SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

9 ta’ Frar 2023 ( *1 ) ( i )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Deċiżjoni Nru 1/80 – Artikoli 6 u 7 – Ċittadini Torok diġà integrati fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti u li jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza korrelattiv – Deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali li jirtiraw id-dritt ta’ residenza ta’ ċittadini Torok li jirrisjedu legalment fl-Istat Membru kkonċernat għal iktar minn 20 sena minħabba li jirrappreżentaw theddida attwali, reali u suffiċjentement serja għal interess fundamentali tas-soċjetà – Artikolu 13 – Klawżola ‘standstill’ – Artikolu 14 – Ġustifikazzjoni – Raġunijiet ta’ ordni pubbliku”

Fil-Kawża C‑402/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Ġunju 2021,

fil-proċedura

Staatsecretaris van Justitie en Veiligheid,

vs

S,

kif ukoll fil-proċedura

E,

C

vs

Staatsecretaris van Justitie en Veiligheid,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, M. L. Arastey Sahún, F. Biltgen (Relatur), N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Settembru 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal E, minn A. Durmus u E. Köse, avukati,

għal C, minn A. Agayev u Š. Petković, avukati,

għal S, minn N. van Bremen, avukat,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u A. Hanje, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, minn M. Brochner Jespersen, J. Farver Kronborg, V. Pasternak Jørgensen, M. Søndahl Wolff u Y. Thyregod Kollberg, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u H. van Vliet, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6, 7, 13 u 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad‑19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’tilwim bejn l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) u S, minn naħa, kif ukoll, rispettivament, E u C, u s-Segretarju tal-Istat, min-naħa l-oħra, dwar l-adozzjoni, minn dan tal-aħħar, ta’ deċiżjonijiet li jordnaw l-irtirar tad-dritt ta’ residenza ta’ S, ta’ E u ta’ C (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“persuni kkonċernati”) u t-tkeċċija ta’ dawn tal-aħħar mit-territorju Olandiż.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

3

Mill-Artikolu 2(1) tal-Ftehim li joħloq Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit‑12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa waħda, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat fl-isem ta’ din tal-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat‑23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), jirriżulta li dan għandu l-għan li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod sħiħ, in-neċessità li jiġi żgurat l-iżvilupp imħaffef tal-ekonomija tat-Turkija u ż-żieda fil-livell tal-impjieg u tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-poplu Tork.

4

Għal dan il-għan, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jinkludi fażi preparatorja, li tippermetti lir-Repubblika tat-Turkija ssaħħaħ l-ekonomija tagħha bl-għajnuna tal-Komunità (l-Artikolu 3 ta’ dan il-Ftehim), fażi tranżitorja li matulha jiġu żgurati l-implimentazzjoni progressiva ta’ unjoni doganali u l-approssimazzjoni tal-politika ekonomika (l-Artikolu 4 tal-imsemmi Ftehim), u fażi definittiva li hija bbażata fuq l-unjoni doganali u tinvolvi t-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-partijiet kontraenti (l-Artikolu 5 tal-istess Ftehim).

5

L-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprovdi:

“Sabiex jiġu żgurati l-applikazzjoni u l-iżvilupp progressiv tas-sistema ta’ assoċjazzjoni, il-Partijiet Kontraenti għandhom jiltaqgħu fi ħdan [k]unsill ta’ assoċjazzjoni li għandu jaġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilu mill-Ftehim [ta’ assoċjazzjoni].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-Protokoll Addizzjonali

6

Il-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit‑23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72 tad‑19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”), li, skont l-Artikolu 62 tiegħu, jifforma parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tiegħu, il-kundizzjonijiet, l-arranġamenti u t-tabelli taż-żmien għall-implimentazzjoni tal-istadju transitorju fl-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim.

7

Il-Protokoll Addizzjonali jinkludi Titolu II, imsejjaħ “Moviment ta’ Persuni u Servizzi” li l-Kapitolu I tiegħu jkopri lill-“Ħaddiema” filwaqt li l-Kapitolu II huwa intitolat “Id-Dritt ta’ l-Istabbeliment, tas-Servizzi u tat-Trasport”.

8

L-Artikolu 59 ta’ dan il-Protokoll jipprevedi:

“Fl-oqsma koperti b’dan il-Protokoll, [ir-Repubblika tat-]Turkija m’għandhiex tirċievi trattament aktar favorevoli minn dak li l-Istati Membri jagħtu lil-xulxin permezz ta[t-Trattat KE].”

Id-Deċiżjoni Nru. 1/80

9

Il-Kapitolu II tad-Deċiżjoni Nru 1/80, intitolat “Dispożizzjonijiet soċjali”, jinkludi t-Taqsima 1, li min-naħa tagħha hija intitolata “Kwistjonijiet dwar l-impjieg u l-moviment liberu tal-ħaddiema” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li fiha jinsabu l-Artikoli 6 sa 16 ta’ din id-deċiżjoni.

10

L-Artikolu 6 tal-imsemmija deċiżjoni jipprevedi:

“1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 dwar l-aċċess liberu għall-impjieg għall-membri tal-familja tiegħu, il-ħaddiem Tork, li jappartjeni għas-suq regolari tax-xogħol ta’ Stat Membru:

għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara sena ta’ impjieg regolari, għat-tiġdid tal-permess ta’ xogħol tiegħu mal-istess persuna li timpjega, jekk din ikollha impjieg x’toffri;

għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara tliet snin ta’ impjieg regolari u suġġett għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Komunità, li jwieġeb għal offerta oħra ta’ impjieg fl-istess professjoni ma’ persuna oħra li timpjega tal-għażla tiegħu, magħmula taħt kundizzjonijiet normali u rreġistrata mad-dipartimenti tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru;

għandu jgawdi, f’dan l-Istat Membru, wara erba’ snin ta’ impjieg regolari, minn aċċess liberu għal kull attività mħallsa tal-għażla tiegħu.

