – sabiex tiġi evitata r-ridondanza tad-data – riferenzjar li jippermetti lill-utent sussegwenti jkollu aċċess għall-kontenut diġà maħżun;

(b)

għandu funzjoni ta’ replay, li permezz tagħha l-iskeda televiżiva tal-istazzjonijiet kollha magħżula tiġi rrekordjata kontinwament u tkun disponibbli għall-aċċess matul sebat ijiem, bil-kundizzjoni li l-utent iwettaq selezzjoni korrispondenti tal-istazzjonijiet darba biss billi jimmarka kaxxa fil-menu tal-online video recorder;

(c)

jipprovdi wkoll aċċess lill-utent (kemm jekk inkorporat f’servizz cloud tal-operatur kif ukoll jekk fil-kuntest ta’ soluzzjoni IPTV kompleta on-premises ipprovduta mill-operatur) għal kontenut tax-xandir protett mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet?

(2)

Il-kunċett ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li din titwettaq ukoll minn operatur kummerċjali li joffri soluzzjoni IPTV kompleta (on-premises), li fil-kuntest tagħha, flimkien ma’ software u hardware għar-riċezzjoni ta’ programmi televiżivi permezz tal-internet jipprovdi wkoll sostenn tekniku u jagħmel aġġustamenti kontinwi lis-servizz, iżda s-servizz jiġi operat kompletament bl-infrastruttura tal-konsumatur, jekk is-servizz mhux biss jagħti lill-utent aċċess għal kontenut tax-xandir li l-użu online tiegħu ġie awtorizzat mid-detenturi tad-drittijiet rispettivi, iżda wkoll għal kontenut protett li fir-rigward tiegħu ma hemmx awtorizzazzjoni korrispondenti, u l-operatur

(a)

jista’ jinfluwenza liema programmi televiżivi jista’ jirċievi l-utent finali permezz tas-servizz,

(b)

għandu għarfien tal-fatt li s-servizz tiegħu jista’ wkoll jirċievi kontenut tax-xandir protett mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet, iżda

(c)

ma jirreklamax din il-possibbiltà ta’ użu mhux awtorizzat tas-servizz tiegħu u b’hekk joħloq inċentiv sostanzjali għall-akkwist tal-prodott, iżda pjuttost, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt jindika lill-klijenti tiegħu li għandhom jiżguraw taħt responsabbiltà tagħhom il-ksib tad-drittijiet, u,

(d)

bl-attività tiegħu, ma joħloqx aċċess speċifiku għal kontenut tax-xandir, li mingħajr l-intervent tiegħu, ma jistax jiġi jew diffiċilment jista’ jiġi rċevut?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

25

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jista’ jaqa’ taħt l-eċċezzjoni għad-dritt esklużiv tal-awturi u tax-xandara li tiġi awtorizzata jew ipprojbita r-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti s-servizz li joffri operatur ta’ trażmissjoni mill-ġdid online ta’ xandiriet tat-televiżjoni lil klijenti kummerċjali li, permezz ta’ soluzzjoni cloud-based jew permezz ta’ server aċċessibbli on-premises, jippermetti, fuq inizjattiva tal-utenti finali ta’ dan is-servizz, li dawn ix-xandiriet jiġu rrekordjati b’mod kontinwu u puntwali, fejn il-kopja li ssir mill-ewwel fost dawn l-utenti li jkun għażel xandira partikolari titqiegħed mill-operatur għad-dispożizzjoni ta’ numru indeterminat ta’ utenti li jkunu jixtiequ jaraw l-istess kontenut.

26

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, mhux biss għandu jittieħed inkunsiderazzjoni il-kliem tagħha, skont it-tifsira normali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li tfittex li tilħaq il-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Datenschutzbehörde u CRIF, C‑487/21, EU:C:2023:369, punt 19, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar, qabelxejn, li, skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni sanċit fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, “rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust”.

