SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

16 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2008/50/KE – Kwalità tal-arja ambjentali – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Artikolu 260(2) TFUE – Obbligu li jittieħdu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ tali sentenza – Nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu allegat mill-Kummissjoni Ewropea – Assenza ta’ ċarezza tal-ittra ta’ intimazzjoni rigward il-kwistjoni dwar jekk is-sentenza kinitx għadha trid tiġi eżegwita fid-data ta’ riferiment – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża C‑174/21,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE, imressaq fil‑21 ta’ Marzu 2021,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Noll-Ehlers u I. Zaloguin, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Bulgarija, irrappreżentata inizjalment minn L. Zaharieva, T. Mitova u M. Georgieva, u sussegwentement minn L. Zaharieva u T. Mitova, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

parti intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, M. Safjan (Relatur), D. Gratsias, N. Piçarra u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑21 ta’ Settembru 2022,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Novembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tikkonstata li, billi ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa sabiex teżegwixxi s-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (C‑488/15, EU:C:2017:267), ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE fir-rigward taż-żoni u tal-agglomerazzjonijiet BG0001 Sofija, BG0002 Plovdiv, BG0004 Tramuntana, BG0005 l-Lbiċ u BG0006 x-Xlokk;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa ta’ EUR 3156 kuljum, mid-data tal-għoti tas-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C‑488/15, EU:C:2017:267) sad-data tal-għoti tas-sentenza preżenti, jew, fil-każ li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jiġi rrimedjat qabel, sal‑31 ta’ Diċembru tal-aħħar sena ta’ nuqqas, iżda fi kwalunkwe każ somma f’daqqa ta’ mhux inqas minn EUR 653000;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità fl-ammont ta’ EUR 5 677.20 kuljum għal kull żona fir-rigward tal-kwalità tal-arja, ikkalkolati mid-data tal-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża preżenti sad-data tal-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C‑488/15, EU:C:2017:267), u

tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija għall-ispejjeż.

Il‑kuntest ġuridiku

2

Intitolat “Valuri ta’ limitu u l-limiti ta’ allert għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin”, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU 2008, L 152, p. 1), jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha tagħhom, il-livelli tad-dijossidu tal-kubrit, PM10, iċ-ċomb u l-monossidu tal-karbonju fl-arja ta’ l-ambjent ma’ jaqbżux il-valuri ta’ limitu stabbiliti fl-Anness XI.

[…]”

3

L-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, intitolat “Pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn, fiż-żoni jew l-agglomerazzjonijiet stipulati, il-livelli ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja ta’ l-ambjent jaqbżu kwalunkwe valur ta’ limitu jew valur immirat, kif ukoll kwalunkwe marġni rilevanti tat-tolleranza f’kull każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu stabbiliti pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja għal dawk iż-żoni u agglomerazzjonijiet sabiex jinkiseb il-valur ta’ limitu jew valur immirat relatati speċifikati fl-Annessi XI u XIV.

Fil-każ ta’ qabżiet ta’ dawk il-valuri ta’ limitu li għalihom id-data ta’ skadenza sabiex jintlaħqu diġà tkun skadiet il-pjan ta’ kwalità ta’ l-arja għandu jistabbilixxi miżuri adegwati, sabiex il-perijodu tal-qabża jkun jista’ jinżamm l-iqsar possibbli. Il-pjan għall-kwalità ta’ l-arja jista’ jinkludi wkoll miżuri speċifiċi li jkollhom il-ħsieb li jipproteġu gruppi sensittivi fil-popolazzjoni, inklużi t-tfal.

Dawk il-pjanijiet għall-kwalità ta’ l-arja għandhom jinkorporaw ta’ l-anqas l-informazzjoni elenkata fit-Taqsima A ta’ l-Anness XV u jistgħu jinkludu miżuri skond l-Artikolu 24. Dawk il-pjanijiet għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni mingħajr dewmien, iżda mhux aktar tard minn sentejn wara l-aħħar ta’ dik is-sena fejn tkun ġiet osservata l-ewwel qabża.

