SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

15 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )

“ Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Impjiegi u politika soċjali– Xogħol temporanju – Direttiva 2008/104/KE – Artikolu 5 – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Neċessità li tiġi ggarantita, fil-każ ta’ deroga minn dan il-prinċipju, il-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji – Ftehim kollettiv li jipprevedi remunerazzjoni inferjuri għal dik tal-persunal irreklutat direttament mill-impriża utenti – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Stħarriġ ġudizzjarju”

Fil-Kawża C‑311/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Mejju 2021, fil-proċedura

CM

vs

TimePartner Personalmanagement GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, L. Arastey Sahún (Relatriċi), F. Biltgen, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: S. Beer, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑5 ta’ Mejju 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal CM, minn R. Buschmann u T. Heller, Prozessbevollmächtigte,

għal TimePartner Personalmanagement GmbH, minn O. Bertram, M. Brüggemann u A. Förster, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u D. Klebs, bħala aġenti,

għall-Gvern Svediż, minn H. Eklinder, J. Lundberg, C. Meyer-Seitz, A. Runeskjöld, M. Salborn Hodgson, R. Shahsavan Eriksson, H. Shev u O. Simonsson, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u D. Recchia, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Lulju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU 2008, L 327, p. 9).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn CM u TimePartner Personalmanagement GmbH (iktar ’il quddiem “TimePartner”) dwar l-ammont tar-remunerazzjoni dovuta minn TimePartner għax-xogħol temporanju mwettaq minn CM lil impriża utenti.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 10 sa 12, 16 u 19 tad-Direttiva 2008/104 jindikaw:

“(10)

Hemm differenzi konsiderevoli fl-użu tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija u fis-sitwazzjoni legali, l-istatus u l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija fl-Unjoni Ewropea.

(11)

Ix-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija mhux biss jilħaq il-ħtiġijiet għall-flessibbiltà ta’ l-intrapriżi iżda wkoll il-ħtieġa li l-impjegati jirrikkonċiljaw il-ħajja tax-xogħol u dik privata tagħhom. B’hekk huwa jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ l-impjiegi u għall-parteċipazzjoni u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol.

(12)

Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas protettiv għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li huwa non-diskriminatorju, trasparenti u proporzjonat, filwaqt li tirrispetta d-diversità tas-swieq tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali.

[…]

(16)

Sabiex ikunu jistgħu jaffrontaw b’mod flessibbli d-diversità tas-swieq tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-imsieħba soċjali jiddefinixxu kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg, sakemm jiġi rispettat il-livell ġenerali ta’ protezzjoni għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

[…]

(19)

Din id-Direttiva la taffettwa l-awtonomija ta’ l-imsieħba soċjali u lanqas m’għandha taffettwa r-relazzjonijiet bejn l-imsieħba soċjali, inkluż id-dritt li jiġu nnegozjati u konklużi strumenti ta’ ftehimiet kollettivi skond il-liġi u l-prattiki nazzjonali filwaqt li tiġi rispettata l-liġi Komunitarja prevalenti.”

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għan”:

“Il-fini ta’ din id-Direttiva huwa li tiżgura l-protezzjoni ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u li ttejjeb il-kwalità tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija billi tiżgura li l-prinċipju ta’ trattament ugwali, kif imniżżel fl-Artikolu 5, ikun applikat għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. u billi tirrikonoxxi lill-aġenziji ta’ xogħol temporanju bħala entitajiet li jħaddmu, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas xieraq għall-użu tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija bil-ħsieb li jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-ħolqien ta’ l-impjiegi u għall-iżvilupp ta’ forom flessibbli ta’ xogħol.”

5

Skont l-Artikolu 3(1)(f) tal-imsemmija direttiva, għall-finijiet tagħha, “kondizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u ta’ l-impjieg” tfisser:

“‘kondizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg’ tfisser kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg stabbiliti mil-leġislazzjoni, ir-regolamenti, id-dispożizzjonijiet amministrattivi, l-istrumenti ta’ ftehimiet kollettivi u/jew dispożizzjonijiet ġenerali vinkolanti oħrajn fis-seħħ fl-impriża utenti relatati ma’:

(i)

it-tul tal-ħin tax-xogħol, is-sahra, il-breaks, il-perijodi ta’ mistrieħ, ix-xogħol bil-lejl, il-vaganzi u l-btajjel pubbliċi; |

(ii)

il-paga.”

6

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/104, intitolat “Il-prinċipju ta’ trattament ugwali”, jipprevedi:

“1.   Il-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u ta’ l-impjieg tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom ikunu, għat-tul ta’ żmien ta’ l-assenjazzjoni tagħhom f’impriża utenti, ta’ l-inqas dawk li jkunu japplikaw kieku kienu rreklutati direttament minn dik l-impriża biex jokkupaw l-istess impjieg.

Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu, ir-regoli fis-seħħ fl-impriża utenti dwar:

(a)

il-protezzjoni ta’ nisa tqal u ommijiet li qed ireddgħu u l-protezzjoni ta’ tfal u żgħażagħ; u

(b)

it-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa u kwalunkwe azzjoni biex tiġi miġġielda kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon, it-twemmin, diżabbiltajiet, l-età jew l-orjentament sesswali;

għandhom jiġu rrispettati kif stabbilit mil-leġislazzjoni, ir-regolamenti, id-dispożizzjonijiet amministrattivi, l-istrumenti ta’ ftehimiet kollettivi u/jew kwalunkwe dispożizzjoni ġenerali oħra.

2.   Fir-rigward tal-paga, l-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali, jipprovdu li ssir eżenzjoni mill-prinċipju stabbilit fil-paragrafu 1 fejn il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li għandhom kuntratt ta’ impjieg għal żmien indeterminat ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju jibqgħu jitħallsu fiż-żmien ta’ bejn l-assenjazzjonijiet.

3.   L-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali, jagħtuhom, fil-livell adatt u soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri, l-għażla li jżommu jew jikkonkludu strumenti ta’ ftehimiet kollettivi li, waqt li jirrispettaw il-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, jistgħu jistabbilixxu dispożizzjonijiet dwar il-kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li jistgħu jkunu differenti minn dawk imsemmijin fil-paragrafu 1.

4.   Sakemm ikun ipprovdut livell adegwat ta’ protezzjoni għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, l-Istati Membri, li fihom jew m’hemmx sistema fil-liġi biex strumenti ta’ ftehimiet kollettivi jiġu ddikjarati applikabbli universalment jew li m’hemmx sistema bħal din fil-liġi jew prattika biex id-dispożizzjonijiet tagħhom jiġu estiżi għall-impriżi simili kollha f’ċertu settur jew żona ġeografika, jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali u abbażi ta’ ftehim konkluż minnhom, jistabbilixxu arranġamenti rigward il-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u l-impjieg li jidderogaw mill-prinċipju stabbilit fil-paragrafu 1. Dispożizzjonijiet bħal dawn jistgħu jinkludu perijodu ta’ kwalifika għal trattament ugwali.

