SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Jannar 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikoli 77 sa 79 – Rimedji ġudizzjarji – Eżerċizzju parallel – Rabta – Awtonomija proċedurali – Effettività tar-regoli ta’ protezzjoni stabbiliti minn dan ir-regolament – Applikazzjoni koerenti u omoġenja ta’ dawn ir-regoli fl-Unjoni Ewropea kollha – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑132/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Marzu 2021, fil-proċedura

BE

vs

Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság,

fil-preżenza ta’:

Budapesti Elektromos Művek Zrt.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen, Viċi President, li qiegħed jaġixxi bħala imħallef tal-Ewwel Awla, P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Mejju 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal BE, minn I. Kulcsár, ügyvéd,

għal Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, minn G. Barabás, jogtanácsos, G. J. Dudás u Á. Hargita, ügyvédek,

għall-Gvern Ungeriż, minn Zs. Biró-Tóth u M. Z. Fehér, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn O. Serdula, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn E. De Bonis u M. F. Severi, avvocati dello Stato,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u J. Sawicka, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Kranenborg, Zs. Teleki u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Settembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 77(1), tal-Artikolu 78(1), u tal-Artikolu 79(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data). (ĠU 2016, L 119, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn BE u n-Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (l-Awtorità Nazzjonali Responsabbli għall-Protezzjoni tad-Data u l-Libertà tal-Informazzjoni, l-Ungerija, iktar ’il quddiem l-“awtorità superviżorja”) dwar iċ-ċaħda tat-talba ta’ BE li jiġu kkomunikati lilu siltiet mir-reġistrazzjoni awdjo tal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ kumpannija li BE kien ipparteċipa fiha.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Skont il-premessi 10, 11, 141 u 143 tar-Regolament Nru 2016/679:

“(10)

Sabiex ikun żgurat livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi u sabiex jitneħħew l-ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni tad-data personali fl-Unjoni [Ewropea], il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data għandu jkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. L-applikazzjoni konsistenti u omoġenea tar-regoli għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali għandha tkun żgurata fl-Unjoni kollha.[…]

(11)

Il-protezzjoni effettiva tad-data personali fl-Unjoni kollha teħtieġ it-tisħiħ u l-ispeċifikar fid-dettall tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data u l-obbligi ta’ dawk li jipproċessaw u jiddeterminaw l-ipproċessar ta’ data personali […]

[…]

(141)

Kull suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja unika, b’mod partikolari fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, u jkollu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv f’konformità mal-Artikolu 47 tal-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea] jekk is-suġġett tad-data jqis li jkun hemm ksur tad-drittijiet tiegħu skont dan ir-Regolament jew fejn l-awtorità superviżorja ma tiħux azzjoni b’rabta ma’ ilment, tirrifjuta jew tiċħad l-ilment parzjalment jew kompletament jew ma tiħux azzjoni fejn tali azzjoni tkun meħtieġa għall-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data. […]

[…]

(143)

[…] kull persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha rimedju ġudizzjarju effettiv quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti kontra deċiżjoni ta’ awtorità superviżorja li tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ dik il-persuna. […] Il-proċedimenti kontra awtorità superviżorja għandhom jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-awtorità superviżorja u għandhom jitwettqu skont il-liġi proċedurali ta’ dak l-Istat Membru. Dawk il-qrati għandhom iħaddmu l-ġurisdizzjoni sħiħa li għandha tinkludi ġurisdizzjoni biex jiġu eżaminati l-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti għat-tilwim li jitressaq quddiemhom.”

4

L-Artikoli 60 sa 63 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni, ta’ assistenza reċiproka u ta’ kontroll tal-koerenza bejn l-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri.

5

L-Artikolu 77(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja, b’mod partikolari fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, il-post tax-xogħol tiegħu jew il-post tal-ksur allegat, jekk is-suġġett tad-data jqis li l-ipproċessar ta’ data personali dwaru jikser dan ir-Regolament.”

6

L-Artikolu 78(1) tal-istess regolament jistabbilixxi:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta’ awtorità superviżorja li tikkonċernaha.”

