SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
24 ta’ Novembru 2022 ( *1 )
“Rikors għal annullament – Politika komuni tas-sajd – Regolament (UE) 2021/92 – Stabbiliment, għall‑2021, tal-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni Ewropea u, għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjon – Konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u protezzjoni tal-ekosistemi marini permezz ta’ miżuri tekniċi – Artikoli 15 sa 17 u 20 kif ukoll it-tieni paragrafu tal-Artikolu 59 – Artikolu 43(3) TFUE – Użu ħażin ta’ poter – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali”
Fil-Kawża C‑259/21,
li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fit‑22 ta’ April 2021,
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn I. Liukkonen u I. Terwinghe, bħala aġenti,
rikorrent
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Falek, F. Naert u A. Nowak-Salles, bħala aġenti,
konvenut
sostnut minn:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Dawes, A. Stobiecka-Kuik u K. Walkerová, bħala aġenti,
parti intervenjenti
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, M. Safjan, N. Piçarra, N. Jääskinen (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Ġunju 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tiegħu, il-Parlament Ewropew jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-Artikoli 15 sa 17 u l-Artikolu 20, kif ukoll it-tieni paragrafu tal-Artikolu 59 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/92 tat‑28 ta’ Jannar 2021 li jistabbilixxi għall‑2021 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni (ĠU 2021, L 31, p. 31, rettifika fil-ĠU 2021, L 294, p. 55 u fil-ĠU 2021, L 458, p. 540) (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet kontenzjużi”). |
Il‑kuntest ġuridiku
It‑Trattat FUE
2 |
L-Artikolu 43(2) u (3) TFUE huwa fformulat kif ġej; “2. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jistabbilixxu l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli prevista fl-Artikolu 40(1) kif ukoll id-dispożizzjonijiet l-oħra meħtieġa għall-kisba ta’ l-objettivi tal-politika agrikola komuni u l-politika komuni tas-sajd. 3. Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri dwar l-iffissar tal-prezzijiet, l-imposti, l-għajnuna u l-limitazzjonijiet kwantitattivi, kif ukoll dwar l-iffissar u l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd.” |
Ir‑Regolamenti Bażiċi
3 |
Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU 2013, L 354, p. 22), ir-Regolament (UE) 2019/472 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet mistada fl-Ilmijiet tal-Punent u fl-ilmijiet tal-madwar, u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2016/1139 u (UE) 2018/973, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007 u (KE) Nru 1300/2008 (ĠU 2019, L 83, p. 1), u r-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU 2019, L 198, p. 105) (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“Regolamenti Bażiċi”), ġew adottati abbażi tal-Artikolu 43(2) TFUE. |
Ir‑Regolament Nru 1380/2013
4 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1380/2013 jipprovdi l-għanijiet tal-politika komuni tas-sajd (iktar ’il quddiem il-“PKS”). |
5 |
L-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Miżuri mill-Kummissjoni f’każ ta’ theddida serja għal riżorsi bijoloġiċi tal-baħar”, huwa fformulat kif ġej: “1. Għal raġunijiet imperattivi, debitament ġustifikati, ta’ urġenza relattivi għal theddida serja għall-konservazzjoni ta’ riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jew għall-ekosistema tal-baħar li jkunu bbażati fuq evidenza, il-Kummissjoni, fuq it-talba raġunata ta’ xi Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, sabiex ittaffi dik it-theddida, tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament li jkunu applikabbli għal perijodu massimu ta’ sitt xhur skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 56(3). […] 3. Qabel ma jiskadi l-perijodu inizjali tal-applikazzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament previsti fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’, fejn ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet taħt il-paragrafu 1, tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament li jestendu l-applikazzjoni ta’ tali miżura ta’ emerġenza għal perijodu massimu ta’ sitt xhur b’effett immedjat. […]” |
6 |
L-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, intitolat “Miżuri ta’ emerġenza tal-Istati Membri”, jippermetti lill-Istati Membri jadottaw miżuri ta’ emerġenza sabiex jindirizzaw theddida serja għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jew għall-ekosistema marina marbuta mal-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru li teħtieġ intervent immedjat. |
Ir‑Regolament Nru 2019/472
7 |
Ir-Regolament 2019/472, kif emendat bir-Regolament Nru 2019/1241 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament 2019/472”), jistabbilixxi pjan multiannwali għall-istokkijiet maqbuda fl-ilmijiet tal-Punent u fl-ilmijiet li jmissu miegħu, kif ukoll għas-sajd li jisfrutta dawn l-istokkijiet. |
8 |
