SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

20 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Konvenzjoni ta’ Montréal – Artikolu 17(1) – Responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru fil-każ ta’ mewt jew ta’ ferita fuq il-persuna subita minn passiġġier – Kunċett ta’ ‘ferita fuq il-persuna’ – Disturb ta’ stress posttrawmatiku subit minn passiġġiera waqt l-evakwazzjoni urġenti ta’ ajruplan”

Fil-Kawża C‑111/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Jannar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Frar 2021, fil-proċedura

BT

vs

Laudamotion GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, President tal-Awla, M. Safjan, N. Piçarra (Relatur), N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal BT, minn D. Heine, Rechtsanwalt,

għal Laudamotion GmbH, minn C. Peitsch, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, J. Heitz u M. Hellmann, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, K. Simonsson u G. Wilms, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Marzu 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) u tal-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montréal fit‑28 ta’ Mejju 1999, iffirmata mill-Komunità Ewropea fid‑9 ta’ Diċembru 1999 u approvata għan-nom tagħha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal‑5 ta’ April 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montréal”), li daħlet fis-seħħ, f’dak li jirrigwarda l-Unjoni Ewropea, fit‑28 ta’ Ġunju 2004.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn BT u Laudamotion GmbH, trasportatur bl-ajru, rigward talba għal kumpens imressqa minn BT minħabba disturb ta’ stress posttrawmatiku subit minħabba evakwazzjoni urġenti mill-ajruplan li kellu jittrasportaha.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

3

It-tieni, it-tielet u l-ħames premessa tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jipprovdu:

“[L-Istati Partijiet jirrikonoxxu] l-htiega li tigi mmodernizzata u kkonsolidata l-[Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, iffirmata f’Varsavja fit‑12 ta’ Ottubru 1929 (iktar ’il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Varsavja’)] u strumenti relatati;

[L-Istati Kontraenti jirrikonoxxu] l-importanza li tigi assigurata l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi fit-trasport internazzjonali bl-ajru u l-bżonn ghal kumpens ekwu bbażat fuq il-prinċipju ta’ restituzzjoni;

[…]

[…] l-azzjoni kollettiva mill-Istat għal armozzazzjoni u kodifikazzjoni akbar ta’ ċerti regoli li jirregolaw it-trasport internazzjonali bl-ajru permezz ta’ Konvenzjoni ġdida hija l-mezz l-aktar adegwat biex jiġi akkwistat bilanċ ekwu ta’ l-interessi”.

4

L-Artikolu 17 ta’ din il-konvenzjoni intitolat “Mewt u inġurji tal-passiġġieri – dannu lill-bagalji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“It-trasportatur huwa responsabbli ghad-danni sofferti fil-każ ta’ mewt jew inġurji personali [ferita fuq il-persuna] ta’ passiġġier sakemm biss l-inċident li kkawża l-mewt jew l-inġurja [ferita] seħħ abbord l-ajruplan jew tul xi operazzjonijiet ta’ imbark jew żbark.”

5

Skont l-Artikolu 29 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Bażi tal-pretensjonijiet”:

“Fil-trasport tal-passiggieri, bagalji u merkanzija, kull azzjoni ghal danni, tkun kif tkun fondata, kemm taht din il-Konvenzjoni jew taht kuntratt jew delitt jew xort’ ohra, tista’ tinġieb biss bla hsara ghall-kondizzjonijiet u dawn il-limiti ta’ responsabbiltà kif stabbiliti f’din il-Konvenzjoni […]”

Id‑dritt tal‑Unjoni

6

L-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 2027/97 tad‑9 ta’ Ottubru 1997 Regolament (KE) Nru 2027/97 d’ar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru fir-rigward tat-trasport ta’ passiġġieri u l-bagalji taghhom bl-ajru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 3, p. 489), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑13 ta’ Mejju 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 6, p. 246) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2027/97”), jipprovdi:

“Il-kuncetti misjuba f’dan ir-Regolament li mhumiex definiti fil-paragrafu 1 huma ekwivalenti ghal dawk użati fil-Konvenzjoni ta’ Montreal.”

7

L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Ir-responsabbiltà ta’ trasportatur bl-ajru [tal-Unjoni] fir-rigward ta’ passiggieri u l-bagalji taghhom tigi regolata mid-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni ta’ Montreal pertinenti ghal din ir-responsabbiltà.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

8

Fl‑1 ta’ Marzu 2019, BT imbarkat fuq titjira operata minn Laudamotion b’konnessjoni Londra (ir-Renju Unit) lejn Vjenna (l-Awstrija).