7

L-Artikolu 79(1) tar-Regolament 2016/679 jipprevedi:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli, inkluż id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 77, kull suġġett tad-data għandu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn jikkunsidra li nkisru d-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali tiegħu b’nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament.”

8

L-Artikolu 81 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Sospensjoni ta’ proċedimenti”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Fejn qorti kompetenti ta’ Stat Membru jkollha informazzjoni dwar proċedimenti, li jikkonċernaw l-istess suġġett fir-rigward tal-ipproċessar mill-istess kontrollur jew proċessur, li huma pendenti f’qorti fi Stat Membru ieħor, din għandha tikkuntattja lill-qorti fl-Istat Membru l-ieħor biex tikkonferma l-eżistenza ta’ tali proċedimenti.

2   Fejn proċedimenti li jikkonċernaw l-istess suġġett fir-rigward tal-ipproċessar tal-istess kontrollur jew proċessur ikunu pendenti f’qorti fi Stat Membru ieħor, kwalunkwe qorti kompetenti, ħlief il-qorti invokata l-ewwel, tista’ tissospendi l-proċedimenti tagħha.

3   Fejn dawk il-proċedimenti jkunu pendenti quddiem qrati tal-prim’istanza, kwalunkwe qorti, ħlief il-qorti invokata l-ewwel tista’ wkoll, mal-applikazzjoni ta’ wieħed mill-partijiet, iċċedi l-ġurisdizzjoni jekk il-qorti invokata l-ewwel ikollha ġurisdizzjoni fuq l-azzjonijiet inkwistjoni u l-liġi tagħha tippermetti l-konsolidazzjoni tagħhom.”

Id‑dritt Ungeriż

9

L-Artikolu 22 tal-az információs önrendelkezési jogról és az információszabadságról szóló 2011. évi CXII. törvény (il-Liġi Nru CXII tal‑2011 dwar l-awtodeterminazzjoni fir-rigward tal-informazzjoni u l-libertà tal-informazzjoni) fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprevedi:

“Fl-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu, is-suġġett tad-data jista’, skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI:

a)

jitlob lill-[awtorità superviżorja] tiftaħ investigazzjoni dwar il-legalità ta’ miżura adottata mill-kontrollur, meta dan tal-aħħar ikun illimita l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data previsti fl-Artikolu 14 jew ikun ċaħad talba mis-suġġett tad-data intiża sabiex jeżerċita d-drittijiet tiegħu, u

b)

jitlob l-implimentazzjoni mill-[awtorità superviżorja] ta’ proċedura amministrattiva għall-protezzjoni tad-data meta jqis li, waqt l-ipproċessar tad-data personali tiegħu, il-kontrollur jew il-proċessur li jaġixxi f’isem il-kontrollur jew fuq l-istruzzjonijiet tiegħu kiser l-obbligi dwar l-ipproċessar tad-data personali previsti minn jew skont il-liġi, jew minn att vinkolanti tal-Unjoni Ewropea.”

10

L-Artikolu 23 tal-Liġi Nru. CXII tal-2011, fil-verżjoni applikabbli tagħha għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jistabbilixxi:

“1.   Is-suġġett tad-data jista’ jibda proċedura ġudizzjarja kontra l-kontrollur jew il-proċessur fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar li jaqgħu taħt l-attivitajiet tiegħu, jekk iqis li l-kontrollur jew il-proċessur li jaġixxi f’isem il-kontrollur jew fuq l-istruzzjonijiet tiegħu jkun ipproċessa d-data personali tiegħu bi ksur tal-obbligi dwar l-ipproċessar tad-data personali previsti minn jew skont il-liġi, jew minn att vinkolanti tal-Unjoni.

[…]

4   Tista’ tieħu sehem ukoll fil-proċedura ġudizzjarja persuna li, barra minn hekk, ma għandhiex locus standi in judicio. [L-awtorità superviżorja] tista’ tintervjeni fil-proċedura ġudizzjarja insostenn tat-talbiet tas-suġġett tad-data.

