SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

14 ta’ Lulju 2022 ( *1 )

“Appell – Servizz pubbliku – Pensjoni – Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 20 tal-Anness VIII – Għoti ta’ pensjoni tas-superstiti – Konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal intitolat għal pensjoni tal-irtirar – Żwieġ konkluż wara t-tmiem tas-servizz ta’ dan l-uffiċjal – Kundizzjoni ta’ tul minimu ta’ ħames snin taż-żwieġ fid-data tal-mewt tal-uffiċjal – Artikolu 18 tal-Anness VIII – Żwieġ konkluż qabel it-tmiem tas-servizz tal-uffiċjal – Kundizzjoni ta’ tul minimu taż-żwieġ ta’ sena biss – Eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 20 – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Artikolu 21(1) – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Artikolu 52(1) – Assenza ta’ distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlatur tal-Unjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑116/21 P sa C‑118/21 P, C‑138/21 P u C‑139/21 P,

li għandhom bħala suġġett ħames appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fil‑25 ta’ Frar 2021 f’dak li jikkonċerna l-Kawżi C‑116/21 P sa C‑118/21 P u fis‑26 ta’ Frar 2021 fir-rigward tal-Kawżi C‑138/21 P u C‑139/21 P,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara, B. Mongin u B. Schima, bħala aġenti,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

VW, irrappreżentata minn N. de Montigny, avocate,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn D. Boytha, J. Steele u J. Van Pottelberge, bħala aġenti,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Alver, M. Bauer u R. Meyer, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza (C‑116/21 P),

u

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara, B. Mongin u B. Schima, bħala aġenti,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

BT, residenti f’Overijse (il-Belġju), irrappreżentata minn J.‑N. Louis, avocat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn D. Boytha, J. Steele u J. Van Pottelberge, bħala aġenti,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Alver u M. Bauer, bħala aġenti,

Association internationale des anciens de l’Union européenne (AIACE Internationale), stabbilita fi Brussell (il‑Belġju), irrappreżentata minn N. Maes, advocaat, u J. Van Rossum, avocat,

intervenjenti fl-ewwel istanza (C‑117/21 P),

u

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara, B. Mongin u B. Schima, bħala aġenti,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

RN, residenti f’[kunfidenzjali] (Franza), irrappreżentata minn F. Moyse, avocat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn D. Boytha, J. Steele u J. Van Pottelberge, bħala aġenti,

intervenjent fl-ewwel istanza (C‑118/21 P),

u

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Alver u M. Bauer, bħala aġenti,

rikorrent,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

BT, residenti f’Overijse, irrappreżentata minn J.‑N. Louis, avocat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara, B. Mongin u B. Schima, bħala aġenti,

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn D. Boytha, J. Steele u J. Van Pottelberge, bħala aġenti,

Association internationale des anciens de l’Union européenne (AIACE Internationale), stabbilita fi Brussell, irrappreżentata minn N. Maes, advocaat, u J. Van Rossum, avocat,

intervenjenti fl-ewwel istanza (C‑138/21 P),

u

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Alver u M. Bauer, bħala aġenti,

rikorrent,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

VW, irrappreżentata minn N. de Montigny, avocate,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara, B. Mongin u B. Schima, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn D. Boytha, J. Steele u J. Van Pottelberge, bħala aġenti,

intervenjent fl-ewwel istanza (C‑139/21 P),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, N. Jääskinen, M. Safjan (Relatur), N. Piçarra u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitolbu l-annullament tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑16 ta’ Diċembru 2020, VW vs Il‑Kummissjoni (T‑243/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:619, iktar ’il quddiem l-“ewwel sentenza appellata”), u tas‑16 ta’ Diċembru 2020, BT vs Il‑Kummissjoni (T‑315/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:622, iktar ’il quddiem it-“tieni sentenza appellata”), u l-Kummissjoni talbet barra minn hekk l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑16 ta’ Diċembru 2020, RN vs Il‑Kummissjoni (T‑442/17 RENV, EU:T:2020:618, iktar ’il quddiem it-“tielet sentenza appellata”) (iktar ’il quddiem, flimkien, is-“sentenzi appellati”). Permezz ta’ dawn is-sentenzi, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikorsi ppreżentati minn VW, BT u RN u annullat, rispettivament, id-deċiżjonijiet tas‑26 ta’ Ġunju 2017, tal‑20 ta’ Lulju 2018 u tal‑24 ta’ Settembru 2014 (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”) li permezz tagħhom il-Kummissjoni kienet ċaħdet it-talba għall-għoti ta’ pensjoni tas-superstiti fil-konfront ta’ kull waħda minn dawn il-persuni abbażi tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad‑29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra ta’ dawn il-Komunitajiet, u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 5, rettifiki fil-ĠU 2007, L 248, p. 27 u fil-ĠU 2016, L 289, p. 21), kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 287, p. 15, rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126) (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

Il‑kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal huwa fformulat hekk:

“1.   Fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kull diskriminazzjoni bbażata fuq kull raġuni, bħas-sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, fatturi ġenetiċi, ilsien, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew kull opinjoni oħra, sħubija f’minorita nazzjonali, proprjetà, twelid, disabilità, età, jew orjentazzjoni sesswali, hija pprojbita.

Għall-iskopijiet ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, sħubija mhux maritali għandha tkun ittrattata bħala żwieġ sakemm il-kondizzjonijiet kollha mniżżla fl-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ l-Anness VII jitħarsu.

2.   Bil-ħsieb li tkun żgurata ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn rġiel u nisa fil-ħajja tax-xogħol, li għandu jkun element essenzali li għandu jkun ikkunsidrat fl-implimentazzjoni ta’ l-aspetti kollha ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal il-prinċipju ta’ trattament indaqs m’għandux jipprojbixxi l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea milli jżommu jew jadottaw miżuri li jipprovdu vantaġġi speċifiċi sabiex jagħmluha aktar faċli għas-sess li m’għandux rappreżentanza li jfittex attivita’ vokazzjonali jew sabiex jipprevjenu jew jikkompensaw għal svantaġġi f’karrieri professjonali.

[…]

5.   Meta persuni koperti minn dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, li jikkunsidraw li saret inġustizzja magħhom għax il-prinċipju tat-trattament indaqs kif ipreżentat hawn fuq ma kienx applikat magħhom, jistabbilixxu l-fatti li jista’ jkun presunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, ikun fuq l-istituzzjoni li tipprova li ma kienx hemm ksur fil-prinċipju tat-trattament indaqs. Din id-disposizzjoni ma tgħoddx fil-proċeduri dixxiplinarji.

6.   Waqt li jkun irrispettat il-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-prinċipju tal-proporzjonalità, kull limitazzjoni fl-applikazzjoni tagħhom trid tkun iġġustifikata fuq bażijiet oġġettivi u raġonevoli, u trid tkun immirata lejn oġġetti leġittimi fl-interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal. It-tali oġġettivi jistgħu partikolarment jiġġustifikaw li tkun stipulata età mandatarja ta’ rtirar u età minima biex tieħu pensjoni ta’ rtirar.”

3

L-Artikolu 35 tar-Regolamenti tal-Persunal jiddisponi:

“L-uffiċjali għandhom ikunu assenjati wieħed mill-istati amministrattivi li ġejjin:

(a)

mpieg attiv;

(b)

sekondar;

(ċ)

leave fuq raġunijiet personali;

(d)

stat mhux attiv;

(e)

leave għal servizz militari;

(f)

vakanzi parentali jew vakanzi tal-familja;

(g)

Leave fl-interessi tas-servizz.”

4

L-Artikolu 47 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:

“Is-servizz ġħandu jintemm b’:

(a)

riżenja;

(b)

riżenja ta’ bilfors;

(ċ)

irtirar fl-interessi tas-servizz;

(d)

tkeċċija fuq inkompetenza;

(e)

tneħħija mill-post;

(f)

irtirar; jew

(g)

mewt.”

5

L-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50, uffiċjal għandu jirtira:

(a)

jew awtomatikament fl-aħħar ġurnata tax-xahar li fih jilħaq l-eta’ ta’ 66 sena, jew

(b)

fuq it-talba tiegħu stess fl-aħħar jum tax-xahar li għalih intefgħet it-talba fejn ikun laħaq l-età pensjonabbli jew fejn għandu bejn 58 u l-età pensjonabbli u jissodisfa r-rekwiżiti għal ħlas immedjat tal-pensjoni skont l-Artikolu 9 tal-Anness VIII. It-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 għandha tapplika bl-istess mod.

Madanakollu, uffiċjal jista’, fuq it-talba tiegħu stess u fil-każ li l-awtorità tal-ħatra tikkunsidraha ġġustifikata fl-interessi tas-servizz, ikompli jaħdem sal-età ta’ 67, jew eċċezzjonalment sal-età ta’ 70, f’liema każ huwa għandu jirtira awtomatikament fl-aħħar jum tax-xahar li fih jagħlaq dak iż-żmien.

[…]”

6

Skont l-Artikolu 76 tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Rigali, self jew avvanzi jistgħu jsiru lill-uffiċjali, lil dawk li qabel kienu uffiċjali, jew fejn uffiċjal miet, lil dawk intitolati taħtu li huma f’posizzjoni partikolarment diffiċli bħala riżultat inter alia ta’ mard serju jew fit-tul jew minħabba ċ-ċirkostanzi tal-familja.”

7

L-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa redatt kif ġej:

“Meta uffiċjali imut waqt li jkollu wieħed mill-istatus amministrattivi mniżżla fl-Artikolu 35 tar-Regolament tal-Persunal, is-sieħeb li jibqa’ ħaj għandu jkun intitolat, sakemm il-koppja kienu miżżewġin miegħu għall-anqas sena fil-ħin tal-mewt tiegħu u suġġett għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(1) u 22, għal pensjoni tas-sieħeb li għadu ħaj daqs 60 % tal-pensjoni ta’ l-irtirar li l-uffiċjali ikun jiġi mħallas kieku kien kwalifikat, irrispettivament mid-dewmien tas-servizz jew l-eta, għal tali pensjoni fil-ħin tal-mewt tiegħu.

Id-dewmien taż-żwieġ m’ għandhux jittieħed in konsiderazzjoni jekk hemm wild wieħed jew aktar miż-żwieġ jew minn żwieġ ieħor ta’ l-uffiċjal sakemm is-sieħeb li jibqa’ ħaj imantni jew kien imantni dawk l-ulied, jew jekk il-mewt ta’ l-uffiċjal tirriżulta jew minn disabilta fiżika jew mard li ġie waqt it-twettiq tad-doveri tiegħu jew minn aċċident.”

8

L-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jiddisponi:

“Meta wieħed li qabel kien uffiċjal rċieva pensjoni ta’ l-irtirar, is-sieħeb li jibqa’ ħaj għandu jkun intitolat, sakemm il-koppja kienet diġà miżżewġa qabel l-uffiċjal telaq mis-servizz ta’ l-istituzzjoni u li ż-żwieġ dam għal mill-anqas sena, u suġġett għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 22, għal pensjoni ta’ min jibqa’ ħaj daqs 60 % tal-pensjoni ta’ l-irtirar li kien jirċievi qabel miet. L-anqas pensjoni għal min jibqa’ ħaj għandha tkun 35 % ta’ l-aħħar salarju bażiku; l-ammont tal-pensjoni għal min jibqa’ ħaj m’għandu, iżda, fl-ebda każ, jaqbeż l-ammont tal-pensjoni ta’ l-irtirar li s-sieħeb kien jirċievi qabel miet.

It-tul taż-żwieġ m’għandux ikun ikkunsidrat jekk hemm tifel wieħed jew aktar minn żwieġ ikkuntrattat mill-uffiċjal qabel telaq mis-servizz, sakemm is-sieħeb li jibqa’ ħaj imantni jew mantna dawk it-tfal.”

9

L-Artikolu 19 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:

“Meta wieħed li qabel kien uffiċjal rċieva pensjoni ta’ l-invalidità, is-sieħeb li jibqa’ ħaj għandu jkun intitolat, suġġett għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 22 ta’ dan l-Anness, sakemm il-koppja kienet miżżewġa qabel l-uffiċjal sar eliġibbli għall-benedfiċċju, għal pensjoni ta’ min jibqa’ ħaj daqs 60 % tal-pensjoni ta’ l-invalidità li s-sieħeb kien jirċievi fil-mument qabel miet.

L-anqas pensjoni għal min jibqa’ ħaj għandha tkun 35 % ta’ l-aħħar salarju bażiku; l-ammont tal-pensjoni għal min jibqa’ ħaj m’għandu, iżda, fl-ebda każ, jaqbeż l-ammont tal-benefiċċju ta’ l-invalidità li s-sieħeb kien jirċievi qabel miet.”

10

L-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ l-Artikoli 17a, 18, 18a u 19, it-tul taż-żwieġ ma jkunx ikkunsidrat meta ż-żwieġ, għalkemm ikkuntrattat wara li jintemm is-servizz ta’ l-uffiċjal, dam għal mill-anqas ħames snin.”

11

Skont l-Artikolu 27 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Is-sieħba ddivorzjata ta’ uffiċjal jew ta’ wieħed li qabel kien uffiċjal, għandha tkun intitolata għall-pensjoni għal min għadu ħaj, kif definit f’dan il-Kapitolu, sakemm, mal-mewt tas-sieħeb ta’ qabel, huwa/hija tist’ tiġġustifika l-intitolament lejh/lejha li tirċievi manteniment mingħandu bis-saħħa ta’ ordni mill-qorti jew bħala riżultat ta’ ftehim uffiċjali rreġistrat bejnu/bejnha u s-sieħeb tiegħu/tagħha ta’ qabel.

Il-pensjoni għal min għadu ħaj ma tistax, madankollu, taqbeż l-ammont ta’ manteniment imħallas mal-mewt tas-ieħeb ta’ qabel, l-ammont kien aġġornat skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 82 tar-Regolamenti tal-Persunal.

