SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

5 ta’ Mejju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Rati – Dispożizzjonijiet temporanji għal ċerti servizzi li jinvolvu xogħol intensiv – Anness IV, punt 2 – Rinnovazzjoni u tiswija ta’ akkomodazzjonijiet privati – Applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT għas-servizzi ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni ta’ liftijiet ta’ immobbli residenzjali”

Fil-Kawża C‑218/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Frar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ April 2021, fil-proċedura

Autoridade Tributária e Aduaneira

vs

DSR – Montagem e Manutenção de Ascensores e Escadas Rolantes SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn I. Ziemele, Presidenta tal-Awla, T. von Danwitz u A. Kumin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal DSR – Montagem e Manutenção de Ascensores e Escadas Rolantes SA, minn J. Vilaça da Fonseca, advogado,

għall-Gvern Portugiż, inizjalment minn P. Barros da Costa, L. Inez Fernandes u R. Campos Laires, sussegwentement minn P. Barros da Costa u R. Campos Laires, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Afonso u V. Uher, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Anness IV tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Autoridade Tributária e Aduaneira (l-Awtorità Fiskali u Doganali, il-Portugall) (iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali”) u DSR – Montagem e Manutenção de Ascensores e Escadas Rolantes SA (iktar ’il quddiem “DSR”) dwar ir-rata ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) applikabbli għas-servizzi ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni ta’ liftijiet imwettqa minn din il-kumpannija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-Direttiva dwar il-VAT tinkludi t-Titolu VIII, intitolat “Rati”, li jinkludi l-Kapitolu 2, intitolat “Struttura u livelli ta’ rati”. F’dan il-kapitolu jinstabu, b’mod partikolari, l-Artikoli 96 u 98 ta’ din id-direttiva.

4

L-Artikolu 96 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom japplikaw rata standard ta’ VAT, li għandha tiġi ffissata minn kull Stat Membru bħala persentaġġ ta’ l-ammont taxxabbli u li għandha tkun l-istess għall-provvista ta’ merkanzija u għall-provvista ta’ servizzi.”

5

L-Artikolu 98(1) u (2) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa.

2.   Ir-rati mnaqqsa għandhom japplikaw biss għall-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness III.

[…]”

6

Fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, it-Titolu VIII tad-Direttiva dwar il-VAT kien jinkludi l-Kapitolu 3, intitolat “Dispożizzjonijiet temporanji għal servizzi partikolari li jinvolvu xogħol intensiv”. F’dan il-kapitolu kienu jinsabu, b’mod partikolari, l-Artikoli 106 u 107 ta’ din id-direttiva.

7

L-Artikolu 106 tal-imsemmija direttiva kien jipprevedi:

“Il-Kunsill jista’, billi jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jawtorizza lill-Istati Membri kollha li japplikaw l-aktar tard sal‑31 ta’ Diċembru 2010 r-rati mnaqqsa previsti fl-Artikolu 98 għal servizzi elenkati fl-Anness IV.

Ir-rati mnaqqsa jistgħu jiġu applikati għal servizzi minn mhux aktar minn tnejn mill-kategoriji stabbiliti fl-Anness IV.

F’każi eċċezzjonali, Stat Membru jista’ jiġi awtorizzat li japplika r-rata mnaqqsa għal servizzi minn tlieta minn dawk il-kategoriji.”

8

L-Artikolu 107 tal-istess direttiva kien jipprevedi:

“Is-servizzi msemmija fl-Artikolu 106 għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għandhom jinvolvu xogħol intensiv;

(b)

għandhom fil-biċċa l-kbira jiġu pprovduti direttament lill-konsumaturi aħħarin;

(ċ)

għandhom prinċipalment ikunu lokali u x’aktarx li ma joħolqux distorsjoni fil-kompetizzjoni.

Għandu jkun hemm ukoll rabta mill-qrib bejn it-tnaqqis fil-prezzijiet li jirriżulta mit-tnaqqis tar-rata u ż-żieda prevista fid-domanda u fix-xogħol. L-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa m’għandhiex tippreġudika t-tħaddim bla xkiel tas-suq intern.”

