SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

5 ta’ Settembru 2023 ( *1 )

“Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni – Regolament (UE) 2018/1806 – Il-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 – Lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri – Lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dan l-obbligu – Prinċipju ta’ reċiproċità – Stedina għall-adozzjoni ta’ att delegat li jissospendi provviżorjament l-eżenzjoni mill-viża għal perijodu ta’ tnax-il xahar għaċ-ċittadini tal-Istati Uniti tal-Amerika”

Fil-Kawża C‑137/21,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni skont l-Artikolu 265 TFUE, ippreżentat fl‑4 ta’ Marzu 2021,

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn S. Alonso de León, P. López‑Carceller u J. Rodrigues, bħala aġenti,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Azéma u L. Grønfeldt, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos, M. Safjan u M. L. Arastey Sahún, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.‑C. Bonichot, I. Jarukaitis (Relatur), A. Kumin, N. Jääskinen, M. Gavalec, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Diċembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tiegħu, il-Parlament Ewropew jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma adottatx att delegat skont il-punt l-Artikolu (1)(f) tar-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU 2018, L 303, p. 39), il-Kummissjoni Ewropea naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-Trattat FUE.

Il‑kuntest ġuridiku

2

Ir-Regolament 2018/1806 abroga u ssostitwixxa, b’effett mit‑18 ta’ Diċembru 2018, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal‑15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 4, p. 65, rettifika fil-ĠU 2011, L 194, p. 39), kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Mejju 2017 (ĠU 2017, L 133, p. 1). Skont il-premessa 1 tiegħu, dan ir-Regolament 2018/1806 jwettaq kodifikazzjoni tar-regolament abrogat u ssostitwit, fejn ir-referenzi għal dan tal-aħħar għandhom jinftiehmu fis-sens li jirreferu għar-Regolament 2018/1806 u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrispondenza li tinsab fl-Anness IV ta’ dan tal-aħħar. Skont dan l-anness, l-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 539/2001 jikkorrispondi għall-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806.

3

Skont il-premessa 14 tar-Regolament 2018/1806:

“Ir-reċiproċità sħiħa fir-rigward tal-viżi hi objettiv li l-Unjoni [Ewropea] jenħtieġ li ssegwi b’mod proattiv fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi, u b’hekk tikkontribwixxi biex tittejjeb il-kredibbiltà u l-konsistenza tal-politika esterna tal-Unjoni.”

4

Il-premessa 15 ta’ dan ir-regolament hija fformulata kif ġej:

“Jenħtieġ li ssir disposizzjoni għal mekkaniżmu tal-Unjoni li jippermetti il-prinċipju ta’ reċiproċità biex ikun implementat jekk wieħed mill-pajjiżi terzi inklużi fil-lista fl-Anness II jiddieċedi li jagħmel liċ-ċittadini ta’ wieħed jew aktar Stati Membri suġġetti għall-ħtieġa tal-viża. Dak il-mekkaniżmu jeħtieġ li jipprovdi rispons mill-Unjoni bħala att ta’ solidarjetà, jekk tali pajjiżi terz jimponi ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta’ għall-anqas Stat Membru wieħed.”

5

Il-premessa 17 tal-imsemmi regolament tipprovdi:

“Sabiex jiġi żgurat l-involviment xieraq tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fit-tieni fażi tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità, minħabba n-natura politika partikolarment sensittiva tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiż terz inklużi fil-lista fl-Anness II u l-implikazzjonijiet orizzontali tagħha għall-Istati Membri, il-pajjiżi assoċjati ta’ Schengen u l-Unjoni nnifisha, b’mod partikolari għar-relazzjonijiet esterni tagħhom u għall-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fir-rigward ta’ ċerti elementi tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità. […]”

6

L-Artikolu 1 tar-Regolament 2018/1806 jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jiddetermina l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għal, jew eżenti, mill-ħtieġa tal-viża, abbażi ta’ valutazzjoni skont il-każ ta’ diversi kriterji relatati, inter alia, mal-immigrazzjoni irregolari, il-politika pubblika u s-sigurtà, il-benefiċċji ekonomiċi, partikolarment f’termini ta’ turiżmu u ta’ kummerċ barrani u r-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi rilevanti, inklużi, partikolarment, konsiderazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll l-implikazzjonijiet ta’ koerenza reġjonali u reċiproċità.”

7

Skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament:

“Ċittadini ta’ pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II għandhom ikunu eżenti mill-ħtieġa stabbilita fl-Artikolu 3(1) għal soġġorni ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.”

8

L-Artikolu 7 tal-istess regolament jipprovdi:

“Fejn pajjiż terz elenkat fl-Anness II jimponi ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta’ għall-anqas Stat Membru wieħed, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

a)

fi żmien 30 jum mill-implimentazzjoni mill-pajjiż terz tal-ħtieġa tal-viża, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika b’dan lill-Parlamet […], lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bil-miktub.

Dik in-notifika għandha:

i)

tispeċifika d-data ta’ implimentazzjoni tal-ħtieġa tal-viża u t-tipi ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u viżi kkonċernati;

ii)

tinkludi spjegazzjoni dettaljata tal-miżuri preliminari li l-Istat Membru kkonċernat ħa bil-ħsieb li jiżgura l-ivvjaġġar mingħajr viża mal-pajjiż terz ikkonċernat u għandha tinkludi l-informazzjoni rilevanti kollha.

L-informazzjoni dwar dik in-notifika għandha tiġi ppubblikata mingħajr dewmien mill-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, inkluża l-informazzjoni dwar id-data tal-implimentazzjoni tal-ħtieġa tal-viża u t-tipi ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u viżi kkonċernati.

