SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

20 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 2(2)(a) – Kunċett ta’ ‘attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni’ – Elezzjonijiet nazzjonali u Ewropej – Artikolu 6(1)(e) – Legalità tal-ipproċessar – Artikolu 58 – Att adottat mill-awtoritajiet superviżorji li jillimita, jew jekk ikun il-każ, li jipprojbixxi r-reġistrazzjoni vidjo tal-għadd tal-voti fil-bini elettorali”

Fil-Kawża C‑306/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Mejju 2021, fil-proċedura

Komisia za zashtita na lichnite danni,

Tsentralna izbiratelna komisia

vs

Koalitsia “Demokratichna Bulgaria – Obedinenie”,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Piçarra, li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, N. Jääskinen (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Komisia za zashtita na lichnite danni, minn V. Karadzhov,

għall-Gvern Rumen, minn L.-E. Baţagoi, E. Gane u A. Wellman, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, C. Georgieva u H. Kranenborg, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) u tal-Artikolu 6(1)(e) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, il-Komisia za zashtita na lichnite danni (il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Data Personali, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem il-“KPDP”) u t-Tsentralna izbiratelna komisia (il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem il-“KEĊ”), u min-naħa l-oħra l-Koalitsia “Demokratichna Bulgaria – Obedinenie” (iktar ’il quddiem il-“Koalitsia”), koalizzjoni ta’ partiti politiċi Bulgari, fir-rigward tal-istruzzjonijiet dwar l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data personali matul il-proċess elettorali (iktar ’il quddiem l-“istruzzjonijiet kontenzjużi”), adottati mill-KPDP u mill-KEĊ.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 4, 16 u 129 tal-GDPR huma fformulati kif ġej:

“(4)

L-ipproċessar tad-data personali għandu jitfassal biex iservi lill-bniedem. Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mhuwiex dritt assolut; huwa għandu jiġi kkunsidrat b’rabta mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà u jkun ibbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħrajn, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali kollha u josserva l-libertajiet u l-prinċipji rikonoxxuti fil-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea] kif integrat[i] fit-Trattati, b’mod partikolari r-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dar u l-komunikazzjonijiet, il-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà tal-intrapriża, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali u d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika.

[…]

(16)

Dan ir-Regolament ma japplikax għal kwistjonijiet ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali jew il-fluss liberu ta’ data personali relatata ma’ attivitajiet li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, bħal attivitajiet rigward is-sigurtà nazzjonali. Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar tad-data personali mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet fir-rigward tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni [Ewropea].

[…]

(129)

Sabiex jiġu żgurati monitoraġġ u infurzar konsistenti ta’ dan ir-Regolament kullimkien fl-Unjoni, f’kull wieħed mill-Istati Membri, l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom l-istess kompiti u setgħat effettivi, inklużi setgħat investigattivi, setgħat korrettivi u sanzjonijiet, u setgħat ta’ awtorizzazzjoni u konsultattivi […]. Dawn is-setgħat għandhom jinkludu wkoll is-setgħa li tiġi imposta limitazzjoni temporanja jew definittiva, inkluża projbizzjoni, fuq l-ipproċessar. […] B’mod partikolari, kull miżura għandha tkun xierqa, meħtieġa u proporzjonata sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament […]”

4

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni materjali”, jipprevedi:

“1.   Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali:

a)

matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

b)

mill-Istati Membri meta jkunu qegħdin iwettqu attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-[TUE];

[…]”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tiegħu. Skont il-paragrafu 1 tiegħu, il-GDPR “japplika għall-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ stabbilment ta’ kontrollur jew proċessur fl-Unjoni, indipendentement minn jekk l-ipproċessar iseħħx fl-Unjoni jew le.”