L-intitolament tas-sieħeb iddivorzjat jieqaf, jekk huwa jew hija tiżżewweġ qabel is-sieħeb ta’ qabel imut. L-Artikolu 26 għandu japplika fil-każ ta’ żwieġ mill-ġdid wara l-mewt tas-sieħeb ta’ qabel.”

Il‑fatti li wasslu għall‑kawżi u d‑deċiżjonijiet kontenzjużi

12

VW, BT u RN, skont il-każ, iżżewġu jew iżżewġu mill-ġdid uffiċjali tal-Unjoni li ma kinux għadhom fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni fid-data tal-konklużjoni taż-żwieġ tagħhom jew taż-żwieġ mill-ġdid tagħhom. It-tliet ex uffiċjali mietu inqas minn ħames snin wara dik id-data.

13

Kull waħda mit-tliet nisa inkwistjoni, bħala konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal tal-Unjoni, ressqet talba għall-għoti ta’ pensjoni tas-superstiti skont il-Kapitolu 4 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

14

Permezz tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, l-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) ċaħad rispettivament it-talbiet ta’ VW, ta’ BT u ta’ RN, minħabba li dawn ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn pensjoni tas-superstiti, peress li ż-żwieġ tagħhom mal-uffiċjal mejjet, li seħħ wara t-tmiem tas-servizz tiegħu, kien dam inqas minn ħames snin.

15

L-ilmenti mressqa minn VW, BT u RN kontra kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet ġew miċħuda kollha.

Ir‑rikorsi fl‑ewwel istanza u s‑sentenzi appellati

16

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati rispettivament fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ April 2018 u fit‑22 ta’ Mejju 2019 kif ukoll fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis‑17 ta’ Lulju 2015, VW, BT u RN ippreżentaw, kull waħda minnhom, rikors sabiex jiksbu l-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi li jikkonċernawhom.

17

Il-Parlament Ewropew ġie ammess jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni fit-tliet kawżi. Fir-rigward tal-Kunsill, huwa ġie ammess jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni fil-kawżi li jirrigwardaw VW u BT, filwaqt li l-Association internationale des anciens de l’Union européenne (l-AIACE Internationale) ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ BT fil-kawża relatata ma’ din tal-aħħar.

18

Permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2016, RN vs Il‑Kummissjoni (F‑104/15, EU:F:2016:163), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-kawża dwar RN, laqa’ l-ewwel motiv tar-rikors u annulla d-deċiżjoni tal‑24 ta’ Settembru 2014. Dik is-sentenza kienet is-suġġett ta’ appell min-naħa tal-Kummissjoni, li ntlaqa’ mill-Qorti Ġenerali permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN (T‑695/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:520). F’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali annullat l-imsemmija sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2016, RN vs Il‑Kummissjoni (F‑104/15, EU:F:2016:163) u, billi qieset li t-tilwima ma kinitx fi stat li tiġi deċiża, bagħtet lura l-kawża quddiem awla tal-Qorti Ġenerali differenti minn dik li kienet iddeċidiet l-appell.

19

Permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑6 ta’ Mejju 2019 u tal‑11 ta’ Marzu 2019, il-Qorti Ġenerali ordnat is-sospensjoni tal-kawżi relatati ma’ VW u ma’ RN sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li ttemm l-istanza fil-kawża HK vs Il‑Kummissjoni, C‑460/18 P.

20

Fid‑19 ta’ Diċembru 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza HK vs Il‑Kummissjoni (C‑460/18 P, EU:C:2019:1119).

21

Fit-tliet kawżi li wasslu għas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ ittri tat‑23 ta’ Diċembru 2019, stiednet lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn dik is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

22

Permezz tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali, fis‑16 ta’ Diċembru 2020, annullat kull waħda mid-deċiżjonijiet kontenzjużi billi laqgħet il-motiv ta’ VW, ta’ BT u ta’ RN ibbażat, essenzjalment, fuq illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll, fil-kawżi relatati ma’ VW u ma’ RN, fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità, u, fil-kawżi relatati ma’ BT u ma’ RN, fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

23

Is-sentenzi appellati huma bbażati fuq raġunament sostanzjalment identiku, bl-eċċezzjoni notevoli tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 41 sa 46 tat-tielet sentenza appellata. F’dan l-aħħar rigward, il-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet dwar il-portata tat-tilwima wara r-rinviju tal-kawża quddiemha, qieset li, fis-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN (T‑695/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:520), il-motiv imqajjem minn RN, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età u ta’ proporzjonalità, ma kienx ġie deċiż, minkejja li, finalment, il-Qorti Ġenerali kellha, fit-tielet sentenza appellata, tiddeċiedi fuq il-motivi kollha ta’ annullament imqajma fl-ewwel istanza minn RN fid-dawl tal-punti ta’ liġi deċiżi mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN (T‑695/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:520).

24

Għall-bqija, fit-tliet sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni tas-superstiti, is-sitwazzjoni koperta mill-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri dik tal-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal tal-Unjoni li żżewġu qabel it-tmiem tas-servizz tiegħu, kienet komparabbli għas-sitwazzjoni koperta mill-Artikolu 20 ta’ dan l-anness, jiġifieri dik tal-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal li żżewġu wara dan it-tmiem. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kienet teżisti differenza fit-trattament ta’ sitwazzjonijiet komparabbli skont id-data tal-konklużjoni taż-żwieġ, jiġifieri li l-pensjoni tas-superstiti tingħata lill-konjuġi superstiti bil-kundizzjoni li ż-żwieġ ikun dam mill-inqas sena fil-kuntest tal-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u mill-inqas ħames snin fil-kuntest tal-Artikolu 20 ta’ dan l-anness. Il-Qorti Ġenerali żiedet li tali differenza fit-trattament kienet toħloq żvantaġġ għall-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal li żżewġu wara t-tmiem tas-servizz tiegħu meta mqabbla mal-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal li żżewġu qabel dan it-tmiem. Fil-kawżi li jirrigwardaw lil BT u lil RN, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll differenza fit-trattament ta’ sitwazzjonijiet komparabbli bbażata indirettament fuq l-età tal-ex uffiċjal fid-data tal-konklużjoni taż-żwieġ.

25

Wara li indikat li d-differenza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kienet prevista mil-“liġi”, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk id-differenza fit-trattament osservata setgħetx tiġi ġġustifikata minn għan ta’ interess ġenerali u jekk kinitx proporzjonata fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq, b’mod partikolari fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 48 tal-ewwel u tat-tieni sentenza appellata kif ukoll fil-punt 70 tat-tielet sentenza appellata.

26

F’dan ir-rigward, fir-rigward, minn naħa, tal-għan ta’ interess ġenerali intiż għall-prevenzjoni tal-frodi, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li rrikonoxxiet li l-kundizzjoni li tgħid li ż-żwieġ għandu jkun issodisfa kundizzjoni ta’ tul minimu sabiex jingħata d-dritt għal pensjoni tas-superstiti tippermetti li jiġi żgurat li dan iż-żwieġ ma jkunx ibbażat esklużivament fuq kunsiderazzjonijiet li ma jkunux relatati ma’ pjan ta’ ħajja komuni, bħal kunsiderazzjonijiet purament finanzjarji jew marbuta mal-kisba ta’ dritt ta’ residenza, iddeċidiet li ma huwiex raġonevoli li jitqies li l-kundizzjoni ta’ tul minimu ta’ ħames snin ta’ żwieġ prevista fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li hija ħames darbiet ogħla minn dik prevista fl-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u li ma hija suġġetta għal ebda eċċezzjoni li tippermetti li tiġi stabbilita l-assenza ta’ frodi, irrispettivament mill-provi oġġettivi prodotti, tista’ tkun neċessarja għall-finijiet tat-twettiq tal-għan tal-ġlieda kontra l-frodi.

27

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-għan ta’ interess ġenerali intiż li jippreżerva l-finanzi tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li tali għan seta’ jitqies li huwa leġittimu, iżda li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa ma setax jiġġustifika waħdu deroga mill-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament. Il-Qorti Ġenerali għalhekk iddeċidiet li, peress li l-kundizzjoni ta’ tul minimu taż-żwieġ prevista fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma tistax tiġi ġġustifikata mill-għan tal-ġlieda kontra l-frodi, id-differenza fit-trattament stabbilita minn din id-dispożizzjoni lanqas ma setgħet tiġi ġġustifikata mis-sempliċi salvagwardja tal-finanzi tal-Unjoni.

28

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kien jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll, fil-kawża relatata ma’ VW, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u, fil-kawżi relatati ma’ BT u ma’ RN, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età. F’dawn iċ-ċirkustanzi u kif diġà ġie indikat, fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, hija laqgħet l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità mqajma minn VW, BT u RN u annullat kull waħda mid-deċiżjonijiet kontenzjużi.

It‑talbiet tal‑partijiet u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

29

Permezz tal-appelli tagħha fil-Kawżi C‑116/21 P sa C‑118/21 P, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla kull waħda mis-sentenzi appellati;

tiċħad kull rikors fl-ewwel istanza, u

tikkundanna lil VW, BT u RN għall-ispejjeż sostnuti fl-ewwel istanza u fil-kuntest tal-appell, inklużi, fir-rigward ta’ RN, l-ispejjeż marbuta mal-Kawżi F‑104/15 u T‑442/17 RENV.

30

Permezz tal-appelli tiegħu fil-Kawżi C‑138/21 P u C‑139/21 P, il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ l-appelli u tannulla l-ewwel u t-tieni sentenza appellata;

taqta’ l-kawżi u tiċħad ir-rikorsi fl-ewwel istanza bħala infondati, u

tikkundanna lil VW u lil BT għall-ispejjeż sostnuti fl-ewwel istanza u fil-kuntest ta’ dan l-appell.

31

Fil-Kawżi C‑116/21 P u C‑139/21 P, VW titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appelli ppreżentati rispettivament mill-Kummissjoni u mill-Kunsill, u

tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-Kunsill rispettivament għall-ispejjeż sostnuti fl-ewwel istanza u fil-kuntest tal-appell.

32

Fil-Kawżi C‑117/21 P u C‑138/21 P, BT titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appelli ppreżentati rispettivament mill-Kummissjoni u mill-Kunsill, u

tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-Kunsill rispettivament għall-ispejjeż.

33

Fil-Kawża C‑118/21 P, RN titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara, prinċipalment, l-appell inammissibbli;

tiddikjara, sussidjarjament, l-aggravji tal-appell inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, infondati u tiċħad l-appell bħala infondat, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti fil-kuntest ta’ dan l-appell u, fil-każ ta’ annullament tat-tielet sentenza appellata, fl-ewwel istanza, inklużi l-ispejjeż marbuta mal-Kawżi F‑104/15 u T‑442/17 RENV.

34

Fil-Kawżi C‑116/21 P sa C‑118/21 P, C‑138/21 P u C‑139/21 P, il-Parlament li, bħala intervenjent fl-ewwel istanza, ippreżenta risposta skont l-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jitlobha tilqa’ l-appelli.

35

Fil-Kawżi C‑117/21 P u C‑138/21 P, l-AIACE Internationale li, bħala intervenjenti fl-ewwel istanza, ippreżentat risposta skont l-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja titlobha:

tiċħad l-appelli ppreżentati rispettivament mill-Kummissjoni u mill-Kunsill, u

tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-Kunsill rispettivament għall-ispejjeż.

36

Fil-Kawżi C‑138/21 P u C‑139/21 P, il-Kummissjoni li, bħala konvenuta fl-ewwel istanza, ippreżentat risposta skont l-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja titlobha:

tannulla l-ewwel u t-tieni sentenza appellata;

tiċħad ir-rikorsi fl-ewwel istanza, u

tikkundanna lil VW u lil BT għall-ispejjeż.

37

Skont l-Artikolu 54(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fit‑13 ta’ April 2021, li jgħaqqad il-Kawżi C‑116/21 P sa C‑118/21 P, C‑138/21 P u C‑139/21 P għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll tas-sentenza.

Fuq l‑appelli

38

Insostenn tal-appelli tagħha fil-Kawżi C‑116/21 P u C‑117/21 P, il-Kummissjoni tinvoka tliet aggravji identiċi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-legalità tal-għażliet magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni wieħed, fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, it-tielet wieħed, fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 52(1) tal-Karta u fuq diversi okkorrenzi ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Fil-Kawża C‑118/21 P, il-Kummissjoni tqajjem l-istess aggravji filwaqt li tippreċedihom b’aggravju ieħor ibbażat fuq żball ta’ liġi fid-definizzjoni u fl-applikazzjoni tas-setgħa tal-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi fuq il-motivi tar-rikors fl-ewwel istanza wara l-annullament tas-sentenza appellata.

39

Insostenn tal-appelli tiegħu, il-Kunsill iqajjem tliet aggravji identiċi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-eżistenza ta’ differenza fit-trattament, it-tieni wieħed, fuq żbalji ta’ liġi li jikkonċernaw il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju mill-Qorti Ġenerali tal-għażliet magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni u, it-tielet wieħed, fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tad-differenza fit-trattament. Fil-Kawża C‑138/21 P, il-Kunsill iqajjem, barra minn hekk, ir-raba’ aggravju bbażat fuq żbalji ta’ liġi u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

40

Barra minn hekk, VW, BT u RN jeċċepixxu l-inammissibbiltà tal-appelli ppreżentati rispettivament fil-Kawżi C‑116/21 P sa C‑118/21 P kif ukoll, fir-rigward ta’ BT, fil-Kawża C‑138/21 P.

Fuq l‑ammissibbiltà tal‑appell fil‑Kawża C‑116/21 P

41

VW issostni li s-sens u l-portata ta’ ċerti aggravji u argumenti tal-Kummissjoni ma jinftehmux u li espożizzjoni fil-qosor tal-aggravji hija nieqsa bi ksur tal-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

42

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument billi tirreferi b’mod partikolari għall-kontenut tal-appell tagħha.

