SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

15 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )

“Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Pensjoni – Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea – Riforma tas-sena 2014 – Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 – Anness XIII ta’ dawn ir-regolament – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) – Miżuri tranżitorji li jirrigwardaw ir-rata annwali ta’ kisba tad-drittijiet għall-pensjoni u l-età tal-irtirar – Skema applikabbli għall-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni – Anness – Artikolu 1(1) – Applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri tranżitorji b’analoġija għall-membri l-oħra fis-servizz fil‑31 ta’ Diċembru 2013 – Iffirmar ta’ kuntratt ġdid ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt – Att li jikkawża preġudizzju – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża C‑366/21 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fid‑9 ta’ Ġunju 2021,

Maxime Picard, residenti fi Hettange-Grande (Franza), irrappreżentat minn S. Orlandi, avocat,

appellant

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara u B. Mongin, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), F. Biltgen, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali tal‑14 ta’ Lulju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, Maxime Picard (iktar ’il quddiem l-“appellant”) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑24 ta’ Marzu 2021, Picard vs Il-Kummissjoni (T‑769/16, EU:T:2021:153), kif emendata bid-digriet tas‑16 ta’ April 2021, Picard vs Il-Kummissjoni (T‑769/16, EU:T:2021:200) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament, minn naħa, tat-tweġiba tal-amministratur tat-taqsima “Pensjonijiet” tal-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali tal-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“PMO”) tal‑4 ta’ Jannar 2016 (iktar ’il quddiem it-“tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016) u, min-naħa l-oħra, sa fejn ikun neċessarju, tad-deċiżjoni tal‑25 ta’ Lulju 2016 tad-Direttur tad-Direttorat E tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“DĠ Riżorsi Umani”), li tiċħad l-ilment tal-appellant tal‑4 ta’ April 2016 fir-rigward tat-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal‑25 ta’ Lulju 2016”).

Il‑kuntest ġuridiku

Ir‑Regolamenti tal‑Persunal

2

Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kif emendati mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 287, p. 15, rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126) (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jinkludu t-Titolu V, intitolat “Emolumenti u benefiċċji tas-sigurtà soċjali ta’ l-uffiċjali”, li l-Kapitolu 3 tiegħu, intitolat “Pensjonijiet u benefiċċju ta’ l-invalidità”, jinkludi l-Artikoli 77 sa 84 tar-Regolamenti tal-Persunal.

3

L-ewwel, it-tieni u l-ħames paragrafu tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedu:

“Uffiċjal li ta mill-anqas 10 snin servizz għandu jkun intitolat għal pensjoni tal-irtirar. […]

Il-pensjoni massima tal-irtirar għandha tkun 70 % tal-aħħar salarju bażiku marbut mal-aħħar grad li fih l-uffiċjal kien ikklassifikat għal mill-anqas sena. 1,80 % ta’ dak is-salarju bażiku finali għandu jitħallas lil uffiċjal għal kull sena ta’ servizz maħdum skont l-Artikolu 3 tal-Anness VIII.

[…]

L-età pensjonabbli għandha tkun 66 sena.”

4

Skont l-Artikolu 83(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal:

“1.   Il-benefiċċji mħallsa taħt din l-iskema tal-pensjonijiet għandhom jitħallsu mill-estimi tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom flimkien jiggarantixxu l-pagament tat-tali benefiċċji skond l-iskala mniżżla għall-iffinanzjar tat-tali spejjeż.

2.   L-uffiċjali għandhom jikkontribwixxu terz ta’ l-ispiża biex tkun iffinanzjat din l-iskema tal-pensjoni. […] Titnaqqas kull xahar mis-salarji ta’ l-uffiċjali. […]”

5

It-Titolu VII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intitolat “Appelli”. Dan jinkludi l-Artikoli 90 sa 91a tar-Regolamenti tal-Persunal.

6

L-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Kull persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolament tal-Persunal tista’ tibgħat talba lill-awtorità tal-ħatra [(iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”)] biex tieħu deċiżjoni dwaru. […]”

7

L-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollu ġurisdizzjoni f’kull tilwima bejn l-Unjoni u kull persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal dwar il-legalità ta’ att li jaffettwa ħażin lit-tali persuna fis-sens ta’ l-Artikolu 90(2). […]”

8

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Miżuri transitorji applikabbli għall-uffiċjali tal-Unjoni”, huwa fformulat kif ġej:

9

“Uffiċjali li daħlu fis-servizz fil-perijodu bejn l‑1 ta’ Mejju 2004 u l‑31 ta’ Diċembru 2013 għandhom ikunu intitolati għal 1,9 % tas-salarju msemmi [fit-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal] għal kull sena ta’ servizz pensjonabbli kkalkulat skont l-Artikolu 3 tal-Anness VIII.”

10

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) ta’ dan l-Anness XIII jipprovdi:

“L-uffiċjali li fl‑1 ta’ Mejju 2014 ikollhom 35 sena jew aktar u li jkunu daħlu fis-servizz qabel l‑1 ta’ Jannar 2014 għandhom ikunu intitolati għal pensjoni tal-irtirar fl-età murija fit-tabella ta’ hawn taħt: […]”

11

Fir-rigward tal-uffiċjali li għandhom 35 sena fl‑1 ta’ Mejju 2014, it-tabella msemmija fil-punt preċedenti tistabbilixxi l-età tal-irtirar għal 64 sena u 8 xhur.

Il‑Kondizzjonijiet tal‑Impjieg

12

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, kif emendati bir-Regolament Nru 1023/2013 (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), jipprovdi:

“Il-persunal temporanju li għalih japplika […] għandu jitqabbad jaħdem għal perjodu stabbilit jew indefinit. Il-kuntratti tat-tali persunal li huma mqabbdin għal perjodu fiss jistgħu jiġġeddu għal mhux aktar minn darba għal perjodu fiss. Kull tiġdid ieħor ikun għal perjodu indefinit.”

13

L-Artikolu 39(1) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg jistabbilixxi:

“Malli jitlaq mis-servizz, ħaddiem [temporanju] għandu jkun intitolat għal pensjoni tal-irtirar, trasferiment ta’ ekwivalenza attwarjali jew il-ħlas ta’ għotja ta’ terminazzjoni skont il-Kapitolu 3 tat-Titolu V u l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. […]”

14

Skont l-Artikolu 86(2) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg:

“Fejn membru tal-persunal bil-kuntratt […] jmur għal posizzjoni ġdida ġewwa l-grupp tal-funzjoni, ma jkunx ikklassifikat fi grad jew skala anqas mill-posizzjoni li kell qabel.

