SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

27 ta’ April 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni – Punt 5 tal-Artikolu 15 – Possibbiltà ta’ deroga minn dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni permezz ta’ konvenzjonijiet – Punt 5 tal-Artikolu 16 – Direttiva 2009/138/KE – Punt 27 tal-Artikolu 13– Kunċett ta’ ‘riskji kbar’ – Kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq korp ta’ bastiment – Klawżola dwar l-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni konkluża bejn l-assiguratur u l-assigurat – Possibbiltà li din il-klawżola tiġi invokata kontra l-assigurat – Opra tal-baħar rikreattiva użata għal finijiet mhux kummerċjali”

Fil-Kawża C‑352/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Mejju 2021, fil-kawża

A1,

A2

vs

I,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn T. von Danwitz, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, A. Kumin (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Noë, H. Tserepa‑Lacombe u C. Vang, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 15 u tal-punt 5 tal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, A1 u A2, żewġ persuni fiżiċi ddomiċiljati fid-Danimarka, u, min-naħa l-oħra, I, kumpannija ta’ assigurazzjoni stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi (iktar ’il quddiem il-“kumpannija ta’ assigurazzjoni I”), dwar il-validità ta’ klawżola dwar l-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni prevista minn kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq korp ta’ bastiment li jirrigwarda dgħajsa bil-qlugħ.

Il-kuntest ġuridiku

Ir‑Regolament Nru 1215/2012

3

Il-premessi 15 u 18 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdu:

“(15)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. […]

[…]

(18)

B’relazzjoni mal-kuntratti ta’ assigurazzjoni, tal-konsumatur u ta’ impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni aktar favorevoli għall-interessi tagħha milli r-regoli ġenerali.”

4

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni, li huma s-suġġett tat-Taqsima 3 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, jinsabu fl-Artikoli 10 sa 16 ta’ dan tal-aħħar.

5

L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 u l-punt 5 tal-Artikolu 7.”

6

L-Artikolu 11 tal-istess regolament jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Assiguratur domiċiljat fi Stat Membru jista’ jiġi mfittex:

(a)

fil-qrati tal-Istat Membru fejn ikun domiċiljat;

(b)

fi Stat Membru ieħor, fil-każ ta’ azzjonijiet miġjuba minn dak li jkollu l-polza ta’ assigurazzjoni, dak li jkun assigurat jew xi benefiċjarju, fil-qrati tal-post fejn ir-rikorrent ikun domiċiljat; […]

[…]”

7

L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi:

“Id-disposizzjonijiet ta’ din it-Taqsima jistgħu jitwarrbu biss bi ftehim:

[…]

(5)

li jkun relatat ma’ kuntratt ta’ assigurazzjoni sakemm ikopri wieħed jew aktar mir-riskji mniżżla fl-Artikolu 16.”

8

Skont l-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament:

“Dawn li ġejjin huma r-riskji msemmija fil-punt 5 tal-Artikolu 15:

(1)

xi telf jew ħsara għal:

(a)

vapuri tajbin għat-tbaħħir, installazzjonijiet ’il barra mix-xatt jew fuq il-baħar, jew ajruplani, li joriġinaw mill-perikoli li għandhom x’jaqsmu mal-użu tagħhom jew għal skopijiet kummerċjali;

(b)

oġġetti fi tranżitu apparti minn bagalji tal-passiġġieri meta t-transitu jkun jikkonsisti jew jinkludi t-trasport b’tali vapuri jew ajruplani;

(2)

kwalunkwe responsabbilità, apparti minn dik ta’ korriment tal-passiġġieri jew telf jew ħsara tal-bagalji tagħhom:

(a)

li joriġinaw mill-użu jew operat tal-vapuri, l-installazzjonijiet jew l-ajruplani li hemm referenza għalihom fil-punt 1(a) sakemm, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, il-liġi tal-Istat Membru fejn ikun irreġistrat dak l-ajruplan ma jkunx għamel ftehim ipprojbit dwar il-ġurisdizzjoni li tirrigwardja l-assigurazzjoni ta’ riskji bħal dawk;

(b)

għal telf jew ħsara ikkawżata lill-oġġetti fi transitu kif deskritti fil-punt 1(b);

(3)

kwalunkwe telf finanzjarju konness mal-użu jew l-operat ta’ vapuri, installazzjonijiet jew ajruplani msemmija fil-punt 1(a), b’mod partikolari t-telf ta’ tagħbija jew ta’ kiri b’charter;

(4)

kwalunkwe riskju jew interess konness ma’ wħud minn dawk imsemmija fil-punti 1 sa 3;

(5)

independentement mill-punti 1 sa 4, ‘ir-riskji kbar’ kollha kif definiti Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) [(ĠU 2009, L 335, p. 1)].”