43

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u mill-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li tagħha jkun qiegħed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs European Food et, C‑638/19 P, EU:C:2022:50, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

Issa, f’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni żviluppat, fil-kuntest tat-tliet aggravji li hija tressaq insostenn tal-appell tagħha, argument ċar u ddettaljat li jesponi r-raġunijiet għalfejn il-punti tal-ewwel sentenza appellata li hija tikkritika huma, fil-fehma tagħha, ivvizzjati bi żbalji ta’ liġi jew bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

45

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni VW, l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni jinkludi espożizzjoni sommarja tal-aggravji mqajma, konformement mal-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

46

Minn dan isegwi li l-appell fil-Kawża C‑116/21 P huwa ammissibbli.

Fuq l‑ammissibbiltà tal‑appelli fil‑Kawżi C‑117/21 P u C‑138/21 P

47

BT tikkunsidra li l-appelli fil-Kawżi C‑117/21 P u C‑138/21 P huma inammissibbli sa fejn dawn huma mmotivati min-neċessità li jiġu evitati l-konsegwenzi finanzjarji għall-baġit tal-Unjoni li twassal għall-konstatazzjoni tal-illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal mit-tieni sentenza appellata, peress li l-eżistenza possibbli ta’ tali konsegwenzi hija kwistjoni purament fattwali li ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

48

Barra minn hekk, BT tikkunsidra li, peress li l-Kummissjoni impenjat ruħha li tħallas pensjoni tas-superstiti lil RN irrispettivament mill-eżitu tal-appell fil-Kawża C‑118/21 P, din l-istituzzjoni għandha, għal raġunijiet ta’ ugwaljanza fit-trattament, tieħu l-istess impenn fil-konfront tagħha u ta’ VW, li jċaħħad kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Kunsill minn interess ġuridiku u b’hekk jirrendi inammissibbli l-appelli kollha fil-kawżi magħquda.

49

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument billi tispjega b’mod partikolari li l-impenn meħud fir-rigward ta’ RN kien ġie adottat b’mod purament volontarju bis-saħħa tal-Artikolu 76 tar-Regolamenti tal-Persunal u ma jistax jiġi estiż għal persuni oħra f’isem il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Barra minn hekk, peress li tali estensjoni ma seħħitx fil-każ ta’ BT, l-argument intiż sabiex juri l-inammissibbiltà tal-appelli minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku jkollu jiġi miċħud.

50

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 256 TFUE u l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għal punti ta’ liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs SRB, C‑934/19 P, EU:C:2021:1042, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-appelli fil-Kawżi C‑117/21 P u C‑138/21 P huma fil-fatt ibbażati fuq aggravji purament legali li ma humiex intiżi li jikkontestaw il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali, iżda li sempliċement jikkritikaw ir-raġunament legali adottat mill-Qorti Ġenerali fit-tieni sentenza appellata. Fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni u l-Kunsill jiġbdu l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament bħala introduzzjoni jew b’mod digressiv, dwar il-konsegwenzi taċ-ċaħda tal-appelli tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li tali spjegazzjonijiet, li ma humiex użati bħala tali insostenn tal-argumenti legali mressqa kontra t-tieni sentenza appellata, ma jistgħux jikkontestaw l-ammissibbiltà tal-appelli.

52

Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq nuqqas ta’ interess ġuridiku, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa bbażat fuq l-allegat obbligu li l-Kummissjoni kellha li testendi għal BT il-benefiċċju tal-pensjoni tas-superstiti li, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni, ingħata b’mod volontarju lil RN bis-saħħa tal-Artikolu 76 tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li tali obbligu la jirriżulta mir-Regolamenti tal-Persunal u lanqas, b’mod iktar ġenerali, mid-dritt tal-Unjoni, peress li kull deċiżjoni ta’ “donazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, tittieħed fil-kuntest ta’ setgħa diskrezzjonali u għandha neċessarjament tirriżulta minn deċiżjoni individwali fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-każ.

53

Minn dan isegwi li l-appelli fil-Kawżi C‑117/21 P u C‑138/21 P huma ammissibbli.

Fuq l‑ammissibbiltà tal‑appell fil‑Kawża C‑118/21 P

54

RN teċċepixxi l-inammissibbiltà tal-appell fil-Kawża C‑118/21 P. Hija ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tippreżenta appell ieħor fl-istess kawża. Issa, la t-Trattat FUE u lanqas l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma jinkludu xi dispożizzjoni li tawtorizza appelli repetuti fl-istess kawża. RN tinvoka wkoll f’dan ir-rigward ir-regola li tgħid li “appell fuq appell ma huwiex validu”.

55

Il-Kummissjoni twieġeb li l-argumenti ta’ RN ma għandhom l-ebda bażi fid-dispożizzjonijiet proċedurali applikabbli.

56

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 18 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal‑20 ta’ Lulju 2016, RN vs Il‑Kummissjoni (F‑104/15, EU:F:2016:163). Dan l-appell intlaqa’ mill-Qorti Ġenerali permezz tas-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN (T‑695/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:520), u l-kawża ntbagħtet, wara x-xoljiment tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl‑1 ta’ Settembru 2016, quddiem awla tal-Qorti Ġenerali differenti minn dik li kienet iddeċidiet l-appell. Għaldaqstant, il-kawża ġiet deċiża għat-tieni darba fl-ewwel istanza, li wasslet għat-tielet sentenza appellata. Konformement mal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni ppreżentat appell minn dik l-aħħar sentenza.

57

Peress li kemm is-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2016, RN vs Il‑Kummissjoni (F‑104/15, EU:F:2016:163), kif ukoll it-tielet sentenza appellata huma, kull waħda meħuda waħedha, “deċiżjonijiet finali”, fis-sens tal-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 56 ta’ dan l-istatut, huwa żbaljat li RN tiddikjara li l-Kummissjoni ppreżentat żewġ appelli fl-istess kawża.

58

Minn dan isegwi li l-appell fil-Kawża C‑118/21 P huwa ammissibbli.

Fuq l‑ewwel aggravju fil‑Kawża C‑118/21 P

L‑argumenti tal‑partijiet

59

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 41 sa 46 tat-tielet sentenza appellata, fid-definizzjoni u fl-applikazzjoni tas-setgħa tal-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi fuq il-motivi tar-rikors imqajma fl-ewwel istanza wara l-annullament tas-sentenza tal-ewwel istanza mill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet fuq l-appell. Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet.

60

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-portata tar-rinviju ma titħalliex għall-evalwazzjoni tal-qorti li quddiemha l-kawża tkun intbagħtet lura. F’dan ir-rigward, mill-punt 68 tas-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN (T‑695/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:520), jirriżulta, b’mod partikolari, li, l-għan tar-rinviju quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-kawża li wasslet għat-tielet sentenza appellata, kien limitat b’mod ċar għall-eżami tat-tielet motiv tar-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza, li ma jinkludi l-ebda argument ibbażat fuq l-allegata illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, fit-tielet sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiddeċiedi fuq motivi oħra ħlief dan it-tielet motiv.

61

Barra minn hekk, minbarra l-fatt li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ħadet inkunsiderazzjoni, fil-punt 42 tat-tielet sentenza appellata, l-aggravji mqajma insostenn tal-appell sabiex jiġi stabbilit jekk elementi tas-sentenza fl-ewwel istanza kinux ġew invalidati jew le, il-Kummissjoni ssostni li l-annullament tas-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2016, RN vs Il‑Kummissjoni (F‑104/15, EU:F:2016:163), huwa bbażat fuq il-punti 51 sa 57 tas-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN (T‑695/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:520), dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-punti 58 sa 64 ta’ dik is-sentenza jsostnu r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ilmenti ta’ RN ifformulati insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità relatata ma’ din id-dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal.

62

Għaldaqstant, billi qieset li l-portata tat-tilwima, wara r-rinviju, kienet tirrigwarda wkoll il-motiv żviluppat minn RN fir-rikors inizjali tagħha quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

63

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali, fit-tielet sentenza appellata, impliċitament, iżda neċessarjament, iddeċidiet dwar l-assenza ta’ diskriminazzjoni fil-kuntest tas-sitwazzjonijiet irregolati mill-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN (T‑695/16 P, mhux ippubblikata,EU:T:2017:520), iddeċidiet li l-interpretazzjoni mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kienet żbaljata fid-dritt fir-rigward tal-argument ta’ RN ibbażat fuq differenza fit-tul taż-żwieġ. Issa, billi kkunsidrat f’dan ir-rigward li l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu ta’ żwieġ qabel id-data tat-tmiem tas-servizz tal-uffiċjal ma tistax turi l-illegalità tal-imsemmija dispożizzjoni, il-Qorti Ġenerali impliċitament, iżda neċessarjament, ikkunsidrat li l-portata tal-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kienet tali li l-ilment ibbażat fuq l-illegalità bbażata fuq din l-aħħar dispożizzjoni għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma setax isir u li, minħabba f’hekk, ma kienx neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-proporzjonalità, kif ikkonkludiet, fil-punt 63 ta’ dik is-sentenza. Għaldaqstant, billi wettqet, fil-punt 45 tat-tielet sentenza appellata, analiżi żbaljata tas-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN (T‑695/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:520), il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset, fil-punt 46 tat-tielet sentenza appellata, li l-motivi bbażati fuq ksur tal-ugwaljanza fit-trattament kif ukoll tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità ma kinux ġew deċiżi fl-imsemmija sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN (T‑695/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:520).

64

Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tallega li, billi kkonkludiet, fil-punt 112 tat-tielet sentenza appellata, li l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jikser, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet kontra s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN (T‑695/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:520). Il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 59 ta’ dik is-sentenza dwar id-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll id-differenza fil-kundizzjonijiet għall-għoti tal-pensjoni tas-superstiti bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 18 ta’ dan l-anness ma jippermettux li jiġi konkluż li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

65

Min-naħa tagħha, RN issostni, prinċipalment, li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli sa fejn il-formulazzjoni tiegħu ma hijiex preċiża, peress li l-Kummissjoni ma tistax, loġikament, tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball ta’ liġi kemm fid-definizzjoni kif ukoll fl-applikazzjoni tas-setgħa tal-qorti tar-rinviju. Dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni konsegwentement jaffettwa l-argumenti legali li fuqhom huwa bbażat l-ewwel aggravju.

66

RN titlob, sussidjarjament, li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

67

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel aggravju huwa ammissibbli peress li ma jistax sempliċement jikkontesta biss l-interpretazzjoni tal-prinċipji li huma s-suġġett tal-appell mingħajr ma jikkontesta wkoll l-applikazzjoni konkreta tagħhom u viċe versa. Għall-bqija, hija tikkontesta l-interpretazzjoni magħmula minn RN tat-tielet sentenza appellata.

L‑evalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

– Fuq l‑ammissibbiltà tal‑ewwel aggravju

68

Kuntrarjament għal dak li ssostni RN, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-ewwel aggravju tal-Kummissjoni la hija nieqsa minn preċiżjoni u lanqas loġika fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, permezz ta’ dan l-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tallega, b’mod ċar, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi kemm fid-definizzjoni kif ukoll fl-applikazzjoni tas-setgħa tal-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi fuq il-motivi tar-rikors fl-ewwel istanza wara l-annullament tas-sentenza appellata u tiżviluppa, insostenn ta’ dan l-aggravju, tliet partijiet ifformulati b’mod preċiż kif ukoll ċar.

69

Sa fejn RN tikkritika lill-Kummissjoni li tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi “kemm” fid-definizzjoni kif ukoll fl-applikazzjoni tas-setgħa tal-qorti tar-rinviju, li ma huwiex possibbli, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fl-appell tagħha, il-Kummissjoni tesponi, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali, fit-tielet sentenza appellata, ma ddefinixxietx b’mod korrett is-suġġett u l-portata tat-tilwima fil-kawża li tressqet quddiemha, minħabba l-fatt li hija applikat b’mod żbaljat is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN (T‑695/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:520), kif ukoll il-ġurisprudenza dwar id-determinazzjoni tas-suġġett u tal-portata tat-tilwima wara r-rinviju.

70

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni fil-Kawża C‑118/21 P huwa ammissibbli.

– Fuq il‑fondatezza tal‑ewwel aggravju

71

Fl-ewwel lok, għandu jiġi miċħud l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet fil-punt 42 tat-tielet sentenza appellata. Fil-fatt, il-Kummissjoni wettqet qari żbaljat ta’ dan il-punt billi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali ddeterminat is-suġġett tat-tilwima u l-portata tagħha wara r-rinviju abbażi tal-aggravji mressqa mill-Kummissjoni fl-appell tagħha fil-Kawża T‑695/16 P. Fil-fatt, fl-ewwel sentenza tal-punt 42 tat-tielet sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tfakkar li s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN (T‑695/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:520), annullat is-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2016, RN vs Il‑Kummissjoni (F‑104/15, EU:F:2016:163), wara li laqgħet parzjalment żewġ aggravji mqajma mill-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi u kif issostni RN, l-annullament sħiħ tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu jwassal lill-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi mill-ġdid fuq ir-rikors kollu fl-ewwel istanza.

72

Għaldaqstant, fil-punt 43 tat-tielet sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeduċiet li hija kellha tiddeċiedi mill-ġdid fuq il-motivi kollha ta’ annullament imqajma minn RN quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fid-dawl tal-punti ta’ liġi deċiżi mis-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN (T‑695/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:520), u li jorbtu lill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tar-rinviju. Sabiex twettaq din id-deduzzjoni, il-Qorti Ġenerali neċessarjament ibbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 41 tat-tielet sentenza appellata u mhux ikkontestata mill-Kummissjoni kif ukoll fuq il-konstatazzjoni mwettqa fl-ewwel sentenza tal-punt 42 ta’ dik is-sentenza dwar l-annullament sħiħ tas-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2016, RN vs Il‑Kummissjoni (F‑104/15, EU:F:2016:163). Fir-rigward tal-aħħar żewġ sentenzi li jinsabu fil-punt 42 tat-tielet sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li din hija sempliċi tfakkira, ineffettiva għall-finijiet ta’ din id-deduzzjoni, tal-aggravji mqajma mill-Kummissjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN (T‑695/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:520).