Meta membru tat-tali persunal bil-kuntratt imur fi grupp ogħla tal-funzjoni, ikun ikklassifikat fi grad u skala tali li r-remunerazzjoni tiegħu hija mill-anqas daqs dik li għaliha kien intitolat taħt il-kuntratt ta’ qabel.

[…]”

15

L-Artikolu 109(1) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg jipprovdi:

“Malli jitlaq mis-servizz, persunal bil-kuntratt għandu jkun intitolat għal pensjoni ta’ l-irtirar, trasferiment ta’ ekwivalenza attwarjali jew il-pagament ta’ għotja għall-firda skond il-Kapitolu 3 tat-Titolu V ta’, u l-Anness VIII ta’, ir-Regolamenti tal-Persunal. […]”

16

L-Artikolu 117 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg jipprevedi:

“Id-dispożizzjonijiet tat-Titolu VII tar-Regolamenti tal-Persunal dwar l-appelli għandom japplikaw b’analoġija.”

17

It-tieni sentenza tal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, intitolat “Disposizzjonijiet transitorji applikabbli għall-persunal kopert mill-Kondizzjonijiet ta’ l-Impieg ta’ Ħaddiema oħra” jipprevedi, b’mod partikolari, li l-Artikolu 21 u l-Artikolu 22, bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 4 tiegħu, tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal “għandhom japplikaw b’analoġija għal ħaddiema impjegati fil‑31 ta’ Diċembru 2013”.

Ir‑Regolament Nru 1023/2013

18

Il-premessa 29 tar-Regolament Nru 1023/2013 tipprovdi:

“Għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti tranżitorji li jippermettu li r-regoli u l-miżuri l-ġodda jiġu applikati gradwalment, fir-rispett tad-drittijiet miksuba u tal-istennijiet leġittimi tal-persunal impjegat qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi fir-Regolamenti tal-Persunal.”

19

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1023/2013 jipprevedi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Huwa għandu japplika mill‑1 ta’ Jannar 2014 bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 1, punt 44, u l-Artikolu 1, punt 73(d), li għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.”

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

20

Il-fatti li wasslu għall-kawża jinsabu fil-punti 1 sa 25 tas-sentenza appellata u jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

21

L-appellant huwa membru tal-persunal bil-kuntratt tal-Kummissjoni.

22

Fl‑10 ta’ Ġunju 2008, l-appellant kien ġie rreklutat, b’effett mill‑1 ta’ Lulju 2008, mill-Kummissjoni, bħala membru tal-persunal bil-kuntratt mal-Unità 5 tal-PMO (iktar ’il quddiem il-“kuntratt tal‑2008”). Permezz ta’ dan ir-reklutaġġ, l-appellant kien ġie kklassifikat fl-ewwel grupp ta’ funzjonijiet. Il-kuntratt tal‑2008 ġġedded tliet darbiet għal żmien determinat, u permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Mejju 2011, għal żmien indeterminat.

23

Fis‑16 ta’ Mejju 2014, id-DĠ “Riżorsi Umani” offra lill-appellant kuntratt ġdid bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, li dan tal-aħħar iffirma fl-istess ġurnata (iktar ’il quddiem il-“kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014”). Dan il-kuntratt, għal żmien indeterminat, ħa effett fl‑1 ta’ Ġunju 2014, bi klassifikazzjoni tal-appellant fit-tieni grupp ta’ funzjonijiet.

24

Fil-frattemp, ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ġew emendati bir-Regolament Nru 1023/2013, applikabbli, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti f’din il-kawża, mill‑1 ta’ Jannar 2014 (iktar ’il quddiem ir-“riforma tal‑2014”).

25

Wara r-riforma tal‑2014, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli wkoll għall-membri tal-persunal bil-kuntratt bis-saħħa tal-Artikolu 109(1) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, jiddefinixxi rata annwali ġdida ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni ta’ 1.8 %, inqas favorevoli mir-rata preċedenti ta’ 1.9 %. Barra minn hekk, il-ħames paragrafu ta’ dan l-Artikolu 77 jistabbilixxi l-età tal-irtirar għal 66 sena, kontra t-63 sena kif kienet qabel.

26

Madankollu fl-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ġiet prevista skema tranżitorja. Għalhekk, l-uffiċjal li daħal fis-servizz bejn l‑1 ta’ Mejju 2004 u l‑31 ta’ Diċembru 2013 ikompli jibbenefika mir-rata annwali ta’ kisba tad-drittijiet għall-pensjoni ta’ 1.9 %. Barra minn hekk, l-uffiċjal li fl‑1 ta’ Mejju 2014 ikollu 35 sena u li jkun daħal fis-servizz qabel l‑1 ta’ Jannar 2014 huwa intitolat għal pensjoni tal-irtirar fl-età ta’ 64 sena u 8 xhur. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg jipprevedi li din l-iskema tranżitorja għandha tapplika b’analoġija għall-aġenti l-oħra tal-persunal li jkunu fis-servizz fil‑31 ta’ Diċembru 2013.

27

Permezz ta’ posta elettronika tal‑4 ta’ Jannar 2016, l-appellant, peress li kellu dubji dwar l-implikazzjonijiet li r-riforma tal‑2014 seta’ jkollha fuq is-sitwazzjoni tiegħu wara l-iffirmar tal-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014, talab spjegazzjonijiet lill-amministratur tat-taqsima “Pensjonijiet” tal-PMO.

28

Permezz ta’ tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016, dan l-amministratur indika lill-appellant li d-drittijiet għall-pensjoni tiegħu kienu nbidlu minħabba l-bidla tal-kuntratt u li, għaldaqstant, fir-rigward tiegħu, l-età normali tal-irtirar u r-rata annwali ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni kienu saru, rispettivament 66 sena u 1.8 % mill‑1 ta’ Ġunju 2014.

29

Fl‑4 ta’ April 2016, l-appellant ressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra t-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016.

30

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Lulju 2016, id-Direttur tad-Direttorat E tad-DĠ “Riżorsi Umani”, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASTK”), ċaħad dan l-ilment, prinċipalment, bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ att li jikkawża preġudizzju, u sussidjarjament, bħala infondat.

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

31

Permezz ta’ att ippreżentat fis‑7 ta’ Novembru 2016, fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, l-appellant ippreżenta rikors għall-annullament tat-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016 u, sa fejn ikun hemm bżonn, tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal‑25 ta’ Lulju 2016.

32

Permezz ta’ att separat ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq l-assenza ta’ att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

33

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Ottubru 2017, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jissospendi l-kawża T‑769/16, Picard vs Il-Kummissjoni sakemm id-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza fil-Kawża T‑128/17, Torné vs Il-Kummissjoni, tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata.

