SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

22 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fi skema nazzjonali tal-pensjonijiet lejn l-iskema tal-pensjonijiet BĊE – Artikolu 4(3) TUE – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Il‑Kundizzjonijiet tal‑Impjieg tal‑BĊE – Artikolu 8 tal-Anness IIIa – Assenza ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali jew ta’ ftehim konkluż bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-BĊE”

Fil-Kawża C‑404/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale ordinario di Asti (il-Qorti Distrettwali ta’ Asti, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Jannar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Ġunju 2021, fil-proċedura

WP

vs

Istituto nazionale della previdenza sociale,

Repubblica italiana

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, D. Gratsias (Relatur), M. Ilešič, I. Jarukaitis u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal WP, minn A. Dal Ferro, R. Ponchione, A. Rela u C. Zerbaro, avukati,

għall-Istituto nazionale della previdenza sociale, minn A. Coretti, C. d’Aloisio u L. Maritato, avukati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Rocchitta, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Elleniku, minn M. Tassopoulou, bħala aġent,

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, L. Barroso, S. Jaulino u J. Ramos, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Delaude, G. Gattinara, B.-R. Killmann u B. Mongin, bħala aġenti,

għall-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), minn B. Ehlers, F. Malfrère, A. Pizzolla u C. Zilioli, bħala aġenti,

wara li semgħet il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Lulju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) TUE, tal-Artikoli 45 u 48 TFUE, tal-Artikolu 11 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) kif ukoll tal-Artikolu 8 tal-Anness IIIa tad-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), tad‑9 ta’ Ġunju 1998, dwar l-adozzjoni tal-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, kif emendata fil‑31 ta’ Marzu 1999 (ĠU 1999, L 125, p. 32).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn WP u l-Istituto nazionale della previdenza sociale (l-Istitut Nazzjonali tal-Previdenza Soċjali, l-Italja, (iktar ’il quddiem “INPS”), kif ukoll ir-Repubblika Taljana (Repubblika Taljana) dwar it-trasferiment lejn l-iskema tal-pensjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tal-ammont tal-ekwivalenza attwarjali li jikkorrispondi għad-drittijiet għall-pensjoni kkostitwiti favur ir-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-kuntest tal-Fondo Pensioni Lavoratori Dipendenti (il-Fond tal-Pensjoni tal-Ħaddiema Impjegati) tal-INPS.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Il‑Protokoll dwar is‑SEBĊ u l‑BĊE

3

L-Artikolu 36 tal-Protokoll Nru 4 dwar l-istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU 2016, C 202, p. 230, iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE”),jipprovdi:

“36.1. Il-Kunsill Regolatorju [tal-BĊE], fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv, għandu jistabbilixxi il-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg tal-impjegati tal-BĊE.”

Il‑Protokoll dwar il‑privileġġi u l‑immunitajiet

4

L-Artikolu 14 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 202, p. 266, iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet”) jistabbilixxi:

“Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], li jaġixxu permezz ta’ regolamenti skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara konsultazzjoni ma’ l-istituzzjonijiet ikkonċernati, għandhom jistabbilixxu l-iskema ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali għall-uffiċjali u għall-impjegati l-oħra ta’ l-Unjoni [Ewropea].”

5

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22 tiegħu, il-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet għandu japplika wkoll għall-BĊE, għall-membri tal-korpi tiegħu u għall-persunal tiegħu, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE.

Ir‑Regolamenti tal‑Persunal

6

Bis-saħħa tal-Artikolu 1 tagħhom, ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom japplikaw għall-uffiċjali tal-Unjoni.

7

L-Artikolu 1a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi:

“Għall iskopijiet ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, ‘l-uffiċjal tal-Unjoni’; tfisser kull persuna li kien maħtur, kif ipprovdut f’dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, għal posizzjoni stabbilita fil-persunal ta’ waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni b’istrument maħruġ mill-Awtorità tal-Ħatra ta’ dik l-istituzzjoni.”

8

L-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Skema tal-pensjoni”, jipprovdi, fl-Artikolu 11(2) tiegħu:

“Uffiċjal li jidħol fis-servizz tal-Unjoni wara:

li jitlaq mis-servizz ta’ amministrazzjoni tal-gvern jew ta’ organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali;

jew

li jsegwi attività f’kapaċità ta’ impjegat jew ta’ għal rasu;

għandu jkun intitolat, wara li jkun stabbilit iżda qabel ma jsir eliġibbli għall-pagament ta’ pensjoni ta’ l-irtirar fis-sens ta’ l-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal, li ħallas lill-Unjoni l-valur kapitali, aġġornat sad-data tat-trasferimenti attwali, tad-drittijiet għall-pensjoni akkwistati bis-saħħa tat-tali servizzi jew attivitajiet.

Fit-tali każ, l-awtorità tal-ħatra tal-istituzzjoni li l-uffiċjal iservi fiha, wara li tikkunsidra s-salarju bażiku ta’ l-uffiċjal, l-età, u r-rata tal-kambju fid-data ta’ l-applikazzjoni tat-trasferiment, għandha tistabbilixxi permezz tad-disposizzjonijiet ġenerali ta’ l-implimentazzjoni n-numru ta’ snin tas-servizz pensjonabbli li bih huwa jkun ikkreditat taħt l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni dwar il-perjodu ta’ qabel tas-servizz, fuq il-bażi tal-kapital ittrasferit, wara li jitnaqqas ammont li jirrappreżenta l-apprezzament tal-kapital bejn id-data ta’ l-applikazzjoni għat-trasferiment u d-data attwali tat-trasferiment.