[…]

3.   Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu stabbiliti b’liġijiet nazzjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11

L-Artikolu 7 tal-istess deċiżjoni jistabbilixxi:

“Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork fis-suq regolari tax-xogħol ta’ Stat Membru, li ġew awtorizzati jingħaqdu miegħu:

għandhom ikunu intitolati – bla ħsara għall-prijorità mogħtija lill-ħaddiema ta’ Stati Membri tal-Komunità – sabiex jirrispondu għal kwalunkwe offerta ta’ impjieg wara li jkunu ilhom residenti legalment għal ta’ mill-inqas tliet snin f’dak l-Istat Membru;

għandhom igawdu, f’dan l-Istat Membru, minn aċċess liberu għal kull attività b’salarju tal-għażla tagħhom meta jkunu ilhom legalment residenti hemm għal minn tal-inqas ħames snin.

It-tfal tal-ħaddiema Torok li jkunu temmew taħriġ professjonali fil-pajjiż ospitanti jistgħu, irrispettivament mit-tul ta’ residenza tagħhom f’dan l-Istat Membru u bil-kundizzjoni li wieħed mill-ġenituri jkun eżerċita legalment impjieg fl-Istat Membru kkonċernat għal minn tal-inqas tliet snin, iwieġbu għal kull offerta ta’ impjieg fl-imsemmi Stat Membru.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12

L-Artikolu 13 tad-deċiżjoni nru 1/80 jistipula:

“L-Istati Membri tal-Komunità u [r-Repubblika ta]t-Turkija ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda fuq il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg tal-ħaddiema u tal-membri tal-familja tagħhom legalment residenti u impjegati fit-territorji rispettivi tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

13

L-Artikolu 14 ta’ din id-deċiżjoni huwa fformulat kif ġej:

“1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima għandhom jiġu applikati bla ħsara għal-limitazzjonijiet iġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika.

2.   Huma ma għandhomx jippreġudikaw id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn leġiżlazzjonijiet nazzjonali jew minn ftehimiet bilaterali eżistenti bejn [ir-Repubblika ta]t-Turkija u l-Istati Membri tal-Komunità, sa fejn huma jipprevedu, favur iċ-ċittadini tagħhom, sistema iktar favorevoli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14

Konformement mal-Artikolu 16 tal-imsemmija deċiżjoni, id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tagħha huma applikabbli sa mill‑1 ta’ Diċembru 1980.

Id-Direttiva 2003/109/KE

15

L-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272), intitolat “Protezzjoni kontra tkeċċija”, jistabbilixxi:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jieħdu deċiżjoni li jkeċċu residenti għat-tul unikament fejn hu/i jikkostitwixxi theddiha attwali u suffiċjentement serja għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika.

2.   Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tkun ibbażata fuq konsiderazzjonijiet ekonomiċi.

3.   Qabel ma tittieħed deċiżjoni biex jitkeċċa residenti għat-tul, l-Istati membri għandhom jagħtu kont tal-fatturi li ġejjin:

a)

it-tul tar-residenza fit-territorju tagħhom;

b)

l-età tal-persuna konċernata;

ċ)

il-konsegwenzi għall-persuna konċernata u l-membri tal-familja;

d)

ir-rabtiet mal-pajjiż tar-residenza jew in-nuqqas ta’ rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini.

[…]”

Id‑dritt Olandiż

Il-Liġi fuq il-Barranin

16

L-Artikolu 22 tal-Wet tot algehele herziening van de Vreemdelingenwet (Vreemdelingenwet 2000) (il-Liġi fuq il-Barranin tal-2000), tat‑23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 495), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi fuq il-Barranin”), jipprevedi:

“ […]

2.   Il-permess ta’ residenza għal żmien indefinit, imsemmi fl-Artikolu 20, jista’ jiġi rtirat meta:

[…]

c)

id-detentur kien is-suġġett ta’ kundanna definittiva għal reat punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin jew iktar, jew li l-miżura msemmija fl-Artikolu 37 tal-Wetboek van Strafrecht (il-Kodiċi Penali) ġiet applikata fil-konfront tiegħu;

d)

iċ-ċittadin barrani jirrappreżenta perikolu għas-sigurtà nazzjonali.

3.   Jistgħu jiġu stabbiliti regoli li jikkonċernaw ir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 2 permezz jew bis-saħħa ta’ miżura amministrattiva ġenerali.”

Id-digriet fuq il-Barranin

17

L-Artikolu 3.86 tal-Besluit tot uitvoering van de Vreemdelingenwet 2000 (Vreemdelingenbesluit 2000) (id-Digriet fuq il-Barranin tal‑2000), tat‑23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 497), fil-verżjoni tiegħu applikabbli sal‑1 ta’ Lulju 2012 (iktar ’il quddiem id-“Digriet fuq il-barranin”), kien ifformulat kif ġej:

“[…]

4.   L-applikazzjoni [għal estensjoni tal-permess ta’ residenza ordinarja għal żmien determinat] tista’ wkoll tiġi miċħuda abbażi tal-Artikolu 18(1)(e) tal-Liġi [fuq il-Barranin] meta ċ-ċittadin barrani jkun ġie kkundannat, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tkun saret definittiva, għal mill-inqas ħames reati jew, fil-każ ta’ residenza ta’ inqas minn sentejn, għal mill-inqas tliet reati, għal piena ta’ priġunerija jew ta’ detenzjoni għal minuri, piena ta’ xogħol [ta’ interess ġenerali] jew għal miżura msemmija fl-Artikolu 37(a), 38(a), jew fl-Artikolu 77h(4)(a) jew (b), tal-Kodiċi Penali, jew minn deċiżjoni penali definittiva tal-Ministeru pubbliku (“strafbeschikking”), għal piena ta’ xogħol [ta’ interess ġenerali] jew fl-ekwivalenti għall-barra mill-pajjiż ta’ tali piena jew miżura u li t-tul totali tal-parti ta’ dawn il-pieni jew miżuri li hija eżekutorja mingħajr kundizzjoni hija mill-inqas ugwali għat-tul indikat fil-paragrafu 5.

