SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla)

22 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 90/270/KEE – Artikolu 9(3) – Xogħol b’apparat ta’ wiri fuq skrin – Protezzjoni tal-għajnejn u tal-vista tal-għajnejn tal-ħaddiema – Strumenti korrettivi speċjali – Nuċċali – Xiri mill-ħaddiem – Modalitajiet għat-teħid ta’ responsabbiltà tal-ispejjeż mill-persuna li timpjega”

Fil-Kawża C‑392/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Ġunju 2021, fil-proċedura

TJ

vs

Inspectoratul General pentru Imigrări,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), F. Biltgen, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal TJ, minn I. Kis, avocat,

għall-Inspectoratul General pentru Imigrări, minn M.‑G. Creţu, C. Vasilache u S.‑I. Voicu, bħala aġenti,

għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, bħala aġent, assistita minn L. Baţagoi, conseiller,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Garofoli, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u D. Recchia, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Lulju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/270/KEE tad‑29 ta’ Mejju 1990 dwar il-ħtiġijiet minimi ta’ saħħa u sigurtà għax-xogħol b’tagħmir li għandu display screen (il-ħames Direttiva individwali fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 391, rettifika fil-ĠU 2019, L 109, p. 29).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn TJ u l-Inspectoratul General pentru Imigrări (l-Ispettorat Ġenerali għall-Immigrazzjoni, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem l-“Ispettorat Ġenerali”) dwar iċ-ċaħda, minn dan tal-aħħar, tat-talba għar-rimbors tal-ispejjeż marbuta max-xiri ta’ nuċċali, imressqa minn TJ.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 89/391/KEE

3

L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat‑12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1137/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 (ĠU 2008, L 311, p. 1), jaqra kif ġej:

“Il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni bbażata fuq l-Artikolu [153 TFUE], jadotta d-Direttivi individwali, inter alia, fiż-żoni mniżżla fl-Anness.”

Id‑Direttiva 90/270

4

L-erbatax‑il premessa tad-Direttiva 90/270 hija hekk ifformulata:

“Billi l-konformità mal-ħtiġijiet minimi li jiżguraw livell aħjar ta’ sigurtà fuq workstations b’display screens hija essenzjali sabiex tiżgura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema”.

5

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva, li hija l-ħames Direttiva individwali fit-tifsira ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, issemmi ħtiġijiet minimi għas-saħħa u s-sigurtà għal xogħol b’tagħmir li għandu display screen kif definit fl-Artikolu 2.”

6

Skont l-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Protezzjoni ta’ l-għajnejn u tal-vista tal-ħaddiema”:

“1.   Il-ħaddiema huma intitolati għal test ta’ l-għajnejn u tal-vista xieraq magħmul minn persuna bil-kapaċitajiet neċessarji:

qabel jibdew xogħol ta’ display screen,

f’intervalli regolari minn hemm ’il quddiem,

u

jekk jiltaqgħu ma’ diffikultajiet ta’ l-għajnejn li jistgħu ikunu minħabba xogħol ta’ display screen.

2.   Il-ħaddiema huma intitolati għal eżami oftalmoloġiku jekk ir-riżultati tat-test imsemmi fil-paragrafu 1 juri li dan hu neċessarju.

3.   Jekk ir-riżultati tat-test imsemmi fil-paragrafu 1 jew ta’ l-eżami msemmija fil-paragrafu 2 juru li hu neċessarju u jekk strumenti korrettivi normali ma jistgħux jintużaw, il-ħaddiema għandhom jiġu pprovduti bi strumenti korrettivi speċjali xierqa għax-xogħol ikkonċernat.

4.   Miżuri meħuda skond dan l-Artikolu ma jistgħu fl-ebda ċirkostanza jinvolvu l-ħaddiema fi spejjeż finanzjarji addizzjonali.

5.   Il-protezzjoni ta’ għajnejn u tal-vista tal-ħaddiema tista’ tkun ipprovduta bħala parti minn sistema tas-saħħa nazzjonali.”

