SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
27 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 56 KE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Servizzi ta’ ħolqien u ta’ produzzjoni ta’ xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi – Operaturi ta’ servizzi ta’ televiżjoni b’abbonament – Taxxa ta’ abbonament dovuta mill-operaturi tat-televiżjoni permezz ta’ abbonament – Allokazzjoni tad-dħul mit-taxxa – Restrizzjoni – Effetti wisq inċerti jew wisq indiretti”
Fil-Kawża C‑411/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Lulju 2021, fil-proċedura
Instituto do Cinema e do Audiovisual, IP
vs
NOWO Communications SA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, N. Wahl (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Instituto do Cinema e do Audiovisual, IP, minn M. Ferreira, A. Moura Portugal, I. Teixeira u A. T. Tiago, advogados, |
|
– |
għal NOWO Communications SA, minn R. Camacho Palma, advogado, |
|
– |
għall-Gvern Elleniku, minn A. Magrippi, O. Patsopoulou, M. Tassopoulou, u D. Tsagkaraki, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Afonso, G. Braun u M. Mataija, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE. |
|
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Instituto do Cinema e do Audiovisual, IP (Istitut taċ-Ċinema u tal-Awoviżiv, iktar ’il quddiem l-“IĊA”), u NOWO Communications SA (iktar ’il quddiem “NOWO”), dwar l-impożizzjoni ta’ taxxa dovuta mill-operaturi ta’ servizzi tat-televiżjoni b’abbonament. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
3 |
L-IĊA huwa l-korp inkarigat mill-għoti, skont il-Lei n.o 55/2012 – Princípios de ação do Estado Nru quadro do fomento, desenvolvimento e proteção da arte do cinema e das atividades cinematográficas e audiovisuais (Il-Liġi Nru 55/2012 dwar il-prinċipji li jirregolaw l-intervent tal-Istat fil-kuntest tal-promozzjoni, tal-iżvilupp u tal-protezzjoni tal-arti taċ-ċinema u tal-attivtajiet ċinematografiċi u awdjoviżivi), tas‑6 ta’ Settembru 2012 (Diário da República, Serje 1”, Nru 173/2012 tas‑6 ta’ Settembru 2012), sostenn, b’mod partikolari finanzjarju, għall-attività ċinematografika u awdjoviżiva. |
|
4 |
Dan is-sostenn huwa ffinanzjat, b’mod partikolari, mid-dħul mit-taxxa ta’ abbonament annwali dovuta mill-operaturi tat-televiżjoni permezz ta’ abbonament skont l-Artikolu 10(2) ta’ din il-liġi (iktar ’il quddiem it-“taxxa ta’ abbonament”) u mit-taxxa fuq ix-xandir ta’ reklami prevista fl-Artikolu 10(1) tal-imsemmija liġi. |
|
5 |
Fix-xahar ta’ Awwissu 2013, l-IĊA, bħala korp inkarigat li jiġbor it-taxxa ta’ abbonament, talab mingħand NOWO, operatur tat-televiżjoni b’abbonament, is-somma ta’ EUR 886 042.50 abbażi ta’ din it-taxxa. |
|
6 |
NOWO kkontestat din it-taxxa quddiem it-Tribunal Administrativo e Fiscal de Almada (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Almada, il-Portugall) billi bbażat ruħha, essenzjalment, fuq in-nuqqas ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni tat-taxxa ta’ abbonament. |
|
7 |
Din laqgħet ir-rikors ta’ NOWO u qieset li, fid-dawl tal-għan u tal-karatteristiċi tal-iskema ta’ sostenn għall-attività ċinematografika u awdjoviżiva, din l-iskema kienet tmur kontra l-Artikolu 56 TFUE. Hija qieset, b’mod partikolari, li d-dħul iġġenerat mill-ġbir tat-taxxa ta’ abbonament kien intiż esklużivament sabiex jiffinanzja l-promozzjoni u x-xandir tax-xogħlijiet ċinematografiċi Portugiżi b’tali mod li l-assenjazzjoni ta’ dan id-dħul tnaqqas l-ispiża tal-produzzjoni nazzjonali meta mqabbla ma’ dik tal-produzzjoni barranija u kien jiddiskrimina, konsegwentement, indirettament il-provvista transkonfinali ta’ dawn is-servizzi meta mqabbla mal-provvista nazzjonali tagħhom. |
|
8 |
L-IĊA ppreżenta appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju u jsostni li t-taxxa ta’ abbonament hija konformi mad-dritt tal-Unjoni sa fejn, b’mod partikolari, hija ma tiksirx l-Artikolu 56 TFUE. |
|
9 |
F’dan ir-rigward, huwa jsostni li ma jeżisti ebda element transkonfinali li jiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE peress li l-attività ta’ provvista ta’ servizzi ta’ televiżjoni b’abbonament hija limitata għat-territorju Portugiż. Barra minn hekk, il-qorti tal-ewwel istanza bbażat ruħha fuq premessa żbaljata, li tgħid li t-taxxa ta’ abbonament hija intiża esklużivament sabiex tiffinanzja l-promozzjoni u x-xandir tax-xogħlijiet ċinematografiċi Portugiżi filwaqt li dan il-finanzjament jibbenefika wkoll ix-xogħlijiet Ewropej. Fl-aħħar nett, l-IĊA jikkunsidra li, anki kieku d-dħul iġġenerat minn din it-taxxa kien intiż sabiex jiffinanzja xogħlijiet nazzjonali, fl-assenza ta’ prova li l-operaturi ta’ servizzi televiżivi jiffavorixxu l-akkwist ta’ xogħlijiet nazzjonali għad-detriment ta’ xogħlijiet Ewropej minħabba l-finanzjament u s-sostenn mogħti lix-xogħlijiet nazzjonali, ma jistax jiġi konkluż li l-imsemmija taxxa tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. |