34

Wara l-għoti tas-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Torné vs Il-Kummissjoni (T‑128/17, EU:T:2018:969), u fl-assenza ta’ preżentata ta’ appell kontra din tal-aħħar, il-proċedura fil-Kawża T‑769/16, Picard vs Il-Kummissjoni kompliet u l-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konsegwenzi ta’ din is-sentenza għal din il-kawża.

35

Permezz ta’ digriet tat‑13 ta’ Mejju 2019, il-Qorti Ġenerali għaqdet mal-mertu l-eżami tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u rriżervat l-ispejjeż.

36

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li teżamina qabelxejn il-motiv imqajjem mill-appellant, mingħajr ma ddeċidiet minn qabel dwar din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, minħabba li r-rikors kien, fi kwalunkwe każ, infondat.

37

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kienet korretta l-Kummissjoni meta kkunsidrat li l-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014 kellu bħala konsegwenza li ma jippermettix lill-appellant jibbenefika mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji, previsti fl-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar ir-rata annwali ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni u l-età tal-irtirar.

38

Qabelxejn, fil-punti 65 sa 83 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat l-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, fis-sens li jipprovdi li dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji “għandhom japplikaw b’analoġija għal ħaddiema impjegati [għall-membri tal-persunal l-oħra fil-kariga] fil‑31 ta’ Diċembru 2013”.

39

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod partikolari, li mill-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 1(1) jirriżulta li dawn l-Artikoli 21 u 22 japplikaw għall-membri tal-persunal li jaqgħu taħt il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg sa fejn huwa possibbli li tiġi stabbilita analoġija bejn dawn tal-aħħar u l-uffiċjali, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi proprji għal kull waħda minn dawn il-kategoriji ta’ persunal. Wara li eżaminat dawn il-karatteristiċi, il-Qorti Ġenerali rrilevat li għalkemm l-uffiċjal jidħol u jibqa’ fis-servizz tal-amministrazzjoni tal-Unjoni permezz ta’ att ta’ ħatra li ma jinbidilx għall-karriera kollha tiegħu, membru tal-persunal bil-kuntratt jidħol u jibqa’ fil-kariga permezz ta’ kuntratt sakemm dan jibqa’ effettiv.

40

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali interpretat ir-rekwiżit li wieħed ikun “impjegat [fil-kariga] fil‑31 ta’ Diċembru 2013” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

41

Fil-punt 81 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kunċett “b’analoġija” li jinsab f’din id-dispożizzjoni, jippreżupponi li l-membri tal-persunal jinsabu f’sitwazzjoni analoga għal dik tal-uffiċjali. Skont il-Qorti Ġenerali, din is-sitwazzjoni tista’ tiġi stabbilita biss fil-każ fejn il-membru tal-persunal ma jkunx iffirma kuntratt ġdid li jimplika l-bidu ta’ relazzjoni ta’ xogħol ġdida mal-amministrazzjoni tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, b’riferiment għall-punt 40 tas-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Settembru 2015, EMA vs Drakeford (T‑231/14 P, EU:T:2015:639), il-Qorti Ġenerali fakkret li hija kienet diġà ddeċidiet li relazzjoni ta’ xogħol bejn membru tal-persunal, minn naħa, u l-amministrazzjoni tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, tista’ tibqa’ ma tinbidilx, anki wara l-iffirmar ta’ kuntratt ġdid distint formalment mill-kuntratt inizjali, bil-kundizzjoni li dan il-kuntratt ġdid ma jagħmilx bidla sostanzjali fil-funzjonijiet tal-membru tal-persunal, b’mod partikolari fil-grupp ta’ funzjonijiet, ta’ natura li tqajjem dubju dwar il-kontinwità funzjonali tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu mal-amministrazzjoni tal-Unjoni.

42

Minn dan, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet qabelxejn li l-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal japplikaw biss għall-membri tal-persunal l-oħra fil-kariga fil‑31 ta’ Diċembru 2013 u li jibqgħu fiha, wara din id-data permezz ta’ kuntratt, sakemm il-pożizzjoni tagħhom tiġi eżaminata għall-finijiet tal-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni.

43

Sussegwentement, fil-punti 85 sa 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali analizzat is-sitwazzjoni tal-appellant fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg. B’mod partikolari, wara li eżaminat il-kuntratti konklużi bejnu u l-Kummissjoni kif ukoll il-karatteristiċi tal-pożizzjonijiet li abbażi tagħhom ġie rreklutat, u kkonstatat li l-bidla fil-grupp ta’ funzjonijiet kienet ikkontestat il-kontinwità funzjonali tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-appellant mal-amministrazzjoni tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014 kien wassal għat-terminazzjoni tal-effetti kollha tal-kuntratt tal‑2008 li abbażi tiegħu l-appellant kien “fil-kariga fil‑31 ta’ Diċembru 2013”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, għaldaqstant, terminazzjoni ta’ din ir-relazzjoni ta’ xogħol. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014 kien wassal għal dħul ġdid fil-kariga għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, b’tali mod li l-appellant ma setax jibbenefika mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkonċernaw ir-rata annwali ta’ kisba tad-drittijiet ta’ pensjoni u l-età tal-irtirar.

44

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali rrilevat li din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata bl-argument tal-appellant li kuntratt ġdid ma jipprekludix il-benefiċċju ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji, peress li ma jinvolvix ksur tal-kontinwità fl-affiljazzjoni ma’ u l-kontribuzzjoni għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni. Skont il-Qorti Ġenerali, l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet għall-membri tal-persunal ma tistax tiddependi fuq l-affiljazzjoni allegatament mhux interrotta mal-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, imma tidher li tiddependi fuq il-kontinwità funzjonali tal-imsemmija relazzjoni ta’ xogħol.

45

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors.

It‑talbiet tal-partijiet quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

46

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla t-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016 u, sa fejn hemm bżonn, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal‑25 ta’ Lulju 2016, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

47

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

Fuq l‑appell

Fuq l‑ammissibiltà

L‑argumenti tal‑partijiet

48

Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tal-appell, minħabba li l-appellant ma jidentifikax bi preċiżjoni l-punti tas-sentenza appellata li huwa jikkontesta, bi ksur tar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

49

Skont din l-istituzzjoni, l-appellant ma jikkontestax bħala żbaljati fil-liġi l-punti prinċipali tas-sentenza appellata li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali tat l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

50

Barra minn hekk, l-imsemmija istituzzjoni tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li abbażi tagħha għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli appell li ma għandux struttura koerenti, li huwa limitat għal dikjarazzjonijiet ġenerali u li ma fihx indikazzjonijiet preċiżi dwar il-punti tad-deċiżjoni kkontestata li huma possibbilment ivvizzjati bi żball ta’ liġi (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Staelen vs Médiateur, C‑45/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:814, punt 15).

