SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

30 ta’ Ġunju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Kreditu għall-konsum – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 6(1) – Eżami ex officio – Rifjut li tinħareġ ordni ta’ ħlas fil-każ ta’ pretensjoni bbażata fuq klawżola inġusta – Konsegwenzi marbuta man-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali – Dritt għal ħlas lura – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Tpaċija ex officio

Fil-Kawża C‑170/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Marzu 2021, fil-proċedura

Profi Credit Bulgaria EOOD

vs

T.I.T.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, L. S. Rossi u O. Spineanu-Matei (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Profi Credit Bulgaria EOOD, minn I. Peneva,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Georgieva u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Profi Credit Bulgaria EOOD (iktar ’il quddiem “PCB”), istituzzjoni finanzjarja rregolata mid-dritt Bulgaru, u T.I.T., konsumatur, dwar it-talba għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas fir-rigward ta’ dejn pekunjarju, skont kuntratt ta’ kreditu għall-konsum konkluż bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

Id‑dritt Bulgaru

Il‑GPK

4

L-Artikolu 410 tal-Grazhdanski protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, iktar ’il quddiem il-“GPK”) jipprovdi:

“(1)   Ir-rikorrent jista’ jitlob il-ħruġ ta’ ordni:

1. li tirrigwarda dejn pekunjarju jew beni funġibbli, meta t-talba taqa’ taħt il-kompetenza tar-Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali);

[…]

(3)   Meta l-kreditu jirriżulta minn kuntratt konkluż ma’ konsumatur, mat-talba għandhom jiġu mehmuża l-kuntratt, jekk dan ikun f’forma bil-miktub, flimkien mal-emendi u l-annessi kollha, kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għal dan il-kuntratt.”

5

Skont l-Artikolu 411 tal-GPK:

“(1)   It-talba għandha titressaq quddiem ir-Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali) li għandha ġurisdizzjoni fit-territorju fejn id-debitur għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew is-sede tiegħu; din il-qorti distrettwali għandha tipproċedi ex officio, f’terminu ta’ tlett ijiem, għall-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni territorjali tagħha. […]

(2)   Il-qorti għandha teżamina t-talba waqt seduta dwar aspetti proċedurali u għandha tagħti digriet b’ordni fit-terminu previst fil-paragrafu 1, ħlief fil-każijiet fejn:

1.

din it-talba ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 410 [ta’ dan il-kodiċi] u r-rikorrent ma jirrimedjax l-irregolaritajiet imwettqa f’terminu ta’ tlett ijiem wara n-notifika tagħhom;

2.

l-imsemmija talba tmur kontra l-liġi jew il-moralità;

3.

l-istess talba tkun ibbażata fuq klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur jew li l-eżistenza tagħha tista’ raġonevolment tiġi preżunta;

[…]

(3)   Jekk tilqa’ t-talba, il-qorti għandha tagħti digriet b’ordni li kopja tiegħu tiġi nnotifikata lid-debitur.”

6

Skont l-Artikolu 413(2) tal-GPK, id-digriet li jiċħad totalment jew parzjalment it-talba għall-ħruġ ta’ ordni jista’ jiġi kkontestat mir-rikorrent permezz ta’ rikors individwali li ma huwiex meħtieġ li tingħata kopja tiegħu għall-finijiet tan-notifika.

7

L-Artikolu 414(1) u (2) tal-GPK huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Id-debitur jista’ jressaq oġġezzjoni bil-miktub kontra l-ordni ta’ eżekuzzjoni jew kontra parti minnha. Din l-oġġezzjoni ma għandhiex għalfejn tkun motivata, ħlief fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 414a ta’ dan il-kodiċi.

(2)   L-oġġezzjoni għandha tiġi ppreżentata f’terminu ta’ xahar minn meta tkun waslet l-ordni; dan it-terminu ma jistax jiġi estiż.”

8

L-Artikolu 422 tal-GPK jipprovdi:

“(1)   Ir-rikors għall-konstatazzjoni tal-kreditu għandu jitqies li ġie ppreżentat sa mill-preżentata tat-talba għall-ħruġ ta’ ordni meta t-terminu previst fl-Artikolu 415(4) ta’ dan il-kodiċi jkun ġie osservat.

(2)   Ħlief fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 420 ta’ dan il-kodiċi, il-preżentata tar-rikors imsemmi fil-paragrafu 1 ma tissospendix l-eżekuzzjoni immedjata li ġiet awtorizzata.