28

L-ewwel nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk servizz bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jammontax għal “riproduzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) tal-imsemmija direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-kunċett għandu jinftiehem f’sens wiesa’, kemm fid-dawl tar-rekwiżit imfisser fil-premessa 21 ta’ din id-direttiva li l-atti koperti mid-dritt ta’ riproduzzjoni għandhom jingħataw definizzjoni wiesgħa sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fi ħdan is-suq intern, kif ukoll tal-kliem tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, li, sabiex jikkwalifika r-riproduzzjoni, juża espressjonijiet bħal “diretta jew indiretta”, “temporanja jew permanenti”, “b’kull mezz u f’kull forma”. Barra minn hekk, il-portata ta’ tali protezzjoni tal-atti koperti mid-dritt ta’ riproduzzjoni tirriżulta wkoll mill-għan prinċipali tal-istess direttiva, li huwa li jiġi stabbilit livell għoli ta’ protezzjoni fir-rigward, b’mod partikolari, tal-awturi (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, Austro‑Mechana, C‑433/20, EU:C:2022:217, punt 16).

29

Imbagħad, fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-espressjoni “riproduzzjonijiet ta’ kull mezz”, li tintuża fl-Artikolu 5(2)(b) tal-istess direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din tkopri t-twettiq, għal finijiet privati, ta’ kopji backup tax-xogħlijiet protetti mid-dritt tal-awtur fuq server li fih il-fornitur ta’ servizz ta’ cloud computing iqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ utent spazju għall-ħażna (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, Austro‑Mechana, C‑433/20, EU:C:2022:217, punt 33).

30

Fil-fatt, sabiex tkun tista’ tiġi invokata d-deroga prevista fl-Artikolu 5(2)(b), ma huwiex neċessarju li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkollhom it-tagħmir, l-apparat u l-midja ta’ riproduzzjoni. Huma jistgħu wkoll jiġu pprovduti minn terz b’servizz ta’ riproduzzjoni, li hija l-premessa fattwali neċessarja sabiex dawn il-persuni fiżiċi jkunu jistgħu jiksbu kopji privati (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2017, VCAST, C‑265/16, EU:C:2017:913, punt 35, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, kif imfisser fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni tapplika biss fejn ir-riproduzzjonijiet isiru minn persuna fiżika mhux biss għal użu privat, iżda wkoll għal finijiet li la huma direttament u lanqas indirettament kummerċjali.

32

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/29, l-Artikolu 5(5), moqri flimkien mal-premessa 44 ta’ din id-direttiva, jipprevedi li dawn japplikaw biss f’ċerti każijiet speċjali li la huma ta’ ħsara għall-użu normali tax-xogħol jew ta’ oġġett protett ieħor u lanqas jikkawżaw preġudizzju mhux iġġustifikat għall-interessi leġittimi tad-detentur tad-dritt.

33

Fit-tielet lok, il-Qorti ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li peress li l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/29 jinkludu fihom stess drittijiet favur l-utenti ta’ xogħlijiet jew oġġetti protetti oħra, din id-dispożizzjoni tikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn, minn naħa, id-drittijiet u l-interessi tad-detenturi ta’ drittijiet, li dawn stess jiġu interpretati b’mod wiesa’ u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet u l-interessi ta’ dawn l-utenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online, C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 54).

34

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29, li jinżamm tali bilanċ ġust huwa preċiżament l-għan tal-armonizzazzjoni mwettqa minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando, C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 64).

35

Huwa fid-dawl tal-premess li għandu jiġi ddeterminat jekk servizz, bħal dak li toffri Ocilion, jistax jaqa’ taħt l-eċċezzjoni ta’ “kkopjar privat” prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

36

Qabelxejn, mill-qafas legali nazzjonali, kif deskritt fid-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta li r-Repubblika tal-Awstrija għamlet użu mill-fakultà li jagħtiha l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 billi pprevediet fl-Artikolu 42(4) u fl-Artikolu 76a(3) tal-UrhG li kull persuna fiżika tista’ tagħmel riproduzzjonijiet ta’ xogħol jew tikkonserva xandira fuq midja għal użu privat u għal finijiet li la huma direttament u lanqas indirettament kummerċjali.

37

F’dan ir-rigward, mis-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2017, VCAST (C‑265/16, EU:C:2017:913) jirriżulta li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil impriża kummerċjali tipprovdi lil individwi servizz ta’ rrekordjar remot fil-cloud ta’ kopji privati ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, permezz ta’ sistema tal-informatika, li tintervjeni attivament fl-irrekordjar ta’ dawn il-kopji, mingħajr l-awtorizazzjoni tad-detentur tad-drittijiet.