9

Kif jirriżulta mill-premessa 41 tar-Regolament Nru 1215/2012, konformement mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE, ir-Renju tad-Danimarka ma pparteċipax fl-adozzjoni ta’ dan ir-regolament u la kien marbut bih u lanqas ma kien suġġett għall-applikazzjoni tiegħu. Madankollu, konformement mal-Artikolu 3(2) tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2006, L 173M, p. 27), dan l-Istat Membru, permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Diċembru 2012, innotifika lill-Kummissjoni Ewropea bid-deċiżjoni tiegħu li japplika l-kontenut tal-imsemmi regolament, bil-konsegwenza li d-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar japplikaw għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u d-Danimarka. Skont l-Artikolu 3(6) ta’ dan il-Ftehim, in-notifika tad-Danimarka toħloq obbligi reċiproċi bejn id-Danimarka u l-Unjoni (ĠU 2013, L 79, p. 4).

Id‑Direttiva 2009/138

10

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138 jipprovdi:

“Għall-fini ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(27)

‘riskji kbar’ tfisser:

(a)

riskji kklassifikati taħt il-klassijiet 4, 5, 6, 7, 11 u 12 fil-Parti A tal-Anness I;

(b)

riskji kklassifikati taħt il-klassijiet 14 u 15 tal-Parti A tal-Anness I, meta t-titolari tal-polza jkun ingaġġat professjonalment f’attività industrijali jew kummerċjali jew f’waħda mill-professjonijiet liberali, u r-riskji jirrelataw għal din l-attività;

(ċ)

riskji kklassifikati taħt il-klassijiet 3, 8, 9, 10, 13 u 16 tal-Parti A tal-Anness I, sa fejn it-titolari tal-polza jeċċedi l-limiti ta’ mill-anqas tnejn minn dawn il-kriterji li ġejjin:

(i)

total tal-karta tal-bilanċ ta’ EUR 6,2 miljun;

(ii)

valur fuq il-bejgħ nett […] ta’ EUR 12,8 miljun;

(iii)

numru medju ta’ 250 impjegati matul is-sena finanzjarja.

[…]

[…]”

11

Il-klassi 6, intitolata “Vapuri (bastimenti tal-baħar, tal-lagi, tax-xmajjar u tal-kanali)”, tal-Parti A tal-Anness I ta’ din id-direttiva, hija fformulata kif ġej:

“Il-ħsarat kollha jew it-telf ta’:

bastimenti tax-xmajjar u tal-kanali;

bastimenti tal-lagi;

bastimenti tal-baħar.”

Id‑Deċiżjoni 2014/887/UE

12

Il-premessa 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal‑4 ta’ Diċembru 2014 dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Aja tat‑30 ta’ Ġunju 2005 dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum (ĠU 2014, L 353, p. 5), tipprovdi:

“Meta tapprova l-Konvenzjoni [dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum konkluża fit‑30 ta’ Ġunju 2005 taħt l-awspiċi tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat], l-Unjoni għandha wkoll tagħmel id-dikjarazzjoni, permessa taħt l-Artikolu 21, li teskludi mill-ambitu tal-Konvenzjoni l-kuntratti ta’ assigurazzjoni inġenerali, b’dan soġġett għal xi eċċezzjonijiet definiti tajjeb. L-għan tad-dikjarazzjoni huwa li jiġu preservati r-regoli ta’ ġurisdizzjoni protettivi disponibbli għal dak li jkollu l-polza ta’ assigurazzjoni, dak li jkun assigurat jew xi benefiċjarju f’materji relatati ma’ assigurazzjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 [tal-Kunsill tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42)]. L-esklużjoni għandha tkun limitata għal dak li jkun meħtieġ biex jitħarsu l-interessi tal-partijiet l-aktar dgħajfa f’kuntratti tal-assigurazzjoni. Għalhekk m’għandhiex tkopri kuntratti ta’ riassigurazzjoni u lanqas kuntratti relatati ma’ riskji kbar. L-Unjoni għandha, fl-istess ħin, tagħmel dikjarazzjoni unilaterali li tindika li hija tista’, fi stadju aktar tard fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni, tivvaluta mill-ġdid il-ħtieġa li tinżamm id-dikjarazzjoni tagħha taħt l-Artikolu 21.”