(3)   Meta dan ir-rikors ikun ġie miċħud permezz ta’ sentenza li jkollha s-saħħa ta’ res judicata, għandha titwaqqaf l-eżekuzzjoni […]

(4)   Ebda titolu eżekuttiv kuntrarju ma għandu jinħareġ meta l-imsemmi rikors jiġi miċħud minħabba li l-kreditu ma kienx dovut.”

Iż-ZZD

9

L-Artikolu 76 taż-zakon za zadalzheniyata i dogovorite (il-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti) (DV Nru 275, tat‑22 ta’ Novembru 1950), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZZD”), jipprevedi:

“(1)   Kull min huwa debitur ta’ diversi obbligi simili fil-konfront tal-istess persuna jista’, jekk l-eżekuzzjoni ma tkunx biżżejjed sabiex jirrimborsahom kollha, jindika liema wieħed minn dawn l-obbligi qiegħed jagħżel li jirrimborsa. Jekk il-persuna kkonċernata ma tagħżilx dan l-obbligu, għandu jiġi rrimborsat l-iktar obbligu oneruż għaliha. Jekk diversi obbligi jkunu ugwalment onerużi, huwa l-eqdem obbligu li għandu jiġi rrimborsat u, jekk ikollhom l-istess anzjanità, l-obbligi għandhom jiġu rrimborsati pro rata.

(2)   Meta l-eżekuzzjoni ma tkunx biżżejjed sabiex jiġu rrimborsati l-interessi, l-ispejjeż u l-kapital, huma l-ewwel l-ispejjeż, imbagħad l-interessi, u sussegwentement fl-aħħar lok il-kapital li jiġu rrimborsati.”

Iż-ZPK

10

L-Artikolu 9(1) taż-zakon za potrebitelskiya kredit (il-Liġi dwar il-Kuntratti ta’ Kreditu għall-Konsum), tat‑18 ta’ Frar 2010 (DV Nru 18, tal‑5 ta’ Marzu 2010, p. 2), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZPK”), jipprovdi:

“Il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum huwa kuntratt li permezz tiegħu kreditur jagħti jew iwiegħed li jagħti lil konsumatur kreditu fil-forma ta’ self, b’terminu ta’ ħlas jew b’kull possibbiltà oħra ta’ ħlas simili, bl-esklużjoni tal-kuntratti konklużi fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi jew tal-kunsinna ta’ beni tal-istess natura matul perijodu kontinwu li fil-kuntest tagħhom il-konsumatur jirregola n-nefqa ta’ dawn is-servizzi jew ta’ dawn il-beni, sakemm dawn ikunu pprovduti jew ikkunsinnati, permezz ta’ pagamenti mifruxa fuq dan il-perijodu kollu.”

11

L-Artikolu 10a taż-ZPK jipprovdi:

“(1)   Il-kreditur jista’ jiġbor mingħand il-konsumatur spejjeż u kummissjonijiet għal servizzi anċillari marbuta mal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum.

(2)   Il-kreditur ma jistax jeżiġi l-ħlas ta’ spejjeż u ta’ kummissjonijiet għal attivitajiet relatati mat-tqegħid għad-dispożizzjoni jew mal-ġestjoni tal-kreditu.

(3)   Il-kreditur jista’ jiġbor darba biss l-ispejjeż jew kummissjoni għall-istess tranżazzjoni.

(4)   Kuntratt ta’ kreditu għall-konsum għandu jiddetermina b’mod ċar u preċiż it-tip u l-ammont tal-ispejjeż jew tal-kummissjonijiet, kif ukoll it-tranżazzjoni li għaliha dawn jiġu ffatturati.”

12

L-Artikolu 19 taż-ZPK jipprevedi:

“[…]

(4)   Ir-rata annwali tal-ispiża tal-kreditu ma tistax taqbeż il-ħames darbiet tal-interessi moratorji bir-rata legali f’leva Bulgari (BGN) u f’muniti barranin, iddeterminati b’digriet tal-Kunsill tal-Ministri tar-Repubblika tal-Bulgarija.

(5)   Il-klawżoli tal-kuntratt li jiksru d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4 għandhom jitqiesu li huma nulli.

(6)   Meta jsiru ħlasijiet skont kuntratti li fihom klawżoli li ġew iddikjarati nulli skont il-paragrafu 5, l-ammont żejjed iffatturat lil hinn mil-limitu previst fil-paragrafu 4 għandu jitnaqqas mill-ħlasijiet futuri mwettqa fir-rigward tal-kreditu.”

