SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Jannar 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Kuntratt għal provvista ta’ servizzi legali konkluż bejn avukat u konsumatur – Artikolu 4(2) – Evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali – Esklużjoni tal-klawżoli relattivi għall-għan prinċipali tal-kuntratt – Klawżola li tipprevedi l-ħlas ta’ onorarji tal-avukat skont il-prinċipju ta’ tariffa fis-siegħa– Artikolu 6(1) – Setgħat tal-qorti nazzjonali fil-preżenza ta’ klawżola kkwalifikata bħala ‘inġusta’”

Fil-Kawża C‑395/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema, il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Ġunju 2021, fil-proċedura

D.V.

vs

M.A.

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, L. S. Rossi, J.-C. Bonichot, S. Rodin u O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal D.V., minn A. Kakoškina, advokatė,

għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis, S. Grigonis u minn V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, U. Bartl u M. Hellmann, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Settembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1), tal-Artikolu 4(2), tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), kif emendata bid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 (ĠU 2011, L 304, p. 64) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/13”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn D.V., avukat, minn naħa u M.A, il-klijent tagħha, min-naħa l-oħra.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

4

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu,

2.   L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar [li jinftiehem].”

5

Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva:

“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ [ċar u li jinftiehem]. […]”

6

L-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

7

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

8

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat [FUE] fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.”

Id‑dritt Litwan

Il‑Kodiċi Ċivili

9

Taħt it-titolu “Klawżoli inġusti fil-kuntratti ta’ konsum”, l-Artikolu 6.2284 tal-Lietuvos Respublikos civilinio kodekso patvirtinimo, įsigaliojimo ir įgyvendinimo įstatymas Nr. VIII-1864 (il-Liġi Nru VIII-1864 dwar l-Approvazzjoni, id-Dħul fis-Seħħ u l-Implimentazzjoni tal-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja), tat‑18 ta’ Lulju 2000 (Žin., 2000, Nru 74 sa 2262), fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), tittrasponi d-Direttiva 93/13 fid-dritt nazzjonali. Skont dan l-artikolu:

“[…]

2.   Għandhom jiġu ddikjarati inġusti l-klawżoli tal-kuntratti konklużi mal-konsumaturi, li ma ġewx diskussi individwalment mill-partijiet u li permezz tagħhom ġie kkontestat il-bilanċ tad-drittijiet u tal-obbligi tal-partijiet għad-detriment tal-konsumatur minħabba l-ksur tar-rekwiżit ta’ bona fide.

[…]

6.   Kull klawżola bil-miktub ta’ kuntratt konkluż mal-konsumatur għandha tkun ifformulata b’mod ċar u li jinftiehem. Il-klawżoli kuntrarji għal dan ir-rekwiżit huma kkunsidrati inġusti.

7.   Il-klawżoli li jiddeskrivu s-suġġett tal-kuntratt konkluż mal-konsumatur, kif ukoll dawk marbuta mal-konformità ta’ oġġett mibjugħ jew ta’ servizz ipprovdut u l-prezz tiegħu, ma għandhomx jiġu evalwati fid-dawl tan-natura inġusta, sakemm dawn il-klawżoli jkunu fformulati b’mod ċar u li jinftiehem.

8.   Meta l-qorti tiddikjara klawżola (klawżoli) kuntrattwali inġusta (inġusti), din il-klawżola (dawn il-klawżoli) hija nulla sa mill-konklużjoni tal-kuntratt, iżda l-klawżoli li jifdal tal-kuntratt jibqgħu obbligatorji għall-partijiet, jekk ikun possibbli li titkompla l-eżekuzzjoni tal-kuntratt wara l-annullament tal-klawżoli inġusti.”

Il-Liġi Nru IX-2066 dwar il-Professjoni ta’ Avukat

10

L-Artikolu 50 tal-Lietuvos Respublikos advokatūros įstatymas Nr. IX-2066 (il-Liġi Nru IX-2066 dwar il-Professjoni ta’ Avukat), tat‑18 ta’ Marzu 2004 (Žin., 2004, Nru 50–1632), intitolat “Remunerazzjoni tas-servizzi legali pprovduti minn avukat”, jipprevedi:

“1.   Il-klijenti jħallsu lill-avukat l-onorarji miftiehma permezz ta’ kuntratt skont is-servizzi legali pprovduti skont il-kuntratt.

[…]

3.   Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ onorarji dovut lil avukat għas-servizzi legali għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad ta’ kumplessità tal-kawża, il-kwalifiki u l-esperjenza professjonali tal-avukat, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-klijent kif ukoll iċ-ċirkustanzi rilevanti l-oħra.”

Id-Digriet tat‑2 ta’ April 2004

11

Il-Lietuvos Respublikos teisingumo ministro įsakymas Nr. 1 R-85 “Dėl Rekomendacijų dėse bylose priteistino užmokesčio už advokato ar advokato ar kato padėjo teikiamą teisinPI (paslaugas) maksimalaus dydžio patvirtinimo” (id-Digriet tal-Ministru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja Nru 1R-85 dwar l-Approvazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Ammont Massimu ta’ Drittijiet li Għandhom Jitħallsu f’Kawżi Ċivili għal Assistenza Legali - Provvista ta’ Servizzi - ta’ Avukat jew ta’ Avukat Staġista), tat‑2 ta’ April 2004 (Žin., 2004, Nru 54-1845), fil-verżjoni applikabbli mill‑20 ta’ Marzu 2015, (iktar ’il quddiem id-“Digriet tat‑2 ta’ April 2004”), għamel rakkomandazzjonijiet dwar l-ammont massimu għall-provvista ta’ servizzi legali pprovduti minn avukat jew avukat staġista f’kawżi ċivili. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew approvati mill-Ordni tal-Avukati Litwani, fis‑26 ta’ Marzu 2004, u jikkostitwixxu l-bażi li tippermetti l-applikazzjoni tar-regoli tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili li tirregola l-iffissar tal-ispejjeż.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