Jekk il-pajjiż terz jiddeċiedi li jneħħi l-ħtieġa tal-viża qabel it-tmiem tal-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-punt, in-notifika m’għandhiex issir jew inkella għandha tkun rtirata u l-informazzjoni m’għandhiex tiġi ppubblikata;

b)

il-Kummissjoni għandha, immedjatament wara d-data tal-pubblikazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-punt (a) u f’konsultazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat, tieħu passi mal-awtoritajiet tal-pajjiż terz kkonċernat, b’mod partikolari fl-oqsma politiċi, ekonomiċi u kummerċjali, sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid jew introdott l-ivvjaġġar mingħajr viża u għandha tinforma lill-Parlament […] u lill-Kunsill mingħajr dewmien b’dawk il-passi;

c)

jekk fi żmien 90 jum mid-data tal-pubblikazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-punt (a) u minkejja l-passi kollha meħudin skont il-punt (b), il-pajjiż terz ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jitlob lill-Kummissjoni tissospendi l-eżenzjoni mil-ħtieġa tal-viża għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz. Meta Stat Membru jagħmel tali talba, għandu jinforma lill-Parlament […] u lill-Kunsill dwarha;

d)

il-Kummissjoni għandha, meta tqis passi ulterjuri skont il-punt (e), (f) jew (h), tieħu kont tal-eżitu tal-miżuri meħudin mill-Istat Membru kkonċernat bil-ħsieb li jiġi żgurat vjaġġar mingħajr viża mal-pajjiż terz ikkonċernat, il-passi meħudin skont il-punt (b) u l-konsegwenzi tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha mal-pajjiż terz ikkonċernat;

e)

jekk il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża, il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-punt (a) u sussegwentement f’intervalli li ma jaqbżux sitt xhur f’perijodu totali li ma jistax jestendi lil hinn mid-data li fiha l-att delegat imsemmi fil-punt (f) jidħol fis-seħħ jew jiġi oġġezzjonat:

i)

tadotta, fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat jew fuq inizjattiva tagħha stess, att ta’ implimentazzjoni li jissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat għal perijodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jistabilixxi data, fi żmien 90 jum mid-dħul fis-seħħ tiegħu, li fiha s-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha tieħu effett b’kont meħud tar-riżorsi disponibbli fil-konsulati tal-Istati Membri. Meta tadotta atti ta’ implimentazzjoni sussegwenti, il-Kummissjoni tista’ testendi l-perijodu ta’ dik is-sospensjoni b’aktar perijodi ta’ mhux aktar minn sitt xhur u tista’ timmodifika l-kategoriji ta’ ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat li għalihom l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża hija sospiża.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2). Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6, matul il-perijodi ta’ sospensjoni l-kategoriji kollha ta’ ċittadini tal-pajjiż terz imsemmi fl–att ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu meħtieġa li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri; jew

ii)

tippreżenta lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 11(1) rapport li jevalwa s-sitwazzjoni u li jsemmi r-raġunijiet għaliex hija ddeċidiet li ma tissospendix l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża u tinforma lill-Parlament […] u lill-Kunsill b’dan.

F’dak ir-rapport għandhom jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha, bħal dawk imsemmijin fil-punt (d). Il-Parlament […] u l-Kunsill jista’ jkollhom diskussjoni politika abbażi ta’ dak ir-rapport;

f)

jekk fi żmien 24 xahar mid-data tal-pubblikazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-punt(a), il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża, il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat skont l-Artikolu 10 li jissospendi b’mod temporanju l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal perijodu ta’ 12-il xahar għaċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz. L-att delegat għandu jistabilixxi data, fi żmien 90 jum mid-dħul fis-seħħ tiegħu, li fiha s-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha tieħu effett, b’kont meħud tar-riżorsi disponibbli fil-konsulati tal-Istati Membri u għandu jemenda l-Anness II kif meħtieġ. Dik l-emenda għandha ssir billi ħdejn l-isem tal-pajjiż terz ikkonċernat tiddaħħal nota f’qiegħ il-paġna li tindika li l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża hija sospiża fir-rigward ta’ dak il-pajjiż terz u li tispeċifika l-perijodu ta’ dik is-sospensjoni.

Mid-data meta s-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat ikollha effett jew meta oġġezzjoni għall-att delegat tiġi espressa skont l-Artikolu 10(7), kwalunkwe att ta' implimentazzjoni adottat skont il-punt (e) ta' dan l-Artikolu fir-rigward ta' dak il-pajjiż terz għandu jiskadi. Fejn il-Kummissjoni tkun ippreżentat proposta leġislattiva kif imsemmi fil-punt (h), il-perijodu ta' sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża msemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-punt għandu jiġi estiż b'sitt xhur. In-nota ta' qiegħ il-paġna li hemm referenza għaliha f'dak is-subparagrafu għandha tiġi emendata kif xieraq.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6, matul il-perijodi ta' dik is-sospensjoni ċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat mill-att delegat għandhom ikunu meħtieġa li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri;

[…]

h)

jekk fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tal-att delegat imsemmi fil-punt (f), il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposta leġislattiva biex temenda dan ir-Regolament sabiex ir-referenza għall-pajjiż terz tiġi trasferita mill-Anness II għall-Anness I;

[…]”

9

L-Artikolu 10 tar-Regolament 2018/1806 jipprovdi, fil-paragrafi 6 u 7 tiegħu:

“6.   Hekk kif tadotta l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

7.   Att delegat adottat skont il-punt (f) tal-Artikolu 7 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien erba’ xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”

10

L-Istati Uniti tal-Amerika tinsab fil-“[l]ista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti mill-ħtieġa li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri għal soġġorni ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum”, li hija s-suġġett tal-Anness II tar-Regolament 2018/1806.