38

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, madankollu, jekk din il-ġurisprudenza tistax tapplika għal servizz bħal dak li toffri Ocilion.

39

Fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li Ocilion hija kumpannija li tipprovdi s-servizzi tagħha fil-kuntest ta’ attività kummerċjali. Konsegwentement, peress li l-persuni ġuridiċi huma f’kull każ esklużi mill-benefiċċju tal-eċċezzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 5(2)(b) (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, EGEDA et, C‑470/14, EU:C:2016:418, punt 30), din l-impriża ma tistax titqies li għamlet kopja li taqa’ taħt din l-eċċezzjoni.

40

Ocilion issostni, madankollu, li s-servizz li hija toffri huwa sempliċement li tipprovdi għodda li tippermetti lil kull utent finali, fuq inizjattiva tiegħu u skont l-iskeda li jagħmel huwa stess, li jara programmi televiżivi iktar tard u li fejn l-ewwel utent finali jkun għażel xi kontenut partikolari, ir-rekording tiegħu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti finali l-oħra li jixtiequ jaraw dan l-istess kontenut permezz ta’ numru ta’ riferiment. Din l-impriża tiddeduċi minn dan li r-riproduzzjoni tal-programmi televiżivi ssir minn kull utent finali għal finijiet privati u li, fid-dawl tat-teknika ta’ deduplikazzjoni li hija tuża, ma jirriżultax minn dan preġudizzju mhux iġġustifikat għall-interessi leġittimi tad-detenturi tad-drittijiet esklużivi.

41

Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li d-deduplikazzjoni tax-xandiriet televiżivi ġġenerata minn servizz bħal dak li toffri Ocilion tista’ taqa’ taħt l-eċċezzjoni ta’ “kkopjar privat”.

42

L-ewwel, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 36 sa 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, servizz bħal dak li toffri Ocilion huwa kkaraterizzat minn funzjoni doppja. Fil-fatt, dan tal-aħħar huwa bbażat fuq soluzzjoni IPTV ta’ tranżmissjoni mill-ġdid simultanja ta’ xandiriet tat-televiżjoni, flimkien ma’ għodda ta’ rrekordjar online ta’ dawn ix-xandiriet. Peress li l-irrekordjar online jirrigwarda x-xandiriet trażmessi mill-ġdid fil-kuntest tas-soluzzjoni IPTV, dan is-servizz ma huwiex wieħed awtonomu, iżda jiddependi tabilfors mis-servizz ta’ trażmissjoni mill-ġdid simultanja żgurata minn din is-soluzzjoni.

43

Barra minn hekk, il-possibbiltà li jiġu rrekordjati x-xandiriet televiżivi trażmessi mill-ġdid iżżid il-valur ta’ servizz bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li tippermetti li jingħata aċċess għall-kontenut ikkonċernat f’kundizzjonijiet differenti minn dawk ta’ trażmissjoni mill-ġdid simultanja.

44

It-tieni, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-servizz li toffri Ocilion huwa bbażat fuq teknika li l-kopja li ssir mill-ewwel utent, permezz ta’ mezzi pprovduti minn dan il-fornitur, titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti finali li jixtiequ jaraw il-kontenut. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm, ċertament, l-utent finali jiskeda huwa stess ir-rekordings, is-servizz ta’ rrekordjar u ta’ tqegħid tal-kopja li ssir b’dan il-mod għad-dispożizzjoni tal-utenti finali, mhux biss jiddependi mill-mezzi pprovduti mill-fornitur, iżda jikkostitwixxi wkoll, kif jirriżulta mill-punt preċedenti, l-interess prinċipali tal-offerta pprovduta.

45

F’dan ir-rigward, it-teknika ta’ deduplikazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali twassal sabiex issir kopja li, ’il bogħod milli tkun għad-dispożizzjoni esklużiva tal-ewwel utent, hija intiża sabiex tkun aċċessibbli, permezz tas-sistema li joffri l-fornitur, għal numru indeterminat ta’ utenti finali, huma stess klijenti tal-ġestjonarji ta’ network, li l-imsemmi fornitur iqiegħed din it-teknika għad-dispożizzjoni tagħhom.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat, bla ħsara għall-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, li servizz bħal dak li toffri Ocilion, li jagħti l-aċċess għal riproduzzjoni ta’ xogħol protett lil numru indeterminat ta’ benefiċċjarji għal finijiet kummerċjali, ma jaqax taħt l-eċċezzjoni msejħa ta’ “kkopjar privat” imsemmija fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