12

M.A., bħala konsumatur, ikkonkluda, matul il-perijodu bejn il‑11 ta’ April u d‑29 ta’ Awwissu 2018, ħames kuntratti għall-provvista ta’ servizzi legali bi ħlas ma’ D.V., fil-kwalità tagħha ta’ avukat, jiġifieri, fil‑11 ta’ April 2018, żewġ kuntratti f’kawżi ċivili li jirrigwardaw, rispettivament, il-komunjoni ta’ beni kif ukoll ir-residenza ta’ ulied minuri, il-modalitajiet ta’ komunikazzjoni u l-iffissar ta’ pensjoni tal-manteniment, fit‑12 ta’ April u fit‑8 ta’ Mejju 2018, żewġ kuntratti li jirrigwardaw ir-rappreżentanza ta’ M.A. quddiem il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Prosekutur Pubbliku tad-Distrett ta’ Kaunas (il-Litwanja) u, fid‑29 ta’ Awwissu 2018, kuntratt għad-difiża tal-interessi ta’ M.A. fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ divorzju.

13

Skont l-Artikolu 1 ta’ kull wieħed minn dawn il-kuntratti, l-avukat impenjat ruħha li tipprovdi pariri legali oralment u/jew bil-miktub, tipprepara abbozzi ta’ dokumenti legali, twettaq studji legali tad-dokumenti u li tirrappreżenta lill-klijent quddiem diversi entitajiet, filwaqt li twettaq l-azzjonijiet relatati magħhom.

14

F’kull wieħed mill-imsemmija kuntratti, l-onorarji kienu ffissati għal ammont ta’ EUR 100 “għal kull siegħa ta’ konsultazzjoni jew provvista ta’ servizzi legali pprovduta lill-klijent” (iktar ’il quddiem il-“klawżola dwar il-prezz”). Il-kuntratti kienu jistipulaw li “parti mill-onorarji indikati […] kellha titħallas sussegwentement, fuq preżentazzjoni mill-avukat ta’ fattura ta’ servizzi legali, fid-dawl tal-ħinijiet ta’ konsultazzjonijiet jew ta’ provvista ta’ servizzi legali mwettqa” (iktar ’il quddiem il-“klawżola dwar il-modalitajiet ta’ ħlas”).

15

Barra minn hekk, M.A. ħallas onorarji bil-quddiem għal ammont totali ta’ EUR 5600.

16

D.V. ipprovdiet servizzi legali bejn ix-xahar ta’ April u x-xahar ta’ Diċembru 2018 kif ukoll mix-xahar ta’ Jannar sax-xahar ta’ Marzu 2019 u ħarġet fatturi għas-servizzi kollha pprovduti fil‑21 u fis‑26 ta’ Marzu 2019.

17

Peress li ma rċevietx l-onorarji kollha mitluba, D.V., fl‑10 ta’ April 2019, adixxiet lill-Kauno apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali ta’ Kaunas, il-Litwanja) b’rikors intiż sabiex tikkundanna lil M.A. għall-ħlas ta’ ammont ta’ EUR 9900 għal servizzi legali mwettqa u fl-ammont ta’ EUR 194.30 għall-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti, flimkien mal-interessi annwali li jammontaw għal 5 % tas-somom dovuti, ikkalkolati mid-data tal-preżentata tar-rikors u sal-eżekuzzjoni tas-sentenza.

18

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Marzu 2020, din il-qorti laqgħet parzjalment it-talba ta’ D.V. Hija kkunsidrat li, skont il-kuntratti konklużi, kienu ġew ipprovduti servizzi legali għal ammont totali ta’ EUR 12900. Madankollu, hija ddeċidiet li l-klawżoli dwar il-prezz tal-ħames kuntratti kollha kienu inġusti u naqqset bi nofs l-onorarji mitluba, u stabbilixxiethom għal EUR 6450. Għaldaqstant, il-Kauno apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali ta’ Kaunas,) ikkundannat lil M.A. għall-ħlas ta’ ammont ta’ EUR 1044,33, billi ħadet inkunsiderazzjoni s-somma li kienet diġà tħallset, flimkien mal-interessi annwali bir-rata ta’ 5 %, ikkalkolati sa mill-preżentata tar-rikors u sal-eżekuzzjoni tas-sentenza, u fl-ammont ta’ EUR 12 bħala spejjeż. D.V. ġie kkundannat iħallas lil M.A. EUR 360 bħala spejjeż.

19

L-appell ippreżentat minn D.V., fit‑30 ta’ April 2020, minn din id-deċiżjoni ġie miċħud, permezz ta’ digriet tal‑15 ta’ Ġunju 2020 tal-Kauno apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Kaunas, il-Litwanja).

20

Fl‑10 ta’ Settembru 2020, D.V. ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), il-qorti tar-rinviju.

21

Din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, dwar żewġ kwistjonijiet li jikkonċernaw, l-ewwel waħda, ir-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli li jirrigwardaw is-suġġett prinċipali tal-kuntratti għall-provvista ta’ servizzi legali u, it-tieni waħda, l-effetti tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tiffissa l-prezz ta’ dawn is-servizzi.

22

Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-problemi, l-imsemmija qorti teżamina, minn naħa, il-kwistjoni dwar jekk klawżola ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi legali, li ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali u li tirrigwarda l-prezz ta’ dawn is-servizzi u l-modalitajiet ta’ kalkolu tagħha, bħall-klawżola dwar il-prezz, taqax taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13.

