SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

24 ta’ Novembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kawża prinċipali li ma għadx għandha skop – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Fil-Kawża C‑302/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 4 de Castelló de la Plana (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 4 ta’ Castelló de la Plana, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Mejju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Mejju 2021, fil-proċedura

Casilda

vs

Banco Cetelem SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, L. S. Rossi, J.‑C. Bonichot, S. Rodin u O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Banco Cetelem SA, minn D. Sarmiento Ramírez-Escudero u C. Vendrell Cervantes, abogados,

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz, I. Rubene u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ ċertezza legali, tal-Artikolu 120 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Casilda, konsumatriċi, u Banco Cetelem SA dwar kuntratt ta’ kreditu li jiġġedded, mogħti minn Banco Cetelem lil din tal-aħħar, li r-rata ta’ interessi tiegħu hija ta’ natura użurarja.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 93/13

3

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu,

2.   L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

4

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jiddikjara:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.”

Id‑Direttiva 2008/48/KE

5

L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40 u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46), intitolat “Armonizzazzjoni u n-natura imperattiva tad-Direttiva”, jiddisponi:

“1.   Safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi ma jkunux jistgħu jċedu d-drittijiet mogħtija lilhom bid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li timplimenta jew tikkorrespondi għal din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom, barra minn hekk, jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jadottaw fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma jagħtux lok għal evitar li jirriżulta mill-mod li bih jiġu fformulati ftehim, b’mod partikolari billi jiġu integrati ġbid ta’ kreditu jew ftehim ta’ kreditu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fi ftehim ta’ kreditu li n-natura u l-iskop tagħhom jagħmluha possibbli li tiġi evitata l-applikazzjoni tagħha.

[…]”

Id‑dritt Spanjol

Il‑Kodiċi Ċivili

6

Skont l-Artikolu 1255 tal-Código civil (il-Kodiċi Ċivili), “il-partijiet kontraenti jistgħu jistabbilixxu l-ftehimiet, il-klawżoli u l-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, sakemm dawn ma jkunux imorru kontra l-liġijiet, il-morali jew l-ordni pubbliku”.

Il‑Liġi dwar l‑Użura

7

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Ley sobre nulidad de los contratos de préstamos usurarios (il-Liġi dwar in-Nullità tal-Kuntratti ta’ Self bl-Użura) tat‑23 ta’ Lulju 1908 (BOE Nru 206, tal‑24 ta’ Lulju 1908, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Użura”):

“Kull kuntratt ta’ self li fih ir-rata ta’ interessi hija sostanzjalment ogħla mir-rata ta’ interessi normali tal-flus u manifestament sproporzjonata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ jew li l-kundizzjonijiet tiegħu jkunu inġusti huwa null u bla effett, meta jeżistu raġunijiet sabiex jitqies li l-persuna li tissellef tkun tat il-kunsens tagħha għalih minħabba s-sitwazzjoni ta’ diffikultà tagħha, minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza tagħha jew minħabba limitazzjoni tal-kapaċitajiet mentali tagħha.”

Il‑LGDCU

8

L-Artikolu 80 tar-Riformulazzjoni tal-Liġi Ġenerali dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi u tal-Utenti, approvata mir-Real Decreto Legislativo 1/2007, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2007 li Jirriformula l-Liġi Ġenerali dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi u tal-Utenti) tas‑16 ta’ Novembru 2007 (BOE Nru 287 tat‑30 ta’ Novembru 2007, iktar ’il quddiem il-“LGDCU”), dwar ir-“Rekwiżiti applikabbli għall-klawżoli li ma kinux is-suġġett ta’ negozjati individwali”, isemmi fost dawn ir-rekwiżiti, fil-punt (c) tiegħu, il-“bona fide u [l-]bilanċ ġust bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet, li jeskludi, fi kwalunkwe każ, l-użu ta’ klawżoli inġusti”.

9

Skont l-Artikolu 82(1) tal-LGDCU:

“Għandhom jitqiesu bħala inġusti l-klawżoli kollha li ma kinux is-suġġett ta’ negozjati individwali kif ukoll il-prattiki kollha li ma jirriżultawx minn ftehim espress u li, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, joħolqu, għad-detriment tal-konsumatur u tal-utent, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

10

Fit‑8 ta’ April 2011, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, konsumatriċi, ikkonkludiet ma’ Banco Cetelem kuntratt ta’ kreditu għall-konsum tat-tip li jiġġedded (revolving), li kien jipprevedi rata perċentwali annwali ta’ imposta (iktar ’il quddiem ir-“RPAI”) ta’ 23.14 % u li miegħu kien assoċjat it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ karta ta’ kreditu (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni”).

11

Din il-konsumatriċi ressqet quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Juzgado de Primera Instancia no 4 de Castelló de la Plana (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 4 ta’ Castelló de la Plana, Spanja), azzjoni intiża sabiex tikkonstata n-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni, minħabba, prinċipalment, nuqqas ta’ trasparenza u ta’ informazzjoni waqt il-konklużjoni tiegħu sa fejn dan jistabbilixxi RPAI ta’ 23.14 % u, sussidjarjament, li din ir-rata ta’ interessi għandha tiġi kklassifikata bħala użurarja. Din l-azzjoni hija wkoll intiża sabiex Banco Cetelem tiġi kkundannata tħallasha lura l-interessi diġà mħallsa, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha tkun obbligata biss tirrimborsa l-kapital misluf.

12

Banco Cetelem tikkontesta n-nuqqas ta’ trasparenza kif ukoll in-natura użurarja tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni. Għal dan l-għan, hija tinvoka, b’mod partikolari, is-sentenza Nru 149/2020 tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) tal‑4 ta’ Marzu 2020 (ES:TS:2020:600), dwar interpretazzjoni tal-Liġi dwar l-Użura. Minn dik is-sentenza jirriżulta li r-rata stipulata fil-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni ma tistax titqies li hija ta’ natura użurarja. Fil-fatt, mill-imsemmija sentenza jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk rata ta’ interessi għandhiex tali natura, għandu jsir riferiment għar-rata ta’ interessi medja applikabbli għall-kategorija li taħtha taqa’ t-tranżazzjoni inkwistjoni, kif ippubblikata fl-istatistiċi uffiċjali tal-Bank Nazzjonali ta’ Spanja. F’dan il-każ, ir-RPAI ta’ 23.14 % imsemmija fil-ftehim ta’ kreditu inkwistjoni hija inqas mir-rata ta’ interessi medja ġeneralment applikata għal din il-kategorija ta’ kuntratti, jiġifieri l-kuntratti ta’ kreditu li jiġġeddu.

13

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tas-sentenzi tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) Nru 628/2015 tal‑25 ta’ Novembru 2015 (ES:TS:2015:4810), u Nru 149/2020 tal‑4 ta’ Marzu 2020 (ES:TS:2020:600), mal-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ ċertezza legali kif ukoll mad-Direttivi 93/13 u 2008/48.

14

Skont il-qorti tar-rinviju, il-prinċipji stabbiliti minn dawn is-sentenzi tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) mhux biss jiżnaturaw il-kunċett ta’ “użura”, sa fejn dawn jeliminaw l-aspett suġġettiv tiegħu, jiġifieri l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà tal-konsumatur, iżda huma wkoll inkompatibbli mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, sa fejn jippermettu l-iffissar jew l-istħarriġ ġudizzjarju tal-prezz jew, ukoll, tal-ispejjeż tal-kreditu għall-konsum, mingħajr bażi legali u barra mill-kuntest tal-konstatazzjoni tan-nullità tal-kuntratt minħabba natura użurarja. Konsegwentement, dik il-qorti tistaqsi jekk, konformement mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, hija għandhiex ma tapplikax din il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) fil-kuntest tat-tilwima li għandha quddiemha.

15

Barra minn hekk, peress li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet, fis-sentenza Nru 149/2020 tal‑4 ta’ Marzu 2020 (ES:TS:2020:600), li l-qorti tista’ teżamina n-natura inġusta tal-klawżola li tiffissa r-rata ta’ interessi biss meta l-konsumatur ikun ressaq talba f’dan is-sens, dik il-ġurisprudenza tkun ukoll inkompatibbli mal-obbligu tal-qorti, li jirriżulta mid-Direttiva 93/13, li tivverifika ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum.

16

Fl-aħħar nett, skont il-qorti tar-rinviju, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), f’dik is-sentenza, illimitat is-setgħa diskrezzjonali tal-qorti nazzjonali fir-rigward tan-natura possibbilment użurarja ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, billi ffissat, għal dan l-għan, kriterji li la huma oġġettivi u lanqas preċiżi, u b’hekk kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali, kif turi l-ġurisprudenza diskordanti tal-qrati nazzjonali. Din l-inċertezza legali hija inkompatibbli mal-għan tal-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-kreditu għall-konsum li għalih huma intiżi d-Direttiva 2008/48 kif ukoll l-Artikolu 120 TFUE.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de Primera Instancia no°4 de Castelló de la Plana (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nruo 4 ta’ Castellón de la Plana) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“L-ewwel domanda preliminari:

a)

Skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fl-ambitu tal-applikabbiltà tiegħu, b’mod partikolari fil-kuntest tar-regolamentazzjoni tal-kreditu għall-konsum u l-kuntratti konklużi mal-konsumaturi, il-qorti nazzjonali għandha tevalwa ‘ex officio’ l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), bħala l-ogħla qorti, fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-[Liġi dwar l-Użura], bħala dispożizzjoni nazzjonali, sa fejn din il-ġurisprudenza ma tapplikax biss għall-invalidità tal-kuntratt konkluż, iżda wkoll għad-definizzjoni tas-‘suġġett prinċipali’ tal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, fil-forma ta’ kreditu rotanti, u għall-adegwatezza tal-‘kwalità/prezz’ tas-servizz ipprovdut, jew, għall-kuntrarju, kif iddikjarat mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), dan id-dmir li tiġi evalwata l-konformità mad-dritt tal-Unjoni u d-direttivi tagħha huwa kkundizzjonat jew suġġett għall-petitum tar-rikorrent (prinċipju ta’ dispożittiv), bir-riżultat li jekk id-dikjarazzjoni li l-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum huwa null minħabba n-‘natura użwarja tiegħu’ hija mfittxija bħala azzjoni ‘unika jew prinċipali’, liema azzjoni hija dderivata minn dispożizzjoni nazzjonali, għandu jitqies li s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u l-effetti armonizzanti tiegħu ‘ma humiex inkwistjoni’, anki jekk il-ġurisprudenza mogħtija mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-imsemmija liġi dwar l-użura, tapplika għad-definizzjoni tas-suġġett prinċipali u għall-adegwatezza tal-kwalità/prezz tal-kreditu għall-konsum li jifforma s-suġġett tal-każ li għandu jiġi deċiż mill-qorti nazzjonali?

b)

Skont l-effetti ta’ supremazija u ta’ armonizzazzjoni msemmija iktar ’il fuq tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tar-regolamentazzjoni tal-kreditu għall-konsum u l-kuntratti ta’ kreditu konklużi mal-konsumaturi, meta jitqies li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) innifisha qalet f’diversi sentenzi fil-ġurisprudenza tagħha li, peress li l-‘esklużjoni’ prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva [93/13], bħala dispożizzjoni armonizzata, ġiet trasposta b’mod sħiħ fl-ordinament ġuridiku Spanjol, ma huwiex xieraq li l-qorti nazzjonali twettaq stħarriġ ġudizzjarju tal-prezzijiet, u peress li l-ebda leġiżlazzjoni fi ħdan l-ordinament ġuridiku Spanjol, lanqas il-[Liġi dwar l-Użura], ma tagħti permess jew tipprovdi bażi b’mod ġenerali għal tali stħarriġ ġudizzjarju tal-prezzijiet, u peress ukoll li ma kien hemm ebda evalwazzjoni dwar jekk id-dispożizzjoni li tiddetermina l-prezz tal-kreditu għall-konsum hijiex nieqsa minn trasparenza, huwa kuntrarju għall-Artikolu 4(2) tad-Direttiva [93/13] li l-qorti nazzjonali, li taġixxi skont dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali fil-forma tal-Liġi dwar l-Użura tal‑1908 imsemmija iktar ’il fuq u li topera ’l barra mill-ġurisdizzjoni naturali tagħha fil-kuntest ta’ dikjarazzjoni dwar in-nullità tal-kuntratt konkluż, teżerċita, taħt setgħa ‘maħluqa b’mod ġdid’, ‘stħarriġ ġudizzjarju’ tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt fejn hija tiddetermina b’mod ġenerali jew il-prezz tal-kreditu għall-konsum, mifhum b’riferiment għall-interess remuneratorju (Rata tal-Interessi Nominali) applikat għalih, jew l-ispiża tal-kreditu għall-konsum, mifhuma b’riferiment għar-[RPAI] applikata għalih?

c)

Fid-dawl ta’ dan preċedenti, u meta jitqies il-qafas ta’ regolamentazzjoni u ta’ armonizzazzjoni stabbilit mit-Trattat FUE, partikolarment l-applikabbiltà tiegħu għall-funzjonament tas-suq intern, l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti nazzjonali sabiex tistabbilixxi, b’mod ġenerali, il-prezz jew l-ispiża tal-kreditu għall-konsum, fl-assenza ta’ dispożizzjoni preċedenti tad-dritt nazzjonali li espressament tistabbilixxi bażi legali sabiex tagħmel dan, “jirriżulta kompatibbli” mal-Artikolu 120 TFUE, fil-kuntest ta’ekonomija tas-suq miftuħa u fid-dawl tal-prinċipju tal-libertà kuntrattwali li għandhom il-partijiet?

It-tieni domanda preliminari:

Skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni fil-qafas tal-armonizzazzjoni tal-kwistjonijiet fl-ambitu tiegħu, b’mod partikolari fil-kuntest tad-direttivi li jirregolaw il-kreditu għall-konsum u l-kuntratti ta’ kreditu mal-konsumaturi, peress li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jikkostitwixxi kundizzjoni preċedenti neċessarja għall-funzjonament tajjeb u effettiv tas-suq intern fil-kreditu għall-konsum, huwa kuntrarju għall-imsemmi prinċipju ta’ ċertezza legali, għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-kreditu għall-konsum, li jitpoġġa limitu fuq ir-[RPAI] li jista’ jiġi impost, b’mod ġenerali, fuq il-konsumatur f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum sabiex tiġi miġġielda l-użura, bħal-limitu stabbilit mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), mhux abbażi ta’ parametri oġġettivi u preċiżi, iżda biss b’riferiment approssimattiv, b’mod li kull qorti nazzjonali tibqa’ libera li tiddetermina l-valur speċifiku ta’ dan il-limitu sabiex tiddeċiedi t-tilwima pendenti quddiemha?”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

18

Il-qorti tar-rinviju talbet li din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talba tagħha, il-qorti tar-rinviju indikat li d-domandi magħmula għandhom effett importanti fuq il-kuntest attwali tas-suq finanzjarju tal-kreditu għall-konsum.

19

L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, eċċezzjonalment, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, meta n-natura tal-kawża titlob li din tiġi ttrattata f’qasir żmien, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li jissottometti rinviju għal deċiżjoni preliminari għal proċedura mħaffa.

20

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-fatt li d-domandi magħmula f’din il-kawża jikkonċernaw potenzjalment numru kbir ta’ persuni u ta’ relazzjonijiet legali, għandu jitfakkar li l-proċedura mħaffa prevista f’din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi strument proċedurali intiż sabiex jirrispondi għal sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, Veridos, C‑669/20, EU:C:2022:684, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Issa, in-numru kunsiderevoli ta’ persuni jew ta’ sitwazzjonijiet legali potenzjalment ikkonċernati mid-deċiżjoni li qorti tar-rinviju għandha tagħti wara li tkun ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax, bħala tali, jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali ta’ natura li tiġġustifika r-rikors għal proċedura mħaffa (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2022, Presidenza del Consiglio dei Ministri et (Tobba speċjalisti mħarrġa), C‑590/20, EU:C:2022:150, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fit‑12 ta’ Mejju 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tintlaqa’ din it-talba.

L‑iżviluppi li seħħew wara t‑tressiq tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

23

Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Banco Cetelem informat lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’dokumenti insostenn, minn naħa, li, fid‑29 ta’ April 2021, kien tressaq quddiem il-qorti tar-rinviju att ta’ kunsens, li permezz tiegħu Banco Cetelem aċċettat it-talbiet kollha tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, Banco Cetelem tesponi li l-partijiet fil-kawża prinċipali waslu għal ftehim ta’ tranżazzjoni li permezz tiegħu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali rrinunzjat għat-talbiet kollha tagħha għall-ħlas, mingħand Banco Cetelem, tal-ammont mitlub. Ma’ din l-ittra ġew mehmuża kopja tat-talba għall-approvazzjoni ta’ dan il-ftehim ta’ tranżazzjoni, ippreżentata lill-qorti tar-rinviju fl‑10 ta’ Mejju 2021, kif ukoll kopja ta’ prova tal-ħlas tal-ammont miftiehem fit‑12 ta’ Mejju 2021.