L-uffiċjali jistgħu jagħmlu użu minn dan l-arranġament darba biss għal kull Stat Membru u fond tal-pensjoni kkonċernati.”

Il‑Kondizzjonijiet tal‑impjieg

9

L-Artikolu 1 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“Kundizzjonijiet tal-impjieg”) jipprovdi:

“Il-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg għandhom jgħoddu għall-impjegati mqabbda biex jaħdem taħt kuntratt mill-Unjoni. It-tali impjegati għandhom ikunu:

persunal temporanju,

persunal bil-kuntratt,

[…]”.

10

Bis-saħħa tal-Artikolu 39(2) u tal-Artikolu 109(2), rispettivament, tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal għandu japplika għall-membri tal-persunal temporanju u għall-membri tal-persunal bil-kuntratt.

Il‑Kundizzjonijiet tal‑Impjieg tal‑BĊE

11

Abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 36(1) tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, il-Kunsill Regolatorju tal-BĊE adotta, permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Ġunju 1998, emendata fil‑31 ta’ Marzu 1999, il-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU 1999, L 125, p. 32). Fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“kundizzjonijiet tal-impjieg tal-BĊE”), dawn il-kundizzjonijiet tal-impjieg jipprovdu, fl-Artikolu 9(c) tagħhom:

“Ebda dritt nazzjonali speċifiku ma għandu jirregola dawn il-kundizzjonijiet tal-impjieg. Il-BĊE ser japplika (i) il-prinċipji ġenerali tad-dritt komuni għall-Istati Membri, (ii) il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u (iii) ir-regoli li jinsabu fir-regolamenti u fid-direttivi tal-Unjoni dwar il-politika soċjali li huma indirizzati lill-Istati Membri. Kull darba li dan huwa neċessarju, dawn l-atti ġuridiċi jkunu implimentati mill-BĊE. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-politika soċjali ser jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni. Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi previsti minn dawn il-kundizzjonijiet tal-impjieg, ser jittieħdu inkunsiderazzjoni il-prinċipji stabbiliti mir-regolamenti, mir-regoli u mill-ġurisprudenza applikabbli għall-persunal ta’ istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12

L-Artikolu 8(a) tal-Anness IIIa tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-BĊE jistabbilixxi:

“(a) Il-BĊE għandu jikkonkludi ftehimiet u jiftiehem dwar miżuri xierqa ma’ skemi oħra ta’ rtirar, organizzazzjonijiet u gvernijiet oħra li huwa jiddetermina, għall-finijiet tal-aċċettazzjoni tat-trasferiment ta’ somom ta’ flus lejn l-[iskema tal-pensjoni tal-BĊE], għall-membri li jkunu temmew il-perijodu ta’ prova tagħhom mal-BĊE.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id‑dritt Taljan

13

L-Artikolu 1 tal-legge n. 29 - Ricongiunzione dei periodi assicurativi dei lavoratori ai fini previdenziali (il-Liġi Nru 29, li Tirrikonoxxi l-Perijodi ta’ Assigurazzjoni tal-Ħaddiema li Jagħtu Dritt għall-Pensjoni), tas‑7 ta’ Frar 1979 (GURI Nru. 40, tad‑9 ta’ Frar 1979, p. 1317), jipprovdi:

“Il-ħaddiem impjegat tas-settur pubbliku jew tas-settur privat li jkun jew li kien affiljat ma’ forom obbligatorji ta’ previdenza ekwivalenti għall-iskema ġenerali obbligatorja ta’ assigurazzjoni għall-invalidità, għax-xjuħija u għas-superstiti tal-ħaddiema impjegati amministrata mill-INPS jew li taw lok għall-esklużjoni jew għall-eżenzjoni minn din l-affiljazzjoni għandu l-possibbiltà, għall-finijiet tal-għoti u tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ pensjoni unika, li fi kwalunkwe mument jitlob l-akkumulazzjoni tal-perijodi kollha ta’ kontribuzzjoni obbligatorja, volontarja u figurattiva mal-forom ta’ previdenza msemmija iktar ’il fuq permezz tal-affiljazzjoni mal-iskema ġenerali obbligatorja ta’ assigurazzjoni u tal-kostituzzjoni, fil-kuntest ta’ din tal-aħħar, ta’ drittijiet għall-pensjoni korrispondenti. Għal dan il-għan, l-amministratur jew l-amministraturi tal-iskemi ta’ previdenza għandhom jittrasferixxu lill-amministratur tal-iskema ġenerali obbligatorja ta’ assigurazzjoni l-ammont tal-kontribuzzjonijiet miżmuma minnhom […]”

14

L-Artikolu 18 tal-legge n. 115 – Disposizioni per l’adempimento degli obblighi derivanti dall’appartenenza dell’Italia all’Unione europea – Legge europea 2014 (il-Liġi Nru 115, dwar Dispożizzjonijiet għat-Twettiq tal-Obbligi li Jirriżultaw mill-Appartenenza tal-Italja fl-Unjoni Ewropea – Liġi Ewropea 2014), tad‑29 ta’ Lulju 2015 (GURI n. 178, tat‑3 ta’ Awwissu 2015, p. 1), jipprovdi:

“1.   Mill‑1 ta’ Jannar 2016, iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea […] li huma jew li kienu affiljati fl-iskema ġenerali obbligatorja ta’ assigurazzjoni għall-invalidità, għax-xjuħija u għas-superstiti tal-ħaddiema impjegati […] għandu jkollhom il-possibbiltà li jakkumulaw il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fil-kuntest ta’ dawn l-iskemi ta’ assigurazzjoni mal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

2.   Il-kumulu previst fil-paragrafu 1 jista’ jintalab, jekk dan ikun neċessarju sabiex jinkiseb id-dritt għal pensjoni tax-xjuħija, tal-invalidità jew tas-superstiti, bil-kundizzjoni li t-tul totali tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni Taljana jkun tal-inqas ta’ tnejn u ħamsin ġimgħa u li l-perijodi li għandhom jiġu akkumulati ma jkunux sovrapposti.