73

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 45 u 46 tat-tielet sentenza appellata, meta qieset li, fis-sentenza tagħha tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN (T‑695/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:520), hija ma kinitx iddeċidiet il-partijiet tat-tieni motiv imqajjem minn RN fir-rikors tagħha quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

74

Mill-punti 35, 55 sa 60 u 76 tas-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2016, RN vs Il‑Kummissjoni (F‑104/15, EU:F:2016:163) jirriżulta li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma eżaminax it-tieni motiv tar-rikors ta’ RN mill-perspettiva tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda biss għall-finijiet tal-interpretazzjoni, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, tal-kundizzjoni tat-tul minimu ta’ żwieġ li tinsab f’din id-dispożizzjoni. F’dan il-kuntest, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku pprova jiddetermina jekk l-imsemmija dispożizzjoni setgħetx tiġi interpretata, konformement mal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni bħalma huma l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, fis-sens li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni t-tul akkumulat taż-żewġ perijodi ta’ żwieġ ta’ RN mal-konjuġi tagħha li miet, interpretazzjoni li ma kinitx eskluża, skont it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, mill-formulazzjoni tal-istess dispożizzjoni.

75

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 57 tas-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN (T‑695/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:520), il-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet fuq l-appell, qieset li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punti 57 u 76 tas-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2016, RN vs Il‑Kummissjoni (F‑104/15, EU:F:2016:163), kienet ivvizzjata bi żball ta’ liġi minħabba, essenzjalment, li l-formulazzjoni ċara ta’ din id-dispożizzjoni kienet tipprekludi tali interpretazzjoni. Il-Qorti Ġenerali għalhekk annullat dik is-sentenza fl-intier tagħha.

76

Minn dan isegwi li, għalkemm il-Qorti Ġenerali, permezz tas-sentenza tagħha tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN (T‑695/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:520), annullat is-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2016, RN vs Il‑Kummissjoni (F‑104/15, EU:F:2016:163), dan huwa għaliex hija invalidat l-interpretazzjoni magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal fid-dawl tal-ewwel motiv tar-rikors ta’ RN kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u dan indipendentement mill-ilmenti bbażati fuq eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ din id-dispożizzjoni, imqajma minn RN.

77

B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tieħu pożizzjoni, anki jekk impliċitament, fuq l-ilmenti bbażati fuq tali eċċezzjoni peress li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, la l-inverżjoni tal-interpretazzjoni magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas il-portata adottata mill-Qorti Ġenerali tal-Artikoli 18 u 20 ta’ dan l-anness ma jimplikaw li dan l-aħħar artikolu kien għadu ma jistax jiġi ddikjarat bħala illegali fid-dawl tal-argumenti mqajma minn RN fil-kuntest tat-tieni motiv tar-rikors inizjali tagħha. Fil-fatt, li kieku dan il-motiv intlaqa’, RN setgħet, minkejja l-fatt li ma tkunx tista’ teżiġi l-kumulu tat-tul taż-żewġ żwiġijiet tagħha fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, titlob li din id-dispożizzjoni tiġi ddikjarata bħala illegali, b’tali mod li l-Kummissjoni tkun obbligata tieħu deċiżjoni ġdida fir-rigward tagħha billi tislet il-konsegwenzi tas-sentenza li ttemm il-kawża.

78

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tiżbalja meta tafferma, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali impliċitament iżda neċessarjament iddeċidiet fin-negattiv, fis-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN (T‑695/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:520), dwar l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

79

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tafferma l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 58 sa 64 tas-sentenza tagħha tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN (T‑695/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:520), la eżaminat u lanqas ċaħdet l-ilmenti fformulati minn RN insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, b’tali mod li l-Kummissjoni ma tistax issostni li, fil-punt 46 tat-tielet sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta ddeċidiet li ma kinitx iddeċidiet it-tieni aggravju tar-rikors f’din l-ewwel sentenza.

80

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li, fil-punti 58 sa 64 tas-sentenza tagħha tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN (T‑695/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:520), il-Qorti Ġenerali sempliċement wieġbet għall-argumenti mressqa minn RN bi tweġiba għall-appell tal-Kummissjoni. Issa, minn naħa, iż-żewġ argumenti ta’ RN, eżaminati fil-punti 59 sa 61 ta’ dik is-sentenza, jirrigwardaw esklużivament l-interpretazzjoni, mogħtija mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u għalhekk ma għandhom l-ebda rabta mal-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ din id-dispożizzjoni.

81

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument ta’ RN, eżaminat fil-punti 62 sa 64 tas-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN (T‑695/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:520), huwa minnu li dan l-argument dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa marbut mat-tieni motiv tar-rikors inizjali bbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità. Madankollu, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 63 ta’ dik is-sentenza, tispjega li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eżamina l-kwistjoni tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità billi telaq mill-premessa li l-formulazzjoni tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal setgħet tiġi interpretata bħala li tobbliga li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul akkumulat taż-żewġ żwiġijiet ta’ RN. Madankollu, peress li kkunsidrat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma setax jitlaq minn tali premessa, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, dejjem fil-punt 63 tal-imsemmija sentenza, li ma kienx neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-argument ta’ RN dwar allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għaldaqstant, minflok ma ċaħdet it-tieni motiv tar-rikors inizjali ta’ RN, il-Qorti Ġenerali sempliċement irrifjutat li teżamina dan il-motiv u, b’mod iktar preċiż, l-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, minħabba l-fatt li tali eżami ma kienx jaqa’ fl-istadju tal-appell.

82

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 45 tat-tielet sentenza appellata, wettqet analiżi korretta tal-punt 63 tas-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN (T‑695/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:520), b’tali mod li l-ebda żball ta’ liġi ma jista’ jiġi attribwit lilha f’dan ir-rigward.

83

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tiżbalja meta tafferma li, fit-tielet sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, minħabba d-dikjarazzjoni li tinsab fl-ewwel sentenza tal-punt 68 tas-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN (T‑695/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:520), tiddeċiedi fuq motivi li ma humiex it-tielet motiv tar-rikors ippreżentat quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

84

Fil-fatt, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 68 ta’ dik is-sentenza, illimitat ruħha li tiddikjara li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tiddeċiedi l-kawża peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma kienx eżamina t-tielet motiv invokat minn RN. Issa, għandu jiġi kkonstatat li din id-dikjarazzjoni tirrigwarda biss il-kwistjoni dwar jekk il-kawża kinitx fi stat li tiġi deċiża mill-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet fuq l-appell u mhux dik, distinta, dwar id-determinazzjoni tas-suġġett u tal-portata tat-tilwima wara r-rinviju. F’dan ir-rigward, hija biss il-qorti tar-rinviju u mhux il-qorti tal-appell li għandha tiddetermina dan is-suġġett u din il-portata bħala konsegwenza tas-sentenza mogħtija mill-qorti tal-appell. Għaldaqstant, kwalunkwe dikjarazzjoni dwar jekk il-kawża hijiex fi stat li tiġi deċiża ma tistax tkun iddeterminanti, fiha nnifisha, għall-finijiet tal-analiżi tas-suġġett u tal-portata tal-kawża wara r-rinviju, li l-qorti tar-rinviju għandha tagħmel.

85

F’dan il-każ, mill-punt 73 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fil-punt 46 tat-tielet sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet korrettament li hija ma kinitx iddeċidiet il-partijiet tat-tieni motiv tar-rikors fis-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN (T‑695/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:520), ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età u ta’ proporzjonalità.

86

Fir-raba’ lok, l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq kontradizzjoni bejn il-punt 112 tat-tielet sentenza appellata u l-punt 59 tas-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN (T‑695/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:520), ma jistax jintlaqa’ sa fejn dan huwa bbażat fuq il-premessa, miċħuda fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, li tgħid li, fis-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN (T‑695/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:520), il-Qorti Ġenerali ċaħdet impliċitament, iżda neċessarjament, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

87

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju mqajjem mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑118/21 P għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it‑tielet parti tal‑ewwel aggravju u fuq it‑tieni aggravju fil‑Kawża C‑116/21 P, fuq it‑tielet parti tal‑ewwel aggravju u fuq l‑ewwel żewġ partijiet tat‑tieni aggravju fil‑Kawża C‑117/21 P, fuq it‑tielet parti tat‑tieni aggravju u fuq l‑ewwel żewġ partijiet tat‑tielet aggravju fil‑Kawża C‑118/21 P kif ukoll fuq l‑ewwel aggravju fil‑Kawżi C‑138/21 P u C‑139/21 P

L‑argumenti tal‑partijiet

88

Permezz ta’ dawn l-aggravji u dawn il-partijiet, il-Kummissjoni kif ukoll, prinċipalment, il-Kunsill isostnu li, permezz tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sa fejn hija kkonkludiet, b’mod żbaljat, li s-sitwazzjonijiet koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal huma komparabbli u, għaldaqstant, li kienet teżisti differenza fit-trattament ibbażata fuq l-applikazzjoni ta’ skemi differenti minn dawn is-sitwazzjonijiet komparabbli.

89

B’mod ġenerali, dawn l-istituzzjonijiet, sostnuti mill-Parlament, jikkunsidraw li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 59 u 60 tal-ewwel sentenza appellata, fil-punti 58 u 59 tat-tieni sentenza appellata kif ukoll, fir-rigward tal-Kummissjoni, fil-punti 80 u 81 tat-tielet sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li d-data tal-konklużjoni taż-żwieġ kienet l-uniku element determinanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 jew tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u li, għaldaqstant, is-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt dawn id-dispożizzjonijiet kienu fil-fatt komparabbli. Issa, kieku l-Qorti Ġenerali kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw dawn is-sitwazzjonijiet, kien ikollha tikkonstata li teżisti differenza essenzjali u oġġettiva bejn l-uffiċjali fis-servizz u dawk li ma baqgħux fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, fid-dawl tas-sitwazzjoni legali rispettiva ta’ dawn l-uffiċjali, b’mod partikolari fid-dawl tad-drittijiet u tal-obbligi professjonali li bihom l-ewwel, għall-kuntrarju tat-tieni, huma marbuta bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal matul it-tul kollu tas-servizz tagħhom.

90

B’mod partikolari, kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Kunsill jenfasizzaw, b’mod partikolari, il-fatt li l-uffiċjal fis-servizz, għall-kuntrarju tal-ex uffiċjali li ma għandhomx iktar l-obbligu li jaħdmu, għandu jikkontribwixxi għall-iskema tal-pensjonijiet, jirċievi salarju bażiku ogħla mill-pensjoni tal-irtirar li tingħatalu meta huwa jirtira, għandu l-obbligu li jirrisjedi fil-post ta’ assenjazzjoni tiegħu u għandu dritt għal allowances tal-espatrijazzjoni, ta’ residenza barranija u tal-ivvjaġġar. Il-Kummissjoni żżid li l-ex uffiċjali ma humiex iktar koperti mill-iskema komuni ta’ assigurazzjoni għall-mard għall-inċidenti professjonali. Barra minn hekk, dik l-istituzzjoni tirrileva li, kuntrarjament għall-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Artikolu 18 ta’ dan l-anness jipprovdi li l-kundizzjoni tat-tul taż-żwieġ ma tapplikax jekk, fil-familja tal-uffiċjal, wild ikun twieled miż-żwieġ ta’ dan tal-aħħar qabel it-tmiem tas-servizz tiegħu, u dan juri li s-sitwazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma radikalment differenti. Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha juru li s-sitwazzjoni ta’ ex uffiċjal li jiżżewweġ ma tirrikjedix, bl-istess provi bħal fil-każ ta’ uffiċjal li jiżżewweġ meta jkun għadu fis-servizz, li dħul ta’ sostituzzjoni biss jiġi offrut lill-konjuġi superstiti bl-għoti tal-pensjoni tas-superstiti.

91

Il-Kummissjoni tqis ukoll li s-sitwazzjoni tal-uffiċjali fis-servizz u tal-uffiċjali li ma baqgħux jaħdmu ma’ istituzzjoni tal-Unjoni hija differenti fuq il-livell personali. Minn naħa, l-uffiċjali li żżewġu qabel it-tmiem tas-servizz tagħhom huma iżgħar mill-uffiċjali li jaqgħu taħt l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Min-naħa l-oħra, persuna li tiżżewweġ uffiċjal irtirat hija diġà meqjusa li tinsab f’sitwazzjoni ta’ indipendenza ekonomika, b’tali mod li l-mewt ta’ dan l-uffiċjal ikollu effett iktar limitat milli fil-każ ta’ uffiċjal li ħa ħsieb id-dar tiegħu mis-servizz attiv tiegħu. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 51 tal-ewwel sentenza appellata, fil-punt 50 tat-tieni sentenza appellata u fil-punt 72 tat-tielet sentenza appellata, interpretat il-punt 69 tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni (C‑460/18 P, EU:C:2019:1119) b’mod żbaljat. Kuntrarjament għal dak li sostniet il-Qorti Ġenerali, il-kapaċità ekonomika tal-konjuġi superstiti tista’ preċiżament tikkostitwixxi element rilevanti għal-leġiżlatur tal-Unjoni meta dan jistabbilixxi l-kriterji tal-għoti tal-pensjoni tas-superstiti skont l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom seħħ iż-żwieġ.