51

Skont il-Kummissjoni, l-uniku riferiment, fl-appell, għal element tas-sentenza appellata huwa dak li sar fil-punt 90 ta’ din is-sentenza, li ma jistax jissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza imposti mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

52

L-appellant jikkontesta dawn l-argumenti.

L‑ewalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

53

Jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li appell għandu jindika b’mod preċiż il-punti kkritikati tas-sentenza li tagħha jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, Il-Kunsill vs Hamas, C‑833/19 P, EU:C:2021:950, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

B’mod partikolari, aggravju li l-argument tiegħu ma huwiex suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti u għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, b’mod partikolari għaliex l-elementi essenzjali li fuqhom huwa bbażat l-aggravju ma jirriżultawx b’mod suffiċjentement koerenti u li jinftiehem mit-test ta’ dan l-appell, li huwa fformulat b’mod oskur u ambigwu f’dan ir-rigward. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli appell li ma jkollux struttura koerenti, li jkun limitat għal dikjarazzjonijiet ġenerali li ma jinkludu l-ebda indikazzjonijiet preċiżi marbuta mal-punti tad-digriet appellat li huma possibbilment ivvizzjati bi żball ta’ liġi (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Issa, f’dan il-każ, jirriżulta mill-punti 24 et seq tal-appell li l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg meta ddeċidiet, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, li d-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jistgħu jkomplu japplikaw għall-membri l-oħra tal-persunal biss sa fejn dawn tal-aħħar ma jkunux ikkonkludew kuntratt ġdid jew li, meta jkunu kkonkludew kuntratt ġdid, huma jkomplu jeżerċitaw, sostanzjalment, l-istess funzjonijiet. L-appellant jesponi wkoll ir-raġunijiet għalfejn huwa jqis li din l-interpretazzjoni hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

56

Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-appell jindika b’mod preċiż il-punt ikkritikat tas-sentenza appellata u jesponi b’mod suffiċjenti l-motivi li għalihom dan il-punt huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi, b’tali mod li dan l-appell jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità.

57

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appell għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

Fuq l‑aggravju uniku

L‑argumenti tal‑partijiet

58

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant iqajjem aggravju uniku bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, li l-miżuri tranżitorji previsti fl-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg jistgħu jkomplu japplikaw għall-membri tal-persunal l-oħra biss sa fejn dawn tal-aħħar ma jkunux ikkonkludew kuntratt ġdid, jew li, minkejja li jkunu kkonkludew formalment kuntratt ġdid, huma jkomplu jeżerċitaw, b’mod sostanzjali, l-istess funzjonijiet.

59

Fir-rigward tal-qasam tal-iskema tal-pensjonijiet u tal-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni, ma hijiex il-kontinwità funzjonali iżda ż-żamma tal-affiljazzjoni u l-kontinwità tal-kontribuzzjoni għal din l-iskema, li tippermetti li jiġi ddefinit il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri tranżitorji previsti fl-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg,. Għalhekk, fil-każ ta’ sensiela ta’ kuntratti ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt mingħajr interruzzjoni, il-membru tal-persunal iżomm l-affiljazzjoni tiegħu mal-imsemmija skema u jkompli jakkumula d-drittijiet għall-pensjoni.

60

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-aggravju uniku. Qabel kollox, hija ssostni, fir-rigward tal-punti 81 u 82 tas-sentenza appellata, li l-appellant jillimita ruħu li jikkontesta r-riferiment tal-Qorti Ġenerali għall-ġurisprudenza tagħha dwar il-kontinwità funzjonali ta’ relazzjoni ta’ xogħol minkejja l-iffirmar ta’ kuntratt ġdid, riferiment li jirreferi biss għall-eċċezzjoni msemmija fl-aħħar sentenza ta’ dan il-punt 81 għar-regola li teħtieġ li analoġija mas-sitwazzjoni tal-uffiċjali, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, tibqa’ teżisti biss fil-każ fejn il-membru tal-persunal jibqa’ fil-kariga bis-saħħa ta’ kuntratt u ma jiffirmax kuntratt ġdid. Issa, din l-eċċezzjoni kienet tippermetti lill-appellant jibbenefika mill-applikazzjoni tal-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal fil-każ fejn kontinwità funzjonali bejn id-diversi kuntratti tiegħu setgħet tiġi stabbilita, iżda ma kinitx applikata għalih preċiżament.

61

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali interpretat l-Artikolu 1(1) tal-anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg konformement mal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, li jirreferi għat-tiftix ta’ “analoġija” bejn uffiċjali u membri oħra tal-persunal. F’dan il-kuntest, fid-dawl tad-differenza fin-natura tar-relazzjoni tax-xogħol tiegħu ma’ dik ta’ uffiċjal, huwa neċessarju, sabiex jiġi ddeterminat jekk membru tal-persunal ieħor għadux fil-kariga, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntratt tiegħu, u mhux il-kontinwità tal-affiljazzjoni tiegħu għall-iskema tal-pensjonijiet.

62

Barra minn hekk, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Torné vs Il-Kummissjoni (T‑128/17, EU:T:2018:969), ma hijiex rilevanti għal din il-kawża, peress li l-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ma kienx inkwistjoni f’din is-sentenza, peress li din tal-aħħar tikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ applikabbiltà tal-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal għal uffiċjal. Huma infondati wkoll il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali rrilevat, fl-imsemmija sentenza, li hija biss interruzzjoni fl-affiljazzjoni għall-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni li tista’ tiġġustifika l-inapplikabbiltà tad-disposizzjonijiet tranżitorji inklużi f’dawn l-Artikoli 21 u 22. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-appellant inkwistjoni fil-kawża li tat lok għall-istess sentenza kien fil-kariga unikament abbażi tal-ħatra tiegħu bħala uffiċjal, peress li l-affiljazzjoni tiegħu għall-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni hija biss il-konsegwenza ta’ din il-konstatazzjoni.

63

Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma qabblitx il-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid mat-terminazzjoni definittiva tal-funzjonijiet ta’ uffiċjal. Hija fakkret biss li, b’differenza għal uffiċjal, il-fatt li membru tal-persunal bil-kuntratt ikun fil-kariga f’data partikolari ma jistax jiġi stabbilit billi tiġi kkonstatata sempliċement l-eżistenza ta’ att ta’ ħatra.

64

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali eskludiet kwalunkwe kontinwità bejn il-kuntratt tal‑2008 u l-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014 wara verifika fattwali ddettaljata ħafna taċ-ċirkustanzi kollha marbuta mas-suċċessjoni ta’ dawn il-kuntratti, fil-punti 86 sa 90 tas-sentenza appellata. Issa, peress li l-appellant ma kkontestax dawn tal-aħħar, ma huwiex fondat li jsostni li kien hemm kontinwità bejn dawn iż-żewġ kuntratti.

