SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
16 ta’ Frar 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Kumpens għad-dannu kkawżat minn prattika pprojbita mill-Artikolu 101(1) TFUE – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ftehimiet kollużivi dwar l-iffissar tal-prezzijiet u ż-żieda tal-prezzijiet gross ta’ trakkijiet fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) – Regola ta’ proċedura ċivili nazzjonali li tipprevedi, fil-każ li t-talba tintlaqa’ parzjalment, li l-ispejjeż jibqgħu a karigu ta’ kull parti, ħlief fil-każ ta’ aġir abbużiv – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza – Direttiva 2014/104/UE – Għanijiet u l-bilanċ globali – Artikolu 3 – Dritt għall-kumpens sħiħ tad-dannu mġarrab – Artikolu 11(1) – Responsabbiltà in solidum tal-awturi ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni – Artikolu 17(1) – Possibbiltà ta’ stima, minn qorti nazzjonali, tad-dannu – Kundizzjonijiet – Natura prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli tal-kwantifikazzjoni tad-dannu – Artikolu 22 – Applikazzjoni ratione temporis”
Fil-Kawża C‑312/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Mercantil no 3 de Valencia (il-Qorti Kummerċjali no 3 ta’ Valencia, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Mejju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Mejju 2021, fil-proċedura
Tráficos Manuel Ferrer SL,
D. Ignacio,
vs
Daimler AG,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, M. L. Arastey Sahún, F. Biltgen, N. Wahl (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Tráficos Manuel Ferrer SL u D. Ignacio, minn Á. Zanón Reyes, abogado, |
– |
għal Daimler AG, minn E. de Félix Parrondo, J. M. Macías Castaño, M. López Ridruejo u M. Pérez Carrillo, abogados, kif ukoll C. von Köckritz u H. Weiß, Rechtsanwälte, |
– |
għall-Gvern Spanjol, minn J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Carrillo Parra, F. Jimeno Fernández u C. Zois, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Settembru 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżit ta’ kumpens sħiħ għad-dannu mġarrab minħabba aġir antikompetittiv li jirriżulta minnu, kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, żewġ impriżi ta’ trasport ta’ merkanzija bit-triq, Tráficos Manuel Ferrer SL u D. Ignacio, u, min-naħa l-oħra, Daimler AG fir-rigward ta’ rikors għad-danni ppreżentat mill-ewwel waħda minn dawn l-impriżi u li għandha bħala suġġett il-kumpens għad-dannu li rriżulta minn ksur tal-Artikolu 101 TFUE, ikkonstatat mill-Kummissjoni Ewropea, li twettaq minn diversi manifatturi tat-trakkijiet, fosthom Daimler. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
Skont il-premessa 6 tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1): “Sabiex jiġu żgurati azzjonijiet ta’ infurzar privat skont il-liġi ċivili u infurzar pubbliku effettiv mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, huwa meħtieġ li ż-żewġ għodod jinteraġixxu biex tiġi żgurata l-effettività massima tar-regoli dwar il-kompetizzjoni. Huwa meħtieġ li tiġi rregolata l-koordinazzjoni ta’ dawk iż-żewġ forom ta’ infurzar, b’mod koerenti, pereżempju fir-rigward tal-arranġamenti għall-aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. Tali koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni tevita wkoll id-diverġenza tar-regoli applikabbli, li tista’ tikkomprometti l-funzjonament tajjeb tas-suq intern.” |
4 |
Il-premessa 11 ta’ din id-direttiva tgħid: “Fin-nuqqas tal-liġi tal-Unjoni, l-azzjonijiet għad-danni huma rregolati mir-regoli u l-proċeduri nazzjonali tal-Istati Membri. Skont il-ġurisprudenza tal-[Qorti tal-Ġustizzja], kwalunkwe persuna tista’ titlob kumpens għal ħsara mġarrba fejn ikun hemm relazzjoni kawżali bejn dik il-ħsara u ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. Jeħtieġ li r-regoli nazzjonali kollha li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt għall-kumpens għal ħsara li tirriżulta minn ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE, inklużi dawk li jikkonċernaw aspetti mhux ikkunsidrati minn din id-Direttiva bħal pereżempju l-kunċett tar-relazzjoni kawżali bejn il-ksur u l-ħsara, josservaw il-prinċipji tal-effettività u l-ekwivalenza. Dan ifisser li ma għandhomx ikunu fformulati jew applikati b’mod li jagħmilha eċċessivament diffiċli jew prattikament impossibbli biex jiġi eżerċitat id-dritt għall-kumpens iggarantit mit-TFUE jew b’mod inqas favorevoli minn dawk li japplikaw għal azzjonijiet domestiċi simili. Meta l-Istati Membri jipprovdu kondizzjonijiet oħra għall-kumpens skont il-liġi nazzjonali, bħal kawżalità, adegwatezza jew ħtija huma għandhom ikunu jistgħu jżommu kondizzjonijiet bħal dawn sakemm huma jikkonformaw mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipji ta’ effettività u ekwivalenza, u din id-Direttiva.” |
5 |
Il-premessa 12 tal-imsemmija direttiva hija redatta kif ġej: “Din id-Direttiva tafferma mill-ġdid l-acquis communautaire dwar id-dritt għall-kumpens għall-ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-locus standi u d-definizzjoni tad-dannu, kif iddikjarat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u ma tantiċipa l-ebda żvilupp ulterjuri tiegħu. Kull individwu li ġarrab xi ħsara kkawżata minn tali ksur jista’ jagħmel talba għal kumpens għat-telf reali (damnum emergens), għall-profitt li ġie miċħud lil dik il-persuna (telf ta’ profitt jew lucrum cessans), bl-imgħax, irrispettivament minn jekk dawk il-kategoriji ġewx stabbiliti separatament jew flimkien fil-liġi nazzjonali. […]” |
6 |
Il-premessa 14 tal-istess direttiva hija fformulata kif ġej: “Azzjonijiet għad-danni għal ksur tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-kompetizzjoni tipikament jirrikjedu analiżi fattwali u ekonomika kumplessa. L-evidenza meħtieġa biex tiġi ppruvata pretensjoni għad-danni hija ħafna drabi esklużivament f’idejn il-kontroparti jew il-partijiet terzi, u ma tkunx magħrufa biżżejjed mill-attur jew ma tkunx aċċessibbli għalih […].” |
