SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

1 ta’ Awwissu 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 56 – Provvista ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni – Post ta’ tassazzjoni – Servizzi ta’ regolazzjoni tal-inċidenti pprovduti minn kumpanniji terzi f’isem u fl-interess ta’ assiguratur”

Fil-Kawża C‑267/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, Ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ April 2021, fil-proċedura

Uniqa Asigurări SA

vs

Agenția Națională de Administrare Fiscală - Direcţia Generală de Soluţionare a Contestaţiilor,

Direcţia Generală de Administrare a Marilor Contribuabili,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, M. Ilešič u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Uniqa Asigurări SA, minn R. Bufan, avukat,

għall-Gvern Rumen, minn E. Gane u A. Rotăreanu, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u E. A. Stamate, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 59 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat‑12 ta’ Frar 2008 (ĠU 2008, L 44, p. 11).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Uniqa Asigurări SA (iktar ’il quddiem “Uniqa”) li s-sede tagħha hija stabbilita fir-Rumanija, u l-Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală de Soluţionare a Contestaţiilor (Aġenzija Nazzjonali tal-Amministrazzjoni Fiskali — Direttorat Ġenerali għall-Ipproċessar tal-Ilmenti, ir-Rumanija) u d-Direcţia Generală de Administrare a Marilor Contribuabili (id-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Kontribwenti Kbar, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“amministrazzjoni fiskali”), dwar id-determinazzjoni, għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), il-post fejn il-provvista ta’ servizzi titqies li saret.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Is‑Sitt Direttiva

3

L-Artikolu 9 intitolat “Provvista ta’ servizzi”, tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas‑17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”) kien jipprovdi:

“1.   Il-post minn fejn jingħata servizz għandu jitqies li jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss minn fejn jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan tan-negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn hu ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti.

2.   Iżda:

[…]

(ċ)

il-post tal-provvista tas-servizzi li għandhom x’jaqsmu ma’:

[…]

valutazzjonijet ta’ proprjetà mobbli korporali,

[…]

għandu jkun il-post fejn dawk is-servizzi jingħataw materjalment;

(e)

il-post fejn jingħataw is-servizzi li ġejjin, meta jsiru għal konsumaturi stabbiliti barra l-Komunità jew għal persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità imma mhux fl-istess pajjiż bħal tal-fornitur, għandu jkun il-post fejn il-konsumatur stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss li lilu jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan, il-post fejn hu ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti:

[…]

servizzi ta’ konsulenti, enġiniera, uffiċji ta’ konsulenza, avukati, accountants u servizzi simili, kif ukoll l-ipproċessar ta’ data u l-għoti ta’ informazzjoni,

[…]”

4

Is-Sitt Direttiva tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2006/112, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2007.

Id‑Direttiva 2006/112

5

It-Titolu V tad-Direttiva 2006/112, intitolat “Post ta’ transazzjonijiet taxxabbli”, kien jinkludi, b’mod partikolari, il-Kapitolu 3, intitolat “Post tal-forniment tas-servizzi”, li fih kienu jinsabu l-Artikoli 43 sa 59 ta’ din id-direttiva.

6

L-Artikolu 56(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva kien jipprovdi:

“Il-post ta’ provvista tas-servizzi li ġejjin lil konsumaturi stabbiliti barra mill-[Unjoni Ewropea], jew lil persuni taxxabbli stabbiliti [fl-Unjoni] imma mhux fl-istess Stat Membru bħall-fornitur, għandu jkun il-post fejn il-konsumatur stabbilixxa n-negozju tiegħu jew għandu stabbiliment fiss li għalih jingħata s-servizz, jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan, il-post fejn hu jkollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti:

[…]

(ċ)

servizzi ta’ konsulenti, enġiniera, uffiċji ta’ konsulenza, avukati, accountants u servizzi simili, kif ukoll l-ipproċessar ta’ data u l-provvista ta’ informazzjoni;