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

11

Fit‑12 ta’ April 2016, il-Kummissjoni ppreżentat komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitolata “Sitwazzjoni attwali u l-modi possibli ’l quddiem rigward is-sitwazzjoni tan-nuqqas ta’ reċiproċità ma’ ċerti pajjiżi terzi fil-qasam tal-politika dwar il-viża” (COM(2016) 221 final) (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni tat‑12 ta’ April 2016”). Hija indikat li l-maġġoranza l-kbira tal-każijiet ta’ nuqqas ta’ reċiproċità, li jikkonċernaw tmien pajjiżi terzi, kienet ġiet solvuta, iżda li kien għad hemm sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ reċiproċità fir-rigward ta’ tliet pajjiżi terzi. Fost dawn il-pajjiżi terzi kien hemm l-Istati Uniti tal-Amerika, li għalhekk issuġġettaw liċ-ċittadini Bulgari, Kroati, Ċiprijotti, Pollakki u Rumeni għall-obbligu ta’ viża.

12

Il-Kummissjoni fakkret ukoll, f’din il-komunikazzjoni, li jekk il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-obbligu ta’ viża sa mhux iktar tard mit‑12 ta’ April 2016, hija kienet marbuta, skont ir-Regolament Nru 539/2001, kif emendat mir-Regolament (UE) Nru 1289/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑11 ta’ Diċembru 2013 (ĠU 2013, L 347, p. 74), tadotta att delegat li jissospendi matul tnax‑il xahar l-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz. Hija ppreċiżat ukoll li dan ir-Regolament Nru 539/2001, kif emendat, kien jimponilha li tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi ta’ sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża għar-relazzjonijiet esterni tal-UE u l-Istati Membri tagħha.

13

Il-Kummissjoni sussegwentement ippreżentat sitt komunikazzjonijiet ta’ segwitu tal-komunikazzjoni tat‑12 ta’ April 2016, l-ewwel u t-tieni fix-xhur ta’ Lulju u ta’ Diċembru 2016, it-tielet u r-raba’ fix-xhur ta’ Mejju u ta’ Diċembru 2017, il-ħames fix-xahar ta’ Diċembru 2018 u, fl-aħħar, l-aħħar waħda fix-xahar ta’ Marzu 2020.

14

Wara t-tieni komunikazzjoni ta’ segwitu, tal‑21 ta’ Diċembru 2016, li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonstatat li n-nuqqas ta’ reċiproċità fil-qasam tal-viżi kien jikkonċerna biss żewġ pajjiżi terzi, jiġifieri l-Kanada u l-Istati Uniti tal-Amerika, fit‑2 ta’ Marzu 2017, il-Parlament adotta r-r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-obbligi tal-Kummissjoni fil-qasam tar-reċiproċità tal-viżi b’konformità mal-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 (2016/2986(RSP)) (iktar ’il quddiem ir-“riżoluzzjoni tat‑2 ta’ Marzu 2017”). Permezz ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament qies li l-Kummissjoni kienet “legalment obbligata li tadotta att delegat li jissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma neħħewx l-obbligu ta’ viża għaċ-ċittadini ta’ ċerti Stati Membri, f’terminu ta’ 24‑il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tan-notifiki ta’ din is-sitwazzjoni, terminu li [kien] skada fit‑12 ta’ April 2016”, [traduzzjoni mhux uffiċjali] u stedinha, abbażi tal-Artikolu 265 TFUE, tadotta l-att delegat li huwa kien iqis meħtieġ.

15

Fit‑2 ta’ Mejju 2017, permezz tat-tielet komunikazzjoni ta’ segwitu tagħha, ippreżentata lill-Parlament u lill-Kunsill, il-Kummissjoni wieġbet għar-riżoluzzjoni tat‑2 ta’ Marzu 2017 u rrapportat il-progress miksub (COM(2017) 227 final) (iktar’ il quddiem il-“komunikazzjoni tat‑2 ta’ Mejju 2017”). Hija indikat li l-adozzjoni ta’ att delegat li jissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża għaċ-ċittadini tal-Kanada u tal-Istati Uniti tal-Amerika hija “kontroproduttiva bħalissa” u “ma tikkontribwixxix għall-għan tal-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini kollha tal-[Unjoni]”.

16

Fir-raba’ komunikazzjoni ta’ segwitu tagħha, tal‑20 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni esponiet li l-uniku każ ta’ nuqqas ta’ reċiproċità li baqa’ kien jikkonċerna lill-Istati Uniti tal-Amerika. Peress li r-Repubblika tal-Polonja issieħbet mal-programm ta’ eżenzjoni mill-viża tal-Istati Uniti tal-Amerika fix-xahar ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni indikat, fis-sitt komunikazzjoni ta’ segwitu tagħha tat‑23 ta’ Marzu 2020, li dan il-programm ta’ eżenzjoni ma kienx ġie estiż għall-Istati Membri kollha, filwaqt li l-Istati Uniti tal-Amerika baqgħu irrifjutaw li jitneħħa l-obbligu ta’ viża fir-rigward taċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Bulgarija, tar-Repubblika tal-Kroazja, tar-Repubblika ta’ Ċipru u tar-Rumanija.

17

Fit‑22 ta’ Ottubru 2020, permezz tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-obbligi tal-Kummissjoni fil-qasam tar-reċiproċità tal-viżi b’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2018/1806 (2020/2605(RSP)) (iktar ’il quddiem ir-riżoluzzjoni tat‑22 ta’ Ottubru 2020), il-Parlament stieden lill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 265 TFUE, tadotta l-att delegat li huwa qies meħtieġ skont il-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806 intiż li jissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża għal soġġorn qasir għaċ-ċittadini tal-Istati Uniti tal-Amerika, minħabba l-obbligu ta’ viża li dan il-pajjiż terz jimponi fuq iċ-ċittadini Bulgari, Ċiprijotti, Kroati u Rumeni.