7 |
Il-premessa 15 tad-Direttiva 2014/104 tgħid: “L-evidenza hija element importanti biex jitressqu azzjonijiet għad-danni għal ksur tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-kompetizzjoni. Madankollu, billi l-litigazzjoni rigward il-liġi tal-kompetizzjoni hija kkaratterizzata minn asimmetrija tal-informazzjoni, huwa xieraq li jiġi żgurat li l-atturi jkollhom id-dritt li jiksbu d-divulgazzjoni tal-evidenza li tirrigwarda l-pretensjoni tagħhom, mingħajr ma jkun meħtieġ li jispeċifikaw il-partijiet speċifiċi tal-evidenza. […]” |
8 |
Skont il-premessa 43 ta’ din id-direttiva: “Il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni ta’ spiss jirrigwarda l-kondizzjonijiet u l-prezz li bih jinbiegħu l-oġġetti jew is-servizzi u jwassal għal spejjeż żejda u ħsara oħra għall-klijenti tal-kontraventuri [l-awturi tal-ksur]. […]” |
9 |
Il-premessa 45 tal-imsemmija direttiva tgħid: “Parti li tkun ġarrbet ħsara li tkun tat prova li ġarrbet ħsara bħala riżultat minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, xorta trid tagħti prova tal-livell tal-ħsara mġarrba sabiex tikseb id-danni. Il-kwantifikazzjoni tal-ħsara fil-każijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni hija proċess li jirrikjedi l-preżentazzjoni ta’ ħafna fatti u hemm il-possibbiltà li tkun meħtieġa l-applikazzjoni ta’ mudelli ekonomiċi kumplessi. Dan ta’ spiss huwa proċess li jiswa ħafna flus, u l-atturi jkollhom diffikultajiet fir-rigward tal-ksib tad-data meħtieġa biex isostnu l-pretensjonijiet tagħhom. Il-kwantifikazzjoni tal-ħsara fil-każijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tista’ għalhekk tikkostitwixxi ostakolu sostanzjali li jipprevjeni pretensjonijiet effettivi għall-kumpens.” |
10 |
Il-premessa 46 tal-istess direttiva hija fformulata kif ġej: “Fin-nuqqas ta’ regoli tal-Unjoni dwar il-kwantifikazzjoni tal-ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, is-sistema legali domestika ta’ kull Stat Membru għandha tiddetermina r-regoli tagħha stess dwar il-kwantifikazzjoni tal-ħsara u l-Istati Membri u l-qrati nazzjonali għandhom jiddeterminaw liema rekwiżiti għandu jissodisfa l-attur meta jagħti prova tal-ammont ta’ ħsara li jkun ġarrab, il-metodi li jistgħu jintużaw fil-kwantifikazzjoni tal-ammont u l-konsegwenzi jekk ma jkunux jistgħu jiġu ssodisfati dawk ir-rekwiżiti. Madankollu, ir-rekwiżiti tal-liġi nazzjonali rigward il-kwantifikazzjoni ta’ dannu f’każijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet domestiċi simili (il-prinċipju tal-ekwivalenza) u lanqas ma għandhom jagħmlu l-eżerċizzju tad-dritt tal-Unjoni għad-danni prattikament impossibbli jew diffiċli ħafna (il-prinċipju tal-effettività). Għandhom jitqiesu l-assimetriji tal-informazzjoni possibbli bejn il-partijiet u l-fatt li l-kwantifikazzjoni tal-ħsara tirrikjedi valutazzjoni ta’ kif is-suq ikkonċernat kien jevolvi li kieku ma kienx sar ksur. Din il-valutazzjoni timplika paragun ma’ sitwazzjoni li b’definizzjoni hija ipotetika u għalhekk ma tista’ qatt issir b’eżattezza totali. Għalhekk huwa xieraq li jiġi żgurat li l-qrati nazzjonali jingħataw is-setgħa li jagħmlu stima tal-ammont tal-ħsara kkawżata mill-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. Meta mitluba, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu jipprovdu gwida dwar il-quantum. Biex jiġu żgurati l-koerenza u l-prevedibbiltà l-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida ġenerali fil-livell tal-Unjoni.” |
11 |
Skont il-premessa 47 tad-Direttiva 2014/104: “Bħala rimedju għall-asimmetrija tal-informazzjoni u għal xi ftit mid-diffikultajiet assoċjati mal-kwantifikazzjoni tal-ħsara fil-każijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni u sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-pretensjonijiet għad-danni, huwa xieraq li wieħed jissoponi li l-ksur minn kartell jirriżulta fi ħsara, b’mod partikolari permezz ta’ effett fuq il-prezzijiet. Skont il-fatti tal-każ, il-kartelli jwasslu għal żieda fil-prezzijiet jew impedixxu li jkun hemm tnaqqis tal-prezzijiet li kien iseħħ li kieku ma kienx il-kartell. Din is-suppożizzjoni ma għandhiex tkopri l-ammont konkret tal-ħsara. Il-kontraventuri [L-awturi tal-ksur] għandhom jitħallew jikkontestaw it-tali suppożizzjoni. Huwa xieraq li tiġi limitata din is-suppożizzjoni konfutabbli għall-kartelli, minħabba n-natura sigrieta tagħhom, li żżid l-asimmetrija tal-informazzjoni msemmija u tagħmilha aktar diffiċli għall-atturi biex jiksbu l-evidenza meħtieġa biex jagħtu prova tal-ħsara.” |
12 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt għal kumpens sħiħ”, jgħid: “1. L-Istati Membri għandhom jiżgura[w] li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun ġarrbet ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tkun tista’ titlob u tikseb kumpens sħiħ għal dik il-ħsara. 2. Kumpens sħiħ għandu jqiegħed persuna li ġarrbet il-ħsara fil-pożizzjoni li kienet tkun fiha dik il-persuna li kieku ma jkunx seħħ il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. Għalhekk għandu jkopri d-dritt għall-kumpens għat-telf reali u għat-telf ta’ profitt, kif ukoll il-ħlas tal-imgħax. 3. Kumpens sħiħ taħt din id-Direttiva ma għandux iwassal għal kumpens żejjed, sew b’mezzi ta’ danni punittivi, multipli jew dawk ta’ tipi oħra.” |
13 |