Skont l-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament, meta l-parir xjentifiku jindika li l-bijomassa riproduttiva tal-istokk u, fil-każ tal-istokkijiet tal-iskampu, l-abbundanza ta’ xi wħud mill-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) tkun inqas minn ċerti valuri, għandhom jittieħdu iktar miżuri korrettivi biex jiżguraw ir-ripristinament malajr tal-istokk ikkonċernat jew tal-unità funzjonali kkonċernata għal-livelli ogħla minn dawk li huma kapaċi jiksbu rendiment massimu sostenibbli. Barra minn hekk, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li dawn ir-rimedji jistgħu jinkludu s-sospensjoni tas-sajd immirat għall-istokk ikkonċernat jew l-unità funzjonali kkonċernata u t-tnaqqis xieraq tal-opportunitajiet tas-sajd. |
9 |
Skont l-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament, il-miżuri korrettivi indikati f’dan l-artikolu jistgħu jinkludu miżuri ta’ emerġenza adottati skont l-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament Nru 1380/2013, kif ukoll miżuri skont l-Artikolu 9 tar-Regolament 2019/472. |
10 |
Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament 2019/472: “Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament u f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament [Nru 1380/2013] biex tissupplimenta dan ir-Regolament fir-rigward tal-miżuri tekniċi li ġejjin, sa fejn ma jkunux koperti mir-Regolament [2019/1241]:
|
Ir‑Regolament Nru 2019/1241
11 |
Ir-Regolament 2019/1241 għandu bħala għan, konformement mal-Artikolu 1 tiegħu, li jistabbilixxi miżuri tekniċi dwar il-qbid u ħatt l-art tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, it-tħaddim tal-irkaptu tas-sajd u l-interazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd mal-ekosistemi tal-baħar. |
12 |
L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Speċijiet ta’ ħut u frott tal-baħar bil-qoxra projbit”, jipprovdi: “1. Il-qbid, iż-żamma abbord, it-trasbord jew ħatt l-art ta’ speċijiet ta’ ħut jew frott tal-baħar bil-qoxra msemmija fl-Anness IV għad-Direttiva [92/43/KEE tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102)] għandu jkun ipprojbit ħlief meta jingħataw derogi taħt l-Artikolu 16 ta’ dik id-Direttiva. 2. Minbarra l-ispeċijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-bastimenti tal-Unjoni għandhom ikunu pprojbiti milli jistadu, iżommu abbord, jittrasbordaw, iħottu, jaħżnu, jbiegħu, juru jew joffru għall-bejgħ l-ispeċijiet elenkati fl-Anness I jew speċijiet li għalihom is-sajd huwa pprojbit taħt atti legali oħrajn tal-Unjoni. […] 4. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 29 biex temenda l-lista stabbilita fl-Anness I, fejn l-aħjar parir xjentifiku disponibbli jindika li hemm bżonn emenda f’dik il-lista. […]” |
13 |
L-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, intitolat “Miżuri tekniċi reġjonali”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “Sabiex jitqiesu l-ispeċifiċitajiet reġjonali tas-sajd rilevanti, il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 29 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament [Nru 1380/2013] esabiex temenda, tissupplimenta, tħassar jew tidderoga mill-miżuri tekniċi stabbiliti fl-Annessi [V sa XI u XIII], inkluż fl-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art fil-kuntest tal-Artikolu 15(5) u (6) tar-Regolament [Nru 1380/2013]. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati abbażi ta’ rakkomandazzjoni konġunta ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament [Nru 1380/2013] u f’konformità mal-Artikoli rilevanti tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament.” |
14 |
L-Artikolu 29 tar-Regolament 2019/1241, intitolat “Eżerċizzju tad-delega”, jipprovdi fil-paragrafu 6 tiegħu: “Att delegat adottat skont l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 8(3), l-Artikolu 10(4), l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 15(2), l-Artikolu 23(1) u (5), l-Artikolu 27(7) u l-Artikolu 31(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.” |
15 |
Il-lista tal-ispeċi li s-sajd tagħhom huwa pprojbit, imsemmija fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament 2019/1241, tinsab fl-Anness I tiegħu. |
16 |
L-Anness VI ta’ dan ir-regolament jinkludi l-miżuri tekniċi applikabbli għall-ilmijiet tal-Majjistral. |
Ir‑Regolament 2021/92
17 |
Ir-Regolament 2021/92 ġie adottat mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 43(3) TFUE. |
18 |
Il-premessi 55 sa 59 ta’ dan ir-regolament huma fformulati kif ġej:
|
19 |
L-Artikolu 15 tar-Regolament 2021/92, intitolat “Miżuri ta’ rimedju għall-bakkaljaw u għall-merlangu fil-Baħar Ċeltiku”, jipprevedi ċertu numru ta’ miżuri relatati mal-malji, li japplikaw għall-bastimenti tal-Unjoni li jistadu bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni fil-Baħar Ċeltiku. |
20 |
L-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Miżuri tekniċi fil-Baħar Irlandiż”, jistabbilixxi obbligi fir-rigward tal-bastimenti tas-sajd għal bastimenti tal-Unjoni li joperaw bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew bit-tartaruni fil-Baħar tal-Irlanda. |
21 |
L-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, intitolat “Miżuri tekniċi fil-Punent tal-Iskozja”, jipprevedi wkoll miżuri dwar il-malji u li japplikaw għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew bit-tartaruni fil-Punent tal-Iskozja. |
22 |