24

Skont l-imsemmi ftehim, il-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni ġie tterminat u kull waħda mill-partijiet tiddikjara li ma għandha xejn iktar x’titlob mingħand l-oħra.

25

Meta ġiet mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk risposta għad-domandi preliminari kinitx għadha neċessarja għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju indikat, fir-risposta tagħha tal‑31 ta’ Awwissu 2022, li hija kienet iddeċidiet, fis‑7 ta’ Mejju 2021, li, minkejja l-att ta’ kunsens, it-talba għal deċiżjoni preliminari kellha tinżamm peress li din hija bbażata fuq interess ġenerali manifest. Barra minn hekk, fil‑11 ta’ Mejju 2021, hija ddeċidiet li risposta favorevoli għat-talba għall-approvazzjoni tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni ma setgħetx tingħata sakemm il-proċedura kienet sospiża sal-għoti tad-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fuq il‑fatt li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

26

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Madankollu, hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li bis-saħħa tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li dawn jeħtieġu sabiex isolvu t-tilwim li jkunu meħtieġa jiddeċiedu (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 44).

28

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 100(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, tikkonstata li l-kundizzjonijiet tal-ġurisdizzjoni tagħha ma humiex issodisfatti.

29

F’dan il-każ, minn naħa, mill-ittra tal‑1 ta’ Awwissu 2022 mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja minn Banco Cetelem jirriżulta li l-partijiet fil-kawża prinċipali kkonkludew ftehim ta’ tranżazzjoni, li permezz tiegħu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bħala korrispettiv għall-ħlas ta’ somma minn Banco Cetelem, tirrinunzja għal kull talba fil-konfront tagħha bbażata fuq il-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni. Kif jirriżulta mill-ittra tagħha tal‑31 ta’ Awwissu 2022 u mid-dokumenti annessi magħha, il-qorti tar-rinviju tikkonferma l-eżistenza ta’ dan il-ftehim ta’ tranżazzjoni.

30

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, fl-ittra tagħha tal‑31 ta’ Awwissu 2022, il-qorti tar-rinviju indikat li xtaqet iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari minħabba li d-domandi tagħha jirrigwardaw qasam ta’ interess ġenerali. Fil-fehma tagħha, ir-risposti jistgħu jtemmu sitwazzjoni ta’ inċertezza legali, iġġenerata mill-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) u jistgħu jkunu rilevanti għas-soluzzjoni ta’ diversi tilwim simili pendenti, fost oħrajn, quddiemha.

31

Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li l-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima. Jekk jidher li d-domanda magħmula manifestament ma tkunx għadha rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonstata li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

B’mod partikolari, peress li kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżupponi li jkun hemm effettivament tilwima pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma jintalbu jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonkludi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni jekk il-kawża prinċipali ma għadx għandha skop (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 1998, Djabali, C‑314/96, EU:C:1998:104, punti 2122, kif ukoll id-digriet tal‑1 ta’ Ottubru 2019, YX (Trażmissjoni ta’ sentenza lill-Istat Membru ta’ Nazzjonalità tal-persuna kkundannata), C‑495/18, EU:C:2019:808, punti 1924 sa 26).

33

F’dan il-każ, anki jekk il-kawża prinċipali għadha formalment pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, peress li din tal-aħħar iddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni tagħha dwar din il-kawża minħabba dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, mill-informazzjoni li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-partijiet fil-kawża prinċipali kkonkludew ftehim ta’ tranżazzjoni, li ġie eżegwit, u li huma talbu lill-qorti tar-rinviju għall-approvazzjoni ta’ dan il-ftehim sabiex itemmu t-tilwima tagħhom. Minn dan isegwi li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma tkun ta’ ebda utilità għal din tal-aħħar sabiex tagħti deċiżjoni dwar din it-tilwima, li ma għadx għandha skop.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari.

Fuq l‑ispejjeż

35

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 4 de Castelló de la Plana (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 4 ta’ Castelló de la Plana, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Mejju 2021.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.