|
10 |
Il-qorti tar-rinviju tqis neċessarju li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn hemm dubji serji dwar il-konformità tat-taxxa ta’ abbonament mal-Artikolu 56 TFUE. |
|
11 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
12 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa intiża sabiex tiffinanzja l-promozzjoni u x-xandir ta’ xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi. |
|
13 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa li d-dħul mit-taxxa ta’ abbonament stabbilita mill-Artikolu 10(2) tal-Liġi Nru 55/2012 huwa assenjat għall-finanzjament tal-promozzjoni u x-xandir ta’ xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi Portugiżi. |
|
14 |
Madankollu, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, din l-interpretazzjoni ma tirriżultax b’mod ċar mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali hija kkontestata, quddiem il-qorti tar-rinviju, mill-IĊA u, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, kemm minn dan tal-aħħar kif ukoll mill-Kummissjoni. |
|
15 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
16 |
B’mod partikolari, ma huwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, li tivverifika jew li tqiegħed inkwistjoni l-eżattezza tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali magħmula mill-qorti nazzjonali, peress li din l-interpretazzjoni taqa’ fil-kompetenza esklużiva ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, meta tiġi adita b’talba għal deċiżjoni preliminari minn qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibbaża ruħha fuq l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali kif deskritt lilha mill-imsemmija qorti (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
17 |
Konsegwentement, l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali mogħtija mill-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu tad-dħul mit-taxxa ta’ abbonament, ma tistax tiġi kkontestata mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
18 |
Fit-tieni lok, fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni u r-Repubblika Ellenika indikaw li, sa fejn ma jirriżultax espliċitament mil-leġiżlazzjoni Portugiża li d-dħul iġġenerat mit-taxxa ta’ abbonament huwa esklużivament iddedikat għall-promozzjoni tal-attivitajiet ċinematografiċi u awdjoviżivi Portugiżi, din it-taxxa għandha tiġi kkunsidrata fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni minbarra l-Artikolu 56 TFUE. Għalhekk, minn naħa, skont il-Kummissjoni, it-taxxa ta’ abbonament tagħmel parti minn skema ta’ għajnuna għax-xogħlijiet awdjoviżivi fis-sens tal-Artikolu 54 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas‑17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 [TFUE] (ĠU 2014, L 187, p. 1) Min-naħa l-oħra, skont din l-istituzzjoni u r-Repubblika Ellenika, it-taxxa ta’ abbonament hija konformi mad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU 2010, L 95, p. 1), li d-dispożizzjonijiet tagħha jippermettu lill-Istati Membri jimponu kontribuzzjonijiet finanzjarji fuq il-fornituri ta’ servizzi tal-media stabbiliti fit-territorju tagħhom jekk il-fondi miġbura jkollhom l-għan li jsostnu l-produzzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej. |
|
19 |
F’dan ir-rigward, huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li l-qorti tar-rinviju fformulat domanda billi għamlet riferiment biss għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li hija adita biha, irrispettivament minn jekk hija għamlitx jew le riferiment għalihom fit-test tad-domandi tagħha (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, X u X, C‑638/16 PPU, EU:C:2017:173, punt 39). |
|
20 |
Madankollu, għandu jitfakkar li hija esklużivament il-qorti tar-rinviju li għandha tiddefinixxi s-suġġett tad-domandi li hija tkun trid tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt huma biss il-qrati nazzjonali li quddiemhom titressaq il-kawża u li għandhom jassumu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandhom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari biex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu s-sentenza tagħhom kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Belgian Electronic Sorting Technology, C‑657/11, EU:C:2013:516, punt 28). |