92

Il-Kummissjoni u l-Kunsill iżidu li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta rrifjutat, fil-punt 56 tal-ewwel sentenza appellata, fil-punt 55 tat-tieni sentenza appellata u, f’dak li jikkonċerna lill-Kummissjoni, fil-punt 77 tat-tielet sentenza appellata, li tislet il-konsegwenzi tal-punt 33 tas-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1993, Arauxo-Dumay vs Il‑Kummissjoni (T‑65/92, EU:T:1993:47), sa fejn il-Qorti Ġenerali, f’din l-aħħar sentenza, enfasizzat id-differenza bejn is-sitwazzjonijiet irregolati fl-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-loġika li fuqha hija bbażata din l-istess sentenza hija trasponibbli għall-każijiet inkwistjoni minkejja d-differenza fil-fatti li wasslu għall-kawżi rispettivament inkwistjoni.

93

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punt 58 tal-ewwel sentenza appellata, fil-punt 57 tat-tieni sentenza appellata u fil-punt 79 tat-tielet sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali injorat b’mod żbaljat, fl-analiżi tagħha, l-iskop tat-tul minimu taż-żwieġ previst fl-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri, hekk kif jirriżulta mill-punt 89 tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni (C‑460/18 P, EU:C:2019:1119), dak li jiġu evitati patti ta’ suċċessjoni u, għaldaqstant, li jsir żwieġ għall-uniku għan li jkun jista’ jinkiseb il-ħlas ta’ pensjoni tas-superstiti mingħajr ma dan iż-żwieġ jikkorrispondi għal xi realtà jew xi stabbiltà tar-relazzjonijiet bejn il-persuni kkonċernati. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma osservatx il-kriterju li skontu, fl-evalwazzjoni tan-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzawhom kif ukoll id-dispożizzjonijiet legali kollha li jirregolaw il-pożizzjonijiet ta’ kull waħda mis-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu kkomparati. B’mod partikolari, billi kkunsidrat, f’dawn l-istess punti tat-tliet sentenzi appellati, li żwieġ konkluż wara t-tmiem tas-servizz ma jibdilx b’mod essenzjali s-sitwazzjoni ta’ konjuġi superstiti f’dak li jikkonċerna d-drittijiet patrimonjali tiegħu meta mqabbel mas-sitwazzjoni li hija s-suġġett tal-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti Ġenerali, minbarra l-assenza totali ta’ motivazzjoni għal din il-kunsiderazzjoni, injorat ir-riskju li tali żwieġ ikun il-pretest għall-konklużjoni ta’ patti ta’ suċċessjoni.

94

VW, BT, sostnuti mill-AIACE Internationale, u RN jikkontestaw dan l-argument.

L‑evalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

95

Preliminarjament, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Karta, hija prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm differenza fit-trattament ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, État belge (Dritt ta’ residenza fil-każ ta’ vjolenza domestika), C‑930/19, EU:C:2021:657, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96

Ir-rekwiżit dwar in-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom u, b’mod partikolari, fid-dawl tas-suġġett u tal-għan li għandu jintlaħaq mill-att li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni, peress li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għal dan l-għan, il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ dan l-att. Sakemm is-sitwazzjonijiet ma jkunux komparabbli, differenza fit-trattament tas-sitwazzjonijiet ikkonċernati ma tiksirx l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Karta (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, État belge (Dritt ta’ residenza fil-każ ta’ vjolenza domestika), C‑930/19, EU:C:2021:657, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97

Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandhom jiġu eżaminati l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, sostnuti mill-Parlament, li jgħidu li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat, fis-sentenzi appellati, dwar il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u dwar l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament ta’ dawn is-sitwazzjonijiet komparabbli skont id-data tal-konklużjoni taż-żwieġ.

98

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 51, 52 u 55 tal-ewwel sentenza appellata, fil-punti 50, 51 u 54 tat-tieni sentenza appellata kif ukoll fil-punti 72, 73 u 76 tat-tielet sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom bħala għan, bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjoni ta’ tul minimu taż-żwieġ, l-għoti ta’ pensjonijiet tas-superstiti lill-konjuġi superstiti skont in-natura legali tar-rabtiet li jgħaqqdu lil dan il-konjuġi mal-konjuġi li miet. Il-Qorti Ġenerali indikat ukoll li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jagħtu lill-konjuġi superstiti dħul ta’ sostituzzjoni intiż sabiex jikkumpensa parzjalment it-telf tad-dħul tal-konjuġi li miet, peress li dan huwa ex uffiċjal li ma għadux fis-servizz u li għalhekk ma għadux iktar jikkontribwixxi għall-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni.

99

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, essenzjalment, li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kellhom għan u skop sostanzjalment identiċi fir-rigward tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 96 ta’ din is-sentenza u mfakkra mill-Qorti Ġenerali stess fil-punt 44 tal-ewwel u tat-tieni sentenza appellata kif ukoll fil-punt 66 tat-tielet sentenza appellata. Skont il-Qorti Ġenerali, l-element prinċipali li jikkaratterizza l-pensjonijiet tas-superstiti kkonċernati jinsab fin-natura legali tar-rabtiet li jgħaqqdu lill-konjuġi superstiti, bħala persuna li lilha l-imsemmija dispożizzjonijiet jagħtu dritt, lill-ex uffiċjal li miet. Dejjem skont il-Qorti Ġenerali, l-unika differenza fl-applikazzjoni tal-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tinsab fil-kundizzjoni ta’ tul minimu taż-żwieġ, li hija stess hija suġġetta għad-data tal-konklużjoni taż-żwieġ fid-dawl tal-pożizzjoni tal-uffiċjal taħt ir-Regolamenti tal-Persunal f’dik id-data, kif jirriżulta b’mod ċar mill-punt 53 tal-ewwel sentenza appellata, mill-punt 52 tat-tieni sentenza appellata u mill-punt 74 tat-tielet sentenza appellata.

100

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkunsidra, minn naħa, fil-punt 59 tal-ewwel sentenza appellata, fil-punt 58 tat-tieni sentenza appellata u fil-punt 80 tat-tielet sentenza appellata, li s-sitwazzjonijiet koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kienu komparabbli u, min-naħa l-oħra, fil-punti 53 u 60 tal-ewwel sentenza appellata, fil-punti 52 u 59 tat-tieni sentenza appellata kif ukoll fil-punti 74 u 81 tat-tielet sentenza appellata, li s-sitwazzjonijiet koperti minn dawn id-dispożizzjonijiet kienu distinti biss fir-rigward tad-data tal-konklużjoni taż-żwieġ meta mqabbla mal-pożizzjoni tal-uffiċjal taħt ir-Regolamenti tal-Persunal.

101

Il-Kummissjoni u l-Kunsill, sostnuti mill-Parlament, jiddikjaraw, madankollu, fl-ewwel lok, li s-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jiddistingwu ruħhom b’mod essenzjali u oġġettiv mill-fatt li, preċiżament, fid-data tal-konklużjoni taż-żwieġ, l-uffiċjal kien, fil-kuntest tal-ewwel dispożizzjoni, għadu fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, filwaqt li ma kienx għadu fis-servizz fil-kuntest tat-tieni dispożizzjoni. B’hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti dan l-element karatteristiku fl-evalwazzjoni tagħha tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet.

102

Madankollu, kif ġustament indikat il-Qorti Ġenerali, fil-punt 54 tal-ewwel sentenza appellata, fil-punt 53 tat-tieni sentenza appellata u fil-punt 75 tat-tielet sentenza appellata, in-natura legali tar-rabtiet li għaqqdu lill-konjuġi superstiti mal-uffiċjal li miet ma hijiex differenti skont jekk, fid-data tal-konklużjoni taż-żwieġ, l-uffiċjali jeżerċitawx attività professjonali jew le u skont l-ammont tal-kontribuzzjonijiet għall-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni li tħallsu jew li għadhom dovuti. Bl-istess mod, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 58 tal-ewwel sentenza appellata, fil-punt 57 tat-tieni sentenza appellata u fil-punt 79 tat-tielet sentenza appellata, il-fatt li l-uffiċjal mejjet iżżewweġ qabel jew wara t-tmiem tas-servizz ma jistax jibdel, b’mod essenzjali, is-sitwazzjoni tal-konjuġi superstiti fir-rigward tad-drittijiet patrimonjali tiegħu, fosthom id-dritt għal pensjoni tas-superstiti bħala dħul ta’ sostituzzjoni.

103

Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li d-data tal-konklużjoni taż-żwieġ hija ddeterminata biss mir-rieda tal-konjuġi futuri. Din id-deċiżjoni tirriżulta minn għażla libera min-naħa tal-uffiċjal abbażi ta’ diversi kunsiderazzjonijiet li ma jinvolvu la neċessarjament u lanqas biss it-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi marbuta mal-eżerċizzju jew le ta’ attività professjonali. Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kummissjoni u l-Kunsill, il-fatt li dan l-uffiċjal kien fis-servizz jew le f’dik id-data ma jistax għalhekk ikollu effett determinanti fuq l-evalwazzjoni tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fir-rigward tal-kriterji mfakkra fil-punt 96 ta’ din is-sentenza u, b’mod partikolari, tal-għan u tal-iskop tal-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif imfakkra fil-punt 98 ta’ din is-sentenza. F’dan ir-rigward, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, imfakkar fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, huwa bbażat, essenzjalment, fuq dan l-għan, dan l-iskop u dan l-element prinċipali.

104

Huwa minnu li, kif jirriżulta mill-punt 99 ta’ din is-sentenza, il-pożizzjoni tal-uffiċjal taħt ir-Regolamenti tal-Persunal fid-data tal-konklużjoni taż-żwieġ għandha effett fuq il-kundizzjoni ta’ tul minimu ta’ dan iż-żwieġ. Filwaqt li t-tul meħtieġ huwa biss ta’ sena fil-każ fejn iż-żwieġ ikun seħħ meta l-uffiċjal ikun għadu fis-servizz, dan il-perijodu jiżdied għal ħames snin fil-każ li l-uffiċjal jiżżewweġ wara li jkun waqaf jaħdem ma’ istituzzjoni tal-Unjoni.

105

Madankollu, kif ġustament tindika VW u kif jirriżulta mill-punti 102 u 103 ta’ din is-sentenza, la l-pożizzjoni tal-uffiċjal taħt ir-Regolamenti tal-Persunal u lanqas id-data tal-konklużjoni taż-żwieġ ma huma elementi rilevanti fl-istadju tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet peress li dawn huma nieqsa minn rabta diretta mas-suġġett, mal-għan u mal-element prinċipali karatteristiku tad-dritt għal pensjoni tas-superstiti msemmi fl-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

106

Huwa għal din ir-raġuni li għandu jiġi kkunsidrat, b’analoġija, kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-pensjoni tas-superstiti prevista fl-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-punt 70 tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni (C‑460/18 P, EU:C:2019:1119), li l-għoti tal-pensjoni tas-superstiti jiddependi “biss”, fil-prinċipju tiegħu stess, min-natura legali tar-rabtiet li jorbtu lill-persuna kkonċernata mal-uffiċjal li miet, u dan minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll, fil-punt 89 ta’ dik is-sentenza, li t-tul minimu taż-żwieġ jikkostitwixxi wkoll kundizzjoni sabiex il-konjuġi superstiti jibbenifika mill-pensjoni tas-superstiti.

107

Fil-fatt, hija n-natura legali tar-rabtiet bejn il-konjuġi li hija l-bażi tal-iskema tal-pensjonijiet tas-superstiti tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, peress li din il-kundizzjoni għall-għoti hija komuni għall-pensjonijiet tas-superstiti kollha msemmija fl-Artikoli 17 sa 20 u fl-Artikolu 27 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-kundizzjoni tat-tul minimu taż-żwieġ, min-naħa tagħha, hija ta’ natura anċillari għall-kundizzjoni dwar in-natura legali tar-rabtiet bejn il-konjuġi, sa fejn din hija intiża biss sabiex tippreċiża t-tul li matulu għandha tibqa’ teżisti r-rabta legali għall-finijiet tal-għoti tal-pensjoni tas-superstiti. Barra minn hekk, din il-kundizzjoni anċillari ma hijiex inkluża fi wħud mill-pensjonijiet tas-superstiti, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 19 u 27 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

108

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament insistiet, fil-punti 52 u 54 tal-ewwel sentenza appellata, fil-punti 51 u 53 tat-tieni sentenza appellata kif ukoll fil-punti 73 u 75 tat-tielet sentenza appellata, fil-motivazzjoni tagħha, fuq l-importanza tar-rabta legali bejn il-konjuġi bħala element prinċipali li jikkaratterizza l-iskema tal-pensjonijiet tas-superstiti tal-Unjoni u kkonkludiet li l-pożizzjoni tal-uffiċjal taħt ir-Regolamenti tal-Persunal ma kellhiex effett fuq din ir-rabta.

109

Il-Kummissjoni u l-Kunsill isostnu, fit-tieni lok, li s-sitwazzjoni ta’ ex uffiċjal li jiżżewweġ wara t-tmiem tas-servizz tiegħu ma teħtieġx li jiġi offrut dħul ta’ sostituzzjoni lill-konjuġi superstiti bl-istess mod bħal fil-każ tal-uffiċjal li jiżżewweġ meta jkun għadu fis-servizz. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar, kif indikat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 58 tal-ewwel sentenza appellata, fil-punt 57 tat-tieni sentenza appellata u fil-punt 79 tat-tielet sentenza appellata, b’riferiment għall-punt 69 tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni (C‑460/18 P, EU:C:2019:1119), li d-dritt għall-pensjonijiet tas-superstiti msemmija fl-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma huwiex suġġett għal kundizzjonijiet ta’ riżorsi jew ta’ patrimonju li għandhom jikkaratterizzaw l-inkapaċità tal-konjuġi superstitu sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu u li juri għalhekk id-dipendenza finanzjarja preċedenti tiegħu fuq il-mejjet.