Skont l-Artikolu 20 tar-Regolament 2021/92 intitolat “Speċijiet ipprojbiti”, huwa pprojbit għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu, iżommu abbord, jittrażbordaw jew iħottu l-art ċerti speċijiet f’uħud mid-diviżjonijiet ICEM u fis-subżoni tal-ilmijiet tal-Unjoni f’dak iż-żmien. Din id-dispożizzjoni tindika wkoll li, meta jinqabdu bi żball, l-ispeċijiet elenkati ma għandhiex issirilhom ħsara u l-kampjuni għandhom jinħelsu minnufih. |
23 |
Skont l-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjoni tranżizzjonali”: “L-Artikoli 11, 19, 20, 27, 33, 34, 41, 42, 43, 48, 50 u 57għandhom ikomplu japplikaw, mutatis mutandis, fl‑2022 sad-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2022. L-Artikoli 15, 16 u 17 għandhom japplikaw sad-data li fiha jsir applikabbli l-att delegat adottat f’konformità mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament [2019/1241] u li jemenda l-Anness VI ta’ dak ir-Regolament billi jintroduċi miżuri tekniċi korrispondenti għall-Ilmijiet tal-Majjistral.” |
Il‑Ftehim Interistituzzjonali
24 |
Il-punt 2 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat‑13 ta’ April 2016 (ĠU 2016, L 123, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Ftehim interistituzzjonali”), huwa fformulat kif ġej: “Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom u f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fit-Trattati, u filwaqt li jfakkru fl-importanza li huma jagħtu għall-metodu Komunitarju, it-tliet Istituzzjonijiet jaqblu li josservaw prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni, bħal-leġittimità demokratika, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, u ċ-ċertezza legali. Huma jaqblu wkoll li jippromwovu s-sempliċità, iċ-ċarezza u l-konsistenza fl-abbozzar tal-leġislazzjoni tal-Unjoni u li jippromwovu t-trasparenza tal-ogħla grad tal-proċess leġislattiv.” |
25 |
Skont it-tielet u r-raba’ paragrafu tal-punt 25 ta’ dan il-ftehim: “Jekk tkun prevista modifika tal-bażi legali li tinvolvi bidla minn proċedura leġislattiva ordinarja għal proċedura leġislattiva speċjali jew proċedura mhux leġislattiva, it-tliet Istituzzjonijiet ser ikollhom skambju ta’ fehmiet dwar dan. It-tliet Istituzzjonijiet jaqblu li l-għażla ta’ bażi legali hija determinazzjoni legali li jeħtieġ li ssir skont raġunijiet oġġettivi li jistgħu jkunu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.” |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
26 |
Fis‑27 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni ħarġet il-Proposta ta’ Regolament tal-Kunsill li tistabbilixxi, għas-sena 2021, l-opportunitajiet ta’ sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni [COM(2020) 668 finali]. |
27 |
Fl‑14 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni aġġornat din il-proposta billi inkludiet numru ta’ dispożizzjonijiet identiċi għad-dispożizzjonijiet kontenzjużi. |
28 |
Fit‑28 ta’ Jannar 2021, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament 2021/92. Skont l-Artikolu 60 tiegħu, dan ir-Regolament daħal fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fid‑29 ta’ Jannar 2021. |
29 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ April 2021, il-Parlament ippreżenta, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dan ir-rikors intiż għall-annullament tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi. |
Il‑fatti li seħħew wara l‑preżentata tar‑rikors
30 |
Fit‑23 ta’ Awwissu 2021, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2324 tat‑23 ta’ Awwissu 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ miżuri tekniċi għal ċertu sajd demersali u pelaġiku fil-Baħar Ċeltiku, fil-Baħar Irlandiż u fil-Punent tal-Iskozja (ĠU 2021, L 465, p. 1). Dan ir-regolament ġie adottat fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-Artikoli 10(4) u 15(2) tar-Regolament 2019/1241. |
31 |
Jirriżulta, l-ewwel, mill-premessa 2 ta’ dan ir-Regolament Delegat li r-Renju tal-Belġju, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżentaw l-ewwel rakkomandazzjoni konġunta f’Mejju 2020. Wara l-istedina tal-Kummissjoni, dawn l-Istati Membri ppreżentaw rakkomandazzjoni konġunta riveduta fl‑14 ta’ Diċembru 2020. |
32 |
It-tieni, il-premessa 3 tal-imsemmi Regolament Delegat tippreċiża li, sakemm jiġu adottati l-miżuri proposti f’din ir-rakkomandazzjoni konġunta permezz ta’ att delegat, miżuri korrettivi fis-sens tar-Regolament 2019/472 intiżi sabiex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali tal-bakkaljaw u l-merlangu fil-Baħar Ċeltiku u fiż-żoni li jmissu miegħu, kif ukoll miżuri tekniċi addizzjonali intiżi sabiex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali tal-gadojd fil-Baħar Irlandiż u fil-Punent tal-Iskozja ġew stabbiliti fl-Artikoli 15 sa 17 tar-Regolament 2021/92. Skont din il-premessa, dawn il-miżuri kienu marbuta fuq il-pjan funzjonali mal-livelli ta’ TACs għall-ispeċijiet fil-mira li jinqabdu fis-sajd imħallat, peress li, fl-assenza tagħha, dawn il-livelli ta’ TACs kien ikollhom jitnaqqsu biex jippermettu l-irkupru tal-istokkijiet tal-qabdiet inċidentali. |
33 |
It-tielet, skont il-premessa 6 tal-istess Regolament Delegat, dan huwa intiż sabiex jinkludi f’att uniku d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar, b’mod partikolari, il-miżuri tekniċi li jikkorrispondu għall-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 15 sa 17 tar-Regolament 2021/92. |