It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

13

PCB ressqet quddiem il-qorti tar-rinviju talba għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas skont l-Artikolu 410 tal-GPK kontra T.I.T., ċittadin Bulgaru (iktar ’il quddiem il-“konsumatur ikkonċernat”), bil-għan li dan tal-aħħar iħallas dejn pekunjarju, kompost mis-somma prinċipali, mill-interessi kuntrattwali, mir-remunerazzjoni għal sett ta’ servizzi supplimentari u mill-interessi moratorji, b’applikazzjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum konkluż bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali fid‑29 ta’ Diċembru 2017. Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, tali proċedura ta’ ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas tiżvolġi unilateralment sal-ħruġ ta’ din l-ordni.

14

Skont dan il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, il-konsumatur ikkonċernat kien ħallas, skont PCB, ħdax-il pagament mensili qabel ma kien naqas milli jħallas u qabel ma ġie nnotifikat li l-kreditu għall-konsum ikkonċernat kien sar eżiġibbli qabel iż-żmien.

15

Wara li kkonstatat li klawżola tal-imsemmi kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, relatata mar-remunerazzjoni għall-provvista ta’ sett ta’ servizzi supplimentari, kienet ta’ natura inġusta, il-qorti tar-rinviju qieset li t-talba għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas, fil-parti tagħha relatata mal-ħlas ta’ din ir-remunerazzjoni, kellha tiġi miċħuda abbażi tal-punt 3 tal-Artikolu 411(2) tal-GPK. Barra minn hekk, dik il-qorti kkunsidrat li l-ammont diġà mħallas mill-konsumatur ikkonċernat kellu jiġi allokat, skont l-Artikolu 76(2) taż-ZZD, għar-rimbors tal-interessi kuntrattwali u tal-kapital, b’tali mod li 17-il parti ta’ dawn l-interessi kif ukoll 16-il parti sħiħa u parti mis-sbatax-il parti ta’ dan il-kapital kienu tħallsu.

16

Għaldaqstant, permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Novembru 2020, il-qorti tar-rinviju ordnat il-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas kontra l-konsumatur ikkonċernat, skont l-istess kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, li permezz tagħha dan kellu jirrimborsa lil PCB somma kkalkolata mill-ġdid minn dik il-qorti, li allokat ex officio l-ħlasijiet diġà magħmula għall-ammont tal-kreditu invokat minn PCB.

17

PCB ippreżentat rikors kontra dan id-digriet quddiem is-Sofyiski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija). Permezz ta’ digriet tas‑16 ta’ Frar 2021, minn naħa, dik il-qorti qieset li, konformement mal-punt 3 tal-Artikolu 411(2) tal-GPK, il-qorti tal-ewwel istanza kellha tirrifjuta li toħroġ ordni ta’ ħlas meta t-talba għall-ħruġ ta’ din l-ordni kienet ibbażata fuq klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur, kif setgħet tirrileva ex officio mingħajr il-bżonn li d-debitur iqajjem oġġezzjoni. Fuq il-mertu, l-imsemmija qorti kkonfermat l-eżistenza ta’ klawżola inġusta li tinsab fil-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum ikkonċernat.

18

Min-naħa l-oħra, is-Sofyiski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) qieset li l-appell ippreżentat kien fondat għall-bqija. Hija qieset, b’mod partikolari, li, bl-allokazzjoni tal-pagamenti tal-konsumatur għar-rimbors tal-interessi u tal-kapital, konformement mal-Artikolu 76(2) taż-ZZD, il-qorti tal-ewwel istanza kienet eċċediet il-kompetenzi tagħha fir-rigward tal-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas. Il-proċedura għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas ibbażata fuq l-Artikolu 410 tal-GPK ma hijiex intiża, fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija), li tiġi kkonstatata l-eżistenza tal-kreditu kkonċernat, iżda biss li jiġi vverifikat jekk dan il-kreditu kienx ikkontestat. Il-verifika tal-eżistenza tal-kreditu allegat għandha, għall-kuntrarju, issir permezz ta’ proċedura ta’ konstatazzjoni, mibdija fuq talba tal-kreditur ikkonċernat, skont l-Artikolu 422 tal-GPK fil-każ li d-debitur ikkonċernat jeżerċita d-dritt tiegħu li joġġezzjona għall-ordni skont l-Artikolu 414 tal-GPK.

19

Għaldaqstant, il-qorti tal-appell annullat parzjalment id-digriet tad‑9 ta’ Novembru 2020 tal-qorti tar-rinviju, billi kkonfermat biss iċ-ċaħda tat-talba sa fejn din tal-aħħar kienet tirrigwarda l-ħlas tar-remunerazzjoni għas-sett ta’ servizzi supplimentari kkonċernat, sa fejn din kienet ibbażata fuq klawżola meqjusa li hija inġusta. Hija sussegwentement ordnat li tinħareġ favur PCB, skont l-Artikolu 410 tal-GPK, ordni ta’ ħlas fir-rigward tas-somom l-oħra kollha mitluba u bagħtet lura l-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, bħala qorti tal-ewwel istanza, sabiex toħroġ ordni ta’ ħlas.

20

Filwaqt li għandha dubji dwar kif ser tipproċedi, il-qorti tar-rinviju tosserva li, jekk jiġi aċċettat, f’każ bħal dak inkwistjoni, fejn ikun ġie stabbilit li l-konsumatur ikkonċernat kien wettaq rimborsi skont klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, li, sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ din il-klawżola, il-qorti għandha tipproċedi ex officio għal tpaċija, billi tapplika b’analoġija dispożizzjoni taż-ZPK, jiġifieri l-Artikolu 19(6) taż-ZPK, moqri flimkien mal-Artikolu 76(2) taż-ZPK, dan il-konsumatur ma jkollux għalfejn iressaq oġġezzjoni skont l-Artikolu 414 tal-GPK jew jippreżenta rikors kontenzjuż sabiex jinvoka d-dritt tiegħu għal tpaċija.

21

Hija għalhekk tqis li għandu jiġi ddeterminat, fl-ipoteżi fejn l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jippermetti lill-qorti nazzjonali tirrifjuta parzjalment il-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas, jekk, skont din id-dispożizzjoni, din il-qorti għandhiex ex officio tislet il-konsegwenzi kollha tan-natura inġusta tal-klawżola kkonċernata u tipproċedi għal tpaċija ex officio jew jekk għandhiex, għall-kuntrarju, tikkonforma ruħha mal-ġurisprudenza ta’ qorti ta’ grad superjuri li, minkejja l-konstatazzjoni tal-preżenza fil-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum ikkonċernat ta’ klawżola inġusta, tordna l-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas u tiċħad it-talba għall-ħruġ ta’ din l-ordni biss sa fejn tikkonċerna l-ammonti mitluba abbażi ta’ din il-klawżola inġusta, mingħajr il-possibbiltà ta’ tpaċija. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, f’dan ir-rigward, li hija qiegħda tagħmel din id-domanda fil-kuntest tal-provvista ta’ mezzi effettivi ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, sa fejn, skont id-dritt Bulgaru, it-tpaċija tal-krediti mill-qorti hija ammissibbli biss meta tiġi eżerċitata bħala dritt suġġettiv. Għall-kuntrarju, it-tpaċija tista’ titwettaq ex officio biss bħala eċċezzjoni, skont l-Artikolu 19(6) taż-ZPK.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [93/13] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fi proċeduri li fihom id-debitur ma jipparteċipax sal-ħruġ ta’ ordni ġudizzjarja ta’ ħlas, il-qorti hija meħtieġa teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u teskludi l-applikazzjoni tagħha meta jkollha suspett li din il-klawżola hija inġusta?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: il-qorti nazzjonali hija meħtieġa tirrifjuta kompletament li tagħti deċiżjoni ġudizzjarja li tordna ħlas f’sitwazzjoni fejn parti mill-pretensjonijiet magħmula jkunu bbażati fuq klawżola kuntrattwali inġusta li minnha jirriżulta l-ammont ta’ dawn il-pretensjonijiet?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda u ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda: il-qorti nazzjonali hija meħtieġa tirrifjuta parzjalment li tagħti deċiżjoni ġudizzjarja li tordna ħlas, fir-rigward tal-parti tal-pretensjonijiet li jkunu bbażati fuq klawżola kuntrattwali inġusta?

4)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda: il-qorti nazzjonali hija meħtieġa – u jekk iva, f’liema kundizzjonijiet – tislet ex officio l-konsegwenzi li joħorġu min-natura inġusta ta’ klawżola meta jkollha informazzjoni li tindika li din il-klawżola tat lok għal ħlas u, b’mod partikolari, tpaċi dan il-ħlas ma’ krediti oħra mhux imħallsa li joħorġu mill-kuntratt?

5)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għar-raba’ domanda: il-qorti nazzjonali hija marbuta mill-istruzzjonijiet maħruġa minn istanza superjuri, li skont il-liġi nazzjonali huma vinkolanti għaliha iżda li ma jikkunsidrawx il-konsegwenzi tan-natura inġusta tal-klawżola?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ammissibbiltà

23

Fl-ewwel lok, PCB tikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda għar-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska (C‑176/17, EU:C:2018:711), li protezzjoni effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-konsumatur mid-Direttiva 93/13 tista’ tiġi ggarantita biss bil-kundizzjoni li s-sistema proċedurali nazzjonali kkonċernata tippermetti, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas, stħarriġ ex officio tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratt ikkonċernat konkluż ma’ konsumatur.

24

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li, anki meta jkun hemm ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tippermetti li tinstab soluzzjoni għall-punt ta’ liġi kkonċernat, il-qrati nazzjonali jibqgħu kompletament liberi li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk iqisu li dan ikun opportun, u dan mingħajr ma l-fatt li d-dispożizzjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom tkun qiegħda tintalab ikunu diġà ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja ma għandu l-konsegwenza li jipprekludi lil din tal-aħħar milli tiddeċiedi mill-ġdid (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ PCB fis-sens li l-qorti tar-rinviju ma kkonstatatx inkompatibbiltà tad-dritt Bulgaru mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, li qiegħda tintalab l-interpretazzjoni tiegħu, iżda qiegħda titlob interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt, għandu jiġi rrilevat li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni sabiex tkun taf jekk għandhiex teskludi, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali kif interpretata minn qorti ta’ grad superjuri li l-ġurisprudenza tagħha hija vinkolanti għaliha.

27

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li din it-talba għal deċiżjoni preliminari, inkluża l-ewwel domanda, hija ammissibbli.

Fuq il‑mertu

Fuq l‑ewwel sat‑tielet domanda

28

Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali, adita b’talba għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas u filwaqt li l-konsumatur li jkun id-debitur ma jipparteċipax fil-proċedura sal-ħruġ ta’ din l-ordni ta’ ħlas, għandha teskludi ex officio l-applikazzjoni ta’ klawżola inġusta tal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum konkluż bejn dan il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat, li fuqha tkun ibbażata parti mill-kreditu invokat, u jekk, f’dan il-każ, il-qorti nazzjonali għandhiex il-possibbiltà li tiċħad din it-talba parzjalment biss.

29

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-klawżoli inġusti li jkunu jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur ma għandhomx jorbtu lill-konsumaturi, skont il-kundizzjonijiet previsti fid-dritt nazzjonali rispettiv tagħhom, u li l-kuntratt għandu jibqa’ vinkolanti għall-partijiet skont l-istess termini, jekk ikun jista’ jibqa’ fis-seħħ mingħajr il-klawżoli inġusti.

30

Din id-dispożizzjoni imperattiva hija intiża li tissostitwixxi l-ekwilibriju formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-kontraenti b’ekwilibriju reali ta’ natura li jerġa’ jistabbilixxi l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

Għal dan il-għan, fl-ewwel lok, il-qorti nazzjonali, fil-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt tagħha, għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u għandha teskludi l-applikazzjoni tagħha sabiex ma tipproduċix effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur ikkonċernat, sakemm dan il-konsumatur ma joġġezzjonax għal dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm il-qorti nazzjonali, meta tagħmel dan, tkun qiegħda tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur, dan huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-qorti nazzjonali jkollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li, jekk ikun il-każ, il-qorti nazzjonali għandha tieħu, fl-assenza ta’ oġġezzjoni min-naħa tal-konsumatur ikkonċernat u jekk ikun hemm bżonn ex officio, miżuri istruttorji sabiex tikkompleta l-proċess, billi titlob lill-partijiet, b’osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju, jipprovdulha informazzjoni addizzjonali għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑26 ta’ Novembru 2020, DSK Bank u FrontEx International, C‑807/19, EU:C:2020:967, punti 5254 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33

Dawn ir-raġunijiet jgħoddu wkoll fir-rigward ta’ proċedura għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Fit-tieni lok, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jeżiġix li l-qorti nazzjonali teskludi, minbarra l-applikazzjoni tal-klawżola tal-kuntratt iddikjarata inġusta, l-applikazzjoni tal-klawżoli li ma ġewx ikklassifikati bħala tali (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH, C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Fil-fatt, l-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, u b’mod partikolari t-tieni parti tas-sentenza tagħha, ma huwiex li jiġu annullati l-kuntratti kollha li jkun fihom klawżoli inġusti iżda li jiġi stabbilit mill-ġdid il-bilanċ bejn il-partijiet billi tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-klawżoli meqjusa inġusti, filwaqt li tinżamm, bħala prinċipju, il-validità tal-klawżoli l-oħra tal-kuntratt ikkonċernat. Dan il-kuntratt għandu, bħala prinċipju, jibqa’ jeżisti mingħajr ebda emenda oħra ħlief dik li tirriżulta mit-tħassir tal-klawżoli inġusti. B’hekk, l-imsemmi kuntratt jista’ jinżamm fis-seħħ kemm-il darba, konformement mar-regoli tad-dritt intern, tali żamma tal-istess kuntratt mingħajr il-klawżoli inġusti tkun legalment possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Banco Santander u Escobedo Cortés, C‑96/16 u C‑94/17, EU:C:2018:643, punt 75, kif ukoll tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH, C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Barra minn hekk, f’dan il-kuntest il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmija dispożizzjoni tipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tippermetti lill-qorti nazzjonali tikkompleta l-kuntratt ikkonċernat billi tirrevedi l-kontenut ta’ klawżola li fir-rigward tagħha jkun ġie kkonstatat li hija inġusta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Mill-elementi preċedenti jirriżulta li l-qorti nazzjonali adita b’talba għal ordni ta’ ħlas ibbażata fuq kuntratt ta’ kreditu għall-konsum li jinkludi klawżola inġusta tista’ tilqa’ din it-talba, filwaqt li teskludi l-applikazzjoni ta’ din il-klawżola, bil-kundizzjoni li dan il-kuntratt ikun jista’ jibqa’ jeżisti mingħajr ebda emenda oħra u mingħajr reviżjoni jew żieda, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali. F’dan il-każ, l-imsemmija qorti għandha tkun tista’ tiċħad l-imsemmija talba unikament fir-rigward tal-parti tal-pretensjonijiet li tirriżulta mill-imsemmija klawżola, jekk dawn jistgħu jiġu distinti mill-bqija tat-talba.

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel sat-tielet domanda hija li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali, adita b’talba għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas u meta l-konsumatur li jkun id-debitur ma jipparteċipax fil-proċedura sal-ħruġ ta’ din l-ordni ta’ ħlas, hija obbligata teskludi ex officio l-applikazzjoni ta’ klawżola inġusta tal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum konkluż bejn dan il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat, li fuqha tkun ibbażata parti mill-kreditu invokat. F’din l-ipoteżi, il-qorti nazzjonali għandha l-possibbiltà li tiċħad parzjalment din it-talba, bil-kundizzjoni li dan il-kuntratt ikun jista’ jibqa’ jeżisti mingħajr ebda emenda oħra u mingħajr reviżjoni jew żieda, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-imsemmija qorti.

Fuq ir-raba’ domanda

39

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-qorti nazzjonali, adita b’talba għal ordni ta’ ħlas, tislet ex officio l-konsegwenzi tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum meta din il-klawżola tkun tat lok għal ħlas, b’tali mod li tkun obbligata twettaq tpaċija ex officio bejn dan il-ħlas u l-bilanċ dovut skont dan il-kuntratt.

40

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tesponi li, jekk dan l-obbligu huwa impost fuq il-qorti nazzjonali, skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, il-konsumatur ikkonċernat ma jkollux għalfejn jibda proċedura distinta sabiex jinvoka d-dritt tiegħu għal tpaċija.

41

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti nazzjonali għandha, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, tislet il-konsegwenzi kollha li, skont id-dritt nazzjonali, jirriżultaw mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola sabiex tiżgura ruħha li l-konsumatur ikkonċernat ma jkunx marbut b’din il-klawżola (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito, C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Tali obbligu jimplika, kif tfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, li l-qorti nazzjonali għandha teskludi l-applikazzjoni tal-klawżola kkunsidrata li hija inġusta sabiex din il-klawżola ma tipproduċix effetti vinkolanti fil-konfront ta’ dan il-konsumatur.

42

Peress li tali klawżola għandha titqies, bħala prinċipju, li qatt ma eżistiet, b’tali mod li ma jistax ikollha effett fir-rigward ta’ dan il-konsumatur, l-obbligu tal-qorti nazzjonali li teskludi l-applikazzjoni ta’ klawżola kuntrattwali inġusta li timponi l-ħlas ta’ somma għandu, bħala prinċipju, effett restitutorju korrispondenti fil-konfront ta’ din is-somma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punti 6162).

43

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Istati Membri għandhom, permezz tad-dritt nazzjonali tagħhom, jiddefinixxu l-modalitajiet li fil-kuntest tagħhom tiġi stabbilita l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola inkluża f’kuntratt stabbilita u jimmaterjalizzaw l-effetti legali konkreti ta’ din il-konstatazzjoni. Madankollu, din il-konstatazzjoni għandha tippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li fiha kien ikun il-konsumatur ikkonċernat fl-assenza ta’ din il-klawżola inġusta, b’mod partikolari billi sservi ta’ bażi għal dritt għar-restituzzjoni tal-vantaġġi miksuba indebitament, għad-detriment tiegħu, mill-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat fuq il-bażi tal-imsemmija klawżola inġusta. Fil-fatt, tali regolazzjoni fid-dritt nazzjonali tal-protezzjoni ggarantita lill-konsumaturi permezz tad-Direttiva 93/13 ma għandhiex tippreġudika l-essenza ta’ din il-protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punti 6566).

44

Għalkemm l-Istati Membri huma għalhekk obbligati, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, jipprevedu fid-dritt nazzjonali tagħhom modalitajiet proċedurali li jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tal-imsemmi dritt għal restituzzjoni, minn dan ma jirriżultax, għall-kuntrarju, obbligu li l-istess dritt jiġi implimentat permezz ta’ tpaċija ex officio li għandha titwettaq mill-qorti nazzjonali, minkejja li din hija obbligata li teskludi l-applikazzjoni tal-klawżola inġusta.

45

Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tagħha l-qorti adita b’talba għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas hija obbligata tiċħad din it-talba sa fejn din tal-aħħar tkun ibbażata fuq klawżola inġusta, iżda ma hijiex awtorizzata twettaq tpaċija ex officio bejn il-ħlasijiet imwettqa abbażi ta’ din il-klawżola u l-bilanċ dovut, u li għandha l-konsegwenza li d-debitur, li ma jipparteċipax fil-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas, huwa obbligat jibda proċedura separata għall-eżerċizzju tad-dritt tiegħu għal restituzzjoni sħiħa, ma tmurx, bħala prinċipju, kontra l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13.

46

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-modalitajiet għall-protezzjoni tad-drittijiet li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni, li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, għandhom jissodisfaw kundizzjoni doppja, jiġifieri ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC, C‑49/14, EU:C:2016:98, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jiġi osservat li, skont l-istat tad-dritt intern kif deskritt fit-talba għal deċiżjoni preliminari, l-Artikolu 19(6) taż-ZPK jipprevedi tpaċija ex officio meta klawżola tkun nulla skont l-Artikolu 19(5) taż-ZPK, fir-rigward ta’ ħlasijiet magħmula skont klawżola li taqbeż il-limitu tar-rata annwali tal-ispiża tal-kreditu, iddefinita fl-Artikolu 19(4) tagħha. Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, l-applikazzjoni b’analoġija ta’ dan l-Artikolu 19(6), moqri flimkien mal-Artikolu 76 taż-ZZD, tippermetti, fil-kuntest ta’ proċedura għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas ibbażata parzjalment fuq klawżola inġusta, li titwettaq ukoll tpaċija ex officio, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħlasijiet imwettqa abbażi ta’ din il-klawżola, b’tali mod li l-konsumatur ikkonċernat ma jkollux iktar għalfejn jibda proċedura distinta sabiex jikseb il-ħlas lura tal-ammonti mħallsa indebitament. Madankollu, sa fejn, bi tweġiba għal talba għal informazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju esponiet, minn naħa, li kienet teżisti ġurisprudenza kontradittorja fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom il-qorti nazzjonali hija obbligata, fil-kuntest ta’ proċedura għall-ħruġ ta’ ordni, twettaq it-tpaċija ex officio fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ klawżola inġusta bħal dik prevista fl-Artikolu 19(6) taż-ZPK u, min-naħa l-oħra, li kienet teżisti ġurisprudenza diverġenti f’dak li jikkonċerna l-legalità tal-applikazzjoni b’analoġija ta’ din id-dispożizzjoni sabiex titwettaq tpaċija ex officio f’każijiet partikolari li ma jagħtux lok biss għall-applikazzjoni tal-Artikolu 19(4) taż-ZPK, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex elementi suffiċjenti sabiex tevalwa l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza. Hija għalhekk il-qorti nazzjonali, li hija l-unika li jista’ jkollha għarfien dirett tal-modalitajiet proċedurali tad-dritt għar-restituzzjoni fl-ordinament ġuridiku intern tagħha, li għandha tivverifika l-osservanza ta’ dan il-prinċipju, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-għan, il-kawża u l-elementi essenzjali ta’ dawn il-modalitajiet proċedurali.

48

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, mill-informazzjoni kkomunikata mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-informazzjoni dwar l-interpretazzjoni ġurisprudenzjali tal-Artikolu 410 tal-GPK, li tipprovdi li l-istħarriġ tal-eżistenza tal-kreditu kkonċernat ma jaqax fil-kompetenza tal-qorti fil-kuntest tal-proċedura għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas u li b’hekk tobbliga lill-konsumatur ikkonċernat, sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għal restituzzjoni sħiħa li jirriżulta mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13, jibda proċedura distinta, ma jirriżultax li dan l-artikolu jagħmel impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, u dan minkejja li dan l-obbligu jeħtieġ aġir attiv min-naħa tad-debitur ikkonċernat u t-tressiq ta’ proċedura kontradittorja. B’hekk, ma jidhirx li l-imsemmija modalitajiet proċedurali jirrendu, waħedhom, l-eżerċizzju tad-dritt għar-restituzzjoni mogħti mid-dritt tal-Unjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli, punt dan madankollu li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, f’dan id-dawl għandu jitfakkar li l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività ma timplikax li għandu jingħata rimedju sħiħ għall-passività sħiħa min-naħa tal-konsumatur ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2014, Kušionová, C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 56).