65

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 86 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg huwa irrilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

L‑ewalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

66

Għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi miżuri tranżitorji applikabbli għall-uffiċjali f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni.

67

Min-naħa l-oħra, it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg jipprevedi, b’mod partikolari, li, l-Artikolu 21 u l-Artikolu 22, bl-eċċezzjoni tal-paragrafu (4) tiegħu, tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jinkludu dispożizzjonijiet tranżitorji dwar ir-rata annwali ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni u l-età tal-irtirar “għandhom japplikaw b’analoġija għal ħaddiema impjegati fil‑31 ta’ Diċembru 2013”.

68

Fil-punt 81 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kunċett ta’ “b’analoġija” li jinsab f’din id-dispożizzjoni jippreżupponi li l-membri tal-persunal jinsabu f’sitwazzjoni analoga għal dik tal-uffiċjali, li huwa eskluż, fil-fehma tagħha, meta membru tal-persunal ikun iffirma kuntratt ġdid li jimplika l-bidu ta’ relazzjoni ta’ xogħol ġdida mal-amministrazzjoni tal-Unjoni, sakemm dan il-kuntratt il-ġdid ma jwassalx għal tibdil sostanzjali tal-funzjonijiet tal-membru tal-persunal, b’mod partikolari tal-grupp ta’ funzjonijiet, ta’ natura li jikkontesta l-kontinwità funzjonali tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu ma’ din l-amministrazzjoni. Huwa abbażi ta’ din il-premessa li l-Qorti Ġenerali eżaminat is-sitwazzjoni tal-appellant u ċaħdet ir-rikors tiegħu.

69

Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni li hija għamlet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, għandu għalhekk jiġi analizzat b’mod partikolari l-kunċett ta’ “b’analoġija”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni.

70

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li mill-formulazzjoni stess tat-tieni sentenza tal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg u, b’mod partikolari, mill-kunċett ta’ “b’analoġija” inkluż fiha, jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiggarantixxi lill-membri tal-persunal l-oħra li kienu fil-kariga fil‑31 ta’ Diċembru 2013 il-benefiċċju ta’ wħud mill-miżuri tranżitorji previsti fl-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, u dan minkejja d-differenzi eżistenti bejn l-uffiċjali u dawn il-membri tal-persunal l-oħra. Madankollu, dan il-kunċett ta’ “b’analoġija” ma jippermettix, fih innifsu, li wieħed jifhem bi preċiżjoni, fost il-membri l-oħra fil-kariga fil‑31 ta’ Diċembru 2013, dawk li għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-miżuri tranżitorji kkonċernati, b’mod partikolari fil-każ ta’ bidla ulterjuri tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom mal-amministrazzjoni tal-Unjoni.

71

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija, C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

Fir-rigward, minn naħa, tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tar-riforma tal‑2014, mill-premessa 29 tar-Regolament Nru 1023/2013, li emenda r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg sabiex din ir-riforma tiġi implimentata, jirriżulta li “għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti tranżitorji li jippermettu li r-regoli u l-miżuri l-ġodda jiġu applikati gradwalment, fir-rispett tad-drittijiet miksuba u tal-istennijiet leġittimi tal-persunal impjegat qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi fir-Regolamenti tal-Persunal.”

73

Kif ġustament tirrileva l-Qorti Ġenerali fil-punt 67 tas-sentenza appellata, fost dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji hemm mhux biss l-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda wkoll l-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

74

Għaldaqstant, fid-dawl tal-premessa 29 tar-Regolament Nru 1023/2013, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija dispożizzjonijiet tranżitorji ġew stabbiliti bla ħsara għall-“istennijiet leġittimi” tal-“persunal impjegat” fil‑31 ta’ Diċembru 2013. Din hija formulazzjoni wiesgħa, li tmur lil hinn mid-drittijiet kweżiti fis-sens strett u li tapplika għall-persunal kollu tal-Unjoni, u mhux biss għall-uffiċjali tagħha.

75

Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għanijiet relatati mar-rispett tad-drittijiet kweżiti u tal-aspettattivi leġittimi tal-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni rreklutati permezz ta’ kuntratt fil‑31 ta’ Diċembru 2013.

76

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li mill-Artikolu 83(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-uffiċjali jikkontribwixxu terz għall-finanzjament ta’ din l-iskema tal-pensjonijiet, filwaqt li din il-kontribuzzjoni hija ffissata għal perċentwali ddeterminata mis-salarju bażiku (sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2017, de Lobkowicz, C‑690/15, EU:C:2017:355, punt 43). L-uffiċjali kollha li jirċievu salarju jew allowance tal-Unjoni u li għadhom ma humiex pensjonanti għandhom jikkontribwixxu għall-iskema tal-pensjonijiet stabbilita mir-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il-Kummissjoni, C‑30/91 P, EU:C:1992:252, punt 23). Dawn il-kontribuzzjonijiet jagħtu lill-uffiċjal id-dritt għal pensjoni tal-irtirar indipendentement mill-funzjonijiet li huwa jeżerċita fi ħdan l-amministrazzjoni tal-Unjoni.

77

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li uffiċjal li daħal fil-kariga qabel l‑1 ta’ Jannar 2014 jibbenefika, taħt ċerti kundizzjonijiet, mid-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jippermettulu li jżomm ir-rata annwali ta’ akkwist tad-drittijiet għall-pensjoni u l-età tal-irtirar, kif stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal qabel l-emenda tagħhom bir-Regolament Nru 1023/2013. Issa, uffiċjal li daħal fil-kariga qabel din id-data u li l-funzjonijiet tiegħu ġew emendati sostanzjalment wara din id-data ma jitlifx, minħabba dan il-fatt biss, il-benefiċċju ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji abbażi, b’mod partikolari, tal-kontribuzzjonijiet li huwa jkompli jħallas f’din l-iskema tal-pensjonijiet matul il-perijodu tiegħu fil-kariga.

78

Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg jistabbilixxu skema ta’ pensjonijiet komuni għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal l-oħra.

79

Fil-fatt, fid-dawl tar-riferiment għall-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu 3 tat-Titolu V tar-Regolamenti tal-Persunal, imwettaq mill-Artikolu 39(1) kif ukoll mill-Artikolu 109(1) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, il-membri tal-persunal temporanju u l-membri tal-persunal bil-kuntratt jikkontribwixxu wkoll, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 83(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-finanzjament ta’ din l-iskema tal-pensjonijiet.