Id‑dritt Rumen

7

L-Artikolu 7(i) tal-Legea-cadru nr. 153/2017 privind salarizarea personalului plătit din fonduri publice (il-Liġi Qafas Nru 153/2017 dwar ir-remunerazzjoni tal-persunal imħallas minn fondi pubbliċi), tat‑28 ta’ Ġunju 2017 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 492 tat‑28 ta’ Ġunju 2017), huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi:

[…]

i)

‘allowance’ tfisser element tas-salarju fix-xahar, mogħti fil-forma ta’ perċentwali tas-salarju bażiku, tas-salarju, tal-allowance maniġerjali, fil-kundizzjonijiet previsti mil-liġi, għal kull kategorija ta’ persunal”.

8

L-Artikolu 12 tal-Kapitolu II tal-Anness VI ta’ din il-liġi, intitolat “Grupp professjonali tal-funzjonijiet baġitarji ‘Difiża, ordni pubbliku u sigurtà nazzjonali’”, jipprevedi:

“[…]

2.   Is-suldati, il-pulizija, l-uffiċjali b’regolamenti speċjali tal-amministrazzjoni tal-ħabs u l-persunal ċivili jibbenefikaw, skont il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, mill-allowances li ġejjin:

[…]

b)

minħabba kundizzjonijiet ta’ xogħol diffiċli, allowance li tista’ tammonta sa 15 % tas-salarju bażiku li jikkorrispondi mal-ħin tax-xogħol imwettaq fil-postijiet tax-xogħol rispettivi;

[…]

3.   Il-postijiet, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-operazzjonijiet kif ukoll il-perċentwali tal-għotja huma stabbiliti permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni ewlieni, fil-limiti tad-dispożizzjonijiet tar-regolament stabbilit skont din il-liġi, fuq il-bażi tar-rapporti ta’ determinazzjoni jew, jekk ikun il-każ, ta’ perizja maħruġa mill-awtoritajiet awtorizzati għal dan il-għan.”

9

Skont l-Artikolu 12 tal-Hotărârea Guvernului nr. 1028/2006 privind cerinţele minime de securitate şi sănătate în muncă referitoare la utilizarea echipamentelor cu ecran de vizualizare (id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 1028/2006 dwar ir-rekwiżiti minimi ta’ saħħa u ta’ sigurtà għal xogħol b’apparat ta’ wiri fuq skrin), tad‑9 ta’ Awwissu 2006 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 710 tat‑18 ta’ Awwissu 2006):

“Il-ħaddiema huma intitolati għal test tal-għajnejn u tal-vista xieraq magħmul minn persuna bil-kapaċitajiet neċessarji:

a)

qabel ma jibda x-xogħol quddiem skrin, waqt l-eżami mediku tad-dħul fis-servizz;

b)

sussegwentement, f’intervalli regolari;

c)

jew meta jseħħu diffikultajiet viżivi li jistgħu jkunu dovuti għax-xogħol fuq l-iskrin.”

10

L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 1028/2006 jiddisponi:

“Il-ħaddiema għandhom jagħmlu eżami oftalmoloġiku jekk ir-riżultati tal-eżami msemmi fl-Artikolu 12 jagħmlu dan neċessarju.”

11

Skont l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 1028/2006:

“Jekk ir-riżultati tal-eżami msemmi fl-Artikolu 12 jew l-eżami msemmi fl-Artikolu 13 jagħmlu dan neċessarju, u jekk l-istrumenti korrettivi normali ma jistgħux jintużaw, il-ħaddiema għandhom jirċievu strumenti korrettivi speċjali relatati max-xogħol ikkonċernat.”

12

L-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 1028/2006 jipprevedi:

“Il-miżuri meħuda skont l-Artikoli 12 sa 14 ma għandhom bl-ebda mod iwasslu għal piżijiet finanzjarji għall-ħaddiema.”