13

Skont id-“[d]ikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea mal-approvazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Aja tat‑30 ta’ Ġunju 2005 dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum […] skont l-Artikolu 21 ta’ [din] il-Konvenzjoni”, li jinsab fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2014/887:

“L-għan ta’ din id-dikjarazzjoni, li teskludi ċerti tipi ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni, huwa li tipproteġi ċerti detenturi ta’ poloz, partijiet assigurati u benefiċjarji li jgawdu minn protezzjoni speċjali skont il-liġi nazzjonali tal-Unjoni Ewropea.

1.   L-Unjoni Ewropea tiddikjara, skont l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni, li mhijiex ser tapplika l-Konvenzjoni għal kuntratti tal-assigurazzjoni, ħlief kif previst fil-paragrafu 2 ta’ hawn taħt.

2.   L-Unjoni Ewropea ser tapplika l-Konvenzjoni għal kuntratti ta’ assigurazzjoni fil-każijiet li ġejjin:

[…]

(d)

fejn il-ftehim dwar l-għażla tal-forum ikun dwar kuntratt ta’ assigurazzjoni li jkopri riskju wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin meqjusa bħala riskji kbar:

(i)

kwalunkwe telf jew ħsara li jirriżulta minn perikli relatati mal-użu tagħhom għal finijiet kummerċjali, ta’, jew biex:

(a)

vapuri tal-baħar, installazzjonijiet li jinsabu lil hinn mill-kosta jew fil-baħar miftuħ jew fix-xmajjar, bastimenti tal-kanali u tal-lagi;

[…]

[…]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

14

Fil‑15 ta’ Ottubru 2013, A1 u A2 ikkonkludew kuntratt ta’ bejgħ ta’ dgħajsa bil-qlugħ użata, bil-prezz ta’ EUR 315000, ma’ bejjiegħ bl-imnut stabbilit f’Ijmuiden (il-Pajjiżi l-Baxxi).

15

A1 u A2 ikkonkludew ukoll kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ responsabbiltà ċivili u fuq korp ta’ bastiment li jirrigwarda din id-dgħajsa bil-qlugħ mal-kumpannija tal-assigurazzjoni I. Matul il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, b’effett mill‑1 ta’ Novembru 2013, A1 u A2 indikaw fuq il-formola ta’ talba għal assigurazzjoni pprovduta minn din il-kumpannija, intitolata “Application form yacht insurance” (formola ta’ talba għall-assigurazzjoni ta’ yacht) li, minn naħa, l-imsemmija dgħajsa bil-qlugħ għandha l-port ta’ reġistrazzjoni tagħha fid-Danimarka u li, min-naħa l-oħra, din tintuża biss għal finijiet privati u rikreattivi u li la tiġi mikrija u lanqas mikrija b’charter.

16

Bis-saħħa ta’ dispożizzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ assigurazzjoni previsti mill-imsemmi kuntratt, min ikollu l-polza ta’ assigurazzjoni seta’ jressaq kull tilwima quddiem qorti kompetenti fil-Pajjiżi l-Baxxi.

17

Fix-xahar ta’ Mejju 2018, A1 u A2 inkaljaw fuq l-art fil-Finlandja. Matul ir-rebbiegħa tas-sena ta’ wara, huma skoprew ħsara fil-prim u l-korp tal-imsemmija dgħajsa bil-qlugħ. Għalhekk, fix-xahar ta’ Mejju 2019, huma nnotifikaw lill-kumpannija tal-assigurazzjoni I, bl-inkaljament li, wara rapport ta’ perizja, irrifjutat li tkopri l-ħsarat iddikjarati, u dan minħabba n-natura tagħhom.