23

Billi tqis li dan huwa l-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, min-naħa l-oħra, dwar ir-rekwiżit ta’ trasparenza li klawżola dwar is-suġġett prinċipali tal-kuntratt għandha tissodisfa sabiex tevita l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħha. F’dan ir-rigward, din il-qorti ssostni li, għalkemm il-klawżola dwar il-prezz hija fformulata b’mod ċar minn perspettiva grammatikali, huwa permess li jiġi ddubitat li hija tinftiehem, peress li l-konsumatur medju ma huwiex f’pożizzjoni li jifhem il-konsegwenzi ekonomiċi tagħha, anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-klawżoli l-oħra tal-kuntratti kkonċernati, jiġifieri l-klawżola dwar il-modalitajiet ta’ ħlas, li la tipprevedi l-preżentazzjoni mill-avukat ta’ rapporti dwar is-servizzi pprovduti, u lanqas il-perijodiċità tal-ħlas tagħhom.

24

Issa, l-imsemmija qorti tfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-informazzjoni, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi ta’ din il-konklużjoni hija, għal konsumatur, ta’ importanza fundamentali, għaliex huwa, b’mod partikolari, abbażi ta’ din l-informazzjoni li dan tal-aħħar jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat bil-kundizzjonijiet redatti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb, C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 44).

25

Filwaqt li taċċetta n-natura speċifika tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u d-diffikultà li jiġi previst in-numru ta’ sigħat neċessarji sabiex jiġu pprovduti servizzi legali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex raġonevoli li wieħed jeżiġi li bejjiegħ jew fornitur isemmi prezz indikattiv għal dawn is-servizzi u jekk din l-informazzjoni għandhiex tkun inkluża f’tali kuntratti. Hija tistaqsi wkoll jekk l-assenza ta’ informazzjoni prekuntrattwali setgħetx tiġi kkumpensata matul l-eżekuzzjoni tal-imsemmija kuntratti u jekk il-fatt li l-prezz isir ċert biss wara r-rappreżentanza assigurata mill-avukat f’kawża partikolari jistax jikkostitwixxi element utli f’din l-analiżi.

26

Fir-rigward tat-tieni waħda minn dawn il-problemi, din il-qorti tippreċiża li l-Artikolu 4(6) tal-Kodiċi Ċivili jiżgura protezzjoni ogħla minn dik iggarantita mid-Direttiva 93/13, sa fejn l-assenza ta’ trasparenza ta’ klawżola kuntrattwali hija suffiċjenti sabiex tiġi ddikjarata inġusta, mingħajr ma għandu jsir l-eżami tagħha fid-dawl tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. L-imsemmija qorti tistaqsi, għalhekk, dwar l-effetti li d-dritt tal-Unjoni Ewropea jorbot mal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola.

27

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssostni li l-invalidazzjoni tal-klawżola dwar il-prezz għandha twassal għan-nullità tal-kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi legali u għall-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni li kien jinsab fiha l-konsumatur li kieku dawn il-klawżoli qatt ma eżistew. Issa, f’dan il-każ, dan iwassal għal arrikkiment indebitu tal-konsumatur u għal sitwazzjoni inġusta fir-rigward tal-bejjiegħ jew fornitur li pprovda b’mod sħiħ dawn is-servizzi. Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi jekk eventwali tnaqqis tat-tariffa tal-imsemmija servizzi jippreġudikax l-effett dissważiv imfittex mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “[l]-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt” tinkludi klawżola ta’ kuntratt ta’ servizzi ġuridiċi konkluż bejn professjonist (avukat) u konsumatur dwar il-prezz u dwar il-modalitajiet ta’ kalkolu li ma ġietx innegozjata b’mod separat?

2)

In-natura ċara u li tinftiehem tal-klawżoli tal-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandha tinftiehem fis-sens li huwa biżżejjed li fil-klawżola kuntrattwali dwar il-prezz (li tiffissa l-prezz tas-servizzi effettivament ipprovduti abbażi tal-prinċipju ta’ rata fis-siegħa) tiġi indikata t-tariffa fis-siegħa tal-onorarji li għandhom jitħallsu lill-avukat?

3)

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun fin-negattiv: ir-rekwiżit ta’ trasparenza għandu jiġi interpretat bħala li jinkludi l-obbligu għall-avukat li jindika t-tarifikazzjoni tas-servizzi fil-kuntratt li l-prezzijiet effettivi tagħhom jistgħu jiġu ddefiniti b’mod ċar u indikati bil-quddiem, jew għandhom ukoll jiġu indikati l-prezzijiet indikattivi tas-servizzi (baġit minn qabel għas-servizzi ġuridiċi pprovduti) jekk ikun impossibbli li wieħed jipprevedi n-numru effettiv ta’ atti (it-tul) u t-tarifikazzjoni tagħhom mal-konlużjoni tal-kuntratt kif ukoll li jiġu indikati r-riskji eventwali li jwasslu għal żieda jew tnaqqis fil-prezz? Sabiex tiġi evalwata l-osservanza tar-rekwiżit ta’ trasparenza permezz ta’ klawżola kuntrattwali dwar il-prezz, huwa meħtieġ li l-informazzjoni marbuta mal-prezz tas-servizzi ġuridiċi u dwar il-modalitajiet ta’ kalkolu tagħhom ikunu kkomunikati lill-konsumatur permezz tal-mezzi xierqa kollha jew li jiġu previsti fil-kuntratt ta’ servizzi ġuridiċi nnifsu? L-assenza ta’ informazzjoni fil-kuntest tar-relazzjonijiet prekuntrattwali jista’ jsir tajjeb għaliha billi l-informazzjoni kuntrattwali tiġi pprovduta matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt? Il-fatt li l-prezz definittiv tas-servizzi pprovduti jsir ċar biss wara l-provvista tas-servizzi ġuridiċi għandu effett fuq l-evalwazzjoni tal-osservanza tar-rekwiżit ta’ trasparenza permezz ta’ klawżola kuntrattwali? Il-fatt li l-kuntratt ma jipprevedix il-komunikazzjoni perjodika, mill-avukat, ta’ rapporti dwar is-servizzi pprovduti jew il-preżentazzjoni perjodika ta’ fatturi lill-konsumatur, li jkunu jippremettu lil dan tal-aħħar sabiex jiddeċiedi fil-ħin dwar rifjut tas-servizzi ġuridiċi jew dwar bidla fil-prezz tal-kuntratt, għandu importanza fl-evalwazzjoni tal-osservanza tar-rekwiżit ta’ trasparenza permezz ta’ klawżola kuntrattwali dwar il-prezz?