3.   Il-kumulu tal-perijodi ta’ assigurazzjoni jista’ jitwettaq fuq talba tal-persuna interessata, li għandha titressaq lill-istituzzjoni Taljana ta’ sigurtà soċjali li magħha hija tkun wettqet perijodi ta’ assigurazzjoni. Fil-każ li ex impjegat ta’ organizzazzjoni internazzjonali jikseb id-dritt għall-benefiċċji previsti mil-leġiżlazzjoni Taljana mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu akkumulati l-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa mal-organizzazzjoni internazzjonali, l-istituzzjoni Taljana ta’ sigurtà soċjali għandha tikkalkola l-pensjoni esklużivament abbażi tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fil-kuntest tal-iskema tal-pensjoni Taljana. Fil-każ li ex impjegat ta’ organizzazzjoni internazzjonali jikseb id-dritt għall-benefiċċji previsti mil-leġiżlazzjoni Taljana biss permezz tal-kumulu tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa mal-organizzazzjoni internazzjonali, l-istituzzjoni Taljana ta’ sigurtà soċjali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fil-kuntest tal-iskema tal-pensjoni tal-organizzazzjoni internazzjonali, b’eċċezzjoni ta’ dawk li kienu s-suġġett ta’ rimbors, daqslikieku kienu twettqu taħt il-leġiżlazzjoni Taljana, u għandha tikkalkola l-ammont tal-benefiċċju esklużivament abbażi tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni Taljana.

4.   Il-benefiċċji tal-irtirar mħallsa skont dan l-artikolu għandhom jitqiesu li huma pensjonijiet għal dak li jirrigwarda l-effetti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Taljana.

5.   Il-perijodi ta’ impjieg ma’ organizzazzjoni internazzjonali, sa fejn ma jagħtux dritt għal benefiċċju tal-irtirar li għalih ikun responsabbli l-fond tal-pensjoni ta’ din l-organizzazzjoni internazzjonali, jistgħu jiġu ttrasferiti fil-kuntest tal-iskema tal-pensjoni Taljana skont il-leġiżlazzjoni li tirregola t-trasferiment tal-perijodi ta’ impjieg imwettqa barra l-pajjiż. Id-dritt għat-trasferiment għandu jiġi eżerċitat, b’mod partikolari mis-superstiti tal-impjegat tal-organizzazzjoni internazzjonali, taħt il-kundizzjonijiet previsti mir-regoli tal-istituzzjoni Taljana ta’ sigurtà soċjali li lilha jintalab it-trasferiment.

[…]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

15

WP huwa membru tal-persunal tal-BĊE mill‑1 ta’ Marzu 2012. Bejn l‑1 ta’ Awwissu 1982 u l‑24 ta’ Frar 2012 bħala impjegat ta’ persuna privata li timpjega fl-Italja, kontribuzzjonijiet obbligatorji favur tiegħu tħallsu fil-Fond tal-Pensjoni tal-Ħaddiema Impjegati tal-INPS.

16

Fit‑12 ta’ Diċembru 2016, WP talab lill-INPS it-trasferiment lejn l-iskema tal-pensjoni tal-BĊE tal-ekwivalenza attwarjali li tikkorrispondi għad-drittijiet għall-pensjoni kkostitwiti favur tiegħu fil-kuntest ta’ dan il-fond tal-pensjoni jew, sussidjarjament, tal-kapital aġġornat li jirriżulta mill-kontribuzzjonijiet tal-irtirar imħallsa għall-fond tal-pensjoni, ikkalkolati skont ir-regoli li jirregolaw il-pensjonijiet fil-kuntest ta’ dan il-fond.

17

L-INPS ċaħad it-talba ta’ WP, għar-raġuni li ma kienx possibbli li jitwettaq it-trasferiment mitlub fl-assenza ta’ miżura leġiżlattiva speċifika jew ta’ ftehim bilaterali konkluż bejn il-BĊE u r-Repubblika Taljana. L-azzjoni amministrattiva ta’ WP kontra ċ-ċaħda tat-talba tiegħu, imressqa fit‑28 ta’ Novembru 2017, ġiet iddikjarata inammissibbli, permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ April 2018.