Id-dispożizzjonijiet msemmijin f’dan il-paragrafu għandhom ikunu f’konformità mal-leġislazzjoni Komunitarja u għandhom ikunu preċiżi u aċċessibbli biżżejjed biex jippermettu lis-setturi u lill-impriżi kkonċernati jidentifikaw u jikkonformaw ma’ l-obbligi tagħhom. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3(2) jekk l-iskemi tas-sigurtà soċjali marbutin max-xogħol, inklużi l-iskemi ta’ pensjoni, ta’ ħlas għall-mard jew ta’ parteċipazzjoni finanzjarja humiex inklużi fil-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u l-impjieg imsemmijin fil-paragrafu 1. Dispożizzjonijiet bħal dawn għandhom ukoll ikunu mingħajr preġudizzju għal strumenti ta’ ftehim fil-livell nazzjonali, reġjonali, lokali jew settorjali li m’humiex inqas favorevoli għall-ħaddiema.

5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti, skond il-liġi nazzjonali u/jew il-prattika, bil-ħsieb li jipprevjenu l-użu ħażin fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu u, b’mod partikolari, jipprevjenu l-assenjazzjonijiet suċċessivi mfassla biex jevitaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni [Ewropea] b’tali miżuri.”

7

L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Rekwiżiti minimi”, jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu dispożizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema jew li jippromwovu jew jippermettu strumenti ta’ ftehimiet kollettivi konklużi bejn l-imsieħba soċjali li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema.

2.   L-implimentazzjoni tad-Direttiva taħt l-ebda ċirkustanza m’għandha tikkostitwixxi raġunijiet suffiċjenti biex tiġġustifika tnaqqis fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fl-oqsma koperti b’din id-Direttiva. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ Stati Membri u/jew ta’ min iħaddem u l-ħaddiema li jistabbilixxu, fid-dawl ta’ ċirkostanzi li jinbidlu, arranġamenti leġislattivi, regolatorji jew kuntrattwali differenti minn dawk li jipprevalu fiż-żmien ta’ l-addozzjoni ta’ din id-Direttiva, dejjem sakemm jiġu rispettati r-rekwiżiti minimi stabbiliti f’din id-Direttiva.”

8

L-Artikolu 11 tal-istess direttiva, intitolat “Implimentazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-5 ta’ Diċembru 2011, jew għandhom jiżguraw li l-imsieħba soċjali jintroduċu d-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta’ ftehim, li bih l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-arranġamenti kollha meħtieġa li jippermettulhom jiggarantixxu f’kull ħin li l-objettivi ta’ din id-Direttiva jintlaħqu. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.”

Id‑dritt Ġermaniż

9

L-Artikolu 9(2) tal-Arbeitnehmerüberlassungsgesetz (il-Liġi dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni ta’ Ħaddiema), tat‑3 ta’ Frar 1995 (BGBl. 1995 I, p. 158, iktar ’il quddiem l-“AÜG”), fil-verżjoni tagħha applikabbli sal‑31 ta’ Marzu 2017, kien redatt kif ġej:

“Dawn li ġejjin huma ineffettivi:

[…]

(2) Ftehim li jipprevedi għal kundizzjonijiet ta’ xogħol, inkluża remunerazzjoni, għall-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija, għall-perijodu ta’ assenjazzjoni lil impriża utenti, li huma inqas favorevoli kif imqabbla mal-kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol applikabbli fl-impriża utenti għal ħaddiem komparabbli tal-impriża utenti; ftehim kollettiv jista’ jawtorizza derogi, sakemm ma jipprovdix għal remunerazzjoni li tkun inqas mill-paga minima fis-siegħa stabbilita b’regolament skont il-paragrafu 3a(2); f’konformità mal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali ftehim kollettiv, dawk li jħaddmu u ħaddiema mhux vinkolati bil-ftehim kollettiv jistgħu jaqblu għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dak il-ftehim; kwalunkwe deroga skont ftehim kollettiv ma għandhiex tapplika għal ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li, fis-sitt xhur qabel l-assenjazzjoni għall-impriża utenti, ma jkunux għadhom f’relazzjoni ta’ impjieg ma’ dik l-impriża jew ma’ min iħaddem li jkun jifforma parti mill-istess grupp ta’ impriżi bħala l-impriża utenti skont it-tifsira tal-paragrafu 18 tal-Aktiengesetz (iktar ’il quddiem il-‘Liġi dwar Kumpanniji Pubbliċi ta’ Responsabbiltà Limitata’),

[…]”

10

L-Artikolu 10(4) tal-AÜG, fil-verżjoni tiegħu applikabbli sal‑31 ta’ Marzu 2017, kien jipprevedi:

“L-aġenzija ta’ xogħol temporanju jkun jenħtiġilha tagħti lill-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija, għall-perijodu ta’ assenjazzjoni lill-impriża utenti, il-kundizzjonijiet ta’ xogħol bażiċi, inkluża remunerazzjoni, applikabbli fl-impriża utenti għal ħaddiem komparabbli tal-impriża utenti. Sakemm ftehim kollettiv applikabbli għar-relazzjoni ta’ impjieg jistabbilixxi derogi (paragrafu 3(1)(3) u paragrafu 9(2)), l-aġenzija ta’ xogħol temporanju għandha tagħti lill-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija l-kundizzjonijiet ta’ xogħol applikabbli skont dak il-ftehim kollettiv. Sal-punt li ftehim kollettiv jipprovdi għal remunerazzjoni inqas mill-paga minima fis-siegħa stabbilita b’regolament skont il-paragrafu 3a(2), l-aġenzija ta’ xogħol temporanju għandha tagħti lill-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija, għal kull siegħa xogħol, ir-remunerazzjoni dovuta fl-impriża utenti għal ħaddiem komparabbli tal-impriża utenti għal siegħa xogħol. F’każ ta’ invalidità tal-ftehim bejn l-aġenzija ta’ xogħol temporanju u l-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija skont il-paragrafu 9(2), l-aġenzija ta’ xogħol temporanju għandha tagħti lill-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija l-kundizzjonijiet ta’ xogħol bażiċi, inkluża remunerazzjoni, applikabbli fl-impriża utenti għal ħaddiem komparabbli tal-impriża utenti.”

11

L-Artikolu 8 tal-AÜG, kif emendat bil-Liġi tal‑21 ta’ Frar 2017 (BGBl.2017 I, p. 258), li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ April 2017, jipprevedi:

“1.   L-aġenzija ta’ xogħol temporanju hija obbligata li tagħti lill-ħaddiem temporanju, għall-perijodu ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-impriża utenti, il-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol fis-seħħ fl-impriża utenti għal ħaddiem paragunabbli, intern għal din l-impriża, inkluż fil-qasam tar-remunerazzjoni (prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament). Jekk il-ħaddiem temporanju jirċievi r-remunerazzjoni konvenzjonali dovuta mill-impriża utenti lil ħaddiem paragunabbli, intern għal din l-impriża, jew, fin-nuqqas ta’ dan, remunerazzjoni konvenzjonali applikabbli għal ħaddiema komparabbli fil-qasam tal-assenjazzjoni, huwa preżunt li l-ħaddiem temporanju huwa ttrattat b’mod ugwali fil-qasam tar-remunerazzjoni fis-sens tal-ewwel sentenza. Jekk jingħataw benefiċċji in natura fl-impriża utenti, jista’ jsir ħlas kumpensatorju f’euro.