5.   It-tul ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 4 għandu jkun:

[…]

[Meta t-tul tar-residenza jilħaq] mill-inqas 15-il sena, iżda inqas minn 20 sena:14 xhur.

[…]

11.   B’deroga mill-paragrafi preċedenti, l-applikazzjoni [għal estensjoni tal-permess ta’ residenza ordinarju għal żmien determinat] ma hijiex miċħuda:

[…]

b)

meta t-tul tar-residenza jkun ta’ 20 sena.

[…]”

18

L-Artikolu 3.98 ta’ dan id-digriet jipprevedi:

“1.   Skont l-Artikolu 22(2)(c) tal-Liġi [fuq il-Barranin], il-permess ta’ residenza ordinarja b’terminu indefinit jista’ jiġi rtirat meta ċ-ċittadin barrani kkonċernat ikun ġie kkundannat, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tkun saret definittiva, għal reat punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin jew iktar, għal piena ta’ priġunerija, piena ta’ xogħol [ta’ interess ġenerali] jew miżura msemmija fl-Artikolu 37a tal-Kodiċi Penali jew għall-ekwivalenti f’pajjiż barrani ta’ tali piena jew miżura u li t-tul totali ta’ dawn il-pieni jew miżuri huwa mill-inqas daqs it-tul imsemmi fl-Artikolu 3.86(2), (3) jew (5).

2.   L-Artikoli 3.86 u 3.87 għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

19

L-Artikolu 8.7 tal-imsemmi digriet huwa fformulat kif ġej:

“1.   Dan il-paragrafu japplika għaċ-ċittadini barranin li għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat parti fit-Trattat UE jew tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, jew tal-Konfederazzjoni Svizzera, u li jmorru fil-Pajjiżi l-Baxxi jew jirrisjedu hemmhekk.

[…]”

20

L-Artikolu 8.22 tal-istess digriet jistabbilixxi:

“1.   Il-Ministru jista’ jirrifjuta jew itemm ir-residenza legali għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika meta l-kondotta personali taċ-ċittadin barrani kkonċernat tirrappreżenta theddida reali, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà. Qabel ma jieħu deċiżjoni, il-Ministru għandu jieħu inkunsiderazzjoni t-tul tar-residenza tal-persuna kkonċernata fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-età tagħha, l-istat ta’ saħħa tagħha, is-sitwazzjoni familjari u ekonomika tagħha, l-integrazzjoni soċjali u kulturali tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-intensità tar-rabtiet tagħha mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

[…]

3.   Ħlief jekk dan ikun meħtieġ minħabba raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, ir-residenza legali ma tiġix itterminata meta ċ-ċittadin barrani:

irrisjeda fil-Pajjiżi l-Baxxi matul l-aħħar għaxar snin; […]

[…]”

21

L-artikolu I tal-Besluit houdende wijziging van het Vreemdelingenbesluit 2000 in verband met aanscherping van de glijdende schaal (Digriet li jemenda d-Digriet dwar il-Barranin bil-Għan li Tissaħħaħ l-Iskala Mobbli), tas‑26 ta’ Marzu 2012 (Stb. 2012, Nru 158), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet tas‑26 ta’ Marzu 2012”), emenda d-digriet fuq il-barranin kif ġej.

22

Il-kliem tal-Artikolu 3.86(5) tad-Digriet fuq il-Barranin ġie ssostitwit bit-test li ġej:

“It-tul ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 4 għandu jkun: […]

[Meta t-tul tar-residenza jilħaq] mill-inqas 15-il sena:14-il xahar.

23

Il-kliem tal-Artikolu 3.86(11) tad-Digriet fuq il-Barranin, li ġie renumerat fil-paragrafu 10, ġie ssostitwit bit-test li ġej:

“B’deroga mill-paragrafi preċedenti, l-applikazzjoni ma għandhiex tiġi miċħuda meta l-perijodu ta’ residenza jkun ta’ għaxar snin, ħlief fil-preżenza:

a)

ta’ ksur imsemmi fl-Artikolu 22b(1) tal-Kodiċi Penali;

b)

ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni fuq il-prodotti narkotiċi li, skont id-definizzjoni legali tagħha, huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ sitt snin jew iktar.”

24

L-Artikolu II tad-Digriet tas‑26 ta’ Marzu 2012 jistabbilixxi:

“Dan id-digriet ma japplikax għal ċittadin barrani li r-residenza tiegħu ma setgħetx tiġi interrotta skont id-dritt fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet.”

Iċ-Ċirkulari fuq il-Barranin tal-2000

25

Il-paragrafu B10/2.3 tal-Vreemdelingencirculaire 2000 (iċ-Ċirkulari fuq il-Barranin tal-2000), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi:

“[…]

Ordni pubblika u sigurtà pubblika

Skont l-Artikolu 8.22(1) tad-Digriet fuq il-Barranin, [l-awtorità kompetenti] tirrifjuta r-residenza legali jew ittemm meta l-aġir personali ta’ ċittadin tal-Unjoni jew ta’ membru tal-familja tiegħu jirrappreżenta theddida attwali, reali, u serja għal interess fundamentali tas-soċjetà, sakemm l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 3.77 jew tal-Artikolu 3.86 tad-Digriet fuq il-Barranin ma twassalx għat-tmiem tar-residenza.

[…]”

26

L-Artikolu B 12/2.8 ta’ din iċ-ċirkulari, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali, jistabbilixxi:

“[L-awtorità kompetenti] għandha tirtira l-permess ta’ residenza ordinarja b’tul indefinit meta jseħħ fatt imsemmi fl-Artikolu 22(1) tal-Liġi fuq il-Barranin u meta l-Artikoli 3.97 u 3.98 tad-Digriet fuq il-Barranin ma jidderogawx minnu.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-kawżi prinċipali

Il-kawża prinċipali li tinvolvi lil S

27

S, ta’ nazzjonalità Torka, jirrisjedi legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi mill‑15 ta’ Frar 1983 u għandu permess ta’ residenza ordinarja b’tul indefinit sa mid‑9 ta’ Marzu 1992.