[…]”

4

L-Artikolu 27 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Trasmissjoni ta’ l-informazzjoni u l-irrappurtar”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fil-perijodu ta’ żmien meħtieġ kif determinat mill-miżuri ta’ implimentazzjoni msemmijin fl-Artikolu 28(2).

2.   Fi kwalunkwe każ, għall-għan speċifiku li tiġi valutata l-konformità mal-valuri ta’ limitu u l-livelli kritiċi u l-ksib ta’ valuri mmirati, tali informazzjoni għandha tiġi magħmula disponibbli għall-Kummissjoni, mhux aktar tard minn disa’ xhur wara l-aħħar ta’ kull sena […]”

5

L-Anness XI tal-istess direttiva huwa intitolat “Valuri ta’ limitu għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem”. Skont dan l-anness, fir-rigward tal-PM10, il-valur limitu ta’ ġurnata huwa ta’ 50 mikrogramma għal kull metru kubu (μg/m3), li ma għandux jinqabeż iktar minn 35 darba kull sena kalendarja, u l-valur limitu annwali huwa ta’ 40 μg/m3 kull sena kalendarja. L-imsemmi anness jippreċiża li d-data li fiha dawn il-valuri limitu kellhom jiġu osservati kienet l‑1 ta’ Jannar 2005.

Is‑sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija

6

Fis-sentenza tagħha tal‑5 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C‑488/15, EU:C:2017:267) il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li r-Repubblika tal-Bulgarija

mill-fatt tan-nuqqas ta’ osservanza sistematika u persistenti, mis-sena 2007 sas-sena 2014 inkluża, tal-valuri limitu ta’ kuljum u annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet BG0001 AG Sofija, BG0002 AG Plovdiv, BG0004 Tramuntana, BG0005 l-Lbiċ u BG0006 x-Xlokk;

mill-fatt tan-nuqqas ta’ osservanza sistematika u persistenti, mis-sena 2007 u sas-sena 2014 inkluża, tal-valur limitu ta’ kuljum applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fiż-żona BG0003 AG Varna u tal-valur limitu annwali matul is-snin 2007, 2008 u 2010 sa 2014 inkluża, fl-istess żona BG0003 AG Varna,

ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 13(1) u tal-Anness XI tad-Direttiva 2008/50.

7

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minħabba l-qbiż tal-valuri limitu ta’ kuljum u annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 ppersistew fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva u b’mod partikolari l-obbligu li tiżgura li l-perijodu li fih jinqabżu l-valuri limitu jkun l-iqsar possibbli, f’dak li jikkonċerna l-perijodu mill‑11 ta’ Ġunju 2010 sas-sena 2014 inkluża.

Il‑proċedura prekontenzjuża u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

8

Wara l-għoti tas-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (C‑488/15, EU:C:2017:267), il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika tal-Bulgarija, permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Mejju 2017, sabiex tikkomunikalha informazzjoni dwar il-miżuri meħuda għall-eżekuzzjoni ta’ dik is-sentenza.

9

Permezz ta’ diversi ittri b’dati bejn il‑5 ta’ Ġunju 2017 u s‑26 ta’ Settembru 2018, ir-Repubblika tal-Bulgarija esponiet lill-Kummissjoni d-diversi miżuri meħuda sabiex teżegwixxi din is-sentenza filwaqt li ppreċiżat li ċerti valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 kienu issa osservati f’diversi muniċipalitajiet li jinsabu fiż-żoni koperti mill-imsemmija sentenza.

10

Abbażi tad-data mhux ipproċessata dwar il-kwalità tal-arja għas-snin 2015 u 2016, il-Kummissjoni kkonstatat li, għal dawn is-snin, il-valur limitu ta’ kuljum applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 ma kien ġie osservat fl-ebda waħda mis-sitt żoni msemmija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-valur limitu annwali applikabbli għal dawn il-konċentrazzjonijiet kien inqabeż f’dawn iż-żoni kollha bl-eċċezzjoni taż-żona BG0003 AG Varna.