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għalkemm din id-dispożizzjoni tobbliga lill-qorti nazzjonali, adita b’talba għal ordni ta’ ħlas, tislet il-konsegwenzi kollha li, skont id-dritt nazzjonali, jirriżultaw mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur sabiex tiżgura ruħha li dan il-konsumatur ma jkunx marbut b’din il-klawżola, din l-istess dispożizzjoni, bħala prinċipju, ma tobbligax lill-qorti nazzjonali twettaq tpaċija ex officio bejn il-ħlas imwettaq abbażi tal-imsemmija klawżola u l-bilanċ dovut skont dan il-kuntratt, bla ħsara madankollu għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

Fuq il‑ħames domanda

50

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju għamlet il-ħames domanda fl-ipoteżi ta’ risposta fl-affermattiv għar-raba’ domanda.

51

B’hekk, permezz tal-ħames domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, fl-ipoteżi li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, il-qorti nazzjonali, adita b’talba għal ordni ta’ ħlas, tkun obbligata twettaq tpaċija ex officio bejn il-ħlas imwettaq abbażi ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum u l-bilanċ dovut skont dan il-kuntratt, din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-qorti nazzjonali għandha l-obbligu teskludi l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza, li tipprojbixxi tali tpaċija ex officio, mogħtija minn qorti ta’ grad superjuri.

52

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti nazzjonali, fid-dawl tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, għandha teskludi l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza ta’ qorti ta’ grad superjuri, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxiha milli tipproċedi għal tpaċija ex officio, fil-kuntest ta’ ordni ta’ ħlas, bejn l-ammonti mħallsa mid-debitur ikkonċernat abbażi ta’ klawżoli meqjusa li huma inġusti u l-bilanċ dovut skont il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum ikkonċernat, f’sitwazzjoni fejn, fl-istess ipoteżi, din il-ġurisprudenza ma tkunx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 74).

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-ipoteżi li, skont din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, il-qorti nazzjonali, adita b’talba għal ordni ta’ ħlas, tkun obbligata twettaq tpaċija ex officio bejn il-ħlas imwettaq abbażi ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum u l-bilanċ dovut skont dan il-kuntratt, il-qorti nazzjonali għandha l-obbligu teskludi l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza f’sens kuntrarju mogħtija minn qorti ta’ grad superjuri.

Fuq l‑ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali, adita b’talba għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas u meta l-konsumatur li jkun id-debitur ma jipparteċipax fil-proċedura sal-ħruġ ta’ din l-ordni ta’ ħlas, hija obbligata teskludi ex officio l-applikazzjoni ta’ klawżola inġusta tal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum konkluż bejn dan il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat, li fuqha tkun ibbażata parti mill-kreditu invokat. F’din l-ipoteżi, il-qorti nazzjonali għandha l-possibbiltà li tiċħad parzjalment din it-talba, bil-kundizzjoni li dan il-kuntratt ikun jista’ jibqa’ jeżisti mingħajr ebda emenda oħra u mingħajr reviżjoni jew żieda, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-imsemmija qorti.

 

2)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għalkemm din id-dispożizzjoni tobbliga lill-qorti nazzjonali, adita b’talba għal ordni ta’ ħlas, tislet il-konsegwenzi kollha li, skont id-dritt nazzjonali, jirriżultaw mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur sabiex tiżgura ruħha li dan il-konsumatur ma jkunx marbut b’din il-klawżola, din l-istess dispożizzjoni, bħala prinċipju, ma tobbligax lill-qorti nazzjonali twettaq tpaċija ex officio bejn il-ħlas imwettaq abbażi tal-imsemmija klawżola u l-bilanċ dovut skont dan il-kuntratt, bla ħsara madankollu għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

 

3)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-ipoteżi li, skont din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, il-qorti nazzjonali, adita b’talba għal ordni ta’ ħlas, tkun obbligata twettaq tpaċija ex officio bejn il-ħlas imwettaq abbażi ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum u l-bilanċ dovut skont dan il-kuntratt, il-qorti nazzjonali għandha l-obbligu teskludi l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza f’sens kuntrarju mogħtija minn qorti ta’ grad superjuri.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.