34 |
Fis‑27 ta’ Jannar 2022, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2022/109 li jistabbilixxi għall 2022 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni (ĠU 2022, L 21, p. 1) Skont l-Artikolu 60 tiegħu, dan ir-regolament daħal fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fil‑31 ta’ Jannar 2022. |
It‑talbiet tal‑partijiet u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja
35 |
Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
36 |
Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
37 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Awwissu 2021, il-Kummissjoni ġiet ammessa tintervjeni sabiex issostni l-konklużjonijiet tal-Kunsill. |
38 |
Skont l-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Avukat Ġenerali u l-Imħallef Relatur, permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Mejju 2022, stiednu lill-partijiet jesprimu ruħhom fuq l-effett tal-adozzjoni tar-Regolament 2022/109 fuq ir-rikors tal-Parlament. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ din it-talba. |
Fuq ir‑rikors
Fuq l‑ammissibbiltà
L‑argumenti tal‑partijiet
39 |
Fil-kuntest ta’ osservazzjoni preliminari ta’ natura proċedurali esposta fir-replika tiegħu, il-Kunsill isostni, fl-ewwel lok, li l-adozzjoni mill-Kummissjoni tar-Regolament Delegat 2021/2324, wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors temmet l-applikazzjoni tal-miżuri previsti mill-Artikoli 15 sa 17 tar-Regolament 2021/92, b’tali mod li r-rikors ma għadx għandu skop f’dak li jirrigwarda dawn l-artikoli kif ukoll it-tieni paragrafu tal-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament. |
40 |
Fit-tieni lok, u fi kwalunkwe każ, l-imsemmi rikors tilef l-iskop tiegħu fil‑31 ta’ Diċembru 2021 f’dak li jikkonċerna l-Artikoli 15 sa 17 tar-Regolament 2021/92, peress li l-applikazzjoni ratione temporis ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kienet limitata biss għas-sena 2021. Fir-rigward tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, dan kien kompla jipproduċi l-effetti tiegħu biss sad-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2022/109, jiġifieri l‑31 ta’ Jannar 2022. |
41 |
Għall-kuntrarju, il-Parlament qies li l-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2021/2324 ma tipprekludix li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-validità tal-Artikoli 15 sa 17 tar-Regolament 2021/92. Fil-fatt, għalkemm ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament iddelegat jirriflettu l-kontenut tal-Artikoli 15 sa 17 t tar-Regolament 2021/92, dawn l-aħħar dispożizzjonijiet għadhom jeżistu fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u għandhom jitħassru fl-interess taċ-ċertezza legali. |
42 |
Fir-rigward tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2022/109, il-Parlament, bħall-Kummissjoni, isostni li l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament ma għandhiex effett fuq dan ir-rikors. |
43 |
Il-Parlament jenfasizza li hija prattika normali li regolament li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għal sena partikolari ma jħassarx dak li jikkonċerna s-sena preċedenti. Dan il-metodu ta’ proċedura jippermetti b’mod partikolari li d-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar jiġu invokati kontra l-Istati Membri u l-operaturi anki wara l-għeluq tal-istaġun tas-sajd inkwistjoni, b’mod partikolari fid-dawl ta’ verifika a posteriori tal-kompatibbiltà tal-attivitajiet ta’ sajd imwettqa mal-opportunitajiet ta’ sajd previsti. |
44 |
Barra minn hekk, il-Parlament iqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq dan ir-rikors peress li l-Kunsill jista’ fil-futur jadotta miżuri tekniċi bħal dawk li jinsabu fid-dispożizzjonijiet kontenzjużi. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
45 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonkludiet dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors intiż għall-annullament ta’ att li kien diġà twettaq jew li ma kienx għadu applikabbli fil-mument tal-preżentata tar-rikors (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
46 |
Din is-soluzzjoni hija ġġustifikata, b’mod partikolari, min-neċessità li jiġi żgurat li l-illegalità allegata ma terġax isseħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il-Kummissjoni, 53/85, EU:C:1986:256, punt 21, kif ukoll tas‑26 ta’ April 1988, Apesco vs Il-Kummissjoni, 207/86, EU:C:1988:200, punt 16). Dan huwa l-każ meta, bħal f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni adottata fil-qasam tas-sajd għal portata limitata rationae temporis u meta jiġu adottati regoli ġodda kull sena. |
47 |
Minn dan jirriżulta li la l-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2021/2324 mill-Kummissjoni u lanqas id-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2022/109 ma jistgħu jikkontestaw il-persistenza tal-għan ta’ dan ir-rikors u għalhekk jaffettwaw l-ammissibbiltà tiegħu. |
48 |
Fi kwalunkwe każ, peress li l-Parlament ma kienx obbligat juri interess ġuridiku sabiex jippreżenta rikors għal annullament kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata), lanqas ma għandu jistabbilixxi li tali interess jippersisti tul il-proċedura. |
49 |
Konsegwentement, ir-rikors huwa ammissibbli. |
Fuq il‑mertu
50 |