110

Il-Kummissjoni ssostni, fit-tielet lok, li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-iskop tat-tul minimu taż-żwieġ previst fl-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u li jikkonsisti, kif jirriżulta mill-punt 89 tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni (C‑460/18 P, EU:C:2019:1119), f’li tiġi evitata l-konklużjoni ta’ patti ta’ suċċessjoni frawdolenti jew abbużivi. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan l-aspett ma huwiex rilevanti fl-istadju tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet. Dan l-argument fil-fatt jirrigwarda l-ġustifikazzjoni tat-tul itwal jew iqsar meħtieġ taż-żwieġ, b’tali mod li dan jista’ jiġi kkunsidrat biss fl-istadju tal-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata tad-differenza possibbli fit-trattament ikkonstatata.

111

Fir-rigward, barra minn hekk, tal-argument tal-Kummissjoni li n-nuqqas ta’ komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet huwa kkonfermat ukoll mill-fatt li, kuntrarjament għal dak li huwa previst fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kundizzjoni tat-tul minimu taż-żwieġ tintemm, skont l-Artikolu 18 ta’ dan l-anness, meta l-konjuġi superstiti jipprovdi jew ikun ipprovda għall-bżonnijiet tat-tfal tal-ex uffiċjal, dan l-element ma jaffettwax l-evalwazzjoni tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet koperti minn dawn iż-żewġ artikoli. Fil-fatt, il-kundizzjoni dwar il-manteniment tat-tfal, prevista biss fl-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, għandha, b’analoġija ma’ dak li ġie indikat fil-punti 104 u 106 ta’ din is-sentenza, l-istess natura anċillari tal-kundizzjoni dwar it-tul minimu taż-żwieġ, li hija tissostitwixxi. Għalhekk din hija nieqsa minn rabta diretta mal-għan, mal-iskop u mal-element prinċipali karatteristiku tad-dritt għal pensjoni tas-superstiti msemmi fl-Artikoli 18 u 20 ta’ dan l-anness.

112

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kummissjoni u l-Kunsill, sostnuti mill-Parlament, il-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali, fil-punti 59 u 60 tal-ewwel sentenza appellata, fil-punti 58 u 59 tat-tieni sentenza appellata kif ukoll fil-punti 80 u 81 tat-tielet sentenza appellata, ma humiex ivvizzjati bi żball ta’ liġi.

113

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-Kummissjoni u tal-Kunsill li jgħid li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, irrifjutat, fil-punt 56 tal-ewwel sentenza appellata, fil-punt 55 tat-tieni sentenza appellata u, fir-rigward tal-Kummissjoni, fil-punt 77 tat-tielet sentenza appellata, li tislet il-konsegwenzi mill-punt 33 tas-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1993, Arauxo-Dumay vs Il‑Kummissjoni (T‑65/92, EU:T:1993:47) għandu jiġi kklassifikat bħala ineffettiv. Fil-fatt, anki jekk jitqies li dak l-argument huwa fondat, il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet huma bbażati b’mod suffiċjenti fuq il-motivazzjoni li tinsab rispettivament fil-punti 51 sa 55 u 58 tal-ewwel sentenza appellata, fil-punti 50 sa 54 u 57 tat-tieni sentenza appellata kif ukoll fil-punti 72 sa 76 u 79 tat-tielet sentenza appellata, indipendentement mill-kunsiderazzjonijiet esposti, rispettivament, fil-punti 56, 57 u 77 ta’ dawn is-sentenzi.

114

Minn dan isegwi li t-tielet parti tal-ewwel aggravju u t-tieni aggravju fil-Kawża C‑116/21 P, it-tielet parti tal-ewwel aggravju u l-ewwel żewġ partijiet tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑117/21 P, it-tielet parti tat-tieni aggravju u l-ewwel żewġ partijiet tat-tielet aggravju fil-Kawża C‑118/21 P kif ukoll l-ewwel aggravju fil-Kawżi C‑138/21 P u C‑139/21 P għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq l‑ewwel żewġ partijiet tal‑ewwel aggravju fil‑Kawżi C‑116/21 P u C‑117/21 P, fuq l‑ewwel żewġ partijiet tat‑tieni aggravju fil‑Kawża C‑118/21 P kif ukoll fuq it‑tieni aggravju fil‑Kawżi C‑138/21 P u C‑139/21 P

L‑argumenti tal‑partijiet

115

Permezz ta’ dawn l-aggravji, il-Kummissjoni kif ukoll, sussidjarjament, il-Kunsill jikkritikaw, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli wettqet, fis-sentenzi appellati, żball ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju.

116

Dawn iż-żewġ istituzzjonijiet, sostnuti mill-Parlament, jikkunsidraw li, fit-tieni sentenza tal-punt 48 tal-ewwel żewġ sentenzi appellati u, fir-rigward tal-Kummissjoni, fit-tieni sentenza tal-punt 70 tat-tielet sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali applikat ġurisprudenza tal-Unjoni żviluppata fil-kuntest radikalment differenti tal-għażliet ta’ politika dwar il-persunal f’sitwazzjonijiet fejn diversi għażliet huma miftuħa għal-leġiżlatur. Huwa għalhekk li l-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punt 80 tal-ewwel sentenza appellata, fil-punt 84 tat-tieni sentenza appellata u, fir-rigward tal-Kummissjoni, fil-punt 105 tat-tielet sentenza appellata, ikkonkludiet b’mod żbaljat li l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni dwar it-tul minimu taż-żwieġ imsemmi fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kienet sempliċement “irraġonevoli”. B’dan il-mod, hija wettqet stħarriġ li jmur lil hinn min-natura “manifestament inadegwata jew mhux xierqa” tal-miżura inkwistjoni meta mqabbla mal-għan li għandu jintlaħaq mill-istituzzjonijiet kompetenti, jiġifieri, f’dan il-każ, il-prevenzjoni tal-abbuż ta’ dritt u tal-frodi kif ukoll il-preservazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha nnifisha għal dik tal-leġiżlatur tal-Unjoni u għalhekk qabżet il-limiti tal-istħarriġ tal-legalità.

117

Fir-rigward tal-għan intiż li jippreżerva l-finanzi tal-Unjoni, il-Kunsill jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli naqset milli teżamina l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal fid-dawl ta’ dan l-għan mifhum f’sens wiesa’, b’rabta mal-għan tal-ġlieda kontra l-frodi. Minbarra l-fatt li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina jekk din id-dispożizzjoni kinitx manifestament inadegwata fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat, fil-punt 83 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 87 tat-tieni sentenza appellata, li, anki fl-assenza tal-imsemmija dispożizzjoni, il-bilanċ finanzjarju tal-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni ma jkunx mhedded. Fil-fatt, l-Unjoni kellha tikkonċepixxi skema li tista’ tevita sitwazzjonijiet ta’ frodi li jirriżultaw minn żwiġijiet ta’ konvenjenza konklużi minn uffiċjali rtirati tal-Unjoni.

118

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, filwaqt li affermat li bbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-legalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII fuq l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, tbiegħdet mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ att tal-Unjoni fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ma tistax, fi kwalunkwe każ, tkun ibbażata fuq allegazzjonijiet ibbażati fuq konsegwenzi ta’ dak l-att f’każ partikolari. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali enfasizzat l-iżvantaġġ partikolari li ċerti persuni jistgħu jkunu vittmi tiegħu u, barra minn hekk, ibbażat argument fuq il-partikolarità taċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ, fil-punti 77 u 78 tal-ewwel sentenza appellata, fil-punt 81 tat-tieni sentenza appellata u fil-punti 101 sa 103 tat-tielet sentenza appellata, sabiex tiddeċiedi li l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa illegali.

119

VW tikkunsidra li, billi jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli vverifikat in-natura “irraġonevoli” tal-għażla magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni, il-Kummissjoni u l-Kunsill wettqu qari żbaljat tal-ewwel sentenza appellata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 69 sa 74 ta’ dik is-sentenza, in-natura “manifestament irraġonevoli” ta’ din l-għażla, mifhuma fis-sens ta’ “inadegwata”. Billi qieset li l-Qorti Ġenerali segwiet il-loġika korretta tal-eżami ta’ proporzjonalità kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni, VW issostni li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li, anki jekk jiġi rrikonoxxut bħala leġittimu l-għan tal-ġlieda kontra l-frodi, il-miżura intiża sabiex timponi, abbażi ta’ preżunzjoni inkonfutabbli, tul minimu taż-żwieġ ħames darbiet ogħla minn dak meħtieġ mill-Artikolu 18 ta’ dan l-anness kienet manifestament inadegwata u kienet tmur lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-assenza ta’ frodi.

120

Barra minn hekk, VW tikkunsidra li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, lil hinn mill-kunsiderazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni fattwali u familjari tagħha, indikat, fil-punt 61 tal-ewwel sentenza appellata, li d-differenza fit-trattament kienet twassal għal żvantaġġ mhux biss għaliha nnifisha, iżda, b’mod iktar ġenerali, għall-konjuġi superstiti kollha ta’ ex uffiċjal li żżewġu wara t-tmiem tas-servizz tiegħu u, għaldaqstant, għall-konjuġi superstiti kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

121

BT, sostnuta mill-AIACE Internationale, tqis ukoll li l-Qorti Ġenerali esprimiet ruħha, fil-punt 61 tat-tieni sentenza appellata, f’termini ġeneriċi mingħajr ma rreferiet speċifikament għall-każ tagħha stess u mingħajr ma siltet argument miċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ.

122

Barra minn hekk, BT tallega li, bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni (C‑460/18 P, EU:C:2019:1119), ikkunsidrat li l-kundizzjoni tat-tul minimu taż-żwieġ ta’ sena msemmija fl-Artikoli 17 u 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma tidhirx li hija diskriminatorja jew manifestament inadegwata fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq mill-għoti tal-pensjoni tas-superstiti, il-Qorti Ġenerali kienet obbligata teżamina jekk il-kundizzjoni ta’ tul minimu ta’ ħames snin taż-żwieġ imsemmija fl-Artikolu 20 ta’ dan l-anness kinitx diskriminatorja, manifestament mhux xierqa u meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Issa, il-Qorti Ġenerali wettqet dan l-eżami b’mod metikoluż fit-tieni sentenza appellata.

123

RN issostni li l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-portata tas-setgħa ġudizzjarja tagħha ma huwiex ċar u, għaldaqstant, huwa inammissibbli, peress li l-Kummissjoni ma tippreċiżax fir-rigward ta’ liema għan li għandu jintlaħaq mill-pensjoni tas-superstiti kellha tiġi kkunsidrata l-legalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fi kwalunkwe każ, RN tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali evalwat is-sitwazzjoni tal-konjuġi superstiti fid-dawl tal-għan intiż li jikkumpensa, għall-benefiċċju ta’ dawn il-konjuġi, it-telf ta’ dħul li jirriżulta mill-mewt tal-ex uffiċjal.

124

Barra minn hekk, RN tallega li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, fl-evalwazzjoni tal-validità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, mhux biss ikkunsidrat l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-każ inkwistjoni, iżda, fil-punti 83 u 103 tat-tielet sentenza appellata, irrilevat li din id-dispożizzjoni kienet twassal għal żvantaġġ partikolari għal kategorija sħiħa ta’ persuni, jiġifieri l-konjuġi superstiti li żżewġu ex uffiċjal.

L‑evalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

125

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni RN, l-argument tal-Kummissjoni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha huwa ċar u għalhekk ma huwiex inammissibbli fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, permezz ta’ dan l-argument, dik l-istituzzjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma applikatx b’mod korrett il-kriterju li fid-dawl tiegħu kellha tiġi evalwata l-legalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

126

Fuq il-mertu, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 46 sa 48 tal-ewwel u tat-tieni sentenza appellata kif ukoll fil-punti 68 sa 70 tat-tielet sentenza appellata, ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 52(1) tal-Karta kif ukoll il-ġurisprudenza applikabbli għall-finijiet tal-istħarriġ tal-proporzjonalità ta’ differenza fit-trattament. Sussegwentement, hija ddeċidiet, fil-punt 49 tal-ewwel u tat-tieni sentenza appellata kif ukoll fil-punt 71 tat-tielet sentenza appellata, li, jekk is-sitwazzjonijiet imsemmija rispettivament fl-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kienu komparabbli, allura għandu jiġi vverifikat li ma kienx jidher irraġonevoli li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis li d-differenza fit-trattament stabbilita tista’ tkun xierqa u neċessarja għall-finijiet tat-twettiq tal-għan ta’ interess ġenerali li għandu jintlaħaq mill-kundizzjoni dwar it-tul minimu taż-żwieġ prevista fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Peress li kkonkludiet li s-sitwazzjonijiet huma komparabbli, hija wettqet din l-analiżi mill-punt 65 tal-ewwel sentenza appellata, mill-punt 66 tat-tieni sentenza appellata u mill-punt 90 tat-tielet sentenza appellata.

127

Issa, kif isostnu l-Kummissjoni u l-Kunsill, sostnuti mill-Parlament, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-preżenza ta’ regoli stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, jinkiser biss meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jagħmel distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata meta mqabbel mal-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Alvarez y Bejarano et vs Il‑Kummissjoni, C‑517/19 P u C‑518/19 P, EU:C:2021:240, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

128

Għandu jitqies li din il-ġurisprudenza hija applikabbli fil-kuntest tal-verifika tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità impost fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.

129

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 49 tal-ewwel u tat-tieni sentenza appellata kif ukoll fil-punt 71 tat-tielet sentenza appellata, li hija kellha tivverifika jekk kienx jidher irraġonevoli għal-leġiżlatur tal-Unjoni li jqis li d-differenza fit-trattament stabbilita tista’ tkun xierqa u neċessarja għall-finijiet tat-twettiq tal-għan ta’ interess ġenerali li għandu jintlaħaq mill-kundizzjoni dwar it-tul minimu taż-żwieġ prevista fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, hija kien imissha sempliċement tivverifika jekk id-distinzjoni magħmula f’din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 18 ta’ dan l-anness, kinitx tidher arbitrarja jew manifestament inadegwata fid-dawl tal-għan ta’ interess ġenerali li għandu jintlaħaq. B’dan il-mod, hija naqset milli tosserva l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha billi pproċediet b’mod żbaljat bl-eżami tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità u b’hekk wettqet żball ta’ liġi. Fil-fatt, mingħajr dan l-iżball, il-Qorti Ġenerali kienet tadotta raġunament differenti u tasal eventwalment għal konklużjonijiet differenti minn dawk li waslet għalihom fil-punti 80, 85 u 87 tal-ewwel sentenza appellata, fil-punti 84, 90 u 92 tat-tieni sentenza appellata kif ukoll fil-punti 105, 110 u 112 tat-tielet sentenza appellata.