4)

Li kieku qorti nazzjonali kellha tiddeċiedi li klawżola ta’ kuntratt li tiffissa l-prezz tas-servizzi effettivament ipprovduti fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ rata fis-siegħa ma hijiex redatta b’mod ċar u li jinftiehem kif jirrikjedi l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, din għandha teżamina jekk dik il-klawżola hijiex inġusta fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess direttiva (jiġifieri li, waqt l-eżami tan-natura inġusta eventwali ta’ klawżola kuntrattwali, għandu jiġi kkonstatat li hemm “żbilanċ sinjifikattiv” fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt għad-detriment tal-konsumatur minħabba dik il-klawżola), jew is-sempliċi assenza ta’ trasparenza tal-klawżola dwar il-prezz hija madankollu suffiċjenti sabiex dik il-klawżola tiġi ddikjarata inġusta, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li dik il-klawżola tinkludi informazzjoni essenzjali skont il-kuntratt?

5)

Il-fatt li kuntratt ta’ servizzi ġuridiċi ma jkunx vinkolanti meta klawżola kuntrattwali dwar il-prezz tkun ġiet iddikjarata inġusta, kif jipprevedi l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, jimplika li għandha tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li l-konsumatur kien ikun fiha li kieku l-klawżola li ġiet iddikjarata inġusta qatt ma kienet eżistiet? L-istabbiliment mill-ġdid ta’ din is-sitwazzjoni jkun ifisser li l-konsumatur ma għandux l-obbligu li jħallas għas-servizzi diġà pprovduti?

6)

Jekk in-natura tal-kuntratt ta’ servizzi renumerati ikollha l-konsegwenza li jkun impossibbli li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kien ikun fiha l-konsumatur li kieku l-klawżola li ġiet iddikjarata inġusta qatt ma kienet eżistiet (filwaqt li s-servizzi diġà jkunu ġew ipprovduti), l-istabbiliment tar-remunerazzjoni tal-avukat għas-servizzi pprovduti ma jkunx imur kontra l-għan tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13? Jekk ir-risposta għal din id-domanda tkun fin-negattiv, il-bilanċ effettiv, li permezz tiegħu tiġi żgurata l-ugwaljanza tal-partijiet fil-kuntratt, jiġi ppreġudikat: 1) kieku l-avukat kien jitħallas għas-servizzi pprovduti skont rata fis-siegħa prevista mill-kuntratt; ii) kieku l-avukat kien [imħallas] skont tariffa minima għas-servizzi ġuridiċi (pereżempju dik prevista minn att legali nazzjonali jew mir-rakkomandazzjonijiet dwar l-ammont massimu tar-remunerazzjoni għall-assistenza pprovduta mill-avukat); jew iii) kieku livell ta’ remunerazzjoni raġonevoli għas-servizzi, stabbilit mill-qorti, kellu jitħallas lill-avukat b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kumplessità tal-kawża, tal-kwalifiki u tal-esperjenza tal-avukat, tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-klijent u taċ-ċirkustanzi importanti l-oħra?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

29

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-“kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, klawżola ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi legali konkluż bejn avukat u konsumatur, li ma ġietx innegozjata individwalment, li tiffissa l-prezz tas-servizzi pprovduti skont il-prinċipju tat-tariffa fis-siegħa.

30

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi eċċezzjoni għall-mekkaniżmu ta’ stħarriġ fil-mertu tal-klawżoli inġusti kif previst fil-kuntest tas-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi implimentat minn din id-direttiva, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett. Barra minn hekk, it-termini “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt”, li jinsabu fl-imsemmija dispożizzjoni, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tingħata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C-186/16, EU:C:2017:703, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

Fir-rigward tal-kategorija tal-klawżoli kuntrattwali li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn il-klawżoli għandhom jinftehemu bħala dawk li jistabbilixxu l-prestazzjonijiet essenzjali ta’ dan il-kuntratt u li, bħala tali, jikkaratterizzawh. Min-naħa l-oħra, il-klawżoli li għandhom natura aċċessorja meta mqabbla ma’ dawk li jiddefinixxu l-essenza stess tar-relazzjoni kuntrattwali ma jistgħux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt” (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C-186/16, EU:C:2017:703, punti 3536, kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2022, Vicente (Azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji tal-avukat), C‑335/21, EU:C:2022:720, punt 78).

32

F’dan il-każ, il-klawżola dwar il-prezz tirrigwarda r-remunerazzjoni tas-servizzi legali, stabbilita skont tariffa fis-siegħa. Tali klawżola, li tiddetermina l-obbligu tal-mandant li jħallas l-onorarji tal-avukat u tindika t-tariffa tagħhom, tagħmel parti mill-klawżoli li jiddefinixxu l-essenza stess tar-relazzjoni kuntrattwali, peress li din ir-relazzjoni hija preċiżament ikkaratterizzata mill-provvista remunerata ta’ servizzi legali. Hija taqa’, konsegwentement, taħt il-“kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13. L-evalwazzjoni tagħha tista’, barra minn hekk, tikkonċerna “[…] s-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

33

Din l-interpretazzjoni tgħodd indipendentement mill-fatt, imsemmi mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda preliminari tagħha, li l-imsemmija klawżola ma ġietx innegozjata separatament. Fil-fatt, meta klawżola kuntrattwali tkun tagħmel parti minn dawk li jiddefinixxu l-essenza stess tar-relazzjoni kuntrattwali, dan japplika wkoll fil-każ fejn din il-klawżola tkun ġiet innegozjata individwalment kif ukoll fil-każ fejn tali negozjar ma seħħx.