18

Fit‑22 ta’ Diċembru 2020, permezz tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li tiddefinixxi il-pożizzjoni tal-Kumissjoni wara r-reżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat‑22 ta’ Ottubru 2020 dwar l-obbligi tal-Kummissjoni fil-qasam tar-reċiproċità tal-viża u r-rapportar dwar il-progress attwali (COM(2020) 851 final) (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2020”), il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet għalfejn, f’dan l-istadju, hija kienet għadha ma kellhiex l-intenzjoni tadotta att delegat intiż għas-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża għal soġġorn qasir għaċ-ċittadini tal-Istati Uniti tal-Amerika.

19

Peress li qies li l-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806 ma jagħtix lill-Kummissjoni l-possibbiltà li ma tadottax att delegat meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ tali att previsti minn din id-dispożizzjoni, il-Parlament ippreżenta dan ir-rikors.

It‑talbiet tar‑rikors u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

20

Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, billi ma adottatx l-att delegat skont il-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806, il-Kummissjoni kisret it-Trattat u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

21

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

22

Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru fit‑18 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, konformement mal-Artikolu 151(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Parlament ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar din l-eċċezzjoni fit‑28 ta’ Ġunju 2021.

23

Fil‑21 ta’ Settembru 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi eżaminata flimkien mal-mertu.

Fuq ir‑rikors

Fuq l‑ammissibbiltà

L‑argumenti tal‑partijiet

24

Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors abbażi ta’ żewġ motivi. Minn naħa, fir-risposta tagħha, hija ssostni li l-Parlament, billi adotta r-riżoluzzjoni tat‑22 ta’ Ottubru 2020, evita t-terminu tar-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni previst fl-Artikolu 265 TFUE. Din ir-riżoluzzjoni tikkostitwixxi, fil-fehma tagħha, it-tieni talba sabiex tittieħed azzjoni, essenzjalment tal-istess kontenut bħal dak tat‑2 ta’ Marzu 2017, tal-inqas fir-rigward taċ-ċittadini tal-Istati Uniti tal-Amerika, minkejja li din tal-aħħar ma ġietx segwita bil-ftuħ ta’ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, il-Parlament huwa prekluż milli jippreżenta tali rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni. Min-naħa l-oħra, fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, billi adottat il-komunikazzjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2020 bi tweġiba għas-sejħa għal teħid ta’ azzjoni li kienet intbagħtitilha mill-Parlament fit‑22 ta’ Ottubru tal-istess sena, hija ħadet pożizzjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE.

25

Il-Parlament isostni li r-rikors huwa ammissibbli. Fir-rigward ta’ evażjoni eventwali tat-terminu tar-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni previst fl-Artikolu 265 TFUE, huwa josserva, l-ewwel, li, billi ma adottatx l-att delegat previst mir-Regolament 2018/1806, il-Kummissjoni kisret dan b’mod kontinwu. Huwa jsostni, it-tieni, li r-riżoluzzjoni tat‑22 ta’ Ottubru 2020 tinkludi żewġ premessi ġodda meta mqabbla mar-riżoluzzjoni tat‑2 ta’ Marzu 2017. It-tielet, il-Parlament isostni li l-kompożizzjoni tiegħu nbidlet fl-intervall bejn iż-żewġ riżoluzzjonijiet, wara l-elezzjonijiet tax-xahar ta’ Ġunju 2019. Fl-aħħar, ir-raba’, huwa jenfasizza essenzjalment li t-tieni sejħa għal teħid ta’ azzjoni hija bbażata fuq evalwazzjoni tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni wara l-adozzjoni tal-ewwel sejħa għal teħid ta’ azzjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni għall-aħħar komunikazzjoni ta’ segwitu tal-Kummissjoni adottata dak iż-żmien, jiġifieri dik tat‑23 ta’ Marzu 2020. Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Parlament isostni li l-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, meta adottat il-komunikazzjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2020. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk istituzzjoni ħaditx pożizzjoni jew le ma tistax tiġi deċiża abbażi biss tat-titolu ta’ dokument li joriġina mill-istituzzjoni li n-nuqqas ta’ azzjoni tagħha huwa inkwistjoni. Barra minn hekk, ma huwiex manifest li l-Kummissjoni ħadet pożizzjoni fuq l-adozzjoni tal-att delegat billi ppubblikat il-komunikazzjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2020, li sempliċement tirriproduċi elementi li jinsabu fil-komunikazzjonijiet preċedenti tagħha u tesponi r-raġunijiet fattwali tan-nuqqas ta’ azzjoni tagħha.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

26

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni jkun ammissibbli biss jekk l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu inkwistjoni jkun preliminarjament ġie msejjaħ jaġixxi. Jekk fi żmien xahrejn minn meta tkun saret is-sejħa, din l-istituzzjoni, dan il-korp jew dan l-organu ma jkunx spjega l-pożizzjoni tiegħu, dan ir-rikors ikun jista’ jiġi ppreżentat f’terminu ieħor ta’ xahrejn.

27

It-tressiq ta’ talba minn qabel, mir-rikorrent, quddiem l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu inkwistjoni jikkostitwixxi formalità essenzjali, mhux biss għaliex jikkostitwixxi l-punt tat-tluq tat-termini mogħtija lill-persuna kkonċernata, iżda wkoll għaliex bil-kontestazzjoni tan-nuqqas ta’ azzjoni, huwa jġiegħel lil din l-istituzzjoni, lil dan il-korp jew lil dan l-organu jieħu pożizzjoni f’terminu limitat dwar il-legalità tan-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Klein vs Il‑Kummissjoni, C‑430/20 P, EU:C:2022:377, punt 47).

