SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
4 ta’ Mejju 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata ta’ kuntratt ta’ self li għandu s-saħħa ta’ titolu eżekuttiv – Oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni – Stħarriġ tal-klawżoli inġusti – Prinċipju ta’ effettività – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-qorti tal-eżekuzzjoni tistħarreġ in-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola lil hinn mit-terminu mogħti lill-konsumatur sabiex iressaq oppożizzjoni – Eżistenza ta’ rimedju impreskrittibbli taħt id-dritt ordinarju li jippermetti lill-qorti li tiddeċiedi fil-mertu teżerċita tali stħarriġ u tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata – Kundizzjonijiet li ma jrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni – Rekwiżit ta’ garanzija mill-konsumatur għas-sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni”
Fil-Kawża C‑200/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Frar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Marzu 2021, fil-proċedura
TU,
SU
vs
BRD Groupe Société Générale SA,
Next Capital Solutions Ltd,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn L. S. Rossi, Presidenta tal-Awla, S. Rodin (Relatur) u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal BRD Groupe Société Générale SA, minn M. Avram, avocată, |
– |
għall-Gvern Spanjol, minn M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Greco, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Carpus Carcea u N. Ruiz García, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn TU u SU, minn naħa, u Groupe Société Générale SA (iktar ’il quddiem “BRD”) u Next Capital Solutions Ltd (iktar ’il quddiem “NCS”), min-naħa l-oħra, dwar oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata tal-obbligu ta’ rimbors marbut ma’ kuntratt ta’ self konkluż bejn TU u SU, minn naħa, u BRD, min-naħa l-oħra, b’dan li l-kreditu ta’ din tal-aħħar kien ġie sussegwentement assenjat lil NCS. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
L-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 tistabbilixxi li “l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi”. |
4 |
Skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.” |
5 |
L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.” |
Id‑dritt Rumen
6 |
Il-punt 4 tal-Artikolu 638(1) tal-Legea nr. 134/2010 privind Codul de procedură civilă (il-Liġi Nru 134/2010 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”), jipprovdi: “Huma wkoll titoli eżekuttivi u jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eżekuzzjoni forzata: […] 4. it-titoli ta’ kreditu jew dokumenti oħra li l-liġi tagħtihom saħħa eżekuttiva.” |
7 |
Skont l-Artikolu 638(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili: “Is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tat-titoli previsti fil-punti 2 u 4 tal-paragrafu 1 tista’ wkoll tintalab fil-kuntest ta’ azzjoni fil-mertu intiża għall-annullament tagħhom. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 719 għandhom japplikaw b’analoġija.” |
8 |
L-Artikolu 713(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprovdi: “Jekk l-eżekuzzjoni forzata ssir abbażi ta’ titolu eżekuttiv li ma huwiex deċiżjoni ġudizzjarja, argumenti ta’ fatt u ta’ dritt dwar il-mertu tad-dritt previst fit-titolu eżekuttiv jistgħu jiġu invokati insostenn tal-oppożizzjoni biss jekk il-liġi ma tipprovdi […] ebda rimedju proċedurali speċifiku għall-annullament ta’ dan it-titolu […]” |
9 |
Il-punt 3 tal-Artikolu 715(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili kien jipprovdi: “1. Ħlief meta l-liġi tipprovdi mod ieħor, l-oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata nnifisha tista’ ssir f’terminu ta’ ħmistax-il jum, li jibda jiddekorri b’effett mid-data li fiha: […]
[…]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
10 |
Fix-xahar ta’ Ottubru 2007, TU u SU kkonkludew kuntratt ta’ self ma’ BRD (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ self inkwistjoni”). Fix-xahar ta’ Ġunju 2009, din tal-aħħar assenjat il-kreditu li jirriżulta minn dan il-kuntratt lil IFN Next Capital Finance SA, li, fix-xahar ta’ Awwissu tal-istess sena, assenjat dan il-kreditu lil NCS. |
11 |
Fit‑23 ta’ Frar 2015, NCS adixxiet uffiċjal ġudizzjarju għall-finijiet tal-irkupru forzat tal-imsemmi kreditu mingħand TU, abbażi tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni, li għandu s-saħħa ta’ titolu eżekuttiv fid-dritt Rumen. Dan l-uffiċjal ħareġ, f’dan il-kuntest, ordni għal ħlas lil TU, li tordnalu jħallas ammonti li baqgħu dovuti skont il-kuntratt ta’ self inkwistjoni kif ukoll l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni forzata. Fl-istess jum, l-uffiċjal ordna s-sekwestru tal-assi finanzjarji fuq il-kontijiet miżmuma minn TU f’diversi istituzzjonijiet bankarji. Dawn id-diversi atti ta’ eżekuzzjoni forzata ġew ikkomunikati lill-parti kkonċernata fit‑2 ta’ Marzu 2015. |
12 |
Permezz ta’ att tas‑6 ta’ Marzu 2015, l-uffiċjal ġudizzjarju ħareġ sekwestru fuq is-salarju f’idejn il-persuna li timpjega lil TU. Din il-miżura ġiet ukoll innotifikata lil dan tal-aħħar fit‑13 ta’ Marzu 2015. |
13 |
Fis‑17 ta’ Marzu 2015, TU kkontesta, quddiem l-uffiċjal, l-ammonti li ġew mitluba minnu, u sussegwentement, fil‑5 ta’ Awwissu 2015, talab li jingħata pjan ta’ ħlas maqsum fuq sitt xhur. Sussegwentement, fil‑25 ta’ Mejju 2016, l-uffiċjal ordna mill-ġdid is-sekwestru ta’ parti mis-salarju ta’ TU. |
14 |
Fis‑6 ta’ Diċembru 2018, l-uffiċjal ħareġ ordni ġdida għal ħlas tas-somom li baqgħu dovuti lil NCS, miżjuda bl-ispejjeż tal-eżekuzzjoni, taħt piena tal-qbid tas-sehem fil-proprjetà ta’ TU f’immobbli li jinsab f’Bukarest (ir-Rumanija). |
15 |
Fit‑28 ta’ Diċembru 2018, TU ressaq oppożizzjoni għal din l-eżekuzzjoni forzata quddiem il-Judecătoria sectorului 1 București (il-Qorti tal-Ewwel Istanza tal-Ewwel Distrett ta’ Bukarest, ir-Rumanija), billi invoka l-preskrizzjoni tad-dritt li wieħed jitlob l-eżekuzzjoni forzata. Permezz ta’ sentenza definittiva, mogħtija fit‑18 ta’ April 2019, dik il-qorti kkonstatat in-natura tardiva tal-oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni. |
16 |
Fis‑17 ta’ Frar 2020, TU u SU adixxew lill-imsemmija qorti b’oppożizzjoni ġdida għall-eżekuzzjoni forzata fejn argumentaw in-natura inġusta ta’ żewġ klawżoli tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni, marbuta mal-ġbir, rispettivament, ta’ kummissjoni għal ftuħ ta’ fajl u kif ukoll ta’ kummissjoni ta’ kull xahar għat-trattament u għall-ġestjoni tal-kreditu. Permezz tat-talba tagħhom, TU u SU talbu wkoll l-annullament tal-atti ta’ eżekuzzjoni forzata u l-ħlas lura tas-somom miġbura indebitament minn NCS minħabba n-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli. |
17 |
Insostenn ta’ din l-oppożizzjoni ġdida, TU u SU invokaw id-digriet tas‑6 ta’ Novembru 2019, BNP Paribas Personal Finance SA Paris Sucursala Bucureşti u Secapital (C‑75/19, mhux ippubblikat, EU:C:2019:950), li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi regola tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 713(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li tipprovdi li konsumatur li jkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata ma jkunx jista’, lil hinn minn terminu ta’ ħmistax-il jum dekorribbli min-notifika tal-ewwel atti ta’ din il-proċedura, jinvoka l-eżistenza ta’ klawżoli inġusti f’kuntratt intiż li jiġi eżegwit bil-forza, u dan anki jekk dan il-konsumatur ikollu, skont id-dritt nazzjonali, il-possibbiltà li jressaq azzjoni ġudizzjarja sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ klawżoli inġusti, li l-implimentazzjoni tagħha ma tkun suġġetta għal ebda terminu, iżda li s-soluzzjoni tagħha ma jkollhiex effett fuq ir-riżultat tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, li jista’ jiġi impost fuq il-konsumatur qabel ir-riżultat tal-azzjoni għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ klawżoli inġusti. |
18 |
Permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2020, il-Judecătoria sectorului 1 București (il-Qorti tal-Ewwel Istanza tal-Ewwel Distrett ta’ Bukarest) laqgħet l-eċċezzjoni mqajma minn BRD u NCS, ibbażata fuq in-natura tardiva ta’ din l-oppożizzjoni. Skont dik il-qorti, minkejja li, fid-digriet tas‑6 ta’ Novembru 2019, BNP Paribas Personal Finance SA Paris Sucursala Bucureşti u Secapital (C‑75/19, mhux ippubblikat, EU:C:2019:950), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-konsumatur kellu jkollu l-possibbiltà li jinvoka n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali fil-kuntest ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata tal-kuntratt ikkonċernat, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dan id-dritt ma setax jiġi utilment eżerċitat f’kull żmien, mingħajr ma jkun suġġett għal termini legalment imposti għal dan il-għan. |
19 |
TU u SU appellaw minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija), sabiex din tal-aħħar tirriforma d-deċiżjoni tal-ewwel istanza li laqgħet l-eċċezzjoni bbażata fuq in-natura tardiva tal-imsemmija oppożizzjoni, sa fejn il-motivazzjoni adottata mill-Judecătoria sectorului 1 București (il-Qorti tal-Ewwel Istanza tal-Ewwel Distrett ta’ Bukarest) hija allegatament żbaljata fid-dritt. |
20 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li l-kawża adita biha u dik li wasslet għad-digriet tas‑6 ta’ Novembru 2019, BNP Paribas Personal Finance SA Paris Sucursala Bucureşti u Secapital (C‑75/19, mhux ippubblikata, EU:C:2019:950), huma simili. Mandakollu, hija tistaqsi jekk il-fatt li l-qorti eventwalment adita mill-konsumatur b’azzjoni taħt id-dritt ordinarju għandha l-fakultà li tissospendi l-eżekuzzjoni forzata tal-kuntratt sakemm din l-azzjoni tingħata deċiżjoni, skont kif jirriżulta mill-Artikolu 638(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, huwiex ta’ natura li jaffettwa l-insenjament li joħroġ minn dan id-digriet. |
21 |
Barra minn hekk, fil-każ li dan ma jkunx il-każ u ma jkunx possibbli li r-regoli tad-dritt nazzjonali jiġu interpretati konformement mad-dritt tal-Unjoni, b’mod li l-konsumatur ikun jista’ jressaq oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata lil hinn mit-terminu ta’ ħmistax-il jum billi jeċċepixxi n-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ikkonċernat, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konsegwenzi li hija għandha tiddeduċi minn dan. |
22 |
Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Id-Direttiva [93/13] tipprekludi regola tad-dritt nazzjonali bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 712 et seq. tal-[Kodiċi tal-Proċedura Ċivili], li tipprevedi perijodu ta’ ħmistax-il ġurnata li matulu d-debitur jista’ jikkontesta l-eżekuzzjoni forzata billi jinvoka n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali [tal-kuntratt li jikkostitwixxi] titolu eżekuttiv, sa fejn azzjoni intiża sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ klawżoli inġusti li jinsabu [fil-kuntratt li jikkostitwixxi] titolu eżekuttiv ma hija suġġetta għal ebda terminu u sa fejn, fil-kuntest ta’ azzjoni bħal din, id-debitur għandu l-possibbiltà li jitlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata […] skont l-Artikolu 638(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili?” |
Fuq id‑domanda preliminari
23 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 93/13 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-qorti tal-eżekuzzjoni, adita, lil hinn mit-terminu ta’ ħmistax-il jum mogħti minn din id-dispożizzjoni, b’oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata ta’ kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, li jikkostitwixxi titolu eżekuttiv, tevalwa, ex officio jew fuq it-talba tal-konsumatur, in-natura abbużiva tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt, meta dan il-konsumatur għandu wkoll il-possibbiltà li jressaq azzjoni fil-mertu li tippermettilu jitlob lill-qorti adita b’din l-azzjoni li tagħmel tali stħarriġ u li tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata sakemm l-imsemmija azzjoni tiġi konkluża, skont dispożizzjoni oħra ta’ dan id-dritt nazzjonali. |
24 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema ta’ protezzjoni implimentata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħ jew tal-fornitur kemm fir-rigward tas-setgħa ta’ negozjati kif ukoll fir-rigward tal-livell ta’ informazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
25 |
Fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi. Din hija dispożizzjoni imperattiva li hija intiża li tissostitwixxi l-bilanċ formali stabbilit mill-kuntratt bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejniethom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punti 53 u 55, kif ukoll tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 41). |
26 |
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat diversi drabi li l-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, meta tagħmel dan, għandha tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur, meta jkollha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan (sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980 punt 58; kif ukoll tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 43). |
27 |
Barra minn hekk, id-Direttiva 93/13 teżiġi mill-Istati Membri, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tagħha, moqri flimkien mal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, li jipprevedu mezzi adegwati u effettivi sabiex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2019:537, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
28 |
Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddefinixxiet, diversi drabi u b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) kif ukoll tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, il-mod li bih il-qorti nazzjonali għandha tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet li l-konsumaturi jisiltu minn din id-direttiva, xorta jibqa’ l-fatt li, bħala prinċipju, id-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax il-proċeduri applikabbli għall-eżami tan-natura allegatament inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, u li dawn jaqgħu, għaldaqstant, taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jagħmlux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2019:537, punti 45 u 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jimplika, fir-rigward tad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, affermat mill-ġdid fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva u stabbilit wkoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li japplika, fost oħrajn, għad-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali relatati mal-azzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq tali drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
30 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fil-każ li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata twassal qabel ma tingħata d-deċiżjoni tal-qorti li tiddeċiedi fil-mertu li tiddikjara n-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali li tat lok għal din l-eżekuzzjoni forzata u, konsegwentement, in-nullità ta’ din il-proċedura, din id-deċiżjoni tippermetti biss li jiġi żgurat lill-imsemmi konsumatur protezzjoni ta’ kumpens a posteriori, li tirriżulta li hija inkompleta u insuffiċjenti u li ma tikkostitwixxix mezz la adegwat u lanqas effikaċi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ din l-istess klawżola, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 (digriet tas‑6 ta’ Novembru 2019, BNP Paribas Personal Finance SA Paris Sucursala București u Secapital, C‑75/19, mhux ippubblikat, EU:C:2019:950, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
B’hekk, fil-punt 34 tad-digriet tas‑6 ta’ Novembru 2019, BNP Paribas Personal Finance SA Paris Sucursala Bucureşti u Secapital (C‑75/19, mhux ippubblikat, EU:C:2019:950), li għalih tirreferi l-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi regola tad-dritt nazzjonali li abbażi tagħha konsumatur li jkun iffirma kuntratt ta’ self mingħand istituzzjoni ta’ kreditu u li kontra tiegħu dan il-fornitur ta’ kreditu jkun ta bidu għal proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata jkun prekluż, lil hinn minn terminu ta’ ħmistax-il jum dekorribbli min-notifika tal-ewwel atti ta’ din il-proċedura, milli jinvoka l-eżistenza ta’ klawżoli inġusti sabiex jopponi l-imsemmija proċedura, u dan anki jekk dan il-konsumatur ikollu, skont id-dritt nazzjonali, il-possibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ klawżoli inġusti, li l-użu tagħha ma jkun suġġett għal ebda terminu, iżda s-soluzzjoni tagħha ma taffettwax dik li tirriżulta mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, li tista’ tiġi imposta fuq il-konsumatur qabel ma tiġi konkluża l-azzjoni għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ klawżoli inġusti. |
32 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk din l-interpretazzjoni hijiex valida wkoll fil-każ fejn il-qorti adita bl-azzjoni fil-mertu jkollha l-kompetenza li tissospendi l-eżekuzzjoni forzata. |
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-possibbiltà, għall-konsumatur, li jressaq quddiem il-qorti li tiddeċiedi fil-mertu azzjoni taħt id-dritt ordinarju intiża sabiex tiġi mistħarrġa n-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt li jkun qiegħed jiġi eżegwit bil-forza li fil-kuntest tagħha jista’ jikseb minn din il-qorti s-sospensjoni ta’ din l-eżekuzzjoni, tista’, bħala prinċipju, tilqa’ għar-riskju li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata tintemm qabel tintemm l-azzjoni għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ klawżoli inġusti. |
34 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, wara li tressqet il-preżenti talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Impuls Leasing România (C‑725/19, EU:C:2022:396). Fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, hija qieset li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-qorti tal-eżekuzzjoni, adita b’oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata, tevalwa, ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, in-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur li jikkostitwixxi titolu eżekuttiv, meta l-qorti li tiddeċiedi fil-mertu, li tkun tista’ tiġi adita b’azzjoni distinta taħt id-dritt ordinarju sabiex tiġi eżaminata n-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli ta’ tali kuntratt, tista’ tissospendi l-proċedura ta’ eżekuzzjoni sakemm tiddeċiedi fil-mertu fil-każ biss li titħallas garanzija li l-livell tal-ammont tagħha jista’ jiskoraġġixxi lill-konsumatur milli jressaq u jżomm tali azzjoni. |
35 |
Mistoqsija dwar iż-żamma ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari fid-dawl ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju indikat li din is-sentenza kienet tinkludi risposta għal domanda simili, dwar problema ta’ dritt identika. |
36 |
Ċertament, fil-kawża prinċipali li wasslet għas-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Impuls Leasing România (C‑725/19, EU:C:2022:396), il-qorti adita bl-oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata ma kellhiex il-possibbiltà li tistħarreġ in-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt li kien jikkostitwixxi l-bażi ta’ din l-eżekuzzjoni, filwaqt li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża li wasslet għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, dik il-qorti għandha din il-possibbiltà, iżda sakemm tkun ġiet adita f’terminu ta’ ħmistax-il jum, li l-iskadenza tiegħu tipprekludi lill-konsumatur milli jaġixxi. Fi kwalunkwe każ, fiż-żewġ kawżi ineżami, il-mistoqsija essenzjali hija dik dwar jekk il-possibbiltà, għall-konsumatur, li jressaq azzjoni fil-mertu li fil-kuntest tagħha huwa jista’ jitlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata hijiex, fid-dawl tal-modalitajiet ta’ tali sospensjoni, ta’ natura li tiżgura l-effettività tal-protezzjoni meħtieġa mid-Direttiva 93/13. |
37 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li tali sospensjoni hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 719 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Il-kuntest proċedurali jidher, f’dan ir-rigward, li huwa identiku għal dak previst fil-punt 57 tas-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Impuls Leasing România (C‑725/19, EU:C:2022:396), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fil-każ ta’ azzjoni distinta quddiem il-qorti li tiddeċiedi fil-mertu, il-konsumatur li jitlob is-sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata huwa marbut li jipprovdi garanzija li hija kkalkolata fuq il-bażi tal-valur tas-suġġett tal-azzjoni. Il-kontenut tal-Artikolu 719 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, kif riprodott fl-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, huwa ta’ natura li jikkonferma din il-konstatazzjoni. |
38 |
Għandu għalhekk jiġi rrilevat li, fil-punt 58 tas-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Impuls Leasing România (C‑725/19, EU:C:2022:396), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-ġurisprudenza li tipprovdi li l-ispejjeż li azzjoni ġudizzjarja tinvolvi b’paragun mal-ammont tad-dejn ikkontestat ma għandhomx ikunu ta’ natura li jiskoraġġixxu lill-konsumatur milli jadixxi lill-qorti sabiex tiġi eżaminata n-natura potenzjalment inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali. Fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, hija kkonstatat li huwa probabbli li debitur inadempjenti ma jkollux ir-riżorsi finanzjarji neċessarji sabiex jikkostitwixxi l-garanzija meħtieġa. |
39 |
Għaldaqstant, għandu jitqies li l-possibbiltà li l-konsumatur għandu sabiex iressaq, mingħajr ma jkun marbut li josserva terminu, azzjoni fil-mertu li fil-kuntest tagħha huwa jkun jista’ jitlob is-sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata permezz tal-kostituzzjoni ta’ garanzija ma hijiex ta’ natura li tiżgura l-effettività tal-protezzjoni meħtieġa mid-Direttiva 93/13 jekk il-livell tal-ammont meħtieġ għall-kostituzzjoni ta’ din il-garanzija jista’ jiskoraġġixxi lil dan il-konsumatur milli jressaq u jżomm tali azzjoni, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. |
40 |
Fir-rigward tal-kumplament, il-qorti tar-rinviju indikat li kien għad għandha interess fir-rigward tal-parti mit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, imsemmija fil-punti 23 u 24 tagħha, dwar l-attitudni li għandha tiġi adottata mill-qorti nazzjonali fil-każ li jkun impossibbli għaliha li tagħti lid-dritt nazzjonali interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni. |
41 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, fin-nuqqas tal-possibbiltà li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi interpretata u applikata b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 93/13, il-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jeżaminaw ex officio jekk id-dikjarazzjonijiet miftiehma bejn il-partijiet ikunux ta’ natura inġusta, billi ma japplikawx, jekk meħtieġ, id-dispożizzjonijiet jew il-ġurisprudenza nazzjonali kollha li jipprekludu tali eżami (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Profi Credit Polska, C‑419/18 u C‑483/18, EU:C:2019:930, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
Minn dan isegwi li għad-domanda magħmula għandha tingħata r-risposta li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li ma tippermettix lill-qorti tal-eżekuzzjoni, adita, lil hinn mit-terminu ta’ ħmistax-il jum stabbilit minn din id-dispożizzjoni, b’oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata ta’ kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, li jikkostitwixxi titolu eżekuttiv, tevalwa, ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, in-natura abbużiva tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt, meta dan il-konsumatur ikollu wkoll il-possibbiltà ta’ azzjoni fil-mertu li tippermettilu jitlob lill-qorti adita b’din l-azzjoni twettaq tali stħarriġ u tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata sakemm din l-azzjoni tiġi konkluża, konformement ma’ dispożizzjoni oħra ta’ dan id-dritt nazzjonali, fejn din is-sospensjoni tkun possibbli biss permezz tal-ħlas ta’ garanzija li l-ammont tagħha jista’ jiddisswadi lill-konsumatur milli jressaq u jżomm tali azzjoni, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. Fin-nuqqas li tkun tista’ tinterpreta u tapplika l-leġiżlazzjoni nazzjonali skont ir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva, il-qorti nazzjonali adita b’oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata ta’ tali kuntratt għandha l-obbligu li teżamina ex officio jekk il-klawżoli tiegħu jkunux ta’ natura inġusta, billi ma tapplikax, jekk meħtieġ, kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li tipprekludi tali eżami. |
Fuq l‑ispejjeż
43 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur |
għandha tiġi interpretata fis-sens li: |
tipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li ma tippermettix lill-qorti tal-eżekuzzjoni, adita, lil hinn mit-terminu ta’ ħmistax-il jum stabbilit minn din id-dispożizzjoni, b’oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata ta’ kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, li jikkostitwixxi titolu eżekuttiv, tevalwa, ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, in-natura abbużiva tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt, meta dan il-konsumatur ikollu wkoll il-possibbiltà ta’ azzjoni fil-mertu li tippermettilu jitlob lill-qorti adita b’din l-azzjoni twettaq tali stħarriġ u tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata sakemm din l-azzjoni tiġi konkluża, konformement ma’ dispożizzjoni oħra ta’ dan id-dritt nazzjonali, fejn din is-sospensjoni tkun possibbli biss permezz tal-ħlas ta’ garanzija li l-ammont tagħha jista’ jiddisswadi lill-konsumatur milli jressaq u jżomm tali azzjoni, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. Fin-nuqqas li tkun tista’ tinterpreta u tapplika l-leġiżlazzjoni nazzjonali skont ir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva, il-qorti nazzjonali adita b’oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata ta’ tali kuntratt għandha l-obbligu li teżamina ex officio jekk il-klawżoli tiegħu jkunux ta’ natura inġusta, billi ma tapplikax, jekk meħtieġ, kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li tipprekludi tali eżami. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.