18

Sussegwentement, A1 u A2 ressqu azzjoni kontra din il-kumpannija quddiem ir-Retten i Helsingør (il-Qorti ta’ Elseneur, id-Danimarka) sabiex din tiġi kkundannata tkopri l-ispejjeż relatati mal-kumpens ta’ dawn il-ħsarat, stmati li jammontaw għal 300000 krona Daniża (DKK) (madwar EUR 40300). Fil-kuntest ta’ din l-azzjoni, l-imsemmija kumpannija qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, minħabba li, konformement mal-klawżola dwar l-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni prevista mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni inkwistjoni, l-imsemmija azzjoni kellha titressaq quddiem qorti Olandiża.

19

Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2020, ir-Retten i Helsingør (il-Qorti ta’ Elseneur) laqgħet din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

20

A1 u A2 appellaw minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), billi talbu, prinċipalment, ir-rinviju tal-kawża quddiem ir-Retten i Helsingør (il-Qorti ta’ Elseneur) u, sussidjarjament, eżami tal-mertu tal-azzjoni mill-qorti tar-rinviju, minħabba li, bħala opra tal-baħar rikreattiva, id-dgħajsa bil-qlugħ inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-punt 5 tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1215/2012 u li, konsegwentement, huma kienu intitolati li jressqu l-azzjoni tagħhom fl-ewwel istanza quddiem qorti Daniża.

21

B’mod iktar speċifiku, A1 u A2 isostnu li hemm lok li jiġu kklassifikati bħala “riskji kbar”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss il-ħsarat ta’ bastiment assigurat u użat għal finijiet kummerċjali u li jseħħu fil-kuntest ta’ tali użu. L-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, li tgħid li huma kkunsidrati bħala “riskji kbar” il-ħsarat kollha mġarrba minn kull bastiment, ikunu xi jkunu d-daqs u l-użu tiegħu, inkluż minn opri tal-baħar rikreattivi użati għal finijiet privati, tmur kontra l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1215/2012 u, b’mod partikolari, dak tal-protezzjoni tal-parti l-iktar dgħajfa fir-relazzjoni kuntrattwali.

22

Il-kumpannija ta’ assigurazzjoni I, ma taqbilx mal-argument avvanzat minn A1 u A2. Skont din il-kumpannija, minkejja li dawn tal-aħħar għandhom il-kwalità ta’ konsumaturi, huma kkonkludew kuntratt ta’ assigurazzjoni li jinkludi klawżola vinkolanti dwar l-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni, li skontha l-forum kompetenti huwa qorti Olandiża. Skont il-punt 5 tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1215/2012, klawżola bħal din hija permessa, peress li assigurazzjoni fuq korp ta’ bastiment, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “riskji kbar”, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-punt 27 tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 15(5) tar-Regolament [Nru 1215/2012], moqri flimkien mal-Artikolu 16(5) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-assigurazzjoni ta’ opri tal-baħar rikreazzjonali li ma jintużawx għall-finijiet kummerċjali taqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 16(5) ta’ dan ir-regolament u, għaldaqstant, kuntratt ta’ assigurazzjoni li jinkludi klawżola dwar l-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni li tidderoga mill-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament huwa validu skont l-Artikolu 15(5) tal-istess regolament?”

Fuq id‑domanda preliminari

24

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 5 tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1215/2012, moqri flimkien mal-punt 5 tal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq korp ta’ bastiment li jirrigwarda opra tal-baħar rikreattiva użata għal finijiet mhux kummerċjali jaqa’ taħt dan il-punt 5 tal-Artikolu 15.

25

Preliminarjament, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li t-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 tistabbilixxi regoli speċjali ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni.

26

Għalhekk, l-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi li l-assiguratur iddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru jista’ jiġi mfittex fi Stat Membru ieħor li fit-territorju tiegħu r-rikorrent għandu d-domiċilju tiegħu, f’każ ta’ azzjonijiet miġjuba minn dak li jkollu l-polza ta’ assigurazzjoni, dak li jkun assigurat jew xi benefiċjarju.

27

Madankollu, f’ċerti każijiet, ir-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi l-possibbiltà ta’ deroga mir-regoli speċjali ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni permezz ta’ ftehimiet u, b’mod partikolari, skont il-punt 5 tal-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, permezz ta’ ftehimiet li jirrigwardaw kuntratt ta’ assigurazzjoni sa fejn dan ikopri wieħed jew iktar mir-riskji elenkati fl-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament.