130

Dan in-nuqqas ta’ osservanza tal-istħarriġ ġudizzjarju huwa rifless ukoll fil-punt 69 tal-ewwel sentenza appellata, fil-punt 71 tat-tieni sentenza appellata u fil-punt 94 tat-tielet sentenza appellata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali eżaminat, minn dawn il-punti, jekk il-kundizzjoni tat-tul minimu ta’ ħames snin ta’ żwieġ prevista fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, meħuda waħedha u indipendentement minn dik ta’ sena prevista fl-Artikolu 18 ta’ dan l-anness, kinitx, fil-kuntest tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, proporzjonata fis-sens li hija ma kinitx manifestament tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Issa, kif jirriżulta mill-punt 128 ta’ din is-sentenza, anki fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni tal-Karta, il-Qorti Ġenerali missha sempliċement eżaminat jekk id-distinzjoni kkonstatata f’dan il-każ, jiġifieri l-fatt li l-kundizzjoni tat-tul minimu taż-żwieġ hija, fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, ħames darbiet ogħla minn dik prevista għas-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 18 ta’ dan l-anness, minkejja li dawn is-sitwazzjonijiet kollha huma komparabbli, kellhiex titqies li hija arbitrarja jew manifestament inadegwata fir-rigward tal-għan, komuni għal dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, li għandu jintlaħaq mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

131

F’dawn iċ-ċirkustanzi u mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mqajma mill-Kummissjoni u mill-Kunsill, hemm lok li jintlaqgħu l-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel aggravju fil-Kawżi C‑116/21 P u C‑117/21 P, l-ewwel żewġ partijiet tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑118/21 P kif ukoll it-tieni aggravju fil-Kawżi C‑138/21 P u C‑139/21 P.

132

Għaldaqstant, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati t-tielet aggravju fil-Kawża C‑116/21 P, it-tielet parti tat-tieni aggravju u t-tielet aggravju fil-Kawża C‑117/21 P, it-tielet parti tat-tielet aggravju u r-raba’ aggravju fil-Kawża C‑118/21 P, it-tielet u r-raba’ aggravju fil-Kawża C‑138/21 P kif ukoll it-tielet aggravju fil-Kawża C‑139/21 P, l-appelli għandhom jintlaqgħu u t-tliet sentenzi appellati għandhom jiġu annullati.

Fuq ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali

133

Konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi definittivament it-tilwima hija stess meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

134

F’dan il-każ, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li r-rikorsi għal annullament fil-Kawżi T‑243/18, T‑315/19 u T‑442/17 RENV huma bbażati fuq motivi li kienu s-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-eżami tagħhom ma jeħtieġx li tiġi adottata l-ebda miżura addizzjonali ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ investigazzjoni tal-proċess, għandu jiġi kkunsidrat li dawn ir-rikorsi huma fi stat li jiġu deċiżi u li hemm lok li tingħata deċiżjoni definittiva dwarhom.

135

Sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-proċess komplet tal-kawżi għal dan l-għan, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, fuq talba f’dan is-sens mill-Imħallef Relatur, fil‑21 ta’ Jannar 2022, talab lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali jittrażmetti r-reġistrazzjoni awdjo tas-seduti miżmuma fil-Kawżi T‑243/18 u T‑315/19. Ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali wieġeb b’mod favorevoli għal din it-talba fil‑25 ta’ Jannar 2022.

Fuq ir‑rikors fil‑Kawża T‑243/18

136

Insostenn tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-Kawża T‑243/18, VW invokat, essenzjalment, żewġ motivi bbażati, prinċipalment, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u, sussidjarjament, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 27 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Hija eċċepixxiet ukoll, b’mod sussidjarju, l-illegalità ta’ din id-dispożizzjoni bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta.

Fuq l‑ewwel motiv ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal‑Artikolu 20 tal‑Anness VIII tar‑Regolamenti tal‑Persunal

137

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, fil-Kawża T‑243/18, VW issostni li l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, stabbiliti rispettivament fl-Artikolu 20 fl-Artikolu 52 tal-Karta, sa fejn, billi jimponi kundizzjoni ta’ tul minimu ta’ ħames snin taż-żwieġ filwaqt li l-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi biss tul ta’ sena, huwa jċaħħadha indebitament mill-benefiċċju ta’ pensjoni tas-superstiti.

138

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament u mill-Kunsill, tikkontesta dan l-argument.

139

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi u tirrispetta l-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

140

Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta huwa espressjoni partikolari tiegħu (sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2020, Veselības ministrija, C‑243/19, EU:C:2020:872, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn iż-żewġ prinċipji huma mfakkra wkoll fl-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal.

141

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, stabbilita fl-Artikolu 21(1) tal-Karta, għandha natura imperattiva bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, peress li din il-projbizzjoni hija suffiċjenti fiha nnifisha sabiex tikkonferixxi lill-individwi dritt invokabbli bħala tali f’tilwima bejniethom f’qasam kopert mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess għandu japplika għall-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi msemmi fl-Artikolu 20 tal-Karta.

142

Kif diġà ġie indikat fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi mil-leġiżlatur tal-Unjoni, konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm differenza fit-trattament ma tkunx oġġettivament iġġustifikata. Differenza fit-trattament tkun iġġustifikata meta tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun relatata ma’ għan legalment ammissibbli li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun proporzjonata għall-għan li għandu jintlaħaq mit-trattament ikkonċernat (sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2014, Glatzel, C‑356/12, EU:C:2014:350, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

143

Kif ġie espost fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, ir-rekwiżit dwar in-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom u, b’mod partikolari, fid-dawl tas-suġġett u tal-għan li għandu jintlaħaq mill-att li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni, peress li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għal dan l-għan, il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ dan l-att. Sa fejn is-sitwazzjonijiet ma humiex komparabbli, differenza fit-trattament tas-sitwazzjonijiet ikkonċernati ma tiksirx l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Karta.

144

Barra minn hekk, għandha titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imsemmija fil-punt 127 ta’ din is-sentenza, li tgħid li, fil-preżenza ta’ regoli stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jinkiser biss meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jagħmel distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata meta mqabbel mal-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

145

Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza u tar-rekwiżiti tal-Artikolu 52(1) tal-Karta li għandha tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, imqajma minn VW, fil-Kawża T‑243/18, fid-dawl tal-Artikoli 20 u 52 tal-Karta.

146

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi kkunsidrat, għar-raġunijiet indikati fil-punti 98 sa 113 ta’ din is-sentenza, li dawn is-sitwazzjonijiet huma komparabbli.

147

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, billi ppreveda, f’dawn id-dispożizzjonijiet tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, perijodi minimi ta’ żwieġ differenti, il-leġiżlatur tal-Unjoni ttratta sitwazzjonijiet komparabbli b’mod differenti.

148

Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament hijiex konformi mal-Artikolu 20 tal-Karta sa fejn tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tagħha u mfakkra fil-punt 139 ta’ din is-sentenza.

149

L-ewwel, huwa stabbilit li l-imsemmija differenza fit-trattament hija prevista mil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, peress li tirriżulta mill-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien mal-Artikolu 18 ta’ dan l-anness. Dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jipprevedu kundizzjonijiet ta’ tul minimu taż-żwieġ f’ċifri b’mod preċiż li jiddefinixxu l-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament (ara, fir-rigward tal-portata tar-rekwiżit li kwalunkwe limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għandha tkun prevista mil-liġi, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑401/19, EU:C:2022:297, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

150

It-tieni, il-limitazzjoni imposta fuq l-iskema tal-pensjonijiet tas-superstiti permezz tad-differenza fit-trattament inkwistjoni tosserva l-kontenut essenzjali tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Fil-fatt, din il-limitazzjoni ma tikkonfutax dan il-prinċipju bħala tali sa fejn din tirrigwarda biss il-kwistjoni, limitata, tal-kundizzjoni minima ta’ tul taż-żwieġ li l-konjuġi superstiti ta’ uffiċjali jew ta’ ex uffiċjali li mietu għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn pensjoni tas-superstiti, mingħajr ma dawn il-konjuġi jkunu mċaħħda mill-possibbiltà li jibbenefikaw minn tali pensjoni f’kull wieħed mill-każijiet previsti fl-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

151

It-tielet, l-imsemmija limitazzjoni tissodisfa għan ta’ interess ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jiġifieri dak intiż għall-prevenzjoni tal-abbuż ta’ dritt u tal-frodi, peress li l-projbizzjoni tagħhom tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-osservanza tiegħu hija meħtieġa mill-individwi (sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et, C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 49). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kundizzjoni li ż-żwieġ għandu jkun dam ċertu żmien sabiex il-konjuġi superstiti jibbenefika mill-pensjoni tas-superstiti hija intiża sabiex tiżgura r-realtà u l-istabbiltà tar-relazzjonijiet bejn il-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni, C‑460/18 P, EU:C:2019:1119, punt 89). Dan huwa kriterju uniformi u indistintament applikabbli għall-konjuġi superstiti kollha koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal li ma huwiex intiż li jippreżumi l-eżistenza ta’ abbuż jew ta’ frodi fir-rigward tal-konjuġi superstiti, iżda sabiex jipprevjeni t-twettiq ta’ tali abbuż jew frodi.

152

Fir-rigward, ir-raba’, tal-eżami ta’ proporzjonalità, jeħtieġ, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u minħabba s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tar-regoli stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal, li jiġi vverifikat, kif tfakkar fil-punti 127 u 144 ta’ din is-sentenza, jekk, bl-impożizzjoni ta’ tul minimu ta’ ħames snin taż-żwieġ fuq il-konjuġi superstiti li żżewġu uffiċjal wara t-tmiem tas-servizz ta’ dan tal-aħħar meta dan it-tul minimu ma jkunx, bis-saħħa tal-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, dak ta’ sena fil-każ ta’ żwieġ ikkuntrattat ma’ uffiċjali li għadu fis-servizz, l-Artikolu 20 ta’ dan l-anness jipprevedix distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata meta mqabbel mal-għan ta’ interess ġenerali mfakkar fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

153

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kundizzjoni ta’ tul minimu ta’ sena prevista fl-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal la hija arbitrarja u lanqas manifestament inadegwata fir-rigward ta’ dan l-għan, peress li din l-analiżi tgħodd mutatis mutandis għall-kundizzjoni ta’ tul minimu ta’ sena prevista fl-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni, C‑460/18 P, EU:C:2019:1119, punt 90).

154

Kif essenzjalment indikat il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill u mill-Parlament, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, la jidher arbitrarju u lanqas manifestament inadegwat li jkun meħtieġ, fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, tul minimu taż-żwieġ itwal minn dak previst fl-Artikolu 18 ta’ dan l-anness. Fil-fatt, fl-ipoteżi msemmija f’dan l-Artikolu 20, ikkaratterizzata mill-fatt li ż-żwieġ ikun seħħ wara t-tmiem tas-servizz tal-uffiċjal, l-inċentiv għall-abbużi jew għall-frodi jista’ jiġi ffavorit mill-ikbar prevedibbiltà u mill-ikbar viċinanza tal-mewt tal-uffiċjal peress li, bħal f’dan il-każ, dan it-tmiem iseħħ bħala effett tal-irtirar, fis-sens tal-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal.

155

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, billi ffissa fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tul minimu ta’ ħames snin taż-żwieġ sabiex jiġu evitati l-abbużi u l-frodi filwaqt li dan it-tul huwa biss ta’ sena fis-sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 18 ta’ dan l-anness, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, ma wettaqx distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata.

156

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat l-għan intiż li jippreżerva l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, imqajjem mill-Kummissjoni matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, id-differenza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal hija konformi mal-Artikolu 20 tal-Karta.

157

Għaldaqstant, l-ewwel motiv ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi miċħud.

Fuq it‑tieni motiv ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal‑Artikolu 27 tal‑Anness VIII tar‑Regolamenti tal‑Persunal u fuq eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ din id‑dispożizzjoni

158

Permezz tat-tieni motiv tagħha, fil-Kawża T‑243/18, VW issostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn, skont VW, din id-dispożizzjoni tista’ tiġi interpretata biss bħala li tkopri s-sitwazzjoni ta’ żwieġ li seħħ wara d-divorzju bejn persuni differenti. Sussidjarjament, VW teċċepixxi l-illegalità tal-imsemmija dispożizzjoni sa fejn din tikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità stabbiliti rispettivament fl-Artikolu 20 fl-Artikolu 52 tal-Karta.

159

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament u mill-Kunsill, tikkontesta dan l-argument billi tirreferi, b’mod partikolari, għall-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 27 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Wara li eċċepixxiet, fir-risposta tagħha, l-inammissibbiltà tat-tieni motiv, il-Kummissjoni ddikjarat, fil-kontroreplika tagħha, li tirrinunzja għal din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà f’dak li jirrigwarda l-parti prinċipali ta’ dan il-motiv, filwaqt li żammitha fir-rigward tal-parti sussidjarja tal-imsemmi motiv. F’dan l-aħħar rigward, hija tindika, b’mod partikolari, li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 27 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal hija inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza tar-rikors fir-rigward ta’ din il-parti tat-tieni motiv.