9

Mat-tlugħ, il-magna tax-xellug tal-ajruplan li kellu jwettaq din it-titjira splodiet, li wassal għall-evakwazzjoni tal-passiġġieri. BT ħarġet minn dan l-ajruplan billi użat ħruġ ta’ emerġenza u twaddbet għal diversi metri fl-arja minħabba r-riħ mill-magna tal-lemin li kienet għadha ma ntefghetx. Sussegwentement, hija ġiet iddijanjostikata b’disturb ta’ stress posttrawmatiku, li għalih hija segwita medikament.

10

BT ippreżentat quddiem il-Bezirksgericht Schwechat (il-Qorti Distrettwali ta’ Schwechat, l-Awstrija) rikors kontra Laudamotion intiż sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà tagħha, skont l-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, kif ukoll sabiex tikseb il-ħlas tas-somma ta’ EUR 4 353.60 bħala spejjeż mediċi inkorsi, u ta’ EUR 2500 bħala kumpens, għad-danni morali, miżjuda bl-ispejjeż. Hija sostniet li, f’kull każ, ir-responsabbiltà ta’ Laudamotion hija stabbilita skont id-dritt Awstrijak, applikabbli b’mod komplementari.

11

Fid-difiża tagħha, Laudamotion sostniet li l-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal ikopri biss il-feriti fuq il-persuna fis-sens strett, u mhux id-disturbi purament psikiċi, u żiedet li d-dritt Awstrijak ma huwiex applikabbli għall-kawża prinċipali, skont l-Artikolu 29 ta’ din il-konvenzjoni.

12

Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, il-Bezirksgericht Schwechat (il-Qorti Distrettwali ta’ Schwechat) laqgħet ir-rikors. Din il-qorti kkunsidrat li l-kawża prinċipali ma kinitx taqa’ taħt l-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, peress li din id-dispożizzjoni tipprevedi r-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru biss għal feriti fuq il-persuna. Madankollu, hija ddeċidiet li r-responsabbiltà ta’ Laudamotion kienet stabbilita skont id-dritt Awstrijak, li jipprovdi kumpens għal dannu purament psikiku fil-każ fejn dan jilħaq livell patoloġiku.

13

Adita b’appell minn Laudamotion, il-Landesgericht Korneubourg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneubourg, l-Awstrija), permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ April 2020, annullat is-sentenza tal-ewwel istanza u ċaħdet ir-rikors għad-danni. Din il-qorti kkunsidrat mhux biss, bħall-Bezirksgericht Schwechat (il-Qorti Distrettwali ta’ Schwechat), li l-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal ma japplikax f’każ ta’ feriti mhux fuq il-persuna, iżda wkoll li l-Artikolu 29 ta’ din il-konvenzjoni jeskludi l-applikazzjoni tad-dritt Awstrijak.

14

Għalhekk BT adixxiet lill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju, b’rikors għal reviżjoni kontra din is-sentenza.

15

Din il-qorti għadha dubji dwar il-kwistjoni jekk il-kunċett ta’ “ferita fuq il-persuna” fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, ikoprix ukoll id-disturbi purament psikiċi u jekk, fil-każ ta’ risposta negattiva, azzjoni għad-danni bbażata fuq id-dritt nazzjonali hijiex eskluża skont l-Artikolu 29 ta’ din il-konvenzjoni.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Disturb tas-saħħa mentali ta’ passaġġier, ikkawżat minn inċident u li jilħaq livell patoloġiku, jikkostitwixxi ‘inġurja personali [offiża fuq il-persuna]’ fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-[Konvenzjoni ta’ Montréal]?

2)

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv[, l]-Artikolu 29 tal-imsemmija konvenzjoni jipprekludi azzjoni għal kumpens li tista’ teżisti taħt id-dritt nazzjonali applikabbli?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

17

Din id-domanda għandha tinftiehem fis-sens li tistabbilixxi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandux jiġi interpretat fis-sens li ferita psikika li tilħaq livell patoloġiku, ikkawżata lil passiġġier permezz ta’ “inċident”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandhiex tiġi kkumpensata konformement mal-imsemmija dispożizzjoni.

18

L-ewwel, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2027/97, ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni fir-rigward tal-passiġġieri u tal-bagalji tagħhom hija rregolata mid-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni ta’ Montréal relatati ma’ din ir-responsabbiltà.

19

Skont l-Artikolu 17(1) ta’ din il-konvenzjoni, it-trasportatur bl-ajru huwa responsabbli għad-dannu li jkun seħħ fil-każ ta’ mewt jew ta’ ferita fuq il-persuna mġarrba minn passiġġier, b’dan biss li l-inċident li kkawża l-mewt jew il-ferita jkun seħħ abbord l-ajruplan jew matul l-operazzjonijiet kollha ta’ imbark jew ta’ żbark.