18

WP sussegwentement ippreżenta rikors quddiem it-Tribunale ordinario di Asti (il-Qorti Distrettwali ta’ Asti, l-Italja), il-qorti tar-rinviju intiż, prinċipalment, li jiġi kkonstatat u ddikjarat li l-INPS u/jew ir-Repubblika Taljana kienu obbligati jadottaw il-miżuri kollha neċessarji għall-finijiet tat-trasferiment lejn l-iskema tal-pensjoni tal-BĊE tal-ekwivalent attwarjali kkalkulat skont ir-regoli li jirregolaw il-pensjonijiet fil-kuntest tal-fondi ta’ pensjoni tal-ħaddiema impjegati tal-INPS, li jikkorrispondi għad-drittijiet għall-pensjoni kkostitwiti favur tiegħu fid-data tal-preżentata tal-imsemmija applikazzjoni, u li, konsegwentement, l-INPS u/jew ir-Repubblika Taljana jiġu kkundannati jadottaw il-miżuri kollha neċessarji għall-finijiet tat-trasferiment ta’ dan l-ammont lejn l-iskema tal-pensjoni tal-BĊE. Sussidjarjament, WP jitlob li jiġi kkonstatat u ddikjarat li l-INPS u/jew ir-Repubblika Taljana huma obbligati jittrasferixxu lejn l-iskema tal-pensjoni tal-BĊE l-ekwivalent attwarjali għad-drittijiet tal-pensjoni kkostitwiti favur tiegħu fil-kuntest tal-fondi ta’ pensjoni tal-ħaddiema impjegati tal-INPS, bħala kumpens għad-dannu, u li, konsegwentement, l-INPS u/jew ir-Repubblika Taljana jiġu kkundannati jittrasferixxu l-ammont korrispondenti għal dan l-ekwivalent, bħala kumpens għad-dannu, lejn l-iskema tal-pensjoni tal-BĊE.

19

Il-Qorti tar-rinviju tindika li għandu jiġi stabbilit jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) TUE, l-Artikoli 45 u 48 TFUE, l-Artikolu 11 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 8 tal-Anness IIIa tal-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-BĊE, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li impjegat tal-BĊE jista’ jitlob it-trasferiment għall-iskema tal-pensjoni tiegħu tad-drittijiet għall-pensjoni li huwa kiseb mingħand istituzzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru, u dan indipendentement mill-adozzjoni ta’ regola nazzjonali ta’ traspożizzjoni jew tal-konklużjoni bejn BĊE u l-Istat Membru jew Istituzzjoni Nazzjonali ta’ Sigurtà Soċjali kkonċernati ta’ ftehim speċifiku li jiddefinixxi l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ dan it-trasferiment.

20

F’dan ir-rigward, hija tqis li jista’ jiġi dedott a contrario mis-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2013, Gardella (C‑233/12, EU:C:2013:449, punti 28 sa 30), li, skont id-dritt tal-Unjoni, jeżisti, fil-każ ta’ impjegat tal-BĊE, dritt għat-trasferiment għall-iskema tal-pensjoni tal-BĊE tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu bħala impjegat li ħadem fi Stat Membru, peress li, b’differenza mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (EPO) ikkonċernat minn din is-sentenza, il-BĊE huwa istituzzjoni tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 8 tal-Anness IIIa tal-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-BĊE ma jeżiġix li l-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali nazzjonali tagħti l-awtorizzazzjoni tagħha għat-twettiq ta’ tali trasferiment.

21

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis ukoll li mis-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Časta (C‑166/12, EU:C:2013:792, punti 30 sa 32), jista’ jiġi dedott li huwa neċessarju, għall-Istat Membru kkonċernat, li jadotta regola speċifika li tiddetermina l-ammont tal-kapital li jikkorrispondi għad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fil-kuntest tal-iskema nazzjonali tal-pensjonijiet li għandha tiġi ttrasferita għall-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni u li, fl-assenza ta’ tali regola, ma jistgħux jintużaw l-kriterji ta’ kalkolu previsti mil-leġiżlazzjoni interna jew minn ftehimiet oħra konklużi bejn l-istituzzjoni nazzjonali kkonċernata u korpi oħra tal-Unjoni.

22

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale ordinario di Asti (il-Qorti Distrettwali ta’ Asti) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 45 u 48 TFUE, l-Artikolu 4 TUE, l-Artikolu 11 tal-Anness VIII tar-[Regolamenti tal-Persunal] u l-Artikolu 8 tal-Anness IIIa għall-[Kundizzjonijiet tal-Impjieg għall-Persunal tal-BĊE] għandhom jiġu interpretati li jipprekludu sett ta’ regoli nazzjonali jew prattika amministrattiva nazzjonali li ma tippermettix lill-ħaddiem li huwa nazzjonali ta’ Stat Membru li ħallas il-kontribuzzjonijiet lill-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali nazzjonali u li bħalissa jaħdem għall-istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea, bħall-BĊE, li jittrasferixxi l-iskema tal-pensjoni lil dik l-istituzzjoni l-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni kkreditati lill-iskema tas-sigurtà soċjali tal-Istat tiegħu jew tagħha stess?

2)

Skont ir-risposta tad-domanda stabbilita hawn fuq, għandu jkun possibbli li jiġi eżerċitat id-dritt li jiġu ttrasferiti l-kontribuzzjonijiet anki fl-assenza tal-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni nazzjonali jew ftehim speċifiku bejn l-Istat Membru li tiegħu l-ħaddiem huwa nazzjonali jew l-istituzzjoni ta’ pensjoni tal-ħaddiem, minn naħa waħda, u l-istituzzjoni tal-Unjoni, min-naħa l-oħra?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

23

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(3) TUE, l-Artikoli 45 u 48 TFUE, l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 8(a) tal-Anness IIIa tal-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-BĊE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew prassi amministrattiva ta’ Stat Membru li ma tippermettix lil membru tal-persunal tal-BĊE jittrasferixxi għall-iskema tal-pensjoni tiegħu ammont li jikkorrispondi għad-drittijiet tal-pensjoni li huwa kiseb minn din l-iskema ta’ pensjoni ta’ dan l-Istat Membru.

