SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

1 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika agrikola komuni (PAK) – Finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Regolament (UE) Nru 1305/2013 – Għajnuna għall-investiment – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti tal-għajnuna għall-kundizzjoni li l-applikant jippreżenta ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ sit ta’ trobbija stabbilit f’ismu u juri li, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni tiegħu, il-produzzjoni tal-azjenda agrikola tiegħu hija ekwivalenti għal mill-inqas EUR 8000”

Fil-Kawża C‑409/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Lulju 2021, fil-proċedura

DELID EOOD

vs

Izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie”

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, F. Biltgen u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal DELID EOOD, minn T. Zlateva, advokat,

għall-Izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie”, minn G. Sabev, advokat,

għall-Gvern Bulgaru, minn M. Georgieva u L. Zaharieva, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Koleva u A. Sauka, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU 2013, L 347, p. 487, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2017 (ĠU 2017, L 350, p. 7) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1305/2013”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn DELID EOOD, kumpannija privata b’responsabbiltà limitata b’membru uniku rregolata mid-dritt Bulgaru (iktar ’il quddiem “Delid”), u l-Izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie” (id-Direttur Eżekuttiv tal-Fond Nazzjonali Agrikolu, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem id-“Direttur Eżekuttiv tal-FNA”) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħtiha l-finanzjament ta’ investiment għall-akkwist ta’ tagħmir għal razzett tat-tjur.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament (UE) Nru 1303/2013

3

L-Artikolu 65 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320), intitolat “Eliġibbiltà”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-eliġibbiltà tan-nefqa għandha tiġi ddeterminata abbażi tar-regoli nazzjonali, ħlief fejn ikunu stabbiliti r-regoli speċifiċi f’dan ir-Regolament jew abbażi tiegħu jew tar-regoli speċifiċi għall-Fondi”.

Ir-Regolament Nru 1305/2013

4

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1305/2013, intitolat “Prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali”, jipprovdi:

“Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ żvilupp rurali li jikkontribwixxu għall-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, għandhom jiġu segwiti s-sitt prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali, li jirriflettu fl-Objettivi Tematiċi rilevanti tal-[Qafas Strateġiku Komuni]:

[…]

Dawk il-prijoritajiet kollha għandhom jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi trasversali tat-trawwim tal-innovazzjoni u tal-kontribut lejn il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih. Il-programmi jistgħu jindirizzaw anqas minn sitt prijoritajiet jekk dan ikun ġustifikat abbażi tal-analiżi tas-sitwazzjoni f’termini ta’ preġji, id-dgħufijiet, l-opportunitajiet u l-perikli (‘is-SWOT’) u l-evalwazzjoni ex ante. Kull programm għandu jindirizza mill-anqas erba’ prijoritajiet. Meta Stat Membru jippreżenta programm nazzjonali u sett ta’ programmi reġjonali, il-programm nazzjonali jista’ jindirizza anqas minn erba’ prijoritajiet.

[…]”

5

L-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Investimenti f’assi fiżiċi”, jipprevedi:

“1.   L-appoġġ taħt din il-miżura għandu jkopri investimenti tanġibbli u/jew intanġibbli li:

(a)

itejbu l-prestazzjoni globali u s-sostenibbiltà tal-azjenda agrikola;

(b)

jikkonċernaw l-ipproċessar, il-kummerċjalizzazzjoni u/jew l-iżvilupp ta’ prodotti agrikoli koperti mill-Anness I tat-TFUE jew il-qoton, minbarra l-prodotti tas-sajd; ir-rendiment tal-proċess ta’ produzzjoni jista’ jkun prodott mhux kopert minn dak l-Anness; fejn l-appoġġ jingħata fil-forma ta’ strumenti finanzjarji, il-prodott inizjali jista’ jkun ukoll prodott mhux kopert minn dak l-Anness I bil-kondizzjoni li l-investiment jikkontribwixxi għal waħda jew aktar mill-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali;