28

F’dan il-każ, huwa paċifiku li, fir-rigward tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u tar-riskji koperti minnu, huwa biss il-punt 5 tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jirrigwarda r-“riskji kbar” fis-sens tad-Direttiva 2009/138, li jista’ jkun rilevanti.

29

Għandu jitfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha, kif ukoll l-għanijiet u l-iskop li jfittex li jilħaq l-att li minnu hija tagħmel parti. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele), C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

Għaldaqstant, sabiex isir magħruf jekk, fir-rigward ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq korp ta’ bastiment li jirrigwarda opra tal-baħar rikreattiva użata għal finijiet mhux kummerċjali, tistax issir deroga mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni previsti mir-Regolament Nru 1215/2012, għandu jsir riferiment għall-kliem użat fil-punt 5 tal-Artikolu 15 u fil-punt 5 tal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, rispettivament, għal dak tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2009/138, li għaliha jirreferi dan il-punt 5 tal-Artikolu 16, kif ukoll għall-istruttura ta’ dawn ir-regoli, għall-oriġini tagħhom u għall-għanijiet li fuqhom dawn huma bbażati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Balta, C‑803/18, EU:C:2020:123, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

F’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni letterali tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, minn qari flimkien tal-punt 5 tal-Artikolu 15 u tal-punt 5 tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1215/2012, jirriżulta li r-“‘riskji kbar’ kollha kif definiti Direttiva 2009/138/KE” jinsabu fost in-numru ta’ riskji msemmija f’dan il-punt 5 tal-Artikolu 15.

32

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “riskji kbar”, dan huwa ddefinit fil-punt 27 tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva.

33

Għalhekk, l-ewwel, konformement ma’ dan il-punt 27(a) tal-Artikolu 13, jikkostitwixxu “riskji kbar” ir-riskji kklassifikati taħt il-klassijiet 4 sa 7, 11 u 12 tal-Parti A tal-Anness I tal-imsemmija direttiva.

34

It-tieni, skont l-imsemmi punt 27(b) tal-Artikolu 13, jaqgħu taħt “riskji kbar” ir-riskji kklassifikati taħt il-klassijiet 14 u 15 ta’ din il-Parti A tal-Anness I, fejn dak li jkollu l-polza jeżerċita attività industrijali, kummerċjali jew liberali fuq bażi professjonali u fejn ir-riskji jkunu relatati ma’ din l-attività.

35

It-tielet, l-istess punt 27(c) tal-Artikolu 13 jirrigwarda r-riskji kklassifikati taħt il-klassijiet 3, 8 sa 10, 13 u 16 tal-imsemmija Parti A tal-Anness I, sa fejn dak li jkollu l-polza jeċċedi l-limiti ta’ mill-inqas tnejn mill-kriterji stabbiliti f’dan il-punt 27(c).

36

F’dan il-każ, huwa paċifiku li, fost il-klassijiet tal-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2009/138, li għalihom isir riferiment fil-punt 27(a) sa (ċ) tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, hija biss il-klassi 6, li hija msemmija f’dan il-punt 27(a) tal-Artikolu 13, li tista’ tkun rilevanti. Din il-klassi tirrigwarda kull ħsara għal bastimenti tax-xmajjar, tal-lagi u tal-baħar.

37

Madankollu, la l-imsemmija klassi 6 u lanqas il-punt 27(a) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138 ma jinkludu preċiżazzjonijiet oħra, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu li għandu jsir minn dawn il-bastimenti, u dan b’differenza minn dan il-punt 27(b) u (ċ) tal-Artikolu 13, li jinkludi indikazzjonijiet relatati mal-attività eżerċitata minn dak li jkollu l-polza ta’ assigurazzjoni jew mal-karta tal-bilanċ, mad-dħul mill-bejgħ jew man-numru ta’ impjegati tal-impriża tiegħu.

38

Għalhekk, mill-interpretazzjoni letterali tal-punt 27 tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138 u tal-punt 5 tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1215/2012, jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jaqgħu taħt “riskji kbar”, imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, kull ħsara għal bastimenti tax-xmajjar, tal-lagi u tal-baħar, irrispettivament minn jekk jintużawx għal finijiet kummerċjali jew le.