6

Skont l-Artikolu 4 tal-GDPR:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

2)

‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[…]”

7

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprovdi:

“1.   Id-data personali għandha:

[…]

(c)

tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (“minimizzazzjoni tad-data”);

[…]”

8

L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu jipprevedi:

“1.   L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

[…]

(e)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

[…]

2.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi biex jadattaw l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ pproċessar għal konformità mal-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 billi jiddeterminaw b’mod aktar preċiż rekwiżiti speċifiċi għall-ipproċessar u miżuri oħrajn biex jiġi żgurat ipproċessar legali u ġust inkluż għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta’ pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX.

3.   Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

(a)

il-liġi tal-Unjoni, jew

(b)

il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali jew, fir-rigward tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-atorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Dik il-bażi legali jista’ jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi adattata l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-legalità tal-ipproċessar mill-kontrollur; it-tipi ta’ data li huma soġġetti għall-ipproċessar; is-suġġetti tad-data kkonċernati; l-entitajiet li lilhom, jew li għalihom, tista’ tiġi żvelata d-data personali; il-limitazzjoni tal-fini; il-perijodi tal-ħażna u attivitajiet ta’ pproċessar u proċeduri ta’ pproċessar, inklużi miżuri li jiżguraw ipproċessar legali u ġust bħal dawk għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta’ pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX. Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.”

9

L-Artikolu 58 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Setgħat”, fil-paragrafi 2 sa 4 tiegħu jipprovdi:

“2.   Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha korrettivi li ġejjin:

[…]

(f)

li timponi limitazzjoni temporanja jew definittiva inkluża projbizzjoni fuq l-ipproċessar;

[…]

3.   Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha konsultattivi u ta’ awtorizzazzjoni li ġejjin:

[…]

(b)

li tagħti, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba, opinjonijiet lill-parlament nazzjonali, il-gvern tal-Istat Membru jew, f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru, lil istituzzjonijiet u korpi oħra kif ukoll lill-pubbliku dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta mal-protezzjoni tad-data personali;

[…]

4.   L-eżerċizzju tas-setgħat ikkonferiti lill-awtorità superviżorja skont dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għal salvagwardji xierqa, inklużi r-rimedju ġudizzjarju effettiv u l-proċess ġust, stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet tal-Istati Membri f’konformità mal-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali].”

10

Skont l-Artikolu 85 tal-GDPR, intitolat “Ipproċessar u libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jirrikonċiljaw skont il-liġi d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali skont dan ir-Regolament mad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, inkluż l-ipproċessar għal finijiet ġurnalistiċi u l-finijiet ta’ espressjoni akkademika, artistika jew letterarja.

2.   Għall-ipproċessar li jsir għal finijiet ġurnalistiċi jew għall-fini ta’ espressjoni akkademika artistika jew dik letterarja, l-Istati Membri għandhom jipprevedu eżenzjonijiet jew derogi mill-Kapitolu II (prinċipji), il-Kapitolu III (drittijiet tas-suġġett tad-data), il-Kapitolu IV (kontrollur u proċessur), il-Kapitolu V (trasferiment tad-data personali lil pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali), il-Kapitolu VI (awtoritajiet superviżorji indipendenti), il-Kapitolu VII (kooperazzjoni u konsistenza) u l-Kapitolu IX (sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ pproċessar tad-data) jekk dawn jinħtieġu għal rikonċiljazzjoni tad-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali mal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni.

3.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni [Ewropea] dwar id-dispożizzjonijiet tal-liġi tiegħu li jkun adotta skont il-paragrafu 2 u, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe liġi ta’ emenda jew emenda sussegwenti li taffettwahom.”

Id-dritt Bulgaru

11

L-Artikolu 272 tal-Izboren kodeks (il-Kodiċi Elettorali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Meta jinfetħu l-kaxxi li fihom il-poloz tal-vot u meta jiġu stabbiliti r-riżultati tal-votazzjoni, fil-bini fejn ikunu saru l-elezzjonijiet jistgħu jkunu preżenti l-kandidati, attivisti u rappreżentanti ta’ partiti, koalizzjonijiet u kumitati ta’ inizjattiva […], l-osservaturi […], investigatur irreġistrat minn aġenzija ta’ studji soċjoloġiċi rreġistrata u rappreżentanti tal-media, u l-viżibbiltà diretta waqt l-għadd tal-voti għandha tiġi żgurata lilhom.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

L-istruzzjonijiet kontenzjużi ġew adottati permezz ta’ deċiżjoni tal-KPDP tat-28 ta’ Jannar 2021 u permezz ta’ deċiżjoni tal-KEĊ tat-8 ta’ Frar 2021.