13

L-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 1028/2006 jiddisponi:

“Il-protezzjoni tal-għajnejn u tal-vista tal-ħaddiema tista’ tiġi żgurata, fir-rigward tal-ispejjeż relatati, fil-kuntest tas-sistema nazzjonali tas-saħħa, konformement mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

14

TJ huwa impjegat mill-Ispettorat Ġenerali, fid-dipartiment tal-immigrazzjoni tad-dipartiment ta’ Cluj (ir-Rumanija). Huwa jeżerċita l-attività tiegħu billi jaħdem b’apparat ta’ wiri fuq skrin.

15

TJ jiddikjara li x-xogħol fuq skrin kif ukoll fatturi oħra ta’ riskju, bħad-“dawl intermittenti”, l-assenza ta’ dawl naturali u l-piż żejjed newropsikoloġiku wasslu għal deterjorament qawwi tal-vista tiegħu. Għaldaqstant, fuq rakkomandazzjoni ta’ tabib speċjalista, huwa kellu jbiddel in-nuċċali tal-vista, sabiex jikkoreġi t-tnaqqis fl-akutezza viżiva tiegħu.

16

Peress li jsostni li s-sistema nazzjonali ta’ assigurazzjoni għall-mard Rumena ma kinitx tipprevedi r-rimbors tas-somma ta’ 2629 leu Rumen (RON) (madwar EUR 530), li tirrappreżenta l-korrispettiv tal-ispiża għan-nuċċali tal-vista, jiġifieri l-ispiża tal-lenti, tal-frejm u tax-xogħol, TJ talab lill-Ispettorat Ġenerali jirrimborsah din is-somma. Din it-talba ġiet miċħuda.

17

TJ sussegwentement adixxa lit-Tribunalul Cluj (il-Qorti tal-Kontea ta’ Cluj, ir-Rumanija) b’rikors intiż sabiex jiġi l-Ispettorat Ġenerali jiġi kkundannat iħallsu din is-somma. Din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors għar-raġuni li l-kundizzjonijiet għall-kisba tar-rimbors mitlub ma kinux issodisfatti, sa fejn l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 1028/2006 jagħti dritt, mhux għar-rimbors tal-ispiża ta’ strument korrettiv speċjali, iżda biss għall-provvista ta’ tali strument jekk l-użu tiegħu jitqies bħala neċessarju.

18

TJ appella minn din is-sentenza quddiem il-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju, fejn talab l-annullament tagħha u l-eżami mill-ġdid tal-mertu tal-kawża.

19

Il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex tiddeċiedi l-kawża pendenti quddiemha, il-kunċett ta’ “strumenti korrettivi speċjali”, li jinsab fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 90/270, li ma huwiex iddefinit minnha, għandu jiġi interpretat. Din il-qorti tqis li l-imsemmi kunċett għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi nuċċali tal-vista, sa fejn dan huwa neċessarju għall-impjegat li jsofri minn deterjorament tal-vista kkawżata mill-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu.

20

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, barra minn hekk, dwar il-kwistjoni jekk l-istrumenti korrettivi speċjali msemmija f’dan l-Artikolu 9(3), jirreferux għal strumenti użati esklużivament fuq il-post tax-xogħol jew jekk jistgħux ukoll jirreferu għal strumenti li jistgħu jintużaw barra mill-post tax-xogħol. F’dan ir-rigward, hija għandha t-tendenza li tikkunsidra li, sabiex jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni hijiex applikabbli, huwa rilevanti biss il-fatt li jintuża strument korrettiv speċjali fuq il-post tax-xogħol, peress li l-punt dwar jekk tali strument huwiex użat ukoll barra mill-post tax-xogħol ma għandux effett.

21

Fir-rigward tal-modalitajiet ta’ provvista ta’ strumenti korrettivi speċjali, il-qorti tar-rinviju ssostni li, għalkemm huwa minnu li d-Direttiva 90/270 tagħmel riferiment espress biss għall-provvista mill-persuna li timpjega ta’ dawn l-istrumenti, riżultat simili jintlaħaq jekk il-persuna li timpjega tirrimborsa lill-impjegat l-ispiża tax-xiri ta’ tali strument. Tali soluzzjoni tippreżenta wkoll il-vantaġġ li l-impjegat ikun jista’ jieħu fi żmien utli l-miżuri neċessarji sabiex jikkoreġi l-vista tiegħu.

22

Fl-aħħar, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar il-punt jekk l-obbligu li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-impjegati li għandhom bżonn ta’ strumenti korrettivi speċjali huwiex issodisfatt bl-għoti ta’ allowance mas-salarju mħallas abbażi tal-eżistenza ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol diffiċli.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-espressjoni ‘strument korrettiv speċjali’ fl-Artikolu 9 tad-Direttiva [90/270] għandha tiġi interpretata fis-sens li tista’ ma tinkludix in-nuċċalijiet tal-vista?

2)

L-espressjoni ‘strument korrettiv speċjali’ fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 90/270 tfisser biss strument li jintuża esklużivament fuq ix-xogħol/fil-qadi ta’ dmirijiet professjonali?

3)

L-obbligu li jiġi pprovdut strument korrettiv speċjali previst fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 90/270 jirreferi esklużivament għax-xiri tal-istrument mill-persuna li timpjega jew dan għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, sabiex jinkludi l-mod li permezz tiegħu l-persuna li timpjega tirrimborsa l-ispejjeż neċessarji mġarrba mill-impjegat għax-xiri tal-istrument?

4)

Huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 90/270 li l-persuna li timpjega tkopri dawn l-ispejjeż fil-forma ta’ allowance ġenerali mas-salarju, imħallsa b’mod permanenti taħt l-isem ‘allowance għal kundizzjonijiet tax-xogħol diffiċli’?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ammissibbiltà

24

L-Ispettorat Ġenerali jikkontesta l-ammissibbiltà tat-tieni sar-raba’ domanda, minħabba li l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni hija tant evidenti li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli.

25

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha u kemm ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sa fejn id-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, meħtieġa tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jekk il-problema tkun ta’ natura ipotetika kif ukoll jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għall-imsemmija domandi (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Viva Telecom Bulgaria, C‑257/20, EU:C:2022:125, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat, fir-rigward tal-allegazzjoni bbażata fuq iċ-ċarezza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 90/270 li huma s-suġġett tat-tieni sar-raba’ domanda, li ma huwa bl-ebda mod ipprojbit għal qorti nazzjonali li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fl-opinjoni ta’ waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali, ir-risposta ma tħalli l-ebda lok għal dubju raġonevoli. B’hekk, anki jekk jitqies li dan huwa l-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari li tinkludi tali domandi ma ssirx madankollu inammissibbli (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Viva Telecom Bulgaria, C‑257/20, EU:C:2022:125, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Għaldaqstant, it-tieni sar-raba’ domanda huma ammissibbli.

Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda

28

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 90/270 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-“istrumenti korrettivi speċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinkludu nuċċali tal-vista u jekk, barra minn hekk, tali strumenti humiex limitat għal strumenti użati esklużivament fil-kuntest professjonali.

29

Skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 90/270, il-ħaddiema għandhom jirċievu strumenti korrettivi speċjali relatati max-xogħol ikkonċernat, jekk ir-riżultat tal-eżami xieraq tal-għajnejn u tal-vista, imsemmi fl-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, jew dak tal-eżami oftalmoloġiku, imsemmi fl-Artikolu 9(2) tagħha, jagħmluh neċessarju, u jekk strumenti korrettivi normali ma jkunux jistgħu jintużaw.

30

Għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 90/270 ma tiddefinixxix l-“istrumenti korrettivi speċjali”, li jinsabu fl-Artikolu 9(3) tagħha.

31

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Airhelp (Dewmien ta’ titjira alternattiva), C‑451/20, EU:C:2022:123, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 90/270 ġiet adottata, kif jirriżulta mit-titolu tagħha, bħala l-ħames direttiva individwali, fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391, peress li din tal-aħħar kienet hija stess adottata abbażi tal-Artikolu 118 A tat-Trattat KEE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 153 TFUE), intiża sabiex tippromwovi t-titjib tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol.

33

Fit-tieni lok, mit-titolu tagħha u mill-Artikolu 1 tagħha jirriżulta li d-Direttiva 90/270 għandha l-għan li tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa relatati max-xogħol b’apparat ta’ wiri fuq skrin. Barra minn hekk, konformement mar-raba’ premessa tagħha, l-osservanza tar-rekwiżiti minimi xierqa sabiex jiġi żgurat livell aħjar ta’ sigurtà tal-post tax-xogħol b’apparat ta’ wiri fuq skrin tikkostitwixxi rekwiżit sabiex tiżgura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema.

34

Fit-tielet u l-aħħar lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 90/270 jikkonkretizza l-għan tagħha f’dak li jirrigwarda r-rekwiżit ta’ protezzjoni tal-għajnejn u tal-vista tal-ħaddiema, b’mod partikolari d-dritt ta’ dawn tal-aħħar li jirċievu strumenti korrettivi speċjali relatati max-xogħol ikkonċernat jekk ir-riżultat tal-eżami previst fl-Artikolu 9(1) jew dak tal-eżami msemmi fil-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 9 jagħmlu dawn l-istrumenti neċessarji.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 90/270 jagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, “strumenti korrettivi normali” u, min-naħa l-oħra, “strumenti korrettivi speċjali xierqa għax-xogħol ikkonċernat”, jiġifieri x-xogħol b’apparat fuq skrin.

36

Fir-rigward, l-ewwel, tal-kunċett ta’ “strumenti korrettivi”, fis-sens tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 90/270, għandu jiġi kkonstatat li dan it-terminu ġie ssostitwit b’dak ta’ “nuċċali” li jinsab fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa relatati max-xogħol b’apparat ta’ wiri fuq skrin (ĠU 1988, C 113, p. 7). Mix-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 90/270 jirriżulta li l-“istrumenti korrettivi”, fis-sens tal-Artikolu 9(3) ta’ din id-direttiva, għandhom jinftiehmu fis-sens wiesa’, fis-sens li jkopri mhux biss nuċċalijiet, iżda wkoll tipi oħra ta’ strumenti li jistgħu jikkoreġu jew jipprevjenu d-diffikultajiet viżivi.

37

Fir-rigward, it-tieni, tal-kunċett ta’ “strumenti korrettivi normali”, fis-sens tal-Artikolu 9(3) tal-imsemmija direttiva, li jirreferu għal strumenti li ma jippermettux li jiġu kkorreġuti d-diffikultajiet tal-vista stabbiliti mill-eżamijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu 9, għandu jiġi kkunsidrat li, kif tirrileva, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tagħha, dawn jikkonċernaw strumenti li jintlibsu barra mill-post tax-xogħol u li għalhekk ma humiex neċessarjament marbuta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Għalhekk, tali apparat ma jservux sabiex jikkoreġu diffikultajiet viżivi marbuta max-xogħol u jistgħu ma jkollhomx rabta speċifika max-xogħol b’apparat ta’ wiri fuq skrin.

38

It-tielet, fir-rigward tal-kunċett ta’ “strumenti korrettivi speċjali relatati max-xogħol ikkonċernat”, fis-sens tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 90/270, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-ħaddiema għandhom jirċievu tali strumenti korrettivi speċjali jekk strumenti korrettivi normali ma jistgħux jintużaw sabiex jiġu kkorreġuti d-diffikultajiet viżivi kkonstatati wara l-eżamijiet previsti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu. Għaldaqstant, strument korrettiv speċjali għandu neċessarjament jipprevedi l-korrezzjoni jew il-prevenzjoni ta’ diffikultajiet viżivi li strument korrettiv normali ma jistax jikkoreġi jew jipprevjeni.

39

Min-naħa l-oħra, in-natura speċjali tal-apparat korrettiv tippreżupponi li dan ikollu rabta max-xogħol b’apparat ta’ wiri fuq skrin, sa fejn dan iservi sabiex jikkoreġi jew jipprevjeni diffikultajiet viżivi speċifikament marbuta ma’ tali xogħol u kkonstatati wara l-eżamijiet previsti fl-Artikolu 9(1) u (2) ta’ din id-direttiva.

40

F’dan ir-rigward, mis-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2002, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑455/00, EU:C:2002:612, punt 28), jirriżulta ċertament li l-“istrumenti korrettivi speċjali”, previsti fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 90/270, jikkonċernaw il-korrezzjoni ta’ “danni diġà eżistenti”.

41

Madankollu, kif osservat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tagħha, ma jistax jiġi dedott mis-sentenza ċċitata fil-punt preċedenti, kif sostnew ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-imsemmija “danni” għandhom ikunu ġew ikkawżati mix-xogħol imwettaq b’apparat ta’ wiri fuq skrin. Għalkemm għandhom jiġu kkonstatati diffikultajiet viżivi waqt l-eżamijiet imsemmija fl-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 90/270 sabiex jinħoloq dritt li wieħed jirċievi strument korrettiv speċjali, konformement mal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, ix-xogħol fuq skrin ma għandux neċessarjament ikun il-kawża ta’ dawn id-diffikultajiet.

42

Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 90/270, li l-eżami msemmi f’dan il-paragrafu jista’ jsir qabel ma jibda x-xogħol fuq skrin, li jimplika li d-diffikultajiet viżivi li jwasslu sabiex impjegat ikollu dritt jibbenefika minn strument korrettiv speċjali, bis-saħħa tal-Artikolu 9(3) ta’ din id-direttiva, ma għandhomx neċessarjament ikunu ġew ikkawżati mix-xogħol fuq skrin.

43

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat, kif tenfasizza, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 90/270 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi rabta kawżali bejn ix-xogħol fuq skrin u l-okkorrenza ta’ eventwali diffikultajiet viżivi, peress li kull wieħed mit-tliet inċiżi tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jista’ jwassal għall-provvista ta’ strumenti korrettivi speċjali skont l-Artikolu 9(3) tal-imsemmija direttiva.

44

L-istrumenti korrettivi speċjali fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jipprevedu l-korrezzjoni jew il-prevenzjoni ta’ diffikultajiet viżivi fir-rigward ta’ xogħol li jinvolvi apparat ta’ wiri fuq skrin.

45

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali eżerċita l-funzjonijiet tiegħu fi ħdan l-Ispettorat Ġenerali b’apparat ta’ wiri fuq skrin. Filwaqt li sostna li ġie espost, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-imsemmija funzjonijiet, għad-“dawl intermittenti”, għall-assenza ta’ dawl naturali u għal tagħbija żejda newropsikika, huwa ġarrab tnaqqis qawwi fl-akutezza viżiva tiegħu, u dan wassal lit-tabib speċjalista sabiex jippreskrivih li jbiddel in-nuċċali tal-vista u, b’mod iktar partikolari, il-lenti korrettivi.

46

Issa, għalkemm ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’talba għal deċiżjoni preliminari, iżda hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk in-nuċċali tal-vista li r-rikorrent jitlob ir-rimbors tiegħu kellux jiġi kklassifikat bħala “strumenti korrettivi speċjali”, fis-sens tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 90/270, hemm madankollu lok li jiġi rrilevat, minn naħa, li r-rikorrent fil-kawża prinċipali bbenefika, minħabba d-deterjorazzjoni qawwija tal-vista tiegħu, minn eżami oftalmoloġiku mwettaq minn tabib speċjalista, li jidher li jikkorrispondi għall-eżamijiet imsemmija fl-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 90/270.

47

Min-naħa l-oħra, il-fatt li dan it-tabib speċjalista rrakkomanda lir-rikorrent fil-kawża prinċipali jbiddel in-nuċċali tal-vista u, b’mod iktar partikolari, il-lenti korrettivi, sabiex jikkoreġi d-deterjorament qawwi tal-vista tiegħu, jidher ukoll li jindika li l-lenti korrettivi l-antiki tiegħu ma setgħux jibqgħu jintużaw sabiex jeżerċita funzjonijiet b’apparat ta’ wiri fuq skrin, b’mod partikolari minħabba diffikultajiet tal-akutezza viżiva li kienu ġew iddijanjostikati lill-persuna kkonċernata. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk in-nuċċali tal-vista kkonċernati jintużawx effettivament sabiex jiġu kkorreġuti diffikultajiet viżivi relatati max-xogħol tiegħu iktar milli diffikultajiet viżivi ta’ natura ġenerika mhux neċessarjament marbuta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol.

48

Barra minn hekk, il-fatt li l-“istrumenti korrettivi speċjali”, fis-sens tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 90/270, għandhom ikunu, skont din id-dispożizzjoni, “xierqa għax-xogħol ikkonċernat” ma jfissirx li għandhom jintużaw esklużivament fuq il-post tax-xogħol jew fl-eżerċizzju ta’ kompiti professjonali, peress li l-imsemmija dispożizzjoni ma tipprevedi ebda restrizzjoni fir-rigward tal-użu tal-imsemmi strumenti.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 90/270 għandu jiġi interpretat fis-sens li “strumenti korrettivi speċjali”, previsti f’din id-dispożizzjoni, jinkludu nuċċali tal-vista intiż speċifikament għall-korrezzjoni u għall-prevenzjoni ta’ diffikultajiet viżivi fir-rigward ta’ xogħol li jinvolvi apparat ta’ wiri fuq skrin. Barra minn hekk, dawn l-“istrumenti korrettivi speċjali” ma humiex limitati għal strumenti użat esklużivament fil-kuntest professjonali.

Fuq it‑tielet u r‑raba’ domanda

50

Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom ukoll jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(3) u (4) tad-Direttiva 90/270 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li jiġi pprovdut lill-ħaddiema kkonċernati strument korrettiv speċjali, previst f’din id-dispożizzjoni, impost fuq il-persuna li timpjega, jistax jiġi ssodisfatt jew permezz tal-provvista diretta tal-istrument lill-ħaddiem, jew permezz tar-rimbors tal-ispejjeż neċessarji sostnuti minn dan tal-aħħar, jew bil-ħlas ta’ allowance ġenerali mas-salarju lill-ħaddiem.

51

Kif jirriżulta mill-punt 29 ta’ din is-sentenza, il-ħaddiema għandhom jirċievu strument korrettiv speċjali relatat max-xogħol ikkonċernat, konformement mal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 90/270, bil-kundizzjoni li l-eżamijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 jagħmluh neċessarju u li l-istrumenti korrettivi normali ma jkunux jistgħu jintużaw.

52

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm l-imsemmija dispożizzjoni timponi fuq il-persuna li timpjega obbligu intiż li jiggarantixxi li l-ħaddiema kkonċernati jirċievu, jekk ikun il-każ, apparat korrettiv speċjali, il-mod kif il-persuna li timpjega hija obbligata tissodisfa l-imsemmi obbligu ma jirriżultax mill-kliem tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 90/270.

53

Madankollu, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li d-Direttiva 90/270 tistabbilixxi biss, konformement mal-Artikolu 1(1) tagħha, kif imfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, rekwiżiti minimi.

54

Min-naħa l-oħra, rimbors mill-persuna li timpjega tal-ispiża tax-xiri ta’ strument korrettiv speċjali huwa konformi mal-għan tad-Direttiva 90/270 inkwantu jiggarantixxi livell aħjar ta’ protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema.

55

Barra minn hekk, l-espressjoni “għandhom jiġu pprovduti”, li tinsab fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 90/270, moqrija fid-dawl tal-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu, li jipprovdi li l-“[m]iżuri meħuda skond […] l-Artikolu [9] ma jistgħu fl-ebda ċirkostanza jinvolvu l-ħaddiema fi spejjeż finanzjarji addizzjonali”, ma tipprekludix li d-dritt nazzjonali jipprevedi li l-ħaddiem ikun jista’ jagħżel, minflok ma jikseb direttament mingħand il-persuna li timpjegah strument korrettiv speċjali, li jżid l-ispiża u li sussegwentement jikseb ir-rimbors tiegħu minnu.