34

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt din id-dispożizzjoni, klawżola ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi legali konkluż bejn avukat u konsumatur li tiffissa l-prezz tas-servizzi pprovduti skont il-prinċipju tat-tariffa fis-siegħa.

Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda preliminari

35

Permezz tat-tieni u t-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jissodisfa r-rekwiżit ta’ tfassil ċar u li jinftiehem, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, klawżola ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi legali konkluż bejn avukat u konsumatur li jiffissa l-prezz ta’ dawn is-servizzi skont il-prinċipju tat-tariffa fis-siegħa, mingħajr ma jinkludi preċiżazzjonijiet jew informazzjoni oħra minbarra r-rata fis-siegħa applikata. Fil-każ ta’ risposta negattiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema hija l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata lill-konsumatur fis-sitwazzjoni fejn ikun impossibbli li jiġi previst in-numru effettiv ta’ sigħat neċessarji sabiex jiġu pprovduti s-servizzi li huma s-suġġett ta’ dan il-kuntratt u jekk l-assenza ta’ tali informazzjoni fil-kuntest tar-relazzjoni prekuntrattwali tistax tiġi kkumpensata matul l-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt.

36

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-portata tar-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali, sa fejn dan jirriżulta mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li dan ir-rekwiżit, li jissemma wkoll fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, ma jistax jiġi ridott biss għan-natura komprensibbli fuq il-livelli formali u grammatikali ta’ dawn il-klawżoli, iżda li għall-kuntrarju, billi s-sistema ta’ protezzjoni implimentata mill-imsemmija direttiva tibbaża ruħha fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel man-negozjant f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-livell ta’ informazzjoni, dan ir-rekwiżit ta’ redazzjoni ċara u li tinftiehem tal-klawżoli kuntrattwali u, għaldaqstant, ta’ trasparenza impost mill-istess direttiva għandu jinftiehem b’mod estensiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punti 4650 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

Ir-rekwiżit li klawżola kuntrattwali għandha tkun redatta b’mod ċar u li jinftiehem għandu b’hekk jinftiehem bħala li jeżiġi li l-kuntratt jesponi b’mod trasparenti l-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu li għalih tagħmel riferiment il-klawżola kkonċernata kif ukoll, fejn applikabbli, ir-relazzjoni bejn dan il-mekkaniżmu u dak stabbilit minn klawżoli oħra, b’mod li dan il-konsumatur jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li ser jirriżultaw fuqu minn dan il-kuntratt (sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 45 kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank et Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

Konsegwentement, l-eżami tal-punt dwar jekk klawżola bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex “(ċara u li tinftiehem)”, fis-sens tad-Direttiva 93/13, għandha ssir mill-qorti nazzjonali fid-dawl tal-punti ta’ fatt rilevanti kollha. B’mod iktar partikolari, hija din il-qorti li għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li fihom ġie konkluż il-kuntratt, jekk ġewx ikkomunikati lill-konsumatur l-elementi kollha li jista’ jkollhom effett fuq il-portata tal-impenn tiegħu, li jippermettulu jevalwa l-konsegwenzi finanzjarji tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-mument li fih dawn l-elementi għandhom jinġiebu għall-attenzjoni tal-konsumatur, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għoti, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, tal-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi ta’ din il-konklużjoni hija, għal konsumatur, ta’ importanza fundamentali. Huwa, b’mod partikolari, abbażi ta’ din l-informazzjoni li dan tal-aħħar jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat bil-kundizzjonijiet redatti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ibercaja Banco, C‑452/18, EU:C:2020:536, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, kif tippreċiża l-qorti tar-rinviju, il-klawżola dwar il-prezz sempliċement tindika li l-onorarji li għandhom jinġabru mill-bejjiegħ jew fornitur jammontaw għal EUR 100 għal kull siegħa ta’ servizzi legali pprovduti. Tali mekkaniżmu ta’ ffissar tal-prezz ma jippermettix, fl-assenza ta’ kull informazzjoni oħra pprovduta mill-bejjiegħ jew il-fornitur, lil konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, li jevalwa l-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw minn din il-klawżola, jiġifieri l-ammont totali li għandu jitħallas għal dawn is-servizzi.

41

Ċertament, fid-dawl tan-natura tas-servizzi li huma s-suġġett ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi legali, ħafna drabi huwa diffiċli, jekk mhux impossibbli, għall-bejjiegħ jew fornitur li jipprevedi, sa mill-konklużjoni tal-kuntratt, in-numru eżatt ta’ sigħat neċessarji sabiex jipprovdi tali servizzi u, konsegwentement, l-ispiża totali effettiva tagħhom.

42

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-osservanza minn bejjiegħ jew fornitur tar-rekwiżit ta’ trasparenza, imsemmi fl-Artikolu 4(2) u fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-elementi li dan il-bejjiegħ jew fornitur kellu għad-dispożizzjoni tiegħu fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt li huwa kkonkluda mal-konsumatur (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020Ibercaja Banco, C‑452/18, EU:C:2020:536, punt 49).

43

Madankollu, għalkemm ma jistax jiġi mistenni minn bejjiegħ jew fornitur li jinforma lill-konsumatur dwar il-konsegwenzi finanzjarji finali tal-impenn tiegħu, li jiddependu fuq avvenimenti futuri, imprevedibbli u indipendenti mir-rieda ta’ dan il-bejjiegħ jew fornitur, xorta jibqa’ l-fatt li l-informazzjoni li huwa għandu jikkomunika qabel il-konklużjoni tal-kuntratt għandha tippermetti lill-konsumatur jieħu d-deċiżjoni tiegħu bi prudenza u b’għarfien sħiħ, minn naħa, tal-possibbiltà li tali avveniment iseħħ u, min-naħa l-oħra, tal-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw fir-rigward it-tul ta’ żmien tal-provvista tas-servizzi legali kkonċernati.