|
21 |
Issa, anki jekk ma huwiex eskluż li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 651/2014 u tad-Direttiva 2010/13 huma rilevanti fil-qasam tal-promozzjoni ta’ xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi kif ukoll ta’ finanzjament ta’ dawn ix-xogħlijiet, xorta jibqa’ l-fatt li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha temenda s-suġġett ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari li permezz tiegħu l-qorti tar-rinviju, sabiex tevalwa l-konformità tat-taxxa ta’ abbonament mal-Artikolu 56 TFUE, illimitat ruħha sabiex titlobha fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
22 |
Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 56 TFUE, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Unjoni għandhom jiġu pprojbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri stabbiliti fi Stat Membru differenti minn dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi. |
|
23 |
Il-miżuri nazzjonali li jipprojbixxu, ifixklu jew jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Google Ireland, C‑482/18, EU:C:2020:141, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
24 |
Tali restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jistgħu jiġu aċċettata biss jekk l-għan tagħhom ikun leġittimu u kompatibbli mat-Trattat FUE u jkun iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sa fejn, jekk ikun il-każ, huma jkunu kapaċi jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jinkiseb (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2019, L-Awstrija vs Il‑Ġermanja, C‑591/17, EU:C:2019:504, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tibbenefika kemm lill-fornitur kif ukoll lid-destinatarju tas-servizzi (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, EU:C:2009:519, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
26 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina jekk it-taxxa ta’ abbonament tillimitax il-provvista ta’ servizzi fi ħdan l-Unjoni sa fejn l-allokazzjoni tad-dħul minn din it-taxxa għall-produzzjoni u għall-promozzjoni ta’ xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi Portugiżi tnaqqas l-ispiża tas-servizzi pprovduti minn fornituri stabbiliti fil-Portugall u tiffaċilita l-użu ta’ dawn is-servizzi għad-detriment ta’ dawk ipprovduti minn fornituri stabbiliti fi Stati Membri oħra. |
|
27 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel, li kemm il-fornituri ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva kif ukoll l-operaturi ta’ servizzi televiżivi b’abbonament, bħal NOWO, huma, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom, destinatarji ta’ servizzi ta’ produzzjoni ta’ xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi u jistgħu jinvokaw l-Artikolu 56 TFUE. |
|
28 |
It-tieni, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 10(2) tal-Liġi Nru 55/2012 ma għandux l-għan li jirregola s-servizzi ta’ produzzjoni ta’ xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi, iżda li jistabbilixxi taxxa fuq l-operaturi tat-televiżjoni permezz ta’ abbonament li hija intiża sabiex tiffinanzja l-promozzjoni u x-xandir ta’ tali xogħlijiet. |
|
29 |
Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li ma għandhiex l-għan li tirregola l-kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-provvista ta’ servizzi tal-impriżi kkonċernati u li l-effetti restrittivi li hija tista’ tipproduċi fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma wisq inċerti u wisq indiretti sabiex l-obbligu li hija tistabbilixxi jkun jista’ jitqies li huwa ta’ natura li jostakola din il-libertà, ma jmurx kontra l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE (sentenza tas‑27 ta’ April 2022, Airbnb Ireland, C‑674/20, EU:C:2022:303, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
F’dan il-każ, minn naħa, fl-assenza ta’ preċiżazzjoni dwar l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa ta’ abbonament u fid-dawl tal-fatt li d-dħul ta’ din it-taxxa huwa intiż sabiex isostni l-produzzjoni ta’ xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi fuq il-livell ta’ dan is-settur ekonomiku kollu, ma jistax jiġi stabbilit li l-imsemmija taxxa għandha effetti restrittivi fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. |
|
31 |