24

Fir-rigward tal-Artikoli 45 u 48 TFUE, huwa minnu li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċittadin tal-Unjoni, indipendentement mill-post ta’ residenza tiegħu u min-nazzjonalità tiegħu, li jagħmel użu mid-dritt tal-moviment liberu tal-ħaddiema u li eżerċita attività professjonali fi Stat Membru differenti minn dak li minnu joriġina, jaqa’ wkoll taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, anki fil-każ fejn huwa impjegat minn istituzzjoni tal-Unjoni, bħall-BĊE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2013, Gardella, C‑233/12, EU:C:2013:449, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mill-Artikolu 45 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 48 TFUE, ma jistax jiġi dedott l-obbligu, għal Stat Membru, li jipprevedi l-possibbiltà għal membru tal-persunal ta’ organizzazzjoni internazzjonali li jittrasferixxi l-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tiegħu miksuba qabel l-iskema ta’ pensjoni ta’ din l-organizzazzjoni internazzjonali u lanqas l-obbligu li jikkonkludi ftehim internazzjonali għal dan il-għan (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2013, Gardella, C‑233/12, EU:C:2013:449, punt 35).

26

Fil-fatt, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 48 TFUE jipprevedi li l-Parlament u l-Kunsill għandhom jadottaw, fil-qasam tas-sigurtà soċjali, “il-miżuri […] meħtieġa sabiex jipprovdu l-libertà tal-moviment għall-ħaddiema; għal dan l-għan, għandhom jagħmlu arranġamenti sabiex jassiguraw il-ħaddiema migranti, “l- “aggregazzjoni, għall-fini li wieħed jakkwista jew iżomm id-dritt għall-benefiċċju u fil-kalkolu ta’ l-ammont tal-benefiċċju, tal-perijodi kollha li hu meħud kont tagħhom skond il-liġijiet nazzjonali differenti”.

27

Tali sistema ta’ aggregazzjoni tal-perijodi ġiet implimentata bir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà tat‑2 ta’ Diċembru 1996 soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità fil-versjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat‑2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35), u sussegwentement bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

28

Minn dan jirriżulta għalhekk li t-Trattat FUE kif ukoll ir-Regolamenti Nri 1408/71 fil-versjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 u r-Regolament 883/2004 ma pprevedewx u lanqas ma jipprevedu regoli dwar it-trasferiment tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni diġà miksuba, iżda huma bbażati fuq il-prinċipju tal-aggregazzjoni tal-perijodi, kif jirriżulta mill-Artikolu 48 TFUE kif implimentat minn dawn ir-regolamenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2013, Gardella, C‑233/12, EU:C:2013:449, punt 33).

29

Konsegwentement, persuna fis-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ma tistax tibbaża ruħha fuq l-Artikoli 45 u 48 TFUE u l-imsemmija regolamenti sabiex tkun awtorizzata titlob it-trasferiment fl-iskema tal-pensjoni tal-BĊE tad-drittijiet għall-pensjoni li hija kisbet mingħand l-INPS.

30

Il-fatt, invokat mill-qorti tar-rinviju, li, b’differenza mill-EPO, li kien inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2013, Gardella (C‑233/12, EU:C:2013:449), il-BĊE huwa istituzzjoni tal-Unjoni ma jistax jiġġustifika interpretazzjoni differenti.

31

Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fil-punt 29 tas-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2013, Gardella (C‑233/12, EU:C:2013:449), li l-EPO ma huwiex istituzzjoni jew korp tal-Unjoni, din it-tfakkira kienet intiża biss sabiex tispjega r-raġuni għalfejn il-possibbiltà, mogħtija taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, li tittrasferixxi fl-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni l-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba abbażi tal-attivitajiet preċedenti ma tistax tiġi estiża għall-uffiċjali tal-EPO u għar-relazzjonijiet bejn dan tal-aħħar u Stat Membru.

32

Issa, bħall-membri tal-persunal tal-EPO, ir-Regolamenti tal-Persunal u, b’mod partikolari l-Artikolu 11 tal-Anness VIII tagħhom, ma japplikawx għall-membri tal-persunal tal-BĊE.

33

Fil-fatt, il-membri tal-persunal tal-BĊE ma ġewx maħtura uffiċjali tal-Unjoni fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, b’tali mod li, kif jirriżulta mill-qari flimkien ta’ din id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 1 tar-Regolamenti tal-Persunal, dawn ma humiex applikabbli għalihom.

34

Il-membri tal-persunal tal-BĊE lanqas ma huma rreklutati b’kuntratti konklużi mal-Unjoni, b’tali mod li, skont l-Artikolu 1 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, dan ma japplikax għalihom. Huma għandhom jiġu impjegati mill-BĊE, li, kif tipprevedi l-ewwel sentenza tal-Artikolu 282(3) TFUE, għandu l-personalità ġuridika tiegħu stess, distinta minn dik tal-Unjoni.

35

Is-sistema li tapplika għall-persunal tal-BĊE hija deċiża mill-Kunsill Regolatorju tiegħu, skont l-Artikolu 36 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE u hija, fil-preżent, stabbilita fil-Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg tal-BĊE.