20

Il-kunċett ta’ “ferita fuq il-persuna” msemmi f’din id-dispożizzjoni madankollu la huwa ddefinit fil-Konvenzjoni ta’ Montréal u lanqas fir-Regolament Nru 2027/97, li l-Artikolu 2(2) tiegħu jipprovdi li l-kunċetti li jinsabu f’dan ir-regolament li ma humiex iddefiniti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu huma ekwivalenti għal dawk użati f’din il-konvenzjoni.

21

Dan il-kunċett għandu jingħata, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, li huwa li jiġu unifikati ċerti regoli dwar it-trasport bl-ajru internazzjonali, interpretazzjoni uniformi u awtonoma għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2010, Walz, C‑63/09, EU:C:2010:251, punt 21). Għalhekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux id-diversi tifsiriet li jistgħu jingħataw lill-imsemmi kunċett fid-dritt intern tal-Istati Membri, iżda regoli ta’ interpretazzjoni tad-dritt internazzjonali ġenerali li huma vinkolanti għall-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Niki Luftfahrt, C‑532/18, EU:C:2019:1127, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331), li jirrifletti d-dritt internazzjonali konswetudinarju u li d-dispożizzjonijiet tiegħu jifformaw parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK, C‑266/16, EU:C:2018:118, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata), jippreċiża li trattat għandu jiġi interpretat in bona fide, skont is-sens ordinarju li għandu jingħata lit-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u tal-iskop tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Niki Luftfahrt, C‑532/18, EU:C:2019:1127, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, l-Artikolu 32 ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi li jista’ jsir riferiment għal metodi komplementari ta’ interpretazzjoni, b’mod partikolari, għax-xogħol preparatorju tat-trattat inkwistjoni u għaċ-ċirkustanzi li fihom kien ġie konkluż.

23

Fir-rigward tas-sens ordinarju tal-kunċett ta’ “ferita fuq il-persuna” previst fl-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, għandu jiġi enfasizzat, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tiegħu, li t-terminu “ferita” jindika l-bidla ta’ organu, ta’ tessut jew ta’ ċellula, minħabba mard jew inċident, filwaqt li l-terminu “fuq il-persuna” jirreferi għall-parti materjali ta’ ħlejqa ħajja, jiġifieri l-ġisem tal-bniedem.

24

Issa, għalkemm il-kunċett ta’ “ferita fuq il-persuna”, fis-sens ordinarju tiegħu, ma jistax jiġi interpretat bħala li jeskludi ferita psikika marbuta ma’ tali ferita fuq il-persuna, is-sitwazzjoni hija differenti fir-rigward, bħal f’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ ferita psikika medikament ipprovata, li ma għandha l-ebda rabta ma’ ferita fuq il-persuna, fis-sens ordinarju ta’ dan il-kunċett. Fil-fatt, tali interpretazzjoni twassal sabiex tnaqqas id-distinzjoni bejn ferita fuq il-persuna u ferita psikika.

25

Madankollu, il-fatt li l-kunċett ta’ “ferita fuq il-persuna” kien ġie adottat fil-formulazzjoni tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal ma jippreżumix neċessarjament li l-awturi ta’ din il-konvenzjoni kellhom l-intenzjoni li jeskludu, fil-każ ta’ “inċident”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru meta dan l-inċident ikun ikkawża feriti psikiċi lil passiġġier li ma huma marbuta ma’ ebda ferita fuq il-persuna li għandha l-istess kawża.

26

Fir-rigward tax-xogħol preparatorju li wassal għall-adozzjoni tal-imsemmija konvenzjoni, jirriżulta minn dan, ċertament, li ebda waħda mill-proposti intiżi li jinkludu speċifikament il-kunċett ta’ “ferita psikika” fit-test tal-Konvenzjoni ta’ Montréal ma rnexxiet. Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dan ix-xogħol jirriżulta wkoll li l-kunċett ta’ “ferita fuq il-persuna” inżamm “fuq il-bażi li, f’ċerti Stati, danni għal feriti psikiċi huma rkuprabbli taħt ċerti kundizzjonijiet, li l-ġurisprudenza tiżviluppa f’dan il-qasam, u li ma kienx hemm il-ħsieb li jkun hemm interferenza ma’ dan l-iżvilupp, li jiddependi mill-ġurisprudenza f’oqsma li ma humiex it-trasport bl-ajru internazzjonali” (minuti tal-laqgħa 6 tal-Kumitat Plenarju, tas‑27 ta’ Mejju 1999, waqt il-Konferenza Internazzjonali tad-Dritt tal-Ajru, Montréal, mill‑10 sat‑28 ta’ Mejju 1999, vol. I, minuti, p. 243).