Insostenn tar-rikors tiegħu, il-Parlament jinvoka żewġ motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq użu ħażin tal-proċedura prevista mir-Regolamenti Bażiċi, it-tieni wieħed fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 13(2) TUE. |
Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq użu ħażin tal‑proċedura prevista fir‑Regolamenti Bażiċi
– L‑argumenti tal‑partijiet
51 |
Il-Parlament isostni li l-Kunsill, billi adotta d-dispożizzjonijiet kontenzjużi abbażi tal-Artikolu 43(3) TFUE, għamel użu ħażin mis-setgħa tiegħu taħt din id-dispożizzjoni u b’hekk għamel użu ħażin tal-proċedura prevista fir-Regolamenti Bażiċi għall-adozzjoni tal-miżuri tekniċi, liema proċedura tagħti lill-Kummissjoni biss u, f’każ ta’ emerġenza lill-Istati Membri, il-kompetenza sabiex jadottaw tali miżuri. |
52 |
B’mod iktar preċiż, il-Parlament isostni li n-nuqqas ta’ osservanza mill-Kunsill tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-miżuri tekniċi, kif prevista mir-Regolamenti Bażiċi, b’mod partikolari mill-Artikolu 9 tar-Regolament 2019/472 kif ukoll mill-Artikolu 10(4) u mill-Artikolu 15 tar-Regolament 2019/1241, jikkostitwixxi użu ħażin ta’ poter fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et (C‑331/88, EU:C:1990:391, punt 24), kif ukoll tas‑16 ta’ April 2013, Spanja u Italja vs Il-Kunsill (C‑274/11 u C‑295/11, EU:C:2013:240, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
53 |
Fil-fatt, peress li dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Bażiċi, adottati abbażi tal-Artikolu 43(2) TFUE, jagħtu lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta miżuri tekniċi, il-Kunsill ma setax jadotta d-dispożizzjonijiet kontenzjużi billi jibbaża ruħu fuq is-setgħa li huwa għandu skont l-Artikolu 43(3) TFUE. |
54 |
Is-setgħa tal-Kunsill li jadotta miżuri tekniċi skont l-Artikolu 43(3) TFUE hija għalhekk limitata peress li l-Parlament u l-Kunsill qablu, f’atti leġiżlattivi adottati skont l-Artikolu 43(2) TFUE, li jawtorizzaw lill-Kummissjoni, minflok lill-Kunsill, tadotta tali miżuri bħala atti ddelegati skont l-Artikolu 290 TFUE. |
55 |
Filwaqt li jirreferi b’mod partikolari għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2015, Il-Parlament u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑124/13 u C‑125/13, EU:C:2015:790), il-Parlament iqis li l-Kunsill għandu josserva u jsegwi l-qafas stabbilit minn qabel fl-atti leġiżlattivi adottati abbażi tal-Artikolu 43(2) TFUE, meta jkollu l-intenzjoni jadotta, fl-eżekuzzjoni ta’ dawn l-atti leġiżlattivi, miżuri skont l-Artikolu 43(3) TFUE. |
56 |
B’mod iktar preċiż, il-Parlament iqis li l-Artikoli 15 sa 17 u 20 tar-Regolament 2021/92 kellhom l-effett li jemendaw ir-regoli stabbiliti fil-punt 1 tal-Parti B tal-Anness VI, u Parti C, kif ukoll fl-Anness I tar-Regolament 2019/1241, u dan bi ksur tal-Artikolu 10(4) u tal-Artikolu 15(2) ta’ dan l-aħħar regolament, peress li l-emenda ta’ dawn ir-regoli kienet taqa’ fuq il-Kummissjoni u mhux fuq il-Kunsill. |
57 |
Barra minn hekk, huwa jenfasizza li l-Kunsill espressament irrikonoxxa, fil-premessa 59 u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 59 tar-Regolament 2021/92, li l-Kummissjoni kellha tadotta l-miżuri tekniċi previsti mill-Artikoli 15 sa 17 ta’ dan ir-regolament. Issa, il-Kunsill bl-ebda mod ma ġġustifika r-raġunijiet għalfejn huwa stess adotta d-dispożizzjonijiet kontenzjużi, minflok il-Kummissjoni. |
58 |
Il-Parlament isostni wkoll li, anki jekk l-adozzjoni tal-miżuri tekniċi li jinsabu fid-dispożizzjonijiet kontenzjużi kienet ġiet iġġustifikata minn sitwazzjoni ta’ emerġenza, il-bażi legali xierqa għal dan il-għan kienet tkun l-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament Nru 1380/2013, li jipprovdu li miżuri ta’ emerġenza jistgħu jiġu adottati kemm mill-Kummissjoni, kif ukoll mill-Istati Membri, iżda mhux mill-Kunsill. |
59 |
Issa, il-Parlament jenfasizza li, fl-assenza ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza, l-Artikolu 8(2) u (3) tar-Regolament 2019/472 jipprevedi li miżuri korrettivi jistgħu jiġu adottati biss mill-Kummissjoni f’atti ddelegati. |
60 |
Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, iqis li l-ewwel motiv ma huwiex fondat. |
– L‑evalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
61 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, att ikun ivvizzjat minn użu ħażin ta’ poter biss jekk, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, jidher li dan ikun ittieħed esklużivament, jew tal-inqas b’mod determinanti, għal finijiet li ma humiex dawk li għalihom il-poter inkwistjoni ngħata jew bil-għan li tiġi evitata proċedura prevista speċjalment mit-Trattati sabiex jiġu affaċjati ċ-ċirkustanzi tal-każ (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2015, Spanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑146/13, EU:C:2015:298, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
62 |
F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk, kif isostni l-Parlament, id-dispożizzjonijiet kontenzjużi ġewx adottati għal finijiet differenti minn dawk li għalihom ingħatat is-setgħa inkwistjoni jew bil-għan li tiġi evitata proċedura prevista speċjalment mit-Trattat FUE sabiex jiġu affaċjati ċ-ċirkustanzi tal-każ. |