36

Dawn il-kundizzjonijiet jipprevedu, ċertament, fl-Artikolu 8(a) tal-Anness IIIa, li l-BĊE jikkonkludi ftehimiet u għandhom jittieħdu miżuri xierqa, b’mod partikolari, ma’ skemi oħra ta’ rtirar jew ma’ gvernijiet, għall-finijiet tat-trasferiment ta’ somom ta’ flus għall-iskema ta’ pensjoni tal-BĊE, għall-membri tal-persunal tiegħu li jkunu temmew il-perijodu ta’ prova tagħhom fil-BĊE.

37

Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tistax timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jikkonkludu tali ftehimiet u li jagħtu l-kunsens għat-trasferiment, għall-iskema tal-pensjoni tal-BĊE, id-drittijiet għall-pensjoni miksuba taħt l-iskema nazzjonali tal-pensjonijiet tiegħu minn membru tal-persunal tal-BĊE.

38

B’differenza mir-Regolamenti tal-Persunal li, bħala regolamenti obbligatorji fl-elementi kollha tagħhom u direttament applikabbli f’kull Stat Membru, jobbligaw ukoll lill-Istati Membri sa fejn il-kompetizzjoni tagħhom hija neċessarja għall-implimentazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 1981, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, 137/80, EU:C:1981:237, punti 89), il-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-BĊE ma ġewx adottati minn att leġiżlattiv u, konsegwentement, ma jistgħux, minnhom infushom, joħolqu obbligi fuq l-Istati Membri.

39

Fil-fatt, il-BĊE jista’ jadotta atti leġiżlattivi biss sa fejn ikun neċessarju għat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 132(1) TFUE, li ma għandhom ebda relazzjoni mal-iskema ta’ pensjoni tal-persunal tiegħu.

40

Il-fatt li l-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet japplika wkoll għall-BĊE, kif jipprevedi l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22 tiegħu, ma jistax jiġġustifika konklużjoni differenti. Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 14 ta’ dan il-protokoll jipprevedi li l-Parlament u l-Kunsill, li jiddeċiedu permezz ta’ regolamenti, jistabbilixxu l-iskema tal-benefiċċji soċjali applikabbli għall-uffiċjali u għall-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li ebda regolament ma ġie adottat, skont din id-dispożizzjoni, sabiex jipprevedi t-trasferiment, għall-iskema ta’ pensjoni tal-BĊE, tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-membri tal-persunal tiegħu fl-iskemi ta’ pensjoni tal-Istati Membri.

41

Lanqas ma jista’ jwassal għal konklużjoni differenti l-Artikolu 9(c) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-BĊE, li jipprovdi li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi previsti minn dawn il-kundizzjonijiet, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji stabbiliti mir-Regolamenti, ir-regoli u l-ġurisprudenza applikabbli għall-persunal ta’ istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni.

42

Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija kundizzjonijiet ma joħolqu ebda obbligu fuq l-Istati Membri li jista’ jkun is-suġġett ta’ tali interpretazzjoni.

43

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, fin-nuqqas ta’ ftehim konkluż bejn il-BĊE u l-Istat Membru kkonċernat, dan l-Istat Membru ma huwiex obbligat li jipprevedi l-possibbiltà, għal membru tal-persunal tal-BĊE, li jitlob it-trasferiment għall-iskema tal-pensjoni tiegħu tad-drittijiet għall-pensjoni li huwa kiseb taħt l-iskema ta’ pensjoni tal-imsemmi Stat Membru. Minn dan jirriżulta, għalhekk, li, fin-nuqqas ta’ tali ftehim bejn il-BĊE u l-Istat Membru kkonċernat, id-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix fl-istat attwali tiegħu, dritt suġġettiv għal membru tal-persunal tal-BĊE li jitlob it-trasferiment għall-iskema ta’ pensjoni tiegħu tad-drittijiet għall-pensjoni li huwa kiseb mill-iskema ta’ pensjoni tal-imsemmi Stat Membru.

44

Madankollu, għandu jiġi rrilevat, kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, li mill-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-BĊE, diġà fl‑2005, talab lill-awtoritajiet Taljani li jikkonkludu ftehim fid-dawl tat-trasferiment għall-iskema ta’ pensjoni tal-BĊE tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-membri tal-persunal tiegħu taħt l-iskema ta’ pensjoni Taljana. Għal dan il-għan, il-BĊE bagħat lill-INPS abbozz ta’ tali ftehim. Madankollu, ma ġie konkluż ebda ftehim, peress li r-Repubblika Taljana ma ħaditx il-miżuri neċessarji għall-konklużjoni tiegħu.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandhom jiġu eżaminati l-obbligi eventwali, li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, fuq Stat Membru li jiġi propost mill-BĊE l-konklużjoni ta’ ftehim dwar it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni.

46

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 4 TUE, imsemmi fl-ewwel domanda preliminari, jistabbilixxi, fil-paragrafu 3 tiegħu, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jiffaċilitaw it-twettiq mill-Unjoni tal-missjoni tagħha u jastjenu minn kull miżura li tista’ tipperikola t-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2021, LR Ģenerālprokuratūra, C‑3/20, EU:C:2021:969, punt 95).