47

It-tielet, u kif jenfasizza wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-konstatazzjoni ma tistax titwaqqa’ min-neċessità li jiġi osservat il-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika, li bis-saħħa tiegħu l-liġi għandha tispeċifika d-drittijiet u l-obbligi tal-persuni b’mod ġeneriku, sabiex ma jiġix ippreferut l-użu ta’ teknoloġija minn oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, Austro‑Mechana, C‑433/20, EU:C:2022:217, punt 27).

48

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet li l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandha tirrendi possibbli u tiżgura l-iżvilupp u l-funzjonament ta’ teknoloġiji ġodda, kif ukoll iżżomm bilanċ ġust bejn id-drittijiet u l-interessi ta’ detenturi ta’ drittijiet u ta’ utenti ta’ xogħlijiet protetti li jixtiequ jibbenefikaw minn dawn it-teknoloġiji (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, Austro‑Mechana, C‑433/20, EU:C:2022:217, punti 2627).

49

Madankollu, anki jekk jiġi aċċettat li l-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika jeħtieġ li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma tillimitax l-innovazzjoni u l-progress teknoloġiku (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Eutelstat, C‑515/19, EU:C:2021:273, punt 48), jibqa’ l-fatt li l-konstatazzjoni li saret fil-punt 46 ta’ din is-sentenza ma tiddependix mit-teknoloġija ta’ riproduzzjoni użata fil-kuntest tas-servizz bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda tirriżulta miċ-ċirkustanza li s-sistema użata mill-ġestjonarji ta’ network tagħti aċċess għax-xandiriet irrekordjati lil numru indeterminat ta’ persuni għal finijiet kummerċjali, liema aċċess jista’ jikkawża preġudizzju mhux iġġustifikat għall-interessi leġittimi tad-detenturi tad-drittijiet, b’mod li l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ “kkopjar privat” li tikkonċerna tali servizz tista’ tkun ta’ ħsara għall-għan li jinżamm bilanċ ġust bejn l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u dawk tal-utenti.

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2 u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jaqax taħt l-eċċezzjoni għad-dritt esklużiv tal-awturi u tax-xandara li tiġi awtorizzata jew ipprojbita r-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti s-servizz li joffri operatur ta’ trażmissjoni mill-ġdid online ta’ xandiriet tat-televiżjoni lil klijenti kummerċjali li jippermetti, permezz ta’ soluzzjoni cloud-based jew permezz tal-hardware u s-software neċessarju disponibbli on-premises, li jsir rekording b’mod kontinwu u puntwali ta’ dawn ix-xandiriet, fuq l-inizjattiva tal-utenti finali ta’ dan is-servizz, fejn il-kopja li ssir mill-ewwel utent li jkun għażel xandira partikolari titqiegħed mill-operatur għad-dispożizzjoni ta’ numru indeterminat ta’ utenti li jixtiequ jaraw l-istess kontenut.

Fuq it‑tieni domanda

51

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jammontaw għal “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, it-tqegħid għad-dispożizzjoni u l-manutenzjoni ta’ proċess on-premises ta’ online video recorder, li jagħti aċċess għal kontenut protett, fejn il-fornitur jeżerċita ċertu influwenza fuq l-għażla tal-kontenut li l-utent ikollu aċċess għalih, li dan tal-aħħar ikollu aċċess għal dan il-kontenut mingħajr ma jintervjeni l-fornitur u li dan tal-aħħar, konxju li s-servizz tiegħu jista’ jintuża sabiex jinkiseb aċċess għal kontenut tax-xandiriet protetti mingħajr il-kunsens tal-awtur tiegħu, ma jippromwovix dan l-aspett tas-servizz tiegħu.

52

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri għandhom jipprevedu għall-awturi d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fili jew mingħajr fili, inkluż li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku x-xogħlijiet tagħhom b’mod li l-membri tal-pubbliku jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin li jagħżlu huma b’mod individwali.

53

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet, l-awturi, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, għandhom dritt ta’ natura preventiva li jippermettilhom jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku li dawn l-utenti finali jew klijenti kummerċjali jistgħu jikkunsidraw iwettqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Blue Air Aviation, C‑775/21 u C‑826/21, EU:C:2023:307, punt 44, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54

Billi l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, għandhom jiġu ddeterminati s-sens u l-portata ta’ dan il-kunċett, fid-dawl tal-għanijiet li tfittex li tilħaq din id-direttiva u fid-dawl tal-kuntest li fih tidħol din id-dispożizzjoni (sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Blue Air Aviation, C‑775/21 u C‑826/21, EU:C:2023:307, punt 45, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-imsemmi kunċett għandu, kif tenfasizza l-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29, jinftiehem f’sens wiesa’, b’mod li jkopri kull komunikazzjoni lill-pubbliku mhux preżenti fil-post minn fejn toriġina l-komunikazzjoni u, għalhekk, kull trażmissjoni jew trażmissjoni mill-ġdid, ta’ din in-natura, ta’ xogħol lill-pubbliku, bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Fil-fatt, mill-premessi 4, 9 u 10 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din għandha l-għan prinċipali li tistabbilixxi livell għoli ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ awturi, li tippermettilhom jiksbu remunerazzjoni xierqa għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom, b’mod partikolari fil-każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku (sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Blue Air Aviation, C‑775/21 u C‑826/21, EU:C:2023:307, punt 46, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56

B’mod partikolari, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet, il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(1), jinkludi żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri att ta’ komunikazzjoni ta’ xogħol, kif ukoll il-komunikazzjoni ta’ dan tal-aħħar lil xi udjenza, u jinvolvi evalwazzjoni individwali (is-sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Blue Air Aviation, C‑775/21 u C‑826/21, EU:C:2023:307, punt 47, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “att ta’ komunikazzjoni”, għandu jiġi enfasizzat li tali att jinkludi kull trażmissjoni tax-xogħlijiet protetti, irrispettivament mill-mezz jew mill-proċess tekniku użat (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2017, VCAST, C‑265/16, EU:C:2017:913, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Barra minn hekk, għall-finijiet tal-evalwazzjoni individwali mfakkra fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi kriterji addizzjonali, ta’ natura mhux awtonoma u li huma interdipendenti. Billi dawn il-kriterji jistgħu, f’diversi sitwazzjonijiet konkreti, ikunu preżenti b’intensità ferm varjabbli, hemm lok li dawn jiġu applikati kemm individwalment kif ukoll fl-interazzjoni tagħhom ma’ xulxin (sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Blue Air Aviation, C‑775/21 u C‑826/21, EU:C:2023:307, punt 48, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

59

Fost dawn il-kriterji, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ir-rwol indispensabbli tal-fornitur u n-natura ddeliberata tal-intervent tiegħu. Fil-fatt, dan tal-aħħar iwettaq “att ta’ komunikazzjoni” fejn jintervjeni, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tiegħu, sabiex jagħti lill-klijenti tiegħu aċċess għal xogħol protett, u dan b’mod partikolari fejn, fl-assenza ta’ dan l-intervent, dawn il-klijenti ma jkunux jistgħu, bħala prinċipju, igawdu mix-xogħol imxandar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Blue Air Aviation, C‑775/21 u C‑826/21, EU:C:2023:307, punt 49, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60

Mill-banda l-oħra, il-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29 tiddikjara li “[i]s-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi biex tkun tista’ iseħħ jew biex iseħħ komunikazzjoni ma twassalx fiha nfisha għal komunikazzjoni fit-tifsira ta’ din id-Direttiva”.

61

F’dan il-każ, kif imsemmi fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-qafas tas-soluzzjoni on-premises tagħha, Ocilion tipprovdi lill-ġestjonarji ta’ network il-hardware u s-software neċessarju, kif ukoll assistenza teknika sabiex tiżgura li dawn jinżammu kif suppost.

62

Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 68 sa 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, fl-assenza ta’ kwalunkwe rabta bejn il-fornitur tal-hardware u tas-software neċessarju u l-utenti finali, servizz bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jitqies bħala att ta’ komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 imwettaq minn Ocilion.

63

Fil-fatt, minn naħa, fornitur bħal Ocilion ma jagħtix aċċess lill-utenti finali għal xogħol protett. Ċertament, hija tipprovdi lill-ġestjonarji ta’ network il-hardware u s-software neċessarju f’dan ir-rigward, iżda huwa biss dan tal-aħħar li jagħti aċċess lill-utenti finali għax-xogħlijiet protetti.