39

Fir-rigward tal-kuntest tal-punt 5 tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li din id-dispożizzjoni hija introdotta bil-kliem “mingħajr preġudizzju għall-punti (1) sa (4)”, li jippermetti li jiġi konkluż li l-punti 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu 16 jikkostitwixxu lex specialis fir-rigward tal-imsemmi punt 5 tal-Artikolu 16, u li, għaldaqstant, huma jipprevalu fuq dan il-punt 5 fis-sitwazzjonijiet li dawn il-punti 1 sa 4 huma intiżi li speċifikament jirregolaw.

40

Min-naħa l-oħra, il-punt 1(a) tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1215/2012 ikopri, b’mod partikolari, kull ħsara għal bastimenti tal-baħar li toriġina mill-perikoli li għandhom x’jaqsmu mal-użu tagħhom għal finijiet kummerċjali.

41

Madankollu, kif osservat ġustament il-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ li l-ħsarat kollha għal bastimenti marittimi, ikun xi jkun l-użu tagħhom, jitqiesu bħala “riskji kbar”, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1215/2012, dan il-punt 1(a) tal-Artikolu 16 jisfa nieqes mis-sustanza tiegħu f’dak li jirrigwarda l-bastimenti tal-baħar. L-istess jgħodd għall-punti 2 sa 4 tal-imsemmi Artikolu 16, peress li dawn il-punti tal-aħħar jikkonċernaw ir-riskji li jirriżultaw mill-użu jew mill-operat tal-bastimenti, konformement mal-istess punt 1(a) tal-Artikolu 16, u r-riskji marbuta b’mod aċċessorju ma’ wieħed minn dawk imsemmija fil-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament.

42

Tali riżultat imur kontra l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti tifsira partikolari lill-punti 1 sa 4 tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1215/2012.

43

Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1215/2012 tirriproduċi, essenzjalment, dik tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 44/2001. Issa, il-punti 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu 14, li saru l-punti 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu 16, ma kinux jinsabu fil-proposta tar-Regolament tal-Kunsill (KE) dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ppreżentata mill-Kummissjoni (COM (1999) 348 final), li wasslet għar-Regolament Nru 44/2001, u ġew introdotti f’dan tal-aħħar biss matul il-proċedura leġiżlattiva, billi ppreċiżaw, għalhekk, il-kunċett ta’ “riskji”, imsemmi fil-punt 5 tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1215/2012.

44

Il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 39 sa 43 ta’ din is-sentenza jxaqilbu, għalhekk, favur interpretazzjoni restrittiva tal-punt 5 tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1215/2012, li l-ħsarat għal bastimenti użati għal finijiet mhux kummerċjali ma humiex previsti f’din id-dispożizzjoni, b’tali mod li kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq korp ta’ bastiment li jirrigwarda opra tal-baħar rikreattiva użata għal finijiet mhux kummerċjali, ma jaqax taħt il-punt 5 tal-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament.

45

Kunsiderazzjonijiet kuntestwali oħra jikkorroboraw din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, minn naħa, id-derogi għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni, bħal dik permessa mill-punt 5 tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1215/2012, għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005, Société financière et industrielle du Peloux, C‑112/03, EU:C:2005:280, punt 31).

46

Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza tippermetti li tiġi żgurata l-koerenza mal-applikazzjoni, mill-Unjoni, tal-Konvenzjoni tal-Aja dwar il-Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum, konkluża fit‑30 ta’ Ġunju 2005.

47

Fil-fatt, konformement mal-punt 2(d)(i)(a) tad-dikjarazzjoni ċċitata fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, l-Unjoni għandha tapplika din il-konvenzjoni għall-kuntratti ta’ assigurazzjoni jekk il-ftehim dwar l-għażla tal-forum jikkonċerna kuntratt ta’ assigurazzjoni li jkopri wieħed jew iktar mir-riskji kkunsidrati bħala riskji kbar, jiġifieri, b’mod partikolari, kull ħsara kkawżata lill-bastimenti tal-baħar li toriġina minn perikoli li għandhom x’jaqsmu mal-użu tagħhom għal finijiet kummerċjali. Minn dan isegwi li, mill-banda l-oħra, l-Unjoni ma tapplikax l-imsemmija konvenzjoni fir-rigward tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni li jkopru riskji li għandhom x’jaqsmu ma’ użu mhux kummerċjali tal-bastimenti tal-baħar.