80

Għalhekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar l-imsemmija skema ta’ pensjonijiet, previsti fl-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, membru tal-persunal bil-kuntratt, bħall-appellant, jinsab f’sitwazzjoni analoga għal dik ta’ uffiċjal, kif esposta fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, meta sseħħ bidla fir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu mal-amministrazzjoni tal-Unjoni wara l‑31 ta’ Diċembru 2013 li ma twassalx għal interruzzjoni fil-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet għall-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni.

81

Minn dan isegwi li, konformement mal-interpretazzjoni kuntestwali tat-tieni sentenza tal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg kif ukoll mal-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fiha, imfakkra fil-punt 74 ta’ din is-sentenza u marbuta mar-rispett tad-drittijiet kweżiti u tal-aspettattivi leġittimi tal-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni rreklutati permezz ta’ kuntratt fil‑31 ta’ Diċembru 2013, membru tal-persunal li ma huwiex uffiċjal irreklutat sa mhux iktar tard minn din id-data u li l-funzjonijiet tiegħu kienu nbidlu sostanzjalment minn kuntratt ġdid konkluż wara din tal-aħħar, għandu, b’analoġija ma’ dak li japplika għall-uffiċjali li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik deskritta fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, jibbenefika minn dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji, peress li jkun baqa’ għaddej bil-kontribuzzjonijiet tiegħu għal din l-iskema tal-pensjonijiet.

82

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, fir-rigward ta’ membru tal-persunal li ma huwiex uffiċjal, irreklutat fil‑31 ta’ Diċembru 2013 u li ffirma kuntratt ġdid mal-amministrazzjoni tal-Unjoni wara din id-data, li l-kunċett ta’ “b’analoġija”, li jinsab fl-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, jeżiġi li dan il-kuntratt il-ġdid ma jagħmilx bidla sostanzjali tal-funzjonijiet ta’ dan il-membru tal-persunal, ta’ natura li tqajjem dubju dwar il-kontinwità funzjonali tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu ma’ din l-amministrazzjoni.

83

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appell għandu jintlaqa’ u, għaldaqstant, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

Fuq ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali

84

Konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, taqta’ l-kawża b’mod definittiv hija stess meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

85

F’dan ir-rigward, infakkar li, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors ibbażata fuq l-assenza ta’ att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Kif ġie indikat fil-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali għaqdet fil-mertu l-eżami ta’ din l-eċċezzjoni u ddeċidiet li teżamina l-mertu tal-motiv uniku mqajjem mill-appellant mingħajr ma ddeċidiet minn qabel dwar l-imsemmija eċċezzjoni, għar-raġuni li r-rikors kien, fi kwalunkwe każ, infondat.

86

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata deċiżjoni definittiva dwar il-kawża, hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni qabel ma tiġi eżaminata l-fondatezza tar-rikors.

87

F’dan il-każ, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-fatt li kemm l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kif ukoll il- motiv uniku mressaq mill-appellant insostenn tar-rikors tiegħu kienu s-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-eżami tagħhom ma jeħtieġ l-adozzjoni ta’ ebda miżura addizzjonali ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ investigazzjoni tal-proċess, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-imsemmi rikors huwa fi stat li jiġi deċiż u li hemm lok li tingħata deċiżjoni definittiva fuqu.

Fuq l‑ammissibiltà

L‑argumenti tal‑partijiet

88

Insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibilità tagħha, il-Kummissjoni tirrileva li l-att ikkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri t-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016, huwa posta elettronika li ntbagħtet mill-appellant lill-PMO u li din il-posta elettronika kien fiha t-twissija segwenti: “[j]ekk jogħġbok innota li dan il-messaġġ qiegħed jintbagħat bħala informazzjoni u ma jikkostitwixxix deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra/Awtorità li għandha s-Setgħa tikkonkludi Kuntratti ta’ Ingaġġ li tista’ tkun is-suġġett ta’ lment skont l-Artikolu 90 tar-[R]egolamenti tal-Persunal”. Hija tqis li l-imsemmija posta elettronika ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti mill-ġurisprudenza dwar l-atti li jikkawżaw preġudizzju.

89

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li, f’dan il-każ, hija ma ħadet ebda deċiżjoni, iżda sempliċement ipprovdiet informazzjoni. B’mod partikolari, din it-twissija tindika r-rieda ċara tal-Kummissjoni li tipprovdi sempliċi informazzjoni u li turi li hija ma kinitx ħadet il-prekawzjonijiet indispensabbli għall-adozzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju.

90

Fit-tieni lok, anki li kieku l-appellant kien ressaq, quddiem il-PMO, talba intiża sabiex jiġu indirizzati d-drittijiet għall-pensjoni futuri tiegħu, it-tweġiba għal din it-talba ma kinitx tkun tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju. Fil-qasam tad-drittijiet għall-pensjoni, miżura li tipproduċi effetti legali tista’ tiġi adottata biss mal-irtirar, li huwa kkonfermat mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑3 ta’ April 1990, Pfloeschner vs Il-Kummissjoni (T‑135/89, EU:T:1990:26).

91

Fit-tielet lok, peress li l-età tal-irtirar u r-rata annwali ta’ kisba tad-drittijiet għall-pensjoni huma stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal u mhux permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva, it-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016 ma jistax ikollha portata differenti minn dik ta’ sempliċi informazzjoni.

92

Fir-raba’ u fl-aħħar lok, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal dwar ir-rata tal-kisba tad-drittijiet għall-pensjoni u l-età tal-irtirar jistgħu jiġu emendati mil-leġiżlatur tal-Unjoni sal-għoti effettiv tad-drittijiet għall-pensjoni. Għaldaqstant, ilment ibbażat fuq il-ksur tagħhom huwa, mid-definizzjoni tiegħu, prematur u, minħabba f’hekk, inammissibbli.

93

Skont l-appellant, ir-rikors tiegħu ġie ppreżentat kontra att li kkawżalu preġudizzju, b’tali mod li huwa ammissibbli.