5   Jekk il-qorti tilqa’ r-rikors, hija tikkonstata l-eżistenza tal-ksur, tordna lill-kontrollur jew lill-proċessur

a)

iwaqqaf l-operazzjoni tal-ipproċessar illegali tad-data,

b)

jerġa’ jagħmel l-ipproċessar tad-data legali, jew

c)

jadotta aġir partikolari sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-drittijiet tas-suġġett tad-data,

u, jekk ikun meħtieġ, tiddeċiedi fl-istess okkażjoni dwar it-talbiet għal kumpens għad-danni materjali u għad-danni mhux materjali.”

Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

11

Fis‑26 ta’ April 2019, BE assista fil-laqgħa ġenerali ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li tagħha huwa azzjonist u, f’din l-okkażjoni, għamel mistoqsijiet lill-membri tal-bord tad-diretturi ta’ din il-kumpannija kif ukoll lil parteċipanti oħra f’din il-laqgħa ġenerali. Sussegwentement, BE talab lill-imsemmija kumpannija, bħala kontrollur ta’ data personali, sabiex tibgħatlu r-reġistrazzjoni awdjo mwettqa matul l-imsemmija laqgħa ġenerali.

12

Il-kumpannija inkwistjoni qiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ BE biss l-estratti ta’ din ir-reġistrazzjoni li jirriproduċu l-interventi tagħha, bl-esklużjoni ta’ dawk tal-parteċipanti l-oħra fil-laqgħa ġenerali inkwistjoni.

13

Għalhekk, BE talab lill-awtorità superviżorja, minn naħa, tikkonstata li, billi ma tagħtux l-imsemmija reġistrazzjoni li tinkludi t-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet tiegħu, din il-kumpannija aġixxiet b’mod illegali u bi ksur tar-Regolament 2016/679 kif ukoll, min-naħa l-oħra, tordna lill-imsemmija kumpannija tikkomunikalu r-reġistrazzjoni inkwistjoni. L-awtorità superviżorja ċaħdet din it-talba b’deċiżjoni tad‑29 ta’ Novembru 2019.

14

BE ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja quddiem il-qorti tar-rinviju, abbażi tal-Artikolu 78(1) ta’ dan ir-regolament, għar-riforma, prinċipalment, jew għall-annullament, sussidjarjament, tal-imsemmija deċiżjoni.

15

Parallelament għat-tressiq tal-awtorità superviżorja BE ppreżenta t-tieni rikors, din id-darba, skont l-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament, quddiem qorti ċivili, jiġifieri l-Fővárosi Ítélġtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) u intiż kontra d-deċiżjoni tal-kontrollur tad-data.

16

Filwaqt li l-ewwel wieħed minn dawn ir-rikorsi għadu pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Fővárosi Ítélġtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ sentenza li saret definittiva, laqgħet it-tieni rikors minħabba li l-kontrollur kien kiser id-dritt ta’ aċċess ta’ BE għad-data personali tiegħu.

17

Il-Qorti tar-rinviju tindika li hija għandha teżamina l-istess fatti u l-istess allegazzjoni ta’ ksur tar-Regolament 2016/679 bħal dawk li fuqhom il-Fővárosi Ítélġtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) tkun diġà ddeċidiet b’mod definittiv. Hija tistaqsi b’liema mod hija għandha tifformula l-evalwazzjoni, minn qorti ċivili tal-legalità ta’ deċiżjoni adottata mill-kontrollur tad-data personali flimkien mal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja msemmija fil-punt13 ta’ din is-sentenza, li hija s-suġġett tar-rikors pendenti quddiemha u, b’mod partikolari, jekk rimedju ġudizzjarju jidher li jkun prijoritarju fil-konfront tal-ieħor.

18

Fil-fatt, eżerċizzju parallel tar-rimedji ġudizzjarji previsti fl-Artikoli 77 sa 79 tar-Regolament 2016/679 jista’ jagħti lok għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet kontradittorji li jikkonċernaw fatti identiċi.

19

Tali sitwazzjoni tista’ tippreġudika ċ-ċertezza legali kemm fir-rigward tal-persuni privati kif ukoll tal-awtoritajiet superviżorji.