64

Min-naħa l-oħra, peress li huma l-ġestjonarji ta’ network li jagħtu aċċess lill-utenti finali għal xogħlijiet protetti, skont il-modalitajiet miftiehma minn qabel bejniethom, il-fornitur li jipprovdi l-hardware u s-software neċessarju lill-ġestjonarji ta’ network sabiex jagħti aċċess għal dawn ix-xogħlijiet ma għandux “rwol indispensabbli”, fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza ċċitata fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, b’mod li ma jistax jitqies li wettaq att ta’ komunikazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2001/29. Fil-fatt, għalkemm l-użu ta’ dan il-hardware u s-software, fil-qafas tas-soluzzjoni on-premises, jidher neċessarju sabiex l-utenti finali jkunu jistgħu jaraw iktar tard ix-xandiriet tat-televiżjoni, mill-informazzjoni fil-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fornitur li jipprovdi dan il-hardware u s-software jintervjeni sabiex jagħti aċċess lill-utenti finali għal dawn ix-xogħlijiet protetti.

65

F’dan il-kuntest, l-għarfien li tali fornitur jista’ jkollu tal-fatt li s-servizz tiegħu jista’ jiġi użat sabiex jinkiseb aċċess għal kontenut tax-xandir protett mingħajr il-kunsens tal-awtur tiegħu ma huwiex biżżejjed, minnu nnifsu, sabiex jitqies li huwa qiegħed iwettaq att ta’ komunikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29.

66

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-assistenza teknika li toffri Ocilion tmur lil hinn mill-manutenzjoni u mill-adattament tal-hardware u tas-software neċessarju li hija tipprovdi u tippermetti lil dan il-fornitur jinfluwenza l-għażla tal-programmi televiżivi li l-utent finali jista’ jara iktar tard.

67

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma tikkostitwixxix “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-provvista, minn operatur ta’ trażmissjoni mill-ġdid online, ta’ xandiriet tat-televiżjoni, lill-klijent kummerċjali tiegħu, tal-hardware u s-software neċessarju, inkluż assistenza teknika, li jippermettu lil dan il-klijent jagħti aċċess lil klijenti tiegħu għal xandiriet tat-televiżjoni online li jkunu jistgħu jarawhom iktar tard, u dan minkejja li jkun konxju tal-fatt li s-servizz tiegħu jista’ jintuża sabiex jinkiseb aċċess għal kontenut tax-xandiriet protetti mingħajr il-kunsens tal-awtur tagħhom.

Fuq l‑ispejjeż

68

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2 u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jaqax taħt l-eċċezzjoni għad-dritt esklużiv tal-awturi u tax-xandara li tiġi awtorizzata jew ipprojbita r-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti s-servizz li joffri operatur ta’ trażmissjoni mill-ġdid online ta’ xandiriet tat-televiżjoni lil klijenti kummerċjali li jippermetti, permezz ta’ soluzzjoni cloud-based jew permezz tal-hardware u s-software neċessarju disponibbli on-premises, li jsir rekording b’mod kontinwu u puntwali ta’ dawn ix-xandiriet, fuq l-inizjattiva tal-utenti finali ta’ dan is-servizz, fejn il-kopja li ssir mill-ewwel utent li jkun għażel xandira partikolari titqiegħed mill-operatur għad-dispożizzjoni ta’ numru indeterminat ta’ utenti li jixtiequ jaraw l-istess kontenut.

 

2)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29:

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma tikkostitwixxix “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-provvista, minn operatur ta’ trażmissjoni mill-ġdid online ta’ xandiriet tat-televiżjoni, lill-klijent kummerċjali tiegħu, tal-hardware u s-software neċessarju, inkluż assistenza teknika, li jippermettu lil dan il-klijent jagħti aċċess lil klijenti tiegħu għal xandiriet tat-televiżjoni online li jkunu jistgħu jarawhom iktar tard, u dan minkejja li jkun konxju tal-fatt li s-servizz tiegħu jista’ jintuża sabiex jinkiseb aċċess għal kontenut tax-xandiriet protetti mingħajr il-kunsens tal-awtur tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.