L‑ewalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

94

Permezz tar-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellant jitlob l-annullament, minn naħa, tat-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016 u, min-naħa l-oħra, sa fejn ikun neċessarju, tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal‑25 ta’ Lulju 2016. Għaldaqstant, għandu qabelxejn jiġi eżaminat jekk din it-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016 tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

95

Skont din id-dispożizzjoni, kull persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal tista’ tressaq ilment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra kontra att li jikkawżalha preġudizzju. L-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jippreċiża li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar kull tilwima bejn l-Unjoni u kull persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal u li tirrigwarda l-legalità ta’ att li jikkawża preġudizzju lil din il-persuna, fis-sens tal-Artikolu 90(2). Dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli b’analoġija għar-rikorsi tal-membri tal-persunal l-oħra skont l-Artikolu 117 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

96

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma biss l-atti jew il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent billi jbiddlu, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali tiegħu, li jikkawżaw preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97

Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-att ikkontestat jipproduċix tali effetti, għandu jsir riferiment għas-sustanza ta’ dan l-att u għandhom jiġu evalwati dawn l-effetti fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-imsemmi att, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Poggiolini vs Il-Parlament, C‑408/20 P, EU:C:2021:806, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, Nord Stream 2 vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

98

Għalhekk, il-kapaċità ta’ att li jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika ma tistax tiġi evalwata fid-dawl biss tal-fatt li dan l-att għandu l-forma ta’ posta elettronika, sa fejn dan iwassal sabiex il-forma tal-att li huwa s-suġġett tar-rikors tipprevali fuq is-sustanza stess tal-imsemmiatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punti 6467 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

99

Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi eżaminat il-kontenut tat-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-adozzjoni ta’ din tal-aħħar kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni li hija l-awtriċi tagħha.

100

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellant, permezz ta’ posta elettronika tal‑4 ta’ Jannar 2016, talab lill-amministratur tat-taqsima “Pensjonijiet” tal-PMO spjegazzjonijiet dwar l-implikazzjonijiet li r-riforma tal‑2014 jista’ jkollha fuq is-sitwazzjoni tiegħu wara l-iffirmar tal-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014. Permezz ta’ tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016, dan l-amministratur indika lill-appellant li d-drittijiet għall-pensjoni tiegħu kienu nbidlu minħabba l-bidla fil-kuntratt u li, għaldaqstant, fir-rigward tiegħu, l-età normali tal-irtirar u r-rata annwali ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni kienu saru, rispettivament 66 sena u 1.8 % mill‑1 ta’ Ġunju 2014.

101

Minn dan il-proċess jirriżulta wkoll li l-imsemmi amministratur ikkonkluda l-posta elettronika b’dan li ġej: “[n]ispera li din l-informazzjoni tkun utli għalik”. Barra minn hekk, il-firma tal-istess amministratur kienet segwita mit-twissija segwenti: “ [j]ekk jogħġbok innota li dan il-messaġġ qiegħed jintbagħat bħala informazzjoni u ma jikkostitwixxix deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra/Awtorità li għandha s-Setgħa tikkonkludi Kuntratti ta’ Ingaġġ li tista’ tkun is-suġġett ta’ lment skont l-Artikolu 90 tar-[R]egolamenti tal-Persunal”.

102

Għalkemm it-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016 fiha, ċertament, indizji tar-rieda tal-PMO li tagħtiha natura purament informattiva, hija tinkludi wkoll assigurazzjonijiet preċiżi sa fejn l-amministratur tat-taqsima “Pensjonijiet” tal-PMO indika lill-appellant li huwa “[kien] ikkonferm[lu] effettivament li d-drittijiet għall-pensjoni [tiegħu kienu] nbidlu minħabba l-bidla fil-kuntratt”.

103

Għalkemm, kif tosserva l-Kummissjoni, l-età tal-irtirar u r-rata annwali ta’ kisba tad-drittijiet għall-pensjoni huma stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal u mhux mill-amministrazzjoni, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, fit-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016, dan l-amministratur ma llimitax ruħu li jinforma lill-appellant bil-kontenut tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal kif jirriżultaw mir-riforma tal‑2014, iżda indikalu li dawn id-dispożizzjonijiet kienu issa applikabbli għalih u, impliċitament iżda neċessarjament, li huwa ma setax jibbenefika mill-miżuri tranżitorji previsti fl-Artikolu 1(1) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg. Għaldaqstant, din it-tweġiba ma għandhiex tiġi analizzata bħala li tipprovdi lill-appellant sempliċi informazzjoni dwar il-kontenut tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, iżda bħala li tindikalu d-dispożizzjonijiet ta’ dawn it-testi li l-amministrazzjoni kienet tikkunsidra applikabbli għas-sitwazzjoni tiegħu.

104

Issa, tali elementi huma, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, ta’ natura li jeskludu li t-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016 tista’, fid-dawl tal-kontenut tagħha, titqies li hija ta’ natura purament informattiva.

105

Fil-fatt, din it-tweġiba, mogħtija minn amministratur tat-taqsima “Pensjonijiet” tal-PMO, jiġifieri tad-dipartiment responsabbli għall-ġestjoni u għal-likwidazzjoni tal-pensjonijiet tal-persunal tal-Kummissjoni, kienet ta’ natura li taffettwa direttament u immedjatament l-interessi tal-appellant billi tbiddel, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali tiegħu, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-età li fiha, fid-dritt stabbilit, jiġifieri konformement mal-qafas regolatorju fis-seħħ f’kull mument, huwa jkun jista’ jippretendi li jirtira.

106

Din il-konklużjoni hija kkorroborata fid-dawl tas-setgħat tal-awtur tal-imsemmija tweġiba. Fil-fatt, huwa paċifiku li din ġiet ipprovduta mid-dipartiment responsabbli għall-ġestjoni u għal-likwidazzjoni tal-pensjonijiet tal-persunal tal-Kummissjoni, mingħajr ma huwa kkontestat li l-Kummissjoni kienet kompetenti sabiex tadotta, fir-rigward tal-persuna kkonċernata, deċiżjonijiet fil-qasam li jipproduċu effetti legali vinkolanti, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 95 ta’ din is-sentenza.

107

Madankollu, il-Kummissjoni tafferma li, fil-qasam tad-drittijiet għall-pensjoni, miżura li tipproduċi effetti legali tista’ tiġi adottata biss mal-irtirar, fatt li huwa kkonfermat mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑3 ta’ April 1990, Pfloeschner vs Il-Kummissjoni (T‑135/89, EU:T:1990:26).

108

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm huwa minnu li qabel l-irtirar, avveniment futur inċert, id-drittijiet għall-pensjoni huma drittijiet virtwali, li qegħdin jikkostitwixxu ruħhom ta’ kuljum, xorta jibqa’ l-fatt li att amministrattiv li minnu jirriżulta li membru tal-persunal ma jistax jibbenefika minn dispożizzjonijiet iktar favorevoli f’dak li jirrigwarda r-rata annwali ta’ kisba ta’ dawn id-drittijiet u l-età tal-irtirar normali tiegħu jaffettwa immedjatament u direttament is-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata, anki jekk dan l-att għandu jiġi implimentat biss fil-futur. Li kieku kellu jiġi deċiż mod ieħor, l-appellant ikun jista’ jkun jaf id-drittijiet tiegħu biss fil-mument tal-irtirar u jitpoġġa, sa dak il-mument, fi stat ta’ inċertezza f’dak li jikkonċerna mhux biss is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, iżda wkoll l-età li fiha huwa jista’ jitlob l-irtirar tiegħu, li ma tippermettilux jieħu immedjatament id-dispożizzjonijiet personali xierqa sabiex jiżgura l-futur tiegħu kif huwa jipprevedi. Minn dan jirriżulta li l-appellant għandu interess leġittimu, ċert u attwali, suffiċjentement serju, sabiex jistabbilixxi b’mod ġudizzjarju, sa minn issa, element inċert bħall-età tal-irtirar tiegħu u r-rata annwali ta’ kisba tad-drittijiet għall-pensjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Frar 1979, Deshormes vs Il-Kummissjoni, 17/78, EU:C:1979:24, punti 10 sa 12).