63 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet kontenzjużi jaqgħux taħt il-kompetenza tal-Kunsill skont l-Artikolu 43 TFUE, għandu jitfakkar qabelxejn li l-paragrafi 2 u 3 tiegħu għandhom għanijiet differenti u kull wieħed minnhom għandu kamp ta’ applikazzjoni speċifiku, b’tali mod li jistgħu jintużaw separatament bħala bażi għall-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-kuntest tal-PKS (sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2015, Il-Parlament u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑124/13 u C‑125/13, EU:C:2015:790, punt 58). |
64 |
Issa, meta jadotta atti abbażi tal-Artikolu 43(3) TFUE, il-Kunsill għandu jaġixxi b’osservanza tal-limiti tal-kompetenzi tiegħu kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-kuntest ġuridiku diġà stabbilit skont l-Artikolu 43(2) TFUE (sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2015, Il-Parlament u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑124/13 u C‑125/13, EU:C:2015:790, punt 58). |
65 |
Issa għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 43(3) TFUE jipprevedi li l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri dwar l-iffissar tal-prezzijiet, l-imposti, l-għajnuna u l-limitazzjonijiet kwantitattivi, kif ukoll dwar l-iffissar u t-tqassim ta’ opportunitajiet tas-sajd. |
66 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din id-dispożizzjoni tista’ tkopri miżuri li ma jkunux limitati għall-iffissar u għat-tqassim tal-opportunitajiet tas-sajd, sakemm dawn il-miżuri ma jinvolvux għażla politika rriżervata lil-leġiżlatur tal-Unjoni minħabba li jkunu meħtieġa sabiex jintlaħqu għanijiet relatati mal-politika komuni tal-agrikoltura u tas-sajd (sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2015, Il-Parlament u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑124/13 u C‑125/13, EU:C:2015:790, punt 59). |
67 |
F’dan il-każ, fir-rigward, minn naħa, tal-Artikoli 15 sa 17 tar-Regolament 2021/92, mill-premessi 55 sa 58 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-miżuri tekniċi previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan, permezz tat-titjib tas-selettività tal-irkapti tas-sajd, li jikkontribwixxu għar-ripristinament tal-istokkijiet ikkonċernati, bħal fil-każ tal-miżuri korrettivi speċifiċi adottati preċedentement mir-Regolament 2020/123. |
68 |
Barra minn hekk, mill-premessa 56 tar-Regolament 2021/92, kif ukoll mill-premessa 3 tar-Regolament Delegat 2021/2324, kif imfakkar fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-miżuri tekniċi previsti mill-Artikoli 15 sa 17 tar-Regolament 2021/92 huma marbuta fuq il-livell funzjonali mal-livelli tat-TAC ta’ speċijiet fil-mira li jinqabdu fis-sajd imħallat peress li, fl-assenza ta’ tali miżuri, il-livelli ta’ TAC ikollhom jitnaqqsu sabiex jippermettu r-ripristinament tal-istokkijiet ta’ qabdiet inċidentali. |
69 |
Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 20 tar-Regolament 2021/92, għandu jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-projbizzjonijiet tas-sajd li huwa jipprevedi jikkostitwixxu assenzi ta’ opportunitajiet ta’ sajd, li jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu emendati sussegwentement f’opportunitajiet ta’ sajd limitati, skont l-evoluzzjoni tal-istokkijiet tal-ispeċijiet ikkonċernati. |
70 |
Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, b’differenza mill-emendi li kienu saru mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 43(3) TFUE fid-dawl tar-regoli dwar l-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd, li kienu inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2015, Il-Parlament u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑124/13 u C‑125/13, EU:C:2015:790), l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi ma hijiex intiża li tadatta l-mekkaniżmu ġenerali tal-iffissar tat-TACs u tal-limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd sabiex jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-regoli preċedenti u lanqas li jiddefinixxu l-qafas ġuridiku li fih huma stabbiliti dawn it-TACs u l-limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd. |
71 |
Għall-kuntrarju, l-Artikoli 15 sa 17 u 20 tar-Regolament 2021/92 huma distinti mill-portata limitata għal ċirkustanzi partikolari, jiġifieri li l-miżuri li huma jipprevedu huma intiżi sabiex japplikaw għal ċerti tipi ta’ bastimenti, li joperaw f’ċerti żoni biss u li jikkonċernaw biss ċerti tipi ta’ speċijiet, u mill-fatt li dawn huma intiżi li japplikaw b’mod temporanju. Konsegwentement, dawn ma jinvolvux għażla politika rriżervata lil-leġiżlatur tal-Unjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 66 ta’ din is-sentenza. |
72 |
Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet kontenzjużi jaqgħu, bħala prinċipju, taħt il-kompetenza tal-Kunsill skont l-Artikolu 43(3) TFUE. |
73 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-effett tar-Regolamenti Bażiċi fuq din il-kompetenza, għandu jiġi osservat li dawn ir-regolamenti, b’mod iktar preċiż l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2019/472 kif ukoll l-Artikolu 10(4) u l-Artikolu 15 tar-Regolament 2019/1241, jipprevedu proċedura speċifika għall-adozzjoni ta’ miżuri tekniċi mill-Kummissjoni, jiġifieri l-adozzjoni ta’ atti ddelegati skont l-Artikolu 290 TFUE. |
74 |