28

Permezz tad-deċiżjoni tal‑5 ta’ Ottubru 2017, is-Segretarju tal-Istat irtira lil S, abbażi tal-Artikolu 3.98 tad-Digriet fuq il-Barranin, u tal-Artikolu 3.86 ta’ dan id-digriet, kif emendat bid-digriet tas‑26 ta’ Marzu 2012 (iktar ’il quddiem l-“iskala mobbli msaħħa”), il-permess ta’ residenza tiegħu, ordnalu jitlaq immedjatament mit-territorju Olandiż u ddeċieda fir-rigward tiegħu projbizzjoni ta’ dħul f’dan it-territorju.

29

Din id-deċiżjoni kienet immotivata mill-fatt li, mix-xahar ta’ Novembru 1994, S kien is-suġġett ta’ 39 kundanni penali għal reati punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin jew iktar u li t-tul totali tal-pieni ta’ priġunerija sodi li kienu ġew imposti fuqu, jiġifieri 66 xahar, meta mqabbel mat-tul tar-residenza legali tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi, kien jissodisfa r-rekwiżiti tal-iskala mobbli msaħħa. L-imsemmija deċiżjoni kienet immotivata wkoll mill-fatt li l-aġir personali ta’ S kien jikkostitwixxi theddida reali, attwali u suffiċjentement serja għal interess fundamentali tas-soċjetà sa fejn, minn naħa, huwa kien wettaq reati gravi, b’mod partikolari serq bi vjolenza, serq permezz ta’ tkissir u traffikar ta’ drogi qawwija u, min-naħa l-oħra, ir-riskju ta’ reċidiva tal-persuna kkonċernata huwa għoli peress li S kien kompla jwettaq ksur wara li kien tqiegħed għal sentejn fi stabbiliment speċjali għal delinkwenti ripetuti.

30

Permezz tad-deċiżjoni tas‑27 ta’ Marzu 2018, is-Segretarju tal-Istat ċaħad bħala infondat l-ilment imressaq minn S kontra d-deċiżjoni tal‑5 ta’ Ottubru 2017.

31

Adita minn S b’rikors kontra din id-deċiżjoni, ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), sedenti f’Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz tas-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, annullat id-deċiżjoni tas‑27 ta’ Marzu 2018 kif ukoll dik tal‑5 ta’ Ottubru 2017, minħabba li l-iskala mobbli msaħħa kienet tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

32

Is-Segretarju tal-Istat appella minn din is-sentenza quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), bil-qorti tar-rinviju tinvoka, b’mod partikolari, li l-assenza ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali għal S tqiegħed lil dan tal-aħħar f’sitwazzjoni iktar favorevoli miċ-ċittadini tal-Unjoni, fatt li jmur kontra l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali.

Il-kawża prinċipali li tinvolvi lil C

33

C, ta’ nazzjonalità Torka ilu jirrisjedi legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi mit‑3 ta’ Mejju 1976 u għandu permess ta’ residenza ordinarja b’tul indefinit sa mill‑25 ta’ Marzu 1983.

34

Permezz tad-deċiżjoni tat‑22 ta’ April 2018, is-Segretarju tal-Istat irtira lil C, abbażi tal-iskala mobbli msaħħa, il-permess ta’ residenza tiegħu, ordnalu jitlaq immedjatament mit-territorju Olandiż u ddeċieda fir-rigward tiegħu projbizzjoni ta’ dħul f’dan it-territorju. Din id-deċiżjoni kienet immotivata mill-fatt li, mis-sena 1988, C kien is-suġġett ta’ 22 kundanni penali, b’mod partikolari wara s-sena 2012, għal ksur ta’ serq bi tkissir, aggressjoni u traffikar ta’ drogi qawwija, u li t-tul totali tal-pieni ta’ priġunerija sodi li kienu ġew imposti fuqu, jiġifieri 56 xahar, meta mqabbel mat-tul tar-residenza legali tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi, kien jissodisfa r-rekwiżiti tal-iskala mobbli msaħħa. Is-Segretarju tal-Istat ikkunsidra wkoll li l-fatt li, bejn l‑1 ta’ Settembru 1990 u l‑31 ta’ Diċembru 2000, C kien abbuża sesswalment lil bintu minuri, isaħħaħ l-evalwazzjoni tiegħu li tgħid li l-aġir personali tal-persuna kkonċernata kien jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja għal interess fundamentali tas-soċjetà.

35

Permezz tad-deċiżjoni tat‑3 ta’ Ottubru 2018, is-Segretarju tal-Istat ċaħad bħala infondat l-ilment imressaq minn C kontra din id-deċiżjoni.

36

Permezz tas-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2019, ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Den Haag), b’sede ta’ Middelbourg (il-Pajjiżi l-Baxxi), iddikjarat infondat ir-rikors ippreżentat minn C kontra d-deċiżjoni tat‑3 ta’ Ottubru 2018. Din il-qorti ddeċidiet li l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 kien applikabbli peress li l-aġir personali ta’ C kien jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja għal interess fundamentali tas-soċjetà u li, f’dan il-każ, dan ma setax jinvoka l-Artikolu 13 ta’ din l-aħħar deċiżjoni.

37

C appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn sostna li l-kondotta personali tiegħu ma kinitx tirrappreżenta theddida attwali għal interess fundamentali tas-soċjetà u li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 kien applikabbli f’dan il-każ.

Il-kawża prinċipali li tinvolvi lil E

38

E, ta’ nazzjonalità Torka, li ilu jirrisjedi legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi mill‑1981 u għandu permess ta’ residenza ordinarja b’tul indefinit sa mis‑16 ta’ Marzu 1995.