13

Fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali permezz tar-reġistrazzjoni vidjo (reġistrazzjoni jew trażmissjoni diretta) fil-kuntest tal-proċess elettorali, l-istruzzjonijiet kontenzjużi jippreċiżaw li l-għan ta’ tali pproċessar huwa li jiggarantixxi t-trasparenza, l-oġġettività, il-leġittimità tal-proċess elettorali, l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-atturi ta’ dan il-proċess kif ukoll il-libertà ta’ espressjoni u d-dritt għall-informazzjoni.

14

F’dak li jirrigwarda l-modalitajiet tal-ipproċessar tad-data personali permezz tar-reġistrazzjoni vidjo matul il-proċess elettorali, l-istruzzjonijiet kontenzjużi jipprevedu, minn naħa, li l-media għandhom jipproċessaw data personali permezz tar-reġistrazzjoni vidjo biss fil-ftuħ tal-ġurnata elettorali, fl-għeluq tagħha, fit-tħabbir tar-riżultati tal-għadd tal-voti kif ukoll fit-tlugħ tan-numri tal-ordni tal-poloz.

15

Min-naħa l-oħra, dawn l-istruzzjonijiet jippreċiżaw li ebda parteċipant ieħor fil-proċess elettorali ma jista’ jipproċessa data personali permezz tar-reġistrazzjoni vidjo, minħabba l-inkompatibbiltà tar-rwol tagħhom fil-kuntest tal-proċess elettorali.

16

Permezz ta’ rikors tal-10 ta’ Frar 2021, il-Koalitsia kkontestat il-legalità ta’ dawn l-istruzzjonijiet quddiem l-Administrativen sad Sofia (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija) sa fejn dawn japplikaw għall-ipproċessar tad-data personali permezz tar-reġistrazzjoni vidjo.

17

Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Marzu 2021, din il-qorti annullat:

il-punt 2 tat-Taqsima I, intitolata “Ġeneralitajiet”, tal-istruzzjonijiet kontenzjużi sa fejn jikkonċerna l-kontrolluri, il-proċessuri u l-persuni li jipproċessaw data personali fil-kuntest ta’ proċess elettorali skont l-istruzzjonijiet tal-kontrollur u li jipprevedi li “[i]d-drittijiet u l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali huma limitati sa fejn id-drittijiet u l-obbligi tagħhom fil-kuntest tal-proċess elettorali huma msemmija b’mod eżawrjenti u limitattiv”, li “[i]l-każijiet fejn dawn il-persuni jipproċessaw data personali huma ddefiniti b’mod espress fil-Kodiċi Elettorali (dritt li wieħed josserva direttament l-istabbiliment tar-riżultati tal-għadd tal-voti, dritt li wieħed jirċievi kopja tar-rendikont tal-kummissjoni elettorali tat-taqsima, eċċ)” u li “[f]il-każ ta’ pproċessar tad-data personali, dawn il-persuni jistgħu jmorru lil hinn mid-drittijiet u l-obbligi previsti mill-Kodiċi Elettorali”;

il-punt 9 tat-Taqsima II, intitolata “Istruzzjonijiet lill-kontrolluri tad-data personali”, sa fejn dan il-punt jipprovdi li “[e]bda parteċipant ieħor fil-proċess elettorali ma jista’ jipproċessa data personali permezz ta’ reġistrazzjoni vidjo u/jew diffużjoni tal-vidjo minħabba l-inkompatibbiltà tar-rwol tagħhom fil-kuntest tal-proċess elettorali mal-għan tal-ipproċessar tad-data personali permezz tar-reġistrazzjoni vidjo fil-kuntest ta’ proċess elettorali” u li “[l]-funzjonijiet u r-rwoli ta’ dawn il-parteċipanti fil-proċess elettorali huma stabbiliti espressament u limitattivament fil-Kodiċi Elettorali”.

18

Skont l-Administrativen sad Sofia (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija), skont l-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR, dan tal-aħħar ma japplikax fil-kuntest ta’ attività li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet parlamentari nazzjonali jew tal-awtoritajiet lokali ta’ Stat Membru. Konsegwentement, l-istruzzjonijiet kontenzjużi, sa fejn huma miżuri ta’ applikazzjoni tal-GDPR, ma għandhomx bażi legali.

19

Fid-29 ta’ Marzu 2021, il-KPDP u l-KEĊ appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), jiġifieri l-qorti tar-rinviju.

20

Permezz ta’ talba tat-2 ta’ April 2021, il-KPDP, sostnuta mill-KEĊ, talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni fil-kawża prinċipali.

21

Il-Koalitsia ssostni quddiem il-qorti tar-rinviju li l-imsemmija sentenza għandha tiġi kkonfermata u li ma hemmx lok li titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari.

22

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-istruzzjonijiet kontenzjużi jikkostitwixxu att amministrattiv li għandu effetti legali ripetuti fl-elezzjonijiet. Hija tenfasizza li l-istruzzjonijiet kontenzjużi japplikaw għall-elezzjonijiet nazzjonali, lokali u Ewropej kollha organizzati fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija.

23

Din il-qorti tistaqsi, b’mod partikolari, dwar l-applikabbiltà tal-GDPR fil-kuntest tal-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet fi Stat Membru u, fil-każ tal-applikabbiltà tiegħu f’dan il-kuntest, dwar l-effett tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR fuq il-possibbiltà tal-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali li jillimitaw, jew jekk ikun il-każ li jipprojbixxu, l-ipproċessar ta’ tali data fil-kuntest tal-proċess elettorali.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 2(2)(a) [tal-GDPR] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għal sitwazzjoni apparentement kompletament interna bħalma hija l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet [għall-parlament nazzjonali] f’sitwazzjoni fejn is-suġġett tal-protezzjoni jkun id-data personali ta’ persuni li huma ċittadini tal-Unjoni Ewropea u f’sitwazzjoni fejn l-attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data ma jkunux limitati għall-ġbir ta’ din id-data fil-kuntest tal-attività inkwistjoni?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: il-konklużjoni tal-attività tal-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet għall-Parlament [nazzjonali], li apparentement ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, teżenta lill-kontrolluri, lill-proċessuri u lill-persuni li jaħżnu data personali mill-obbligi tagħhom taħt ir-Regolament 2016/679, bħala l-unika miżura li tipproteġi d-data personali ta’ ċittadini tal-Unjoni fil-livell tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni? L-applikabbiltà tar-Regolament 2016/679 tiddependi biss mill-attività li għaliha tinħoloq jew tinġabar id-data personali, kundizzjoni din li twassal ukoll għall-konklużjoni li għandha tiġi eskluża l-applikabbiltà ulterjuri tiegħu?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: l-Artikolu 6[(1)](e) [tal-GDPR] u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkorporat fil-premessi 4 u 129 tiegħu, jippermettu miżura regolatorja nazzjonali li timplimenta dan ir-regolament fil-forma ta’ proċedura li inizjalment tipprojbixxi u tillimita l-possibbiltà li ssir kull tip ta’ reġistrazzjoni bil-video fil-kuntest tal-għadd tal-voti ta’ elezzjoni fil-lokalitajiet fejn issir il-votazzjoni, sa fejn ma tippermettix li ssir differenzazzjoni bejn u li jiġu rregolati d-diversi elementi tal-proċess tar-reġistrazzjoni bil-video u teskludi l-possibbiltà li l-għanijiet imfittxija mir-Regolament 2016/679 f’termini tal-protezzjoni tad-data personali jintlaħqu b’miżuri differenti?

4)

B’mod alternattiv, u fil-kuntest tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward tal-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet muniċipali u ta’ elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, l-Artikolu 6[(1)](e) [tal-GDPR] u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkorporat fil-premessi 4 u 129 tiegħu, jippermettu miżura regolatorja nazzjonali li timplimenta dan ir-regolament fil-forma ta’ proċedura li inizjalment tipprojbixxi u tillimita l-possibbiltà li ssir kull tip ta’ reġistrazzjoni bil-video fil-kuntest tal-għadd tal-voti ta’ elezzjoni fil-lokalitajiet fejn issir il-votazzjoni, sa fejn ma tagħmilx u lanqas ma tippermetti li ssir differenzazzjoni bejn u li jiġu rregolati d-diversi elementi tal-proċess tar-reġistrazzjoni bil-video u teskludi l-possibbiltà li l-għanijiet imfittxija mir-Regolament 2016/679 f’termini tal-protezzjoni tad-data personali jintlaħqu b’miżuri differenti?

5)

L-Artikolu 6(1)(e) [tal-GDPR] jippermetti li l-azzjonijiet intiżi li jikkonfermaw il-legalità tal-iżvolġiment tal-elezzjoni u tal-għadd tal-voti jiġu kklassifikati bħala kompitu mwettaq fl-interess pubbliku li jiġġustifika ndħil limitat u suġġett għar-rekwiżit ta’ proporzjonalità fir-rigward tad-data personali tal-persuni preżenti fil-lokalitajiet fejn issir il-votazzjoni li jkunu qegħdin iwettqu funzjoni uffiċjali, pubblika u rregolata mil-liġi?

6)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, il-protezzjoni tad-data personali tippermetti l-introduzzjoni ta’ regola nazzjonali li tipprojbixxi l-ġbir u l-ipproċessar ta’ data personali u li tillimita l-possibbiltà li jitwettqu attivitajiet anċillari fuq ir-reġistrazzjonijiet bil-video fuq materjal, oġġetti u apparat, li ma jkunx fihom data personali, f’sitwazzjoni fejn potenzjalment ikun hemm il-possibbiltà li, fil-proċess tar-reġistrazzjoni bil-video, tinġabar ukoll data personali permezz ta’ reġistrazzjoni bil-video tal-persuni li jkunu jinsabu fil-lokalità u li f’dak il-mument ikunu qegħdin iwettqu kompitu fl-interess pubbliku?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

25

Fl-14 ta’ Settembru 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet talba għal informazzjoni lill-qorti tar-rinviju fejn stednitha tippreċiża l-effett possibbli tal-emenda tal-Artikolu 272 tal-Kodiċi Elettorali, li seħħet wara t-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari, dwar ir-rilevanza tad-domandi magħmula sabiex tinstab soluzzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

26

Fir-risposta tagħha tad-29 ta’ Ottubru 2021, il-qorti tar-rinviju indikat li, skont id-dritt proċedurali nazzjonali, hija għandha tevalwa l-legalità tal-istruzzjonijiet kontenzjużi billi tieħu inkunsiderazzjoni mhux id-data li fiha saret l-imsemmija emenda leġiżlattiva, iżda d-data li fiha ġew adottati l-istruzzjonijiet kontenzjużi. Għaldaqstant, ir-rilevanza tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex ikkontestata minn din l-emenda leġiżlattiva li seħħet wara l-adozzjoni tal-istruzzjonijiet kontenzjużi.

27

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi relatati mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-eżattezza tagħha ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ma huwiex possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, ħlief meta, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti rigward il-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari li jinsabu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jiġux osservati jew meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma jkollhom l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (sentenza tal-25 ta’ Marzu 2021, Obala i lučice, C‑307/19, EU:C:2021:236, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta mingħajr ekwivoku li hija tqis li r-risposta għad-domandi magħmula hija neċessarja sabiex tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha.

29

Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

30

Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament l-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tal-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet fi Stat Membru.

31

L-ewwel nett għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tal-GDPR, dan ir-regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali, fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi mhux awtomatiċi ta’ data personali li tkun tinsab jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ arkivjar. Skont il-punt 2 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ “ipproċessar”, fost l-oħrajn, kwalunkwe attività li titwettaq fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma, b’mod partikolari, il-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor.

32

Minn dan jirriżulta li tikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali li, bħala prinċipju, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-GDPR, ir-reġistrazzjoni vidjo tal-persuni fiżiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš, C‑212/13, EU:C:2014:2428, punt 35).

33

It-tieni, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-eċċezzjonijiet għall-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmi regolament huma stabbiliti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 2(2) u (3) tiegħu.

34

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-ipproċessar ta’ data personali permezz tar-reġistrazzjoni vidjo waqt l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet kemm Ewropej kif ukoll nazzjonali jaqax taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR, li skontu dan ir-regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq “matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni”.

35

Għandu jiġi enfasizzat li din l-eċċezzjoni għall-applikabbiltà tal-GDPR għandha, bħall-eċċezzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 2(2) tiegħu, tingħata interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 2(2)(b) u mal-premessa 16 tiegħu, li tispeċifika li l-imsemmi regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest ta’ “attivitajiet li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, bħal attivitajiet rigward is-sigurtà nazzjonali” u l-“attivitajiet fir-rigward tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 63).

37

Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 2(2)(a) u (b) tal-GDPR jkompli mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355). Minn dan isegwi li l-Artikolu 2(2)(a) u (b) tal-GDPR ma jistax interpretat fis-sens li għandu portata usa’ mill-eċċezzjoni li tirriżulta mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, li kienet diġà teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari, l-ipproċessar ta’ data personali li jseħħ fil-kuntest “ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat [UE, fil-verżjoni tiegħu qabel it-Trattat ta’ Lisbona], u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat […]” (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 64).

38

Issa, huwa biss l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq fil-kuntest ta’ attività speċifika għall-Istati jew għall-awtoritajiet Statali u msemmi espressament fl-imsemmi Artikolu 3(2) jew fil-kuntest ta’ attività li tista’ tiġi kklassifikata fl-istess kategorija, li kien eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Għalhekk, l-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR, moqri fid-dawl tal-premessa 16 ta’ dan ir-regolament, għandu jitqies li għandu l-uniku għan li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-awtoritajiet statali fil-kuntest ta’ attività intiża li tippreżerva s-sigurtà nazzjonali jew attività li tista’ tiġi kklassifikata fl-istess kategorija, b’tali mod li s-sempliċi fatt li attività tkun speċifika għall-Istat jew għal awtorità pubblika ma huwiex biżżejjed sabiex din l-eċċezzjoni tkun applikabbli awtomatikament għal tali attività (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

L-attivitajiet li għandhom bħala għan li jippreżervaw is-sigurtà nazzjonali msemmija fl-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR ikopru, b’mod partikolari, dawk li għandhom l-għan li jipproteġu l-funzjonijiet essenzjali tal-Istat u l-interessi fundamentali tas-soċjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 67).

41

Issa, l-attivitajiet relatati mal-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet fi Stat Membru ma għandhomx tali għan u, konsegwentement, ma jistgħux jiġu kklassifikati fil-kategorija tal-attivitajiet li għandhom l-għan li jippreżervaw is-sigurtà nazzjonali, imsemmija fl-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR.

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għall-ewwel u t-tieni domanda magħmula għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament l-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tal-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet fi Stat Membru.

Fuq it-tielet sas-sitt domanda

43

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha. F’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2022, Pensionsversicherungsanstalt (Perijodi ta’ trobbija tat-tfal imwettqa barra mill-pajjiż), C‑576/20, EU:C:2022:525, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Għal dawn il-finijiet, mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tislet l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2022, HK/Danmark u HK/Privat, C‑587/20, EU:C:2022:419, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda essenzjalment il-punt dwar jekk l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali jistgħux jillimitaw jew jipprojbixxu l-ipproċessar ta’ tali data fir-rigward tal-possibbiltà li jiġi ffilmjat il-proċess elettorali, u b’mod partikolari l-għadd tal-voti.

46

Għaldaqstant, għandu jinftiehem li, permezz tat-tielet sas-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1)(e) u l-Artikolu 58 tal-GDPR għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru milli jadottaw att amministrattiv ta’ applikazzjoni ġenerali li jipprevedi l-limitazzjoni jew, jekk ikun il-każ, il-projbizzjoni tar-reġistrazzjoni vidjo tal-għadd tal-voti fil-kmamar tal-votazzjoni waqt elezzjonijiet f’dan l-Istat Membru.

47

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 6 tal-GDPR jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-legalità tal-ipproċessar tad-data personali.

48

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-Artikolu 6(1)(e) tal-GDPR, imsemmi speċifikament mit-talba għal deċiżjoni preliminari, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-ipproċessar tad-data personali huwa legali jekk ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur.

49

Issa, il-punt (e) tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament, li jippreċiża li l-bażi tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (e) għandha tkun stipulata mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt tal-Istat Membru li għalih huwa suġġett il-kontrollur.

50

Id-dispożizzjonijiet ikkombinati tal-Artikolu 6(1)(e) tal-GDPR u tal-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament għaldaqstant jippermettu lill-Istati Membri jadottaw regoli li abbażi tagħhom il-kontrolluri jistgħu jipproċessaw data personali fil-kuntest tat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali.

51

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tidher li tqis, fil-kuntest tal-ħames domanda tagħha, li wħud mill-atturi preżenti fil-bini elettorali waqt l-għadd tal-voti jistgħu jeżegwixxu kompitu li jsir fl-interess pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(e) tal-GDPR.

52

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-ipproċessar legali ta’ data personali minn tali atturi abbażi tal-Artikolu 6(1)(e) tal-GDPR jippresupponi mhux biss li dawn jistgħu jitqiesu bħala li jeżegwixxu kompitu li jsir fl-interess pubbliku, iżda wkoll li l-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ tali missjoni huwa bbażat fuq bażi legali msemmija fl-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament.

53

Kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-istruzzjonijiet kontenzjużi, adottati mill-awtoritajiet superviżorji Bulgari kompetenti, ma jidhrux li jikkostitwixxu tali bażi legali. Għall-kuntrarju, dawn jidhru li jikkostitwixxu miżura intiża għall-protezzjoni tad-data personali tal-persuni preżenti fil-bini elettorali billi jillimitaw, fir-rigward tar-rappreżentanti tal-media, u billi jipprojbixxu, fir-rigward tal-atturi l-oħra preżenti fil-bini elettorali, l-ipproċessar ta’ tali data permezz tar-reġistrazzjoni vidjo matul fażi speċifika tal-proċess elettorali, jiġifieri matul l-għadd tal-voti.

54

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji huma stabbiliti fl-Artikolu 58 tal-GDPR.

55

Mill-Artikolu 58(2)(f) tal-GDPR, moqri fid-dawl tal-premessa 129 ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li l-awtoritajiet superviżorji għandhom, b’mod partikolari, is-setgħa li jimponu limitazzjoni temporanja jew definittiva għall-ipproċessar ta’ data personali, inkluża projbizzjoni, u li din is-setgħa għandha tiġi eżerċitata b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 58(3)(b) tal-GDPR, kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħa li tagħti, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba, opinjonijiet, f’konformità mad-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, lil istituzzjonijiet u korpi oħra għajr il-parlament nazzjonali jew il-gvern ta’ dak l-Istat Membru kif ukoll lill-pubbliku, dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta mal-protezzjoni tad-data personali. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 58(4) ta’ dan ir-regolament, l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat huwa suġġett għal salvagwardji xierqa, inkluż id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv.

56

Issa, il-preżentazzjoni tad-dritt Bulgaru u tal-istruzzjonijiet kontenzjużi, kif jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, ma tippermettix li jiġi stabbilit, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, li l-awtoritajiet Bulgari kompetenti eċċedew is-setgħat li huma għandhom abbażi tal-Artikolu 58(2)(f) u (3)(b) tal-GDPR, u b’mod partikolari li l-istruzzjonijiet kontenzjużi ma josservawx il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

57

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-istruzzjonijiet kontenzjużi jillimitaw, fir-rigward tar-rappreżentanti tal-media, u jipprojbixxu, fir-rigward tal-atturi l-oħra preżenti fil-bini elettorali, l-ipproċessar tad-data personali permezz tar-reġistrazzjoni vidjo matul fażi speċifika tal-proċess elettorali, jiġifieri matul il-proċedura tal-ftuħ tal-kaxxi u tal-istabbiliment tar-riżultati tal-elezzjonijiet. Min-naħa l-oħra, dawn l-istruzzjonijiet ma jidhrux li jillimitaw il-possibbiltà tal-atturi preżenti fil-bini elettorali, waqt l-għadd tal-voti, li josservaw il-ftuħ tal-kaxxi u l-istabbiliment tar-riżultati tal-elezzjonijiet, li jippermetti li tiġi ggarantita t-trasparenza, l-oġġettività u l-leġittimità tal-proċess elettorali, l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-atturi tal-proċess kif ukoll il-libertà tal-espressjoni u d-dritt għall-informazzjoni, konformement mal-għan tal-imsemmija istruzzjonijiet.

58

Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-istruzzjonijiet kontenzjużi huma intiżi, skont il-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 5(1)(c) tal-GDPR, sabiex jimminimizzaw l-ostakolu għad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali kkawżat mir-reġistrazzjoni vidjo tal-proċess elettorali.

59

Fit-tielet u fl-aħħar lok, għandu jitfakkar ukoll, għall-finijiet utli kollha, li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu eżenzjonijiet u derogi minn ċerti dispożizzjonijiet tal-GDPR sabiex jiġu rrikonċiljati d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni.

60

Skont l-Artikolu 85(1) tal-GDPR, l-Istati Membri għandhom jirrikonċiljaw, skont il-liġi, id-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali skont dan ir-regolament u d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, inkluż l-ipproċessar ta’ data personali għal finijiet ġurnalistiċi. Skont l-Artikolu 85(2) tal-imsemmi regolament, l-Istat Membri għandhom jipprevedu eżenzjonijiet jew derogi minn ċerti kapitoli tal-GDPR, fosthom il-Kapitolu II, li fih jinsab l-Artikolu 6 tiegħu. Dawn l-eżenzjonijiet jew derogi għandhom ikunu limitati għal dak li huwa neċessarju sabiex jiġu rrikonċiljati d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u l-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni.

61

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet sas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1)(e) u l-Artikolu 58 tal-GDPR għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru milli jadottaw att amministrattiv ta’ applikazzjoni ġenerali li jipprevedi l-limitazzjoni jew, jekk ikun il-każ, il-projbizzjoni tar-reġistrazzjoni vidjo tal-għadd tal-voti fil-kmamar tal-votazzjoni fl-elezzjonijiet f’dan l-Istat Membru.

Fuq l-ispejjeż

62

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(2)(a) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data),

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma huwiex eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament l-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tal-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet fi Stat Membru.

 

2)

L-Artikolu 6(1)(e) u l-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) 2016/679,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru milli jadottaw att amministrattiv ta’ applikazzjoni ġenerali li jipprevedi l-limitazzjoni jew, jekk ikun il-każ, il-projbizzjoni tar-reġistrazzjoni vidjo tal-għadd tal-voti fil-kmamar tal-votazzjoni fl-elezzjonijiet f’dan l-Istat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.