56

Minn dan isegwi li l-għan tal-Artikolu 9(3) u (4) tad-Direttiva 90/270, sa fejn dan huwa intiż sabiex jiggarantixxi li l-ħaddiema jirċievu, mingħajr ebda piż finanzjarju, strumenti korrettivi speċjali fil-każ ta’ neċessità, jista’ jintlaħaq jew direttament, permezz tal-provvista ta’ tali strumenti lill-ħaddiem ikkonċernat mill-persuna li timpjega, jew, indirettament, mir-rimbors tal-ispiża ta’ dan l-istrument mill-persuna li timpjega.

57

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat ukoll li l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 90/270 ma jipprekludix, bħala prinċipju, li d-dritt nazzjonali jipprevedi li t-tqegħid għad-dispożizzjoni mill-persuna li timpjega ta’ strumenti korrettivi speċjali lill-ħaddiema kkonċernati, rikjest mill-imsemmija dispożizzjoni, isir permezz ta’ allowance li jippermetti lill-ħaddiem li jakkwista huwa stess tali strument.

58

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li tali allowance għandu neċessarjament ikopri l-ispejjeż speċifikament sostnuti mill-ħaddiem ikkonċernat għall-kisba tal-istrument korrettiv speċjali, skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 90/270.

59

Konsegwentement, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, allowance ġenerali mas-salarju, imħallsa b’mod permanenti minħabba kundizzjonijiet tax-xogħol diffiċli, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tidhirx li tissodisfa l-obbligi imposti fuq il-persuna li timpjega mill-imsemmi Artikolu 9(3), sa fejn ma tidhirx li hija intiża sabiex tkopri l-ispejjeż sostnuti mill-ħaddiem ikkonċernat għall-finijiet ta’ tali kisba.

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(3) u (4) tad-Direttiva 90/270 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li jiġi pprovdut lill-ħaddiema kkonċernati strument korrettiv speċjali, previst f’din id-dispożizzjoni, impost fuq il-persuna li timpjega, jista’ jiġi ssodisfatt jew permezz tal-provvista diretta tal-imsemmi strument minn dan tal-aħħar, jew permezz tar-rimbors tal-ispejjeż neċessarji sostnuti mill-ħaddiem, iżda mhux bil-ħlas ta’ allowance ġenerali mas-salarju lill-ħaddiem.

Fuq l‑ispejjeż

61

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/270/KEE tad‑29 ta’ Mejju 1990 dwar il-ħtiġijiet minimi ta’ saħħa u sigurtà għax-xogħol b’tagħmir li għandu display screen (il-ħames Direttiva individwali fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE),

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-“istrumenti korrettivi speċjali”, previsti f’din id-dispożizzjoni, jinkludu nuċċali tal-vista intiż speċifikament għall-korrezzjoni u għall-prevenzjoni ta’ diffikultajiet viżivi fir-rigward ta’ xogħol li jinvolvi apparat ta’ wiri fuq skrin. Barra minn hekk, dawn l-“istrumenti korrettivi speċjali” ma humiex limitati għal strumenti użat esklużivament fil-kuntest professjonali.

 

2)

L-Artikolu 9(3) u (4) tad-Direttiva 90/270

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-obbligu li jiġi pprovdut lill-ħaddiema kkonċernati strument korrettiv speċjali, previst f’din id-dispożizzjoni, impost fuq il-persuna li timpjega, jista’ jiġi ssodisfatt jew permezz tal-provvista diretta tal-imsemmi strument minn dan tal-aħħar, jew permezz tar-rimbors tal-ispejjeż neċessarji sostnuti mill-ħaddiem, iżda mhux bil-ħlas ta’ allowance ġenerali mas-salarju lill-ħaddiem.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.