(c)

jikkonċernaw infrastruttura marbuta mal-iżvilupp, il-modernizzazzjoni jew l-adattament tal-agrikoltura u l-forestrija, inkluż l-aċċess għal azjendi agrikoli u art forestali, il-konsolidazzjoni u t-titjib tal-art, u l-provvista u l-iffrankar tal-enerġija u tal-ilma; jew

(d)

ikunu investimenti mhux produttivi marbuta mal-ilħuq tal-objettivi agroambjentali u klimatiċi kif segwiti taħt dan ir-regolament, inkluż l-istatus ta’ konservazzjoni tal-bijodiversità ta’ speċi u ħabitats kif ukoll mat-titjib tal-valur, f’termini ta’ benefiċċju għall-pubbliku, ta’ żona tan-Natura 2000 jew sistemi oħra ta’ valur naturali għoli li għandhom jiġu definiti fil-programm.

2.   L-appoġġ skont il-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu jingħata lill-bdiewa jew gruppi ta’ bdiewa.

Fil-każ ta’ investimenti b’appoġġ għar-ristrutturar tal-azjendi agrikoli, l-Istati Membri għandhom jimmiraw l-appoġġ għall-azjendi agrikoli f’konformità mal-analiżi SWOT imwettqa b’rabta mal-prijorità tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali ‘it-titjib tal-vijabbiltà tal-azjendi agrikoli u l-kompetittività tat-tipi kollha ta’ agrikoltura fir-reġjuni kollha u l-promozzjoni ta’ teknoloġiji agrikoli innovattivi u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti’.

3.   L-appoġġ skont il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 għandu jkun limitat għar-rati massimi tal-appoġġ stabbiliti fl-Anness II. Dawk ir-rati massimi jistgħu jiżdiedu għal bdiewa żgħażagħ, għal investimenti kollettivi, inklużi dawk marbuta ma’ amalgamazzjoni ta’ Organizzazzjonijiet tal-Produtturi, u għal proġetti integrati li jinvolvu appoġġ għal iżjed minn miżura waħda, għal investimenti f’żoni li għandhom restrizzjonijiet naturali u restrizzjonijiet speċifiċi oħrajn kif imsemmi fl-Artikolu 32, għal investimenti marbutin ma’ operazzjonijiet skont l-Artikoli 28 u 29 u għal operazzjonijiet appoġġati fil-qafas tas-[Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (SEI)] għall-produttività u s-sostenibbiltà agrikoli f’konformità mar-rati ta’ appoġġ stabbiliti fl-Anness II. Madankollu, ir-rata ta’ appoġġ massima ikkombinata ma tistax taqbeż id-90 %.

4.   L-appoġġ skont il-punti (c) u (d) tal-paragrafu 1 għandu jkun soġġett għar-rati massimi tal-appoġġ stabbiliti fl-Anness II.

5.   Jista’ jingħata appoġġ lil bdiewa żgħażagħ li jistabbilixxu azjenda agrikola għall-ewwel darba bħala kapijiet tal-azjenda fir-rigward ta’ investimenti biex ikunu konformi mal-istandards tal-Unjoni li japplikaw għall-produzzjoni agrikola, inkluża s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol. Tali appoġġ jista’ jingħata għal mhux aktar minn 24 xahar mid-data tal-istabbiliment kif imsemmi fil-programm ta’ żvilupp rurali, jew sa meta jitlestew l-azzjonijiet definiti fil-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju msemmi fl-Artikolu 19(4).

6.   Fejn il-liġi tal-Unjoni timponi rekwiżiti ġodda fuq il-bdiewa, jista’ jingħata appoġġ biex l-investimenti jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti għal mhux aktar minn 12‑il xahar mid-data meta jsiru obbligatorji għall-azjenda agrikola.”

