SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

5 ta’ Mejju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2011/83/UE – Artikolu 6(1)(m) – Kuntratt mill-bogħod bejn konsumatur u kummerċjant – Obbligu tal-kummerċjant li jinforma lill-konsumatur bl-eżistenza ta’ garanzija kummerċjali tal-produttur u bil-kundizzjonijiet relatati magħha – Kundizzjonijiet li fihom jinħoloq tali obbligu – Kontenut tal-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata lill-konsumatur dwar il-garanzija kummerċjali tal-produttur – Effett tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 1999/44/KE”

Fil-Kawża C‑179/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Frar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Marzu 2017, fil-proċedura

absoluts -bikes and more- GmbH & Co. KG

vs

the-trading-company GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, President tal-Awla, N. Jääskinen, M. Safjan (Relatur), N. Piçarra u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal absoluts -bikes and more- GmbH & Co. KG, minn C. Rohnke, Rechtsanwalt,

għal the-trading-company GmbH, minn A. Rinkler, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u S. Šindelková, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Noll‑Ehlers, N. Ruiz García u I. Rubene, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpetazzjoni tal-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64), kif ukoll tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn absoluts -bikes and more- GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “absoluts”) u the-trading-company GmbH fir-rigward tal-obbligu jew le, għall-ewwel waħda, li tipprovdi lill-klijenti tagħha informazzjoni dwar il-garanzija kummerċjali offruta minn terzi fir-rigward ta’ prodotti li hija tipproponi għall-bejgħ.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id-Direttiva 1999/44

3

Il-premessa 21 tad-Direttiva 1999/44 tiddikjara:

“Billi, għal ċerti kategoriji ta’ oġġetti, hija prattika kurrenti għall-bejjiegħa u l-produtturi li joffru garanziji fuq oġġetti kontra kull difett li jsir apparenti f’ċertu perjodu; billi din il-prattika tista’ tistimula l-kompetizzjoni; billi, filwaqt li dawn il-garanziji huma għodda leġittimi tal-kummerċ, m’għandhomx iqarrqu bil-konsumatur; billi, sabiex jiżguraw li l-konsumaturi m’humiex imqarrqa, il-garanziji għandhom ikollhom fihom ċerta informazzjoni, li tinkludi stqarrija li l-garanzija ma taffettwax id-drittijiet legali tal-konsumatur.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva hija l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsumatur u garanziji assoċjati magħhom sabiex tiżgura livell uniformi minimu ta’ protezzjoni tal-konsumatur fil-kuntest tas-suq intern.

2.   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(e)

garanzija: għandha tfisser kull impriża minn bejjiegħ jew produttur lill-konsumatur, mogħtija mingħajr ebda ħlas żejjed, li tirrimborsa l-prezz imħallas jew biex tibdel, issewwi jew tieħu ħsieb oġġetti tal-konsum f’kull mod jekk ma jkunux konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet li hemm fl-istqarrija tal-garanzija jew fir-riklamar rilevanti;

[…]”

5

L-Artikolu 6(2) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Il-garanzija għandha:

issemmi li l-konsumatur għandu drittijiet legali skond il-leġislazzjoni nazzjonali applikabbli li tirregola l-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u tispjega ċar li dawk id-drittijiet m’humiex affettwati mil-garanzija,

tikteb f’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem il-kontenuti tal-garanzija u d-dettalji essenzjali meħtieġa biex isiru talbiet skond il-garanzija, notevolment id-dewmien u l-iskop territorjali tal-garanzija kif ukoll l-isem u l-indirizz ta’ min qiegħed jiggarantixxi.”

Id-Direttiva 2011/83

6

Il-premessi 4, 5 u 7 tad-Direttiva 2011/83 huma redatti f’dawn it-termini:

“(4)

Skont l-Artikolu 26(2) TFUE, is-suq intern għandu jinkludi żona mingħajr fruntieri interni fejn il-moviment liberu ta’ merkanzija u servizzi, u l-libertà ta’ stabbiliment huma żgurati. L-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-kuntratti tal-konsumatur mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju hija meħtieġa għall-promozzjoni ta’ suq intern realment tal-konsumatur li jsib l-aħjar bilanċ bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-kompetittività tal-impriżi, filwaqt li jiżgura r-rispett għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

(5)

[…] [A]rmonizzazzjoni sħiħa tal-informazzjoni tal-konsumatur u d-dritt ta’ reċess f’kuntratt mill-bogħod u dawk li jseħħu lil hinn mill-post tan-negozju se jikkontribwixxu għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u għat-tħaddim aħjar tas-suq intern tan-negozju dirett lejn il-konsumatur.

[…]

(7)

L-armonizzazzjoni sħiħa ta’ wħud mill-aspetti regolatorji ewlenin għandha żżid konsiderevolment iċ-ċertezza legali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-kummerċjanti. Kemm il-konsumaturi kif ukoll il-kummerċjanti għandhom ikunu jistgħu jorbtu fuq qafas regolatorju uniku bbażat fuq kunċetti legali definiti b’mod ċar li jirregolaw ċerti aspetti ta’ kuntratti fl-Unjoni tan-negozju dirett lejn il-konsumatur. L-effett ta’ tali armoniżżazzjoni għandu jkun li jinqerdu l-ostakli mnissla mill-frammentazzjoni tar-regoli u biex jitlesta s-suq intern f’dan il-qasam. Dawk l-ostakli jistgħu jinqerdu biss billi jitwaqqfu regoli uniformi fil-livell tal-Unjoni. Barra dan il-konsumaturi għandhom igawdu minn livell komuni għoli ta’ protezzjoni madwar l-Unjoni kollha.”

7

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa, permezz tal-ksib ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li tikkontribwixxi għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi tagħmel approssimazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar kuntratti konklużi bejn konsumaturi u kummerċjanti.”

8

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jiddikjara fil-punti 2, 7 u 14 tiegħu:

“Għall-għan ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(2)

‘kummerċjant’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew kwalunkwe persuna ġuridika, indipendentement mill-fatt li tkun suġġett pubbliku jew privat, li taġixxi, anki permezz ta’ persuna li tkun qed taġixxi f’isimha jew għall-interessi tagħha, għall-iskopijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha fil-kuntatti koperti minn din id-Direttiva;

[…]

(7)

‘kuntratt mill-bogħod’ tfisser kwalunkwe kuntratt konkluż bejn il-kummerċjant u il-konsumatur fil-qafas ta’ skema ta’ bejgħ mill-bogħod organizzat jew skema ta’ forniment ta’ servizzi, mingħajr il-preżenza simultanja u fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur, bl-użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew iktar tal-komunikazzjoni mill-bogħod, sal-konklużjoni tal-kuntratt, inkluża l-konklużjoni tal-kuntratt stess;

[…]

(14)

‘garanzija kummerċjali’ tfisser kwalunkwe impenn mill-kummerċjant jew minn produttur (il-‘garanti’) lill-konsumatur, flimkien mal-obbligi tal-liġi dwar il-garanzija ta’ konformità, ta’ rimbors tal-prezz imħallas jew ta’ sostituzzjoni, tiswija jew manutenzjoni ta’ oġġetti fi kwalunkwe mod jekk ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet jew kwalunkwe rekwiżit ieħor mhux relatat mal-konformità, stipulati fid-dikjarazzjoni tal-garanzija jew fir-riklamar relevanti disponibbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, jew qablu”.

9

Skont l-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva:

“Din id-Direttiva għandha tapplika, skont il-kundizzjonijiet u sal-punt stipulati fid-dispożizzjonijiet tagħha, għal kwalunkwe kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur. Hija wkoll applikabbli għall-kuntratti għall-provvista ta’ ilma, gass, elettriku jew tisħin distrettwali, inkluż min-naħa tal-fornituri pubbliċi, sal-punt li dawn l-oġġetti ta’ bażi huma fornuti fuq bażi kuntrattwali.”

10

L-Artikolu 5(1)(e) tad-Direttiva 2011/83 huwa fformulat kif ġej:

“Qabel ma l-konsumatur jintrabat b’kuntratt li mhuwiex kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwalunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jagħti lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b’mod ċar u komprensibbli, jekk dik l-imformazzjoni mhijiex diġà evidenti mill-kuntest:

[…]

(e)

flimkien ma’ tfakkira tal-eżistenza ta’ garanzija legali ta’ konformità għall-oġġetti u l-kundizzjonijiet ta’ servizzi ta’ wara l-bejgħ u garanziji kummerċjali, fejn applikabbli;

[…]”

11

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Qabel ma l-konsumatur jintrabat b’ kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwanlunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b’mod ċar u komprensibbli:

(a)

il-karatteristiċi prinċipali tal-oġġetti jew tas-servizzi, safejn xieraq għall-mezz u għall-oġġett jew is-servizzi;

[…]

(l)

tfakkira tal-eżistenza ta’ garanzija legali ta’ konformità għall-oġġetti;

(m)

fejn applikabbli, l-eżistenza u l-kundizzjonijiet ta’ servizzi ta’ wara l-bejgħ għall-klijenti, servizzi ta’ wara l-bejgħ u garanziji kummerċjali;

[…]”

Id‑dritt Ġermaniż

12

L-Artikolu 312d tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”), intitolat “Obbligi ta’ informazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-każ ta’ kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju u ta’ kuntratti mill-bogħod, il-kummerċjant għandu l-obbligu li jinforma lill-konsumatur konformement mal-Artikolu 246a [tal-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuch (il-Liġi Introduttiva għall-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem l-‘EGBGB’)]. […]”

13

Fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti inkwistjoni, l-Artikolu 479 tal-BGB, intitolat “Dispożizzjonijiet partikolari dwar il-garanziji”, kien jiddikjara fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull dikjarazzjoni ta’ garanzija (Artikolu 443) għandha tiġi redatta f’forma ċara u li tinftiehem. Hija għandha tinkludi:

1.

l-indikazzjoni tad-drittijiet legali tal-konsumatur kif ukoll l-indikazzjoni li l-garanzija ma tippreġudikax dawn id-drittijiet, kif ukoll

2.

il-kontenut tal-garanzija u t-tagħrif essenzjali kollu neċessarju għall-implimentazzjoni tal-garanzija, b’mod partikolari t-tul u l-portata territorjali tagħha kif ukoll l-isem u l-indirizz tal-garanti.

[…]”

14

L-Artikolu 246a tal-EGBGB, intitolat “Obbligi ta’ informazzjoni dwar il-kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju u l-kuntratti mill-bogħod, b’eċċezzjoni tal-kuntratti marbuta mas-servizzi finanzjarji”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“(1)   Il-kummerċjant għandu, bis-saħħa tal-Artikolu 312d(1) tal-BGB, iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur l-informazzjoni li ġejja:

[…]

9.

fejn applikabbli, l-eżistenza ta’ assistenza ta’ wara l-bejgħ għall-konsumatur, servizz ta’ wara l-bejgħ u garanziji kif ukoll il-kundizzjonijiet relatati magħhom;

[…]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

15

absoluts ipproponiet għall-bejgħ, fuq il-pjattaforma ta’ kummerċ online Amazon, sikkina tal-but tal-manifattur Svizzeru Victorinox. Il-paġna tas-sit Amazon li pproponiet din l-offerta ma kinitx tinkludi informazzjoni dwar xi tip ta’ garanzija offruta minn absoluts jew minn parti terza, iżda kienet tinkludi ħolqa, intitolata “Metodu ta’ użu”, li kienet jinsab taħt it-taqsima “Informazzjoni teknika oħra”. Billi jikklikkja fuq din il-ħolqa, l-utent kien jaċċedi għal skeda ta’ informazzjoni ta’ żewġ paġni, redatta u mfassla mill-produttur tas-sikkina. It-tieni paġna kienet tinkludi, b’mod partikolari, dikjarazzjoni dwar il-“garanzija Victorinox”, ifformulata kif ġej: “Il-garanzija Victorinox tkopri kull difett ta’ materjal jew ta’ manifattura mingħajr limitu ta’ żmien (għall-biċċiet elettroniċi, sentejn). Il-ħsara li tirriżulta minn deterjorament normali bl-użu jew minn użu ħażin ma humiex koperti mill-garanzija.”

16

the-trading-company, kumpannija kompetitriċi ta’ absoluts, tqis li din tal-aħħar ma pprovdietx biżżejjed informazzjoni dwar il-garanzija offruta mill-produttur tas-sikkina. Konsegwentement, hija ressqet, fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar il-kompetizzjoni żleali, azzjoni intiża sabiex absoluts tiġi ordnata tieqaf tipproponi tali offerti mingħajr ma fl-istess ħin tiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur dwar id-drittijiet legali tiegħu kif ukoll dwar il-fatt li l-garanzija tal-produttur ma tippreġudikax dawn id-drittijiet u mingħajr ma tippreċiża l-portata territorjali ta’ din il-garanzija.

17

Wara li tilfet il-kawża fl-ewwel istanza, l-azzjoni ta’ the‑trading‑company ntlaqgħet fl-appell mill-Oberlandesgericht Hamm (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamm, il-Ġermanja). Din il-qorti kkunsidrat li, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 312d(1) tal-BGB u tal-punt 9 tal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 246a(1) tal-EGBGB, li jittrasponu l-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83, il-bejjiegħ għandu obbligu ta’ informazzjoni dwar il-garanzija meta l-offerta li huwa jipproponi jkun fiha, bħal f’dan il-każ, indikazzjoni, taħt kwalunkwe forma, tal-eżistenza ta’ garanzija. Barra minn hekk, wara li ppreċiżat li l-portata ta’ dan l-obbligu ta’ informazzjoni kellha tiġi ddeterminata skont l-Artikolu 479(1) tal-BGB, li jittrasponi l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 1999/44, l-imsemmija qorti kkonstatat li l-offerta ta’ absoluts ma kien fiha ebda informazzjoni meħtieġa minn din id-dispożizzjoni tal-BGB u li mkien fl-atti tal-proċess ma kien hemm indikat barra minn hekk li l-konsumatur kien irċieva din l-informazzjoni fi stadju ulterjuri tal-proċess ta’ ordni.

18

absoluts ippreżentat appell għal Reviżjoni quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) kontra s-sentenza tal-Oberlandesgericht Hamm (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamm) sabiex tikseb l-istabbiliment mill-ġdid tas-sentenza tal-ewwel istanza.

19

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk kummerċjant li jinsab fis-sitwazzjoni ta’ absoluts huwiex obbligat, fuq il-bażi tal-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83, li jinforma lill-konsumatur bl-eżistenza ta’ garanzija kummerċjali offruta mill-produttur kif ukoll bil-kundizzjonijiet relatati magħha. B’mod iktar partikolari, hija tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk, fid-dawl tal-espressjoni “fejn applikabbli” użata f’din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2011/83, is-sempliċi eżistenza ta’ garanzija tal-produttur, f’dan il-każ il-garanzija ta’ Victorinox, toħloqx tali obbligu ta’ informazzjoni għall-kummerċjanti li jikkummerċjalizzaw il-prodott ikkonċernat jew jekk dan l-obbligu jinħoloqx biss fil-każ fejn il-kummerċjant isemmi l-eżistenza ta’ garanzija tal-produttur fl-offerta tiegħu.

20

Fid-dawl tal-istruttura u tal-għan tad-Direttiva 2011/83, iżda wkoll tal-fatt li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-neċessità li ma jingħatax lok għal restrizzjonijiet sproporzjonati għad-drittijiet fundamentali tal-kummerċjanti, il-qorti tar-rinviju għandha t-tendenza li tinterpreta l-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83 fis-sens li s-sempliċi eżistenza ta’ garanzija tal-produttur ma toħloqx l-obbligu, għall-kummerċjant, li jipprovdi informazzjoni dwar din il-garanzija lill-klijenti tiegħu.

21

F’din l-ipoteżi, il-qorti tar-rinviju għalhekk tqajjem il-kwistjoni dwar jekk, fit-tieni lok, is-sempliċi riferiment għal garanzija tal-produttur fl-offerta tal-kummerċjant, indipendentement mill-forma tagħha u mill-fatt jekk tkunx esposta jew le, joħloqx l-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83 jew jekk, sabiex tali obbligu ta’ informazzjoni jiġi attribwit lill-kummerċjant, huwiex neċessarju wkoll li tali indikazzjoni tkun faċilment identifikabbli għall-konsumatur, jew ukoll, barra minn hekk, li ma jkunx jidher b’mod ċar għall-konsumatur li l-indikazzjoni dwar il-garanzija tal-produttur ma tirriżultax mill-kummerċjant iżda mill-produttur innifsu.

22

Fil-każ li kummerċjant bħal absoluts ikun obbligat, bis-saħħa tal-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83, jipprovdi lill-konsumatur informazzjoni dwar il-garanzija kummerċjali offruta mill-produttur, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tielet lok, dwar il-kontenut li għandu jkollha din l-informazzjoni. B’mod iktar partikolari, hija tixtieq tkun taf jekk dan il-kontenut għandux ikun l-istess bħal dak previst fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 1999/44 jew jekk jistax jinkludi ammont iktar limitat ta’ informazzjoni.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Is-sempliċi eżistenza ta’ garanzija tal-manifattur tagħti lok għall-obbligu ta’ informazzjoni taħt l-Artikolu 6(1)(m) tad-[Direttiva 2011/83]?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: Is-sempliċi fatt li garanzija tal-manifattur tiġi indikata fl-offerta tal-kummerċjant jagħti lok għall-obbligu ta’ informazzjoni taħt l-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83, jew dan l-obbligu jitnissel jekk din l-indikazzjoni tkun tista’ tiġi pperċepita faċilment mill-konsumatur? Obbligu ta’ informazzjoni jeżisti wkoll fil-każ li l-konsumatur ikun jista’ faċilment jipperċepixxi li l-kummerċjant ikun qiegħed biss jipprovdi informazzjoni dwar il-garanzija mogħtija mill-manifattur?

3)

L-informazzjoni dwar l-eżistenza u l-kundizzjonijiet ta’ garanzija tal-manifattur meħtieġa taħt l-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83 għandha tinkludi l-istess informazzjoni bħal garanzija taħt l-Artikolu 6(2) tad-[Direttiva 1999/44], jew hija biżżejjed inqas informazzjoni?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel żewġ domandi

24

Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal-garanzija kummerċjali offruta mill-produttur, l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-kummerċjant minn din id-dispożizzjoni jitnissel mis-sempliċi fatt tal-eżistenza ta’ din il-garanzija jew jekk huwiex biss f’ċerti ċirkustanzi li l-kummerċjant huwa obbligat jinforma lill-konsumatur bl-eżistenza ta’ tali garanzija kif ukoll bil-kundizzjonijiet relatati magħha.

25

Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li l-kuntratti mill-bogħod huma ddefiniti, bis-saħħa tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83, bħala “kwalunkwe kuntratt konkluż bejn il-kummerċjant u il-konsumatur fil-qafas ta’ skema ta’ bejgħ mill-bogħod organizzat jew skema ta’ forniment ta’ servizzi, mingħajr il-preżenza simultanja u fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur, bl-użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew iktar tal-komunikazzjoni mill-bogħod, sal-konklużjoni tal-kuntratt, inkluża l-konklużjoni tal-kuntratt stess”. Minn dan jirriżulta li kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġett konkluż bejn kummerċjant u konsumatur fuq pjattaforma ta’ kummerċ online jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kuntratt mill-bogħod” u, għaldaqstant, fl-assenza ta’ applikazzjoni tal-esklużjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2) sa (4) tad-Direttiva 2011/83, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva kif iddefinit fl-Artikolu 3(1) tagħha.

26

Ladarba saret din il-preċiżazzjoni preliminari, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83, qabel ma l-konsumatur jintrabat b’kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwalunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jipprovdi ċerta informazzjoni lill-konsumatur b’mod ċar u li jinftiehem. Din id-dispożizzjoni hija intiża li tiżgura l-komunikazzjoni lill-konsumatur, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, kemm tal-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali kif ukoll il-konsegwenzi ta’ din il-konklużjoni, li tippermetti lil dan il-konsumatur jiddeċiedi jekk ikunx jixtieq jintrabat kuntrattwalment ma’ kummerċjant, kif ukoll tal-informazzjoni neċessarja għall-eżekuzzjoni tajba ta’ dan il-kuntratt u, b’mod partikolari, għall-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu (sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2020, Möbel Kraft, C‑529/19, EU:C:2020:846, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali li jinsab fl-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83, il-kummerċjant għandu jinforma lill-konsumatur, “fejn applikabbli, [dwar] l-eżistenza u l-kundizzjonijiet ta’ servizzi ta’ wara l-bejgħ għall-klijenti, servizzi ta’ wara l-bejgħ u garanziji kummerċjali”.

28

Fir-rigward tal-garanziji kummerċjali, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni u mill-espressjoni “fejn applikabbli” jirriżulta li, meta kummerċjant jagħti garanzija kummerċjali, huwa obbligat jinforma lill-konsumatur bl-eżistenza ta’ din il-garanzija kif ukoll bil-kundizzjonijiet relatati magħha.

29

Min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk kummerċjant huwiex obbligat, fil-każ fejn teżisti garanzija kummerċjali tal-produttur, li jinforma lill-konsumatur bl-eżistenza ta’ din il-garanzija kif ukoll bil-kundizzjonijiet relatati magħha.

30

Fil-fatt, minn naħa, l-espressjoni “fejn applikabbli” li tinsab fl-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83 hija intiża biss biex tippreċiża li l-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, huwa intiż li japplika meta garanzija kummerċjali teżisti, mingħajr madankollu ma tagħti indikazzjoni utli għas-soluzzjoni tal-kwistjoni dwar jekk, meta garanzija kummerċjali offruta mill-produttur tkun teżisti minbarra dik offruta mill-kummerċjant u jekk il-garanzija kummerċjali tal-produttur ma tkunx is-suġġett tal-kuntratt previst bejn il-konsumatur u l-kummerċjant, dan tal-aħħar għandux, minħabba s-sempliċi fatt ta’ din l-eżistenza, jipprovdi l-informazzjoni lill-konsumatur mhux biss dwar il-garanzija tiegħu stess iżda wkoll dwar dik tal-produttur.

31

Min-naħa l-oħra, l-użu tal-espressjoni “garanziji kummerċjali” fil-plural, fl-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83, jista’ jinftiehem bħala li jinkludi kemm id-diversi garanziji kummerċjali li kummerċjant jista’ joffri għall-istess oġġett jew għal diversi oġġetti kif ukoll il-garanziji kummerċjali offruti kemm mill-kummerċjant kif ukoll mill-produttur bħala persuni distinti.

32

Peress li għalhekk il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83 ma tippermettix, waħedha, li tingħata tweġiba għall-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju, jeħtieġ, għalhekk, li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata skont il-kuntest tagħha u l-għanijiet li hija tixtieq tilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Amazon EU, C‑649/17, EU:C:2019:576, punti 3537 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33

L-ewwel, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “garanzija kummerċjali” huwa ddefinit fil-punt 14 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 bħala “kwalunkwe impenn mill-kummerċjant jew minn produttur […] lill-konsumatur […]”. Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “garanzija kummerċjali”, fis-sens tad-Direttiva 2011/83, ma jkoprix biss il-garanziji kummerċjali offruti mill-kummerċjant iżda wkoll dawk offruti mill-produttur.

34

Barra minn hekk, minn qari flimkien tal-kunċetti ta’ “kummerċjant” u ta’ “garanzija kummerċjali”, imsemmija rispettivament fil-punti 2 u 14 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83, jirriżulta li ma kien ikun hemm ebda sens, għal-leġiżlatur tal-Unjoni, li juża l-espressjoni “jew minn produttur” fil-punt 14 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 li kieku l-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali msemmi fl-Artikolu 6(1)(m) ta’ din id-direttiva ma kienx ikopri, tal-inqas f’ċerti ċirkustanzi, il-garanzija kummerċjali offruta mill-produttur.

35

Fil-fatt, meta l-produttur ibigħ lill-konsumatur, direttament jew permezz ta’ persuna oħra li taġixxi għalih u f’ismu, l-oġġett li jipproduċi, huwa għandu jiġi kkunsidrat bħala “kummerċjant” fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83. Għaldaqstant, il-garanzija kummerċjali li joffri ma tistax ma tikkorrispondix għall-“impenn mill-kummerċjant”, fis-sens tal-punt 14 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, u mhux għall-impenn “minn produttur” fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-espressjoni “jew minn produttur”, li tinsab fil-punt 14 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83, tirreferi għal sitwazzjoni li fiha l-persuna tal-kummerċjant ma tiġix konfuża ma’ dik tal-produttur. Issa, fid-dawl tal-fatt li l-espressjoni “garanzija kummerċjali” tintuża biss fl-Artikolu 6(1)(m) ta’ din id-direttiva kif ukoll fid-dispożizzjoni analoga prevista, għall-kuntratti li ma humiex il-kuntratti mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, fl-Artikolu 5(1)(e) tad-Direttiva, l-espressjoni “jew minn produttur” jibqa’ jkollha sens biss jekk, fil-kuntest tal-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali msemmi f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, il-kummerċjant huwa obbligat, tal-inqas f’ċerti ċirkustanzi, li jipprovdi lill-konsumatur mhux biss b’informazzjoni dwar il-garanzija kummerċjali tiegħu stess iżda wkoll dwar dik offruta mill-produttur.

37

Barra minn hekk, f’sitwazzjoni fejn l-għan prinċipali tar-relazzjoni kuntrattwali jirrigwarda oġġett immanifatturat minn persuna distinta minn dik tal-kummerċjant, l-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali msemmi fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83 għandu jkopri kull informazzjoni essenzjali dwar l-imsemmi għan, jiġifieri dwar l-oġġett ikkonċernat, sabiex il-konsumatur ikun jista’, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, jiddeċiedi jekk ikunx jixtieq jintrabat kuntrattwalment mal-kummerċjant fir-rigward ta’ dan l-għan prinċipali. Issa, minbarra l-“karatteristiċi prinċipali tal-oġġett”, imsemmija espressament fl-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2011/83, tali informazzjoni tinkludi wkoll, bħala prinċipju, il-garanziji kollha intrinsikament marbuta mal-oġġett, li minnhom tagħmel parti l-garanzija kummerċjali offruta mill-produttur.

38

It-tieni, fir-rigward tal-għan li d-Direttiva 2011/83 għandha l-intenzjoni li tilħaq, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, moqri fid-dawl tal-premessi 4, 5 u 7 tagħha, din id-direttiva tixtieq tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi billi tiggarantixxi li dawn jiġu informati u billi tiggarantixxi s-sigurtà tagħhom fit-tranżazzjonijiet mal-kummerċjanti. Barra minn hekk, il-protezzjoni tal-konsumatur fil-politiki tal-Unjoni hija stabbilita fl-Artikolu 169 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Amazon EU, C‑649/17, EU:C:2019:576, punt 39).

39

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/83, għandu jiġi żgurat, kif tiddikjara l-premessa 4 ta’ din id-direttiva, bilanċ ġust bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-kompetittività tal-impriżi, filwaqt li tiġi rrispettata l-libertà tal-intrapriża tal-imprenditur kif stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Amazon EU, C‑649/17, EU:C:2019:576, punt 44).

40

F’dan il-kuntest, għalkemm huwa minnu li l-komunikazzjoni, lill-konsumatur, ta’ informazzjoni dwar il-garanzija kummerċjali tal-produttur, bħala element intrinsikament marbut mal-oġġett li huwa s-suġġett tar-relazzjoni kuntrattwali prevista mal-kummerċjant, tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni ta’ dan il-konsumatur, obbligu inkundizzjonat li tiġi pprovduta tali informazzjoni, fi kwalunkwe ċirkustanza, jidher sproporzjonat, b’mod partikolari fil-kuntest ekonomiku tal-operat ta’ ċerti impriżi, b’mod partikolari dawk l-iktar żgħar (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, EIS, C‑266/19, EU:C:2020:384, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, tali obbligu inkundizzjonat jobbliga lill-kummerċjanti jwettqu xogħol kunsiderevoli ta’ ġbir u ta’ aġġornament tal-informazzjoni relatata ma’ tali garanzija, filwaqt li dawn mhux neċessarjament ikollhom relazzjoni kuntrattwali diretta mal-produtturi u li l-kwistjoni tal-garanzija kummerċjali tal-produtturi ma taqax, bħala prinċipju, taħt il-kuntratt li huma jkollhom l-intenzjoni li jikkonkludu mal-konsumatur.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ibbilanċjar ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi mal-kompetittività tal-impriżi, kif iddikjarat fil-premessa 4 tad-Direttiva 2011/83, għandu jwassal biex jiġi kkunsidrat li l-kummerċjant huwa obbligat jipprovdi informazzjoni prekuntrattwali lill-konsumatur dwar il-garanzija kummerċjali tal-produttur biss meta l-interess leġittimu tal-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat għal livell għoli ta’ protezzjoni għandu jipprevali fir-rigward tad-deċiżjoni tiegħu jekk jintrabatx kuntrattwalment jew le ma’ dan il-kummerċjant.

42

Mill-analiżi litterali, sistematika u teleoloġika magħmula fil-punti 27 sa 41 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali previst fl-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83 ikopri l-garanzija kummerċjali offruta mill-kummerċjant kif ukoll dik offruta mill-produttur meta, kif jirriżulta mill-punt 41 ta’ din is-sentenza, il-konsumatur għandu, fir-rigward tal-livell ta’ protezzjoni previst minn din id-direttiva, interess leġittimu li jikseb informazzjoni f’dan ir-rigward sabiex ikun jista’ jieħu d-deċiżjoni tiegħu li jintrabat kuntrattwalment mal-kummerċjant. Minn dan isegwi li l-kummerċjant huwa obbligat jipprovdi informazzjoni prekuntrattwali lill-konsumatur dwar il-garanzija kummerċjali tal-produttur mhux sempliċement minħabba l-eżistenza ta’ din il-garanzija iżda minħabba l-preżenza ta’ tali interess leġittimu.

43

Konsegwentement, fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk li jikkaratterizzaw l-offerti tal-kummerċjant inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-konsumatur għandux interess leġittimu li jikseb, mingħand il-kummerċjant, informazzjoni prekuntrattwali dwar il-garanzija kummerċjali offruta mill-produttur kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet relatati ma’ din il-garanzija.

44

F’dan ir-rigward, għandha tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ tali interess leġittimu meta l-kummerċjant jagħmel mill-garanzija kummerċjali proposta mill-produttur element ċentrali jew deċiżiv tal-offerta tiegħu.

45

B’mod iktar partikolari, peress li l-kummerċjant jiġbed espressament l-attenzjoni tal-konsumatur għall-eżistenza ta’ garanzija kummerċjali tal-produttur b’mod li minn dan jagħmel argument ta’ bejgħ jew argument pubbliċitarju u, għaldaqstant, li jtejjeb il-kompetittività u l-attrattività tal-offerta tiegħu meta mqabbla mal-offerti tal-kompetituri tiegħu, l-obbligu ta’ informazzjoni msemmi fl-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83 huwa intiż li japplika.

46

Fil-fatt, minn naħa, tali informazzjoni hija, f’termini ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, indispensabbli sabiex dawn tal-aħħar ma jiġux imqarrqa minn informazzjoni li ma hijiex ċara, ekwivoka jew inkompleta dwar id-diversi garanziji eżistenti u dwar l-artikolazzjoni tagħhom u sabiex b’mod partikolari jkunu f’pożizzjoni li jifhmu li l-garanzija kummerċjali proposta mill-produttur ma toriġinax mill-kummerċjant u jekk din tista’, jekk ikun il-każ, tiġi eżerċitata permezz ta’ dan tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, tali obbligu ta’ informazzjoni ma jistax jitqies li jikkostitwixxi piż sproporzjonat għall-kummerċjant, sa fejn dan tal-aħħar jiddeċiedi huwa stess, b’għarfien sħiħ tal-fatti, li jiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur dwar dan is-suġġett u sa fejn huwa għandu l-intenzjoni li jikseb vantaġġ kompetittiv minn dan.

47

Min-naħa l-oħra, jekk l-offerta tal-kummerċjant issemmi b’mod aċċessorju, insinjifikattiv jew negliġibbli l-garanzija kummerċjali tal-produttur b’tali mod li din, fid-dawl tal-kontenut u tal-konfigurazzjoni tal-offerta, oġġettivament ma tistax titqies li tikkostitwixxi argument kummerċjali tal-kummerċjant u lanqas li tista’ tqarraq bil-konsumatur, il-kummerċjant ma jistax ikun obbligat, minħabba din is-sempliċi indikazzjoni, li jipprovdi, taħt l-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83, informazzjoni prekuntrattwali lill-konsumatur dwar din il-garanzija.

48

Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-garanzija kummerċjali tal-produttur tikkostitwixxix element ċentrali jew deċiżiv tal-offerta tal-kummerċjant, fis-sens tal-punt 44 ta’ din is-sentenza, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kontenut u l-konfigurazzjoni ġenerali tal-offerta fir-rigward tal-oġġett ikkonċernat, tal-importanza, f’termini ta’ argument ta’ bejgħ jew ta’ argument ta’ reklamar, tal-indikazzjoni tal-garanzija kummerċjali tal-produttur, tal-pożizzjoni okkupata minn din l-indikazzjoni fl-offerta, tal-probabbiltà ta’ żball jew ta’ konfużjoni li l-imsemmija indikazzjoni tista’ twassal f’moħħ il-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat fir-rigward tad-diversi drittijiet għall-garanzija li dan jista’ jeżerċita jew tal-identità reali tal-garanti, tal-preżenza jew le, fl-offerta, ta’ spjegazzjonijiet relatati mal-garanziji l-oħra konnessi mal-oġġett kif ukoll ta’ kull element ieħor li jista’ jistabbilixxi ħtieġa oġġettiva ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

49

Fir-rigward ta’ dawn il-kriterji, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-kawża prinċipali, ir-riferiment għall-garanzija kummerċjali tal-produttur fl-offerta tal-kummerċjant setax jitqies li jikkostitwixxi element ċentrali jew deċiżiv tal-offerta ta’ dan il-kummerċjant b’tali mod li jagħti lok għall-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali msemmi fl-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83. Għalkemm din il-verifika għandha titwettaq esklużivament mill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja, li tkun qiegħda tiddeċiedi fuq rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’ madankollu, jekk ikun il-każ, tipprovdi preċiżazzjonijiet speċifiċi intiżi li jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fid-deċiżjoni tagħha (sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, FIGC u Consorzio Ge.Se.Av., C‑155/19 u C‑156/19, EU:C:2021:88, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-garanzija kummerċjali tal-produttur ma kinitx direttament imsemmija fit-test stess tal-offerta u għalhekk ma ntużatx b’mod notevoli bħala argument ta’ bejgħ jew argument ta’ reklamar mill-kummerċjant.

51

B’mod partikolari, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li din il-garanzija kienet imsemmija biss b’mod aċċessorju fl-offerta, jiġifieri fit-tieni paġna ta’ skeda ta’ informazzjoni tal-produttur, li għaliha kien possibbli l-aċċess permezz ta’ ħolqa intitolata “Metodu ta’ użu” li tinsab fit-taqsima “Informazzjoni teknika oħra”, kliem li normalment jirreferi għal informazzjoni pprovduta mill-produttur fir-rigward tal-oġġett ikkonċernat. Sussegwentement, l-imsemmija garanzija kienet tirriżulta preċiżament minn skeda ta’ informazzjoni stabbilita mhux mill-kummerċjant, iżda mill-produttur u li tidentifika speċifikament il-garanzija bħala dik ta’ dan tal-aħħar. Fl-aħħar nett, ir-riskju li l-konsumatur seta’ jiġi mqarraq jew konfuż fir-rigward tan-natura tal-garanzija u tal-identità reali tal-garanti huwa wisq iktar negliġibbli peress li mkien fl-offerta ma ġiet indikata garanzija kompetitriċi għal dik offruta mill-produttur.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li indikazzjoni tal-garanzija kummerċjali tal-produttur bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jitqies li jikkostitwixxi element ċentrali jew deċiżiv tal-offerta tal-kummerċjant.

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal-garanzija kummerċjali offruta mill-produttur, l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-kummerċjant minn din id-dispożizzjoni ma jitnissilx mis-sempliċi fatt tal-eżistenza ta’ din il-garanzija iżda biss meta l-konsumatur ikollu interess leġittimu li jikseb informazzjoni dwar l-imsemmija garanzija sabiex ikun jista’ jieħu d-deċiżjoni tiegħu li jintrabat kuntrattwalment mal-kummerċjant. Tali interess leġittimu huwa b’mod partikolari stabbilit meta l-kummerċjant jagħmel mill-garanzija kummerċjali tal-produttur element ċentrali jew deċiżiv tal-offerta tiegħu. Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-garanzija tikkostitwixxix element ċentrali jew deċiżiv, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kontenut u l-konfigurazzjoni ġenerali tal-offerta fir-rigward tal-oġġett ikkonċernat, tal-importanza, f’termini ta’ argument ta’ bejgħ jew ta’ argument ta’ reklamar, tal-indikazzjoni tal-garanzija kummerċjali tal-produttur, tal-pożizzjoni okkupata minn din l-indikazzjoni fl-offerta, tal-probabbiltà ta’ żball jew ta’ konfużjoni li l-imsemmija indikazzjoni tista’ twassal f’moħħ il-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat fir-rigward tad-diversi drittijiet għall-garanzija li dan jista’ jeżerċita jew tal-identità reali tal-garanti, tal-preżenza jew le, fl-offerta, ta’ spjegazzjonijiet relatati mal-garanziji l-oħra konnessi mal-oġġett kif ukoll ta’ kull element ieħor li jista’ jistabbilixxi ħtieġa oġġettiva ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

Fuq it‑tielet domanda

54

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-konsumatur dwar il-kundizzjonijiet relatati mal-garanzija kummerċjali tal-produttur tikkorrispondix għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 1999/44.

55

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 1999/44 għandha bħala għan li tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrittivi tal-Istati Membri dwar ċerti aspetti tal-bejgħ u tal-garanziji tal-oġġetti ta’ konsum bil-għan li tiġi żgurata protezzjoni uniformi minima tal-konsumaturi fil-kuntest tas-suq intern.

56

B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 1999/44, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 1(2)(e) ta’ din id-direttiva u l-premessa 21 tal-imsemmija direttiva, jirriżulta li kemm il-garanziji tal-bejjiegħ kif ukoll dawk tal-produttur għandhom jinkludu ċerta informazzjoni, elenkata fl-Artikolu 6(2) tal-istess direttiva sabiex jiġi żgurat li l-konsumatur ma jiġix imqarraq.

57

Għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 1999/44 u l-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83, minkejja li t-tnejn li huma jirrigwardaw il-garanziji kummerċjali offruti mill-bejjiegħ jew mill-kummerċjant u mill-produttur, isegwu għanijiet distinti. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet hija intiża sabiex tippreċiża l-informazzjoni li għandha tinsab f’dawn il-garanziji, it-tieni waħda għandha bħala għan, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-formulazzjoni tagħha, li tipprovdi lill-konsumatur informazzjoni prekuntrattwali dwar l-eżistenza ta’ tali garanziji kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet marbuta magħhom.

58

B’hekk, il-kummerċjant, fil-każijiet li fihom huwa obbligat jipprovdi lill-konsumatur informazzjoni prekuntrattwali dwar il-garanzija kummerċjali tal-produttur, għandu jittrażmetti, taħt l-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83, informazzjoni li tirrigwarda biss l-eżistenza u l-kundizzjonijiet ta’ din il-garanzija u mhux il-kontenut kollu tal-imsemmija garanzija.

59

Konsegwentement, għandhom jiġu ddeterminati, fost l-elementi differenti elenkati fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 1999/44, li jirrigwardaw il-“kondizzjonijiet […] assoċjat[i]” mal-garanziji kummerċjali, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83.

60

F’dan ir-rigward, kif tenfasizza l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 1999/44 ma jikkonċernax il-kundizzjonijiet applikabbli għall-garanzija kummerċjali, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83 iżda jirrigwarda t-tfakkira tal-eżistenza tal-garanzija legali ta’ konformità.

61

Fir-rigward tat-tieni inċiż tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 1999/44, għandu jiġi osservat li l-“kontenuti tal-garanzija” u d-“dettalji essenzjali meħtieġa biex isiru talbiet skond il-garanzija, notevolment id-dewmien u l-iskop territorjali tal-garanzija” jkopru neċessarjament il-kundizzjonijiet relatati mal-garanzija kummerċjali, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83. Barra minn hekk, l-“isem u l-indirizz ta’ min qiegħed jiggarantixxi” jaqgħu taħt dawn il-kundizzjonijiet ta’ garanzija, sa fejn, skont iċ-ċirkustanzi, l-identità u l-pożizzjoni ġeografika tal-garanti jipprovdu informazzjoni supplimentari rilevanti relatati mal-kundizzjonijiet tal-garanzija.

62

Madankollu, fid-dawl, minn naħa, tan-natura ġenerika tal-espressjonijiet “kontenuti tal-garanzija” u “dettalji essenzjali meħtieġa biex isiru talbiet skond il-garanzija”, imsemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 1999/44, kif ukoll, min-naħa l-oħra, tan-natura ta’ eżempju tal-elementi li huma ddikjarati fiha, il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet” relatati mal-garanziji kummerċjali, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83, ma jistax ikun limitat għat-tul u għall-portata territorjali tal-garanzija jew saħansitra għall-isem u l-indirizz tal-garanti.

63

Dan il-kunċett jinkludi neċessarjament il-kundizzjonijiet kollha ta’ applikazzjoni u ta’ implimentazzjoni tal-garanziji kummerċjali, filwaqt li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 53 ta’ din is-sentenza, l-informazzjoni prekuntrattwali dwar il-garanzija kummerċjali tal-produttur għandha biss tiġi pprovduta bil-għan li tippermetti lill-konsumatur jieħu d-deċiżjoni tiegħu jekk jintrabatx kuntrattwalment jew le mal-kummerċjant.

64

Għaldaqstant, il-kummerċjant huwa obbligat, skont l-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83, moqri flimkien mat-tieni inċiż tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 1999/44, li jipprovdi lill-konsumatur, sabiex jissodisfa l-interess leġittimu ta’ dan tal-aħħar, identifikat fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, kull element ta’ informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni u ta’ implimentazzjoni tal-garanzija kummerċjali kkonċernata, li jista’ jinkludi wkoll mhux biss, kif tesponi l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-post ta’ kumpens fil-każ ta’ ħsara jew ir-restrizzjonijiet eventwali ta’ garanzija, iżda wkoll, kif ġie osservat fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, l-isem u l-indirizz tal-garanti.

65

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83, moqri flimkien mat-tieni inċiż tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 1999/44, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-konsumatur dwar il-kundizzjonijiet dwar il-garanzija kummerċjali tal-produttur tinkludi kull element ta’ informazzjoni li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni u ta’ implimentazzjoni ta’ tali garanzija, li jippermetti lill-konsumatur jieħu d-deċiżjoni tiegħu jekk jintrabatx kuntrattwalment jew le mal-kummerċjant.

Fuq l‑ispejjeż

66

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal-garanzija kummerċjali offruta mill-produttur, l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-kummerċjant minn din id-dispożizzjoni ma jitnissilx mis-sempliċi fatt tal-eżistenza ta’ din il-garanzija iżda biss meta l-konsumatur ikollu interess leġittimu li jikseb informazzjoni dwar l-imsemmija garanzija sabiex ikun jista’ jieħu d-deċiżjoni tiegħu li jintrabat kuntrattwalment mal-kummerċjant. Tali interess leġittimu huwa b’mod partikolari stabbilit meta l-kummerċjant jagħmel mill-garanzija kummerċjali tal-produttur element ċentrali jew deċiżiv tal-offerta tiegħu. Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-garanzija tikkostitwixxix element ċentrali jew deċiżiv, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kontenut u l-konfigurazzjoni ġenerali tal-offerta fir-rigward tal-oġġett ikkonċernat, tal-importanza, f’termini ta’ argument ta’ bejgħ jew ta’ argument ta’ reklamar, tal-indikazzjoni tal-garanzija kummerċjali tal-produttur, tal-pożizzjoni okkupata minn din l-indikazzjoni fl-offerta, tal-probabbiltà ta’ żball jew ta’ konfużjoni li l-imsemmija indikazzjoni tista’ twassal f’moħħ il-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat fir-rigward tad-diversi drittijiet għall-garanzija li dan jista’ jeżerċita jew tal-identità reali tal-garanti, tal-preżenza jew le, fl-offerta, ta’ spjegazzjonijiet relatati mal-garanziji l-oħra konnessi mal-oġġett kif ukoll ta’ kull element ieħor li jista’ jistabbilixxi ħtieġa oġġettiva ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

 

2)

L-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83, moqri flimkien mat-tieni inċiż tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-konsumatur dwar il-kundizzjonijiet dwar il-garanzija kummerċjali tal-produttur tinkludi kull element ta’ informazzjoni li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni u ta’ implimentazzjoni ta’ tali garanzija, li jippermetti lill-konsumatur jieħu d-deċiżjoni tiegħu jekk jintrabatx kuntrattwalment jew le mal-kummerċjant.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.