48

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għanijiet li jfittex li jilħaq ir-Regolament Nru 1215/2012, mill-premessa 18 tar-Regolament Nru 1215/2012 jirriżulta li l-azzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni hija kkaratterizzata minn ċertu żbilanċ bejn il-partijiet, li d-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tal-imsemmi regolament jfittxu li jikkoreġu billi jagħtu lill-parti l-iktar dgħajfa l-benefiċċju ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni li jkunu iktar favorevoli għall-interessi tagħha milli jkunu r-regoli ġenerali (sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2021, BT (Kjamata fil-kawża tal-persuna assigurata), C‑708/20, EU:C:2021:986, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Għalhekk, ir-regoli li jinsabu f’din it-Taqsima 3 għandhom l-għan li jiggarantixxu li l-parti l-iktar dgħajfa li jkollha l-intenzjoni tressaq proċeduri ġudizzjarji kontra l-parti l-iktar b’saħħitha tkun tista’ tagħmel dan quddiem qorti ta’ Stat Membru faċilment aċċessibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Allianz Elementar Versicherung, C‑652/20, EU:C:2022:514, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Għalkemm il-partijiet f’kuntratt ta’ assigurazzjoni li jkopri “riskju kbir” jistgħu, skont il-punt 5 tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1215/2012, moqri flimkien mal-punt 5 tal-Artikolu 16 tiegħu, jidderogaw mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-imsemmija Taqsima 3 permezz ta’ konklużjoni ta’ ftehimiet, tali fakultà ngħatat sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-partijiet f’tali kuntratt ta’ assigurazzjoni huma fuq livell ugwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Balta, C‑803/18, EU:C:2020:123, punt 39).

51

Fil-fatt, ebda protezzjoni speċjali ma hija ġġustifikata, b’mod partikolari, fir-relazzjonijiet bejn professjonisti fis-settur tal-assigurazzjoni, li l-ebda wieħed minnhom ma jista’ jiġi preżunt li jinsab f’pożizzjoni dgħajfa meta mqabbel mal-oħrajn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Balta, C‑803/18, EU:C:2020:123, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

F’dan il-każ, is-sitwazzjoni hija differenti fir-rigward ta’ dawk li jkollhom assigurazzjoni, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li, filwaqt li ma jaġixxux fil-kwalità ta’ professjonisti, ikkonkludew kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq korp ta’ bastiment li jirrigwarda opra tal-baħar rikreattiva użata għal finijiet privati u rikreattivi, u mhux għal finijiet kummerċjali.

53

F’dan ir-rigward, ma hemmx għalfejn li ssir evalwazzjoni każ b’każ tal-kwistjoni dwar jekk persuna tistax titqies bħala “parti l-iktar dgħajfa”. Fil-fatt, kif diġà enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, tali evalwazzjoni toħloq riskju ta’ inċertezza legali u tmur kontra l-għan tar-Regolament Nru 1215/2012, stabbilit fil-premessa 15 tiegħu, li jipprovdi li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandu jkollhom livell għoli ta’ prevedibbiltà (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Balta, C‑803/18, EU:C:2020:123, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Għaldaqstant, l-interpretazzjoni mfissra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, li kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq korp ta’ bastiment li jirrigwarda opra tal-baħar rikreattiva użata għal finijiet mhux kummerċjali ma jaqax taħt il-punt 5 tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1215/2012, hija konformi mal-għanijiet li jfittex li jilħaq dan ir-regolament, sa fejn, fir-rigward ta’ tali kuntratti ta’ assigurazzjoni, hija ġġustifikata protezzjoni speċjali għal min ikollu l-polza ta’ assigurazzjoni u sa fejn hija żgurata l-prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-punt 5 tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1215/2012, moqri flimkien mal-punt 5 tal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq korp ta’ bastiment li jirrigwarda opra tal-baħar rikreattiva użata għal finijiet mhux kummerċjali ma jaqax taħt dan il-punt 5 tal-Artikolu 15.

Fuq l‑ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 5 tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, moqri flimkien mal-punt 5 tal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq korp ta’ bastiment li jirrigwarda opra tal-baħar rikreattiva użata għal finijiet mhux kummerċjali ma jaqax taħt il-punt 5 tal-Artikolu 15.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.