2.   Ftehim kollettiv jista’ jidderoga mill-prinċipju ta’ trattament ugwali sa fejn dan ma jipprovdix għal pagi inqas mir-remunerazzjonijiet minimi stabbiliti permezz ta’ digriet skont l-Artikolu 3a(2). Peress li tali ftehim kollettiv jidderoga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, l-aġenzija ta’ xogħol temporanju għandha tagħti lill-impjegat temporanju l-kundizzjonijiet ta’ xogħol applikabbli skont dan il-ftehim kollettiv. Fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali ftehim kollettiv, min iħaddem u l-ħaddiema mhux marbuta mill-ftehim kollettiv jistgħu jiftiehmu dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim. Sa fejn tali ftehim kollettiv jipprevedi remunerazzjoni inferjuri għar-remunerazzjonijiet minimi stabbiliti permezz ta’ digriet skont l-Artikolu 3a(2), l-impriża ta’ xogħol temporanju hija obbligata tagħti lill-ħaddiem temporanju, għal kull siegħa ta’ xogħol, ir-remunerazzjoni li għandha titħallas fl-impriża utenti lil ħaddiem paragunabbli, intern għal din l-impriża, għal siegħa ta’ xogħol.

3.   Dispożizzjoni legali derogatorja fis-sens tal-paragrafu 2 ma tapplikax għall-ħaddiema temporanji li, fis-sitt xhur li jippreċedu t-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom tal-impriża utenti, ikunu telqu l-impjieg tagħhom magħha jew ma’ persuna oħra li tħaddem li tifforma mal-impriża utenti grupp fis-sens tal-Artikolu 18 tal-[Liġi dwar il-Kumpanniji Pubbliċi b’Responsabbiltà Limitata].

4.   Ftehim kollettiv fis-sens tal-paragrafu 2 jista’ jidderoga fil-qasam tar-remunerazzjoni mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament matul l-ewwel disa’ xhur ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ impriża utenti. Deroga ta’ perijodu itwal, prevista minn ftehim kollettiv, hija awtorizzata biss jekk:

(1)

mhux iktar tard minn ħmistax-il xahar wara assenjazzjoni lil impriża utenti, tinkiseb remunerazzjoni li tkun mill-inqas ir-remunerazzjoni stabbilita permezz ta’ ftehim kollettiv bħala li hija ekwivalenti għar-remunerazzjoni tal-ftehim kollettiv ta’ ħaddiema komparabbli fis-settur, u

(2)

wara perijodu ta’ adattament għall-metodi ta’ xogħol ta’ massimu ta’ sitt ġimgħat, ir-remunerazzjoni mħallsa tiġi gradwalment allineata mar-remunerazzjoni msemmija iktar ’il fuq.

Fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali ftehim kollettiv, dawk li jħaddmu u ħaddiema mhux vinkolati bi ftehim kollettiv jistgħu jaqblu għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim. Għandu jittieħed kont b’mod sħiħ tal-perijodu ta’ assenjazzjonijiet preċedenti mill-istess jew minn aġenzija differenti ta’ xogħol temporanju għall-istess impriża utenti jekk il-perijodu rispettiv bejn l-assenjazzjonijiet ma jeċċedix tliet xhur.

5.   L-aġenzija ta’ xogħol temporanju għandha jenħtiġilha tħallas lill-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija mill-inqas il-paga minima fis-siegħa stabbilita b’regolament skont il-paragrafu 3a(2) għall-perijodu tal-assenjazzjoni u għall-perijodi mingħajr assenjazzjoni.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

12

Bejn ix-xhur ta’ Jannar u April 2017, TimePartner, impriża ta’ xogħol temporanju, impjegat lil CM bħala ħaddiema temporanja, abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat. Fil-kuntest ta’ dan l-impjieg, CM tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ impriża ta’ kummerċ bl-imnut bħala responsabbli għall-ordnijiet.

13

Il-ħaddiema komparabbli tal-impriża utenti, li għalihom japplika l-ftehim kollettiv tal-ħaddiema tas-settur tal-kummerċ bl-imnut fil-Land ta’ Bayern (il-Ġermanja), kienu jirċievu salarju gross fis-siegħa ta’ EUR 13.64.

14

Matul il-kuntratt tiegħu mingħand din l-impriża, CM irċieva salarju gross fis-siegħa ta’ EUR 9.23, skont il-ftehim kollettiv applikabbli għall-ħaddiema temporanji, konkluż bejn l-Interessenverband Deutscher Zeitarbeitsunternehmen eV (l-Assoċjazzjoni ta’ Aġenziji ta’ Xogħol Temporanju Ġermaniża), li miegħu kienet imsieħba TimePartner, u d-Deutscher Gewerkschaftsbund (il-Konfederazzjoni tas-Sindakati Ġermaniża), li minnha kienet tifforma parti l-Vereinte Dienstleistungsgewerkschaft (is-Sindakat ta’ Servizzi Uniti), li miegħu kien affiljat CM.

15

Dan l-aħħar ftehim kollettiv kien jidderoga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit, għall-perijodu bejn ix-xahar ta’ Jannar u x-xahar ta’ Marzu 2017, fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(4) tal-AÜG fil-verżjoni tagħha applikabbli sal‑31 ta’ Marzu 2017 u, fir-rigward tax-xahar ta’ April 2017, fl-Artikolu 8(1) tal-AÜG fil-verżjoni tagħha applikabbli mill‑1 ta’ April 2017, billi tipprevedi, għall-ħaddiema temporanji, remunerazzjoni inferjuri għal dik mogħtija lill-ħaddiema tal-impriża utenti.

16

CM adixxiet lill-Arbeitsgericht Würzburg (il-Qorti Industrijali ta’ Wurtzburg, il-Ġermanja) b’rikors intiż sabiex jinkiseb ħlas addizzjonali ta’ EUR 1 296.72, ammont ekwivalenti għad-differenza li kien jerġa’ lura lilha kieku ġiet irremunerata skont il-ftehim kollettiv tal-ħaddiema tas-settur tal-kummerċ bl-imnut f’Bayern. Hija sostniet li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-AÜG kif ukoll tal-ftehim kollettiv applikabbli għall-ħaddiema temporanji ma kinux konformi mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/104. TimePartner ikkontestat li hija obbligata tħallas kull remunerazzjoni differenti minn dik prevista mill-ftehimiet kollettivi applikabbli għall-ħaddiema temporanji.

17

Wara li dan ir-rikors ġie miċħud, CM appellat quddiem il-Landesarbeitsgericht Nürnberg (il-Qorti Industrijali Superjuri ta’ Nürnberg, il-Ġermanja). Wara ċ-ċaħda tal-appell tagħha minn dan tal-aħħar, CM ippreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja).

18

Din il-qorti tqis li l-eżitu tal-imsemmi rikors għal reviżjoni jiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/104.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Kif huwa ddefinit il-kunċett ta’ ‘protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji’ imsemmi fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva [2008/104] u dan il-kunċett għandu b’mod partikolari portata iktar wiesgħa minn dik li jipprevedu b’mod vinkolanti d-dritt nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni Ewropea fil-qasam ta’ protezzjoni tal-ħaddiema kollha?