160

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-iżball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Kummissjoni fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi rrilevat, kif tenfasizza l-Kummissjoni fir-risposta tagħha, li, skont il-formulazzjoni ċara tiegħu, dan l-artikolu jirregola esklużivament id-dritt għal pensjoni tas-superstiti tal-konjuġi ddivorzjat minn uffiċjal jew minn ex uffiċjal. Issa, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi interpretat it-terminu “tiżżewweġ [mill-ġdid]”, li jinsab fit-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu, huwa stabbilit li, fid-data tal-mewt ta’ żewġha, VW kienet miżżewġa lil ex uffiċjal u mhux iddivorzjata minnu, b’tali mod li din kienet taqa’, fir-rigward tad-dritt tagħha għal pensjoni tas-superstiti, mhux taħt l-Artikolu 27 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda biss taħt l-Artikolu 20 ta’ dan l-anness. Dan l-artikolu ma huwiex, kif jirriżulta miċ-ċaħda tal-ewwel motiv, ivvizzjat b’illegalità u għalhekk ma jċaħħadx, fih innifsu, lill-konjuġi superstiti li jinsabu fis-sitwazzjoni ta’ VW milli jkunu jistgħu jibbenefikaw minn pensjoni tas-superstiti bil-kundizzjoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu 20.

161

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 27 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li r-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza għandu, b’mod partikolari, jindika s-suġġett tat-tilwima b’ċarezza u bi preċiżjoni suffiċjenti sabiex jippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-qorti tal-Unjoni twettaq l-istħarriġ tagħha. B’mod partikolari, it-talbiet tar-rikors għandhom ikunu fformulati b’mod inekwivoku sabiex jiġi evitat li l-qorti tal-Unjoni tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑3 ta’ Diċembru 2019, WB vs Il‑Kummissjoni, C‑271/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1037, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

162

Issa, għalkemm, minn perspettiva formali, ir-rikors ta’ VW jidentifika żewġ partijiet fil-kuntest tat-tieni motiv, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi meqjusa li huma insostenn tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, invokata sussidjarjament meta mqabbla mal-ewwel parti, tfasslu wisq fil-qosor sabiex jippermettu lill-qorti tal-Unjoni tevalwa l-fondatezza possibbli tagħha. Kemm it-titolu kif ukoll il-kontenut tiegħu huma magħmula minn kunsiderazzjonijiet ġenerali li ma jippermettux li jsir eżami preċiż tiegħu. B’mod partikolari, dan ir-rikors bl-ebda mod ma jispjega kif l-Artikolu 27 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità stabbiliti, rispettivament, fl-Artikolu 20 fl-Artikolu 52 tal-Karta.

163

Minn dan isegwi li, fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikors ippreżentat minn VW jikser ir-rekwiżiti tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u huwa, għal din ir-raġuni, inammissibbli.

164

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv u, għaldaqstant, ir-rikors ta’ VW fil-Kawża T‑243/18 għandhom jiġu miċħuda.

Fuq ir‑rikors fil‑Kawża T‑315/19

165

Insostenn tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-Kawża T‑315/19, BT, sostnuta mill-AIACE Internationale, invokat żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq illegalità tal-kundizzjoni ta’ tul minimu ta’ ħames snin taż-żwieġ stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u t-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal.

166

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament u mill-Kunsill, tikkontesta dan l-argument.

167

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-raġunament kollu adottat minn BT fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur, skont l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien mal-Artikolu 18 ta’ dan l-anness, tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età. B’hekk, BT tinvoka biss, minkejja l-preżentazzjoni formali, fir-rikors tagħha, ta’ żewġ motivi, motiv uniku bbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji.

168

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fir-replika tagħha, imbagħad, matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, BT speċifikat li hija sostniet ukoll ksur tad-dmir ta’ premura stabbilit fl-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal. Ċertament, ir-rikors isemmi biss ksur tal-Artikolu 1d b’tali mod li jista’ jiġi kkunsidrat li BT għamlet riferiment impliċitu għall-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, mill-argument żviluppat minn BT fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali ma jirriżultax li hija kellha l-intenzjoni li tikkritika xi ksur tad-dmir ta’ premura, peress li l-argumenti tagħha kienu fil-fatt ibbażati biss fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni ma fehmitx it-tieni motiv bħala li jirreferi għal ksur tad-dmir ta’ premura.

169

Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 161 ta’ din is-sentenza u fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni eċċepixxiet, waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, l-inammissibbiltà tal-motiv ibbażat fuq id-dmir ta’ premura, għandu jiġi kkunsidrat li t-tieni motiv imsemmi fil-punt 165 ta’ din is-sentenza, l-istess bħall-ewwel motiv, ma jistax jinftiehem bħala li jinkludi ksur tad-dmir ta’ premura msemmi fl-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal.

170

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari, għandu jiġi eżaminat l-uniku motiv ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

171

F’dan ir-rigward, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn din hija bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta u mfakkar fl-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, hemm lok li jsir riferiment għall-punti 139 sa 156 ta’ din is-sentenza u li tiġi miċħuda, għall-istess raġunijiet, din l-ewwel parti tal-motiv uniku.

172

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn din hija bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età kif stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta u mfakkar fl-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu, l-ewwel, jitfakkar, kif ġie indikat fil-punt 146 ta’ din is-sentenza, li s-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal huma komparabbli.

173

It-tieni, għandu jiġi rrilevat li, billi ppreveda, f’dawn l-Artikoli 18 u 20, perijodi minimi ta’ żwieġ differenti, il-leġiżlatur tal-Unjoni wettaq differenza fit-trattament indirettament ibbażata fuq l-età.

174

Fil-fatt, minn naħa, kif ġie kkonstatat fil-punti 99 u 154 ta’ din is-sentenza, is-sitwazzjonijiet koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal huma differenti fir-rigward tad-data tal-konklużjoni taż-żwieġ meta mqabbla mat-tmiem tas-servizz jew le tal-uffiċjal kif jirriżulta mill-Artikolu 47 tar-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, tali tmiem mis-servizz iseħħ, fil-biċċa l-kbira u kif jirriżulta essenzjalment mill-argument konkordanti tal-partijiet, bħala effett tal-irtirar, fis-sens tal-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, fid-dawl tal-fatt li, meħud fl-applikazzjoni l-iktar wiesgħa tiegħu, dan l-Artikolu 52 jipprevedi, hekk kif enfasizzat BT fir-replika tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-irtirar tal-uffiċjali intitolati għal pensjoni tal-irtirar, fis-sens tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, jista’ jseħħ bejn 58 u 70 sena, għandu jiġi kkonstatat li l-ex uffiċjali msemmija f’dan l-Artikolu 20 ġeneralment iżżewġu f’età iktar avvanzata mill-ex uffiċjali msemmija fl-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

175

Minn dan isegwi li l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien mal-Artikolu 18 ta’ dan l-anness, jistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq l-età tal-uffiċjal, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-fatt li l-uffiċjali jistgħu, skont l-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal, jirtiraw u jibbenefikaw minn pensjoni tal-irtirar b’differenza fl-età ta’ 12 sena fil-każijiet l-iktar estremi ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġi miċħud li din id-differenza fit-trattament hija bbażata fuq l-età (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Comune di Gesturi, C‑670/18, EU:C:2020:272, punti 26 sa 28).

176

It-tielet, għandu jsir riferiment għall-punti 148 sa 154 ta’ din is-sentenza u, għall-istess raġunijiet, għandu jiġi konkluż, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat l-għan intiż sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, imqajjem mill-Kummissjoni fil-kontroreplika tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, li d-differenza fit-trattament indirettament ibbażata fuq l-età, stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, hija konformi mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età kif stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta u mfakkar fl-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal.

177

Għaldaqstant, it-tieni parti tal-motiv uniku, ibbażata fuq illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, għandha tiġi miċħuda.

178

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-uniku motiv ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u, għaldaqstant, ir-rikors ta’ BT fil-Kawża T‑315/19, għandhom jiġu miċħuda.

Fuq ir‑rikors fil‑Kawża T‑442/17 RENV

179

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi definittivament dwar ir-rikors biss fil-limiti tat-tilwima li biha hija adita (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑833/19 P, EU:C:2021:950, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

180

Insostenn tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑442/17 RENV, RN invokat tliet motivi. Peress li l-ewwel u t-tielet motiv ġew miċħuda mill-Qorti Ġenerali fit-tielet sentenza appellata u RN ma kkontestatx, fil-kuntest ta’ appell inċidentali, il-fondatezza tal-partijiet ta’ dik is-sentenza ddedikati għal dawn iż-żewġ motivi, l-annullament tal-imsemmija sentenza, deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jqegħidx inkwistjoni lil din tal-aħħar sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-imsemmija motivi. Fil-fatt, RN setgħet ippreżentat appell inċidentali sabiex tikkontesta ċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tal-ewwel u tat-tielet motiv imressqa fl-ewwel istanza, peress li l-Artikolu 178(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jiddisponi li t-talbiet tal-appell inċidentali għandhom ikunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, mingħajr ma jillimitaw il-portata ta’ dawn it-talbiet għad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali hekk kif din tkun tinsab fid-dispożittiv ta’ dik id-deċiżjoni, bid-differenza tal-Artikolu 169(1) ta’ dawn ir-regoli, relatat mat-talbiet tal-appell. Fl-assenza ta’ tali appell inċidentali, it-tielet sentenza appellata hija, għaldaqstant, mogħnija bl-awtorità ta’ res judicata sa fejn l-ewwel u t-tielet motiv ġew miċħuda (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑833/19 P, EU:C:2021:950, punti 8182 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

181

Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi biss, fil-kuntest tar-rikors fil-Kawża T‑442/17 RENV, fuq it-tieni motiv invokat minn RN quddiem il-Qorti Ġenerali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkontestat, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv. Madankollu, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda, għall-istess raġunijiet bħal dawk imressqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 62 u 63 tat-tielet sentenza appellata, li barra minn hekk ma ġewx ikkontestati mill-Kummissjoni fl-appell tagħha.

182

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari, għandu jiġi rrilevat li, permezz tat-tieni motiv tagħha, RN issostni li l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien mal-Artikolu 18 ta’ dan l-anness, huwa illegali sa fejn jikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 20 u 21(1) tal-Karta u mfakkra fl-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

183

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, tikkontesta dan l-argument.

184

F’dan ir-rigward, għandu jsir riferiment għall-punti 171 sa 176 ta’ din is-sentenza u, għall-istess raġunijiet, it-tieni motiv u, għaldaqstant, ir-rikors ta’ RN fil-Kawża T‑442/17 RENV għandhom jiġu miċħuda.

Fuq l‑ispejjeż

185

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi t-tilwima hija stess, hija għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

186

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

187

Peress li l-aggravji ta’ VW ma ntlaqgħux wara li ntlaqgħu l-appelli u l-Kummissjoni kif ukoll il-Kunsill talbu rispettivament il-kundanna tagħha għall-ispejjeż, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet kemm fl-ewwel istanza fil-Kawża T‑243/18 kif ukoll f’dawn l-appelli fil-Kawżi C‑116/21 P u C‑139/21 P.

188

Peress li l-aggravji ta’ BT ma ntlaqgħux wara li ntlaqgħu l-appelli u l-Kummissjoni kif ukoll il-Kunsill talbu rispettivament il-kundanna tagħha għall-ispejjeż, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet kemm fl-ewwel istanza fil-Kawża T‑315/19 kif ukoll f’dawn l-appelli fil-Kawżi C‑117/21 P u C‑138/21 P.

189

Peress li l-aggravji ta’ RN ma ntlaqgħux wara li ntlaqa’ l-appell u l-Kummissjoni talbet il-kundanna tagħha għall-ispejjeż, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni kemm fl-ewwel istanza fil-Kawżi F‑104/15 u T‑442/17 RENV kif ukoll f’dawn l-appelli fil-Kawża C‑118/21 P. Mill-banda l-oħra, peress li l-Kummissjoni ma talbitx li RN tiġi kkundannata għall-ispejjeż fil-Kawża T‑695/16 P, hemm lok li kull waħda minn dawn il-partijiet tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħhom f’din il-kawża.

190

L-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprevedi li, meta intervenjent fl-ewwel istanza ma jkunx ippreżenta l-appell huwa stess, dan l-intervenjent jista’ jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-proċedura fl-appell biss jekk ikun ipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Meta tali intervenjent jipparteċipa fil-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li l-intervenjent għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

191

Skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-Parlament u l-AIACE Internationale, intervenjenti fl-ewwel istanza, li pparteċipaw fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom fil-kawżi kollha li fihom intervjenew fl-ewwel istanza u fl-appelli, inkluż, fir-rigward tal-Parlament, fil-Kawżi F‑104/15 u T‑695/16 P.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑16 ta’ Diċembru 2020, VW vs Il‑Kummissjoni (T‑243/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:619), tas‑16 ta’ Diċembru 2020, BT vs Il‑Kummissjoni (T‑315/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:622), u tas‑16 ta’ Diċembru 2020, RN vs Il‑Kummissjoni (T‑442/17 RENV, EU:T:2020:618), huma annullati.

2)

Ir-rikorsi ta’ VW fil-Kawża T‑243/18, ta’ BT fil-Kawża T‑315/19 u ta’ RN fil-Kawża T‑442/17 RENV huma miċħuda.

3)

VW hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kemm fil-Kawża T‑243/18 kif ukoll fil-Kawżi C‑116/21 P u C‑139/21 P.

4)

BT hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kemm fil-Kawża T‑315/19 kif ukoll fil-Kawżi C‑117/21 P u C‑138/21 P.

5)

RN hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea kemm fil-Kawżi F‑104/15 u T‑442/17 RENV kif ukoll fil-Kawża C‑118/21 P.

6)

Il-Kummissjoni Ewropea u RN huma kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom fil-Kawża T‑695/16 P.

7)

Il-Parlament Ewropew u l-Association internationale des anciens de l’Union européenne (AIACE Internationale) huma kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom fil-kawżi kollha li fihom intervjenew fl-ewwel istanza u fl-appelli, inkluż, fir-rigward tal-Parlament Ewropew, fil-Kawżi F‑104/15 u T‑695/16 P.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.