11

Għaldaqstant, fid‑9 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Bulgarija skont l-Artikolu 260(1) TFUE. F’din l-ittra, hija kkonstatat li, madwar sena u nofs wara l-għoti tas-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C‑488/15, EU:C:2017:267), u kważi ħdax-il sena wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2008/50, ir-Repubblika tal-Bulgarija kienet għadha ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex ittemm in-nuqqasijiet ikkonstatati minn dik is-sentenza. Barra minn hekk, hija stiednet lil dan l-Istat Membru jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f’terminu ta’ xahrejn, estiż sussegwentement b’xahar addizzjonali sad‑9 ta’ Frar 2019 (iktar ’il quddiem id-“data ta’ riferiment”), u jinformaha bil-progress eventwalment imwettaq fil-frattemp.

12

Wara li kkomunikat l-ewwel serje ta’ informazzjoni fit‑8 ta’ Jannar 2019, ir-Repubblika tal-Bulgarija rrispondiet, permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Jannar 2019, għall-ittra ta’ intimazzjoni qabel ma bagħtet, permezz ta’ diversi ittri, informazzjoni addizzjonali bejn it‑22 ta’ Lulju 2019 u l‑1 ta’ Settembru 2020. F’dawn l-ittri, hija sostniet b’mod partikolari li l-valur limitu annwali kien ġie osservat għas-snin 2017 u 2018 fiż-żona BG0005 l-Lbiċ, filwaqt li matul is-sena 2019 ma kien ġie kkonstatat ebda qbiż tal-valur limitu annwali fiż-żoni BG0005 l-Lbiċ, BG0006 x-Xlokk u BG0001 AG Sofija. Hija ppreċiżat ukoll li, f’ċerti muniċipalitajiet li jinsabu f’dawn iż-żoni, l-osservanza tal-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja ambjentali kienet inżammet, filwaqt li l-qbiż kompla jonqos f’muniċipalitajiet oħra. Sussegwentement, ir-Repubblika tal-Bulgarija indikat li ħadet diversi miżuri sabiex tillimita l-qbiż ipprojbit, b’mod partikolari fir-rigward tas-sorsi prinċipali ta’ tniġġis li jikkostitwixxu t-tisħin tad-djar u t-trasport.

13

Filwaqt li eskludiet provviżorjament iż-żona BG0003 AG Varna mill-proċedura prekontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika tal-Bulgarija kif ukoll tar-rapporti dwar il-kwalità tal-arja ppreżentati skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2008/50 għall-perijodu bejn is-sena 2015 u s-sena 2019, dan l-Istat Membru ma kienx ħa l-miżuri kollha għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C‑488/15, EU:C:2017:267), minħabba l-fatt li l-valuri limitu annwali u ta’ kuljum kienu għadhom mhux qegħdin jiġu osservati fil-ħames żoni l-oħra koperti minn dik is-sentenza u li l-perijodu ta’ qbiż ma kienx ġie limitat għall-iqsar perijodu possibbli f’dawn il-ħames żoni.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

15

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ Awwissu 2021, ir‑Repubblika tal-Polonja ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Bulgarija.

Fuq l‑ammissibbiltà tar‑rikors għal annullament

L‑argumenti tal‑partijiet

16

Filwaqt li tqis li l-prinċipji ġenerali li japplikaw għall-proċedura prekontenzjuża msemmija fl-Artikolu 258 TFUE għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dik prevista fl-Artikolu 260(2) TFUE u filwaqt li tfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħruġ ta’ opinjoni motivata skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE tippreżumi minn qabel li nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li għandu l-Istat Membru kkonċernat jista’ jiġi validament allegat mill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, minn dan iddeduċiet, fir-risposta tagħha, li, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tibgħat ittra ta’ intimazzjoni, skont l-Artikolu 260(2) TFUE, hija għandha tallega li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jeżegwixxi sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

17

Madankollu, ir-Repubblika tal-Bulgarija tirrileva li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni fl-ittra ta’ intimazzjoni dwar l-allegat nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C‑488/15, EU:C:2017:267), hija bbażata fuq ċirkustanzi fattwali li seħħew qabel l-għoti tagħha, jiġifieri data dwar il-kwalità tal-arja ambjentali li tirrigwarda s-snin 2015 u 2016, b’tali mod li, fid-data tal-ittra ta’ intimazzjoni, fid‑9 ta’ Novembru 2018, din l-istituzzjoni ma setgħetx tiddetermina b’ċertezza l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(1) TFUE u lanqas għaldaqstant ma setgħet validament tallega li r-Repubblika tal-Bulgarija ma kinitx eżegwixxiet din is-sentenza. Għaldaqstant, il-Kummissjoni fetħet b’mod prematur il-fażi prekontenzjuża tal-proċedura prevista fl-Artikolu 260(2) TFUE bi ksur tar-rekwiżiti ta’ ċertezza legali.

18

Ir-Repubblika tal-Bulgarija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, titlob li r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli.

19

Filwaqt li tqis li s-suġġett materjali ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu la ġie estiż u lanqas ikkompletat fid-dawl tas-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C‑488/15, EU:C:2017:267), il-Kummissjoni tfakkar, fir-replika tagħha, il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza sistematiku u persistenti tad-dispożizzjonijiet ta’ att tal-Unjoni Ewropea, provi komplementari jistgħu jiġu prodotti wara l-opinjoni motivata, filwaqt li s-suġġett tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jista’ wkoll jiġi estiż għal fatti sussegwenti għal din l-opinjoni.

20

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tindika li d-data għas-snin 2015 u 2016 turi inkontestabbilment qbiż persistenti tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10, li l-popolazzjoni Bulgara kellha tittollera għal diversi snin wara d-data msemmija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-persistenza tal-ksur, il-Kummissjoni tqis li hija kienet fondata li tibda proċedura prekontenzjuża. Barra minn hekk, l-argument li jgħid li l-Kummissjoni hija formalment marbuta tistenna diversi snin wara l-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE qabel ma “tkun tista’ titlob l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza” huwa fundamentalment inaċċettabbli, sa fejn tali “perijodu ta’ grazzja” la huwa previst mit-Trattati u lanqas mill-mekkaniżmu ta’ relazzjoni kif previst fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 2008/50 u lanqas ma jirriżulta mill-prinċipju ta’ ċertezza legali.

21

Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija tippreċiża li hija titlob li r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli fid-dawl mhux tal-elementi sostantivi ta’ dan tal-aħħar, iżda tal-elementi temporali li jikkaratterizzaw din il-kawża. B’mod partikolari, id-difett li jivvizzja r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jirriżultax minn estensjoni tar-rikors wara l-ittra ta’ intimazzjoni, iżda mill-assenza inizjali ta’ bażi għall-ftuħ tal-proċedura prekontenzjuża li wasslet għal din l-azzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li s-suġġett tar-rikors jikkonċerna n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu “persistenti” ma jistax jirrimedja tali difett, peress li l-proċedura prekontenzjuża mibdija skont l-Artikolu 260(2) TFUE għandha tkun regolari sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-Istat Membru kkonċernat.

L‑evalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

22

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 260(1) u (2) TFUE, Stat Membru li fir-rigward tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tkun irrikonoxxiet li naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattati huwa marbut jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-Kummissjoni tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk hija tqis, wara li tkun tat lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, li tali miżuri ma jkunux ittieħdu.

23

L-għan ta’ din il-proċedura huwa għalhekk sabiex tinkoraġġixxi Stat Membru li jonqos milli jeżegwixxi sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑304/02, EU:C:2005:444, punt 80). Tali eżekuzzjoni għandha tinbeda immedjatament wara li tingħata din is-sentenza u tintemm fl-iqsar żmien possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 1985, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, 131/84, EU:C:1985:447, punt 7, u tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Parc éolien de Derrybrien), C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 123 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

24

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(1) TFUE, jiġifieri nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jittieħdu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni maħruġa skont l-Artikolu 260(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 67).

25

Għandu jiġi kkunsidrat li, b’analoġija mal-ġurisprudenza dwar ir-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażati fuq l-Artikolu 258 TFUE, il-ħruġ ta’ ittra ta’ intimazzjoni, skont l-Artikolu 260(2) TFUE, jippreżupponi, taħt piena ta’ ksur tar-rekwiżiti ta’ ċertezza legali, li nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jittieħdu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiġi validament allegat mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Pjanijiet ta’ mmaniġġar ta’ skart), C‑642/18, EU:C:2019:1051, punti 171826 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

Fid-dawl tal-għan tal-proċedura mfakkar fil-punt 23 tas-sentenza preżenti, dan jimplika li l-Kummissjoni għandha mhux biss tivverifika, matul il-proċedura prekontenzjuża kollha u qabel il-ħruġ tal-ittra ta’ intimazzjoni, jekk is-sentenza inkwistjoni tkunx ġiet eżegwita jew le fil-frattemp, iżda wkoll li tallega u tistabbilixxi prima facie, b’mod ċar, f’din l-ittra ta’ intimazzjoni, li s-sentenza tkun għadha ma ġietx eżegwita fid-data ta’ riferiment.

27

Fil-fatt, Stat Membru ma jistax jiġi validament akkużat b’nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jekk ma jirriżultax b’mod ċar mill-ittra ta’ intimazzjoni li, fid-data ta’ riferiment, l-obbligu li jeżegwixxi din is-sentenza jkun għadu jippersisti sa mill-għoti tagħha.

28

Fil-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat li, fl-ittra ta’ intimazzjoni tad‑9 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni la allegat, biċ-ċarezza meħtieġa, u lanqas stabbilixxiet prima facie li s-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C‑488/15, EU:C:2017:267), kienet għadha trid tiġi eżegwita fid-data ta’ riferiment, jiġifieri fid‑9 ta’ Frar 2019.

29

F’din l-ittra, il-Kummissjoni tindika li n-nuqqasijiet ikkonstatati sas-sena 2014 f’din is-sentenza komplew, għaż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-imsemmija ittra, matul is-snin 2015 u 2016, mingħajr ma pprovdiet spjegazzjonijiet dettaljati u lanqas analiżi fattwali li jindikaw li s-sitwazzjoni rrilevata matul dawn is-sentejn kompliet mingħajr titjib sinjifikattiv matul il-perijodu bejn l-għoti tas-sentenza, fil‑5 ta’ April 2017, u d-data ta’ riferiment, id‑9 ta’ Frar 2019, li tirrendi għalhekk neċessarju t-teħid ta’ miżuri għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza.

30

Madankollu, la l-fatt li dawn in-nuqqasijiet ippersistew bejn tmiem il-perijodu kopert mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri s-sena 2014, u perijodu sussegwenti iżda qabel id-data tal-għoti tas-sentenza, jiġifieri s-snin 2015 u 2016, u lanqas in-natura sistematika u persistenti tal-imsemmija nuqqasijiet irrilevata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza ma jimplikaw b’mod awtomatiku li, kemm fid-data tal-għoti tal-imsemmija sentenza kif ukoll fid-data ta’ riferiment, din kienet għadha trid tiġi eżegwita u li għalhekk ir-Repubblika tal-Bulgarija setgħet tiġi akkużata li ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzjoni tagħha.

31

Għaldaqstant, billi naqset, fl-ittra ta’ intimazzjoni, milli tallega u tistabbilixxi prima facie, biċ-ċarezza meħtieġa, il-prerekwiżit indispensabbli li s-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C‑488/15, EU:C:2017:267), kien għad kellha tiġi eżegwita fid-data ta’ riferiment f’dak li jirrigwarda ż-żoni u l-agglomerazzjonijiet imsemmija f’din l-ittra, il-Kummissjoni ma allegatx b’mod validu nuqqas ta’ twettiq, min-naħa tar-Repubblika tal-Bulgarija, tal-obbligu li tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dik is-sentenza.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq l‑ispejjeż

33

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Bulgarija talbet li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li r-rikors ippreżentat minn din tal-aħħar ġie ddikjarat inammissibbli, hemm lok li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

34

Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi li l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, ir-Repubblika tal-Polonja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mir-Repubblika tal-Bulgarija.

 

3)

Ir-Repubblika tal-Polonja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.