39

Permezz tad-deċiżjoni tat‑30 ta’ Mejju 2018, is-Segretarju tal-Istat irtira lil E, abbażi tal-iskala mobbli msaħħa, il-permess ta’ residenza tiegħu, ordnalu jitlaq immedjatament mit-territorju Olandiż u ddeċieda fir-rigward tiegħu projbizzjoni ta’ dħul f’dan it-territorju. Din id-deċiżjoni kienet immotivata mill-fatt li, sa mis-sena 1990, E kien is-suġġett ta’ tlettax-il kundanna penali, inkluż wara s-sena 2012, u li t-tul totali tal-pieni ta’ priġunerija sodi li kienu ġew imposti fuqu, jiġifieri 25 xahar, meta mqabbel mat-tul tar-residenza legali tiegħu fl-imsemmi territorju, kien jissodisfa r-rekwiżiti tal-iskala mobbli msaħħa. Barra minn hekk, is-Segretarju tal-Istat qies li l-aġir personali ta’ E kien jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja għal interess fundamentali tas-soċjetà.

40

Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2018, l-ilment imressaq minn E kontra d-deċiżjoni tat‑30 ta’ Mejju 2018 ġie miċħud bħala infondat.

41

Permezz tas-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2019, ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Den Haag), bis-sede f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), iddikjarat infondat ir-rikors ippreżentat minn E kontra d-deċiżjoni tal‑24 ta’ Settembru 2018, billi qieset, minn naħa, li, anki jekk l-iskala mobbli msaħħa kienet tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-portata ta’ dan l-artikolu kienet limitata mill-Artikolu 14 ta’ din tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, li jmur kuntrarju għall-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, li ma tiġix applikata lil E din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, għaliex dan jidher li tqiegħed lil dan f’pożizzjoni iktar favorevoli miċ-ċittadini tal-Unjoni.

42

E appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, filwaqt li sostna li l-applikazzjoni tal-iskala mobbli msaħħa kienet tmur kontra l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u li huwa ma kienx jitpoġġa f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn ċittadin tal-Unjoni jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali ma tiġix applikata fil-konfront tiegħu.

Id-domandi preliminari

43

Il-qorti tar-rinviju, adita bl-appelli ppreżentati mid-deċiżjonijiet mogħtija fl-ewwel istanza fir-rigward ta’ S, C u E, tikkunsidra li huwa neċessarju, sabiex jiġu riżolti l-kawżi prinċipali, li jiġu interpretati l-Artikoli 13 u 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

44

Din il-qorti ma teskludix li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, jiġifieri d-digriet tas‑26 ta’ Marzu 2012 li jipprevedi l-iskala mobbli msaħħa, jista’ jiġi kklassifikat bħala “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, peress li, kuntrarjament għal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, huwa ma jinkludix iktar projbizzjoni ta’ rtirar tal-permess ta’ residenza tal-barranin li jirrisjedu legalment fit-territorju Olandiż għal mill-inqas 20 sena u għalhekk jirrendi iktar diffiċli l-użu, miċ-ċittadini Torok, tad-dritt tagħhom għal moviment liberu f’dan it-territorju.

45

Madankollu, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk ċittadin Tork li, bħall-persuni kkonċernati, jibbenefika minn dritt ta’ residenza korrelattiv għad-drittijiet ibbażati fuq l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, fir-rigward ta’ C, jew fuq l-Artikolu 7 tagħha, fir-rigward ta’ S u ta’ E, jistax jinvoka l-Artikolu 13 ta’ din id-deċiżjoni sabiex jimpedixxi li tiġi applikata għalih tali leġiżlazzjoni nazzjonali, peress li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tipprovdix, fil-fehma tagħha, risposta ċara f’dan ir-rigward.

46

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-aġir personali tal-persuni kkonċernati jikkostitwixxi theddida reali, attwali u suffiċjentement serja għal interess fundamentali tas-soċjetà. Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mis-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2007, Derin (C‑325/05, EU:C:2007:442, punt 74), u tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Ziebell, (C‑371/08, EU:C:2011:809, punt 82), jirriżulta li, abbażi ta’ evalwazzjoni tal-aġir personali tiegħu li josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadin Tork ikkonċernat, Stat Membru jista’, bis-saħħa tal-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, jirtiralu d-drittijiet mogħtija mill-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-deċiżjoni jekk jirrappreżenta tali theddida. Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 14 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li l-Artikolu 13 tal-istess deċiżjoni japplika bla ħsara għal-limitazzjonijiet iġġustifikati, b’mod partikolari, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku.

47

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, f’dan il-każ, mill-espożizzjoni tal-motivi tad-Digriet tas‑26 ta’ Marzu 2012 jirriżulta li l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata hija mmotivata mill-evoluzzjoni tal-perċezzjoni tal-protezzjoni tal-ordni pubbliku fi ħdan is-soċjetà Olandiża. F’dan ir-rigward, hija titlaq mill-premessa li l-aġir personali ta’ S, ta’ C u ta’ E jikkostitwixxi theddida reali, attwali u suffiċjentement serja għal interess tas-soċjetà, b’tali mod li fil-prinċipju d-dritt ta’ residenza tagħhom jista’ jintemm skont l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Madankollu, din il-qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huwiex applikabbli meta barrani jikseb diġà drittijiet mill-Artikolu 6 jew mill-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni u, fl-affermattiv, kif huma fformulati fl-Artikolu 13 l-Artikolu 14 tal-imsemmija deċiżjoni.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ċittadini Torok li għandhom id-drittijiet li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 6 jew fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għadhom jistgħu jinvokaw l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80?

2)

Mill-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jirriżulta li ċ-ċittadini Torok ma għadhomx jistgħu jinvokaw l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 meta, minħabba l-aġir personali tagħhom, huma jirrappreżentaw theddida attwali, ġenwina u suffiċjentement serja għal interess fundamentali tas-soċjetà?