47

Issa, l-impossibbiltà li jiġu ttrasferiti għall-iskema ta’ pensjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni d-drittijiet għall-pensjoni miksuba fl-iskema tal-pensjoni ta’ Stat Membru tista’ trendi iktar diffiċli r-reklutaġġ, minn din l-istituzzjoni, ta’ persunal li għandu ċerta anzjanità li ġejja minn dan l-Istat Membru, peress li l-passaġġ tal-persuna kkonċernata fis-servizz tal-imsemmija istituzzjoni tista’, fin-nuqqas ta’ tali trasferiment, iċċaħħadha, kompletament jew parzjalment, mid-drittijiet għall-pensjoni li kien ikollha dritt għalihom li kieku ma aċċettatx li tidħol fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ottubru 1981, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, 137/80, EU:C:1981:237, punt 19, u tal‑4 ta’ Frar 2021, Ministre de la Transition écologique et solidaire u Ministre de l’Action et des Comptes publics, C‑903/19, EU:C:2021:95, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48

Barra minn hekk, kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, kważi l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja kkonkludew, xi drabi minn żmien twil, ftehimiet mal-BĊE sabiex jawtorizzaw it-trasferiment, għall-iskema ta’ pensjoni tiegħu, tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-membri tal-persunal tal-BĊE taħt l-iskemi nazzjonali tagħhom.

49

F’tali sitwazzjoni, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-membri tal-persunal tal-BĊE li kisbu drittijiet għall-pensjoni taħt l-iskema ta’ Stat Membru li għadu ma kkonkludiex tali ftehim mal-BĊE jinsabu, mingħajr ġustifikazzjoni apparenti, f’sitwazzjoni inqas favorevoli mill-kollegi tagħhom ċittadini ta’ Stat Membru li kkonkluda ma’ BĊE tali ftehim, li jkun ta’ natura li jimponilhom trattament mhux ugwali u li jagħmlu ħsara, għalhekk, għall-funzjonament tajjeb ta’ din l-istituzzjoni.

50

Għandu jiġi nnotat, f’dan il-każ, li, fir-rigward tat-trasferiment għall-iskema tal-pensjoni tal-BĊE tad-drittijiet għall-pensjoni li l-impjegati tal-BĊE kisbu mingħand istituzzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru, il-BĊE wera l-interess li jikkonkludi ftehimiet li jipprevedu preċiżament tali trasferiment.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 47 sa 50 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi konkluż li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, jimplika, għal Stat Membru, l-obbligu li jipparteċipa mal-BĊE sabiex jikkonkludi ftehim dwar it-trasferiment, għall-iskema ta’ pensjoni ta’ dan tal-aħħar, tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-membri tal-persunal tiegħu taħt l-iskema ta’ pensjoni ta’ dan l-Istat Membru.

52

Ċertament, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istat Membru jaċċetta tali abbozz ta’ ftehim eventwalment sottomess mill-BĊE. Xorta jibqa’ l-fatt li l-Istat Membru għandu jipparteċipa attivament u in bona fide fin-negozjati mal-BĊE sabiex jikkonkludi ftehim miegħu wara l-ftuħ tan-negozjati, sabiex jiġu eliminati l-ostakoli eżistenti eventwali, inkluż fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ metodu xieraq għall-kalkolu tal-ammont ekwivalenti għad-drittijet li għandhom jiġu ttrasferiti.

53

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 45 u 48 TFUE, l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 8(a) tal-Anness IIIa tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-BĊE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux, fin-nuqqas ta’ ftehim konkluż bejn il-BĊE u l-Istat Membru kkonċernat, leġiżlazzjoni jew prattika amministrattiva ta’ dan l-Istat Membru li ma tippermettix lil membru tal-persunal tal-BĊE jittrasferixxi lill-iskema ta’ pensjoni tiegħu ammont li jikkorrispondi għad-drittijiet għal pensjoni li akkwista taħt l-iskema ta’ pensjoni tal-imsemmi Stat Membru. Madankollu, l-Artikolu 4(3) TUE jeżiġi, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit f’din id-dispożizzjoni, li Stat Membru li jiġi propost mill-BĊE l-konklużjoni ta’ ftehim taħt dan l-Artikolu 8(a) tal-Anness IIIa, dwar it-trasferiment, għall-iskema ta’ pensjoni tal-BĊE, tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-membri tal-persunal tiegħu fi ħdan l-iskema tal-pensjoni ta’ dan l-Istat Membru, jipparteċipa b’mod attiv u in bona fide fin-negozjati intiżi sabiex jikkonkludu tali ftehim miegħu wara l-ftuħ tan-negozjati.

It‑tieni domanda

54

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-qorti ta’ Stat Membru adita minn membru tal-persunal tal-BĊE tordna t-trasferiment għall-iskema tal-pensjoni tagħha tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-persuna kkonċernata taħt l-iskema tal-pensjoni ta’ dan l-Istat Membru, anki fl-assenza ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali jew ta’ ftehim, konkluż bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-BĊE, li jipprevedi tali trasferiment.

55

Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-possibbiltà li jiġu ttrasferiti drittijiet għall-pensjoni, prevista fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, għandha n-natura ta’ dritt suġġettiv, mogħti mir-Regolamenti tal-Persunal u li jista’ jiġi invokat kemm fir-rigward tal-Istati Membri kif ukoll fir-rigward tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 1990, Weiser, C‑37/89, EU:C:1990:254, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Madankollu, mill-punti 32 u 43 ta’ din is-sentenza jirriżulta, minn naħa, li l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma japplikax għall-membri tal-persunal tal-BĊE u, min-naħa l-oħra, li t-trasferiment, għall-iskema tal-pensjoni tal-BĊE tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba minn membru tal-persunal tiegħu taħt l-iskema tal-pensjoni ta’ Stat Membru, jippresupponi l-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-BĊE u dan l-Istat Membru.