20

Il-Qorti tar-rinviju tindika li, fid-dawl tal-indipendenza tal-awtoritajiet superviżorji kif ukoll tal-preċedenza tal-kompetenzi tagħhom, iddefiniti mir-Regolament 2016/679, fis-sistema tal-protezzjoni tad-data personali, il-kompiti u s-setgħat ta’ dawn l-awtoritajiet jidher li jiġu kompromessi jekk dawn ikunu marbuta, fl-evalwazzjonijiet tagħhom, minn dawk ta’ qorti ċivili li quddiemha tressqu l-istess fatti, abbażi tal-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament.

21

Peress li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament ma jipprevedu ebda regola ta’ prijorità bejn ir-rimedji ġudizzjarji previsti fl-Artikoli 77 sa 79 tiegħu, il-qorti tar-rinviju tqis li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkjarifika r-relazzjoni eżistenti bejn dawn ir-rimedji ġudizzjarji.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 77(1) u 79(1) tar-Regolament [2016/679], għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rimedju amministrattiv previst fl-Artikolu 77 jikkostitwixxi strument għall-eżerċizzju ta’ drittijiet pubbliċi, filwaqt li r-rimedju ġudizzjarju previst fl-Artikolu 79 jikkostitwixxi strument għall-eżerċizzju ta’ drittijiet privati? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, għandu jiġi dedott minn dan li l-awtorità superviżorja inkarigata sabiex tisma’ l-azzjonijiet amministrattivi għandha kompetenza prijoritarja sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ ksur?

2)

Fil-każ li l-persuna kkonċernata – li tqis li l-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernaha kiser ir-Regolament [2016/679] – teżerċita b’mod simultanju d-dritt tagħha li tressaq ilment previst fl-Artikolu 77(1) [tal-imsemmi regolament,] u d-dritt tagħha għal rimedju ġudizzjarju previst fl-Artikolu 79(1) tal-istess regolament, jista’ jitqies li interpretazzjoni konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali timplika:

a)

li l-awtorità superviżorja u l-qorti huma obbligati jeżaminaw l-eżistenza ta’ ksur b’mod indipendenti u, konsegwentement, jistgħu anki jaslu għal riżultati diverġenti, jew

b)

li d-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja tipprevali fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-ksur, fid-dawl tal-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 51(1) tar-Regolament 2016/679 u tas-setgħat mogħtija mill-Artikolu 58(2)(b) u (d) tal-istess regolament?

3)

L-indipendenza mogħtija lill-awtorità superviżorja mill-Artikoli 51(1) u 52(1) tar-Regolament [2016/679] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-imsemmija awtorità, meta hija titratta ilment skont l-Artikolu 77 [ta’ dan ir-regolament] u tagħti deċiżjoni dwaru, ma hijiex marbuta bil-kontenut ta’ sentenza definittiva ta’ qorti kompetenti skont l-Artikolu 79 [tal-imsemmi regolament], b’tali mod li hija tista’ anki tagħti deċiżjoni differenti fuq l-istess ksur allegat?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ammissibiltà

23

Il-Kummissjoni Ewropea tesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari. Hija tirrileva li, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, fid-data ta’ din tal-aħħar, kemm l-awtorità superviżorja kif ukoll il-qorti ċivili kienu taw id-deċiżjonijiet tagħhom, b’tali mod li dawn id-domandi huma, bħala tali, ipotetiċi. Fir-realtà, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-rabta bejn id-deċiżjonijiet rispettivi taż-żewġ qrati nazzjonali, jiġifieri l-qorti amministrattiva u l-qorti ċivili. Madankollu, din id-domanda tidher li ma ġietx ifformulata fid-deċiżjoni tar-rinviju.

24

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Terminu ta’ preskrizzjoni), C‑219/20, EU:C:2022:89, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Barra minn hekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi, skont l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.

26

F’din il-kawża, huwa ċertament paċifiku li l-awtorità superviżorja, li kienet ġiet adita abbażi tal-Artikolu 77(1) tar-Regolament 2016/679, tat id-deċiżjoni tagħha qabel ma ġiet adita l-qorti ċivili li ddeċidiet dwar ir-rikors ippreżentat minn BE abbażi tal-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament. Mill-fatti esposti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li dan ir-rikors ta lok għal sentenza li saret definittiva. Barra minn hekk, huwa minnu li l-qorti tar-rinviju semmiet biss dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet fid-domandi preliminari li hija għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja.