9

L-Anness IV tad-Direttiva dwar il-VAT kien jinkludi l-lista tas-servizzi li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 106 ta’ din id-direttiva. Il-punt 2 ta’ dan l-anness kien ifformulat kif ġej:

“rinovazzjoni u tiswija ta’ djar [akkomodazzjonijiet] privati, għajr il-materjal li jiffurmaw parti sinifikanti mill-valur tas-servizz ipprovdut”.

10

Il-Kapitolu 3 tat-Titolu VIII tad-Direttiva dwar il-VAT kif ukoll l-Anness IV ta’ din id-direttiva tħassru permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/47/KE tal‑5 ta’ Mejju 2009 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar rati mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2009, L 116, p. 18). Min-naħa l-oħra, iddaħħal, permezz tad-Direttiva 2009/47, il-punt 10a fl-Anness III tad-Direttiva dwar il-VAT, u dan l-anness jinkludi l-lista ta’ kunsinni ta’ oġġetti u ta’ provvisti ta’ servizzi li jistgħu jkunu s-suġġett tar-rati mnaqqsa tal-VAT imsemmija fl-Artikolu 98 ta’ din id-direttiva. Il-kontenut ta’ dan il-punt 10a huwa identiku għal dak tal-punt 2 tal-Anness IV preċedenti tad-Direttiva dwar il-VAT.

Id-dritt Portugiż

Il-Kodiċi tal-VAT

11

L-Artikolu 18(1) tal-Código do Imposto sobre o Valor Acrescentado (il-Kodiċi tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-VAT”), kien jipprevedi:

“Ir-rati tat-taxxa huma dawn li ġejjin:

a)

għall-importazzjonijiet, kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi msemmija fil-lista I annessa ma’ dan il-kodiċi, ir-rata hija ta’ 5 %;

[…]

c)

għall-importazzjonijiet, kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi l-oħra, ir-rata hija ta’ 21 %.”

12

Il-punt 2.24 tal-lista I annessa mal-Kodiċi tal-VAT kien jipprevedi:

“Il-kuntratt għal xogħlijiet għal finijiet ta’ titjib, ta’ rikostruzzjoni, ta’ rinnovazzjoni, ta’ restawr, ta’ tiswija u ta’ konservazzjoni ta’ proprjetajiet immobbli u ta’ partijiet awtonomi ta’ proprjetà immobbli għal użu residenzjali, bl-eċċezzjoni tas-servizzi ta’ tindif, ta’ manutenzjoni ta’ spazji ekoloġiċi u ta’ kuntratti għal xogħlijiet li jirrigwardaw proprjetajiet immobbli li jkopru t-totalità jew parti mill-elementi li jikkonsistu f’pixxini, saunas, tennis courts, courts tal-golf jew tal-minigolf u installazzjonijiet simili.

Ir-rata mnaqqsa ma tapplikax għall-materjali inkorporati, sakemm il-valur tagħhom ma jaqbiżx l-20 % tal-valur totali tas-servizz ipprovdut.”

Il-Kodiċi Ċivili

13

Skont l-Artikolu 204 tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili):

“1.   Dawn li ġejjin huma proprjetajiet immobbli:

[…]

e) il-partijiet integrali ta’ proprjetajiet immobbli agrikoli u urbani.

[…]

3.   Hija parti integrali kull proprjetà mobbli marbuta fiżikament mal-proprjetà immobbli b’mod permanenti.”

14

L-Artikolu 1207 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“Il-kuntratt għal xogħlijiet huwa l-kuntratt li permezz tiegħu waħda mill-partijiet tintrabat mal-oħra sabiex twettaq ċertu xogħol, bi prezz.”

15

Skont l-Artikolu 1421(2)(b) tal-imsemmi kodiċi, il-liftijiet huma preżunti bħala partijiet komuni ta’ bini.

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

DSR hija kumpannija attiva fil-manifattura ta’ liftijiet, liftijiet għal ġarr ta’ oġġetti (“service lifts”) u mogħdijiet għall-mixi mobbli (moving walks), u tipprovdi wkoll servizzi ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni ta’ liftijiet.

17

Matul is-sena 2007, hija applikat rata mnaqqsa tal-VAT għas-servizzi ta’ rinnovazzjoni u ta’ tiswija ta’ liftijiet imwettqa minnha, filwaqt li ffatturat il-materjali inkorporati fil-kuntest ta’ dawn is-servizzi bir-rata normali tal-VAT.

18

Wara kontroll fiskali matul is-sena 2011, l-amministrazzjoni fiskali kkonstatat li DSR kienet applikat b’mod żbaljat ir-rata mnaqqsa tal-VAT għal dawn is-servizzi.

19

L-aġġustamenti tat-taxxa mwettqa wara dan il-kontroll fiskali kienu s-suġġett ta’ kontestazzjoni ġudizzjarja mressqa minn DSR quddiem it-Tribunal Administrativo e Fiscal do Porto (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Porto, il-Portugall), li laqgħet din il-kontestazzjoni permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2017. F’dan ir-rigward, dik il-qorti qieset, b’mod partikolari, li l-liftijiet jifformaw parti integrali mill-bini li fih huma installati u li, għalhekk, l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tal-VAT fir-rigward tas-servizzi ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni ta’ tali liftijiet ma hijiex eskluża, bil-kundizzjoni li dawn is-servizzi jitwettqu fil-kuntest ta’ kuntratt għal xogħlijiet u li din ir-rata tiġi applikata biss fuq ix-xogħol.

20

L-amministrazzjoni fiskali ppreżentat rikors kontra s-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2017 quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), il-qorti tar-rinviju.

21

Insostenn tar-rikors tagħha, l-amministrazzjoni fiskali ssostni li, skont il-punt 2.24 tal-lista I annessa mal-Kodiċi tal-VAT, ir-rata mnaqqsa tal-VAT tiġi applikata għal ċerti kuntratti għal xogħlijiet li jirrigwardaw proprjetajiet immobbli għal użu residenzjali, bl-esklużjoni tal-materjali li jikkostitwixxu parti sinjifikattiva mis-servizz ipprovdut. Sabiex tikkjarifika l-kontenut ta’ dan il-punt 2.24, id-Direcção de Serviços do IVA (id-Direttorat tas-Servizzi tal-VAT, il-Portugall) ippubblika ittri‑ċirkulari, li jorbtu lill-amministrazzjoni fiskali.

22

F’dan ir-rigward, mill-ittra‑ċirkulari Nru 30036, tal‑4 ta’ April 2001, jirriżulta li l-espressjoni “immobbli għal użu residenzjali”, li tinsab fl-imsemmi punt 2.24, għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv, peress li r-ratio legis ta’ din id-dispożizzjoni ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li din tapplika għal servizzi ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni ta’ tagħmir li jagħmel parti integrali minn proprjetajiet immobbli. B’dan il-mod, għandha tiġi imposta r-rata normali tal-VAT fuq is-servizzi ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni ta’ liftijiet, mingħajr ma tkun rilevanti, f’dan il-kuntest, id-definizzjoni adottata fl-Artikolu 1421(2)(b) tal-Kodiċi Ċivili, li tinkludi l-liftijiet fil-partijiet komuni ta’ proprjetà immobbli.

23

Barra minn hekk, l-amministrazzjoni fiskali ssostni li l-interpretazzjoni tagħha hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, peress li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mis-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2003, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑384/01, EU:C:2003:264), jirriżulta li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jillimitaw l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT għal aspetti konkreti u speċifiċi ta’ provvista ta’ oġġetti jew ta’ provvista ta’ servizzi, u din il-possibbiltà hija konsistenti mal-prinċipju li l-eżenzjonijiet jew id-derogi għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv.

24

Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT taqa’ taħt qasam armonizzat u li huwa rilevanti, f’dan il-każ, il-punt 2 tal-Anness IV tad-Direttiva dwar il-VAT, li jgħid li rata mnaqqsa tal-VAT tista’ tiġi applikata għar-rinnovazzjoni u għat-tiswija ta’ akkomodazzjonijiet privati, bl-esklużjoni tal-materjali li jirrappreżentaw parti sinjifikattiva tal-valur tas-servizz ipprovdut. Issa, dik il-qorti tesprimi dubji dwar jekk is-servizzi ta’ rinnovazzjoni u ta’ tiswija tal-liftijiet inkwistjoni jaqgħux taħt dan il-punt 2 tal-Anness IV.

25

Skont l-imsemmija qorti, l-aċċettazzjoni tal-perspettiva iktar restrittiva tal-amministrazzjoni fiskali timplika ċ-ċaħda tat-teżi sostnuta fis-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2017, li tgħid li r-rata mnaqqsa tal-VAT hija applikabbli għal ċerti “kuntratti għal xogħlijiet” li jirrigwardaw “proprjetà immobbli”“għal użu residenzjali”, kif dan il-kliem jidher fil-punt 2.24 tal-lista I annessa mal-Kodiċi tal-VAT, interpretat, barra minn hekk, skont dispożizzjonijiet nazzjonali oħra bħall-Artikolu 204(1)(e) u (3), l-Artikolu 1207 jew l-Artikolu 1421(2)(b) tal-Kodiċi Ċivili.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Applikazzjoni tal-punt [2.24] tal-Lista I annessa mal-Código IVA (il-Kodiċi tal-VAT) fis-sens li tinkludi t-tiswija u l-manutenzjoni tal-liftijiet mwettqa mill-impriża msemmija fil-fatti […] b’rata mnaqqsa ta’ VAT, hija konformi mad-dritt tal-Unjoni […], b’mod partikolari mal-Anness IV tad-[Direttiva dwar il-VAT]?

2)

Applikazzjoni ta’ din l-istess dispożizzjoni tal-Kodiċi tal-VAT li tieħu wkoll inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet previsti barra minn hekk fid-dritt nazzjonali – l-Artikoli 1207, 204(1)(e) u (3) u 1421(2)(b) tal-Kodiċi Ċivili (regoli li fihom huma previsti l-kunċetti ta’ kuntratt għal xogħlijiet, ta’ proprjetà immobbli u l-preżunzjoni li l-lift jitqies bħala parti komuni tal-binja taħt sistema ta’ koproprjetà) hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’mod speċifiku mal-Anness IV tad-[Direttiva dwar il-VAT]?”

Fuq id-domandi preliminari

27

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 2 tal-Anness IV tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “rinnovazzjoni u [ta’] tiswija ta’ akkomodazzjonijiet privati”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, is-servizzi ta’ tiswija u ta’ rinnovazzjoni ta’ liftijiet ta’ immobbli residenzjali.

28

Il-punt 2 tal-Anness IV tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-Artikolu 106 ta’ din id-direttiva, kien jawtorizza lill-Istati Membri japplikaw rata mnaqqsa tal-VAT għas-servizzi marbuta “rinnovazzjoni u tiswija ta’ djar [akkomodazzjonijiet] privati, għajr il-materjal li jiffurmaw parti sinifikanti mill-valur tas-servizz ipprovdut”.

29

Fl-assenza ta’ riferiment għad-dritt tal-Istati Membri u ta’ definizzjoni rilevanti fid-Direttiva dwar il-VAT, il-kliem li jinsab fil-punt 2 tal-Anness IV ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat b’mod uniformi u indipendentement mill-klassifikazzjonijiet użati fl-Istati Membri, konformement mat-tifsira normali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintuża u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li huwa jagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, AJPF Caraş‑Severin u DGRFP Timişoara, C‑716/18, EU:C:2020:540, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, BAKATI PLUS, C‑656/19, EU:C:2020:1045, punt 42).

30

Qabelxejn, sa fejn, skont il-punt 2 tal-Anness IV tad-Direttiva dwar il-VAT, ir-rata mnaqqsa tal-VAT ma tapplikax għall-materjali li jirrappreżentaw parti sinjifikattiva tal-valur tas-servizz ipprovdut, biżżejjed jiġi nnotat li dan l-aspett ma huwiex kontroversjali f’dan il-każ, peress li DSR iffatturat bir-rata normali l-materjali kollha inkorporati, u kien biss ix-xogħol li ġie suġġett għar-rata mnaqqsa.

31

Dan premess, mill-formulazzjoni tal-punt 2 tal-Anness IV jirriżulta, minn naħa, li żewġ attivitajiet distinti huma koperti minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri r-rinnovazzjoni u t-tiswija, u, min-naħa l-oħra, li dawn l-attivitajiet għandhom ikunu relatati mal-akkomodazzjonijiet privati.

32

Fir-rigward tal-kelmiet “rinnovazzjoni” u “tiswija”, għandu jiġi rrilevat li dawn jirreferu, rispettivament, għar-restawr ta’ oġġett u r-restawr ta’ oġġett li għandu l-ħsara.

33

Issa, tali servizzi huma kkaratterizzati, b’mod partikolari, min-natura okkażjonali tagħhom, b’tali mod li sempliċi servizzi ta’ manutenzjoni, ipprovduti b’mod regolari u kontinwu, ma jistgħux jitqiesu li jaqgħu taħt il-punt 2 tal-Anness IV tad-Direttiva dwar il-VAT.

34

Fir-rigward tal-espressjoni “akkomodazzjonijiet privati”, għandu jiġi rrilevat li l-kelma “akkomodazzjoni” tindika ġeneralment proprjetà immobbli, jew mobbli, jew parti minnha, intiża għall-abitazzjoni u li għalhekk isservi bħala residenza għal persuna waħda jew iktar. Barra minn hekk, l-aġġettiv “privat” jippermetti li ssir distinzjoni mill-akkomodazzjonijiet mhux privati, bħall-akkomodazzjonijiet għall-persunal jew ukoll il-lukandi.

35

Għaldaqstant, is-servizzi ta’ rinnovazzjoni u ta’ tiswija msemmija fil-punt 2 tal-Anness IV tad-Direttiva dwar il-VAT għandhom jirrigwardaw oġġetti użati għal finijiet ta’ abitazzjoni privata, filwaqt li s-servizzi relatati mal-oġġetti użati għal finijiet oħra, bħal skopijiet kummerċjali, ma humiex koperti minn din id-dispożizzjoni.

36

F’dan il-kuntest, il-Gvern Portugiż isostni, essenzjalment, li l-espressjoni “akkomodazzjoni privata”, sa fejn hija inqas wiesgħa minn espressjonijiet bħal “bini” jew “proprjetà immobbli residenzjali”, tirreferi b’mod individwalizzat għal kull waħda mill-frazzjonijiet awtonomi ta’ proprjetà immobbli effettivament intiżi għall-abitazzjoni, li fuqhom il-proprjetarju jew il-kerrej jeżerċita kontroll totali, u li għandha tiġi distinta mill-ispazji ta’ aċċess komuni ta’ tali proprjetà immobbli. B’dan il-mod, skont din il-perspettiva, is-servizzi ta’ rinnovazzjoni u ta’ tiswija relatati mal-installazzjonijiet kondiviżi, inklużi l-liftijiet, ma jaqgħux taħt il-punt 2 tal-Anness IV tad-Direttiva dwar il-VAT.

37

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, fil-każ ta’ bini residenzjali magħmul minn diversi appartamenti, l-installazzjonijiet kondiviżi huma, bħala regola ġenerali, importanti, jew saħansitra indispensabbli, għall-użu tal-appartamenti individwali.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, fir-rigward ta’ tali proprjetajiet residenzjali, l-installazzjonijiet kondiviżi huma koperti mill-espressjoni “akkomodazzjonijiet privati”, fis-sens tal-punt 2 tal-Anness IV tad-Direttiva dwar il-VAT, b’tali mod li s-servizzi ta’ rinnovazzjoni u ta’ tiswija relatati ma’ dawn l-installazzjonijiet jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni. Bħala tali, il-liftijiet, li jagħmlu parti integrali mill-bini li jiddisponi minnhom, huma inklużi fl-imsemmija installazzjonijiet.

39

Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tal-punt 2 tal-Anness IV tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi konkluż li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni s-servizzi ta’ tiswija u ta’ rinnovazzjoni ta’ liftijiet ta’ immobbli residenzjali, bl-esklużjoni tas-servizzi ta’ manutenzjoni ta’ tali liftijiet.

40

Fir-rigward tal-kuntest li jagħmel parti minnu l-punt 2 tal-Anness IV tad-Direttiva dwar il-VAT, din id-dispożizzjoni, sa fejn tippermetti li tiġi applikata rata mnaqqsa tal-VAT, tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju tal-applikazzjoni tar-rata normali u għalhekk għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Staatssecretaris van Financiën (Rata mnaqqsa tal-VAT għal afrodiżijaċi), C‑331/19, EU:C:2020:786, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Issa, l-interpretazzjoni esposta fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, sa fejn hija bbażata fuq l-importanza tal-installazzjonijiet kondiviżi għall-użu tal-appartamenti individwali ta’ bini residenzjali, hija konformi ma’ dan ir-rekwiżit.

42

Madankollu, għandu jingħad ukoll li, peress li s-servizzi ta’ rinnovazzjoni u ta’ tiswija mwettqa fil-binjiet użati għal finijiet li ma humiex ta’ abitazzjoni għandhom jibqgħu suġġetti għall-applikazzjoni tar-rata normali tal-VAT, għandu jsir tqassim pro rata fil-każ ta’ servizzi ta’ rinnovazzjoni u ta’ tiswija relatati mal-istallazzjonijiet kondiviżi ta’ bini għal użu mħallat, li jinkludu frazzjonijiet intiżi għall-abitazzjoni privata u frazzjonijiet intiżi għal finijiet oħra, bħal skopijiet kummerċjali.

43

L-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza hija konsistenti wkoll mal-għan segwit mill-Anness IV tad-Direttiva dwar il-VAT, peress li mit-titolu tat-Titolu VIII, Kapitolu 3, ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda tnaqqis tal-VAT immirat lejn servizzi li jinvolvu xogħol intensiv, li huwa l-każ tas-servizzi ta’ tiswija u ta’ rinnovazzjoni ta’ liftijiet.

44

Madankollu, kif isostni l-Gvern Portugiż, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jipproċedu għal applikazzjoni selettiva tar-rata mnaqqsa tal-VAT, bil-kundizzjoni, minn naħa, li jiġu iżolati biss, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa, l-aspetti konkreti u speċifiċi tal-kategorija ta’ provvisti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li jiġi osservat il-prinċipju ta’ newtralità fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Regards Photographiques, C‑145/18, EU:C:2019:668, punti 42 u 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

F’dan il-każ, għalkemm hija, fl-aħħar mill-aħħar, il-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali u, għaldaqstant, li teżamina jekk il-leġiżlatur Portugiż ittrasponiex b’mod selettiv il-punt 2 tal-Anness IV tad-Direttiva dwar il-VAT, sa fejn huwa eskluda mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tal-VAT servizzi relatati mal-liftijiet ta’ immobbli residenzjali, ma hemmx xejn fit-test tad-dispożizzjoni nazzjonali li timplimenta dan il-punt 2, jiġifieri l-punt 2.24 tal-lista I annessa mal-Kodiċi tal-VAT, li donnu jindika li dan il-leġiżlatur ipproċeda b’dan il-mod, peress li l-pożizzjoni tal-amministrazzjoni fiskali hija bbażata, bil-kontra, fuq l-interpretazzjoni restrittiva rrakkomandata permezz ta’ struzzjonijiet interni.

46

Issa, peress li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implimentati b’saħħa vinkolanti inkontestabbli, kif ukoll bl-ispeċifiċità, il-preċiżjoni u ċ-ċarezza meħtieġa, Stat Membru ma jistax jinvoka sempliċi prattiki amministrattivi, li min-natura tagħhom jistgħu jinbidlu skont id-diskrezzjoni tal-amministrazzjoni u li humiex ippubblikati b’mod adegwat, sabiex tintwera traspożizzjoni selettiva ta’ dispożizzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT li tawtorizza l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT għal kategorija ta’ servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, SALIX Grundstücks-Vermietungsgesellschaft, C‑102/08, EU:C:2009:345, punti 42 u 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-punt 2 tal-Anness IV tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “rinnovazzjoni u [ta’] tiswija ta’ akkomodazzjonijiet privati” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, is-servizzi ta’ tiswija u ta’ rinnovazzjoni ta’ liftijiet ta’ immobbli residenzjali, bl-esklużjoni tas-servizzi ta’ manutenzjoni ta’ tali liftijiet.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 2 tal-Anness IV tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “rinnovazzjoni u [ta’] tiswija ta’ akkomodazzjonijiet privati” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, is-servizzi ta’ tiswija u ta’ rinnovazzjoni ta’ liftijiet ta’ immobbli residenzjali, bl-esklużjoni tas-servizzi ta’ manutenzjoni ta’ tali liftijiet.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.