[…]”

7

L-Artikolu 59(ċ) tad-Direttiva 2006/112, kif emendata bid-Direttiva 2008/8, jipprovdi, mill‑1 ta’ Jannar 2010:

“Il-post tal-forniment tas-servizzi li ġejjin lil persuna mhux taxxabbli li hija stabbilita jew li għandha l-indirizz permanenti tagħha jew fejn normalment tirrisjedi barra [l-Unjoni], għandu jkun il-post fejn hija stabbilita dik il-persuna, fejn għandha l-indirizz permanenti tagħha jew fejn normalment tirrisjedi:

[…]

(ċ)

servizzi ta’ konsulenti, inġiniera, ditti ta’ konsulenza, avukati, accountants u servizzi simili oħrajn, kif ukoll l-ipproċessar tad-data u l-forniment ta’ informazzjoni;

[…]”

Id‑dritt Rumen

8

L-Artikolu 133 tal-Legea nr. 571/2003 privind Codul fiscal (il-Liġi Nru 571/2003 dwar il-Kodiċi tat-Taxxa), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Taxxa”), jipprovdi:

“(1)   Il-post tal-provvista ta’ servizzi għandu jitqies li jkun il-post fejn il-fornitur huwa stabbilit jew għandu stabbiliment fiss minn fejn titwettaq il-provvista ta’ servizzi.

B’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi li ġejjin, il-post tal-provvista ta’ servizzi għandu jitqies li huwa:

[…]

(g)

il-post fejn il-konsumatur tas-servizzi huwa stabbilit jew għandu stabbiliment fiss, bil-kondizzjoni li dak il-klijent ikun stabbilit jew għandu stabbiliment fiss barra mill-[Unjoni] jew ikun persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali, stabbilita jew li għandha stabbiliment fiss [fl-Unjoni], iżda mhux fl-istess Stat bħall-fornitur, fil-każ tas-servizzi li ġejjin:

[…]

5.

id-dipartimenti ta’ konsulenti, ta’ inġiniera, ta’ ġuristi u ta’ avukati, kif ukoll ta’ accountants, esperti fil-kontabbiltà, uffiċċji ta’ konsulenza u servizzi simili oħra;

[…]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

9

Uniqa toffri, fir-Rumanija, poloz ta’ assigurazzjoni li jkopru r-riskji ta’ inċidenti awtomobbilistiċi u ta’ spejjeż mediċi, li seħħew barra mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

10

Fir-rigward tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, Uniqa kkonkludiet sħubijiet ma’ 26 kumpannija li għandhom is-sede tagħhom barra mit-territorju Rumen (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji msieħba”). Dawn il-kumpanniji msieħba jirregolaw l-inċidenti tal-klijenti ta’ Uniqa fil-pajjiż fejn seħħ l-inċident. Huma jamministraw it-talbiet għal kumpens billi jipproċedu, b’mod partikolari, għall-ftuħ tal-fajls ta’ lmenti, għall-verifika tal-validità tal-polza ta’ assigurazzjoni, għall-eżami tal-kawżi u taċ-ċirkustanzi tal-inċident, għall-konstatazzjoni tal-ħsarat, l-evalwazzjoni tad-danni, il-proposta tal-alternattivi ta’ sostituzzjoni jew ta’ tiswija, l-istima tal-kumpens, il-verifika ta’ kwotazzjonijiet, kif ukoll il-kumpens għat-tiswijiet u l-eżami tal-irkupri. Għad-danni materjali ta’ ammont inqas minn jew ekwivalenti għal EUR 15000 kkawżati minn inċident, dawn il-kumpanniji msieħba huma liberi li japprovaw jew jiċħdu t-talbiet għal kumpens filwaqt li jibqgħu responsabbli, kemm fir-rigward tal-assigurati kif ukoll ta’ Uniqa, tal-motivazzjoni u tal-ammont tal-ħlasijiet magħmula bħala regolazzjoni tal-inċidenti. Għad-danni materjali li jammontaw għal iktar minn EUR 15000, huma marbuta jikkollaboraw ma’ Uniqa għall-finijiet tar-regolarizzazzjoni ta’ talba għal kumpens.

11

Fir-rigward tal-assigurazzjoni medika, Coris International, tamministra, f’isem u fl-interess ta’ Uniqa, it-talbiet għal kumpens imressqa mill-persuni assigurati. B’mod partikolari, Coris International timpenja ruħha li tiggarantixxi lill-persuni assigurati assistenza ta’ 24 siegħa kuljum kif ukoll li tipprovdilhom assistenza teknika, organizzattiva u legali. Barra minn hekk, din il-kumpannija tistabbilixxi l-ammont tal-kumpens u tiżgura l-ħlas tiegħu, u tinforma lil Uniqa dwar l-avvenimenti li seħħew.

12

Uniqa ma ddikjaratx il-VAT dovuta taħt is-sistema tal-awtolikwidazzjoni fuq is-servizzi li kienu ġew iffatturati lilha mill-kumpanniji msieħba u minn Coris International bejn l‑1 ta’ Jannar 2007 u l‑31 ta’ Diċembru 2009 għall-onorarji ta’ ġestjoni u ta’ ħlas tal-ilmenti, minħabba li, skont l-Artikolu 133(1) tal-Kodiċi tat-Taxxa, il-post ta’ dawn is-servizzi kien il-post ta’ stabbiliment tal-fornitur ta’ servizzi.

13

Fi tmiem kontroll li jirrigwarda l-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2007 u l‑31 ta’ Diċembru 2011, l-amministrazzjoni fiskali imponiet fuq Uniqa l-obbligu li tħallas VAT addizzjonali fl-ammont totali ta’ 3439412 leu Rumen (RON) (madwar EUR 698596) kif ukoll obbligi anċillari ta’ ammont totali ta’ RON 3706077 (madwar EUR 752760) relatat mas-servizzi msemmija fil-punt preċedenti.

14

L-amministrazzjoni fiskali qieset li kellha tiġi applikata mhux ir-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 133(1) tal-Kodiċi tat-Taxxa, iżda l-eċċezzjoni stabbilita fil-punt 5 tal-Artikolu 133(2)(g) ta’ dan il-kodiċi. Konsegwentement, hija qieset li l-post tal-provvista tas-servizzi pprovduti mill-kumpanniji msieħba u minn Coris International kien jinsab fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit id-destinatarju ta’ dawn is-servizzi, jiġifieri fir-Rumanija.

15

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Settembru 2016, l-ilment fiskali mressaq minn Uniqa kontra l-avviż ta’ tassazzjoni u r-rapport ta’ kontroll fiskali li jpoġġi fir-responsabbiltà tagħha l-ħlas tas-somom kif imsemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza ġie miċħud. Uniqa għalhekk ressqet, fit‑23 ta’ Diċembru 2016, talba għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll ta’ dan l-avviż ta’ taxxa u ta’ dan ir-rapport quddiem il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija).

16

Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, din il-qorti kkonfermat li l-post tal-provvista tas-servizzi ta’ regolazzjoni tal-inċidenti huwa l-post fejn id-destinatarju stabbilixxa s-sede tiegħu, f’dan il-każ ir-Rumanija, billi qieset li dawn is-servizzi kienu analogi għal dawk tal-inġiniera, imsemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva, kif interpretat mis-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2010, Kronospan Mielec (C‑222/09, EU:C:2010:593). Il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) annullat parzjalment l-atti tal-amministrazzjoni fiskali msemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, minħabba t-tul mhux iġġustifikat tal-kontroll fiskali u ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

17

Uniqa u l-amministrazzjoni fiskali ppreżentaw appell minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