6

L-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament, intitolat “Żvilupp tal-azjenda agrikola u tan-negozju”, huwa fformulat kif ġej:

“[…]

2.   L-appoġġ skont il-punt (a)(i) tal-paragrafu 1 għandu jingħata lil bdiewa żgħażagħ.

L-appoġġ skont il-punt (a)(ii) tal-paragrafu 1 għandu jingħata lil bdiewa jew lil membri tal-familja ta’ azjenda agrikola li jiddiversifikaw f’attivitajiet mhux agrikoli u lil impriżi mikro u żgħar u lil persuni fiżiċi f’żoni rurali.

L-appoġġ skont il-punt (a)(iii) tal-paragrafu 1 għandu jingħata lil azjendi agrikoli żgħar kif definit mill-Istati Membri.

L-appoġġ skont il-punt (b) tal-paragrafu 1 għandu jingħata lil impriżi mikro u żgħar u lil persuni fiżiċi f’żoni rurali, kif ukoll lil bdiewa jew lill-membri tal-familja ta’ azjenda agrikola.

L-appoġġ skont il-punt (c) tal-paragrafu 1 għandu jingħata lill-bdiewa eliġibbli li jipparteċipaw fl-iskema ‘Bdiewa żgħar’, fiż-żmien meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni tagħhom għall-appoġġ, kienu eliġibbli għal tal-anqas sena u li jimpenjaw ruħhom li jittrasferixxu b’mod permanenti l-azjenda kollha tagħhom u l-intitolamenti ta’ pagament korrispondenti lil bidwi ieħor. L-appoġġ għandu jitħallas mid-data tat-trasferiment sal‑31 ta’ Diċembru 2020 jew jiġi kkalkulat fir-rigward ta’ dak il-perijodu u mħallas fl-għamla ta’ ħlas ta’ darba.

[…]

6.   L-ammont massimu ta’ appoġġ skont il-punt (a) tal-paragrafu 1 huwa stabbilit fl-Anness II. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-ammont ta’ appoġġ skont il-punti (a)(i) u (a)(ii) tal-paragrafu 1 filwaqt li titqies ukoll is-sitwazzjoni soċjoekonomika tal-qasam ikkonċernat tal-programm.

[…]”

Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013

7

L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7), intitolat “Definizzjonijiet u dispożizzjonijiet relatati”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)

‘impriża’ tfisser l-unitajiet kollha użati għall-attivitajiet agrikoli mmexxija minn bidwi li jinsabu fit-territorju tal-istess Stat Membru;

[…]”

Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014

8

L-Artikolu 48 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas‑17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 227, p. 69), intitolat “Verifiki amministrattivi”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Il-verifiki amministrattivi għandhom jitwettqu fuq kull applikazzjoni għall-appoġġ, talba għall-ħlas jew dikjarazzjoni oħra li benefiċjarju jew parti terza trid tressaq, u għandhom ikopru l-elementi kollha li jistgħu jiġu ċċekkjati permezz tal-verifiki amministrattivi u li huwa xieraq li jiġu ċċekkjati b’dan il-mod. Il-proċeduri għandhom jeżiġu r-reġistrazzjoni tax-xogħol ta’ kontroll li jkun sar, tar-riżultati tal-verifika u tal-miżuri meħudin f’każ ta’ xi diskrepanza.

2.   Il-verifiki amministrattivi fuq l-applikazzjonijiet għall-appoġġ għandhom jiżguraw il-konformità tal-operazzjoni mal-obbligi applikabbli stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali jew mill-programm tal-iżvilupp rurali, inklużi dawk marbutin mal-akkwist pubbliku, mal-għajnuna mill-Istat u ma’ standards u rekwiżiti obbligatorji oħrajn. […]”

Ir‑Regolament (UE, Euratom) 2018/1046

9

L-Artikolu 63 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1), intitolat “Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Meta jkunu qed iwettqu kompiti relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha, inkluż dawk leġislattivi, regolatorji u amministrattivi, biex iħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jiġifieri billi:

(a)

jiżguraw li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-baġit ikunu implimentati b’mod korrett u effikaċi u f’konformità mar-regoli speċifiċi applikabbli għas-settur;

[…]”

Id‑dritt Bulgaru

10

Skont l-Artikolu 8 tal-naredba no 9 za prilagane na podmiarka 4.1 “Investitsii v zemedelski stopanstva” ot miarka 4 “Investitsii v materialni aktivi” ot Programata za razvitie na selskite raġġi za perioda 2014–2020 (id-Digriet Nru 9 dwar l-Applikazzjoni tas-Sottomiżura 4.1 “Investimenti fl-Azjendi Agrikoli” tal-Miżura 4 “Investimenti Materjali” tal-Programm ta’ Żvilupp Rurali għall-Perijodu 2014‑2020) tal‑21 ta’ Marzu 2015 (DV Nru 22 tal‑24 ta’ Marzu 2015), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ‘il quddiem id-“Digriet Nru 9/2015”):

“(1)   Fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal għajnuna, il-bdiewa fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 7(1) tad-[Digriet Nru 9/2015] għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

1.

ikunu rreġistrati bħala bdiewa […]

2.

il-produzzjonijiet standard minimi tal-azjenda agrikola tagħhom ma jkunux inqas mill-ekwivalenti f’[leva Bulgara (BGN)] ta’ EUR 8000;

[…]

(2)   Il-produzzjonijiet standard minimi ta’ impriża agrikola fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 1 għandhom jintwerew permezz ta’:

1.

ir-reġistrazzjoni tal-artijiet użati mill-kandidat u tal-annimali mrobbija fis-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll, u dikjarazzjoni (formola) għall-kalkolu tal-produzzjonijiet standard minimi tal-azjenda fis-sena pendenti fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni; jew

2.

dokument ta’ sjieda jew ta’ użu tal-artijiet, jew digrieti […] li jipprovdu elementi ta’ kalkolu, u dikjarazzjoni (formola) għall-kalkolu tal-produzzjonijiet standard minimi tal-azjenda fis-sena pendenti fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni […]

[…]”

11

Skont l-Artikolu 26 ta’ dan id-digriet:

“L-attivitajiet u l-investimenti relatati mal-proġett għat-twettiq li għalihom hija meħtieġa liċenzja, awtorizzazzjoni u/jew reġistrazzjoni skont il-leġiżlazzjoni Bulgara, jibbenefikaw minn għajnuna biss fuq preżentazzjoni tal-liċenzji, l-awtorizzazzjonijiet u/jew id-dokumenti li jiċċertifikaw ir-reġistrazzjoni korrispondenti.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

12

Wara li ġiet irreġistrata, fis‑17 ta’ April 2015, bħala bidwi mal-Oblastna direktsia “Zemedelie” (id-Direttorat Reġjonali għall-Agrikoltura, il-Bulgarija) fi Plovdiv (il-Bulgarija), Delid ippreżentat, fit‑28 ta’ Mejju 2015, talba għal għajnuna li tirrigwarda investimenti intiżi għall-“akkwist ta’ tagħmir għal razzett tat-tjur”, għal valur ta’ BGN 2933745 (madwar EUR 1500000), taħt is-Sottomiżura 4.1 “Investimenti fl-azjendi agrikoli” tal-Miżura 4 “Investimenti materjali” tal-programm ta’ żvilupp rurali għall-perijodu 2014‑2020.

13

Insostenn tat-talba tagħha, Delid indikat li hija kienet qiegħda tkabbar papri f’sit tat-trobbija li jinsab f’Manole (il-Bulgarija), mikri fil‑15 ta’ Mejju 2014 mingħand Business park Manole OOD, u li hija kienet qiegħda timmira għal produzzjoni standard ta’ ammont ta’ EUR 20 451.68.

14

Wara kontroll imwettaq mid-direktsia “Protivodeystvie na izmamite” (id-Direttorat “Kontra l-Frodi”) tad-DFZ-Razplashtatelna agentsia (l-Aġenzija tal-Ħlas tal-Fond Nazzjonali Agrikolu, il-Bulgarija) fuq is-sit ta’ trobbija matul ix-xhur ta’ April u ta’ Mejju 2016, ġie kkonstatat li, fid-data ta’ dan il-kontroll, dan is-sit la kien użat u lanqas irreġistrat f’isem Delid, u li ma kien hemm l-ebda tjur hemmhekk, peress li dawn kienu nbiegħu fis‑7 ta’ Marzu 2016. B’mod partikolari, il-kontroll wera li, minbarra Delid, żewġ kumpanniji oħra li ppreżentaw talbiet għal għajnuna kienu indikaw li kienu jrabbu papri fuq l-istess sit ta’ trobbija skont kuntratti ta’ kiri.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-direttur eżekuttiv tal-FNA, permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Lulju 2018, ċaħad it-talba għal għajnuna mressqa minn Delid, għar-raġuni li din ma kinitx tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà previsti fl-Artikolu 8 tad-Digriet Nru 9/2015.

16

Delid ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Administrativen sad Plovdiv (il-Qorti Amministrattiva ta’ Plovdiv, il-Bulgarija).

17

Permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2020, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors.

18

Delid appellat fil-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), il-qorti tar-rinviju.

19

Peress li qieset li s-soluzzjoni tat-tilwima li kienet adita biha teħtieġ l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1305/2013, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 17 tar-Regolament [Nru 1305/2013] jippermetti dispożizzjoni nazzjonali, bħalma hija l-Artikolu 26 [tad-Digriet Nru 9/2015] li tistabbilixxi kriterju għall-ammissibbiltà ta’ kandidat għal għajnuna finanzjarja taħt l-appoġġ previst fis-subintestatura 4.1, ‘Investimenti f’azjendi agrikoli’, tal-intestatura 4, ‘Investimenti f’assi fiżiċi’ tal-Programata za razvitie na selskite rayoni za perioda 2014 – 2020 (Programm għall-iżvilupp tar-reġjuni rurali għall-perijodu bejn l‑2014 u l‑2020), fir-rigward ta’ investiment għall-‘Kostruzzjoni ta’ razzett tal-papri’, liema kriterju jirrikjedi l-preżentazzjoni ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni bħala stabbiliment għat-trobbija tal-annimali f’isem il-kandidat bħala prova li l-attività ta’ trobbija ta’ annimali kienet teżisti, sa minn qabel tressqet l-applikazzjoni għall-finanzjament, fl-azjenda agrikola mmexxija mill-kandidat fis-sens tal-Artikolu 4 tar-[Regolament Nru 1307/2013], jew għall-finijiet tar-Regolament huwa biżżejjed li sid l-azjenda agrikola juri li jinsab fil-proċess li jikseb ir-reġistrazzjoni meħtieġa bħala stabbiliment għat-trobbija tal-annimali f’ismu?

2)

Rekwiżit previst f’dispożizzjoni nazzjonali, bħalma hija l-punt 2 tal-Artikolu 8(1) tad-Digriet Nru 9/2015, li jipprovdi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tas-subintestatura 4.1, “Investimenti f’azjendi agrikoli”, tal-intestatura 4, “Investimenti f’assi fiżiċi” tal-Programm għall-iżvilupp tar-reġjuni rurali għall-perijodu bejn l‑2014 u l‑2020, il-kandidati għall-għajnuna għandhom jiġġustifikaw produzzjoni ta’ volum minimu mill-azjenda agrikola ta’ mhux inqas mill-ekwivalenti f’leva Bulgari (BGN) ta’ EUR 8000 fid-data li fiha titressaq l-applikazzjoni għal għajnuna, għandu jitqies li huwa konformi mal-għanijiet tal-appoġġ taħt il-miżura “Investimenti f’assi fiżiċi” fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1305/2013, mal-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-iżvilupp tar-reġjuni rurali fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1305/2013 u mal-kunċett ta’ produzzjoni standard tal-azjendi fis-sens tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1242/2008 tat‑8 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi tipoloġija Komunitarja għal azjendi agrikoli, li tħassar?

3)

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, għandu jitqies li s-sidien ta’ azjenda agrikola reċentement irreġistrati fid-data tal-applikazzjoni għal għajnuna taħt il-miżura “Investimenti f’assi fiżiċi” għandhom jiġu esklużi mill-appoġġ finanzjarju taħt ir-Regolament [Nru 1305/2013]”

Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

20

Id-Direttur Eżekuttiv tal-FNA u l-Gvern Bulgaru jikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba l-fatt, l-ewwel, li din la tinkludi l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, u lanqas ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tieni, li d-deċiżjoni tar-rinviju hija bbażata fuq konstatazzjonijiet fattwali ġodda li ma setgħux jiġu eżaminati mill-awtorità amministrattiva kompetenti u, it-tielet, li l-qorti tar-rinviju kellha ssegwi l-approċċ li hija diġà użat f’kawżi simili oħrajn u tiddeċiedi t-tilwima fil-mertu minflok tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari.

21

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bħalma jsegwi minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li hija adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għaldaqstant, la darba d-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni, ħlief jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jekk il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għall-imsemmija domanda (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Zagrebačka banka, C‑567/20, EU:C:2022:352, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn id-domandi preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tar-Regolament Nru 1305/2013, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba f’dak li jirrigwarda d-domandi, meħuda fit-totalità tagħhom, ma għandha ebda rabta mat-tilwima fil-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma hija ta’ natura ipotetika.

23

Konsegwentement, din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

24

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1305/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti tal-għajnuna msemmija f’din id-dispożizzjoni għall-kundizzjoni li l-applikant jippreżenta ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ sit ta’ trobbija stabbilit f’ismu.

25

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Istati Membri jimplimentaw ir-Regolament Nru 1305/2013 permezz tal-programmi ta’ sostenn għall-iżvilupp rurali tagħhom (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Lauku atbalsta dienests (Għajnuna sabiex jiġu stabbiliti impriżi agrikoli), C‑119/20, EU:C:2021:817, punt 54) u li dan ir-regolament iħallilhom il-possibbiltà li jadottaw sensiela ta’ miżuri intiżi sabiex jiġu ssodisfatti l-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Piltenes meži, C‑251/21, EU:C:2022:311, punt 63).

26

Kull Stat Membru għandu, għalhekk, ifassal programm nazzjonali għall-iżvilupp rurali li jkopri t-territorju kollu tiegħu, sett ta’ programmi reġjonali jew fl-istess ħin programm nazzjonali u sett ta’ programmi reġjonali, liema programmi jimplimentaw strateġija maħsuba sabiex jiġu ssodisfatti l-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Lauku atbalsta dienests (Għajnuna sabiex jiġu stabbiliti impriżi agrikoli), C‑119/20, EU:C:2021:817, punt 55).

27

Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 1305/2013 jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-għajnuna li huwa jipprevedi (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Lauku atbalsta dienests (Għajnuna sabiex jiġu stabbiliti impriżi agrikoli), C‑119/20, EU:C:2021:817, punt 56).

28

Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jista’ jikkonċerna b’mod partikolari l-kriterji ta’ għażla tal-proġetti, sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi finanzjarji intiżi għall-iżvilupp rurali jintużaw bl-aħjar mod possibbli u sabiex l-miżuri taħt il-programmi għall-iżvilupp rurali jiġu orjentati b’mod konformi mal-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali u sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament tal-applikanti (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Lauku atbalsta dienests (Għajnuna sabiex jiġu stabbiliti impriżi agrikoli), C‑119/20, EU:C:2021:817, punt 58).

29

L-imsemmi marġni ta’ diskrezzjoni jista’ jikkonċerna wkoll l-iżvilupp tal-programmi ta’ żvilupp rurali nazzjonali kif ukoll l-implimentazzjoni tal-preskrizzjonijiet tar-Regolament Nru 1305/2013, b’mod partikolari fir-rigward tad-daqs tal-azjendi eliġibbli, kif imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament, jew tal-ammont tal-għajnuna, bħalma jsegwi mill-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Lauku atbalsta dienests (Għajnuna sabiex jiġu stabbiliti impriżi agrikoli), C‑119/20, EU:C:2021:817, punt 59).

30

F’dan il-każ, għandu jitqies li r-rekwiżit, previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li l-għoti tal-għajnuna msemmija f’din id-dispożizzjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-applikant jippreżenta ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ sit ta’ trobbija stabbilit f’ismu, jaqa’ taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 27 sa 29 ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, l-imsemmi rekwiżit jiffavorixxi l-implimentazzjoni tal-kontrolli amministrattivi, konformement mal-Artikolu 48 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, u jippermetti li jiġi żgurat, konformement mal-Artikolu 63(2)(a) tar-Regolament 2018/1046, li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni jiġu eżegwiti korrettament u effettivament.

31

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1305/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti tal-għajnuna msemmija f’din id-dispożizzjoni għall-kundizzjoni li l-applikant jippreżenta ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ sit ta’ trobbija stabbilit f’ismu.

Fuq it‑tieni domanda

32

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1305/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti tal-għajnuna msemmija f’din id-dispożizzjoni għall-kundizzjoni li l-applikant juri li, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni tiegħu, il-produzzjoni tal-azjenda agrikola tiegħu hija ekwivalenti għal mill-inqas EUR 8000.

33

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar qabelxejn li, bħalma jsegwi mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 27 u 28 ta’ din is-sentenza, ir-Regolament Nru 1305/2013 iħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-għajnuna li huwa jipprevedi, liema marġni jista’ jikkonċerna b’mod partikolari l-kriterji ta’ għażla tal-proġetti, sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi finanzjarji intiżi għall-iżvilupp rurali jintużaw bl-aħjar mod possibbli.

34

Issa, kundizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-applikant għandu juri li, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni tiegħu, il-produzzjoni tal-azjenda agrikola tiegħu hija ekwivalenti għal mill-inqas EUR 8000, taqa’, fid-dawl tal-elementi tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, fil-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1305/2013.

35

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1305/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti tal-għajnuna msemmija f’din id-dispożizzjoni għall-kundizzjoni li l-applikant juri li, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni tiegħu, il-produzzjoni tal-azjenda agrikola tiegħu hija ekwivalenti għal mill-inqas EUR 8000.

Fuq it‑tielet domanda

36

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1305/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-bdiewa rreġistrati ġodda fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni jiġu esklużi mill-possibbiltà li jibbenefikaw mill-għajnuna prevista f’din id-dispożizzjoni.

37

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ġustifikazzjoni ta’ talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Autonome Provinz Bozen, C‑102/21 u C‑103/21, EU:C:2022:272, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Issa, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jsegwix li l-għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet irrifjutata lil Delid minħabba l-fatt li, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni tagħha, din il-kumpannija kienet ikkostitwita minn bidwi irreġistrat ġdid.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li t-tielet domanda hija ta’ natura ipotetika u hija, għaldaqstant, inammissibbli.

Fuq l‑ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2017,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

2)

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti tal-għajnuna msemmija f’din id-dispożizzjoni għall-kundizzjoni li l-applikant jippreżenta ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ sit ta’ trobbija stabbilit f’ismu.

L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1305/2013, kif emendat bir-Regolament 2017/2393,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti tal-għajnuna msemmija f’din id-dispożizzjoni għall-kundizzjoni li l-applikant juri li, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni tiegħu, il-produzzjoni tal-azjenda agrikola tiegħu hija ekwivalenti għal mill-inqas EUR 8000.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.