27

Madankollu, il-fatt li l-qorti tar-rinviju fformulat domanda billi rreferiet biss għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk hija rreferiet għalihom jew le meta għamlet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha prodotti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Terminu ta’ preskrizzjoni), C‑219/20, EU:C:2022:89, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Issa, minn naħa, il-qorti tar-rinviju tindika li, skont id-dritt proċedurali nazzjonali, hija ma hijiex marbuta mis-sentenza definittiva mogħtija mill-qorti ċivili li ddeċidiet dwar ir-rikors ippreżentat minn BE abbażi tal-Artikolu 79(1) tar-Regolament 2016/679. Min-naħa l-oħra, peress li BE ma rrinunzjatx l-azzjoni tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 78(1) ta’ dan ir-regolament u intiża sabiex tikseb ir-riforma jew saħansitra l-annullament tad-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja msemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, hija din il-qorti tal-aħħar li għandha tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ din id-deċiżjoni mogħtija qabel ma ngħatat is-sentenza tal-qorti ċivili.

29

Għalhekk, permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju, li hija adita b’appell, abbażi tal-Artikolu 78(1) tar-Regolament 2016/679, kontra din id-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja mogħtija abbażi tal-Artikolu 77(1) ta’ dan ir-regolament, tixtieq tkun taf jekk, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar, is-sentenza definittiva adottata minn qorti, adita skont l-Artikolu 79(1) tal-imsemmi regolament, hijiex vinkolanti fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-eżistenza jew le ta’ ksur tad-drittijiet iggarantiti mill-istess regolament.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 77(1), l-Artikolu 78(1) u l-Artikolu 79(1) tar-Regolament 2016/679, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (iktar’ il quddiem il- “Karta”), għandhomx jiġu interpretati fis-sens li r-rimedji ġudizzjarji previsti, minn naħa, f’dan l-Artikolu 77(1) u f’dan l-Artikolu 78(1) kif ukoll, min-naħa l-oħra, u f’dan l-Artikolu 79(1) jistgħu jiġu eżerċitati b’mod simultanju u indipendenti, jew jekk wieħed minnhom għandu natura prijoritorja.

31

Għaldaqstant, id-domandi preliminari b’hekk ifformulati mill-ġdid huma ammissibbli.

Fuq il‑mertu

32

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2021, Vodafone Kabel Deutschland, C‑484/20, EU:C:2021:975, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Fir-rigward tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2016/679 imsemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-Artikolu 77(1) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li huwa “[m]ingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor”, li kull suġġett tad-data għandu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja. Sussegwentement, skont l-Artikolu 78(1) tal-imsemmi regolament, kull persuna fiżika jew ġuridika għandha d-dritt li tippreżenta azzjoni ġudizzjarja effettiva kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta’ awtorità superviżorja li tikkonċernaha “[m]ingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor”. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 79(1) tal-istess regolament jiggarantixxi lil kull persuna kkonċernata d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv “[m]ingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli, inkluż id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 77”.

34

Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679 joffru diversi rimedji ġudizzjarji lill-persuni li jinvokaw ksur ta’ dan ir-regolament, peress li kull wieħed minn dawn ir-rimedji ġudizzjarji għandu jkun jista’ jiġi eżerċitat “mingħajr preġudizzju” għall-oħrajn.

35

Qabelxejn, mill-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li r-Regolament 2016/679 ma jipprevedix kompetenza prijoritarja jew esklużiva u lanqas ebda regola ta’ supremazija tal-evalwazzjoni mwettqa mill-imsemmija awtorità jew il-qrati li huma msemmija fir-rigward tal-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet mogħtija minn dan ir-regolament. Ir-rikors previst fl-Artikolu 78(1) ta’ dan tal-aħħar, li s-suġġett tiegħu huwa l-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ awtorità superviżorja adottata abbażi tal-Artikolu 77 tal-imsemmi regolament, u dak previst fl-Artikolu 79(1) tal-istess regolament jistgħu għalhekk jiġu eżerċitati b’mod simultanju u indipendenti.