18

Din tal-aħħar tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat l-eċċezzjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-post tal-provvista ta’ servizzi. B’mod partikolari, hija ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Settembru 1997, von Hoffmann (C‑145/96, EU:C:1997:406), li l-espressjoni “servizzi simili” ma tirrigwardax professjonijiet, bħal dawk ta’ avukati, konsulenti, accountants jew inġiniera, iżda biss servizzi. Barra minn hekk, din l-espressjoni tirreferi mhux għal xi element komuni tal-attivitajiet eteroġenji msemmija fis-Sitt Direttiva, iżda għal servizzi simili meta mqabbla ma’ kull waħda minn dawn l-attivitajiet, ikkunsidrati separatament.

19

Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tippermettix li tiġi solvuta, fil-kawża prinċipali, il-problema tal-kwalifika ta’ provvista ta’ servizzi kumplessi li tinvolvi diversi attivitajiet li għandhom jiġu analizzati bħala ħaġa waħda, bħal dawk relatati mal-amministrazzjoni u mar-regolazzjoni tal-inċidenti, imwettqa mill-kumpanniji msieħba kif ukoll minn Coris International.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 59 tad-Direttiva [2006/112, kif emendat bid-Direttiva 2008/8,] is-servizzi ta’ regolazzjoni tal-inċidenti pprovduti mill-kumpanniji [msieħba] għal kumpannija ta’ assigurazzjoni, f’isem u għan-nom dan tal-aħħar, jistgħu jaqgħu fil-kategorija ta’ servizzi pprovduti minn konsulenti, inġiniera, uffiċċji ta’ konsulenza, avukati, accountants u servizzi oħra simili, kif ukoll l-ipproċessar ta’ data u l-provvista ta’ informazzjoni?”

Fuq id‑domanda preliminari

21

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima adita biha. Minn din il-perspettiva, huwa obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domanda li ġiet sottomessa lilha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Ministrstvo za obrambo, C‑742/19, EU:C:2021:597, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 59 tad-Direttiva 2006/112, kif emendata bid-Direttiva 2008/8, huwa applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2010. Issa, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-ommissjoni ta’ Uniqa li tiddikjara l-VAT fuq is-servizzi pprovduti mill-kumpanniji msieħba u minn Coris International, matul il-perijodu inkluż bejn l‑1 ta’ Jannar 2007 u l‑31 ta’ Diċembru 2009. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din id-dispożizzjoni ma tapplikax, minn perspettiva ratione temporis, għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

23

Madankollu, fid-dawl tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u tal-formulazzjoni tad-domanda magħmula, għandu jiġi kkonstatat li hija l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 li hija rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima quddiemha, id-domanda magħmula għandha tiġi fformulata mill-ġdid u għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tagħha, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li s-servizzi ta’ ħlas ta’ inċidenti pprovduti minn kumpanniji terzi, f’isem u għan-nom ta’ kumpannija tal-assigurazzjoni, jaqgħux taħt “servizzi ta’ konsulenti, enġiniera, uffiċji ta’ konsulenza, avukati, accountants u servizzi simili, kif ukoll l-ipproċessar ta’ data u l-provvista ta’ informazzjoni” imsemmija minn din id-dispożizzjoni.

25

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, l-ewwel għandu jitfakkar li l-Artikolu 56(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 ma jirrigwardax professjonijiet, bħalma huma dawk ta’ avukati, ta’ konsulenti, ta’ accountants jew ta’ inġiniera, imma jirreferi għal provvista ta’ servizzi. Il-leġiżlatur tal-Unjoni jagħmel użu mill-professjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni sabiex jiddefinixxi l-kategoriji ta’ servizzi li huma hemm imsemmija (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2010, Kronospan Mielec, C‑222/09, EU:C:2010:593, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk is-servizzi tar-regolazzjoni tal-inċidenti pprovduti f’isem u fl-interess ta’ kumpannija tal-assigurazzjoni jaqgħux taħt is-servizzi prinċipalment u normalment imwettqa fil-kuntest tal-professjonijiet elenkati fl-Artikolu 56(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 1997, von Hoffmann, C‑145/96, EU:C:1997:406, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, fid-dawl taċ-ċirkustanza doppja li, minn naħa, kull provvista ta’ servizz għandha normalment titqies li hija distinta u indipendenti u, min-naħa l-oħra, it-tranżazzjoni kkostitwita minn provvista ta’ servizz waħda mill-perspettiva ekonomika ma għandhiex tinqasam artifiċjalment sabiex ma tiġix alterata l-funzjonalità tas-sistema tal-VAT, għandhom jiġu eżaminati l-elementi karatteristiċi tat-tranżazzjoni kkonċernata sabiex jiġi ddeterminat jekk il-provvista ta’ servizzi pprovduti jikkostitwixxux diversi provvisti prinċipali distinti jew provvista unika. B’mod partikolari, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita skont l-Artikolu 267 TFUE, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeterminaw jekk il-persuna taxxabbli tipprovdix provvista unika f’każ partikolari u li jagħmlu l-evalwazzjonijiet definittivi kollha ta’ fatt f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, Field Fisher Waterhouse, C‑392/11, EU:C:2012:597, punti 1820 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

Issa, skont il-qorti tar-rinviju, is-servizzi ta’ regolazzjoni tal-inċidenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu provvisti ta’ servizzi kumplessi, li jinkludu diversi attivitajiet li għandhom jiġu analizzati bħala ħaġa waħda. B’mod partikolari, kif imsemmi fil-punti 10 u 11 ta’ din is-sentenza, is-servizzi pprovduti mill-kumpanniji msieħba jkopru l-attivitajiet kollha relatati mar-regolazzjoni tal-inċidenti li jinvolvu l-klijenti ta’ Uniqa fil-pajjiżi fejn iseħħu dawn l-inċidenti. Dawn is-servizzi jinkludu wkoll l-eżerċizzju ta’ setgħa deċiżjonali, sa fejn jeħtieġu, għad-danni materjali ta’ ammont inqas jew ekwivalenti għal EUR 15000 ikkawżati minn inċident, l-approvazzjoni jew iċ-ċaħda tat-talbiet għal kumpens. Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda l-assigurazzjonijiet mediċi, Coris International tamministra, f’isem u fl-interess ta’ Uniqa, it-talbiet għal kumpens imressqa mill-persuni assigurati, billi tipprovdi s-servizzi kollha ta’ organizzazzjoni, tekniċi u legali neċessarji.

29

Din il-preċiżazzjoni preliminari magħmula, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ inġinier tkopri servizzi li huma kkaratterizzati mill-fatt li mhux biss għandhom jiġu applikati konoxxenzi u proċessi eżistenti għal problemi konkreti, iżda wkoll li jinkisbu għarfien ġdid u l-iżvilupp ta’ proċessi ġodda sabiex jiġu solvuti dawn l-istess problemi jew problemi ġodda (sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2010, Kronospan Mielec, C‑222/09, EU:C:2010:593, punt 21).

30

Issa, is-servizzi ta’ regolazzjoni tal-inċidenti pprovduti f’isem u fl-interess ta’ kumpannija tal-assigurazzjoni, bħal dawk speċifikati fil-punti 10 u 11 ta’ din is-sentenza, ma jaqgħux taħt is-servizzi li jissodisfaw dawn il-karatteristiċi. B’mod partikolari, għalkemm ma jidhirx li huwa eskluż li l-evalwazzjoni tad-danni li jirriżultaw minn inċident tat-traffiku tista’ titwettaq minn inġinier, tali attività ma taqax manifestament taħt is-servizzi prinċipalment u normalment imwettqa fil-kuntest ta’ din il-professjoni, kif ġew identifikati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, tali possibbiltà lanqas ma tista’ tiġi kkunsidrata fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-pazjenti fil-kuntest ta’ assigurazzjoni medika għall-vjaġġi barra mill-pajjiż.

31

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li s-servizzi ta’ regolazzjoni tal-inċidenti pprovduti f’isem u għan-nom ta’ kumpannija tal-assigurazzjoni ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ servizzi ta’ inġinier, fis-sens tal-Artikolu 56(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112.

32

Fit-tieni lok, fir-rigward tas-servizzi mwettqa fil-kuntest tal-professjoni ta’ avukat, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li dawn kellhom prinċipalment u normalment bħala għan ir-rappreżentazzjoni u d-difiża tal-interessi ta’ persuna, bħala regola ġenerali f’kuntest ta’ kontradizzjoni u fil-preżenza ta’ interessi kuntrarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Settembru 1997, von Hoffmann, C‑145/96, EU:C:1997:406, punt 17, kif ukoll tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑401/06, EU:C:2007:759, punti 3637).

33

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li s-servizzi pprovduti minn avukat għandhom qabelxejn l-għan li jkollhom pretensjoni ta’ natura legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑401/06, EU:C:2007:759, punt 39).

34

Issa, il-provvista ta’ servizzi bħal dawk ipprovduti mill-kumpanniji msieħba u minn Coris International skont ir-regolazzjoni tal-inċidenti ma jaqgħux taħt is-servizzi prinċipalment u normalment mogħtija fil-kuntest tal-professjoni ta’ avukat. Fil-fatt, dawn tal-aħħar huma kkaratterizzati mill-kontribuzzjoni tagħhom għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja, filwaqt li s-servizzi ta’ regolazzjoni tal-inċidenti f’isem u għan-nom ta’ kumpannija tal-assigurazzjoni jaqgħu b’mod iktar wiesa’ taħt l-attività ekonomika.

35

B’mod partikolari, tali servizzi ta’ regolazzjoni tal-inċidenti għandhom essenzjalment bħala għan il-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tad-danni jew tal-ispejjeż mediċi sostnuti kif ukoll l-evalwazzjoni tal-kumpens dovut lill-assigurat u, jekk ikun il-każ, il-ħlas effettiv ta’ dan il-kumpens u, f’dan ir-rigward, ma jaqgħux neċessarjament taħt il-qasam kontenzjuż. Għalhekk, dawn is-servizzi ma jeħtiġux a priori r-rappreżentazzjoni u d-difiża tal-interessi tal-kumpannija tal-assigurazzjoni f’kuntest ta’ kontradizzjoni, fil-preżenza ta’ interessi kuntrarji anki jekk, jekk ikun il-każ, l-użu tas-servizzi ta’ avukat jista’ jirriżulta neċessarju ulterjorment.

36

Minn dan isegwi li s-servizzi tar-regolazzjoni tal-inċidenti pprovduti f’isem u fl-interess ta’ kumpannija tal-assigurazzjoni ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ servizzi ta’ avukat, fis-sens tal-Artikolu 56(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112.

37

Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li s-servizzi ta’ regolazzjoni tal-inċidenti bħal dawk ipprovduti mill-kumpanniji msieħba u minn Coris International ma jikkorrispondux għas-servizzi prinċipalment u normalment ipprovduti minn konsulent, minn uffiċċju ta’ studju jew minn accountant. B’mod partikolari, b’differenza mis-servizzi ta’ konsulenza, is-servizzi ta’ regolazzjoni tal-inċidenti f’isem u għan-nom ta’ kumpannija tal-assigurazzjoni jimplikaw l-eżerċizzju ta’ setgħa deċiżjonali fir-rigward tal-għoti ta’ kumpens jew tar-rifjut li tingħata tali kumpens, li ma humiex ridotti għal servizzi ta’ konsulenza.

38

Fir-raba’ lok, għandu jiġi ddeterminat jekk is-servizzi ta’ regolazzjoni tal-inċidenti pprovduti f’isem u fl-interess ta’ kumpannija tal-assigurazzjoni jaqgħux taħt “servizzi simili” imsemmija fl-Artikolu 56(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112.

39

Il-kliem “servizzi simili” ma jirreferux għal xi element komuni tal-attivitajiet eteroġenji hekk imsemmija f’din id-dispożizzjoni, iżda għal servizzi simili meta mqabbla ma’ kull waħda minn dawn l-attivitajiet, ikkunsidrati separatament. Għalhekk, provvista għandha titqies li hija simili meta mqabbla ma’ waħda mill-attivitajiet imsemmija f’dan l-artikolu meta t-tnejn li huma jissodisfaw l-istess għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑401/06, EU:C:2007:759, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li tali servizzi għandhom bħala għan il-ġestjoni u l-ipproċessar tat-talbiet għal kumpens tal-inċidenti mressqa mill-assigurati tas-soċjetà ta’ assigurazzjoni f’isem u għan-nom tagħha huma pprovduti.

41

B’hekk, mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li s-servizzi ta’ regolazzjoni tal-inċidenti pprovduti mill-kumpanniji msieħba jinkludu servizzi kumplessi ta’ ġestjoni u ta’ regolazzjoni tal-ilmenti, li jinvolvu attivitajiet multipli li għandhom jiġu analizzati bħala ħaġa waħda li għandha l-għan li tirrimedja dannu mġarrab minn persuna leża barra mill-Istat Membru ta’ residenza tagħha skont proċeduri li bihom hija familjari. Barra minn hekk, fir-rigward tas-servizzi pprovduti minn Coris International, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li dawn huma attivitajiet eżerċitati għall-finijiet tar-regolazzjoni tal-ilmenti mressqa mid-detenturi ta’ poloz ta’ assigurazzjoni medika għall-vjaġġi barra mill-pajjiż konklużi minn Uniqa għall-klijenti tagħha, li jkopru b’mod partikolari l-garanzija għall-assistenza tal-persuni assigurati 24 siegħa kuljum kif ukoll il-provvista lill-persuni assigurati ta’ assistenza teknika, organizzattiva u legali.

42

Issa, ebda wieħed mis-servizzi tal-inġiniera, tal-avukati, tal-accountants, tal-uffiċċji ta’ konsulenza jew tal-konsulenti elenkati fl-Artikolu 56(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 ma jsegwu l-għan identifikat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza.

43

Minn dan isegwi li s-servizzi tar-regolazzjoni tal-inċidenti pprovduti f’isem u fl-interess ta’ kumpannija tal-assigurazzjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “servizzi simili”, fis-sens tal-Artikolu 56(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112.

44

Fil-ħames u fl-aħħar lok, għandu jiġi kkonstatat ukoll li tali servizzi ta’ regolazzjoni tal-inċidenti la jistgħu jintrabtu ma’ servizzi ta’ pproċessar ta’ data u lanqas ma jistgħu jiġu assimilati mal-provvista ta’ informazzjoni.

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 56(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizzi ta’ regolazzjoni tal-inċidenti pprovduti minn kumpanniji terzi, f’isem u fl-interess ta’ kumpannija tal-assigurazzjoni, ma jaqgħux taħt “servizzi ta’ konsulenti, enġiniera, uffiċji ta’ konsulenza, avukati, accountants, u servizzi simili kif ukoll [tal-] ipproċessar ta’ data u [tal]-għoti ta’ informazzjoni” imsemmija minn din id-dispożizzjoni.

Dwar l‑ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 56(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizzi ta’ regolazzjoni tal-inċidenti pprovduti minn kumpanniji terzi, f’isem u fl-interess ta’ kumpannija tal-assigurazzjoni, ma jaqgħux taħt “servizzi ta’ konsulenti, enġiniera, uffiċji ta’ konsulenza, avukati, accountants, u servizzi simili kif ukoll [tal-]ipproċessar ta’ data u [tal]-għoti ta’ informazzjoni” imsemmija minn din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.