Każ C‑174/21
Il‑Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika tal-Bulgarija
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas‑16 ta’ Marzu 2023
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2008/50/KE – Kwalità tal-arja ambjentali – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Artikolu 260(2) TFUE – Obbligu li jittieħdu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ tali sentenza – Nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu allegat mill-Kummissjoni Ewropea – Assenza ta’ ċarezza tal-ittra ta’ intimazzjoni rigward il-kwistjoni dwar jekk is-sentenza kinitx għadha trid tiġi eżegwita fid-data ta’ riferiment – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Inammissibbiltà”
Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Obbligu li jittieħdu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ tali sentenza – Nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu allegat mill-Kummissjoni Ewropea – Trażmissjoni ta’ ittra ta’ intimazzjoni li tistabbilixxi data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Assenza, f’din l-ittra, taċ-ċarezza meħtieġa fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kinitx għadha trid tiġi eżegwita fid-data ta’ riferiment stabbilita – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Inammissibbiltà
(Artikolu 260(1) u (2) TFUE)
(ara l-punti 23 sa 32)
Sunt
L‑ewwel rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu doppju tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tniġġis tal-arja huwa inammissibbli
Fl-ittra ta’ intimazzjoni indirizzata lill-Bulgarija fl-aħħar tal-2018, il-Kummissjoni la allegat u lanqas ma stabbilixxiet b’ċarezza suffiċjenti li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑2017 li kkonstatat l-ewwel nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kienet għadha ma ġietx eżegwita fil-frattemp
Id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja ( 1 ) tobbliga lill-Istati Membri josservaw il-valuri limitu fl-arja ambjentali ta’ konċentrazzjonijiet għal ċerti sustanzi li jniġġsu l-arja u teżiġi li, fil-każ li dawn jinqabżu, l-Istati Membri għandhom jadottaw pjanijiet relatati mal-kwalità tal-arja sabiex il-perijodu li fih jinqabżu dawn il-valuri limitu jkun l-iqsar possibbli.
Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija ( 2 ), mogħtija fil-5 ta’ April 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-Bulgarija kienet naqset milli twettaq l-obbligi ċċitati iktar ’il fuq ( 3 ).
Wara l-għoti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, fil-5 ta’ April 2017, il-Kummissjoni indirizzat lill-Bulgarija ittra ta’ intimazzjoni, fid-9 ta’ Novembru 2018, konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 260(1) u (2) TFUE ( 4 ). F’din l-ittra, il-Kummissjoni kkonstatat li l-Bulgarija kienet għadha ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex ittemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-2017. Għaldaqstant, hija stiednet lil dan l-Istat Membru jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fit-terminu stabbilit fl-ittra (iktar ’il quddiem id-“data ta’ riferiment”), jiġifieri d‑9 ta’ Frar 2019, u sabiex tinformaha bil-progress li eventwalment sar fil-frattemp.
Peress li ma kinitx issodisfatta bir-risposti tal-Bulgarija, il-Kummissjoni ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 260(2) TFUE (iktar ’il quddiem “rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu doppju”) sabiex jiġi kkonstatat li dan l-Istat Membru ma kkonformax ruħu ma’ din is-sentenza u jiġi kkundannat għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum sal-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Il-kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal-Ġustizzja
Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ħruġ l-ittra ta’ intimazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura prekontenzjuża abbażi tal-Artikolu 260(2) TFUE jippreżupponi, taħt piena ta’ ksur tar-rekwiżiti ta’ ċertezza legali, li nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jittieħdu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jkun jista’ jiġi validament allegat mill-Kummissjoni. Fid-dawl tal-fatt li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu doppju huwa intiż li jinkoraġġixxi lil Stat Membru inadempjenti jeżegwixxi sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-Kummissjoni hija obbligata mhux biss li tivverifika, matul il-proċedura prekontenzjuża kollha u qabel il-ħruġ tal-ittra ta’ intimazzjoni, jekk is-sentenza inkwistjoni tkunx ġiet eżegwita jew le fil-frattemp, iżda wkoll li tallega u li tistabbilixxi prima facie, b’mod ċar, f’din l-ittra ta’ intimazzjoni, li s-sentenza tkun għadha ma ġietx eżegwita fid-data ta’ riferiment. Fil-fatt, Stat Membru ma jistax jiġi kkritikat b’mod validu għal nuqqas milli jwettaq l-obbligu li jieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jekk mill-ittra ta’ intimazzjoni ma jirriżultax b’mod ċar li, fid-data ta’ riferiment, l-obbligu li tiġi eżegwita din is-sentenza jkun għadu jippersisti sa minn meta tkun ingħatat.
Fil-każ ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li, fl-ittra ta’ intimazzjoni tad-9 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjonila allegat u lanqas ma stabbilixxiet prima facie, biċ-ċarezza meħtieġa, li s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija tal-5 ta’ April 2017, kienet għadha trid tiġi eżegwita fid-data ta’ riferiment, jiġifieri fid-9 ta’ Frar 2019.
Fil-fatt, f’din l-ittra, il-Kummissjoni tindika li n-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatati sas-sena 2014 f’dik is-sentenza ppersistew, għaż-żoni u għall-agglomerazzjonijiet imsemmija f’din l-ittra, matul is-snin 2015 u 2016. Madankollu, hija ma pprovdietx spjegazzjonijiet dettaljati u lanqas analiżi fattwali li jindikaw li s-sitwazzjoni rrilevata matul dawn is-sentejn ippersistiet mingħajr titjib ċar matul il-perijodu bejn l-għoti tas-sentenza, il-5 ta’ April 2017, u d-data ta’ riferiment, id-9 ta’ Frar 2019, u b’hekk irrendiet neċessarju t-teħid ta’ miżuri għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza.
Madankollu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, la l-fatt li dawn in-nuqqasijiet ippersistew bejn t-tmiem il-perijodu kopert mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri s-sena 2014, u perijodu sussegwenti iżda qabel id-data tal-għoti tas-sentenza, jiġifieri s-snin 2015 u 2016, u lanqas in-natura sistematika u persistenti tal-imsemmija nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu rrilevata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza ma jimplikaw b’mod awtomatiku li, kemm fid-data tal-għoti tal-imsemmija sentenza kif ukoll fid-data ta’ riferiment, din kienet għadha trid tiġi eżegwita u li għaldaqstant il-Bulgarija setgħet tiġi kkritikata li ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tagħha.
Għaldaqstant, billi astjeniet, fl-ittra ta’ intimazzjoni, milli tallega u tistabbilixxi prima facie, biċ-ċarezza meħtieġa, il-prerekwiżit indispensabbli li s-sentenza l-Kummissjoni vs Il‑Bulgarija, tal-5 ta’ April 2017, kienet għadha trid tiġi eżegwita fid-data ta’ riferiment fir-rigward taż-żoni u tal-agglomerazzjonijiet imsemmija f’din l-ittra, il-Kummissjoni ma allegatx b’mod validu nuqqas ta’ twettiq, min-naħa tal-Bulgarija, tal-obbligu li tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dik is-sentenza. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li r-rikors tal-Kummissjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu doppju huwa inammissibbli.
( 1 ) Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU 2008, L 152, p. 1).
( 2 ) Sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C‑488/15, EU:C:2017:267).
( 3 ) B’mod iktar speċifiku, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 13(1) u mill-Anness XI tad-Direttiva 2008/50 kif ukoll mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva.
( 4 ) Skont l-Artikolu 260(1) u (2) TFUE, Stat Membru li fir-rigward tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tkun irrikonoxxiet li jkun naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattati għandu jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-Kummissjoni tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk tqis, wara li tkun tat lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, li tali miżuri ma jkunux ittieħdu.