L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Divulgazzjoni tal-evidenza”, jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi proċedimenti relatati ma’ azzjoni għal danni fl-Unjoni fuq talba ta’ attur li jkun ippreżenta ġustifikazzjoni raġunata li tkun tinkludi fatti u evidenza disponibbli b’mod raġonevoli suffiċjenti biex isostnu l-plawsibbiltà tal-pretensjoni tiegħu għad-danni, il-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jordnaw lill-konvenut jew lil parti terza biex jiddivulgaw evidenza rilevanti li huma jkunu jikkontrollaw [tinsab fil-pussess tagħhom], soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f’dan il-Kapitolu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu, fuq talba tal-konvenut, jordnaw lill-attur jew lil parti terza biex jiddivulgaw l-evidenza rilevanti. […] 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jordnaw id-divulgazzjoni ta’ elementi speċifiċi ta’ evidenza jew ta’ kategoriji rilevanti ta’ evidenza ċċirkoskritta bl-aktar mod preċiż u bl-aktar mod ristrett possibbli abbażi ta’ fatti disponibbli b’mod raġonevoli fil-ġustifikazzjoni raġunata. 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jillimitaw id-divulgazzjoni tal-evidenza għal dak li huwa proporzjonat. […]” |
14 |
L-Artikolu 11 tal-istess direttiva, intitolat “Responsabbiltà in solidum”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi li kisru l-liġi tal-kompetizzjoni permezz ta’ imġiba konġunta huma responsabbli in solidum għad-dannu kkawżat mill-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni; bl-effett li kull waħda minn dawk l-impriżi hi obbligata li tagħti kumpens sħiħ għall-ħsara, u l-parti li tkun ġarrbet il-ħsara għandha d-dritt titlob kumpens sħiħ minn kwalunkwe waħda minnhom sakemm tkun ġiet ikkumpensata bis-sħiħ.” |
15 |
L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/104, intitolat “Kwantifikazzjoni tal-ħsara”, jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li la l-piż u lanqas l-istandard tal-provi meħtieġa għall-kwantifikazzjoni tal-ħsara ma jagħmlu l-eżerċizzju tad-dritt għad-danni prattikament impossibbli jew diffiċli ħafna. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkollhom is-setgħa, skont proċeduri nazzjonali, jistmaw l-ammont ta’ ħsara jekk jiġi stabbilit li attur ġarrab ħsara iżda li jkun prattikament impossibbli jew diffiċli ħafna biex jiġi kkwantifikat b’mod preċiż il-ħsara mġarrba abbażi tal-evidenza disponibbli. 2. Għandu jiġi preżunt li ksur minn kartelli jikkaġuna ħsara. Il-kontraventur [awtur tal-ksur] għandu jkollu d-dritt li jirribatti dik il-preżunzjoni. 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi proċedimenti marbuta ma’ azzjoni għal danni, awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, tista’, fuq talba ta’ qorti nazzjonali, tassisti lil dik il-qorti nazzjonali fir-rigward tad-determinazzjoni tal-quantum tad-danni fejn dik l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tqis li tali assistenza hija adatta.” |
16 |
Skont l-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, intitolat “Applikazzjoni temporali”: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri nazzjonali adottati […] sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ din id-Direttiva ma japplikawx retroattivament. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe miżuri nazzjonali adottati […], minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1, ma japplikawx għal azzjonijiet għal danni mressqa quddiem qorti qabel is‑26 ta’ Diċembru 2014.” |
Id‑dritt Spanjol
17 |
Ir-Real Decreto-ley 9/2017, por el que se transponen directivas de la Unión Europea en los ámbitos financiero, mercantil y sanitario, y sobre el desplazamiento de trabajadores (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 9/2017 għat-Traspożizzjoni tad-Direttivi tal-Unjoni Ewropea fl-Oqsma tal-Finanzi, tal-Kummerċ u tas-Saħħa, u dwar il-Kollokament tal-Ħaddiema), tas‑26 ta’ Mejju 2017 (BOE Nru 126, tas‑27 ta’ Mejju 2017, p. 42820), huwa b’mod partikolari intiż sabiex jittrasponi d-Direttiva 2014/104 fid-dritt Spanjol. |
18 |
L-imsemmi Digriet Leġiżlattiv Irjali 9/2017 żied l-Artikolu 283a(a) mal-Ley 1/2000, de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi 1/2000 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), tas-7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7, tat-8 ta’ Jannar 2000, p. 575, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Ċivili”), dwar il-produzzjoni ta’ provi fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji relatati ma’ rikorsi għad-danni intiżi għall-kumpens tad-dannu subit minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Il-kontenut tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni huwa identiku għal dak tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104. |
19 |
L-Artikolu 394 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi: “1. Fil-proċeduri dikjaratorji, l-ispejjeż fl-ewwel istanza jaqgħu fuq il-parti li t-talbiet kollha tagħha jkunu ġew miċħuda, ħlief jekk il-qorti tevalwa, billi tiġġustifikah debitament, li l-kawża tqajjem dubji serji ta’ fatt jew ta’ liġi. Sabiex jiġi evalwat, għall-finijiet ta’ kundanna għall-ispejjeż, jekk il-kawża kinitx tqajjem dubji legali, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza stabbilita f’kawżi simili. 2. Fil-każ li t-talbiet jintlaqgħu jew jiġu miċħuda parzjalment, kull parti għandha tħallas l-ispejjeż marbuta mal-istanza tagħha u għandha tbati nofs l-ispejjeż komuni sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa sabiex waħda mill-partijiet tiġi kkundannata għall-ispejjeż ta’ kawża frivola. […]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
20 |
Fid‑19 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat id‑Deċiżjoni C(2016) 4673 final, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101[TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ AT.39824 — Trakkijiet), u s-sommarju ta’ din id-deċiżjoni ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis‑6 ta’ April 2017 (ĠU 2017, C 108, p. 6). Il-konvenuta fil-kawża prinċipali hija fost id-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni. |
21 |
Fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li ħmistax‑il manifattur ta’ trakkijiet, fosthom il-konvenuta fil-kawża prinċipali kif ukoll Renault Trucks SAS u Iveco SpA, kienu pparteċipaw f’akkordju fil-forma ta’ ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3), dwar ftehimiet kollużivi rigward l-iffissar tal-prezzijiet u ż-żieda tal-prezzijiet gross tat-trakkijiet medji u tat-trakkijiet tqal fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). |
22 |
Fir-rigward tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-perijodu tal-ksur ikkunsidrat kien mis‑17 ta’ Jannar 1997 sat‑18 ta’ Jannar 2011. |
23 |
Fil‑11 ta’ Ottubru 2019, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors għad-danni kontra l-konvenuta fil-kawża prinċipali bbażat fuq l-aġir illegali ta’ din tal-aħħar. Matul il-perijodu ta’ ksur, D. Ignacio xtara trakk tat-trade mark Mercedes, immanifatturat mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, filwaqt li Tráficos Manuel Ferrer xtrat ħdax‑il trakk, ħamsa tat-trade mark Mercedes, immanifatturati mill-imsemmija konvenuta, erba’ minn Renault Trucks u tnejn minn Iveco, li kellhom il-karatteristiċi tekniċi tal-vetturi identifikati fid-deċiżjoni tad‑19 ta’ Lulju 2016. |
24 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li sostnew danni li jikkonsistu fi spejjeż żejda tal-vetturi mixtrija minħabba l-aġir illegali tal-konvenuta fil-kawża prinċipali. Sabiex jistabbilixxu dawn l-ispejjeż żejda, huma pproduċew rapport ta’ perizja li wasal għall-konklużjoni ta’ spiża żejda medja fis-suq affettwat minn dan l-akkordju ta’ 16.35 %. |
25 |
Peress li parti mill-vetturi mixtrija mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinux ġew immanifatturati mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, iżda minn destinatarji oħra tad-deċiżjoni tad‑19 ta’ Lulju 2016, l-imsemmija konvenuta talbet, fil‑11 ta’ Awwissu 2020, l-intervent forzat fil-proċedura ta’ Renault Trucks u ta’ Iveco, billi sostniet li, kieku l-proċedura tiżvolġi fl-assenza ta’ dawn il-manifatturi, id-drittijiet tad-difiża tagħhom u tagħhom ikunu miksura. Permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Settembru 2020, il-qorti tar-rinviju ċaħdet din it-talba u kkonfermat din iċ-ċaħda permezz ta’ digriet tat-23 ta’ Ottubru 2020. |
26 |
Il-konvenuta fil-kawża prinċipali kkontestat ukoll il-fondatezza tar-rikors, b’mod partikolari billi pproduċiet ir-rapport ta’ perizja tagħha stess. |
27 |
Wara seduta preliminari quddiem il-qorti tar-rinviju, ġie miftiehem bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li r-rikorrenti ser ikollhom aċċess għad-data meħuda inkunsiderazzjoni fir-rapport ta’ perizja ippreżentat mill-konvenuta, bl-għan doppju li tkun tista’ ssir kritika tiegħu iktar fil-fond kif ukoll sabiex dan iwassal għar-riformulazzjoni eventwali tar-rapport ta’ perizja prodott mill-imsemmija rikorrenti. Dan l-aċċess ġie implimentat fil-kuntest ta’ sala tad-data, fl-uffiċċji tal-imsemmija konvenuta. Fit‑18 ta’ Marzu 2021, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rapport tekniku dwar ir-riżultati miksuba wara l-konsultazzjoni tad-data inkwistjoni. |
28 |
Wara li, waqt is-seduta prinċipali quddiemha, hija semgħet lill-partijiet fil-kawża prinċipali jiddibattu r-rapporti ta’ perizja rispettivi tagħhom u jippreżentaw it-talbiet tagħhom, il-qorti tar-rinviju, permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Marzu 2021, iddeċidiet li tissospendi t-terminu għall-għoti tas-sentenza u talbithom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar jekk kienx xieraq li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-imsemmija partijiet ikkonformaw ma’ din it-talba. |
29 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Juzgado de lo Mercantil no 3 de Valencia (il-Qorti Kummerċjali no 3 ta’ Valencia, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
30 |
Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li d-domandi tal-qorti tar-rinviju ma jsemmux id-Direttiva 2014/104, iżda jirreferu għal kunċetti li jinsabu fiha, bħad-dritt għall-kumpens sħiħ tad-dannu mġarrab minħabba aġir antikompetittiv imsemmi fl-Artikolu 101 TFUE, in-nuqqas ta’ simetrija tal-informazzjoni bejn il-partijiet, id-diffikultajiet ta’ kwantifikazzjoni tad-dannu li jirriżulta minn tali aġir li tista’ tiġi kkonfrontata bihom il-qorti nazzjonali u r-responsabbiltà in solidum tal-awturi tal-imsemmi aġir. Barra minn hekk, fil-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari, din il-qorti tqajjem il-kwistjoni tal-applikazzjoni ratione temporis tal-Artikoli 3, 5 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva. |
31 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, din tal-aħħar għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Fil-fatt, il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jeħtieġu sabiex jiddeċiedu t-tilwimiet li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux ġew indikati b’mod espliċitu fid-domandi magħmula lilha minn dawn il-qrati (sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, Pensionsversicherungsanstalt (Perijodi tat-trobbija tat-tfal mwettqa barra mill-pajjiż),C‑576/20, EU:C:2022:525, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
Konsegwentement, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien, fir-rigward tat-tieni u tat-tielet talba, mal-Artikolu 47 tal-Karta, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun irreferiet għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. B’dan il-mod, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, Pensionsversicherungsanstalt (Perijodi tat-trobbija tat-tfal mwettqa barra mill-pajjiż), C‑576/20, EU:C:2022:525, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