109

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li tiġi ppreparata d-deċiżjoni finali ma jikkostitwixxux, bħala prinċipju, atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L-Ungerija vs Il-Parlament, C‑650/18, EU:C:2021:426, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

110

Madankollu, il-konstatazzjoni li att ta’ istituzzjoni jikkostitwixxi miżura intermedjarja li ma tesprimix il-pożizzjoni finali ta’ din l-istituzzjoni ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit, b’mod sistematiku, li dan l-att ma jikkostitwixxix att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Poggiolini vs Il-Parlament, C‑408/20 P, EU:C:2021:806, punt 38).

111

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li att intermedjarju li jipproduċi effetti legali awtonomi jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament sa fejn ma tkunx tista’ tiġi rrimedjata l-illegalità marbuta ma’ dan l-att fl-okkażjoni ta’ rikors dirett kontra d-deċiżjoni finali li tagħha jikkostitwixxi stadju ta’ elaborazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L-Ungerija vs Il-Parlament, C‑650/18, EU:C:2021:426, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112

Għaldaqstant, meta l-kontestazzjoni tal-legalità ta’ att intermedjarju fil-kuntest ta’ tali rikors ma hijiex tali li tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva lir-rikorrent kontra l-effetti ta’ dan l-att, dan għandu jkun jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Poggiolini vs Il-Parlament, C‑408/20 P, EU:C:2021:806, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113

Issa, hekk kif l-Avukat Ġenerali kkonstata, essenzjalment, fil-punt 89 tal-konklużjonijiet tiegħu, li kieku l-appellant kellu jistenna d-data li fiha jilħaq l-età tal-irtirar magħżula mill-awtorità kompetenti sabiex ikun jista’ jikkontesta d-deċiżjoni finali li tittieħed f’din id-data u li tistabbilixxi b’mod definittiv id-drittijiet tiegħu għall-pensjoni, huwa jiġi mċaħħad minn kull protezzjoni ġudizzjarja effettiva li tippermettilu jinvoka d-drittijiet tiegħu.

114

Ċertament, kif issostni l-Kummissjoni, element bħall-età tal-irtirar ta’ membru tal-persunal jista’ jiġi emendat fi kwalunkwe mument mil-leġiżlatur tal-Unjoni sal-mument tal-likwidazzjoni effettiva tad-drittijiet għall-pensjoni ta’ dan il-membru tal-persunal. Madankollu, ħlief jekk l-appellant jiġi mċaħħad mill-protezzjoni ġudizzjarja effettiva imsemmija fil-punt preċedenti, dan madankollu ma għandux jiġi prekluż milli jkun jaf bi preċiżjoni liema tkun, fid-dritt stabbilit, l-età normali tal-irtirar tiegħu, bla ħsara għal eventwali emenda tal-qafas regolatorju.

115

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-eżerċizzju ta’ rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni finali li l-Kummissjoni tadotta meta l-appellant jirtira ma huwiex ta’ natura li jiżguralu protezzjoni ġudizzjarja effettiva, it-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016, li tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, għandha tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

116

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors għal annullament ippreżentat mill-appellant quddiem il-Qorti Ġenerali għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

Fuq il‑mertu

117

Insostenn tar-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellant jinvoka motiv uniku, ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq ksur tat-tieni u l-ħames paragrafu tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli għall-membri tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikolu 109 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, kif ukoll tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 u tal-Artikolu 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn jirriżulta mit-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016 li d-data tad-dħul fis-servizz meħuda inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal kienet dik tal‑1 ta’ Ġunju 2014, data tal-bidu tal-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014, filwaqt li kellha titqies id-data tal‑1 ta’ Lulju 2008, data li fiha huwa inizjalment daħal fis-servizz tal-Kummissjoni, bħala membru tal-persunal bil-kuntratt.

118

Jirriżulta mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, mill‑1 ta’ Lulju 2008, id-data tar-reklutaġġ inizjali tiegħu fil-kwalità ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt mal-PMO, l-appellant ħadem mingħajr interruzzjoni għas-servizz tal-Unjoni u kompla jikkontribwixxi għall-iskema ta’ pensjoni ta’ din tal-aħħar.

119

Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-punt 80 ta’ din is-sentenza, għandhom jiġu applikati b’analoġija għall-appellant, skont l-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, id-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar iż-żamma tar-rata annwali ta’ kisba tad-drittijiet għall-pensjoni ta’ 1.9 % u tad-dritt għal pensjoni tal-irtirar fl-età ta’ 64 sena u 8 xhur, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, rispettivament.

120

Konsegwentement, hemm lok li tiġi annullata t-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016 kif ukoll id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal‑25 ta’ Lulju 2016 peress li huma kuntrarji għall-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

Fuq l‑ispejjeż

121

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi hija stess il-kawża b’mod definittiv, hija għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

122

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

123

F’dan il-każ, peress li l-appellant talab li l-Kummissjoni tiġi kkundannata u peress li din tal-aħħar tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-appellant f’dan l-appell kif ukoll dawk sostnuti minnu fl-ewwel istanza.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑24 ta’ Marzu 2021, Picard vs Il-Kummissjoni (T‑769/16, EU:T:2021:153), kif emendata bid-Digriet tas‑16 ta’ April 2021, Picard vs Il-Kummissjoni (T‑769/16, EU:T:2021:200), hija annullata.

 

2)

It-tweġiba tal-amministratur tat-Taqsima “Pensjonijiet” tal-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali tal-Kummissjoni Ewropea (PMO) tal‑4 ta’ Jannar 2016 kif ukoll id-deċiżjoni tal‑25 ta’ Lulju 2016 tad-Direttur tad-Direttorat E tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani tal-Kummissjoni, li tiċħad l-ilment ta’ Maxime Picard tal‑4 ta’ April 2016 fir-rigward ta’ din it-tweġiba, huma annullati.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti minn Maxime Picard għall-preżentata ta’ dan l-appell, kif ukoll dawk sostnuti minnu fl-ewwel istanza.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż.