SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
27 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt tat-trade marks – Regolament (UE) 2017/1001 – Artikolu 15(2) – Direttiva (UE) 2015/2436 – Artikolu 15(2) – Eżawriment tad-drittijiet mogħtija mit-trade mark – Ċilindri li fihom dijossidu tal-karbonju – Tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni fi Stat Membru mill-proprjetarju tat-trade mark – Attività ta’ rivenditur li tikkonsisti fil-mili u fit-tikkettar mill-ġdid taċ-ċilindri – Oppożizzjoni mressqa mill-proprjetarju tat-trade mark – Raġunijiet leġittimi sabiex tiġi opposta kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti li jkollhom fuqhom it-trade mark”
Fil-Kawża C‑197/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Marzu 2021, fil-proċedura
Soda-Club (CO2) SA,
SodaStream International BV
vs
MySoda Oy
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn E. Regan, President tal-Awla, D. Gratsias, M. Ilešič (Relatur), I. Jarukaitis u Z. Csehi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Soda-Club (CO2) SA u SodaStream International BV, minn J. Bonsdorf, H. Pohjola u B. Rapinoja, asianajajat, |
– |
għal MySoda Oy, minn H.‑M. Elo u E. Hodge, asianajajat, |
– |
għall-Gvern Finlandiż, minn S. Hartikainen, A. Laine u H. Leppo, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn É. Gippini Fournier, M. Huttunen u T. Sevón, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Mejju 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 207/2009”), tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1), tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25), u tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 110, p. 5). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Soda‑Club (CO2) SA u SodaStream International BV (iktar ’il quddiem, flimkien, “SodaStream”) u, min-naħa l-oħra, MySoda Oy, dwar allegata vjolazzjoni tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea u tat-trade marks nazzjonali SODASTREAM u Soda-Club li tal-ewwel huma l-proprjetarji tagħhom. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Nru 207/2009
3 |
L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “L-eżawriment tad-drittijiet li jirriżultaw minn trademark tal-UE”, kien jipprovdi: “1. Trademark tal-UE ma għandhiex tintitola lill-proprjetarju li jipprojbixxi l-użu tagħha fir-rigward ta’ oġġetti li jkunu tqiegħdu fis-suq fiż-Żona Ekonomika Ewropea [(ŻEE)] taħt dik it-trademark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu. 2. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika meta l-proprjetarju jkollu raġunijiet leġittimi biex jopponi li l-prodotti jkomplu jiġu kumerċjalizzati, speċjalment meta l-kundizzjoni tal-prodotti tinbidel jew issirilha l-ħsara wara li jitqiegħdu fis-suq.” |
Ir-Regolament 2017/1001
4 |
Ir-Regolament 2017/1001, li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 207/2009 b’effett mill‑1 ta’ Ottubru 2017, jinkludi l-Artikolu 9, intitolat “Drittijiet mogħtija minn trademark tal-UE”, li huwa fformulat kif ġej: “1. Ir-reġistrazzjoni tat-trademark tal-UE għandha tagħti drittijiet esklużivi lill-proprjetarju. 2. Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ proprjetarji li jkunu nkisbu qabel id-data tal-applikazzjoni jew id-data ta’ prijorità tat-trademark tal-UE, il-proprjetarju ta’ dik it-trademark tal-UE għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi kull parti terza, li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu, li tuża, fil-proċess normali tan-negozju, marbut mal-oġġetti jew servizzi, kwalunkwe sinjal fejn:
3. Dawn li ġejjin, b’mod partikolari, jistgħu jiġu pprojbiti skont il-paragrafu 2: […]
[…]”. |
5 |
L-Artikolu 15 tar-Regolament 2017/1001, intitolat “L-eżawriment tad-drittijiet li jirriżultaw minn trademark tal-UE”, jistabbilixxi: “1. Trademark tal-UE ma għandhiex tintitola lill-proprjetarju li jipprojbixxi l-użu tagħha fir-rigward ta’ oġġetti li jkunu tqiegħdu fis-suq fiż-[ŻEE] taħt dik it-trademark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu. 2. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika meta l-proprjetarju jkollu raġunijiet leġittimi biex jopponi li l-prodotti jkomplu jiġu kumerċjalizzati, speċjalment meta l-kundizzjoni tal-prodotti tinbidel jew issirilha l-ħsara wara li jitqiegħdu fis-suq.” |
Id-Direttiva 2008/95
6 |
L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/95, intitolat “Eżawriment tad-drittijiet mogħtija minn trade mark”, kien jipprevedi: “1. It-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi l-użu tagħha relattivament għal merkanzija li tqiegħdet fis-suq fil-Komunità taħt dik it-trade mark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu. 2. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika fejn jeżistu raġunijiet leġittimi għall-proprjetarju sabiex jopponi aktar kummerċjalizzazzjoni tal-merkanzija, speċjalment fejn il-kondizzjoni tal-merkanzija tkun mibdula jew danneġġata wara li tqiegħdet fis-suq.” |
7 |
Id-Direttiva 2008/95 tħassret, b’effett mill‑15 ta’ Jannar 2019, bid-Direttiva 2015/2436. |
Id-Direttiva 2015/2436
8 |
L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2015/2436, intitolat “Drittijiet mogħtija minn trade mark”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu: “1. Ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tagħti lill-proprjetarju drittijiet esklużivi b’rabta magħha. […] 3. Dawn li ġejjin, b’mod partikolari, jistgħu jiġu pprojbiti taħt il-paragrafu 2: […]
[…]” |
9 |
L-Artikolu 15 tad-Direttiva 89/104, intitolat “Eżawriment tad-drittijiet mogħtija minn trade mark”, huwa fformulat kif ġej: “1. Trade mark ma għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi l-użu tagħha fir-rigward ta’ oġġetti li tqiegħdu fis-suq fl-Unjoni taħt dik it-trade mark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tal-proprjetarju. 2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika meta l-proprjetarju jkollu raġunijiet leġittimi biex jopponi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-oġġetti, speċjalment meta l-kondizzjoni tal-oġġetti tinbidel jew issirilha l-ħsara wara li t-tqegħid tal-oġġetti fis-suq.” |
Id-dritt Finlandiż
10 |
Fid-dritt Finlandiż, l-eżawriment tad-drittijiet mogħtija minn trade mark huwa s-suġġett tal-Artikolu 9 tat-tavaramerkkilaki (544/2019) (il-Liġi dwar it-Trade Marks (544/2019)), tas‑26 ta’ April 2019, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Mejju 2019. Din id-dispożizzjoni tipprevedi, fil-paragrafu 1 tagħha, li l-proprjetarju tat-trade mark ma jistax jipprojbixxi l-użu tat-trade mark tiegħu fuq prodotti li jkunu tqiegħdu fis-suq fiż-ŻEE, taħt din it-trade mark, mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu. Minkejja dan il-paragrafu 1, il-paragrafu 2 tal-imsemmija dispożizzjoni jispeċifika li l-proprjetarju tat-trade mark jista’ jopponi l-użu tagħha fuq prodotti meta dan il-proprjetarju jkollu raġunijiet leġittimi sabiex jopponi offerta jew għal kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti. B’mod partikolari, il-proprjetarju tat-trade mark jista’ jopponi l-użu tagħha meta l-istat tal-prodotti jkun inbidel jew meta l-kwalità tagħhom tkun iddegradat wara t-tqegħid fis-suq tagħhom. |
11 |
L-Artikolu 10a tat-tavaramerkkilaki (1715/1995) (il-Liġi dwar it-Trade Marks (1715/1995)), li kienet fis-seħħ tal‑31 ta’ Awwissu 2016, u mbagħad l-Artikolu 8 tat-tavaramerkkilaki (616/2016) [(il-Liġi dwar it-Trade Marks (616/2016)), li kienet fis-seħħ sat‑30 ta’ April 2019, kienu jikkorrispondu, essenzjalment, għall-Artikolu 9 tal-Liġi dwar it-Trade Marks (544/2019), li hija applikabbli b’effett mill‑1 ta’ Mejju 2019. |
It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12 |
SodaStream, impriża multinazzjonali, timmanifattura u tbigħ apparat ta’ karbonazzjoni li jippermetti lill-konsumaturi jippreparaw, mill-ilma tal-vit, ilma bil-gass u xarbiet bil-gass aromatizzati. Fil-Finlandja, SodaStream tikkummerċjalizza dan l-apparat flimkien ma’ ċilindru li jista’ jerġa’ jimtela tad-dijossidu tal-karbonju li hija tipproponi wkoll għall-bejgħ b’mod separat. Il-kumpanniji li jikkostitwixxu SodaStream huma l-proprjetarji tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea u tat-trade marks nazzjonali SODASTREAM u SODA-CLUB. Dawn it-trade marks jinsabu fuq it-tikkettar u huma mnaqqxa fuq il-korp tal-aluminju ta’ dawn iċ-ċilindri. |
13 |
MySoda, kumpannija li għandha s-sede tagħha fil-Finlandja, tikkummerċjalizza f’dan l-Istat Membru apparat ta’ karbonazzjoni għal xarbiet taħt it-trade mark MySoda f’imballaġġ li normalment ma jinkludix ċilindru tad-dijossidu tal-karbonju. Sa minn Ġunju 2016, MySoda toffri għall-bejgħ ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju mimlija fil-Finlandja, li huma kompatibbli kemm mal-apparat ta’ karbonazzjoni tagħha kif ukoll ma’ dak ta’ SodaStream. Uħud minn dawn iċ-ċilindri kienu inizjalment tqiegħdu fis-suq minn SodaStream. |
14 |
Wara li tirċievi, permezz ta’ distributuri, iċ-ċilindri ta’ SodaStream li jkunu ġew irritornati vojta minn konsumaturi, MySoda timlihom bid-dijossidu tal-karbonju. Hija tissostitwixxi t-tikketti oriġinali bit-tikketti tagħha stess, filwaqt li tħalli viżibbli t-trade marks ta’ SodaStream mnaqqxa fuq il-korp taċ-ċilindri. |
15 |
B’hekk, MySoda tuża żewġ tikketti differenti. Fuq l-ewwel waħda, ta’ kulur roża, jidhru, b’tipa kbira, il-logo ta’ MySoda u l-kliem “Dijossidu tal-karbonju Finlandiż għat-tagħmir tal-karbonazzjoni”, u, b’tipa żgħira, l-isem ta’ MySoda bħala l-kumpannija li mliet iċ-ċilindru kif ukoll riferiment għas-sit internet tagħha għal iktar informazzjoni. Fuq it-tieni tikketta, ta’ kulur abjad, jidhru l-kliem “dijossidu tal-karbonju” b’ittri kapitali, f’ħames lingwi differenti, u, fost l-informazzjoni dwar il-prodott, miktuba b’tipa żgħira, l-isem ta’ MySoda bħala l-kumpannija li mliet iċ-ċilindru kif ukoll dikjarazzjoni li din tal-aħħar ma għandha ebda kuntatt mal-fornitur oriġinali taċ-ċilindru jew mal-kumpannija tiegħu jew mat-trade mark ippreżentata li jidhru fuq iċ-ċilindru. Barra minn hekk, din it-tikketta tinkludi riferiment għas-sit internet ta’ MySoda għal iktar informazzjoni. |
16 |
SodaStream ippreżentat, quddiem il-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi, il-Finlandja), rikors intiż sabiex jiġi kkonstatat li MySoda vvjolat, fil-Finlandja, it-trade marks SODASTREAM u SODACLUB billi kkummerċjalizzat u biegħet ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju mimlija mill-ġdid li kellhom fuqhom dawn it-trade marks mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarji tagħhom. |
17 |
SodaStream sostniet li l-prattika ta’ MySoda tinterferixxi sostanzjalment mad-drittijiet mogħtija mill-imsemmija trade marks u tippreżenta probabbiltà sinjifikattiva ta’ konfużjoni fost il-pubbliku kkonċernat fir-rigward tal-oriġini taċ-ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju billi toħloq l-impressjoni falza li teżisti relazzjoni, kummerċjali jew ekonomika, bejn SodaStream u MySoda. |
18 |
SodaStream enfasizzat, barra minn hekk, li ċ-ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju mibjugħa fis-suq Finlandiż ma humiex kollha tal-istess kwalità jew ma għandhomx kollha l-istess karatteristiċi. Ir-rivendituri li jimlew iċ-ċilindri tat-trade mark SodaStream mingħajr awtorizzazzjoni ma għandhomx neċessarjament il-konoxxenza u l-għarfien meħtieġa sabiex jiggarantixxu li dawn iċ-ċilindri jintużaw u jiġu ttrattati b’mod sigur u korrett. SodaStream ma tistax tinżamm responsabbli għad-danni kkawżati minn ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju mimlija mill-ġdid minn dawn ir-rivendituri. |
19 |
MySoda wieġbet li bidla ta’ tikketta ma tippreġudikax il-funzjoni tat-trade mark li hija li tindika l-oriġini taċ-ċilindru peress li l-pubbliku rilevanti għandu jifhem li t-tikkettar jindika biss l-oriġini tad-dijossidu tal-karbonju u l-identità tar-rivenditur li mela mill-ġdid iċ-ċilindru li l-oriġini tiegħu hija mnaqqxa fuq il-korp tiegħu. |
20 |
Permezz ta’ sentenza interlokutorja tal‑5 ta’ Settembru 2019, il-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) laqgħet parzjalment it-talbiet ta’ SodaStream. F’dan ir-rigward hija bbażat ruħha fuq is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2011, Viking Gas (C‑46/10, EU:C:2011:485). |
21 |
Din il-qorti tal-ewwel istanza qieset li ma kienx ġie stabbilit li l-prattika ta’ MySoda tbiddel jew tiddegrada ċ-ċilindru tad-dijossidu tal-karbonju jew il-kontenut tiegħu, jew li din il-prattika tippreġudika r-reputazzjoni ta’ SodaStream minħabba r-riskji għas-sigurtà tal-prodotti tagħha, u lanqas li din il-prattika kkawżat dannu li jagħti lil SodaStream raġuni leġittima sabiex topponi din il-prattika. Fir-rigward tat-tikketti bojod, l-imsemmija qorti qieset li dawn ma ħolqux impressjoni żbaljata fir-rigward tar-rabta ekonomika bejn MySoda u SodaStream. Għall-kuntrarju, hija ddeċidiet li l-użu tat-tikketti roża seta’ joħloq, fi ħdan konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent, l-impressjoni li kienet teżisti tali rabta. Għaldaqstant, l-istess qorti qieset li l-użu ta’ dawn it-tikketti roża jiġġustifika li SodaStream topponi l-prattika ta’ MySoda. |
22 |
SodaStream u MySoda ġew awtorizzati jippreżentaw appelli minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja). |
23 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva, qabel kollox, li d-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix regoli ddettaljati dwar il-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ raġunijiet leġittimi li jiġġustifikaw li l-proprjetarju tat-trade mark jopponi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti wara li jkun tqiegħdu fis-suq. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħtix risposti ċari għad-domandi mqajma fit-tilwima fil-kawża prinċipali. |
24 |
L-ewwel, skont il-qorti tar-rinviju, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma joħroġx b’mod ċar jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1996, Bristol-Myers Squibb et (C‑427/93, C‑429/93 u C‑436/93, EU:C:1996:282), japplikawx għall-ippakkjar mill-ġdid ta’ prodotti kkummerċjalizzati fl-istess Stat Membru. It-tieni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-sostituzzjoni tat-tikketta tal-proprjetarju tat-trade mark b’tikketta ġdida għandhiex titqies bħala ppakkjar mill-ġdid fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija għandha dubju dwar l-importanza li għandha tingħata lill-fatt li, fit-tilwima fil-kawża prinċipali, il-prodott ikkonċernat huwa kompost, minn naħa, miċ-ċilindru li ġej mill-proprjetarju tat-trade mark u, min-naħa l-oħra, mid-dijossidu tal-karbonju li ġej mir-rivenditur. Ma jidhirx b’mod ċar jekk, f’dan ir-rigward, huwiex determinanti li l-pubbliku rilevanti għandu jifhem li t-tikketta tindika biss l-oriġini tad-dijossidu tal-karbonju, peress li l-oriġini taċ-ċilindru hija identifikata permezz tat-trade mark imnaqqxa fuq il-korp tiegħu. |
25 |
Il-qorti tar-rinviju tqis, sussegwentement, li l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali huma differenti miċ-ċirkustanzi li wasslu għall-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2011, Viking Gas (C‑46/10, EU:C:2011:485). Fil-fatt, f’din il-kawża tal-aħħar, it-trade marks imqiegħda fuq ċilindri tal-gass la kienu jitneħħew u lanqas ma kienu jiġu mgħottija, u dan kien iwassal sabiex jiġi eskluż li l-istat taċ-ċilindri kien inbidel billi nħbiet l-oriġini tagħhom. F’dan il-każ, ir-rivenditur issostitwixxa t-tikketta oriġinali bit-tikketta tiegħu li tkopri l-parti l-kbira tal-wiċċ taċ-ċilindru, filwaqt li ħalla tidher it-trade mark oriġinali mnaqqxa fuq il-parti ta’ fuq taċ-ċilindru. |
26 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, jekk is-sostituzzjoni tat-tikketta oriġinali għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1996, Bristol-Myers Squibb et (C‑427/93, C‑429/93 u C‑436/93, EU:C:1996:282), il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tindikax b’mod ċar jekk, fl-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar il-ħtieġa ta’ tali sostituzzjoni, għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu intenzjonat tal-prodotti inkwistjoni u, jekk ikun il-każ, b’liema mod. Il-fatt li ċ-ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju huma intiżi li jintużaw mill-ġdid u li jimtlew mill-ġdid diversi drabi huwa ta’ natura li jbiddel l-istat tat-tikketti oriġinali. Dik il-qorti tixtieq tkun taf jekk il-fatt li t-tikketta oriġinali mqiegħda mill-proprjetarju tat-trade mark titqatta’ jew tinqala’, jew il-fatt li rivenditur ikun issostitwixxa din it-tikketta oriġinali bit-tikketta tiegħu stess, jistgħux jitqiesu li huma ċirkustanzi li jiġġustifikaw li l-bidla jew is-sostituzzjoni tat-tikketta b’dik tar-rivenditur jiġu kkunsidrati li huma meħtieġa għat-tqegħid fis-suq taċ-ċilindru mimli mill-ġdid minn dan tal-aħħar. |
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi preliminari
28 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw, fir-rigward tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament 2017/1001, u, fir-rigward tat-trade marks nazzjonali, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2008/95 u tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2015/2436. |
29 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali bdew fix-xahar ta’ Ġunju 2016 u jaqgħu, parzjalment, taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 u tad-Direttiva 2008/95 u, parzjalment, taħt dawk tar-Regolament 2017/1001 u tad-Direttiva 2015/2436. Madankollu, peress li d-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regolamenti u ta’ dawn id-direttivi huma mfassla b’termini essenzjalment identiċi u peress li r-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma, minħabba f’hekk, l-istess ikunu liema jkunu r-regolament u d-direttiva rispettivament applikabbli, għall-finijiet tar-risposta għal dawn id-domandi għandu jsir riferiment biss għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tar-Regolament 2017/1001 u tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2015/2436 (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Maio Marques da Rosa, C‑306/16, EU:C:2017:844, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
30 |
Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn id-domandi saru fil-kuntest ta’ tilwima li qamet waqt il-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri, fil-Finlandja, ta’ ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju mmanifatturati u inizjalment ikkummerċjalizzati minn SodaStream li huma intiżi li jintużaw mill-ġdid u li jimtlew mill-ġdid diversi drabi. MySoda, wara li tirċievi, permezz ta’ distributuri, iċ-ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju ta’ SodaStream li jkunu rritornati vojta minn konsumaturi, timla mill-ġdid dawn iċ-ċilindri, tneħħi t-tikketta li fuqha kienet tqiegħdet it-trade mark oriġinali u tissostitwixxiha bit-tikketti tagħha li juru l-logo ta’ MySoda, filwaqt li tħalli viżibbli t-trade mark oriġinali mnaqqxa fuq il-korp tal-imsemmija ċilindri. |
31 |
Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li l-qorti tar-rinviju, permezz tal-erba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, u, jekk ikun il-każ, f’liema kundizzjonijiet, il-proprjetarju ta’ trade mark li jkun ikkummerċjalizza, fi Stat Membru, prodotti li jkollhom din it-trade mark u intiżi li jintużaw mill-ġdid u li jimtlew mill-ġdid diversi drabi, għandux id-dritt jopponi, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament 2017/1001 kif ukoll skont l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2015/2436, il-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta’ dawn il-prodotti, f’dan l-Istat Membru, minn rivenditur li jimlihom mill-ġdid u li jissostitwixxi t-tikketta li jkollha t-trade mark oriġinali b’tikkettar differenti, filwaqt li jħalli viżibbli t-trade mark oriġinali fuq l-imsemmija prodotti. |
32 |
F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jitfakkar li l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament u l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jagħtu rispettivament lill-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea u lill-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali, dritt esklużiv li jippermettilhom jipprojbixxu lil kull terz, b’mod partikolari, li joffri l-prodotti li jkollhom fuqhom it-trade mark tagħhom, li jqiegħedhom fis-suq jew li jżommhom għal dawn il-finijiet. L-Artikolu 15(1) tal-imsemmi regolament kif ukoll l-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva fihom eċċezzjoni għal din ir-regola sa fejn jipprevedu li d-dritt tal-proprjetarju jiġi eżawrit meta l-prodotti jitqiegħdu fis-suq fiż-ŻEE taħt din it-trade mark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2011, Viking Gas, C‑46/10, EU:C:2011:485, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
33 |
B’mod partikolari, fir-rigward tal-Artikoli 10 u 15 tad-Direttiva 2015/2436, għandu jingħad ukoll li dawn jagħmlu armonizzazzjoni kompleta tar-regoli dwar id-drittijiet mogħtija mit-trade mark u għalhekk jiddefinixxu l-kontenut materjali tad-drittijiet li jgawdu l-proprjetarji ta’ trade marks fl-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar, C‑482/09, EU:C:2011:605, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Pelham et, C‑476/17, EU:C:2019:624, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
Madankollu, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament 2017/1001 u l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2015/2436, il-proprjetarju tat-trade mark jista’ jiġġustifika raġuni leġittima sabiex jopponi kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti li jkollhom fuqhom it-trade mark tiegħu, b’mod partikolari meta l-istat tal-prodotti jinbidel jew jiddegrada wara li jitqiegħdu fis-suq. L-uniku għan ta’ din il-possibbiltà ta’ oppożizzjoni, li tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-merkanzija, huwa li jitħarsu d-drittijiet li jaqgħu taħt l-għan speċifiku tat-trade mark, mifhum fid-dawl tal-funzjoni essenzjali ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2002, Boehringer Ingelheim et, C‑143/00, EU:C:2002:246, punt 28). |
35 |
Kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet diversi drabi, l-għan speċifiku tad-dritt ta’ trade mark huwa, b’mod partikolari, li jiġi żgurat lill-proprjetarju d-dritt li juża t-trade mark għall-ewwel tqegħid ta’ prodott fis-suq u li b’hekk ikun protett kontra l-kompetituri li jkunu jixtiequ jabbużaw mill-pożizzjoni u mir-reputazzjoni tat-trade mark billi jbigħu prodotti li fuqhom ikollhom indebitament din it-trade mark. Sabiex tiġi ddeterminata l-portata eżatta ta’ dan id-dritt esklużiv irrikonoxxut lill-proprjetarju tat-trade mark, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità tal-oriġini tal-prodott li jkollu t-trade mark, billi tippermettilu jiddistingwi mingħajr konfużjoni possibbli dan il-prodott minn dawk li għandhom oriġini oħra (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Schweppes, C‑291/16, EU:C:2017:990, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk il-proprjetarju tat-trade mark jistax jopponi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti li jkollhom fuqhom it-trade mark tiegħu u, b’mod partikolari, il-miżuri meħuda mir-rivenditur dwar l-irtirar tat-tikketti oriġinali u t-tqegħid ta’ tikketti ġodda fuq dawn il-prodotti filwaqt li jħalli viżibbli trade mark oriġinali, għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-interessi leġittimi tal-proprjetarju tat-trade mark, b’mod partikolari l-interess marbut mal-ħarsien tal-funzjoni essenzjali tat-trade mark li hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità tal-oriġini tal-prodott li jkollu t-trade mark. |
37 |
Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 22 tal-konklużjonijiet tiegħu, sa fejn jikkostitwixxi neċessarjament limitazzjoni għall-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-merkanzija, id-dritt tal-proprjetarju tat-trade mark li jopponi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti li jkollhom fuqhom it-trade mark tiegħu ma huwiex mingħajr limitu. |
38 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li ċ-ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju inkwistjoni tqiegħdu fis-suq fiż-ŻEE, għall-ewwel darba, mill-proprjetarji tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea u tat-trade marks nazzjonali mqiegħda fuqhom. |
39 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-bejgħ ta’ ċilindru tal-gass li jista’ jerġa’ jimtela mill-proprjetarju tat-trade marks imqiegħda fuq iċ-ċilindru jeżawrixxi d-drittijiet li l-imsemmi proprjetarju jgawdi bis-saħħa tar-reġistrazzjoni ta’ dawn it-trade marks u jittrasferixxi fuq ix-xerrej id-dritt li jiddisponi liberament minn dan iċ-ċilindru, inkluż dak li jibdlu jew li jimlih mill-ġdid permezz ta’ impriża tal-għażla tiegħu. Dan id-dritt tax-xerrej għandu bħala korollarju d-dritt tal-kompetituri tal-proprjetarju tat-trade marks imqiegħda fuq l-imsemmi ċilindru li jipproċedu bil-mili u bl-iskambju taċ-ċilindri vojta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2011, Viking Gas, C‑46/10, EU:C:2011:485, punt 35). |
40 |
B’dan premess, l-attività tar-rivenditur li tikkonsisti fil-mili mill-ġdid taċ-ċilindri inkwistjoni, li jkunu ġew irritornati vojta minn konsumaturi, u fit-tqegħid fuq dawn iċ-ċilindri tat-tikketti tiegħu stess wara li jkun neħħa dawk li kellhom fuqhom it-trade marks oriġinali, filwaqt li jħalli viżibbli t-trade mark oriġinali fuq iċ-ċilindri, tista’ taqa’ taħt l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament 2017/1001 u tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2015/2436. |
41 |
Madankollu, kif tfakkar fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament 2017/1001 u l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2015/2436, il-proprjetarju ta’ trade mark għandu d-dritt, minkejja t-tqegħid fis-suq tal-prodotti li jkollhom fuqhom it-trade mark tiegħu, li jopponi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tagħhom meta raġunijiet leġittimi jiġġustifikaw tali oppożizzjoni. Il-każ marbut mal-bidla jew mad-degradazzjoni fl-istat tal-prodotti, previst espliċitament f’dawn id-dispożizzjonijiet, jingħata biss bħala eżempju u għalhekk l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jipprovdux lista eżawrjenti tar-raġunijiet leġittimi li jistgħu jeskludu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ eżawriment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2011, Viking Gas, C‑46/10, EU:C:2011:485, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
Fil-kuntest ta’ importazzjonijiet paralleli ta’ prodotti farmaċewtiċi li jkunu tqiegħdu f’pakketti ġodda, il-Qorti tal-Ġustizzja fasslet lista ta’ kundizzjonijiet intiżi li jiddeterminaw l-eżistenza ta’ tali raġunijiet, f’dan il-kuntest speċifiku (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1996, Bristol-Myers Squibb et, C‑427/93, C‑429/93 u C‑436/93, EU:C:1996:282). |
43 |
F’kuntest eqreb lejn dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali raġuni leġittima teżisti wkoll meta l-użu minn terz ta’ sinjal identiku jew simili għal trade mark jippreġudika b’mod gravi r‑reputazzjoni tagħha, kif ukoll meta dan l-użu jsir b’mod li jagħti l-impressjoni li teżisti rabta ekonomika bejn il-proprjetarju tat-trade mark u dan it-terz, u b’mod partikolari li dan it-terz jagħmel parti min-network ta’ distribuzzjoni tal-proprjetarju jew li teżisti relazzjoni speċjali bejn dawn iż-żewġ persuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2010, Portakabin, C‑558/08, EU:C:2010:416, punti 79 u 80, kif ukoll tal‑14 ta’ Lulju 2011, Viking Gas, C‑46/10, EU:C:2011:485, punt 37). |
44 |
Minn dan isegwi li impressjoni żbaljata li tista’ tinħoloq f’moħħ il-konsumaturi fir-rigward tal-eżistenza ta’ rabta ekonomika bejn il-proprjetarju tat-trade mark u rivenditur hija waħda mir-raġunijiet leġittimi li minħabba fihom il-proprjetarju tat-trade mark jista’ jopponi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti li jkollhom fuqhom it-trade mark tiegħu minn rivenditur, b’mod partikolari, meta dan tal-aħħar ineħħi t-tikketta li fuqha tidher it-trade mark oriġinali u jqiegħed it-tikketta tiegħu fuq dan il-prodott, filwaqt li jħalli viżibbli trade mark oriġinali mnaqqxa fuq il-prodott. Il-fatt li l-miżuri meħuda mir-rivenditur għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti inkwistjoni jinsabu ġewwa l-Istat Membru fejn dawn il-prodotti tqiegħdu inizjalment fis-suq ma għandux importanza deċiżiva sabiex jiġi ddeterminat jekk l-oppożizzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark hijiex iġġustifikata minn tali raġuni leġittima. |
45 |
Sabiex jiġi evalwat jekk teżistix tali impressjoni żbaljata, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha marbuta mal-attività tar-rivenditur, bħalma huma l-mod kif iċ-ċilindri jiġu ppreżentati lill-konsumaturi wara t-tikkettar il-ġdid u l-kundizzjonijiet li fihom jinbiegħu, b’mod partikolari l-prattiki ta’ mili mill-ġdid ta’ dawn iċ-ċilindri li huma prevalenti fis-settur ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2011, Viking Gas, C‑46/10, EU:C:2011:485, punti 39 u 40). |
46 |
Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-eżistenza ta’ eventwali impressjoni żbaljata fir-rigward tar-raba ekonomika bejn il-proprjetarji tat-trade marks u r-rivenditur li jkun mela mill-ġdid iċ-ċilindri inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tista’ tagħti lil dik il-qorti l-elementi ta’ interpretazzjoni marbuta mad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għaliha f’dan ir-rigward (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Berlin Chemie A. Menarini, C‑333/20, EU:C:2022:291, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
47 |
Għalhekk, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-portata tal-informazzjoni li tinsab fuq it-tikketti l-ġodda għandha importanza sinjifikattiva. Fil-fatt, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-impressjoni ġenerali mogħtija mit-tikkettar il-ġdid għandha tiġi evalwata sabiex jiġi ddeterminat jekk l-informazzjoni dwar il-proprjetarju tat-trade mark li mmanifattura ċ-ċilindru u dik dwar ir-rivenditur li jiżgura l-mili mill-ġdid tiegħu tidhirx ċara u inekwivoka għal konsumatur normalment informat u raġonevolment attent. Din l-informazzjoni, kif ippreżentata permezz tat-tikkettar il-ġdid ma għandhiex, b’mod partikolari, tagħti x’jifhem li teżisti rabta ekonomika bejn ir-rivenditur li mela mill-ġdid iċ-ċilindru u l-proprjetarju tat-trade mark oriġinali. |
48 |
Fit-tieni lok, sabiex tiġi evalwata l-impressjoni li tirriżulta mit-tikkettar il-ġdid, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-prattiki fis-settur ikkonċernat u l-kwistjoni ta’ jekk il-konsumaturi humiex imdorrija li ċ-ċilindri jimtlew mill-ġdid minn operaturi differenti mill-proprjetarju tat-trade mark oriġinali. |
49 |
F’dan ir-rigward, il-fatt li l-prodott inkwistjoni huwa kompost minn ċilindru intiż li jintuża mill-ġdid u li jimtela mill-ġdid diversi drabi, kif ukoll mill-kontenut tiegħu, jista’ jkun rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk tistax teżisti tali impressjoni żbaljata f’moħħ il-konsumaturi. Huwa minnu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, minħabba r-relazzjoni funzjonali bejn ċilindru u l-kontenut tiegħu, hemm ir-riskju li l-pubbliku ġenerali jikkunsidra li dawn it-tnejn normalment għandhom l-istess oriġini kummerċjali. Madankollu, għalkemm huwa impossibbli li gass ikkumpressat jew f’forma likwida jintuża indipendentement mill-kontenituri metalliċi li fihom jinżamm dan il-gass u għalkemm dan it-tip ta’ ċilindru jista’, b’hekk, jitqies bħala l-imballaġġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2014, Utopia, C‑40/14, EU:C:2014:2389, punt 40), dawn iċ-ċilindri, sa fejn huma intiżi li jintużaw mill-ġdid u li jimtlew mill-ġdid diversi drabi, skont loġika ta’ riċiklaġġ, ma humiex ser jiġu neċessarjament ipperċepiti bħala li għandhom l-istess oriġini kummerċjali bħall-gass li jkun jinsab fihom. |
50 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kundizzjonijiet ta’ mili mill-ġdid ta’ ċilindri vojta, għandu jiġi preżunt, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, li konsumatur li jindirizza ruħu direttament lil operatur li ma huwiex il-proprjetarju tat-trade mark oriġinali sabiex jimla mill-ġdid ċilindru vojt jew jibdlu ma’ ċilindru mimli jkun iktar faċilment f’pożizzjoni li jkun jaf bl-assenza ta’ rabta ekonomika bejn dan l-operatur u l-proprjetarju tat-trade mark. |
51 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet fil-kawża prinċipali, la l-proprjetarji tat-trade marks oriġinali u lanqas ir-rivenditur ma jipproponu ċ-ċilindri tagħhom tad-dijossidu tal-karbonju direttament lill-konsumaturi, peress li dawn iċ-ċilindri huma disponibbli għall-bejgħ biss fil-ħwienet tad-distributuri. |
52 |
Issa, in-nuqqas ta’ kuntatt dirett mar-rivenditur jista’ jwassal għal probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-konsumaturi fir-rigward tar-relazzjoni bejn dan ir-rivenditur u l-proprjetarji tat-trade marks oriġinali. Tali sitwazzjoni tista’ għalhekk tipperikola t-twettiq tal-funzjoni essenzjali tat-trade mark, imfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, u b’hekk tista’ tiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2015/2436 u tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament 2017/1001. |
53 |
Fit-tielet lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fatt li t-trade mark oriġinali taċ-ċilindru tibqa’ viżibbli minkejja t-tikkettar supplimentari mwettaq mir-rivenditur jikkostitwixxi element rilevanti sa fejn jidher li jeskludi l-fatt li t-tikkettar bidel l-istat taċ-ċilindri billi ħeba l-oriġini tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2011, Viking Gas, C‑46/10, EU:C:2011:485, punt 41). |
54 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament 2017/1001 u l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2015/2436 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark li kkummerċjalizza, fi Stat Membru, prodotti li kellhom fuqhom din it-trade mark u li huma intiżi li jintużaw mill-ġdid u li jimtlew mill-ġdid diversi drabi ma għandux id-dritt jopponi, skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta’ dawn il-prodotti, f’dan l-Istat Membru, minn rivenditur li jimlihom mill-ġdid u li jissostitwixxi t-tikketta li kellha fuqha t-trade mark ta’ oriġini b’tikkettar ieħor, filwaqt li jħalli viżibbli t-trade mark oriġinali fuq l-imsemmija prodotti, sakemm dan it-tikkettar il-ġdid ma joħloqx l-impressjoni żbaljata, f’moħħ il-konsumaturi, li hemm rabta ekonomika bejn ir-rivenditur u l-proprjetarju tat-trade mark. Din il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fuq il-prodott u fuq it-tikkettar il-ġdid tiegħu kif ukoll fid-dawl tal-prattiki ta’ distribuzzjoni tas-settur ikkonċernat u tal-livell ta’ għarfien ta’ dawn il-prattiki mill-konsumaturi. |
Fuq l-ispejjeż
55 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks |
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
il-proprjetarju ta’ trade mark li kkummerċjalizza, fi Stat Membru, prodotti li kellhom fuqhom din it-trade mark u li huma intiżi li jintużaw mill-ġdid u li jimtlew mill-ġdid diversi drabi ma għandux id-dritt jopponi, skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta’ dawn il-prodotti, f’dan l-Istat Membru, minn rivenditur li jimlihom mill-ġdid u li jissostitwixxi t-tikketta li kellha fuqha t-trade mark ta’ oriġini b’tikkettar ieħor, filwaqt li jħalli viżibbli t-trade mark oriġinali fuq l-imsemmija prodotti, sakemm dan it-tikkettar il-ġdid ma joħloqx l-impressjoni żbaljata, f’moħħ il-konsumaturi, li hemm rabta ekonomika bejn ir-rivenditur u l-proprjetarju tat-trade mark. Din il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fuq il-prodott u fuq it-tikkettar il-ġdid tiegħu kif ukoll fid-dawl tal-prattiki ta’ distribuzzjoni tas-settur ikkonċernat u tal-livell ta’ għarfien ta’ dawn il-prattiki mill-konsumaturi. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.