Qabelxejn, fid-dawl tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex possibbli li jiġi kkwantifikat l-ammont globali tas-sostenn għall-ħolqien u għall-produzzjoni ta’ xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi ffinanzjati mid-dħul mit-taxxa ta’ abbonament. L-iktar l-iktar, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’dan il-każ, l-ammont impost fuq NOWO fir-rigward ta’ din it-taxxa jammonta għas-sena 2013 għal EUR 886 042.50, filwaqt li d-dħul mill-imsemmija taxxa ta’ abbonament għandu jiġi allokat għas-sostenn tas-settur tal-produzzjoni ċinematografika u awdjoviżiva fl-intier tiegħu u li dan l-ammont għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-ispiża globali ta’ produzzjoni tax-xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi. |
|
32 |
Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-produzzjoni ta’ xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv teħtieġ il-preżenza ta’ diversi fornituri ta’ servizzi differenti li jintervjenu fi stadji differenti tal-produzzjoni u li joffru servizzi distinti. |
|
33 |
Fl-aħħar nett, peress li t-tqassim tad-dħul mit-taxxa ta’ abbonament huwa kontinġenti, ma jistax jiġi affermat li kull xogħol prodott jibbenefika minnu. |
|
34 |
Minn dan jirriżulta li s-sostenn finanzjarju, li l-ammont globali tiegħu ma huwiex iddeterminat, huwa maqsum b’mod kontinwu bejn numru sinjifikattiv ta’ produzzjonijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi u ta’ fornituri ta’ servizzi li jintervjenu fl-istadji differenti tal-produzzjoni b’tali mod li l-effett ta’ dan is-sostenn fuq il-prezz tas-servizzi ta’ produzzjoni ta’ xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi għandu jitqies, fid-dawl tal-elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, bħala inċert, jew saħansitra ipotetiku. |
|
35 |
Min-naħa l-oħra, il-prezz ma jikkostitwixxix l-uniku varjabbli li jiddetermina x-xiri ta’ xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi. |
|
36 |
Fil-fatt, l-għażla għal operatur ta’ servizzi tat-televiżjoni li jixtri xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi tiddependi wkoll minn fatturi kulturali, b’mod partikolari, fuq il-karatteristiċi speċifiċi li jipprevalu f’kull wieħed mill-Istati Membri kif ukoll mill-aspettattivi tal-pubbliku. |
|
37 |
Għaldaqstant, ma jistax jiġi stabbilit, fid-dawl tal-elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, li l-effett tad-dħul mit-taxxa ta’ abbonament għandu l-konsegwenza li jiffavorixxi s-servizzi ta’ produzzjoni ta’ xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi Portugiżi għad-detriment tas-servizzi pprovduti minn fornituri stabbiliti fi Stati Membri oħra b’tali mod li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-effetti eventwali li t-taxxa ta’ abbonament jista’ jkollha fir-rigward tal-provvista tas-servizzi ta’ produzzjoni ta’ xogħlijiet awdjoviżivi u ċinematografiċi għandhom jitqiesu bħala wisq inċerti u wisq indiretti sabiex jikkostitwixxu restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE. |
|
38 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa li tiffinanzja l-promozzjoni u x-xandir ta’ xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi, sakemm l-effetti eventwali tagħha fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ produzzjoni ta’ tali xogħlijiet ikunu wisq inċerti u wisq indiretti sabiex jikkostitwixxu restrizzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq it‑tieni domanda
|
39 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li jeżistu sistemi identiċi jew simili għal dawk previsti mil-Liġi Nru 55/2012 fi Stati Membri oħra tal-Unjoni jistax ibiddel ir-risposta għall-ewwel domanda. |
|
40 |
It-tieni domanda hija bbażata fuq il-premessa li t-taxxa ta’ abbonament taqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE. Issa, mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda jirriżulta li, fid-dawl tal-elementi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja, dan ma huwiex il-każ. Għaldaqstant ma hemmx lok li tingħata risposta għal din id-domanda. |
Fuq l‑ispejjeż
|
41 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa li tiffinanzja l-promozzjoni u x-xandir ta’ xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi, sakemm l-effetti eventwali tagħha fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ produzzjoni ta’ tali xogħlijiet ikunu wisq inċerti u wisq indiretti sabiex jikkostitwixxu restrizzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.