Madankollu, din is-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni ma tipprekludix lill-Kunsill milli jadotta, abbażi tal-kompetenza tiegħu taħt l-Artikolu 43(3) TFUE, miżuri tekniċi li jikkonċernaw kwistjonijiet simili għal dawk koperti minn dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Bażiċi f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, jiġifieri meta l-Kummissjoni ma tkunx intervjeniet sabiex tadotta hija stess atti ddelegati abbażi tal-imsemmija dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Bażiċi. |
75 |
Fil-fatt, huwa evidenti mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 59 tar-Regolament 2021/92 li l-Artikoli 15 sa 17 kienu intiżi li jieqfu japplikaw malli l-Kummissjoni tadotta att iddelegat wieħed jew iktar dwar l-istess miżuri tekniċi. |
76 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jitqies li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi huma ta’ natura temporanja u li l-Kunsill ma ndaħalx fuq is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta atti ddelegati, iżda pjuttost huwa fittex li jippreżervaha. |
77 |
Din is-setgħa tal-Kummissjoni hija rrikonoxxuta mhux biss fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 59 tar-Regolament 2021/92, iżda wkoll fil-premessa 59 tiegħu, li tindika li l-miżuri tekniċi li l-Kummissjoni tadotta fuq il-bażi tar-Regolament 2019/1241 huma iktar komprensivi u japplikaw b’mod iktar stabbli mill-miżuri tekniċi li jinsabu fid-dispożizzjonijiet kontenzjużi. |
78 |
F’dak li jirrigwarda l-projbizzjoni tas-sajd li tinsab fl-Artikolu 20 tar-Regolament 2021/92, għandu jiġi osservat li, għalkemm l-Artikolu 10(2) tar-Regolament 2019/1241 jinkludi projbizzjoni ta’ sajd simili, din il-projbizzjoni madankollu tkopri speċijiet oħra ta’ ħut u krustaċji. |
79 |
Huwa minnu li l-Artikolu 10 tar-Regolament 2019/1241 jistabbilixxi, fil-paragrafu 4 tiegħu, li l-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti ddelegati sabiex temenda l-lista tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, meta l-aħjar pariri xjentifiċi disponibbli jindikaw li huwa neċessarju li tipproċedi b’dan il-mod. |
80 |
Madankollu, dan l-istess Artikolu 10 tar-Regolament 2019/1241 jindika, fil-paragrafu 2 tiegħu, li, minbarra l-ispeċijiet imsemmija fil-paragrafu 1, “il-bastimenti tal-Unjoni għandhom ikunu pprojbiti milli jistadu, iżommu abbord, jittrasbordaw, iħottu, jaħżnu, jbiegħu, juru jew joffru għall-bejgħ l-ispeċijiet elenkati fl-Anness I jew speċijiet li għalihom is-sajd huwa pprojbit taħt atti legali oħrajn tal-Unjoni.” |
81 |
Issa, hemm lok li jitqies, bħalma jagħmlu l-Kunsill u l-Kummissjoni, li l-“atti legali oħrajn tal-Unjoni” imsemmija fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament 2019/1241 jinkludu, fost oħrajn, ir-regolamenti tal-Kunsill li jistabbilixxu l-opportunitajiet tas-sajd, adottati skont l-Artikolu 43(3) TFUE. |
82 |
Għalhekk, bl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi, il-Kunsill aġixxa fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilu mill-Artikolu 43(3) TFUE u osserva l-kuntest ġuridiku speċifiku stabbilit skont l-Artikolu 43(2) TFUE. |
83 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-elementi tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettux li jiġi kkunsidrat, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, kif teżiġi l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi huma vvizzjati minn użu ħażin ta’ poter, kif allegat mill-Parlament. |
84 |
Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argument tal-Parlament li l-miżuri inklużi fid-dispożizzjonijiet kontenzjużi kellhom jiġu adottati jew bħala miżuri ta’ emerġenza tal-Kummissjoni jew tal-Istati Membri intiżi sabiex tiġi affaċċjata theddida serja għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jew għall-ekosistema tal-baħar, fis-sens tal-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament Nru 1380/2013, jew, fl-assenza ta’ emerġenza, bħala atti ddelegati tal-Kummissjoni, peress li l-Artikolu 8(2) u (3) tar-Regolament 2019/472 jipprevedi biss dawn iż-żewġ possibbiltajiet. |
85 |
Fil-fatt, minn naħa, kif qabel ukoll il-Parlament, id-dispożizzjonijiet kontenzjużi ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-iskop u tal-għan tagħhom, miżuri ta’ emerġenza intiżi sabiex tiġi affaċċjata theddida serja għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, fis-sens tal-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament Nru 1380/2013. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill intervjena u adotta d-dispożizzjonijiet kontenzjużi għall-perijodu provviżorju li matulu l-Kummissjoni kienet għadha ma għamlitx użu mill-possibbiltà l-oħra espressament permessa mill-Artikolu 8(2) u (3) tar-Regolament 2019/472 u, skont dawn id-dispożizzjonijiet, adotta att iddelegat wieħed jew iktar. |
86 |
Kif ġustament sostniet il-Kummissjoni fin-nota ta’ intervent tagħha, il-miżuri korrettivi preċedenti li jinsabu fl-Artikolu 13 tar-Regolament 2020/123 kienu intiżi li jibqgħu fis-seħħ biss sal‑31 ta’ Diċembru 2020. Bl-istess mod, miżuri preċedenti oħra, b’mod partikolari l-projbizzjonijiet tas-sajd ta’ ċerti speċijiet vulnerabbli, komplew, skont l-Artikolu 54 ta’ dan ir-regolament, japplikaw mutatis mutandis matul is-sena 2021 sad-dħul fis-seħħ tar-regolament li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għas-sena 2021, jiġifieri r-Regolament 2021/92. |