36

Sussegwentement, tali konstatazzjoni hija kkonfermata mill-kuntest li jagħmlu parti minnu d-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679 inkwistjoni.

37

Fil-fatt, filwaqt li l-leġiżlatur tal-Unjoni rregola espressament ir-relazzjoni bejn ir-rimedji previsti mir-Regolament Nru 2016/679 fil-każ ta’ tressiq simultanju ta’ awtoritajiet superviżorji jew ta’ qrati ta’ diversi Stati Membri fir-rigward ta’ pproċessar ta’ data personali mwettaq mill-istess kontrollur, għandu jiġi kkonstatat li dan ma huwiex il-każ fir-rigward tar-rimedji ġudizzjarji previsti fl-Artikoli 77 sa 79 ta’ dan ir-regolament.

38

Minn naħa, l-Artikoli 60 sa 63 tar-Regolament 2016/679 jipprevedu mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni, ta’ assistenza reċiproka u ta’ koordinazzjoni li permezz tagħhom l-awtoritajiet superviżorji għandhom jagħtu assistenza lil xulxin, jinformaw lil xulxin u jwettqu operazzjonijiet konġunti sabiex jiżguraw applikazzjoni koerenti u effettiva tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament fl-Unjoni kollha.

39

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 81(2) u (3) tal-imsemmi regolament jipprevedi regoli intiżi għall-każijiet li jitressqu proċeduri quddiem diversi qrati ta’ Stati Membri differenti.

40

Min-naħa l-oħra, tali regoli ma humiex previsti mir-Regolament 2016/679 meta lment quddiem awtorità superviżorja u azzjonijiet ġudizzjarji jiġu ppreżentati fi ħdan l-istess Stat Membru fir-rigward tal-istess ipproċessar ta’ data personali.

41

Barra minn hekk, mill-Artikolu 78(1) tar-Regolament 2016/679, moqri fid-dawl tal-premessa 143 ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li l-qrati aditi b’rikors kontra deċiżjoni ta’ awtorità superviżorja għandu jkollhom ġurisdizzjoni sħiħa, u b’mod partikolari dik li jeżaminaw il-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi relatati mat-tilwima li biha huma aditi.

42

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għanijiet mfittxija mill-imsemmi regolament, mill-premessa 10 ta’ dan tal-aħħar jirriżulta b’mod partikolari li dan huwa intiż li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fi ħdan l-Unjoni. Il-premessa 11 tal-istess regolament tistabbilixxi, barra minn hekk, li protezzjoni effettiva ta’ din id-data teħtieġ li jissaħħu d-drittijiet tal-persuni kkonċernati. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għażla magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni li jħalli lill-persuni kkonċernati l-possibbiltà li jeżerċitaw b’mod simultanju u indipendenti r-rimedji ġudizzjarji previsti, minn naħa, fl-Artikolu 77(1) u fl-Artikolu 78(1) tar-Regolament 2016/679 u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament taqa’ taħt l-għan tal-imsemmi regolament.

43

Fil-fatt, ir-Regolament 2016/679 jimponi b’mod partikolari fuq l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-kompitu li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 16 TFUE u fl-Artikolu 8 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et, C‑645/19, EU:C:2021:483, punt 45).

44

It-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ diversi rimedji ġudizzjarji jsaħħaħ ukoll l-għan stabbilit fil-premessa 141 tar-Regolament 2016/679 li jiġi ggarantit lil kull persuna kkonċernata li tqis li d-drittijiet mogħtija lilha minn dan ir-regolament huma miksura li jkollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta.

45

Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa kull Stat Membru li għandu, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, jirregola l-modalitajiet tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarja intiżi sabiex jiżguraw livell għoli ta’ salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni.

46

Għaldaqstant, huwa abbażi tad-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali li l-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina kif ir-rimedji ġudizzjarji previsti mir-Regolament 2016/679 għandhom jiġu implimentati f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

47

Madankollu, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ dawn ir-rimedji ġudizzjarji simultanji u indipendenti jidher li ma għandhomx jippreġudikaw l-effettività u l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet iggarantiti minn dan ir-regolament.

48

Fil-fatt, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili previsti għall-protezzjoni tad-drittijiet misluta mill-ordni ġuridiku intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jsir impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, EPIC Financial Consulting, C‑274/21 u C‑275/21, EU:C:2022:565, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Issa, huma l-qrati tal-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, li għandhom jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-Artikolu 19(1) TUE jimponi, barra minn hekk, fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu r-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 57).

50

B’mod partikolari, meta l-Istati Membri jiddefinixxu l-modalitajiet proċedurali ta’ rimedji ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet mogħtija mir-Regolament 2016/679, huma għandhom jiggarantixxu r-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 59).

51

Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-modalitajiet konkreti tal-eżerċizzju tar-rimedji ġudizzjarji previsti fl-Artikolu 77(1), fl-Artikolu 78(1) u fl-Artikolu 79(1) tar-Regolament 2016/679 ma jaffettwawx b’mod sproporzjonat id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti msemmi fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 76).

52

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji prevista mid-dritt Ungeriż hija maħsuba b’tali mod li r-rikorsi previsti fl-Artikolu 78(1) u fl-Artikolu 79(1) tar-Regolament 2016/679 huma indipendenti. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont dan id-dritt, hija ma hijiex marbuta mid-deċiżjoni mogħtija mill-qorti adita b’rikors ippreżentat abbażi ta’ dan l-Artikolu 79(1), minkejja li l-fatti li jitressqu quddiem dawn il-qrati huma l-istess.

53

Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li d-deċiżjonijiet mogħtija minn dawn iż-żewġ qrati jikkontradixxu lil xulxin, waħda li tikkonstata ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679 u l-oħra l-assenza ta’ tali ksur.

54

F’dan il-każ, minn naħa, l-eżistenza ta’ żewġ deċiżjonijiet kontradittorji tqiegħed inkwistjoni l-għan li tiġi żgurata applikazzjoni koerenti u omoġenja tar-regoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fl-Unjoni kollha, stabbilit fil-premessa 10 ta’ dan ir-regolament.

55

Fil-fatt, il-protezzjoni mogħtija skont deċiżjoni mogħtija wara rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 79(1) tal-imsemmi regolament, li tikkonstata ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar, jidher li ma hijiex koerenti mat-tieni deċiżjoni ġudizzjarja li tirriżulta minn rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 78(1) tal-istess regolament, li għandha eżitu oppost.

56

Minn dan jirriżulta, min-naħa l-oħra, tnaqqis fil-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali li tikkonċernahom, peress li tali inkoerenza toħloq sitwazzjoni ta’ inċertezza legali.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 77(1), l-Artikolu 78(1) u l-Artikolu 79(1) tar-Regolament 2016/679 moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu eżerċizzju simultanju u indipendenti mir-rimedji ġudizzjarji previsti, minn naħa, f’dan l-Artikolu 77(1) u f’dan l-Artikolu 78(1) kif ukoll, min-naħa l-oħra, f’dan l-Artikolu 79(1). Huma l-Istati Membri, bi qbil mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li għandhom jipprevedu l-modalitajiet ta’ rabta ta’ dawn ir-rimedji ġudizzjarji sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti minn dan ir-regolament, l-applikazzjoni koerenti u omoġenja tad-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti, imsemmi fl-Artikolu 47 tal-Karta.

Fuq l‑ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 77(1), l-Artikolu 78(1) u l-Artikolu 79(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data),

 

moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

jippermettu eżerċizzju simultanju u indipendenti mir-rimedji ġudizzjarji previsti, minn naħa, f’dan l-Artikolu 77(1) u f’dan l-Artikolu 78(1) kif ukoll, min-naħa l-oħra, f’dan l-Artikolu 79(1). Huma l-Istati Membri, bi qbil mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li għandhom jipprevedu l-modalitajiet ta’ rabta ta’ dawn ir-rimedji ġudizzjarji sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti minn dan ir-regolament, l-applikazzjoni koerenti u omoġenja tad-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti, imsemmi fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.