57

Minn dan isegwi li, fin-nuqqas ta’ konklużjoni ta’ tali ftehim bejn il-BĊE u l-Istat Membru kkonċernat, qorti ta’ dan l-Istat Membru, adita minn membru tal-persunal tal-BĊE li kiseb drittijiet għall-pensjoni mill-iskema ta’ pensjoni tal-imsemmi Stat Membru, ma tistax tordna t-trasferiment tal-imsemmija drittijiet għall-iskema ta’ pensjoni tal-BĊE.

58

Madankollu, mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li jeżisti obbligu, li jirriżulta mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, għal Stat Membru, mitlub mill-BĊE sabiex jikkonkludi ftehim dwar it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni, li jipparteċipa b’mod attiv u in bona fide fin-negozjati mal-BĊE b’mod li jintlaħaq ftehim.

59

Jekk il-qorti kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tikkunsidra li l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, minħabba l-indifferenza tagħhom fir-rigward tal-ftuħ tan-negozjati mal-BĊE sabiex jikkonkludu ftehim dwar it-trasferiment, għall-iskema ta’ pensjoni ta’ dan tal-aħħar, tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-membri tal-persunal tiegħu taħt l-iskema tal-pensjoni tal-imsemmi Stat Membru, huma ma osservawx dan l-obbligu, hija għandha, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Craeynest et, C‑723/17, EU:C:2019:533, punt 54), tieħu kull miżura effikaċi prevista mir-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli sabiex dawn l-awtoritajiet jipparteċipaw b’mod attiv u in bona fide fin-negozjati mal-BĊE bil-għan li jikkonkludu tali ftehim.

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jawtorizzax lill-qorti ta’ Stat Membru adita minn membru tal-persunal tal-BĊE tordna t-trasferiment għall-iskema tal-pensjoni tagħha tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-persuna kkonċernata taħt l-iskema tal-pensjoni ta’ dan l-Istat Membru, fl-assenza ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali jew ta’ ftehim, konkluż bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-BĊE, li jipprevedi tali trasferiment. Min-naħa l-oħra, meta, minħabba l-ksur, minn dan l-Istat Membru, tal-obbligu tiegħu, li jirriżulta mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, li jipparteċipa b’mod attiv u in bona fide fin-negozjati mal-BĊE sabiex jiġi konkluż ftehim dwar it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni, dan il-membru tal-persunal tal-BĊE jinsab fl-impossibbiltà li jittrasferixxi, fl-iskema tal-pensjoni tal-BĊE, id-drittijiet għall-pensjoni li huwa jkun kiseb fl-iskema tal-pensjoni tal-imsemmi Stat Membru, din id-dispożizzjoni teżiġi li tali qorti tieħu l-miżuri kollha previsti mir-regoli proċedurali nazzjonali sabiex tiżgura l-osservanza ta’ dan l-obbligu mill-awtorità kompetenti nazzjonali.

Fuq l‑ispejjeż

61

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 45 u 48 TFUE, l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 8(a) tal-Anness IIIa tad-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, tad‑9 ta’ Ġunju 1998, dwar l-adozzjoni tal-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, kif emendata fil‑31 ta’ Marzu 1999,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li

huma ma jipprekludux, fin-nuqqas ta’ ftehim konkluż bejn il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Istat Membru kkonċernat, leġiżlazzjoni jew prattika amministrattiva ta’ dan l-Istat Membru li ma tippermettix lil membru tal-persunal tal-BĊE jittrasferixxi lill-iskema ta’ pensjoni tiegħu ammont li jikkorrirspondi għad-drittijiet għal pensjoni li akkwista taħt l-iskema ta’ pensjoni tal-imsemmi Stat Membru.

Madankollu, l-Artikolu 4(3) TUE jeżiġi, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit f’din id-dispożizzjoni, li Stat Membru li jiġi propost mill-BĊE l-konklużjoni ta’ ftehim taħt dan l-Artikolu 8(a) tal-Anness IIIa, dwar it-trasferiment, għall-iskema ta’ pensjoni tal-BĊE, tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-membri tal-persunal tiegħu fi ħdan l-iskema tal-pensjoni ta’ dan l-Istat Membru, jipparteċipa b’mod attiv u in bona fide fin-negozjati intiżi sabiex jikkonkludu tali ftehim miegħu wara l-ftuħ tan-negozjati.

 

2)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jawtorizzax lill-qorti ta’ Stat Membru adita minn membru tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tordna t-trasferiment għall-iskema tal-pensjoni tagħha tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-persuna kkonċernata taħt l-iskema tal-pensjoni ta’ dan l-Istat Membru, fl-assenza ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali jew ta’ ftehim, konkluż bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-BĊE, li jipprevedi tali trasferiment. Min-naħa l-oħra, meta, minħabba l-ksur, minn dan l-Istat Membru, tal-obbligu tiegħu, li jirriżulta mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, li jipparteċipa b’mod attiv u in bona fide fin-negozjati mal-BĊE sabiex jiġi konkluż ftehim dwar it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni, dan il-membru tal-persunal tal-BĊE jinsab fl-impossibbiltà li jittrasferixxi, fl-iskema tal-pensjoni tal-BĊE, id-drittijiet għall-pensjoni li huwa jkun kiseb fl-iskema tal-pensjoni tal-imsemmi Stat Membru, din id-dispożizzjoni teżiġi li tali qorti tieħu l-miżuri kollha previsti mir-regoli proċedurali nazzjonali sabiex tiżgura l-osservanza ta’ dan l-obbligu mill-awtorità kompetenti nazzjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.