33 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-kwistjoni tal-applikazzjoni ratione temporis tal-Artikoli 3, 5 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/104, imqajma mill-qorti tar-rinviju, għandha ssir distinzjoni skont jekk dawn id-dispożizzjonijiet jirriżultawx, fid-dawl tal-ġurisprudenza, mill-Artikolu 101 TFUE stess, f’liema każ dawn ikunu applikabbli immedjatament, jew jekk jirriżultawx biss minn din id-direttiva, u dan jeħtieġ li tiġi eżaminata l-applikabbiltà ratione temporis tagħhom fid-dawl tal-Artikolu 22 tal-imsemmija direttiva. |
Fuq l‑ewwel domanda
34 |
Fir-rigward tad-dritt għall-kumpens sħiħ tad-dannu subit minħabba aġir antikompetittiv, imsemmi fil-kuntest tal-ewwel domanda, għandu jitfakkar li mill-prinċipju ta’ effettività u mid-dritt ta’ kull persuna li titlob kumpens għad-dannu kkawżat minn kuntratt jew minn aġir li jista’ jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni jirriżulta li l-persuni li jkunu sofrew dannu għandhom ikunu jistgħu jitolbu kumpens mhux biss għad-dannu reali (damnum emergens), iżda wkoll għat-telf ta’ qligħ (lucrum cessans) u għall-pagament tal-interessi (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfrede et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 95). |
35 |
Għalhekk, filwaqt li fakkar, fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/104, l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li kull persuna fiżika jew ġuridika li tkun sofriet dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tkun f’pożizzjoni li titlob u tikseb kumpens sħiħ għal dan id-dannu u billi ddefinixxa dan tal-aħħar, fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, bħala d-dritt għal kumpens għad-dannu reali u għat-telf ta’ qligħ, kif ukoll il-ħlas tal-interessi, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jafferma mill-ġdid il-ġurisprudenza eżistenti, kif jirriżulta mill-premessa 12 tal-imsemmija direttiva, b’tali mod li l-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandhom neċessarjament japplikaw b’effett immedjat għall-azzjonijiet kollha għal danni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva, kif ikkonfermat mill-Artikolu 22(2) ta’ din. |
36 |
Minn dan jirriżulta li l-ewwel domanda tirrigwarda, essenzjalment, il-punt dwar jekk id-dritt għall-kumpens sħiħ tad-dannu subit minħabba aġir antikompetittiv, kif irrikonoxxut u ddefinit fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2014/104 u li jirriżulta mill-Artikolu 101 TFUE, jipprekludix regola ta’ proċedura ċivili nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 394(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li skontha, fil-każ li t-talba tintlaqa’ parzjalment, l-ispejjeż jibqgħu a karigu ta’ kull parti u kull parti għandha tbati nofs l-ispejjeż komuni, ħlief fil-każ ta’ aġir abbużiv. |
37 |
F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza, id-dritt għall-kumpens sħiħ għad-dannu mġarrab minħabba aġir antikompetittiv u, b’mod partikolari, minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE ma jirrigwardax ir-regoli dwar it-tqassim tal-ispejjeż fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji intiżi għall-implimentazzjoni ta’ dan id-dritt, peress li dawn ir-regoli ma għandhomx bħala għan il-kumpens għad-dannu, iżda jiddeterminaw, fuq il-livell ta’ kull Stat Membru, skont id-dritt tiegħu stess, il-modalitajiet ta’ tqassim tal-ispejjeż inkorsi waqt l-eżerċizzju ta’ tali proċeduri. |
38 |
Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb li jeskludi l-kwistjoni tal-ispejjeż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/104, peress li din hija indirizzata biss b’mod inċidentali, fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, li jirrigwarda s-sanzjonijiet fil-każ ta’ rifjut ta’ produzzjoni ta’ provi jew ta’ qerda ta’ provi u jipprevedi l-possibbiltà, għall-qrati nazzjonali, li jikkundannaw għall-ispejjeż il-parti li tkun instabet ħatja ta’ dan ir-rifjut ta’ produzzjoni jew ta’ din il-qerda. |
39 |
Madankollu, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-Artikolu 101 TFUE, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li r-regoli dwar ir-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punti 43 u 44). |
40 |
Peress li ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza manifestament ma huwiex inkwistjoni f’dan il-każ, huwa fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività li għandu jiġi eżaminat jekk regola ta’ proċedura ċivili nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 394(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u kkwalifikata, jekk ikun il-każ, mill-ġurisprudenza tal-qrati Spanjoli li tipprovdi li huwa wkoll possibbli li tinkiseb il-kundanna għall-ispejjeż meta teżisti differenza minuri bejn dak li ntalab u dak li jkun inkiseb fil-kuntest tal-proċedura, tirrendix prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għall-kumpens sħiħ tad-dannu subit minħabba aġir antikompetittiv, kif irrikonoxxut u ddefinit fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2014/104 u li jirriżulta mill-Artikolu 101 TFUE. |
41 |
F’dan il-kuntest, kif jirriżulta mill-premessa 6 tad-Direttiva 2014/104, fir-rigward ta’ kawżi għal danni mressqa b’applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali intiżi li jittrasponu din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni bbaża ruħu fuq il-konstatazzjoni li l-ġlieda kontra l-aġir antikompetittiv fuq l-inizjattiva tal-isfera pubblika, jiġifieri tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali, ma kinitx suffiċjenti sabiex jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u li kien importanti li tiġi ffaċilitata l-possibbiltà, għall-isfera privata, li hija tgħin sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, PACCAR et, C‑163/21, EU:C:2022:863, punt 55). |
42 |
Din il-parteċipazzjoni tal-isfera privata fis-sanzjoni pekunjarja, u, għalhekk, anki fil-prevenzjoni, ta’ aġir antikompetittiv hija iktar u iktar mixtieqa peress li hija ta’ natura mhux biss li tirrimedja d-dannu dirett li l-persuna kkonċernata tallega li ġarrbet, iżda wkoll id-danni indiretti relatati mal-istruttura u mal-funzjonament tas-suq, li ma jkunx seta’ jkollu l-effettività ekonomika sħiħa tiegħu, b’mod partikolari għall-benefiċċju tal-konsumaturi kkonċernati (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, PACCAR et, C‑163/21, EU:C:2022:863, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Huwa sabiex jintlaħaq dan l-għan li l-leġiżlatur tal-Unjoni, wara li enfasizza, fil-premessi 14, 15, 46 u 47 tad-Direttiva 2014/104, in-nuqqas ta’ simetrija tal-informazzjoni li teżisti bejn ir-rikorrent u l-konvenut fit-tip ta’ azzjonijiet kopert minn din id-direttiva, peress li, skont il-premessa 14 tal-imsemmija direttiva, “[l]-evidenza meħtieġa biex tiġi ppruvata pretensjoni għad-danni hija ħafna drabi esklużivament f’idejn il-kontroparti jew il-partijiet terzi, u ma tkunx magħrufa biżżejjed mill-attur jew ma tkunx aċċessibbli għalih”, li huwa obbliga lill-Istati Membri jipprevedu miżuri li jippermettu lill-imsemmi konvenut jirrimedja dan in-nuqqas ta’ simetrija. |
44 |
Għal dan il-għan, id-Direttiva 2014/104, fl-ewwel lok, tobbliga lil dawn l-Istati jagħtu lil din il-parti s-setgħa li titlob lill-qrati nazzjonali jordnaw lill-konvenut jew lil terz, taħt ċerti kundizzjonijiet, jipproduċu provi rilevanti fil-pussess tagħhom, skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. Fit-tieni lok, l-imsemmija direttiva teżiġi li l-imsemmija Stati jawtorizzaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, lil dawn il-qrati jipproċedu, meta jkun prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jikkwantifikaw id-dannu, għal stima ta’ dan tal-aħħar, skont l-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva, jekk ikun il-każ, jekk dawn ikunu jixtiequ dan, bl-għajnuna tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 17(3) tal-imsemmija direttiva. Fit-tielet lok, din id-direttiva tobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu preżunzjonijiet, b’mod partikolari dik dwar l-eżistenza tad-dannu li jirriżulta minn akkordju, prevista fl-Artikolu 17(2) tal-istess direttiva. |
45 |
Minn dan jirriżulta li, b’mod differenti mid-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100), li l-interpretazzjoni tagħha tat lok, b’mod partikolari, għas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578), imsemmija mill-qorti tar-rinviju, li jimplikaw tipikament parti dgħajfa, il-konsumatur, li jkun qiegħed jiffaċċja parti b’saħħitha, il-professjonist li biegħ jew kera beni jew ipprovda servizzi, din ir-relazzjoni ta’ saħħa inugwali, immaterjalizzata f’relazzjoni kuntrattwali, li ssib il-limiti tagħha, b’mod partikolari, fil-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ klawżoli inġusti ssanzjonata, fil-prinċipju, bl-annullament ta’ tali klawżoli, id-Direttiva 2014/104 tirreferi għal azzjonijiet li jwasslu għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ impriża u li juru relazzjoni ta’ saħħa bejn il-partijiet fit-tilwima, li, minħabba l-intervent tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva elenkati fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, tista’, skont l-użu li jkun sar mill-għodda mqiegħda b’dan il-mod għad-dispożizzjoni, b’mod partikolari, tal-konvenuta, ssib ruħha bbilanċjata mill-ġdid. |
46 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi trasposta għal tip ta’ tilwim ikkaratterizzat minn intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti lir-rikorrent, inizjalment żvantaġġat, motivi intiżi sabiex jerġa’ jibbilanċjaw favurih ir-relazzjoni ta’ saħħa bejnu u bejn il-konvenut. Huwa mill-aġir ta’ kull waħda minn dawn il-partijiet, evalwata b’mod sovran mill-qorti nazzjonali adita bit-tilwima, li tiddependi l-evoluzzjoni ta’ dan ir-rapport ta’ saħħa u, b’mod partikolari, mill-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrent użax jew le l-għodda mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-possibbiltà li titlob lil din il-qorti tordna lill-konvenut jew lil terz jipproduċu l-provi rilevanti fil-pussess tagħhom, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104. |
47 |
Isegwi li, kif l-Avukata Ġenerali rrilevat fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tagħha, fir-rigward tal-proċeduri għal kumpens għad-danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, jekk rikorrent jitlef parzjalment, jista’ jiġi raġonevolment impost fuqu li jbati l-ispejjeż tiegħu stess jew, tal-inqas, parti minnhom, kif ukoll parti mill-ispejjeż komuni, peress, b’mod partikolari, li l-okkorrenza ta’ dawn l-ispejjeż hija attribwibbli lilu, pereżempju minħabba talbiet eċċessivi jew minħabba l-mod kif mexxa l-proċedura. |
48 |
Għalhekk għandu jiġi deċiż li regola ta’ proċedura ċivili nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 394(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, moqrija fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-qrati Spanjoli msemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, ma tirrendix prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għall-kumpens sħiħ tad-dannu mġarrab minħabba aġir antikompetittiv, kif irrikonoxxut u ddefinit fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2014/104 u li jirriżulta mill-Artikolu 101 TFUE, b’tali mod li l-prinċipju ta’ effettività ma jinkisirx. |
49 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2014/104 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux regola ta’ proċedura ċivili nazzjonali li skontha, fil-każ li tintlaqa’ parzjalment it-talba, l-ispejjeż jibqgħu a karigu ta’ kull parti u kull waħda mill-partijiet tbati nofs l-ispejjeż komuni, ħlief fil-każ ta’ aġir abbużiv. |
Fuq it-tieni u t-tielet domanda
50 |
Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li stima ġudizzjarja tad-dannu kkawżat mill-aġir antikompetittiv tal-konvenut hija permessa f’ċirkustanzi fejn, minn naħa, dan tal-aħħar ta aċċess lir-rikorrent għall-informazzjoni li abbażi tagħha huwa stess kien ipprepara r-rapport ta’ perizja tiegħu sabiex jeskludi l-eżistenza ta’ dannu li jista’ jiġi kkumpensat u, min-naħa l-oħra, it-talba għad-danni hija diretta kontra wieħed biss mid-destinatarji ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE, li kkummerċjalizza biss parti mill-prodotti akkwistati mir-rikorrent u li huwa allegat li ġew affettwati minn spiża żejda minħabba dan il-ksur. Dik il-qorti tissuġġetta, f’dan il-kuntest, il-possibbiltà li ssir tali stima għall-konstatazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ simetrija tal-informazzjoni jew għal diffikultajiet fil-kwantifikazzjoni tad-dannu li ma jistgħux jiġu megħluba. |
51 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/104 jikkostitwixxi dispożizzjoni proċedurali, fis-sens tal-Artikolu 22(2) ta’ din id-direttiva (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punt 85), b’tali mod li l-miżuri nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni ta’ dan l-Artikolu 17(1) huma, konformement mal-imsemmi Artikolu 22(2), applikabbli għar-rikorsi għad-danni ppreżentati wara s-26 ta’ Diċembru 2014. |
52 |
Madankollu, għandu jiġi indikat, l-ewwel nett, li l-azzjonijiet għad-danni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/104, bħal fil-każ ta’ azzjonijiet għal responsabbiltà ċivili b’mod ġenerali, huma intiżi għall-kumpens kemm jista’ jkun preċiż ta’ dannu, ladarba l-eżistenza u l-imputabbiltà ta’ dan tal-aħħar stabbiliti, liema fatt ma jistax jeskludi li jibqgħu, meta l-qorti nazzjonali tiddeċiedi sabiex tiddetermina l-ammont tal-kumpens, xi inċertezzi. Huwa għalhekk li s-sempliċi eżistenza ta’ dawn l-inċertezzi, inerenti fil-kontenzjuż tar-responsabbiltà u li jirriżultaw, fir-realtà, mill-konfrontazzjoni ta’ argumenti u ta’ perizji fil-kuntest tad-dibattitu kontradittorju, ma tikkorrispondix mal-livell ta’ kumplessità fl-evalwazzjoni tad-dannu meħtieġ sabiex tkun tista’ tiġi applikata l-istima ġudizzjarja prevista fl-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva. |
53 |
It-tieni nett, il-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-istima ġudizzjarja tad-dannu għas-sitwazzjonijiet li fihom huwa prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li dan jiġi kkwantifikat, ladarba l-eżistenza tiegħu fir-rigward tar-rikorrent tkun ġiet stabbilita, li jista’ jikkorrispondi, pereżempju, għal diffikultajiet partikolarment sinjifikattivi fl-interpretazzjoni tad-dokumenti prodotti fir-rigward tal-proporzjon tar-riperkussjoni tal-ispiża żejda li tirriżulta mill-akkordju fuq il-prezzijiet tal-prodotti akkwistati mir-rikorrent mingħand wieħed mill-awturi tal-akkordju. |
54 |
Konsegwentement, il-kunċett ta’ nuqqas ta’ simetrija tal-informazzjoni, għalkemm fl-oriġini tal-adozzjoni tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/104, kif jirriżulta mill-punt 43 ta’ din is-sentenza, ma għandu l-ebda rwol, madankollu, fl-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-formulazzjoni tat-tieni u tat-tielet domanda. F’dan ir-rigward, kif enfasizzat l-Avukata Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tagħha, anki meta l-partijiet jinsabu fuq livell ta’ ugwaljanza fir-rigward tal-informazzjoni disponibbli, jistgħu jqumu diffikultajiet fil-kwantifikazzjoni konkreta tad-dannu. |
55 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li l-għan imfakkar fil-punt 41 ta’ din is-sentenza kien jippreżupponi l-implimentazzjoni ta’ għodda tali li jirrimedjaw in-nuqqas ta’ simetrija tal-informazzjoni bejn il-partijiet fit-tilwima, peress li, mid-definizzjoni tiegħu stess, l-awtur tal-ksur jaf x’għamel u dak li, jekk ikun il-każ, ġie akkużat bih u jaf bil-provi li setgħu, f’każ bħal dan, iservu lill-Kummissjoni jew lill-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali kkonċernata sabiex turi l-parteċipazzjoni tiegħu f’aġir antikompetittiv kuntrarju għall-Artikoli 101 u 102 TFUE, filwaqt li l-vittma tad-dannu kkawżat minn dan l-aġir ma jkollhiex dawn il-provi (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, PACCAR et, C‑163/21, EU:C:2022:863, punt 59). |
56 |
Fit-tieni lok, sabiex jirrimedja l-konstatazzjoni ta’ dan in-nuqqas ta’ simetrija tal-informazzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk adotta sett ta’ miżuri elenkati fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, li fir-rigward tagħhom għandu jiġi enfasizzat li hemm interazzjoni bejniethom, peress li n-neċessità li titwettaq l-istima ġudizzjarja tad-dannu tista’ tiddependi, b’mod partikolari, mir-riżultat miksub mir-rikorrent wara talba għall-produzzjoni ta’ provi skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104. |
57 |
Fit-tielet lok, minħabba r-rwol ċentrali ta’ din id-dispożizzjoni fi ħdan din id-direttiva, hija l-qorti nazzjonali, qabel ma tagħmel l-istima tad-dannu, li għandha tivverifika jekk ir-rikorrent għamilx użu minnha. Fil-fatt, fl-ipoteżi fejn l-impossibbiltà prattika li jiġi evalwat id-dannu tirriżulta min-nuqqas ta’ azzjoni tar-rikorrent, il-qorti nazzjonali ma għandhiex tissostitwixxi ruħha flok dan tal-aħħar u lanqas tagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet tiegħu. |
58 |
F’dan il-każ, is-sitwazzjoni tidher taħt dawl ieħor, peress li l-konvenuta, hija nfisha, wara li ġiet awtorizzata tagħmel dan mill-qorti tar-rinviju, qiegħdet għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti d-data li fuqha hija bbażat ruħha sabiex tikkontradixxi l-perizja ta’ din tal-aħħar. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li tali tqegħid għad-dispożizzjoni huwa tali li jikkontribwixxi għad-dibattitu kontradittorju kemm fuq ir-realtà kif ukoll fuq l-ammont tad-dannu u, għaldaqstant, li huwa jibbenefika kemm lill-partijiet, li jistgħu jirfinaw, jemendaw jew jikkompletaw l-argumenti tagħhom, kif ukoll lill-qorti nazzjonali, li għandha, permezz ta’ din il-perizja, segwita minn kontroperizja informata permezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data li fuqha hija bbażata, elementi li jippermettu, l-ewwel, li tiġi stabbilita r-realtà tad-dannu subit mir-rikorrenti, u, imbagħad, li jiġi ddeterminat d-daqs tiegħu, li huwa tali li jevitalha li tirrikorri għal stima ġudizzjarja ta’ dan tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data, mhux talli ma jirrendix rilevanti l-użu tat-talba għall-produzzjoni ta’ provi prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104, iżda jista’, għall-kuntrarju, jiggwida lir-rikorrenti u jipprovdilha indikazzjonijiet dwar dokumenti jew data li hija tqis indispensabbli li tikseb. |
59 |
Bla ħsara għal dan l-effett eventwali tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva fuq il-possibbiltà għal qorti nazzjonali li tagħmel stima tad-dannu skont l-Artikolu 17(1) tal-imsemmija direttiva, iċ-ċirkustanza li tikkaratterizza s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri li l-konvenuta nfisha, wara li ġiet awtorizzata tagħmel dan mill-qorti tar-rinviju, qiegħdet għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti d-data li fuqha hija bbażat ruħha sabiex tikkontradixxi l-perizja ta’ din tal-aħħar, ma hijiex, fiha nnifisha, rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk il-qorti tar-rinviju tistax tipproċedi bl-istima tad-dannu. |
60 |
It-tielet nett, il-parti li tressaq talba għal danni bbażata fuq l-eżistenza ta’ dannu kkawżat minn aġir antikompetittiv tista’ tindirizza din it-talba biss lil wieħed mill-awturi ta’ dan l-aġir, peress li, skont il-ġurisprudenza, hekk kif l-Avukata Ġenerali rrilevat fil-punt 102 tal-konklużjonijiet tagħha, ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jimplika bħala prinċipju r-responsabbiltà in solidum tal-awturi tagħha (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Tibor‑Trans, C‑451/18, EU:C:2019:635, punt 36). |
61 |
Għaldaqstant, l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2014/104, sa fejn jipprevedi tali possibbiltà, għandu jitqies bħala dispożizzjoni li tikkodifika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 35 ta’ din is-sentenza fir-rigward tal-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din id-direttiva, huwa fost id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva li l-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tagħhom japplikaw immedjatament. |
62 |
Madankollu, din il-possibbiltà ma tistax iċċaħħad lill-parti li tkun ressqet azzjoni għad-danni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/104 milli titlob lill-qorti nazzjonali adita li tordna lil awturi oħra tal-aġir li jikkostitwixxi ksur jipproduċu provi rilevanti, skont il-modalitajiet u fil-limiti ddefiniti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, sabiex dik il-qorti tkun tista’ tiddetermina l-eżistenza u l-quantum tad-dannu u, b’hekk, tevita li tipproċedi għall-istima ġudizzjarja ta’ dan tal-aħħar. |
63 |
Fil-fatt, f’dan il-każ, żewġ kostrutturi oħra ta’ trakkijiet issanzjonati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tad‑19 ta’ Lulju 2016, Renault Trucks u Iveco, ikkummerċjalizzaw vetturi mixtrija minn Tráficos Manuel Ferrer u jistgħu, għaldaqstant, ikunu f’pożizzjoni li jipprovdulha provi dwar l-ispiża żejda dovuta għall-akkordju, sabiex jiġi ddeterminat jekk, u f’liema proporzjon, din ġiet effettivament mgħoddija fil-prezz tax-xiri ta’ erba’ trakkijiet Renault Trucks u ta’ żewġ trakkijiet Iveco. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-konvenuta għandha wkoll, skont l-aħħar sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva, il-possibbiltà li titlob lil dik il-qorti tordna lill-imsemmija awturi l-oħra jipproduċu provi rilevanti, li jista’ jkun partikolarment utli f’sitwazzjoni fejn, bħal f’dan il-każ, l-intervent forzat ta’ tnejn minnhom ġie rrifjutat mill-qorti tar-rinviju. |
64 |
Bla ħsara għal dan l-effett eventwali tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104 fuq il-possibbiltà għal qorti nazzjonali li twettaq l-istima tad-dannu skont l-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva, iċ-ċirkustanza li tikkaratterizza s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri li t-talba għad-danni hija diretta kontra wieħed biss mid-destinatarji ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE, li kkummerċjalizza biss parti mill-prodotti akkwistati mir-rikorrenti u li fir-rigward tagħhom huwa allegat li ġew affettwati minn spiża żejda minħabba dan il-ksur, ma hijiex, minnha nfisha, rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk il-qorti nazzjonali tistax tipproċedi bl-istima tad-dannu. |
65 |
Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li la ċ-ċirkustanza li l-konvenut f’azzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva qiegħed għad-dispożizzjoni tar-rikorrent d-data li fuqha huwa bbaża ruħu sabiex jikkontradixxi l-perizja ta’ dan tal-aħħar u lanqas il-fatt li r-rikorrent indirizza t-talba tiegħu biss lil wieħed mill-awturi tal-imsemmi ksur ma huma, fihom infushom, rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk il-qrati nazzjonali jistgħux jipproċedu bl-istima tad-dannu, peress li din l-istima tippreżupponi, minn naħa, li l-eżistenza ta’ dan id-dannu tkun ġiet stabbilita u, min-naħa l-oħra, li jkun prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li d-dannu jiġi kkwantifikat bi preċiżjoni, li jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-parametri kollha li jwasslu għal tali konstatazzjoni u, b’mod partikolari, in-natura bla suċċess ta’ passi bħat-talba għal produzzjoni ta’ provi, prevista fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva. |
Fuq l-ispejjeż
66 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.