27

Fir-rigward, barra minn hekk, tal-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, għandu jitfakkar li fosthom hemm, skont it-tieni u t-tielet premessa ta’ din il-konvenzjoni, minbarra l-modernizzazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja, dak li tiġi żgurata “l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi fit-trasport internazzjonali bl-ajru u l-bżonn ghal kumpens ekwu bbażat fuq il-principju ta’ restituzzjoni”, b’mod partikolari fil-każ ta’ inċident, permezz ta’ sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva tat-trasportaturi bl-ajru. Issa, in-neċessità ta’ kumpens ekwu, li teħtieġ ukoll li tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament tal-passiġġieri li jkunu sofrew feriti, kemm jekk ikunu fiżiċi jew psikiċi, tal-istess gravità bħala konsegwenza tal-istess inċident, tiġi kkontestata jekk l-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal kien interpretat fis-sens li jeskludi l-kumpens għall-feriti psikiċi kkawżati minn tali inċident, meta dawn ma huma marbuta ma beda ferita fuq il-persuna.

28

Fil-fatt, is-sitwazzjoni ta’ passiġġier li jkun sofra ferita fuq il-persuna bħala konsegwenza ta’ inċident tista’, minħabba l-gravità tad-dannu li jirriżulta minnha, tirriżulta paragunabbli ma’ dik ta’ passiġġier li jkun sofra ferita psikika.

29

Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jippermetti l-kumpens ta’ ferita psikika kkawżata minn “inċident”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li ma tkunx marbuta ma’ “ferita fuq il-persuna” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

30

Madankollu, in-neċessità ta’ kumpens ekwu għandha tiġi rrikonċiljata, hekk kif jirriżulta mill-ħames premessa tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, man-neċessità li jinżamm “bilanc ekwu ta’ l-interessi” tat-trasportaturi bl-ajru u tal-passiġġieri. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Niki Luftfahrt, C‑532/18, EU:C:2019:1127, punt 36, u tat‑12 ta’ Mejju 2021, Altenrhein Luftfahrt, C‑70/20, EU:C:2021:379, punt 36).

31

Għalhekk, ir-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru tista’ tiġi stabbilita biss, abbażi tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, jekk il-passiġġier li ssubixxa ferita juri, b’mod suffiċjenti fid-dritt, permezz b’mod partikolari ta’ perizja medika u ta’ dokumenti ta’ sostenn tal-kura medika, l-eżistenza ta’ ħsara għall-integrità psikika tiegħu, subita b’konsegwenza ta’ “inċident”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ta’ gravità jew ta’ intensità tali li taffettwa l-istat ta’ saħħa ġenerali tiegħu, fid-dawl b’mod partikolari tal-effetti psikosomatiċi tagħha, u li din ma tistax tmur mingħajr trattament mediku.

32

Din l-interpretazzjoni tippermetti kemm lill-passiġġieri li ssubixxew ferita li jiġu kkumpensati b’mod ekwu, konformement mal-prinċipju ta’ kumpens, u lit-trasportaturi bl-ajru li jipproteġu ruħhom kontra talbiet għal kumpens frawdolenti li jimponu fuqhom ammont ta’ kumpens kbir ħafna, diffiċilment identifikabbli u kalkolabbli, li jista’ jikkomprometti, jew saħansitra jipparalizza l-attività ekonomika tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Niki Luftfahrt, C‑532/18, EU:C:2019:1127, punt 40).

33

Fid-dawl tal-motivi preċedenti, l-ewwel domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandu jiġi interpretat fis-sens li ferita psikika kkawżata lil passiġġier minħabba “inċident”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li ma hijiex marbuta ma’ “ferita fuq il-persuna”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, għandha tiġi kkumpensata bl-istess mod bħal tali ferita fuq il-persuna, sa fejn il-passiġġier li ssubixxa ferita juri l-eżistenza ta’ ħsara għall-integrità psikika tiegħu ta’ gravità jew ta’ intensità tali li taffettwa l-istat ta’ saħħa ġenerali tiegħu u li din ma tistax tmur mingħajr trattament mediku.

Fuq it‑tieni domanda

34

Fid-dawl tal-fatt li t-tieni domanda saret mill-qorti tar-rinviju biss fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda u li din ingħatat risposta affermattiva, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l‑ispejjeż

35

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montréal fit‑28 ta’ Mejju 1999, iffirmata mill-Komunità Ewropea fid‑9 ta’ Diċembru 1999 u approvata għan-nom tagħha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal‑5 ta’ April 2001,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

ferita psikika kkawżata lil passiġġier minħabba “inċident”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li ma hijiex marbuta ma’ “ferita fuq il-persuna”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, għandha tiġi kkumpensata bl-istess mod bħal tali ferita fuq il-persuna, sa fejn il-passiġġier li ssubixxa ferita juri l-eżistenza ta’ ħsara għall-integrità psikika tiegħu ta’ gravità jew ta’ intensità tali li taffettwa l-istat ta’ saħħa ġenerali tiegħu u li din ma tistax tmur mingħajr trattament mediku.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.