2)

Liema kundizzjonijiet u liema kriterji għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jiġi kkunsidrat li dispożizzjonijiet fi ftehim kollettiv fil-qasam ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, li jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 saru b’rispett tal-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija?

a)

L-eżami tar-rispett tal-protezzjoni ġenerali huwa bbażat – b’mod astratt – fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol miftiehma kollettivament tal-ħaddiema temporanji li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali ftehim kollettiv jew għandha ssir kunsiderazzjoni evalwattiva u komparattiva bejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol miftiehma kollettivament u l-kundizzjonijiet tax-xogħol eżistenti fl-impriża fejn ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha (impriża utenti)?

b)

F’każ ta’ deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tar-remunerazzjoni, ir-rispett tal-protezzjoni ġenerali previst fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 jeżiġi l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat bejn impriża ta’ xogħol temporanju u l-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija?

3)

Il-kundizzjonijiet u l-kriterji fil-qasam ta’ rispett tal-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104, għandhom jiġu imposti fuq l-imsieħba soċjali mil-leġiżlatur nazzjonali meta dan tal-aħħar jagħtihom il-possibbiltà li jikkonkludu ftehimiet kollettivi li jinkludu dispożizzjonijiet li jidderogaw mir-rekwiżit ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u meta s-sistema nazzjonali ta’ nnegozjar kollettiv tipprevedi rekwiżiti li jagħtu lok għal aspettattiva ta’ konċiljazzjoni adegwata tal-interessi bejn il-partijiet fil-ftehimiet kollettivi (l-hekk imsejħa preżunzjoni ta’ korrettezza tal-ftehimiet kollettivi)?

4)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda:

a)

Ir-rispett tal-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija fis-sens tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104, huwa żgurat minn dispożizzjonijiet legali li, bħal dawk li jinsabu fil-verżjoni fis-seħħ sa mill 1 ta’ April 2017 tal-[AÜG], jipprevedu livell minimu ta’ salarju għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, tul ta’ żmien massimu għat-tqegħid għad-dispożizzjoni mal-istess impriża utenti, limitazzjoni fiż-żmien tad-deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam ta’ remunerazzjoni, in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-ftehim kollettiv li tidderoga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li, fis-sitt xhur qabel it-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom lill-impriża utenti, ikunu telqu l-impjieg tagħhom magħha jew ma’ persuna oħra li timpjega li tifforma mal-impriża utenti grupp fis-sens tal-Artikolu 18 tal-Aktiengesetz (il-Liġi dwar il-Kumpanniji Pubbliċi ta’ Responsabbiltà Limitata), kif ukoll l-obbligu għall-impriża utenti li tagħti lill-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija, fil-prinċipju fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-ħaddiema permanenti tal-impriża, aċċess għal strutturi jew servizzi kollettivi (bħalma huma, b’mod partikolari, faċilitajiet għall-indukrar ta’ tfal, catering kollettiv u ta’ mezzi ta’ trasport)?

b)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda:

Dan japplika wkoll meta d-dispożizzjonijiet legali rilevanti, bħal dawk li jinsabu fil-verżjoni tal-Liġi dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni ta’ Ħaddiema fis-seħħ sa mill-31 ta’ Marzu 2017 ma jipprevedu ebda limitazzjoni fiż-żmien tad-deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam ta’ remunerazzjoni u meta r-rekwiżit li t-tqegħid għad-dispożizzjoni għandu jkun biss “temporanju” ma jkunx ippreċiżat f’termini ta’ tul ta’ żmien?

5)

Jekk it-tielet domanda tingħata risposta fin-negattiv:

Fil-każ ta’ dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament permezz ta’ ftehimiet kollettivi skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104, il-qrati nazzjonali jistgħu jistħarrġu mingħajr restrizzjoni dawn il-ftehimiet kollettivi sabiex jistabbilixxu jekk id-derogi kinux ġew stabbiliti b’rispett tal-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija jew inkella l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u/jew ir-riferiment għall-“awtonomija ta’ l-imsieħba soċjali” fil-premessa 19 tad-Direttiva 2008/104 jeżiġu li tingħata lill-partijiet fil-ftehimiet kollettivi, f’dak li jikkonċerna r-rispett tal-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, setgħa diskrezzjonali li hija suġġetta biss għal stħarriġ ġudizzjarju limitat u, – fl-affermattiv – sa fejn testendi din is-setgħa diskrezzjonali?”

Fuq it‑talba għall‑ftuħ mill‑ġdid tal‑fażi orali tal‑proċedura

20

Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Ottubru 2022, TimePartner talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. Insostenn tat-talba tagħha, din il-parti ssostni li aspett ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kien għadu ma ġiex indirizzat, jiġifieri l-eżistenza ta’ diversi sistemi ta’ xogħol temporanju fi ħdan l-Unjoni, li għandhom bħala riżultat li l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiem temporanju impost fuq l-aġenzija ta’ xogħol temporanju, b’mod partikolari matul il-perijodi ta’ inattività, hija kunsiderevolment differenti bejn l-Istati Membri, raġuni li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex suffiċjentement informata sabiex tiddeċiedi.

21

Konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi kwalunkwe mument, wara li jkun instema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ jew il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed, jew meta parti tkun issottomettiet, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tagħha, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma ġiex iddibattut bejn il-partijiet jew il-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

22

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi pprovduti, minn naħa, mill-qorti tar-rinviju u, min-naħa l-oħra, minn TimePartner u l-persuni kkonċernati l-oħra li pparteċipaw kemm fil-fażi bil-miktub kif ukoll fil-fażi orali ta’ din il-proċedura, hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi.

23

Konsegwentement, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba ta’ TimePartner intiża għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

24

CM issostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli. B’mod partikolari, l-ewwel u t-tieni domandi, li permezz tagħhom il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi l-kunċett ta’ “protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104, ma humiex neċessarji sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-kawża prinċipali, peress li dan il-kunċett ma huwiex magħruf fid-dritt Ġermaniż.

25

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tieħu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata li għandha tevalwa, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sa fejn id-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, Coca-Cola European Partners Deutschland, C‑257/21 u C‑258/21, EU:C:2022:529, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, Coca-Cola European Partners Deutschland,C‑257/21 u C‑258/21, EU:C:2022:529, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Ċertament, l-ewwel domanda, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104, hija fformulata f’termini ġenerali.

28

Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi, fl-ewwel lok, l-imsemmi kunċett sabiex tkun tista’ tiddetermina, fit-tieni lok, permezz tat-tieni domanda, sa fejn ftehim kollettiv jista’ jidderoga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tar-remunerazzjoni filwaqt li jiggarantixxi l-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji, konformement mal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104. Fil-fatt, kieku l-ftehim kollettiv applikabbli għall-ħaddiema temporanji kellu jmur kontra l-imsemmija dispożizzjoni, CM jista’ jkollha dritt għal ħlas addizzjonali kif mitlub minnha. Għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni domandi ma humiex manifestament irrilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

29

Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

30

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni teżiġi, permezz tar-riferiment tagħha għall-kunċett ta’ “protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji”, li jittieħed inkunsiderazzjoni livell ta’ protezzjoni applikabbli għall-ħaddiema temporanji li jeċċedi dak stabbilit, għall-ħaddiema b’mod ġenerali, mid-dritt nazzjonali u mid-dritt tal-Unjoni dwar il-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg.

31

Skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104, l-Istati Membri jistgħu, wara li jkunu kkonsultaw l-imsieħba soċjali, joffrulhom il-possibbiltà li jżommu jew jikkonkludu, fil-livell xieraq u suġġett għall-kundizzjonijiet iffissati mill-Istati Membri, ftehimiet kollettivi li, filwaqt li jiggarantixxu l-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji, jistgħu jistabbilixxu, għall-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg tal-ħaddiema temporanji, dispożizzjonijiet li jistgħu jkunu differenti minn dawk li huma msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-istess artikolu, jiġifieri dispożizzjonijiet li abbażi tagħhom huma applikabbli l-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema temporanji huma tal-inqas dawk li japplikaw għalihom li kieku kienu rreklutati direttament mill-kumpanija li fiha jwettqu l-inkarigu temporanju tagħhom biex jokkupaw l-istess pożizzjoni.

32

Il-kunċett ta’ “kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u ta’ l-impjieg”, huwa ddefinit fl-Artikolu 3(1)(f) tad-Direttiva 2008/104, u jirreferi għat-tul tax-xogħol, għas-sahra, għall-ħin tal-pawża, għall-perijodi ta’ mistrieħ, għax-xogħol billejl, għal-leave, għall-festi pubbliċi kif ukoll għar-remunerazzjoni.

33

Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 jirriżulta li l-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri li jippermettu lill-imsieħba soċjali jżommu jew jikkonkludu ftehimiet kollettivi li jawtorizzaw differenzi fit-trattament fil-qasam tal-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema temporanji hija bbilanċjata mill-obbligu li dawn il-ħaddiema jingħataw “protezzjoni ġenerali”, mingħajr madankollu ma din id-direttiva tiddefinixxi l-kontenut ta’ dan l-aħħar kunċett.

34

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom konformement mas-sens abitwali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2022, Daimler, C‑232/20, EU:C:2022:196, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Fir-rigward tal-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2008/104, mill-premessi 10 sa 12 ta’ din id-direttiva jirriżulta li s-sitwazzjoni legali, l-istatut u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema temporanji fi ħdan l-Unjoni huma kkaratterizzati minn diversità kbira ħafna, li x-xogħol temporanju jissodisfa mhux biss il-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà tal-impriżi iżda wkoll il-ħtieġa li jiġu kkonċiljati l-ħajja privata u l-ħajja professjonali tal-impjegati, b’hekk tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ impjiegi u għall-parteċipazzjoni u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, u li l-imsemmija direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi qafas protettiv għal dawn il-ħaddiema li ma jkunx diskriminatorju, trasparenti u proporzjonat, filwaqt li tirrispetta d-diversità tas-swieq tax-xogħol u relazzjonijiet bejn l-imsieħba soċjali.

36

Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-għan tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104, mill-premessa 16 ta’ din id-direttiva jirriżulta li, sabiex ikunu jistgħu jaffrontaw b’mod flessibbli d-diversità tas-swieq tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-imsieħba soċjali, li jiddefinixxu kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg, bil-kundizzjoni li josservaw il-livell globali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema temporanji.

37

B’estensjoni ta’ dak li huwa espost f’dawn il-premessi, l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li din għandha l-għan li tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji u li ttejjeb il-kwalità tax-xogħol temporanju billi tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ dawn il-ħaddiema u billi tirrikonoxxi lill-impriżi ta’ xogħol temporanju bħala persuni li jimpjegaw, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni n-neċessità li jiġi stabbilit qafas xieraq ta’ użu ta’ dan it-tip ta’ xogħol bil-għan li jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-ħolqien ta’ impjiegi u għall-iżvilupp ta’ forom flessibbli ta’ xogħol.

38

Dan l-għan doppju huwa rifless fl-istruttura tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/104, li l-paragrafu 1 tiegħu jistabbilixxi r-regola li l-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema temporanji, kif iddefiniti fl-Artikolu 3(1)(f) ta’ din id-direttiva, huma mill-inqas dawk tal-ħaddiema stess tal-impriża utenti. Din ir-regola tidderoga, b’mod partikolari, mid-dispożizzjoni prevista fl-Artikolu 5(3). Din id-deroga għandha madankollu tibqa’ fil-limiti tal-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji. Il-portata tiegħu hija barra minn hekk limitata għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jiġi protett l-interess li d-deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament adottata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tippermetti li jiġu protetti, jiġifieri l-interess marbut man-neċessità li jiġu ffaċċjati bi flessibbiltà d-diversità tas-swieq tax-xogħol u tar-relazzjonijiet bejn l-imsieħba soċjali (sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2010 Accardo et, C-227/09, EU:C:2010:624, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Sabiex b’hekk jiġi kkonċiljat l-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji, stabbilit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/104, u l-osservanza tad-diversità tas-swieq tax-xogħol, għandu jiġi kkunsidrat li, meta ftehim kollettiv jawtorizza, abbażi tal-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva, b’deroga għall-paragrafu 1 tiegħu, differenza fit-trattament fil-qasam tal-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg għad-detriment tal-ħaddiema temporanji meta mqabbla ma’ dawk li jgawdu minnhom il-ħaddiema stess tal-impriża utenti, il-“protezzjoni ġenerali” ta’ dawn il-ħaddiema temporanji hija ggarantita biss jekk jingħataw, bħala korrispettiv, benefiċċji intiżi biex jikkumpensaw għall-effetti ta’ din id-differenza fit-trattament. Fil-fatt, il-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji tkun neċessarjament imnaqqsa jekk tali ftehim ikun limitat, fir-rigward ta’ dawn il-ħaddiema, għal tnaqqis ta’ waħda jew iktar mill-imsemmija kundizzjonijiet essenzjali.

40

Madankollu, fid-dawl tal-portata tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 li tikkonsisti f’li l-ħaddiema temporanji jibbenefikaw mill-istess kundizzjonijiet essenzjali bħal dawk tal-ħaddiema tal-impriża utenti stess, l-osservanza tal-protezzjoni ġenerali fis-sens tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu ma teżiġix li jittieħed inkunsiderazzjoni livell ta’ protezzjoni applikabbli għall-ħaddiema temporanji li jeċċedi dak previst, fir-rigward ta’ dawn il-kundizzjonijiet, mid-dispożizzjonijiet vinkolanti fuq il-protezzjoni li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni għall-ħaddiema b’mod ġenerali.

41

Il-benefiċċji li jikkumpensaw l-effetti ta’ differenza fit-trattament għad-detriment tal-ħaddiema temporanji, kif imsemmi fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, għandhom ikunu relatati mal-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg iddefiniti fl-Artikolu 3(1)(f) tad-Direttiva 2008/104, jiġifieri ma’ dawk relatati mat-tul tal-ħin tax-xogħol, mas-sahra, mal-breaks, mal-perijodi ta’ mistrieħ, max-xogħol billejl, mal-vaganzi u mal-btajjel pubbliċi; kif ukoll mar-remunerazzjoni.

42

Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 hija kkorroborata mill-kuntest tiegħu. Fil-fatt, l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva jippermetti, essenzjalment, lill-Istati Membri, wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, li jidderogaw, fir-rigward tar-remunerazzjoni, mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva, meta, b’mod partikolari, dawn il-ħaddiema jkomplu jiġu rremunerati fil-perijodu bejn żewġ assenjazzjonijiet. B’hekk, għalkemm l-Istati Membri jistgħu biss jiffissaw ir-remunerazzjoni tal-ħaddiema temporanji f’livell iktar baxx minn dak li jimponi l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bil-kundizzjoni li jiġi kkumpensat dan l-inkonvenjent permezz tal-għoti ta’ benefiċċju marbut, f’din l-ipoteżi, mal-istess kundizzjoni essenzjali tax-xogħol u ta’ impjieg li hija r-remunerazzjoni, ikun paradossali li jiġi aċċettat li l-imsieħba soċjali, madankollu meħtieġa li jiggarantixxu l-protezzjoni ġenerali tal-imsemmija ħaddiema, jistgħu jagħmlu dan mingħajr ma jkun meħtieġ min-naħa tagħhom li jipprevedu, fil-ftehim kollettiv ikkonċernat, għall-għoti ta’ benefiċċju fir-rigward tal-imsemmija kundizzjonijiet essenzjali.

43

Dan japplika, a fortiori, għall-ħaddiema temporanji li għandhom biss kuntratt għal żmien determinat li, li jirriskjaw li jiġu rarament irremunerati bejn żewġ assenjazzjonijiet, għandhom jingħataw benfiċċju kumpensatorju sostanzjali f’dak li jikkonċerna l-imsemmija kundizzjonijiet essenzjali u li għandu jkun essenzjalment mill-inqas ekwivalenti għal dak mogħti lill-ħaddiema temporanji li għandhom kuntratt għal żmien indeterminat.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma teżiġix, permezz tar-riferiment tagħha għall-kunċett ta’ “protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji”, li jittieħed inkunsiderazzjoni livell ta’ protezzjoni speċifiku għall-ħaddiema temporanji li jeċċedi dak stabbilit, għall-ħaddiema b’mod ġenerali, mid-dritt nazzjonali u mid-dritt tal-Unjoni dwar il-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg. Madankollu, meta l-imsieħba soċjali jawtorizzaw, permezz ta’ ftehim kollettiv, differenzi fit-trattament fil-qasam tal-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg għad-detriment tal-ħaddiema temporanji, dan il-ftehim kollettiv għandu, sabiex jiggarantixxi l-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji kkonċernati, jagħti lil dawn tal-aħħar vantaġġi fil-qasam tal-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg li jkunu ta’ natura li jikkumpensaw id-differenza fit-trattament li huma jissubixxu.

Fuq it‑tieni domanda

45

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li hija maqsuma f’żewġ subdomandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, taħt liema kundizzjonijiet ftehim kollettiv li jawtorizza differenzi fit-trattament fil-qasam tal-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg għad-detriment ta’ ħaddiema temporanji jista’ madankollu jitqies li jiggarantixxi l-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji kkonċernati, skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104.

Fuq il‑punt (a) tat‑tieni domanda

46

Permezz tal-punt(a) tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-osservanza tal-obbligu li tiġi ggarantita l-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji għandha tiġi evalwata b’mod astratt, fid-dawl ta’ ftehim kollettiv li jawtorizza differenza fit-trattament, jew b’mod konkret, billi jsir paragun tal-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg applikabbli għall-ħaddiema komparabbli rreklutati direttament mill-impriża utenti.

47

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, matul il-perijodu tal-missjoni tagħhom ma’ impriża utenti, il-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema temporanji għandhom, mill-inqas, jikkorrispondu għal dawk li jkunu applikabbli għalihom li kieku jiġu rreklutati direttament minn din l-impriża sabiex jokkupaw l-istess pożizzjoni (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2022, Luso Temp,C-426/20, EU:C:2022:373, punt 49). Il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk wera l-intenzjoni tiegħu li jiżgura li, skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-ħaddiema temporanji ma jinsabux, bħala prinċipju, f’sitwazzjoni inqas favorevoli minn dik ta’ ħaddiema paragunabbli tal-impriża utenti.

48

Għaldaqstant, il-ħaddiema temporanji għandhom, bħala prinċipju, dritt għall-istess kundizzjonijiet essenzjali ta’ xogħol u ta’ impjieg bħal dawk li kienu jkunu applikabbli għalihom li kieku l-impriża utenti kienet irreklutathom direttament. Għalhekk min-natura derogatorja tal-Artikolu 5(3), imfakkra fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, kif ukoll mill-għan tad-Direttiva 2008/104, imfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li d-dispożizzjoni derogatorja prevista fl-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva timponi li jiġi vverifikat, konkretament, jekk ftehim kollettiv li jawtorizza differenza fit-trattament, fil-qasam tal-kundizzjonijiet essenzjali ta’ xogħol u ta’ impjieg, bejn il-ħaddiema temporanji u l-ħaddiema komparabbli tal-impriża utenti tiggarantixxix effettivament il-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji, billi jingħataw ċerti benefiċċji intiżi sabiex jikkumpensaw din id-differenza fit-trattament. Din il-verifika għandha, għaldaqstant, issir fir-rigward tal-kundizzjonijiet essenzjali ta’ xogħol u ta’ impjieg applikabbli għall-ħaddiema komparabbli tal-impriża utenti.

49

Għaldaqstant, għandhom jiġu ddeterminati, fl-ewwel lok, il-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg li jkunu applikabbli għall-ħaddiem temporanju jekk jiġi rreklutat direttament mill-impriża utenti, sabiex jokkupa l-istess pożizzjoni. Fit-tieni lok, għandhom jiġu pparagunati dawn il-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u ta’ impjieg ma’ dawk li jirriżultaw mill-ftehim kollettiv li għalih huwa effettivament suġġett il-ħaddiem temporanju (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Luso Temp, C‑426/20, EU:C:2022:373, punt 50). Fit-tielet lok, hemm lok, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji, li jiġi evalwat jekk il-benefiċċji kumpensatorji mogħtija jippermettux li tiġi nnewtralizzata d-differenza fit-trattament subit.

50

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-punt (a) tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-osservanza tal-obbligu li tiġi ggarantita l-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji għandha tiġi evalwata, b’mod konkret, billi jiġu pparagunati, għal pożizzjoni partikolari, il-kundizzjonijiet essenzjali ta’ xogħol u ta’ impjieg applikabbli għall-ħaddiema rreklutati direttament mill-impriża utenti ma’ dawk applikabbli għall-ħaddiema temporanji, sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk il-vantaġġi kumpensatorji mogħtija fir-rigward tal-imsemmija kundizzjonijiet essenzjali jippermettux li jiġu kkumpensati l-effetti tad-differenza fit-trattament subit.

Fuq il‑punt (b) tat‑tieni domanda

51

Permezz tal-punt (b) tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li tiġi ggarantita l-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji jeħtieġ li l-ħaddiem temporanju kkonċernat ikun marbut mal-impriża ta’ xogħol temporanju permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

52

Ċertament, skont l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu, fir-rigward tar-remunerazzjoni, wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, jipprevedu li tista’ ssir deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta l-ħaddiema temporanji, marbuta mal-impriża ta’ xogħol temporanju permezz ta’ kuntratt għal żmien indeterminat, jibqgħu jitħallsu fil-perijodu bejn żewġ assenjazzjonijiet.

53

Madankollu, b’differenza minn din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 ma jipprevedi ebda regola speċifika għas-sitwazzjoni tal-ħaddiema temporanji li jibbenefikaw minn kuntratt għal żmien indeterminat.

54

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-raġuni għal din id-differenza bejn l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/104 u l-Artikolu 5(3) tagħha hija bbażata fuq il-fatt li l-ħaddiema temporanji impjegati fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat ikomplu jiġu rremunerati matul il-perijodi bejn l-assenjazzjonijiet fdati lilhom ma’ impriżi utenti. Din iċ-ċirkustanza tikkostitwixxi l-ġustifikazzjoni tal-possibbiltà prevista fl-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva li jiġi pprovdut, fir-rigward ta’ dawn il-ħaddiema, differenza fit-trattament fil-qasam tar-remunerazzjoni. In-natura speċifika ta’ din ir-regola tikkuntrasta man-natura ġenerali tal-Artikolu 5(3) tal-imsemmija direttiva li, filwaqt li tawtorizza differenzi fit-trattament fil-qasam tal-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg, madankollu tobbliga li tiġi ggarantita l-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji.

55

Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/104 jistabbilixxi huwa stess il-kumpens konkret – jiġifieri remunerazzjoni tal-perijodu bejn żewġ assenjazzjonijiet – li għandu jingħata lill- ħaddiema temporanji b’kuntratt għal żmien indeterminat, bħala korrispettiv għal deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament f’dak li jikkonċerna r-remunerazzjoni, filwaqt li l-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jippermetti lill-imsieħba soċjali jinnegozjaw b’mod awtonomu kemm in-natura eżatta tad-deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-benefiċċju li suppost ikun jista’ jikkumpensa għall-effetti ta’ din id-deroga, sakemm il-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji tkun iggarantita.

56

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 jippermetti għalhekk, bla ħsara għal tali protezzjoni ġenerali, il-konklużjoni ta’ ftehim kollettiv li jidderoga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ kull ħaddiem temporanju, mingħajr differenzjazzjoni skont in-natura determinata jew indeterminata tat-tul tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju. Barra minn hekk, f’każ bħal dan, ma jistax jiġi eskluż li ż-żamma tar-remunerazzjoni bejn żewġ assenjazzjonijiet — kemm jekk skont kuntratt għal żmien indeterminat jew għal żmien determinat — tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-imsemmija protezzjoni ġenerali. Madankollu, huwa importanti li l-ħaddiema temporanji li għandhom kuntratt għal żmien determinat jingħataw benefiċċju sostanzjali li jippermetti li tiġi kkumpensata d-differenza fir-remunerazzjoni li huma jsofru matul l-assenjazzjoni meta mqabbla ma’ ħaddiem paragunabbli tal-impriża utenti.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-punt (b) tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li tiġi ggarantita l-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji ma jeżiġix li l-ħaddiem temporanju kkonċernat ikun marbut mal-aġenzija ta’ xogħol temporanju permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

Fuq it‑tielet domanda

58

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-leġiżlatur nazzjonali għandu jipprevedi l-kundizzjonijiet u l-kriterji intiżi sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-Istat Membru kkonċernat jagħti l-possibbiltà lill-imsieħba soċjali li jżommu jew jikkonkludu ftehimiet kollettivi li jawtorizzaw differenzi fit-trattament fil-qasam tal-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg għad-detriment tal-imsemmija ħaddiema.

59

Għandu jiġi rrilevat li skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, id-direttiva torbot lill-Istat Membri destinatarji kollha fir-rigward tar-riżultat li għandu jintlaħaq, filwaqt li tħalli f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-għażla tal-forma u tal-mezzi. Għalkemm din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri l-libertà tal-għażla tal-metodi u tal-mezzi intiżi li jiżguraw l-implimentazzjoni tad-direttiva, din il-libertà ma taffettwax madankollu l-obbligu, għal kull wieħed mill-Istati destinatarji, li jadottaw, fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali tagħhom, il-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw li d-direttiva tkun effettiva b’mod sħiħ, f’konformità mal-objettivi segwiti permezz tagħha (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2022, Daimler, C-232/20, EU:C:2022:196, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Kif diġà tfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, mill-premessa 16 tad-Direttiva 2008/104 jirriżulta li sabiex ikunu jistgħu jaffrontaw b’mod flessibbli d-diversità tas-swieq tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-imsieħba soċjali jiddefinixxu kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg, bil-kundizzjoni li josservaw il-livell globali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema temporanji.

61

Barra minn hekk, mill-premessa 19 tad-Direttiva 2008/104 jirriżulta li din tal-aħħar la taffettwa l-awtonomija tal-imsieħba soċjali u lanqas ir-relazzjonijiet bejn l-imsieħba soċjali, inkluż id-dritt li jiġu nnegozjati u konklużi ftehimiet kollettivi skont id-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-liġijiet u l-prattiki nazzjonali, filwaqt li tosserva l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ.

62

Barra minn hekk, mill-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/104 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, sabiex jikkonformaw ruħhom mal-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji, jew li jadottaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji f’dan ir-rigward, jew li jiżguraw li l-imsieħba soċjali jimplimentaw id-dispożizzjonijiet neċessarji bi ftehim, peress li l-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet neċessarji kollha sabiex ikunu jistgħu f’kull mument jilħqu l-għanijiet stabbiliti minnha.

63

Għalhekk, il-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 li jippermettu lill-imsieħba soċjali jikkonkludu ftehimiet kollettivi li jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif implimentat fil-paragrafu 1 tiegħu, hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li huwa permess li dawn tal-aħħar iħallu fl-ewwel lok lill-imsieħba soċjali l-kompitu li jwettqu l-għanijiet ta’ politika soċjali previsti minn direttiva f’dan il-qasam (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2022, Daimler, C-232/20, EU:C:2022:196, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Din il-fakultà ma teżentax madankollu lill-Istati Membri mill-obbligu li jiżguraw, permezz ta’ miżuri leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi xierqa, li l-ħaddiema temporanji jkunu jistgħu jibbenefikaw, mill-protezzjoni sħiħa mogħtija lilhom mid-Direttiva 2008/104 (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2022, Daimler, C‑232/20, EU:C:2022:196, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Għaldaqstant, meta l-Istati Membri joffru lill-imsieħba soċjali l-possibbiltà li jikkonkludu ftehimiet kollettivi li jawtorizzaw, skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104, differenzi fit-trattament għad-detriment tal-ħaddiema temporanji, huma xorta waħda huma obbligati jiggarantixxu l-protezzjoni ġenerali ta’ dawn il-ħaddiema.

66

Issa, fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 kif jirriżulta mill-premessi 16 u 19 tagħha mfakkra fil-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza, l-obbligu tal-imsieħba soċjali li jiżguraw lill-ħaddiema temporanji protezzjoni ġenerali ma jeżiġix li l-Istati Membri jipprevedu, b’mod iddettaljat, il-kundizzjonijiet u l-kriterji li l-ftehimiet kollettivi għandhom jikkonformaw magħhom.

67

Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali toffri lill-imsieħba soċjali l-possibbiltà li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ direttiva, dawn għandhom jaġixxu b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali u tal-imsemmija direttiva b’mod partikolari. Għalhekk, peress li l-imsieħba soċjali jikkonkludu ftehim kollettiv li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104, huma għandhom jaġixxu fl-osservanza ta’ din id-direttiva, billi jiggarantixxu, b’mod partikolari, il-protezzjoni globali tal-ħaddiema temporanji skont l-Artikolu 5(3) tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Bedi, C‑312/17, EU:C:2018:734, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-leġiżlatur nazzjonali ma huwiex obbligat li jipprevedi l-kundizzjonijiet u l-kriterji intiżi sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-Istat Membru kkonċernat jagħti l-possibbiltà lill-imsieħba soċjali li jżommu jew jikkonkludu ftehimiet kollettivi li jawtorizzaw differenzi fit-trattament fil-qasam tal-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg għad-detriment tal-imsemmija ħaddiema.

Fuq ir‑raba’ domanda

69

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

Fuq il‑ħames domanda

70

Permezz tal-ħames domanda tagħha, li saret fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ftehimiet kollettivi li jawtorizzaw, skont din id-dispożizzjoni, differenzi fit-trattament fil-qasam tal-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg għad-detriment tal-ħaddiema temporanji jistgħux ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv sabiex tiġi vverifikata l-osservanza, mill-imsieħba soċjali, tal-obbligu tagħhom li jiggarantixxu l-protezzjoni ġenerali ta’ dawn il-ħaddiema.

71

Għandu jitfakkar, minn naħa, li, skont l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-ħaddiema u l-persuni li jimpjegaw, jew l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom, għandhom, skont id-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-liġijiet u l-prattiki nazzjonali, b’mod partikolari d-dritt li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi fil-livelli xierqa. Min-naħa l-oħra, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 152 TFUE jispeċifika li l-Unjoni “tirrikonoxxi u tippromwovi r-rwol ta’ l-imsieħba soċjali fil-livell tagħha, filwaqt li tqis id-diversità tas-sistemi nazzjonali” u li hija “tiffaċilita d-djalogu bejn is-sħab soċjali, waqt li tirrispetta l-awtonomija tagħhom” billi l-importanza ta’ din l-awtonomija hija barra minn hekk imfakkra wkoll fil-premessa 19 tad-Direttiva 2008/104.

72

Din l-awtonomija timplika li, matul il-fażi ta’ negozjati ta’ ftehim mill-imsieħba soċjali, li hija l-kawża esklużiva ta’ dawn tal-aħħar, dawn jistgħu jiddjalogaw u jaġixxu liberament, mingħajr ma jirċievu ordni jew struzzjoni minn kwalunkwe persuna, u b’mod partikolari mhux mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021,EPSU vs Il‑Kummissjoni, C‑928/19 P, EU:C:2021:656, punt 61).

73

Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li l-imsieħba soċjali għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ mhux biss fl-għażla tat-tfittxija ta’ għan partikolari fost oħrajn fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fid-definizzjoni tal-miżuri li jistgħu jilħquh (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Bedi, C‑312/17, EU:C:2018:734, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74

Madankollu, meta d-dritt għan-negozjar kollettiv iddikjarat fl-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, huwa għandu, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi dritt, jiġi eżerċitat konformement ma’ dan id-dritt (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Bedi, C‑312/17, EU:C:2018:734, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75

Għalkemm l-imsieħba soċjali b’hekk igawdu, kif tfakkar fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fil-kuntest tan-negozjati u tal-konklużjoni tal-ftehimiet kollettivi, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa, konsegwentement, limitat mill-obbligu li jiżgura l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

76

Minn dan isegwi li, għalkemm, kif ġie kkonstatat fir-risposta għat-tielet domanda, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104 ma jimponux fuq l-Istati Membri l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni partikolari intiża sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji, fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva, xorta jibqa’ l-fatt li l-Istati Membri, inklużi l-qrati tagħhom, għandhom jiżguraw li l-ftehimiet kollettivi li jawtorizzaw differenzi fit-trattament fil-qasam tal-kundizzjonijiet essenzjali ta’ xogħol u ta’ impjieg jiżguraw, b’mod partikolari, il-protezzjoni ġenerali skont id-Direttiva 2008/104.

77

Sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-Direttiva 2008/104, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-ftehimiet kollettivi li jidderogaw, skont l-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva, mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jiggarantixxux b’mod adegwat il-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji billi tagħtihom, bħala korrispettiv, vantaġġi kumpensatorji għal kull deroga mill-imsemmi prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

78

Minkejja l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-imsieħba soċjali sabiex jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi, il-qorti nazzjonali għandha tagħmel dak kollu li jaqa’ fil-kompetenza tagħha sabiex tiżgura l-kompatibbiltà tal-ftehimiet kollettivi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104.

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ftehimiet kollettivi li jawtorizzaw, skont din id-dispożizzjoni, differenzi fit-trattament fil-qasam tal-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg għad-detriment tal-ħaddiema temporanji għandhom ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv sabiex tiġi vverifikata l-osservanza, mill-imsieħba soċjali, tal-obbligu tagħhom li jiggarantixxu l-protezzjoni ġenerali ta’ dawn il-ħaddiema.

Fuq l‑ispejjeż

80

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

din id-dispożizzjoni ma teħtieġx, permezz tar-riferiment tagħha għall-kunċett ta’ “protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji”, li jittieħed inkunsiderazzjoni livell ta’ protezzjoni speċifiku għall-ħaddiema temporanji li jeċċedi dak stabbilit, għall-ħaddiema b’mod ġenerali, mid-dritt nazzjonali u mid-dritt tal-Unjoni dwar il-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg. Madankollu, meta l-imsieħba soċjali jawtorizzaw, permezz ta’ ftehim kollettiv, differenzi fit-trattament fil-qasam tal-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg għad-detriment tal-ħaddiema temporanji, dan il-ftehim kollettiv għandu, sabiex jiggarantixxi l-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji kkonċernati, jagħti lil dawn tal-aħħar benefiċċji fil-qasam tal-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg li jkunu ta’ natura li jikkumpensaw id-differenza fit-trattament li huma jissubixxu.

 

2)

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-osservanza tal-obbligu li tiġi ggarantita l-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji għandha tiġi evalwata, b’mod konkret, billi jiġu pparagunati, għal pożizzjoni partikolari, il-kundizzjonijiet essenzjali ta’ xogħol u ta’ impjieg applikabbli għall-ħaddiema rreklutati direttament mill-impriża utenti ma’ dawk applikabbli għall-ħaddiema temporanji, sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk il-benefiċċji kumpensatorji mogħtija fir-rigward tal-imsemmija kundizzjonijiet essenzjali jippermettux li jiġu kkumpensati l-effetti tad-differenza fit-trattament subit.

 

3)

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-obbligu li tiġi ggarantita l-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji ma jeżiġix li l-ħaddiem temporanju kkonċernat ikun marbut mal-aġenzija ta’ xogħol temporanju permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

 

4)

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-leġiżlatur nazzjonali ma huwiex obbligat li jipprevedi l-kundizzjonijiet u l-kriterji intiżi sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-Istat Membru kkonċernat jagħti l-possibbiltà lill-imsieħba soċjali li jżommu jew jikkonkludu ftehimiet kollettivi li jawtorizzaw differenzi fit-trattament fil-qasam tal-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg għad-detriment tal-imsemmija ħaddiema.

 

5)

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-ftehimiet kollettivi li jawtorizzaw, skont din id-dispożizzjoni, differenzi fit-trattament fil-qasam tal-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg għad-detriment tal-ħaddiema temporanji għandhom ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv sabiex tiġi vverifikata l-osservanza, mill-imsieħba soċjali, tal-obbligu tagħhom li jiggarantixxu l-protezzjoni ġenerali ta’ dawn il-ħaddiema.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.