87 |
Barra minn hekk, fir-rigward b’mod speċifiku tal-Artikoli 15 sa 17 tar-Regolament 2021/92, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li l-isforzi kienu jiffokaw fuq il-konklużjoni ta’ ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju Unit fuq l-adozzjoni ta’ miżuri tekniċi minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, l-ebda rakkomandazzjoni konġunta, kif meħtieġ mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament 2019/472 u l-Artikolu 15(2) tar-Regolament 2019/1241, ma kienet ġiet ippreżentata kmieni biżżejjed sabiex il-Kummissjoni tadotta att iddelegat fil-bidu tas-sena 2021. Dan il-fatt huwa, barra minn hekk, ikkonfermat mill-premessa 2 tar-Regolament Delegat 2021/2324, li tipprovdi li, għalkemm ir-Renju tal-Belġju, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżentaw l-ewwel rakkomandazzjoni konġunti f’Mejju 2020, huwa biss fl‑14 ta’ Diċembru 2020 li dawn l-Istati Membri ppreżentaw rakkomandazzjoni konġunta rriveduta. |
88 |
Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 89 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi mill-Kunsill kellha l-għan li timla’ lakuna li kieku kienet tibqa’ teżisti għal parti tal‑2021, jekk mhux saħansitra għas-sena kollha. |
89 |
Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud. |
Fuq it‑tieni motiv
– L‑argumenti tal‑partijiet
90 |
Il-Parlament isostni li, billi ma kkonformax ruħu mal-proċeduri previsti fir-Regolamenti Bażiċi għall-adozzjoni tal-miżuri li jinsabu fid-dispożizzjonijiet kontenzjużi, il-Kunsill naqas mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali tiegħu fil-konfront tal-Parlament, bi ksur tal-Artikolu 13(2) TUE. |
91 |
B’mod partikolari, il-Parlament isostni li l-Kunsill kiser il-punt 2 tal-Ftehim interistituzzjonali li jispjega l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali fil-kuntest tal-proċeduri ta’ preparazzjoni u ta’ adozzjoni ta’ testi leġiżlattivi u ta’ atti ddelegati u li huwa ta’ natura vinkolanti għall-partijiet, b’mod partikolari għall-Kunsill u l-Parlament, konformement mal-Artikolu 295 TFUE. |
92 |
L-adozzjoni ta’ miżuri tekniċi abbażi tal-Artikolu 43(3) TFUE, minflok l-adozzjoni ta’ att iddelegat konformement mar-Regolamenti Bażiċi, ipprekludiet lill-Parlament milli jeżerċita l-kontroll tiegħu tal-miżuri meħuda abbażi tal-punt (b) tal-Artikolu 290(2) TFUE u, għalhekk, neħħiet lill-Parlament kull rwol fil-proċess leġiżlattiv. |
93 |
Barra minn hekk, il-Parlament jenfasizza li l-Kunsill ma avżahx bl-intenzjoni tiegħu li jemenda l-proċedura għall-finijiet tal-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi. Huwa jfakkar li l-punt 25 tal-Ftehim interistituzzjonali jistabbilixxi l-obbligu ta’ konsultazzjoni tal-istituzzjonijiet l-oħra fuq bidla fil-bażi legali ta’ natura li tbiddel b’mod kunsiderevoli t-tqassim tas-setgħat fir-rigward tal-adozzjoni ta’ att meta mqabbel ma’ dak li huwa previst skont id-dritt tal-Unjoni. |
94 |
Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob iċ-ċaħda tat-tieni motiv. |
– L‑evalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
95 |
Skont l-Artikolu 13(2) TUE, l-istituzzjonijiet jipprattikaw bejniethom kooperazzjoni leali. Din il-kooperazzjoni leali madankollu għandha tiġi eżerċitata fl-osservanza tal-limiti tas-setgħat mogħtija mit-Trattati lil kull istituzzjoni, b’tali mod li l-obbligu li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni ma huwiex ta’ natura li jbiddel l-imsemmija setgħat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑48/14, EU:C:2015:91, punti 57 u 58). |
96 |
Sabiex isostni, fil-kuntest tat-tieni motiv tiegħu, li l-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali meta adotta d-dispożizzjonijiet kontenzjużi, il-Parlament jibbaża ruħu, essenzjalment, fuq raġunament ibbażat fuq il-premessa li l-Kunsill adotta d-dispożizzjonijiet kontenzjużi bi ksur tar-Regolamenti Bażiċi u, għaldaqstant, billi eċċeda s-setgħat tiegħu mogħtija mit-Trattati. |
97 |
Madankollu, mill-punti 82 u 83 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, bl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi, il-Kunsill aġixxa fil-limiti tas-setgħat li huwa jislet mill-Artikolu 43(3) TFUE u ma wettaqx użu ħażin ta’ poter. |
98 |
Minn dan jirriżulta li l-Parlament ma huwiex fondat li jsostni li l-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE. |
99 |
Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argumenti tal-Parlament ibbażati fuq il-punt 25 tal-Ftehim interistituzzjonali, peress li, kif ġustament sostna l-Kunsill, ir-Regolament 2021/92 ġie adottat fuq l-istess bażi legali bħal dik proposta mill-Kummissjoni, jiġifieri l-Artikolu 43(3) TFUE, b’tali mod li ma kienx hemm bidla tal-bażi legali fis-sens ta’ dan il-punt 25. |
100 |
Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud. |
101 |
Peress li l-ebda wieħed mill-motivi tar-rikors ma ntlaqa’, dan għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq l‑ispejjeż
102 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Parlament tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill. |
103 |
Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż.