SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

9 ta’ Ġunju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Kodiċi Doganali Komunitarju – Artikolu 30(2)(a) u (b) – Valur doganali – Determinazzjoni tal-valur tat-tranżazzjoni ta’ merkanzija simili – Database stabbilita u amministrata mill-awtorità doganali nazzjonali – Databases stabbiliti u amministrati mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri l-oħra u mis-servizzi tal-Unjoni Ewropea – Merkanzija identika jew simili esportata lejn l-Unjoni ‘fl-istess mument jew kważi fl-istess mument’”

Fil-Kawża C‑187/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Frar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Marzu 2021, fil-proċedura

FAWKES Kft.

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis, M. Ilešič, D. Gratsias (Relatur) u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal FAWKES Kft., minn L. P. Maruzs, ügyvéd,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn I. Herranz Elizalde u S. Jiménez García, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn G. Bain u A.-L. Desjonquères, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Béres u F. Clotuche-Duvieusart, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 30(2)(a) u (b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolamenti (KE) Nri 82/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 8, p. 179) u 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Novembru 2000 (ĠU 2000, L 311, p. 17) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn FAWKES Kft. u n-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága (id-Direttorat tal-Appelli tal-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem l-“Awtorità Doganali Ungeriża”) dwar id-deċiżjoni li permezz tagħha din tal-aħħar iddeterminat, skont l-Artikolu 30(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, il-valur doganali ta’ prodotti tat-tessuti li joriġinaw miċ-Ċina (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il‑kuntest ġuridiku

Il‑Kodiċi Doganali

3

Il-Kodiċi Doganali tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90, u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2). Madankollu, skont l-Artikolu 286(2) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, moqri flimkien mal-Artikolu 288(2) tiegħu, il-Kodiċi Doganali baqa’ applikabbli sat‑30 ta’ April 2016.

4

Skont it-tmien premessa tal-Kodiċi Doganali:

“[…] [F]l-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jiġi implimentat il-Kodiċi, għandha tittieħed l-akbar attenzjoni biex jiġu evitati kull qerq jew irregolarità li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv l-Estimi Ġenerali tal-[Unjoni Ewropea]”.

5

L-Artikolu 6(3) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“Deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet doganali bil-miktub li jew jiċħdu talbiet jew huma detrimentali għall-persuni li lilhom huma indirizzati għandhom jagħtu r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati”.

6

L-Artikolu 29(1) tal-imsemmi kodiċi jistabbilixxi:

“Il-valur doganali ta’ merkanzija importata għandu jkun il-valur tat-transazzjoni, jiġifieri, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità, aġġustat, fejn ikun meħtieġ, skond l-Artikoli 32 u 33 […]”

7

L-Artikolu 30(1) u (2) tal-istess kodiċi jipprevedi:

“1.   Fejn il-valur doganali ma jistax jiġi stabbilit taħt l-Artikolu 29, għandu jiġi stabbilit billi timxi sekwenzjalment minn subparagrafi (a), (b), (ċ) u (d) tal-paragrafu 2 għall-ewwel subparagrafu li taħtu jista’ jiġi stabbilit […]

2.   Il-valur doganali kif stabbilit taħt dan l-Artikolu għandu jkun:

(a)

il-valur tat-transazzjoni ta’ merkanzija identika mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità u esportata fi jew kważi fl-istess żmien bħall-merkanzija li qed tkun valutata;

(b)

il-valur tat-transazzjoni tal-merkanzija simili mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità u esportata fi jew kważi fl-istess żmien bħall-merkanzija li qed tkun valutata;

(ċ)

il-valur ibbażat fuq il-prezz ta’ l-unità li bih il-merkanzija importata għal oġġetti identiċi jew simili jinbiegħu fil-Komunità fl-akbar kwantità totali lil persuni li ma jiġux mill-bejjiegħa;

(d)

il-valur maħdum, magħmul mis-somma ta’:

il-prezz jew valur ta’ materjali u fabbrikazzjoni jew proċessar ieħor imħaddem fil-produzzjoni tal-merkanzija importata,

ammont għal profitt u spejjeż ġenerali li jkun daqs dak normalment rifless fil-bejgħ ta’ merkanzija ta’ l-istess klassi jew xorta bħal merkanzija li qed tkun stmata li tkun magħmula minn produtturi fil-pajjiż ta’ l-esportazzjoni għall-esportazzjoni lill-Komunità,

il-prezz jew valur ta’ l-oġġetti li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 32(1)(e).”

8

L-Artikolu 31(1) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi:

“Fejn il-valur doganali ta’ merkanzija importata ma jistax jiġi stabbilit taħt l-Artikoli 29 jew 30, għandu jiġi stabbilit, skont il-bażi ta’ data disponibbli fil-Komunità, bl-użu ta’ mezzi raġonevoli konsistenti mal-prinċipji u dispożizzjonijiet ġenerali ta’:

il-ftehim dwar l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ ta’ l-1994,

L-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ ta’ l-1994,

[u]

id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu”.

9

L-Artikolu 78 ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-awtoritajiet doganali jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom jew fuq talba ta’ min jagħmel id-dikjarazzjoni, jemendaw id-dikjarazzjoni wara l-ħelsien tal-merkanzija.

2.   L-awtoritajiet doganali jistgħu, wara li jeħilsu l-merkanzija u sabiex jissodisfaw ruħhom li d-dettalji li jinsabu fid-dikjarazzjoni huma eżatti, jispezzjonaw id-dokumenti kummerċjali u data li għandha x’taqsam ma’ l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni u esportazzjoni fir-rigward tal-merkanzija konċernata jew operazzjonijiet kummerċjali sussegwenti li jinvolvu dik il-merkanzija. Spezzjonijiet bħal dawk jistgħu jsiru fil-fond tad-dikjarant, ta’ kull persuna oħra direttament jew indirettament involuta f’dawk l-operazzjonijiet f’kapaċità kummerċjali jew ta’ kull persuna oħra li jkollha f’idejha d-dokument u d-data imsemmija għal skopijiet kummerċjali. Dawk l-awtoritajiet jistgħu ukoll jeżaminaw il-merkanzija meta jkun għadu possibbli li din tkun prodotta.

3.   Fejn reviżjoni tad-dikjarazzjoni jew eżami wara l-ħelsien tal-merkanzija jindika illi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ dwana involuta ġew applikati fuq il-bażi ta’ informazzjoni skorretta jew mhux sħiħa, l-awtoritajiet doganali għandhom, skond kull dispożizzjoni stipulata, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni, wara li tkun ikkunsidrata l-informazzjoni ġdida disponibbli għalihom.”

10

L-Artikolu 221(3) u (4) tal-imsemmi kodiċi jistipula:

“3.   Ma għandhiex issir komunikazzjoni mad-debitur wara t-temma ta’ perijodu ta’ tliet snin mid-data li fiha ntefaq id-dejn mad-dwana. Dan il-perijodu ta’ żmien għandu jiġi sospiż mal-waqt tad-depożitu ta’ appell fit-tifsira ta’ l-Artikolu 243, għal matul il-proċedimenti ta’ l-appell.

4.   Fejn id-dejn mad-dwana huwa riżultat ta’ att li, fiż-żmien li kien kommess, kien jista’ jwassal għal proċedimenti kriminali tal-qorti, l-ammont jista’, skond il-kondizzjonijiet preskritti fid-dispożizzjonijiet fis-seħħ, jiġi komunikat lid-debitur wara li jgħaddi l-perijodu ta’ tliet snin riferit fil-paragrafu 3.”

Ir‑Regolament ta’ Applikazzjoni

11

It-Titolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat‑2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3254/94 tad‑19 ta’ Diċembru 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 5, p. 326) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Applikazzjoni”), huwa intitolat “Valur Doganali” u jinkludi l-Artikoli 141 sa 181a tiegħu:

12

Skont l-Artikolu 142 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni:

“1.   “Għall-iskopijiet ta’ dan it-titolu:

[…]

(ċ)

‘merkanzija identika’ tfisser merkanzija prodotta fl-istess pajjiż li hija l-istess fl-aspetti kollha, inklużi karatteristiċi fiżiċi, kwalità u reputazzjoni. Differenzi minuri fid-dehra m’għandhomx jipprekludu merkanzija li xort’ oħra tikkonforma mad-definizzjoni biex titqies identika.

(d)

‘merkanzija simili’ tfisser merkanzija prodotta fl-istess pajjiż li, għalkemm ma tkunx l-istess fl-aspetti kollha, ikollha karatteristiċi simili u materjali tal-komponenti simili li jippermettulha twettaq l-istess funzjonijiet u tkun kummerċjalment interkambjabbli; il-kwalità tal-merkanzija, ir-reputazzjoni tagħha u l-eżistenza ta’ trademark huma fost il-fatturi li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni ta’ jekk il-merkanzija tkunx simili;

[…]”

13

L-Artikolu 150 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   Fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 30(2)(a) tal-[Kodiċi Doganali] (il-valur ta’ operazzjoni ta’ merkanzija identika), il-valur doganali għandu jiġi determinat b’referenza għall-valur ta’ operazzjoni ta’ merkanzija identika f’ bejgħ bl-istess livell kummerċjali u f’ sostanzjalment l-istess kwantità bħall-merkanzija li qiegħda tiġi valutata. […]

3.   Jekk, fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, jinsab aktar minn valur wieħed ta’ operazzjoni ta’ oġġetti identiċi, il-valur l-aktar baxx għandu jintuża biex jiddetermina l-valur doganali għall-merkanzija mportata.

4.   Fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, valur ta’ operazzjoni għal merkanzija prodotta minn pġersuna differenti għandu jitqies biss meta ebda valur ta’ operazzjoni ma jista’ jinstab taħt il-paragrafu 1 għal merkanzija identika prodotta mill-istess persuna bħall-merkanzija li qiegħda tiġi vvalutata.

5.   Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, il-valur ta’ operazzjoni ta’ merkanzija identika mportata jfisser valur doganali determinat preċedentement taħt l-Artikolu 29 tal-[Kodiċi Doganali], aġġustat kif previst fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.”

14

L-Artikolu 151 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 30(2)(b) tal-[Kodiċi Doganali] (il-valur ta’ operazzjoni ta’ merkanzija simili), il-valur doganali għandu jiġi determinat b’referenza għall-valur ta’ operazzjoni ta’ merkanzija simili fl-istess livell kummerċjali u f’ sostanzjalment l-istess kwantità bħall-oġġetti li jkunu qegħdin jiġu vvalutati. […]

[…]

3.   Jekk, fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, jinsab aktar minn valur wieħed ta’ operazzjoni ta’ merkanzija simili, il-valur l-aktar baxx għandu jintuża biex jiddetermina l-valur doganali għall-merkanzija importata.

4.   Fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, valur ta’ operazzjoni għal merkanzija prodotta minn persuna differenti għandu jitqies biss meta l-ebda valur ta’ operazzjoni ma tista’ tinsab taħt il-paragrafu 1 għal merkanzija simili prodotta mill-istess persuna għall-merkanzija li qiegħda tiġi vvalutata.

5.   Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, il-valur ta’ operazzjoni ta’ merkanzija simili importata tfisser il-valur doganali li jkun ġie determinat preċedentement skond l-Artikolu 29 tal-[Kodiċi Doganali], aġġustat skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.”

15

L-Artikolu 181a tar-Regolament ta’ Applikazzjoni jipprevedi:

“1.   L-awtoritajiet doganali m’għandhomx għalfejn jistabbilixxu l-valutazzjoni doganali tal-merkanzija importata fuq il-bażi tal-metodu tal-valur tat-transazzjoni jekk, skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, dawn ma jkunux sodisfatti, fuq il-bażi ta’ dubji raġonevoli, li l-valur dikjarat jirrappreżenta l-ammont totali mħallas jew dovut kif imsemmi fl-Artikolu 29 tal-[Kodiċi Doganali].

2.   Meta l-awtoritajiet doganali jkollhom id-dubji kif deskritt fil-paragrafu 1 dawn jistgħu jitolbu għall-informazzjoni addizzjonali skond l-Artikolu 178(4). Jekk dawn id-dubji jippersistu, l-awtoritajiet doganali għandhom, qabel jieħdu deċiżjoni finali, jinnotifikaw lill-persuna interessata, bil-miktub jekk mitlub, dwar ir-raġunijiet għal dawk id-dubbji u jipprovduh bl-opportunità raġonevoli biex jirrispondi. Deċiżjoni finali u l-motivi għaliha għandhom ikunu kkomunikati bil-miktub lill-persuna interessata.”

Ir‑Regolament Nru 515/97

16

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat‑13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn ta’ l-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 8, p. 217), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 766/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Lulju 2008 (ĠU 2008, L 218, p. 48) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 515/97”), jipprovdi, fl-Artikolu 1(1) tiegħu:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-metodi li bihom l-awtoritajiet amministrattivi responsabbli għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni dwar materji doganali u agrikoli fl-Istati Membri għandhom jikkoperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni sabiex jassiguraw konformità ma’ dik il-leġislazzjoni fil-qafas ta’ sistema tal-Komunità.”

17

It-Titoli I u II ta’ dan ir-regolament jirrigwardaw l-għajnuna fuq talba u l-għajnuna spontanja, rispettivament.

18

It-Titolu V tal-imsemmi regolament, intitolat “Sistema ta’ Informazzjoni Doganali [(CIS)]”, jinkludi l-Kapitolu 2, huwa stess intitolat “Operazzjoni u użu tal-CIS”, li jinkludi l-Artikolu 24 tiegħu li jipprovdi:

“Il-CIS għandha tikkonsisti minn faċilità ta’ bażi ta’ data ċentrali u għandha tkun aċċessibbli permezz ta’ terminals f’kull Stat Membru u fil-Kummissjoni. Għandha tħaddan fiha biss data neċessarja biex tilħaq l-għan tagħha kif mistqarr fl-Artikolu 23(2), inkluża data personali, f’dawn il-kategoriji li ġejjin:

[…]

(g) merkanżija miżmuma, maqbuda jew konfiskata;

[…]”

Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/346

19

Il-premessa 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/346 tal‑10 ta’ Marzu 2016 li jistabbilixxi l-elementi li għandhom ikunu inklużi fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali (ĠU 2016, L 65, p. 40) tistipula:

“L-objettiv taċ-[CIS] huwa li tassisti l-awtoritajiet kompetenti fil-prevenzjoni, fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni ta’ operazzjonijiet li jmorru kontra l-leġiżlazzjoni doganali u agrikola. Sabiex jintlaħaq dan l-għan l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jdaħħlu informazzjoni dwar avvenimenti rilevanti, bħall-qabda jew is-sekwestru ta’ merkanzija fis-CIS. Sabiex is-CIS tkompli tindirizza l-ħtiġijiet tal-awtoritajiet kompetenti huwa neċessarju li tiġi aġġornata l-lista ta’ elementi li għandhom jiġu inklużi fis-CIS.”

Il‑leġiżlazzjoni dwar l‑istatistiċi dwar il‑kummerċ estern

20

Ir-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Mejju 2009 dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 (ĠU 2009, L 152, p. 23), jipprevedi, fl-Artikolu 3(1) tiegħu:

“L-istatistika tal-kummerċ estern għandha tirreġistra l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-merkanzija.

[…]

Importazzjoni għandha tiġi rreġistrata minn Stat Membru fil-każ li merkanzija tidħol fit-territorju statistiku tal-Komunità b’konformità ma’ waħda mill-proċeduri doganali li ġejjin stipulati fil-Kodiċi Doganali:

(a)

rilaxxata għal ċirkolazzjoni libera;

(b)

proċessar tad-dħul;

[…]”

21

Skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament:

“Is-sors tad-data għal rekords dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-merkanzija msemmija fl-Artikolu 3(1) għandha tkun id-dikjarazzjoni doganali, inklużi emendi possibbli jew bidliet fid-data statistika li jirriżultaw mid-deċiżjonijiet mid-dwani marbutin magħha.”

22

L-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiksbu s-sett ta’ data li ġejja mir-rekords dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1).

[…]

(c)

il-valur statistiku tal-merkanzija fuq il-fruntiera nazzjonali tal-Istati Membri importaturi u esportaturi;

[…]”

23

L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 471/2009 jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jikkompilaw l-istatisika għal kull perijodu referenzjali ta’ kull xahar, dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ merkanzija espressa f’valur u kwantità skont:

(a)

il-kodiċi tal-merkanzija;

(b)

l-Istati Membri li qed jimportaw/jesportaw;

(c)

il-pajjiżi msieħba;

(d)

il-proċedura statistika;

(e)

in-natura tat-tranżazzjoni;

(f)

trattament preferenzjali fuq l-importazzjoni;

(g)

il-metodu tat-trasport.

[…]”

24

L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament jistipula:

“1.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni (Eurostat) l-istatistika msemmija fl-Artikolu 6(1) mhux aktar tard minn 40 jum wara t-tmiem ta’ kull perijodu referenzjali ta’ xahar.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istatistika jkun fiha informazzjoni dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet kollha fil-perijodu ta’ referenza partikolari, filwaqt li jagħmlu l-aġġustamenti fejn ir-rekords mhumiex disponibbli.

[…]”

25

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 113/2010 tad‑9 ta’ Frar 2010 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-kopertura kummerċjali, id-definizzjoni tad-dejta, il-kompilazzjoni tal-istatistika dwar il-kummerċ skont il-karatteristiċi tan-negozju u skont il-munita tal-fatturat, u movimenti jew oġġetti speċifiċi (ĠU 2010, L 37, p. 1), fl-Artikolu 4(1) u (2) tiegħu, jipprovdi:

“1.   Il-valur statistiku għandu jissejjes fuq il-valur tal-oġġetti fiż-żmien u l-post fejn l-oġġetti jaqsmu l-fruntiera tal-Istat Membru tad-destinazzjoni tal-importazzjoni u tal-Istati Membru tal-esportazzjoni attwali f’każ ta’ oġġett esportat.

Il-valur statistiku għandu jinħadem abbażi tal-valur tal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 2 u, fejn meħtieġ, ikun aġġustat għall-ispejjeż tat-trasport u l-assigurazzjoni skont il-paragrafu 4.

2.   Fir-rigward tal-prinċipji ta’ valutazzjoni stabbiliti fil-ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (il-ftehim ta’ valutazzjoni doganali tad-WTO), il-valur tal-oġġetti għall-importazzjoni jew l-esportazzjoni għandu jkun:

(a)

fil-każ ta bejgħ jew xiri, il-prezz attwalment imħallas jew pagabbli għall-oġġetti importati jew esportati, bl-esklużjoni ta’ valuri arbitrarji jew mistħajla;

(b)

f’każijiet oħrajn, il-prezz li kien kieku jitħallas fil-każ ta’ bejgħ jew xiri.

Il-valur doganali għandu jintuża jekk ikun iddeterminat skont il-Kodiċi Doganali għall-oġġetti rilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

26

Fl‑2012, FAWKES, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, importat fl-Unjoni, diversi drabi, prodotti tat-tessuti li joriġinaw miċ-Ċina. L-awtorità doganali Ungeriża qieset li l-valuri tat-tranżazzjoni ddikjarati skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali kienu baxxi b’mod mhux normali. Peress li qieset li kien impossibbli li jiġi stabbilit il-valur doganali ta’ dawn il-prodotti abbażi tal-valur tat-tranżazzjoni skont ir-regola stabbilita fl-Artikolu 29 ta’ dan il-kodiċi jew li jintużaw il-metodi previsti fl-Artikolu 30 tiegħu, din l-awtorità applikat, għal dan l-għan, l-Artikolu 31 tal-imsemmi kodiċi, billi adottat diversi deċiżjonijiet, li kontrihom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikorsi quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti.

27

Bħalma jsegwi mill-osservazzjonijiet ippreżentati kemm mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-Gvern Ungeriż, ikkonfermati fuq dan il-punt mill-elementi tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, dawn id-deċiżjonijiet ġew annullati mill-qorti nazzjonali kompetenti. L-awtorità doganali Ungeriża adottat deċiżjonijiet ġodda, li, huma wkoll, ġew annullati wara rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Din l-awtorità għalhekk adottat id-deċiżjoni kontenzjuża li stabbilixxiet il-valur doganali konformement mal-Artikolu 30(2)(b) tal-Kodiċi Doganali. Għal dan l-għan, hija użat elementi li jirriżultaw minn bażi ta’ data nazzjonali u li huma relatati ma’ perijodu ta’ 90 jum, li minnhom 45 huma qabel u 45 huma wara l-isdoganament. L-imsemmija awtorità ma ħaditx inkunsiderazzjoni operazzjonijiet oħra ta’ sdoganament tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

28

Insostenn tar-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostniet, l-ewwel, li l-awtorità doganali Ungeriża kellha tikkonsulta, sabiex tistabbilixxi l-valur doganali konformement mal-Artikolu 30(2)(a) jew (b) tal-Kodiċi Doganali, id-databases miżmuma fi ħdan diversi dipartimenti tal-Unjoni, bħad-Direttorat Ġenerali (DĠ) għat-Tassazzjoni u l-Għaqda Doganali (TAXUD) tal-Kummissjoni Ewropea, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni. It-tieni, din l-awtorità doganali ma kellhiex teskludi l-valuri tat-tranżazzjoni relatati ma’ importazzjonijiet oħra li twettqu mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-Ungerija u fi Stati Membri oħra mingħajr ma ġew ikkontestati mill-awtoritajiet kompetenti. It-tielet, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-perijodu meħud inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur doganali kellu jkun ogħla minn dak ta’ 90 jum li għamlet riferiment għalih l-imsemmija awtorità doganali.

29

Peress li l-qorti nazzjonali tal-ewwel istanza ċaħdet dan ir-rikors, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat fil-kassazzjoni quddiem il-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija), il-qorti tar-rinviju. Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti fil-kawża prinċipali tenniet l-ilmenti tagħha bbażati fuq l-allegat obbligu li jiġi ddeterminat il-valur doganali billi jiġu kkonsultati d-databases miżmuma fi ħdan l-Unjoni, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-valuri tat-tranżazzjoni relatati ma’ importazzjonijiet oħra tal-imsemmija appellanti u li jinżamm perijodu rilevanti ta’ iktar minn 90 jum.

30

Skont il-qorti tar-rinviju, meta jkun meħtieġ li jiġi ddeterminat il-valur doganali abbażi tal-valur ta’ tranżazzjoni ta’ merkanzija identika jew simili fis-sens tal-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali, awtorità doganali nazzjonali ma tistax tonqos milli tavviċina lill-awtoritajiet doganali ta’ Stati Membri oħra. Fl-assenza, fil-livell tal-Unjoni, ta’ database li tiġbor l-informazzjoni neċessarja, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-awtorità doganali ta’ Stat Membru titlob informazzjoni mingħand l-kontropartijiet tagħha ta’ Stati Membri oħra.

31

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-awtorità doganali tista’ ma tiħux inkunsiderazzjoni l-valuri tat-tranżazzjoni adottati waqt l-isdoganament preċedenti mwettqa fuq it-talba tal-istess importatur jekk jeżisti dubju dwar in-natura aċċettabbli ta’ dawn il-valuri għal skopijiet doganali, fis-sens tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali. Il-qorti tar-rinviju tqis ukoll li perijodu ta’ 90 jum, li minnhom 45 huma qabel u 45 huma wara l-isdoganament, jikkorrispondi għall-kunċett ta’ merkanzija esportata lejn l-Unjoni “fi jew kważi fl-istess żmien bħall-merkanzija li qed tkun valutata”, fis-sens tal-Artikolu 30(2)(a) u (b) ta’ dan il-kodiċi.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kúria (il-Qorti Suprema) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja id-domandi li ġejjin għal deċiżjoni preliminari:

(1)

L-Artikolu 30(2)(a) u (b) [tal-Kodiċi Doganali] għandu jiġi interpretat fis-sens li huma biss il-valuri li jinsabu fid-database maħluqa permezz tal-operazzjonijiet ta’ sdoganament tal-awtorità doganali tal-Istat Membru li jistgħu u li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala valuri doganali?

(2)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, sabiex jiġi ddeterminat il-valur doganali skont l-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali, għandhom jiġu kkuntattjati l-awtoritajiet doganali ta’ Stati Membri oħra sabiex jinkiseb il-valur doganali ta’ merkanzija simili li tkun tinsab fid-databases tagħhom u/jew huwa neċessarju li tiġi kkonsultata database [tal-Unjoni] sabiex jintużaw il-valuri doganali li jinsabu fiha?

(3)

L-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-valuri ta’ tranżazzjoni tal-operazzjonijiet tal-persuna stess li titlob l-isdoganament ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-valur doganali, anki jekk dawn ma jkunu ġew ikkontestati la mill-awtorità doganali nazzjonali u lanqas mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stati Membri oħra?

(4)

Ir-rekwiżit imsemmi fil-frażi ‘fi jew kważi fl-istess żmien’, kif previst fl-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali, jista’ jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li l-perijodu ta’ riferiment jista’ jiġi limitat għal perijodu ta’ +/- 45 jum qabel u wara l-isdoganament?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda

33

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li, fid-determinazzjoni tal-valur doganali konformement ma’ din id-dispożizzjoni, l-awtorità doganali ta’ Stat Membru tista’ tillimita ruħha li tuża l-elementi li jinsabu fid-database nazzjonali li hija tipprovdi u li hija tamministra, jew jekk għandhiex taċċedi għall-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet doganali ta’ Stati Membri oħra jew mill-istituzzjonijiet u s-servizzi tal-Unjoni, jekk hemm bżonn billi tindirizzalhom talba sabiex tikseb informazzjoni addizzjonali għall-finijiet ta’ din id-determinazzjoni.

34

Għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-valutazzjoni għal skopijiet doganali huma intiżi sabiex jistabbilixxu sistema ekwa, uniformi u newtrali li teskludi l-użu ta’ valuri għal skopijiet doganali arbitrarji jew fittizji. Il-valur doganali għandu għalhekk jirrifletti l-valur ekonomiku reali ta’ merkanzija importata u, għaldaqstant, għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha ta’ din il-merkanzija li għandhom valur ekonomiku (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Direktor na Teritorialna direktsiya Yugozapadna Agentsiya Mitnitsi,C‑76/19, EU:C:2020:543, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Barra minn hekk, fid-dawl tar-rabta ta’ sussidjarjetà li teżisti bejn id-diversi metodi ta’ determinazzjoni tal-valur doganali previsti fl-Artikolu 30(2)(a) sa (d) tal-Kodiċi Doganali, l-awtoritajiet doganali għandhom ikunu diliġenti fl-implimentazzjoni ta’ kull wieħed mill-metodi suċċessivi previsti f’din id-dispożizzjoni qabel ma jkunu jistgħu jikkonkludu li ma huwiex applikabbli (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, LS Customs Services, C‑46/16, EU:C:2017:839, punt 52).

36

Għalhekk, meta l-awtorità doganali twettaq id-determinazzjoni tal-valur doganali skont l-Artikolu 30(2)(a) tal-Kodiċi Doganali, hija għandha tibbaża l-valutazzjoni tagħha fuq elementi li jikkonċernaw merkanzija identika, bħal dik li hija ddefinita fl-Artikolu 142(1)(ċ) tar-Regolament ta’ Applikazzjoni, esportata fl-istess mument jew kważi fl-istess mument bħall-merkanzija li għandha tiġi vvalutata, filwaqt li tosserva l-kundizzjonijiet l-oħra li jistabbilixxi l-Artikolu 150 ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, dwar, b’mod partikolari, il-livell kummerċjali li fih din il-merkanzija identika tinbiegħ, il-kwantità mibjugħa kif ukoll il-persuna li pproduċietha.

37

Bl-istess mod, meta l-awtorità doganali, wara li tkun ikkonstatat li l-metodu previst fl-Artikolu 30(2)(a) tal-Kodiċi Doganali ma huwiex applikabbli, tiddetermina l-valur doganali konformement mal-Artikolu 30(2)(b) ta’ dan il-kodiċi, hija għandha tibbaża l-valutazzjoni tagħha fuq elementi li jikkonċernaw merkanzija simili, bħal dawk li huma ddefiniti fl-Artikolu 142(1)(d) tar-Regolament ta’ Applikazzjoni, esportata lejn l-Unjoni fl-istess mument jew kważi fl-istess mument bħall-merkanzija li għandha tiġi evalwata, filwaqt li tosserva l-kundizzjonijiet l-oħrajn li jistabbilixxi l-Artikolu 151 ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, li huma identiċi għal dawk stabbiliti mill-Artikolu 150 tiegħu.

38

F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-obbligu ta’ diliġenza impost fuqhom fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali, l-awtoritajiet doganali huma obbligati li jikkonsultaw is-sorsi kollha ta’ informazzjoni u d-databases li huma għandhom sabiex jiddefinixxu l-valur doganali bl-iktar mod preċiż u l-eqreb mod possibbli għar-realtà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2017, LS Customs Services,C‑46/16, EU:C:2017:839, punt 56, u tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Oribalt Rīga,C‑1/18, EU:C:2019:519, punt 27).

39

Konformement ma’ dan l-obbligu, kull awtorità doganali hija obbligata li tirrikorri għad-database nazzjonali li hija tamministra u tipprovdi, sa fejn din id-database tipprovdilha l-informazzjoni neċessarja għall-applikazzjoni tal-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali permezz tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni motivata b’mod konformi mal-Artikolu 6(3) ta’ dan il-kodiċi. Min-naħa l-oħra, awtorità doganali ma tistax tkun obbligata tfittex sistematikament, ex officio jew fuq sempliċi talba, li taċċedi għal sorsi ta’ informazzjoni jew għal databases li ma humiex neċessarji għaliha għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-imsemmi kodiċi, b’mod partikolari meta l-aċċess tagħha għal dawn is-sorsi ta’ informazzjoni jew għal dawn id-databases ma huwiex liberu u immedjat jew meta d-data li dawn jinkludu ma tkunx tista’ tiġi inkluża fil-motivazzjoni ta’ deċiżjoni adottata skont din id-dispożizzjoni.

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-awtoritajiet doganali jipprovdu d-databases nazzjonali permezz tad-dikjarazzjonijiet doganali li huma jirċievu skont il-Kodiċi Doganali. B’mod partikolari, minn qari flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 471/2009 isegwi li l-Istati Membri huma obbligati jirreġistraw kull importazzjoni ta’ merkanzija li tidħol fit-territorju tagħhom li jagħmel parti mit-territorju statistiku tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ dan ir-regolament, billi jużaw id-dikjarazzjoni doganali bħala sors ta’ data għar-reġistrazzjoni. Fost id-data statistika magħduda mill-awtoritajiet doganali hemm, skont l-Artikolu 5(1)(ċ) tal-imsemmi regolament, il-valur statistiku tal-merkanzija fuq il-fruntiera tal-Istat Membru importatur, li, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 113/2010, huwa bbażat fuq il-valur tal-merkanzija fil-mument u fil-post fejn din taqsam il-fruntiera tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni għall-importazzjoni.

41

Id-databases nazzjonali hekk maħluqa jistgħu għalhekk, bħala prinċipju, jagħmlu riferiment għall-elementi neċessarji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali. Barra minn hekk, kull waħda minn dawn id-databases nazzjonali hija, mid-definizzjoni tagħha stess, liberament u immedjatament aċċessibbli għall-awtorità doganali tal-Istat Membru kkonċernat li tipprovdiha u tamministraha.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eventwali obbligu ta’ awtorità doganali tal-Istat Membru li fih titwettaq l-operazzjoni ta’ sdoganament li tirrikorri għall-elementi li jirriżultaw mid-databases stabbiliti u amministrati mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri l-oħra jew mis-servizzi tal-Unjoni jiddependi mill-kwistjoni dwar jekk l-awtorità doganali kkonċernata hijiex f’pożizzjoni li tistabbilixxi l-valur doganali b’mod konformi mal-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali permezz tal-elementi għad-dispożizzjoni immedjata tagħha. Għalkemm din l-awtorità diġà għandha, minn databases li hija tipprovdi u tamministra, l-elementi neċessarji għal dan l-għan, l-informazzjoni inkluża f’databases amministrati minn awtoritajiet doganali oħra jew mis-servizzi tal-Unjoni ma hijiex ta’ utilità partikolari.

43

Barra minn hekk, l-aċċess liberu u immedjat għal kull waħda mid-databases nazzjonali huwa rriżervat biss għall-awtorità doganali tal-Istat Membru kkonċernat li tipprovdiha u tamministraha, b’tali mod li l-awtoritajiet kontroparti ta’ Stati Membri oħra jistgħu jiksbu informazzjoni biss permezz ta’ talba ppreżentata konformement mar-Regolament Nru 515/97.

44

Fil-fatt, mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 515/97 isegwi li dan jiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet amministrattivi responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali u agrikola fl-Istati Membri għandhom jikkollaboraw ma’ xulxin kif ukoll mal-Kummissjoni sabiex jassiguraw l-osservanza ta’ din il-leġiżlazzjoni. Issa, din l-assistenza tingħata jew, fuq talba, konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu 1 ta’ dan ir-regolament, jew, b’mod spontanju, konformement mat-Titolu II tal-imsemmi regolament, f’sitwazzjonijiet li jiddistingwu ruħhom minn sempliċi kontroll għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur doganali.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta l-informazzjoni li tinsab fid-database nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat tkun suffiċjenti għall-awtorità doganali ta’ dan l-Istat Membru sabiex jiġi ddeterminat il-valur doganali, konformement mal-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali, l-impożizzjoni tal-obbligu li jitfittex sistematikament li tintuża informazzjoni li tirriżulta mid-databases amministrati mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri l-oħra jkollha l-effett li timponi piż mingħajr bżonn fuq kull proċedura ta’ kontroll, li tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-għan li jikkonsisti fil-ġlieda kontra l-frodi u kull attività illegali oħra li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Fil-fatt, dan l-għan, stabbilit fl-Artikolu 325 TFUE u fit-tmien premessa tal-Kodiċi Doganali, jeħtieġ li l-kontrolli doganali jiġu konklużi fi żmien xieraq li jippermetti l-ġbir effettiv u sħiħ tad-dazji doganali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Ġlieda kontra l-frodi tas-sottovalutazzjoni), C‑213/19, EU:C:2022:167, punti 209 sa 211 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Fir-rigward tal-istatistika identifikata fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari dik imsemmija fl-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex ċert li din neċessarjament tinkludi elementi li jistgħu jintużaw għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur doganali skont l-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali, minħabba n-natura aggregata tagħha u n-natura kunfidenzjali tagħha.

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 515/97 jistabbilixxi, skont it-Titolu V tiegħu, sistema ta’ informazzjoni doganali li tikkonsisti f’database ċentrali aċċessibbli minn terminals imqiegħda f’kull wieħed mill-Istati Membri u fil-Kummissjoni. Madankollu, mill-Artikolu 24(g) ta’ dan ir-regolament kif ukoll mill-premessa 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/346 isegwi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-sistema ta’ informazzjoni doganali, informazzjoni dwar avvenimenti rilevanti, bħas-sekwestru jew iż-żamma ta’ merkanzija. Is-sistema ta’ informazzjoni doganali ma tinkludix għalhekk informazzjoni dwar kull operazzjoni ta’ sdoganament li sseħħ fit-territorju doganali tal-Unjoni, li minnha l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jinvokaw, fi kwalunkwe każ, l-elementi neċessarji sabiex jiġi ddeterminat il-valur doganali ta’ merkanzija konformement mal-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali.

48

Bl-istess mod, mill-Artikoli 5, 6 u 8 tar-Regolament Nru 471/2009 isegwi li l-Istati Membri għandhom jittrażmettu lil Eurostat data aggregata dwar l-importazzjonijiet, espressi f’termini ta’ valur u mqassma skont il-kodiċi tal-oġġetti. Issa, kif ġie espost fil-punti 36 u 37 ta’ din is-sentenza, id-determinazzjoni tal-valur doganali konformement mal-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali teħtieġ l-eżami ta’ elementi bħall-karatteristiċi fiżiċi, il-kwalità, ir-reputazzjoni, l-interkambjabbiltà tal-oġġetti kif ukoll il-livell kummerċjali tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni.

49

Konsegwentement, kif isostni l-Gvern Ungeriż, id-data trażmessa mill-Istati Membri lil Eurostat skont ir-Regolament Nru 471/2009 ma tidhirx, fiha nnifisha, adatta sabiex tippermetti lill-awtorità doganali tiddetermina l-valur doganali b’mod konformi mal-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali.

50

Dan huwa wkoll il-każ ta’ kull database stabbilita fuq livell tal-Unjoni, li tinkludi informazzjoni ta’ interess doganali, bħat-tariffi, ir-regoli ta’ oriġini, it-taxxi u d-dazji addizzjonali, il-proċeduri u l-formalitajiet tal-importazzjoni, ir-rekwiżiti dwar il-prodotti, l-ostakoli għall-kummerċ u l-istatistiċi tal-flussi kummerċjali, mingħajr ma toffri, madankollu, informazzjoni preċiża li tippermetti li jiġi ddeterminat il-valur doganali konformement mal-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali.

51

Barra minn hekk, l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandhom l-awtoritajiet doganali fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali għandu riperkussjonijiet fuq il-possibbiltà li jintużaw databases amministrati mis-servizzi tal-Unjoni għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-frodi.

52

Fil-fatt, skont l-Artikolu 6(3) tal-Kodiċi Doganali, id-deċiżjonijiet bil-miktub li għandhom konsegwenzi sfavorevoli għall-persuni li huma indirizzati lilhom għandhom ikunu motivati mill-awtoritajiet doganali.

53

Għalhekk, l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandhom l-awtoritajiet doganali fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali għandu, l-ewwel, jippermetti li jintwerew b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunijiet li wassluhom sabiex ma japplikawx metodu wieħed jew iktar ta’ determinazzjoni tal-valur doganali, f’dan il-każ dak tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, LS Customs Services,C‑46/16, EU:C:2017:839, punt 44).

54

It-tieni, dan l-obbligu jimplika li l-imsemmija awtoritajiet huma obbligati li jesponu fid-deċiżjoni tagħhom li tistabbilixxi l-ammont tad-dazji fuq l-importazzjoni dovuti d-data li abbażi tagħha ġie kkalkolat il-valur doganali tal-merkanzija, f’dan il-każ abbażi tal-Artikolu 30(2) tal-Kodiċi Doganali, kemm sabiex id-destinatarju tagħha jkun jista’ jiddefendi d-drittijiet tiegħu fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u jiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti jekk huwiex utli li jippreżenta rikors kontra tiegħu, kif ukoll sabiex il-qrati jkunu jistgħu jeżerċitaw l-istħarriġ tal-legalità tal-imsemmija deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, LS Customs Services,C‑46/16, EU:C:2017:839, punt 45).

55

Anki jekk jitqies li dawn jistgħu jirriżultaw utli għad-determinazzjoni tal-valur doganali, elementi kunfidenzjali maħruġa minn database intiżi, permezz ta’ metodi ta’ esplorazzjoni statistika, sabiex jidentifikaw mudelli kummerċjali li jistgħu jikkostitwixxu każijiet ta’ frodi ma jistgħux jagħmlu parti mill-motivazzjoni meħtieġa fl-Artikolu 6(3) tal-Kodiċi Doganali. Konsegwentement, id-database li minnha jirriżultaw dawn l-elementi ma tistax titqies li hija għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur doganali, fis-sens tal-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali.

56

Dan ingħad, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 42 sa 55 ta’ din is-sentenza ma jipprekludux lill-awtorità doganali ta’ Stat Membru milli tindirizza, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari u meħud kont tad-dmir ta’ diliġenza tagħha, lill-awtoritajiet doganali ta’ Stati Membri oħra jew lill-istituzzjonijiet u s-servizzi tal-Unjoni b’talbiet xierqa intiżi sabiex tikseb l-informazzjoni addizzjonali li hija għandha bżonn sabiex tiddetermina l-valur doganali (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, LS Customs Services, C‑46/16, EU:C:2017:839, punt 55), sakemm din tkun tista’ tinġieb għall-konoxxenza tal-operatur ikkonċernat skont l-Artikolu 6(3) tal-Kodiċi Doganali.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li, fid-determinazzjoni tal-valur doganali konformement ma’ din id-dispożizzjoni, l-awtorità doganali ta’ Stat Membru tista’ tillimita ruħha li tuża l-informazzjoni li tinsab fid-database nazzjonali li hija tipprovdi u li hija tamministra, mingħajr ma jkollha, meta din l-informazzjoni tkun suffiċjenti għal dan l-għan, taċċedi għall-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet doganali ta’ Stati Membri oħra jew mill-istituzzjonijiet u s-servizzi tal-Unjoni, bla ħsara, jekk dan ma huwiex il-każ, għall-possibbiltà, għall-imsemmija awtorità doganali, li tindirizza talba lil dawn l-awtoritajiet jew lil dawn l-istituzzjonijiet u servizzi, sabiex tikseb data addizzjonali għall-finijiet ta’ din id-determinazzjoni.

Fuq it‑tielet domanda

58

Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità doganali ta’ Stat Membru tista’ teskludi, fid-determinazzjoni tal-valur doganali, il-valuri tat-tranżazzjoni relatati ma’ operazzjonijiet oħra tal-applikant għall-isdoganament, anki jekk l-imsemmija valuri ma ġewx ikkontestati la minn din l-awtorità doganali u lanqas mill-awtoritajiet doganali ta’ Stati Membri oħra.

59

Mill-Artikolu 150(5) u mill-Artikolu 151(5) tar-Regolament ta’ Applikazzjoni jsegwi li l-valur tat-tranżazzjoni ta’ merkanzija, rispettivament identika jew simili, jinftiehem bħala l-valur tat-tranżazzjoni ta’ merkanzija oħra, identika jew simili għall-merkanzija li għandha tiġi vvalutata, iddeterminata minn qabel skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali.

60

Issa, dawn id-dispożizzjonijiet ma jeskludux li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni, fir-rigward ta’ importazzjoni partikolari, tal-valur doganali konformement mal-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali, il-valuri tat-tranżazzjoni stabbiliti skont l-Artikolu 29 ta’ dan il-kodiċi dwar importazzjonijiet oħra magħmula mill-istess operatur.

61

Madankollu, skont l-Artikolu 78(1) u (2) tal-Kodiċi Doganali, l-awtorità doganali tista’, wara r-rilaxx tal-merkanzija, tipproċedi għar-reviżjoni tad-dikjarazzjoni doganali u/jew għall-kontroll tad-dokumenti u tad-data kummerċjali dwar l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni. Barra minn hekk, mill-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali jsegwi li l-ammont tad-dazji, kemm dak inizjalment stabbilit kif ukoll dak eventwalment stabbilit wara reviżjoni jew kontroll, għandu jiġi kkomunikat lid-debitur f’terminu ta’ tliet snin mid-data tat-tnissil tad-dejn doganali.

62

Fl-aħħar, mill-Artikolu 181a tar-Regolament ta’ Applikazzjoni jirriżulta li, meta l-awtorità doganali hija fondata li tiddubita li l-valur iddikjarat tal-merkanzija importata jirrappreżenta l-ammont totali mħallas jew li għandu jitħallas għaliha, hija tista’ tiċħad il-prezz iddikjarat jekk dawn id-dubji jippersistu wara li eventwalment tintalab il-provvista ta’ kull informazzjoni jew ta’ kull dokument addizzjonali u wara li tkun tat lill-persuna kkonċernata opportunità raġonevoli sabiex tesprimi l-opinjoni tagħha fir-rigward tal-motivi li l-imsemmija dubji huma bażati fuqhom (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary, C‑291/15, EU:C:2016:455, punt 31).

63

Mid-dispożizzjonijiet kollha invokati fil-punti 59 sa 62 ta’ din is-sentenza jsegwi li, meta din tiddetermina, fir-rigward ta’ importazzjoni partikolari, il-valur doganali konformement mal-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali, l-awtorità doganali ta’ Stat Membru tista’ teskludi l-valuri doganali ddikjarati fl-okkażjoni ta’ importazzjonijiet oħra tal-istess operatur fl-imsemmi Stat Membru, bil-kundizzjoni li l-imsemmija awtorità tikkontestahom minn qabel skont l-Artikolu 78(1) u (2) tal-Kodiċi Doganali, fil-limiti ta’ żmien imposti mill-Artikolu 221 tiegħu u billi ssegwi l-proċedura prevista fl-Artikolu 181a tar-Regolament ta’ Applikazzjoni.

64

Is-sitwazzjoni hija differenti meta l-operatur ikkonċernat jinvoka valuri tat-tranżazzjoni relatati ma’ importazzjonijiet magħmula fi Stati Membri oħra. Fil-fatt, peress li l-awtorità doganali ta’ Stat Membru ma hijiex f’pożizzjoni li tinfluwenza l-għażliet tal-awtoritajiet kontroparti ta’ Stati Membri oħra fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 181a tar-Regolament ta’ Applikazzjoni fir-rigward ta’ importazzjoni waħda jew iktar, il-fatt li dawn l-awtoritajiet tal-aħħar ma kkontestawx il-valuri ta’ tranżazzjoni inkwistjoni ma jistax, waħdu, jipprekludi lill-ewwel waħda milli tevalwa n-natura plawżibbli tal-valuri tat-tranżazzjoni invokati mill-importatur. F’tali ipoteżi, din l-awtorità żżomm il-possibbiltà li teskludi l-valuri doganali ddikjarati fl-okkażjoni ta’ importazzjonijiet oħra li l-istess operatur wettaq fi Stati Membri oħra, iżda bil-kundizzjoni li timmotiva din l-esklużjoni b’mod konformi mal-Artikolu 6(3) tal-Kodiċi Doganali b’riferiment għal elementi li jaffettwaw in-natura plawżibbli tal-valuri tat-tranżazzjoni inkwistjoni.

65

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità doganali ta’ Stat Membru tista’ teskludi, waqt id-determinazzjoni tal-valur doganali, il-valuri tat-tranżazzjoni relatati ma’ operazzjonijiet oħra tal-applikant għall-isdoganament, anki jekk l-imsemmija valuri ma ġewx ikkontestati, la minn din l-awtorità doganali u lanqas mill-awtoritajiet doganali ta’ Stati Membri oħra, bil-kundizzjoni li, minn naħa, għal dak li jirrigwarda valuri tat-tranżazzjoni dwar importazzjonijiet imwettqa f’dan l-Istat Membru, l-imsemmija awtorità tikkontestahom minn qabel skont l-Artikolu 78(1) u (2) tal-Kodiċi Doganali, fil-limiti ta’ żmien imposti mill-Artikolu 221 tiegħu u billi ssegwi l-proċedura prevista fl-Artikolu 181a tar-Regolament ta’ Applikazzjoni, u, min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda valuri tat-tranżazzjoni dwar importazzjonijiet imwettqa fi Stati Membri oħra, din l-awtorità doganali timmotiva din l-esklużjoni b’mod konformi mal-Artikolu 6(3) tal-Kodiċi Doganali b’riferiment għal elementi li jaffettwaw in-natura plawżibbli tagħhom.

Fuq ir‑raba’ domanda

66

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ merkanzija esportata “fl-istess mument jew kważi fl-istess mument” bħall-merkanzija li għandha tiġi vvalutata, użat fl-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali, għandux jiġi interpretat fis-sens li, waqt id-determinazzjoni tal-valur doganali konformement ma’ din id-dispożizzjoni, l-awtorità doganali tista’ tillimita ruħha li tuża data dwar valuri ta’ tranżazzjoni li jirrigwardaw perijodu ta’ 90 jum, li minnhom 45 huma qabel u 45 huma wara l-isdoganament tal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata.

67

Bħalma ġie espost fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet dwar il-valutazzjoni doganali huma intiżi sabiex jistabbilixxu sistema ekwa, uniformi u newtrali li teskludi l-użu ta’ valuri doganali arbitrarji jew fittizji. Għalhekk, il-valur doganali għandu jirrifletti l-valur ekonomiku reali ta’ merkanzija importata u, għaldaqstant, jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha ta’ din il-merkanzija li għandhom valur ekonomiku.

68

F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet doganali huma obbligati, bħalma ġie rrilevat fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, li jikkonsultaw is-sorsi ta’ informazzjoni u d-databases kollha li huma għandhom sabiex jiddefinixxu l-valur doganali bl-iktar mod preċiż u bl-iktar mod viċin tar-realtà.

69

Huwa fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet li għandu jinftiehem l-obbligu impost fuq l-awtoritajiet doganali li jiddeterminaw il-valur doganali abbażi tal-valur tat-tranżazzjoni ta’ merkanzija identika jew simili, esportata “fi jew kważi fl-istess żmien” bħall-merkanzija li għandha tiġi vvalutata.

70

B’mod partikolari, ir-rekwiżit li jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur tat-tranżazzjoni ta’ merkanzija esportata “fi jew kważi fl-istess żmien” bħall-merkanzija li għandha tiġi vvalutata huwa intiż li jiżgura li jittieħdu operazzjonijiet li seħħew f’data suffiċjentement qrib id-data tal-esportazzjoni, b’mod li jiġi evitat ir-riskju ta’ bidla sostanzjali tal-prattiki kummerċjali u tal-kundizzjonijiet tas-suq li jaffettwaw il-prezzijiet tal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata.

71

Għalhekk, awtorità doganali tista’, bħala prinċipju, tieħu inkunsiderazzjoni biss valuri ta’ tranżazzjoni ta’ merkanzija identika jew simili mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni matul perijodu stabbilit minnha għal 90 jum, li minnhom 45 huma qabel u 45 huma wara l-isdoganament tal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata. Fil-fatt, dan il-perijodu jidher qrib biżżejjed tad-data tal-esportazzjoni, b’mod li jiġi evitat ir-riskju ta’ bidla sostanzjali tal-prattiki kummerċjali u tal-kundizzjonijiet tas-suq li jaffettwaw il-prezzijiet tal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata. Għaldaqstant, jekk l-imsemmija awtorità tikkonkludi li l-operazzjonijiet ta’ esportazzjoni ta’ merkanzija identika jew simili għall-merkanzija li għandha tiġi vvalutata mwettqa matul dan il-perijodu jippermettulha tiddetermina l-valur doganali ta’ din tal-aħħar b’mod konformi mal-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali, hija ma tistax, bħala prinċipju, tkun obbligata twessa’ l-investigazzjoni tagħha sabiex tinkludi fiha esportazzjonijiet ta’ merkanzija identika jew simili mwettqa barra minn dan il-perijodu.

72

Fl-assenza ta’ esportazzjonijiet ta’ merkanzija identika jew simili mwettqa matul dan il-perijodu ta’ 90 jum, hija l-awtorità doganali li għandha teżamina jekk tali esportazzjonijiet twettqux matul perijodu itwal, iżda mhux wisq imbiegħed mid-data tal-esportazzjoni tal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata, sakemm, matul dan il-perijodu itwal, il-prattiki kummerċjali u l-kundizzjonijiet tas-suq li jaffettwaw il-prezzijiet tal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata baqgħu sostanzjalment l-istess. Huwa biss jekk l-awtorità doganali tikkonkludi, taħt il-kontroll tal-qorti nazzjonali, li tali esportazzjonijiet ma jeżistux, li hija tista’ tirrikorri, suċċessivament, għall-metodi ta’ determinazzjoni tal-valur doganali stabbiliti fl-Artikolu 30(2)(ċ) u (d) tal-Kodiċi Doganali jew, fin-nuqqas ta’ dan, fl-Artikolu 31 tiegħu.

73

Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ merkanzija esportata “fl-istess mument jew kważi fl-istess mument” bħall-merkanzija li għandha tiġi vvalutata, imsemmi fl-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, waqt id-determinazzjoni tal-valur doganali konformement ma’ din id-dispożizzjoni, l-awtorità doganali tista’ tillimita ruħha li tuża data dwar valuri tat-tranżazzjoni relatati ma’ perijodu ta’ 90 jum, li minnhom 45 huma qabel u 45 huma wara l-isdoganament tal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata, sakemm l-operazzjonijiet ta’ esportazzjoni, lejn l-Unjoni, ta’ merkanzija identika jew simili għall-merkanzija li għandha tiġi vvalutata mwettqa matul dan il-perijodu jippermettu li jiġi ddeterminat il-valur doganali ta’ din tal-aħħar, konformement ma’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l‑ispejjeż

74

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 30(2)(a) u (b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità għandu jiġi interpretat fis-sens li, fid-determinazzjoni tal-valur doganali konformement ma’ din id-dispożizzjoni, l-awtorità doganali ta’ Stat Membru tista’ tillimita ruħha li tuża l-informazzjoni li tinsab fid-database nazzjonali li hija tipprovdi u li hija tamministra, mingħajr ma jkollha, meta din l-informazzjoni tkun suffiċjenti għal dan l-għan, taċċedi għall-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet doganali ta’ Stati Membri oħra jew mill-istituzzjonijiet u s-servizzi tal-Unjoni Ewropea, bla ħsara, jekk dan ma huwiex il-każ, għall-possibbiltà, għall-imsemmija awtorità doganali, li tindirizza talba lil dawn l-awtoritajiet jew lil dawn l-istituzzjonijiet u servizzi, sabiex tikseb data addizzjonali għall-finijiet ta’ din id-determinazzjoni.

 

2)

L-Artikolu 30(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 2913/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità doganali ta’ Stat Membru tista’ teskludi, waqt id-determinazzjoni tal-valur doganali, il-valuri tat-tranżazzjoni relatati ma’ operazzjonijiet oħra tal-applikant għall-isdoganament, anki jekk l-imsemmija valuri ma ġewx ikkontestati, la minn din l-awtorità doganali u lanqas mill-awtoritajiet doganali ta’ Stati Membri oħra, bil-kundizzjoni li, minn naħa, għal dak li jirrigwarda valuri tat-tranżazzjoni dwar importazzjonijiet imwettqa f’dan l-Istat Membru, l-imsemmija awtorità tikkontestahom minn qabel skont l-Artikolu 78(1) u (2) tar-Regolament Nru 2913/92, fil-limiti ta’ żmien imposti mill-Artikolu 221 tiegħu u billi ssegwi l-proċedura prevista fl-Artikolu 181a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat‑2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3254/94 tad‑19 ta’ Diċembru 1994, u, min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda valuri tat-tranżazzjoni dwar importazzjonijiet imwettqa fi Stati Membri oħra, din l-awtorità doganali timmotiva din l-esklużjoni b’mod konformi mal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 2913/92 b’riferiment għal elementi li jaffettwaw in-natura plawżibbli tagħhom.

 

3)

Il-kunċett ta’ merkanzija esportata “fl-istess mument jew kważi fl-istess mument” bħall-merkanzija li għandha tiġi vvalutata, imsemmi fl-Artikolu 30(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 2913/92, għandu jiġi interpretat fis-sens li, waqt id-determinazzjoni tal-valur doganali konformement ma’ din id-dispożizzjoni, l-awtorità doganali tista’ tillimita ruħha li tuża data dwar valuri tat-tranżazzjoni relatati ma’ perijodu ta’ 90 jum, li minnhom 45 huma qabel u 45 huma wara l-isdoganament tal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata, sakemm l-operazzjonijiet ta’ esportazzjoni, lejn l-Unjoni Ewropea, ta’ merkanzija identika jew simili għall-merkanzija li għandha tiġi vvalutata mwettqa matul dan il-perijodu jippermettu li jiġi ddeterminat il-valur doganali ta’ din tal-aħħar, konformement ma’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.