44

Din l-informazzjoni, li tista’ tvarja skont, minn naħa, l-għan u n-natura tas-servizzi previsti fil-kuntratt ta’ servizzi legali u, min-naħa l-oħra, ir-regoli professjonali u deontoloġiċi applikabbli, għandhom jinkludu indikazzjonijiet li jippermettu lill-konsumatur jevalwa l-ispiża totali approssimattiva ta’ dawn is-servizzi. Dawn l-indikazzjonijiet jistgħu jkunu stima tan-numru prevedibbli jew minimu ta’ sigħat neċessarji sabiex jiġi pprovdut ċertu servizz jew impenn li jintbagħtu, f’intervalli raġonevoli, fatturi jew rapporti perijodiċi li jindikaw in-numru ta’ sigħat ta’ xogħol imwettqa. Hija l-qorti nazzjonali, kif tfakkar fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, li għandha tevalwa, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha madwar il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, jekk l-informazzjoni kkomunikata mill-bejjiegħ jew fornitur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ippermettietx lill-konsumatur jieħu d-deċiżjoni tiegħu b’kawtela u bi prudenza bil-konsegwenzi finanzjarji kollha li wasslet għall-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt.

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jissodisfax ir-rekwiżit ta’ tfassil ċar u li jinftiehem, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, klawżola ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi legali konkluż bejn avukat u konsumatur li tiffissa l-prezz ta’ dawn is-servizzi skont il-prinċipju tat-tariffa fis-siegħa mingħajr ma tiġi kkomunikata lill-konsumatur, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, informazzjoni li tippermettilu jieħu d-deċiżjoni tiegħu b’prudenza u b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw mill-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt.

Fuq ir‑raba’ domanda

46

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li klawżola ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi legali konkluż bejn avukat u konsumatur, li tistabbilixxi, skont il-prinċipju tat-tariffa fis-siegħa, il-prezz ta’ dawn is-servizzi u li għalhekk taqa’ taħt l-għan prinċipali ta’ dan il-kuntratt, għandha titqies li hija inġusta minħabba s-sempliċi fatt li hija ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ trasparenza previst fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva.

47

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, li n-natura trasparenti ta’ klawżola kuntrattwali tikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola li għandha ssir mill-qorti nazzjonali skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, hija l-imsemmija qorti li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, l-ewwel, il-possibbli nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ bona fide u, it-tieni, l-eżistenza ta’ eventwali żbilanċ sinjifikattiv għad-detriment tal-konsumatur, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, ir-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali għandu l-istess portata skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 u skont l-Artikolu 5 tagħha (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 69). Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġu ttrattati b’mod differenti l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ trasparenza ta’ klawżola kuntrattwali skont jekk din tikkonċernax is-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew aspett ieħor tiegħu.

49

Għalkemm mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 47 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur hija bbażata, bħala prinċipju, fuq evalwazzjoni globali li ma tiħux biss inkunsiderazzjoni l-eventwali nuqqas ta’ trasparenza ta’ din il-klawżola, għandu jiġi rrilevat li l-Istati Membri jistgħu jiżguraw, konformement mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, livell ta’ protezzjoni ogħla għall-konsumaturi.

50

F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Litwan, ir-Repubblika tal-Litwanja għażlet li tiżgura livell ta’ protezzjoni ogħla, sa fejn l-Artikolu 4(6) tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi li l-klawżoli li jmorru kontra r-rekwiżit ta’ trasparenza għandhom jitqiesu li huma inġusti.

51

Sa fejn l-Istati Membri jibqgħu liberi li jipprevedu, fid-dritt intern tagħhom, tali livell ta’ protezzjoni, id-Direttiva 93/13, mingħajr ma teżiġi li n-nuqqas ta’ trasparenza ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur twassal b’mod awtomatiku għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta tagħha, ma tipprekludix li tali konsegwenza tirriżulta mid-dritt nazzjonali.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola ta’ kuntratt għal provvista ta’ servizzi legali konkluż bejn avukat u konsumatur, li tistabbilixxi, skont il-prinċipju tat-tariffa fis-siegħa, il-prezz ta’ dawn is-servizzi u li għalhekk taqa’ taħt l-għan prinċipali ta’ dan il-kuntratt, ma għandhiex titqies li hija inġusta minħabba s-sempliċi fatt li hija ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ trasparenza previst fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, sakemm l-Istat Membru li d-dritt nazzjonali tiegħu japplika għall-kuntratt inkwistjoni ma jkunx, skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, ippreveda espressament li l-klassifikazzjoni bħala klawżola inġusta tirriżulta unikament minn dan il-fatt.

Fuq il‑ħames u s‑sitt domanda

53

Permezz tal-ħames u tas-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi legali konkluż bejn avukat u konsumatur ma jistax jibqa’ jeżisti wara t-tneħħija ta’ klawżola ddikjarata inġusta li tiffissa l-prezz tas-servizzi skont il-prinċipju tat-tariffa fis-siegħa u li dawn is-servizzi jkunu ġew ipprovduti, huma jipprekludu lill-qorti nazzjonali li tiddeċiedi li tirrestawra s-sitwazzjoni li fiha l-konsumatur kien isib ruħu fin-nuqqas ta’ din il-klawżola, anki jekk dan iwassal biex il-bejjiegħ jew fornitur ma jirċievi ebda remunerazzjoni għas-servizzi tiegħu, jew jissostitwixxi għall-imsemmija klawżola dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali relatata mat-tariffa massima ta’ remunerazzjoni għall-assistenza pprovduta mill-avukat jew l-evalwazzjoni tiegħu stess fuq livell ta’ remunerazzjoni li huwa jqis raġonevoli għal dawn is-servizzi.