28

Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq it-tardività ta’ dan ir-rikors, huwa paċifiku li, permezz tar-riżoluzzjoni tat‑2 ta’ Marzu 2017 u permezz ta’ dik tat‑22 ta’ Ottubru 2020, il-Parlament indirizza sejħiet lill-Kummissjoni sabiex taġixxi, fis-sens tal-Artikolu 265 TFUE. Il-Kummissjoni wieġbet għal dawn is-sejħiet, rispettivament, permezz tal-komunikazzjonijiet tagħha tat‑2 ta’ Mejju 2017 u tat‑22 ta’ Diċembru 2020. Huwa paċifiku wkoll li, wara l-komunikazzjoni tat‑2 ta’ Mejju 2017, il-Parlament ma ppreżentax rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni.

29

Il-kwistjoni dwar jekk il-Parlament kisirx it-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst f’din id-dispożizzjoni, billi ppreżenta dan ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni wara li bagħat lill-Kummissjoni, permezz tar-riżoluzzjoni tat‑22 ta’ Ottubru 2020, it-tieni sejħa għal teħid ta’ azzjoni, minkejja li ma kienx ippreżenta tali rikors wara r-riżoluzzjoni tat‑2 ta’ Marzu 2017 li tinkludi l-ewwel sejħa għal teħid ta’ azzjoni, jiddependi għalhekk mill-punt dwar jekk din it-tieni sejħa għal teħid ta’ azzjoni hijiex, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi li jirrigwardaw il-kontenut tagħha jew il-kuntest tagħha, distinta mill-ewwel waħda.

30

F’dan ir-rigward, mill-komunikazzjoni tat‑2 ta’ Mejju 2017, ippreżentata lill-Parlament sabiex jirrispondi għar-riżoluzzjoni tat‑2 ta’ Marzu 2017, jirriżulta li huwa wara eżami taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, b’mod partikolari, tal-konsegwenzi ta’ eventwali sospensjoni tal-eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża fuq ir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha mal-Istati Uniti tal-Amerika, li l-Kummissjoni qieset li l-adozzjoni ta’ att delegat li jissospendi temporanjament din l-eżenzjoni tkun “għalissa” kontroproduttiva u ma tikkontribwixxix sabiex jintlaħaq l-għan tal-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni.

31

Permezz tar-riżoluzzjoni tat‑22 ta’ Ottubru 2020, il-Parlament, wara li skada terminu ta’ iktar minn tliet snin, sejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra mill-ġdid il-metodu magħżul fil-komunikazzjoni tagħha tat‑2 ta’ Mejju 2017, fid-dawl tal-iżviluppi li seħħew minn dakinhar.

32

Madankollu, minn naħa, diversi raġunijiet, kemm ta’ natura legali kif ukoll politika, setgħu wasslu lill-Parlament, fl-ewwel lok, sabiex jirtira mit-triq kontenzjuża wara l-adozzjoni ta’ din il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni, u sabiex iħalli lil din tal-aħħar possibbiltà li tikseb, permezz ta’ mezzi diplomatiċi, riżultati li jikkontribwixxu għall-għan ta’ reċiproċità totali fil-qasam tal-viżi stabbilit fil-premessa 14 tar-Regolament 2018/1806. Min-naħa l-oħra, ir-riżoluzzjoni tat‑22 ta’ Ottubru 2020 tirreferi għal komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni wara dik tat‑2 ta’ Mejju 2017, dwar il-problema tal-assenza ta’ reċiproċità fil-qasam tal-viżi mal-Istati Uniti tal-Amerika. Għalhekk, jidher li kien wara li evalwa l-iżvilupp tas-sitwazzjoni wara l-adozzjoni tal-ewwel sejħa għal teħid ta’ azzjoni li l-Parlament, fit-tieni lok, adotta r-riżoluzzjoni tat‑22 ta’ Ottubru 2020, li barra minn hekk tinkludi żewġ motivi addizzjonali insostenn tal-argument li l-Kummissjoni hija obbligata tadotta l-att delegat inkwistjoni.

33

In-natura distinta tas-sejħiet sabiex tittieħed azzjoni li jinsabu fir-riżoluzzjonijiet tat‑2 ta’ Marzu 2017 u tat‑22 ta’ Ottubru 2020 hija wkoll ikkonfermata miċ-ċirkustanza li, fil-komunikazzjoni tagħha tat‑22 ta’ Diċembru 2020, adottata wara din ir-riżoluzzjoni tal-aħħar, il-Kummissjoni evalwat mill-ġdid is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ reċiproċità fil-qasam tal-viżi bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-erba’ Stati Membri tal-Unjoni kkonċernati fid-dawl tal-iżviluppi li seħħew b’effett mis-sena 2017. Wara li tat ħarsa ġenerali lejn il-kuntatti bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar dan is-suġġett, u esponiet l-evoluzzjoni tal-programm ta’ eżenzjoni mill-viża ta’ dan il-pajjiż terz kif ukoll il-kuntest politiku ta’ dan tal-aħħar u r-relazzjonijiet bilaterali li huwa stabbilixxa mal-Unjoni, hija kkonkludiet li l-adozzjoni ta’ tali att kienet għadha prematura u li hija “kontroproduttiva, b’mod partikolari f’dan l-istadju”.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riżoluzzjoni tat‑22 ta’ Ottubru 2020 ma tistax titqies li kienet mezz sabiex jiġi evitat it-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, li kien beda jiddekorri bis-sejħa għal teħid ta’ azzjoni li tinsab fir-riżoluzzjoni tat‑2 ta’ Marzu 2017, peress li s-sejħiet sabiex tittieħed azzjoni inklużi f’dawn iż-żewġ riżoluzzjonijiet huma distinti kemm mill-kontenut tagħhom kif ukoll mill-kuntest li fih ġew adottati.

35

L-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq it-tardività ta’ dan ir-rikors, għandha, konsegwentement, tiġi miċħuda.

36

Fir-rigward tat-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiġi adita sabiex jiġi kkonstatat li, bi ksur tat-Trattati, il-Kummissjoni tastjeni milli tieħu deċiżjoni.

37

F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li, permezz tal-komunikazzjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2020, hija ħadet pożizzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fuq it-talba għall-adozzjoni tal-att delegat imsemmi fil-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806 u esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija ma laqgħetx din it-talba.

38

F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li risposta ta’ istituzzjoni għal sejħa għal azzjoni ma tissodisfax lill-persuna li tkun bagħtitilha ma jfissirx li din ir-risposta ma tikkostitwixxix teħid ta’ pożizzjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, li l-adozzjoni tagħha ttemm in-nuqqas li tittieħed azzjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑1 ta’ April 1993, Pesqueras Echebastar vs Il‑Kummissjoni, C‑25/91, EU:C:1993:131, punti 1112).

39

Madankollu, is-soluzzjoni mfakkra fil-punt preċedenti ma tistax tapplika, f’kuntest interistituzzjonali, f’każijiet fejn l-inammissibbiltà tar-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni tippermetti lill-istituzzjoni msejħa taġixxi li tipperpetwa n-nuqqas ta’ azzjoni.

40

Dan ikun il-każ jekk il-komunikazzjoni msemmija fil-punt 37 ta’ din is-sentenza tiġi kklassifikata bħala “teħid ta’ pożizzjoni”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, li jwassal għall-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, in-nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet f’din it-tilwima fir-rigward tal-portata tal-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806, u, b’mod iktar preċiż, dwar l-eżistenza ta’ eventwali obbligu li jiġi adottat l-att delegat inkwistjoni, jippersisti.

41

Għalhekk, rifjut li tittieħed azzjoni, ikun kemm ikun espliċitu, wara sejħa għal teħid ta’ azzjoni, indirizzata lil istituzzjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, jista’ jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi ta’ dan l-artikolu, peress li ma jtemmx in-nuqqas li tittieħed azzjoni (sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, 302/87, EU:C:1988:461, punt 17).

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, f’kuntest interistituzzjonali, ir-risposta ta’ istituzzjoni li tikkonsisti, bħal f’dan il-każ, f’espożizzjoni tar-raġunijiet li għalihom, skont din l-istituzzjoni, ma tiġix adottata l-miżura mitluba, għandha neċessarjament titqies li hija rifjut li tittieħed azzjoni min-naħa ta’ din l-istituzzjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti, u għandha għalhekk tkun tista’ tiġi rrinvijata lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 265 TFUE.

43

Konsegwentement, dan l-appell huwa ammissibbli.

Fuq il‑mertu

L‑argumenti tal‑partijiet

44

Insostenn tar-rikors tiegħu, il-Parlament iqajjem motiv uniku, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret it-Trattati billi ma adottatx, skont il-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806, att delegat li jissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża fir-rigward taċ-ċittadini tal-Istati Uniti tal-Amerika.

45

Il-Parlament isostni li din id-dispożizzjoni ma tagħti ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni, b’tali mod li hija għandha, f’dan il-każ, tadotta tali att. Fil-fatt, skont il-Parlament, l-obbligu li jiġi adottat att delegat, skont l-imsemmija dispożizzjoni, huwa suġġett biss għal kundizzjoni oġġettiva, jiġifieri li l-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-ħtieġa ta’ viża fir-rigward taċ-ċittadini ta’ mill-inqas Stat Membru wieħed matul il-perijodu ta’ 24 xahar dekorribbli mid-data tal-pubblikazzjoni tan-notifika msemmija fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7. Fil-kawża ineżami, fil-każ tal-Istati Uniti tal-Amerika, din il-kundizzjoni ġiet issodisfatta fit‑12 ta’ April 2016.

46

Il-Parlament iqis li l-fatt li il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jippermetti lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha mal-pajjiż terz inkwistjoni ma jwassalx sabiex din l-istituzzjoni tingħata setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, peress li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda għażla oħra ħlief dik li tadotta l-att delegat.

47

L-interpretazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni proposta mill-Kummissjoni tmur kontra l-loġika tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806, peress li din trendi l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża għar-relazzjonijiet esterni l-element ċentrali tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità previst f’dan l-artikolu, u b’hekk tissuġġetta l-obbligu previst fil-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-imsemmi artikolu għall-imsemmi element.

48

Konsegwentement, din l-interpretazzjoni ċċaħħad lil din l-aħħar dispożizzjoni mill-effettività tagħha u ma tiħux inkunsiderazzjoni l-kunċett tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità. Ma teżistix kontradizzjoni bejn, minn naħa, l-obbligu tal-Kummissjoni, previst fil-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, li tadotta att delegat li jissospendi l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża meta l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-konsegwenzi ta’ din is-sospensjoni għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, imsemmi fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, dan ir-rekwiżit japplika għall-istadji kollha tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità u, bħala tali, għandu jinqara minn din il-perspettiva. Barra minn hekk, il-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806 joffri biss marġni ta’ diskrezzjoni limitat lill-Kummissjoni, li ma jirrigwardax il-kontenut tal-att, jiġifieri s-sospensjoni stess tal-eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża. Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jikkonċerna aspetti oħra, bħall-għażla tad-data li fiha s-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża għandha tidħol fis-seħħ, fil-limitu ta’ 90 jum mid-dħul fis-seħħ ta’ dan l-att.

49

Għalhekk, l-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni tirrendi ineffettiv l-obbligu li jiġi adottat l-att delegat previst fil-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament meta l-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-obbligu ta’ viża f’ċertu terminu, sa fejn, billi bbażat ruħha prinċipalment fuq il-konsegwenzi ta’ sospensjoni tal-eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u tal-Istati Membri ma’ dan il-pajjiż terz, din l-istituzzjoni tevita l-obbligu previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni u, fil-prattika, ittemm il-mekkaniżmu ta’ reċiproċità sa mill-ewwel stadju ta’ dan tal-aħħar.

50

Il-Kummissjoni toġġezzjona li l-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806 ma jimponix fuqha l-obbligu inkundizzjonat li tadotta att delegat sabiex tissospendi l-eżenzjoni mill-viża mogħtija liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz meta dan il-pajjiż terz ma jkunx neħħa l-obbligu tiegħu ta’ viża fir-rigward taċ-ċittadini ta’ mill-inqas Stat Membru wieħed fi żmien 24 xahar wara l-pubblikazzjoni ta’ tali notifika prevista fit-tielet paragrafu tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.

51

Il-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament għandu, skont din l-istituzzjoni, jiġi moqri fid-dawl tal-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-istess regolament, li jgħid li l-Kummissjoni, meta tikkunsidra miżuri ġodda skont id-dispożizzjonijiet tal-punt (e), (f) jew (h) ta’ dan l-ewwel paragrafu, għandha tieħu inkunsiderazzjoni, qabelxejn, l-effetti tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru kkonċernat, sussegwentement, il-passi meħuda minnha stess fl-oqsma politiċi, ekonomiċi u kummerċjali, bil-għan tal-istabbiliment mill-ġdid jew tal-introduzzjoni tal-eżenzjoni mill-viża, u fl-aħħar, il-konsegwenzi tas-sospensjoni ta’ din l-eżenzjoni fuq ir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha mal-pajjiż terz ikkonċernat.

52

Il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li l-marġni ta’ diskrezzjoni li hija għandha fl-applikazzjoni tal-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806 huwa limitat għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi msemmija fil-punt (d) ta’ dan l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7. Madankollu, huwa inkonfutabbli li dan ir-regolament jagħtiha tabilħaqq dan il-marġni ta’ diskrezzjoni.

53

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 li hija tipproponi ma trendix “kompletament ineffettiv” l-obbligu li jiġi adottat l-att delegat imsemmi fil-punt (f) tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu. Il-Kummissjoni tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u tal-Istati Membri, meta hija tipprovdi miżuri ġodda konformement mal-punt (e), (f) jew (h) tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu 7, huwa espressament previst fil-punt (d) ta’ dan il-paragrafu, li jeskludi li l-imsemmija interpretazzjoni titqies li hija contra legem. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li hija ma llimitatx ruħha li tinvoka l-konsegwenzi ta’ sospensjoni tal-eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u tal-Istati Membri mal-pajjiż terz inkwistjoni, iżda, kif jeżiġu l-leġiżlaturi tal-Unjoni, evalwat dawn il-konsegwenzi meta eżaminat il-possibbiltà li tiġi adottata miżura ta’ sospensjoni.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

54

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Istati Uniti tal-Amerika ma neħħewx l-obbligu ta’ viża fir-rigward taċ-ċittadini ta’ mill-inqas Stat Membru wieħed wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ 24 xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tan-notifika msemmija fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806.

55

Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk, kif isostni l-Parlament, din iċ-ċirkustanza kinitx tqiegħed lill-Kummissjoni f’sitwazzjoni fejn hija kienet obbligata, skont il-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806, tadotta att delegat li jissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża fir-rigward taċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż terz, mingħajr ma jkollha f’dan ir-rigward marġni ta’ diskrezzjoni.

56

Fl-interpretazzjoni ta’ diżpożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha.

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806 jipprovdi li l-Kummissjoni “għandha tadotta” att delegat li jissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża, meta, bħal f’dan il-każ, il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-obbligu ta’ viża inkwistjoni fit-terminu previst minn din id-dispożizzjoni. B’hekk jidher li mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata tadotta tali att meta l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tiegħu jkunu ssodisfatti.

58

Tali interpretazzjoni tal-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806 għandha, madankollu, tiġi eskluża fid-dawl tal-istruttura ġenerali ta’ dan l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7, ikkaratterizzata b’mod partikolari mill-istruttura f’diversi stadji tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità li huwa jistabbilixxi.

59

B’mod iktar preċiż, il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806 jipprovdi espressament li l-Kummissjoni, meta tikkunsidra miżuri ġodda skont il-punt (e), (f) jew (h) ta’ dan l-ewwel paragrafu, għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fl-ewwel lok, l-effetti tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru kkonċernat bl-għan li tiġi żgurata l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża mal-pajjiż terz inkwistjoni, fit-tieni lok, il-passi meħuda mill-Kummissjoni, skont il-punt (b) tal-imsemmi paragrafu, fir-rigward tal-awtoritajiet tal-pajjiż terz inkwistjoni b’mod partikolari fl-oqsma politiċi, ekonomiċi u kummerċjali, bl-għan li terġa’ tiġi stabbilita jew introdotta l-eżenzjoni mill-viża, u, fit-tielet lok, tal-konsegwenzi tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha mal-pajjiż terz inkwistjoni.

60

L-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn id-diversi ċirkustanzi jkun nieqes minn kull utilità jekk il-Kummissjoni tkun neċessarjament obbligata tadotta l-att delegat imsemmi fil-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806 peress li l-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-obbligu ta’ viża inkwistjoni fit-terminu previst minn din id-dispożizzjoni.

61

F’dan ir-rigward, mill-premessa 17 tar-Regolament 2018/1806 jirriżulta li l-għoti lill-Kummissjoni tas-setgħa li tadotta atti delegati fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità stabbilit mill-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament huwa intiż li jistabbilixxi qafas istituzzjonali li jippermetti, qabel l-eventwali sospensjoni tal-eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiż terz, li hija ta’ natura politika partikolarment sensittiva, li jiġu evalwati l-implikazzjonijiet ta’ tali miżura għar-relazzjonijiet esterni u għall-funzjonament globali taż-żona Schengen.

62

Għalhekk, mill-qari flimkien tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806, moqri fid-dawl tal-premessa 17 ta’ dan tal-aħħar, jirriżulta li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tadotta jew le att delegat ibbażat fuq il-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, peress li dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa limitat mit-tliet kriterji stabbiliti fil-punt (d) tal-imsemmi paragrafu.

63

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 34 sa 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, mix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 1289/2013, li introduċa l-mekkaniżmu ta’ reċiproċità fid-dritt tal-Unjoni, li minnu jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jipprevedi sospensjoni awtomatika tal-eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża f’każ ta’ persistenza ta’ sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ reċiproċità.

64

Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tadotta att iddelegat skont il-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806 wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ 24 xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tan-notifika msemmija fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament. Kuntrarjament, sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx lok, fid-dawl tal-għan ta’ reċiproċità totali stabbilit fil-premessa 14 tal-imsemmi regolament, li tiġi sospiża l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża fir-rigward taċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat jew jekk, għall-kuntrarju, hemmx lok li ma tittiħidx tali miżura, fid-dawl tal-interessi relatati, b’mod partikolari, mar-relazzjonijiet esterni tal-Istati Membri, tal-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen u tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-tliet kriterji stabbiliti fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, esposti fil-punt 59 ta’ din is-sentenza.

65

Għandu jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, marritx lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha meta kkunsidrat li hija kienet fondata tirrifjuta li taġixxi.

66

Fir-rigward tal-ewwel kriterju, li jgħid li, qabel ma jiġi kkunsidrat li jiġi adottat att delegat li jissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jimponi obbligu ta’ viża fir-rigward ta’ ċittadini ta’ mill-inqas Stat Membru wieħed, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru kkonċernat bl-għan li tiġi żgurata l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża mal-pajjiż terz inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-komunikazzjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2020 tinkludi ħarsa ġenerali fid-dettall tas-sitwazzjoni tal-erba’ Stati Membri kkonċernati mir-rekwiżit ta’ viża dak iż-żmien. Fil-fatt, il-Kummissjoni ppreżentat l-iżviluppi fir-rata ta’ rifjut ta’ viża għal kull wieħed minn dawn l-Istati Membri u indikat li dawn tal-aħħar kienu destinatarji ta’ “pjanijiet ta’ ħidma mfassla apposta” mwettqa mill-Istati Uniti, sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mal-programm Amerikan għall-eżenzjoni mill-viża. Barra minn hekk, din il-komunikazzjoni ssemmi l-fatt li d-diskussjoni mibdija abbażi ta’ dawn il-pjanijiet ta’ ħidma, li jinkludu orjentazzjonijiet speċifiċi għal kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati, kienet tikkostitwixxi progress importanti meta mqabbla mal-approċċ preċedenti, ibbażat fuq evalwazzjoni iktar ġenerali tar-rekwiżiti ta’ sigurtà, u tal-fatt li l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-imsemmija pjanijiet minn dawn l-Istati Membri kienet ippermettiet li jiġi kkonstatat progress għal ċertu numru ta’ oqsma ta’ xogħol.

67

Fir-rigward tat-tieni kriterju, jiġifieri l-obbligu tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-passi li hija ħadet, f’dan il-każ, fi ħdan l-Istati Uniti tal-Amerika, b’mod partikolari fl-oqsma politiċi, ekonomiċi u kummerċjali, bl-għan li terġa’ tiġi stabbilita mill-ġdid jew introdotta l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża, hija, fil-komunikazzjoni tagħha tat‑22 ta’ Diċembru 2020, minn naħa, irreferiet fid-dettall għal diversi laqgħat ta’ ħidma li saru mal-kontropartijiet Amerikani tagħha. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tesponi fil-komunikazzjoni tagħha tat‑22 ta’ Diċembru 2020, li minħabba l-perijodu tranżitorju ta’ wara l-elezzjoni fl-Istati Uniti, u l-istennija tal-istabbiliment tal-amministrazzjoni l-ġdida wara l-investitura tal-President il-ġdid li kienet prevista fl‑20 ta’ Jannar 2021, hija kellha tikkuntenta bl-iżvilupp, konġuntivament mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), ta’ proposta relatata ma’ programm trans-Atlantiku ġdid li jfakkar l-importanza tar-rabtiet trans-Atlantiċi.

68

Fir-rigward tat-tielet kriterju, jiġifieri n-neċessità, għall-Kummissjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, f’dan il-każ, mal-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni tagħha tat‑22 ta’ Diċembru 2020, irreferiet għall-ispjegazzjonijiet fid-dettall dwar dan is-suġġett diġà esposti fil-komunikazzjoni tat‑12 ta’ April 2016. Bħala konklużjoni, hija indikat ukoll li s-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża għaċ-ċittadini tal-Istati Uniti tal-Amerika jkollha effetti negattivi sinjifikattivi f’firxa ta’ oqsma ta’ politika u ta’ setturi.

69

Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni t-tliet kriterji stabbiliti fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806 qabel ma waslet għall-konklużjoni li ma jiġix adottat l-att delegat mitlub.

70

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, mingħajr ma marret lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha, il-Kummissjoni qieset, wara s-sejħa għal teħid ta’ azzjoni indirizzata lilha mill-Parlament fit‑22 ta’ Ottubru 2020, li hija ma kinitx obbligata tadotta l-att delegat inkwistjoni, b’tali mod li ebda nuqqas li tittieħed azzjoni ma jista’ jiġi attribwit lilha f’dan il-każ.

71

Minn dan isegwi li dan ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq l‑ispejjeż

72

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Parlament tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Il-Parlament Ewropew huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.