3)

Ir-restrizzjoni ġdida, li tipprovdi li jista’ jintemm id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini Torok, anki wara 20 sena [ta’ residenza legali], għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, tista’ tiġi ġġustifikata b’riferiment għall-evoluzzjoni fil-perċezzjonijiet soċjali li wasslet għal din ir-restrizzjoni ġdida? Huwa biżżejjed, f’dan ir-rigward, li r-restrizzjoni ġdida sservi l-għan ta’ ordni pubbliku, jew huwa wkoll mitlub li hija tkun xierqa sabiex jintlaħaq dan l-għan u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan iseħħ?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

49

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandux jiġi interpretat fis-sens li jista’ jiġi invokat minn ċittadini Torok li għandhom id-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 6 jew fl-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni.

50

F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jirriżulta li dan jistabbilixxi klawżola standstill li tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jintroduċu restrizzjonijiet ġodda dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg tal-ħaddiema Torok u tal-membri tal-familja tagħhom li jinsabu fit-territorju tagħhom f’sitwazzjoni regolari f’dak li jirrigwarda r-residenza u l-impjieg.

51

Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, din il-klawżola standstill għandha effett dirett (sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et, C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u hija intiża li tapplika għaċ-ċittadini Torok li għadhom ma jibbenefikawx minn drittijiet fil-qasam tal-impjieg u, korrelattivament, ta’ residenza skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni (sentenza tad‑29 ta’ April 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑92/07, EU:C:2010:228, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, l-imsemmija klawżola standstill hija ġġustifikata mill-fatt li l-Istati Membri żammew is-setgħa li jawtorizzaw liċ-ċittadini Torok jaċċedu għat-territorju tagħhom u li hemmhekk jokkupaw l-ewwel impjieg u hija intiża sabiex tiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali jastjenu milli jadottaw dispożizzjonijiet ta’ natura li jikkompromettu t-twettiq tal-għan tad-Deċiżjoni Nru 1/80 li jikkonsisti fl-istabbiliment tal-moviment liberu tal-ħaddiema, anki jekk, fl-ewwel stadju fil-perspettiva tal-implimentazzjoni progressiva ta’ din il-libertà fundamentali, ir-restrizzjonijiet nazzjonali diġà eżistenti fil-qasam tal-aċċess għall-impjieg jistgħu jinżammu fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et, C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punti 8081).

52

Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-istess klawżola standstill tipprojbixxi b’mod ġenerali l-introduzzjoni ta’ kull miżura interna ġdida li jkollha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju, minn ċittadin Tork, tal-moviment liberu tal-ħaddiema fit-territorju nazzjonali għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu applikabbli għalih għad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80 fl-Istat Membru kkonċernat (sentenzi tad‑29 ta’ Marzu 2017, Tekdemir, C‑652/15, EU:C:2017:239, punt 25, kif ukoll tat‑2 ta’ Settembru 2021, Udlændingenævnet, C‑379/20, EU:C:2021:660, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Tali interpretazzjoni wiesgħa tal-portata tal-klawżola standstill ikkonċernata hija ġġustifikata fid-dawl tal-għan tad-Deċiżjoni Nru 1/80 li huwa li jiġi stabbilit il-moviment liberu tal-ħaddiema. Fil-fatt, kemm restrizzjoni ġdida li twebbes il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-ewwel attività professjonali ta’ ħaddiem Tork jew tal-membri tal-familja tiegħu kif ukoll dik li, ladarba dan il-ħaddiem jew il-membri tal-familja tiegħu jibbenefikaw minn drittijiet fil-qasam tal-impjieg skont l-Artikolu 6 jew l-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni, tirrestrinġi l-aċċess tiegħu għal impjieg iggarantit minn dawn id-drittijiet imur kontra l-għan tal-imsemmija deċiżjoni li jitwettaq il-moviment liberu ta’ dawn il-ħaddiema.

54

Ċertament, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fil-punt 81 tas-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2003, Abatay (C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572), li ċittadin Tork li diġà jeżerċita b’mod regolari impjieg fi Stat Membru ma għandux bżonn jibqa’ jiġi protett mill-klawżola ta’ standstill dwar l-aċċess għax-xogħol, peress li tali aċċess kien diġà seħħ preċiżament u l-persuna kkonċernata li tibbenefika, wara l-karriera tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, mid-drittijiet li l-Artikolu 6 tal-imsemmija deċiżjoni jagħtih espliċitament.

55

Madankollu, din il-konstatazzjoni ma timplikax li l-applikazzjoni ta’ din il-klawżola standstill hija eskluża f’tali ipoteżi. Fil-fatt, anki jekk ċittadin Tork u l-membri tal-familja tiegħu li jaqgħu rispettivament taħt l-Artikoli 6 u 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jistgħu jinvokaw id-drittijiet li huma jisiltu minn dawn id-dispożizzjonijiet sabiex jopponu restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħhom tal-moviment liberu, mingħajr ma għandhom juru, barra minn hekk, li dawn ir-restrizzjonijiet huma ġodda u għalhekk kuntrarji għall-imsemmija klawżola ta’ standstill, xorta jibqa’ l-fatt li dawn iż-żewġ każijiet jistgħu jikkoinċidu.

56

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat fil-punt 84 tas-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et (C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572), li “l-portata tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma hijiex limitata għaċ-ċittadini Torok diġà integrati fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru. Għaldaqstant, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

57

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-kawżi prinċipali joriġinaw mill-irtirar, mill-awtoritajiet kompetenti Olandiżi, tad-dritt ta’ residenza tal-persuni kkonċernati b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali adottata għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku. Din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, introdotta wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80 fit-territorju Olandiż, tawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti jirtiraw id-dritt ta’ residenza u jkeċċu ħaddiem Tork li ilu jirrisjedi legalment f’dan it-territorju għal iktar minn 20 sena, u li, minħabba f’hekk, igawdi mid-drittijiet tat-tielet inċiż tal-Artikolu 6(1) jew tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni, meta jikkostitwixxi theddida attwali, reali u suffiċjentement serja għal interess fundamentali tas-soċjetà.

58

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li miżuri ta’ Stat Membru intiżi li jiddefinixxu l-kriterji ta’ regolarità tas-sitwazzjoni taċ-ċittadini Torok, billi jadottaw jew jemendaw, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ residenza ta’ dawn iċ-ċittadini fit-territorju tiegħu, jistgħu jikkostitwixxu restrizzjonijiet ġodda fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, Demir, C‑225/12, EU:C:2013:725, punti 3839).

59

Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-irtirar tad-drittijiet ta’ residenza tal-persuni kkonċernati li huma jkollhom skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 6(1) u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tillimita d-dritt tagħhom għal moviment liberu meta mqabbla mad-dritt għall-moviment liberu li huma jgawdu minnu fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni u għalhekk tikkostitwixxi restrizzjoni ġdida fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ din id-deċiżjoni.

60

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’ il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jiġi invokat minn ċittadini Torok li huma intitolati għad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 6 jew fl-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

61

Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandux jiġi interpretat fis-sens li ċittadini Torok jistgħu jinvokaw l-Artikolu 13 ta’ din id-deċiżjoni sabiex jopponu li tiġi applikata għalihom “restrizzjoni ġdida” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ Stat Membru jtemmu d-dritt ta’ residenza tagħhom minħabba li huma jikkostitwixxu skont dawn l-awtoritajiet theddida reali, attwali u suffiċjentement serja għal interess fundamentali tas-soċjetà. Fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk u f’liema kundizzjonijiet tali restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 14 tal-imsemmija deċiżjoni.

62

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jidderogaw mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni li jagħtu ċertu drittijiet lill-ħaddiema Torok.

63

Fil-fatt, skont dan l-artikolu 14, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima tad-Deċiżjoni Nru 1/80 dwar l-impjieg u dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema tista’ tkun suġġetta għal limitazzjonijiet iġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà u ta’ saħħa pubblika.

64

Minn dan isegwi li miżura li tikser il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 li tadotta kull miżura interna ġdida li jidher li jkollha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju minn ċittadin Tork tal-moviment liberu tal-ħaddiema fit-territorju nazzjonali għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu applikabbli għalih fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat, tista’ tiġi ġġustifikata minn motivi ta’ ordni pubbliku msemmija fl-Artikolu 14(1) tal-imsemmija deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Udlændingenævnet, C‑379/20, EU:C:2021:660, punti 2223, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li ċittadin Tork li għandu dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti skont id-Deċiżjoni Nru 1/80 li fuqu tiġi imposta tali restrizzjoni għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jista’ jikkontestaha quddiem il-qrati nazzjonali billi jinvoka l-projbizzjoni li jiġu adottati“restrizzjonijiet ġodda” li jidhru fl-Artikolu 13 ta’ din id-deċiżjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 14 tal-imsemmija deċiżjoni. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jista’ jiġi validament invokat quddiem il-qrati tal-Istati Membri miċ-ċittadini Torok li japplikaw għalihom sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt intern li jmorru kontra tagħhom (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2009, Sahin, C‑242/06, EU:C:2009:554, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li ċittadin Tork li għandu dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti skont id-Deċiżjoni Nru 1/80 jista’ validament jinvoka l-Artikolu 14(1) ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-qrati nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali li tmur kontra din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Ziebell, C‑371/08, EU:C:2011:809, punt 51).

66

Madankollu, peress li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tikkostitwixxi deroga għal-libertà fundamentali li jikkostitwixxi l-moviment liberu tal-ħaddiema, hija għandha tinftiehem strettament u l-portata tagħha ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment mill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Ziebell, C‑371/08, EU:C:2011:809, punt 81).

67

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi f’liema kundizzjonijiet miżura ġdida li tmur kontra l-klawżola standstill bħall-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ titqies li hija ġġustifikata minn rekwiżiti ta’ ordni pubbliku. B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk it-tisħiħ tal-iskala mobbli li tipprevedi din il-miżura nazzjonali minħabba l-iżvilupp tal-perċezzjonijiet soċjali jiħux inkunsiderazzjoni biżżejjed l-interpretazzjoni restrittiva li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “ordni pubbliku” u jekk din taqax taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.

68

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li għalkemm l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeterminaw, konformement mal-bżonnijiet nazzjonali tagħhom li jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor u minn żmien għall-ieħor, ir-rekwiżiti tal-ordni pubbliku b’mod partikolari bħala ġustifikazzjoni ta’ deroga mill-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2012, I, C‑348/09, EU:C:2012:300, punt 23), l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali huwa rregolat minn diversi aspetti.

69

Għalhekk, mill-punt 66 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-rekwiżiti tal-ordni pubbliku għandhom jinftiehmu b’mod strett.

70

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li miżuri adottati mill-Istati Membri li jaqgħu taħt dawn ir-rekwiżiti u msemmija fl-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandhom ikunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tal-ordni pubbliku segwit u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Udlændingenævnet, C‑379/20, EU:C:2021:660, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ ċittadin Tork li, bħall-persuni kkonċernati, ilu jirrisjedi għal iktar minn għaxar snin fl-Istat Membru ospitanti, il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, iddeċidiet li l-kuntest ta’ referenza għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huwa l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/109. Minn dan il-kuntest ta’ referenza jirriżulta, fl-ewwel lok, li r-resident għal żmien twil ikkonċernat jista’ jitkeċċa biss jekk jirrappreżenta theddida reali u suffiċjentement serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, fit-tieni lok, li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija ma tistax tiġi ġġustifikata minn raġunijiet ekonomiċi u, fit-tielet lok, li, qabel ma jadottaw tali deċiżjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti huma obbligati jieħdu inkunsiderazzjoni t-tul tar-residenza tal-persuna kkonċernata fit-territorju ta’ dan l-Istat, l-età tagħha, il-konsegwenzi ta’ din it-tkeċċija għall-persuna kkonċernata u l-membri tal-familja tagħha kif ukoll ir-rabtiet ta’ din tal-aħħar mal-Istat ta’ residenza jew l-assenza ta’ rabtiet mal-Istat ta’ oriġini (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Ziebell, C‑371/08, EU:C:2011:809, punti 7980).

72

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-miżuri ġġustifikati għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika jistgħu jittieħdu biss jekk, wara evalwazzjoni każ b’każ mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li tosserva kemm il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll id-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, b’mod partikolari, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, jirriżulta li l-aġir individwali tal-persuna kkonċernata jirrappreżenta perikolu attwali, reali u suffiċjentement serju għall-interess fundamentali tas-soċjetà (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Ziebell, C‑371/08, EU:C:2011:809, punt 82).

73

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex tiġi ddeterminata n-natura attwali ta’ dan il-perikolu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ fatt li seħħew wara l-aħħar deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti li jistgħu jimplikaw l-għajbien jew it-tnaqqis mhux negliġibbli tat-theddida li jidher li jikkostitwixxi, għall-interess fundamentali kkonċernat, l-aġir tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Ziebell, C‑371/08, EU:C:2011:809, punt 84).

74

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, it-tisħiħ tal-iskala mobbli li tipprevedi l-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali abbażi tal-ordni pubbliku taqa’ taħt il-marġni ta’ evalwazzjoni tal-awtoritajiet Olandiżi kompetenti msemmija fl-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Barra minn hekk, ir-riferiment għall-evoluzzjoni tal-perċezzjonijiet soċjali li jwasslu għal din ir-restrizzjoni l-ġdida u l-fatt li din ir-restrizzjoni l-ġdida sservi l-għan ta’ ordni pubbliku jistgħu jikkontribwixxu għall-ġustifikazzjoni tagħha.

75

Madankollu, ir-riferiment għall-evoluzzjoni tal-fehmiet soċjali u l-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-ordni pubbliku ma kinux biżżejjed waħedhom sabiex jilleġittimaw il-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali meħuda skont l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Fil-fatt, dawn il-miżuri għandhom ukoll ikunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tal-ordni pubbliku mfittex u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju. Waqt din l-evalwazzjoni, din tal-aħħar ser ikollha tieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet mogħtija mid-Deċiżjoni Nru 1/80 u b’mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikoli 6, 7 u 13 tagħha. Barra minn hekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dawn il-miżuri jipprevedux evalwazzjoni preliminari u individwali tas-sitwazzjoni attwali tal-ħaddiem Tork ikkonċernat, li tosserva kemm il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll id-drittijiet fundamentali ta’ dan tal-aħħar kif dan huwa stabbilit fil-punti 71 sa 73 ta’ din is-sentenza.

76

F’dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tosservax dawn ir-rekwiżiti, l-elementi li ġejjin jistgħu, bla ħsara għall-verifiki li ser ikollhom isiru mill-qorti tar-rinviju, jikkostitwixxu elementi rilevanti. L-ewwel, in-nuqqas ta’ awtomatiċità bejn l-impożizzjoni ta’ piena u l-irtirar tad-dritt ta’ residenza mogħti lill-persuna kkonċernata mid-Deċiżjoni Nru 1/80 u t-tkeċċija ta’ din il-persuna mit-territorju Olandiż. It-tieni, il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti li għandhom l-intenzjoni jadottaw tali deċiżjoni ta’ rtirar għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni t-tul tar-residenza tal-persuna kkonċernata fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-età tagħha, l-istat ta’ saħħa tagħha, is-sitwazzjoni familjari u ekonomika tagħha, l-integrazzjoni soċjali u kulturali tagħha f’dan l-Istat Membru u l-intensità tar-rabtiet tagħha mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha u għandhom, fl-aħħar, jibbilanċjaw, minn naħa, is-severità tal-piena li ġiet imposta fuq il-persuna kkonċernata li qed tippenalizza l-ksur imwettaq minn din il-persuna u, min-naħa l-oħra, it-tul ta’ residenza ta’ din tal-aħħar. It-tielet, il-fatt li dawn l-awtoritajiet għandhom, sabiex jadottaw tali deċiżjoni, jieħdu inkunsiderazzjoni, mhux biss, il-fatt jekk din il-persuna wettqitx jew le b’mod ripetut reati matul diversi snin, iżda wkoll elementi oħra, bħall-fatt li l-imsemmija persuna bidlet l-aġir tagħha b’mod pożittiv wara l-kundanna tagħha, b’mod partikolari billi esprimiet rimors, billi temmiet il-konsum tagħha ta’ drogi, billi bdiet studji jew jekk, għall-kuntrarju, l-istess persuna tinnega l-fatti li għalihom hija ġiet ikkundannata jew tirrelatizzahom.

77

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi għandha tkun li l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadini Torok li, skont l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, jikkostitwixxu theddida reali, attwali u suffiċjentement serja għal interess tas-soċjetà, jistgħu jinvokaw l-Artikolu 13 ta’ din id-deċiżjoni sabiex jopponu li tiġi applikata għalihom “restrizzjoni ġdida” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni li tippermetti lil dawn l-awtoritajiet li jtemmu d-dritt ta’ residenza tagħhom għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku. Tali restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 14 tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tal-ordni pubbliku mfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

Fuq l-ispejjeż

78

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tad‑19 ta’ Settembru 1980 dwar l-Iżvilupp tal-Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jista’ jiġi invokat minn ċittadini Torok li huma intitolati għad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 6 jew fl-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni.

 

2)

L-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ċittadini Torok li, skont l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, jikkostitwixxu theddida reali, attwali u suffiċjentement serja għal interess tas-soċjetà, jistgħu jinvokaw l-Artikolu 13 ta’ din id-deċiżjoni sabiex jopponu li tiġi applikata għalihom “restrizzjoni ġdida” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni li tippermetti lil dawn l-awtoritajiet li jtemmu d-dritt ta’ residenza tagħhom għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku. Tali restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 14 tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tal-ordni pubbliku mfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

( i ) Fl-okkju u fil-punti 21, 50, 51, 52, 53, 55, 58, 67, 74 u 75 ta’ dan id-dokument saru modifiki ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.