54

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt għandha tippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li kienet tkun dik tal-konsumatur fl-assenza ta’ din il-klawżola inġusta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Sziber, C‑483/16, EU:C:2018:367, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, hija l-qorti nazzjonali li għandha teskludi l-applikazzjoni ta’ klawżoli inġusti, sabiex dawn ma jipproduċux effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, sakemm il-konsumatur ma jopponix dan. Madankollu, il-kuntratt għandu jibqa’ japplika, bħala prinċipju, mingħajr ebda bidla oħra ħlief dik li tirriżulta mit-tneħħija tal-klawżoli inġusti, sa fejn, skont ir-regoli tad-dritt intern, tali tkomplija tal-kuntratt tkun legalment possibbli (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Banca B., C-269/19, EU:C:2020:954, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Meta kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur ma jistax jibqa’ jeżisti wara t-tneħħija ta’ klawżola inġusta, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludix li l-qorti nazzjonali, b’applikazzjoni tal-prinċipji tad-dritt tal-kuntratti, tannulla l-klawżola inġusta billi tissostitwixxiha b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali intiża li tapplika f’assenza ta’ klawżola speċifika f’sitwazzjonijiet li fihom l-invalidazzjoni tal-klawżola inġusta tobbliga lill-qorti tannulla l-kuntratt kollu kemm hu, u b’hekk tesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi, b’tali mod li dan tal-aħħar jiġi ppenalizzat (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Banca B., C‑269/19, EU:C:2020:954, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-konstatazzjoni eventwali tan-natura inġusta tal-klawżola fir-rigward tal-prezz. Din il-qorti tqis, minn naħa, li l-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jibqgħu fis-seħħ fl-assenza ta’ din il-klawżola u, min-naħa l-oħra, li s-sitwazzjoni li kien jinsab fiha l-konsumatur fl-assenza tal-imsemmija klawżola ma tistax tiġi stabbilita mill-ġdid, peress li dan ibbenefika mis-servizzi legali previsti f’dawn il-kuntratti.

58

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 54 sa 56 ta’ din is-sentenza, il-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola dwar il-premju twassal għall-obbligu tal-qorti nazzjonali li ma tapplikax, ħlief jekk il-konsumatur jopponi dan. L-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni li kien jinsab fiha l-konsumatur fl-assenza ta’ din il-klawżola huwa rifless fil-prinċipju, inkluż fil-każ fejn is-servizzi ġew ipprovduti, permezz tal-eżenzjoni tiegħu mill-obbligu li jħallas l-onorarji stabbiliti abbażi tal-imsemmija klawżola.

59

Għaldaqstant, fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tqis li, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern, il-kuntratti ma jistgħux jibqgħu fis-seħħ wara t-tneħħija tal-klawżola dwar il-prezz, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludix l-invalidazzjoni tagħhom, anki jekk dan iwassal sabiex il-bejjiegħ jew fornitur ma jirċievi ebda remunerazzjoni għas-servizzi tiegħu.

60

Huwa biss fil-każ fejn l-invalidazzjoni tal-kuntratti fl-intier tagħhom tesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi, b’tali mod li dan tal-aħħar ikun ippenalizzat, li l-qorti tar-rinviju jkollha l-possibbiltà eċċezzjonali li tissostitwixxi klawżola inġusta annullata b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari jew applikabbli fil-każ ta’ ftehim tal-partijiet għall-kuntratt inkwistjoni.

61

Fir-rigward tal-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw għall-konsumatur bl-annullament tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li, fir-rigward ta’ kuntratt ta’ self, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-annullament kollu kemm hu jirrendi bħala prinċipju immedjatament eżegwibbli l-ammont tas-self dovut fi proporzjonijiet li jirriskjaw li jaqbżu l-kapaċitajiet finanzjarji tal-konsumatur u jista’ jwassal għal konsegwenzi partikolarment dannużi għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, in-natura partikolarment dannuża tal-annullament ta’ kuntratt ma tistax tiġi ridotta biss għall-konsegwenzi ta’ natura purament pekunjarja.

62

Fil-fatt, kif isostni l-Avukat Ġenerali fil-punti 74 u 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma huwiex eskluż li l-annullament ta’ kuntratt li jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi legali li diġà ġew ipprovduti jista’ jqiegħed lill-konsumatur f’sitwazzjoni ta’ inċertezza legali, b’mod partikolari fl-ipoteżi fejn id-dritt nazzjonali jippermetti lill-bejjiegħ jew fornitur li jitlob remunerazzjoni għal dawn is-servizzi fuq bażi differenti minn dik tal-kuntratt annullat. Barra minn hekk, anki skont id-dritt nazzjonali applikabbli, l-invalidità tal-kuntratt tista’ eventwalment ikollha effett fuq il-validità u l-effikaċja tal-atti mwettqa bis-saħħa tiegħu.

63

Konsegwentement, jekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-annullament tal-kuntratti inkwistjoni fl-intier tagħhom iwassal għal konsegwenzi partikolarment dannużi għall-konsumatur, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludix li din il-qorti tissostitwixxi l-klawżola dwar il-prezz b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari jew applikabbli fil-każ ta’ ftehim tal-partijiet għall-imsemmija kuntratti. Madankollu, huwa importanti li tali dispożizzjoni tkun intiża sabiex tapplika speċifikament għall-kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur u ma għandhiex portata tant ġenerali li l-applikazzjoni tagħha twassal sabiex tippermetti, essenzjalment, lill-qorti nazzjonali li tistabbilixxi abbażi tal-istima tagħha r-remunerazzjoni dovuta għas-servizzi pprovduti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, D.B.P. et (Kreditu ipotekarju denominat f’munita barranija), C‑80/21 sa C‑82/21, EU:C:2022:646, punti 7677 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64

Sakemm id-deċiżjoni tat‑2 ta’ April 2004, imsemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, tinkludi tali dispożizzjoni, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, din id-deċiżjoni tista’ tintuża sabiex tissostitwixxi l-klawżola dwar il-prezz b’remunerazzjoni ffissata mill-qorti.

65

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju ma tistax tikkompleta l-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali permezz tal-istima tagħha stess dwar il-livell ta’ remunerazzjoni li hija tqis raġonevoli għas-servizzi pprovduti.

66

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-qorti nazzjonali tikkonstata n-nullità ta’ klawżola inġusta f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur min-naħa u konsumatur min-naħa l-oħra, din il-qorti ma tistax tikkompleta l-kuntratt billi tirrevedi l-kontenut ta’ din il-klawżola (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Banca B., C‑269/19, EU:C:2020:954, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, kieku l-qorti nazzjonali tkun tista’ tirrevedi l-kontenut tal-klawżoli inġusti li jinsabu f’tali kuntratt, tali possibbiltà tkun tista’ tippreġudika t-twettiq tal-għan fuq żmien twil imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13. Din il-fakultà tkun tikkontribwixxi sabiex telimina l-effett dissważiv eżerċitat fuq il-bejjiegħa jew fornituri bis-sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni, fir-rigward tal-konsumatur, ta’ tali klawżoli inġusti, sa fejn dawn jibqgħu bit-tentazzjoni li jużaw l-imsemmija klawżoli, filwaqt li jkunu jafu li, anki kieku dawn kellhom jiġu ddikjarati invalidi, il-kuntratt jista’ madankollu jitkompla, sa fejn ikun neċessarju, mill-qorti nazzjonali b’mod li jiggarantixxi l-interessi tal-imsemmija bejjiegħa jew fornituri (sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2021, A. S.A., C‑212/20, EU:C:2021:934, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

68

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ħames u għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi legali konkluż bejn avukat u konsumatur ma jistax jissussisti wara t-tneħħija ta’ klawżola ddikjarata inġusta li tiffissa l-prezz tas-servizzi skont il-prinċipju tat-tariffa fis-siegħa u meta dawn is-servizzi jkunu ġew ipprovduti, huma ma jipprekludux li l-qorti nazzjonali tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni li fiha l-konsumatur kien isib ruħu fin-nuqqas ta’ din il-klawżola, anki jekk dan ifisser li l-bejjiegħ jew fornitur ma jirċievi ebda remunerazzjoni għas-servizzi tiegħu. Fil-każ li l-invalidazzjoni tal-kuntratt fl-intier tiegħu tesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux li l-qorti nazzjonali tirrimedja għan-nullità tal-imsemmija klawżola billi tissostitwixxiha b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari jew applikabbli fil-każ ta’ ftehim tal-partijiet fl-imsemmi kuntratt. Min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu li l-qorti nazzjonali tissostitwixxi l-klawżola inġusta b’nullità stima ġudizzjarja tal-livell tar-remunerazzjoni dovuta għall-imsemmija servizzi.

Fuq l‑ispejjeż

69

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, kif emendata bid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

taqa’ taħt din id-dispożizzjoni, klawżola ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi legali konkluż bejn avukat u konsumatur li tiffissa l-prezz tas-servizzi pprovduti skont il-prinċipju tat-tariffa fis-siegħa.

 

2)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, kif emendata bid-Direttiva 2011/83,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

li ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ tfassil ċar u li jinftiehem, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, klawżola ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi legali konkluż bejn avukat u konsumatur li tiffissa l-prezz ta’ dawn is-servizzi skont il-prinċipju tat-tariffa fis-siegħa mingħajr ma tiġi kkomunikata lill-konsumatur, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, informazzjoni li tippermettilu jieħu d-deċiżjoni tiegħu b’kawtela u b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw mill-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt.

 

3)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, kif emendata bid-Direttiva 2011/83,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

klawżola ta’ kuntratt għal provvista ta’ servizzi legali konkluż bejn avukat u konsumatur, li tistabbilixxi, skont il-prinċipju tat-tariffa fis-siegħa, il-prezz ta’ dawn is-servizzi u li għalhekk taqa’ taħt l-għan prinċipali ta’ dan il-kuntratt, ma għandhiex titqies li hija inġusta minħabba s-sempliċi fatt li hija ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ trasparenza previst fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, kif emendata, sakemm l-Istat Membru li d-dritt nazzjonali tiegħu japplika għall-kuntratt inkwistjoni ma jkunx, skont l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, kif emendata, ippreveda espressament li l-klassifikazzjoni bħala klawżola inġusta tirriżulta unikament minn dan il-fatt.

 

4)

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, kif emendata bid-Direttiva 2011/83,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

meta kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi legali konkluż bejn avukat u konsumatur ma jistax jissussisti wara t-tneħħija ta’ klawżola ddikjarata inġusta li tiffissa l-prezz tas-servizzi skont il-prinċipju tat-tariffa fis-siegħa u meta dawn is-servizzi jkunu ġew ipprovduti, huma ma jipprekludux li l-qorti nazzjonali tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni li fiha l-konsumatur kien isib ruħu fin-nuqqas ta’ din il-klawżola, anki jekk dan ifisser li l-bejjiegħ jew fornitur ma jirċievi ebda remunerazzjoni għas-servizzi tiegħu. Fil-każ li l-invalidazzjoni tal-kuntratt fl-intier tiegħu tesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux li l-qorti nazzjonali tirrimedja għan-nullità tal-imsemmija klawżola billi tissostitwixxiha b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari jew applikabbli fil-każ ta’ ftehim tal-partijiet fl-imsemmi kuntratt. Min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu li l-qorti nazzjonali tissostitwixxi l-klawżola inġusta b’nullità stima ġudizzjarja tal-livell tar-remunerazzjoni dovuta għall-imsemmija servizzi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.