SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

28 ta’ April 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Leġiżlazzjoni dwar l-ikel – Regolament (KE) Nru 2073/2005 – Kriterji mikrobijoloġiċi applikabbli għall-prodotti tal-ikel – Artikolu 1 – Anness I – Laħam frisk tat-tjur – Kontroll, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, tal-preżenza tas-salmonelli elenkati fil-punt 1.28 tal-Kapitolu I ta’ dan l-anness – Kontroll tal-preżenza ta’ mikroorganiżmi patoġeniċi oħra – Regolament (KE) Nru 178/2002 – Artikolu 14(8) – Setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali – Portata”

Fil-Kawża C‑89/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Frar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Frar 2021, fil-proċedura

“Romega” UAB

vs

Valstybinė maisto ir veterinarijos tarnyba,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Jääskinen, President tal-Awla, M. Safjan u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “Romega” UAB, minn M. Endzinas, advokatas, u R. Čiupkevičius,

għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis u R. Dzikovič, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Pavliš u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, inizjalment minn M. Wolff, L. Teilgård u J. Nymann-Lindegren, sussegwentement minn M. Wolff, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Fiandaca, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Farrell, I. Galindo Martín u A. Steiblytė, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 kif ukoll tal-punt 1.28 tal-Kapitolu 1 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal‑15 ta’ Novembru 2005 dwar il-kriterji mikrobijoloġiċi applikabbli għall-prodotti tal-ikel (ĠU 2005, L 338, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1086/2011 tas‑27 ta’ Ottubru 2011 (ĠU 2011, L 281, p. 7, rettifika fil-ĠU 2015, L 68, p. 90) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2073/2005”), u tal-Artikolu 14(1), (2) u (8) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat‑28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, rettifiki fil-ĠU 2014, L 327, p. 9 u fil-ĠU 2016, L 227, p. 5).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Romega” UAB, bejjiegħa bl-ingrossa tal-laħam tat-tjur, u Valstybinė maisto ir veterinarijos tarnyba (is-Servizz Nazzjonali tal-Prodotti tal-Ikel u fil-Qasam Veterinarju, il-Litwanja) (iktar ’il quddiem l-“awtorità Litwana”) dwar id-deċiżjoni ta’ din l-awtorità li timponi multa fuq Romega u li tordnalha tirtira mis-suq il-laħam tat-tjur li fih instabet il-preżenza ta’ ċerti serotipi ta’ salmonella.

Il‑kuntest ġuridiku

Ir‑Regolament Nru 178/2002

3

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 178/2002, intitolat “Għan u kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi li:

“Dan ir-Regolament jipprovdi l-bażi għall-assigurazzjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-interessi tal-konsumatur li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ikel, waqt li jingħata kont b’mod partikolari tad-diversità fil-provvista ta’ l-ikel inklużi prodotti tradizzjonali, waqt li jiġi żgurat it-tħaddim effettiv tas-suq intern. […]”

4

L-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ħtiġijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel”, jgħid li:

“1.   L-ikel m’għandux jitqiegħed fuq is-suq jekk ma jkunx tajjeb.

2.   L-ikel għandu jitqies li ma jkunx tajjeb jekk ikun meqjus li:

(a)

jkun ta’ħsara għas-saħħa;

(b)

ma jkunx tajjeb għall-konsum uman.

3.   Biex jiġi stabbilit jekk l-ikel ikunx tajjeb, għandu jingħata kont ta’:

(a)

l-kondizzjonijiet normali ta’ l-użu ta’ l-ikel mill-konsumatur, u f’kull stadju tal-produzzjoni, ipproċessar u tqassim, u

(b)

t-tagħrif ipprovdut lill-konsumatur, inkluż it-tagħrif fuq it-tikketta, jew xi tagħrif ieħor ġeneralment disponibbli għall-konsumatur dwar l-iskartar ta’ effetti speċifiċi kuntrarji għas-saħħa minn xi ikel partikolari jew kategorija ta’ ikel.

4.   Biex jiġi stabbilit jekk xi ikel ikunx ta’ ħsara għas-saħħa, għandu jingħata kont ta’:

(a)

mhux biss l-effetti probabbli immedjati u/jew fi żmien qasir u/jew fi żmien fit-tul ta’ dak l-ikel fuq is-saħħa tal-bniedem li jikkunsmah, iżda wkoll tal-ġenerazzjonijiet li jiġu wara;

(b)

l-effetti probabbli tossiċi kumulattivi;

(ċ)

għas-sensittivitajiet partikolari tas-saħħa ta’ xi kategorija speċifika ta’ konsumaturi fejn l-ikel ikun maħsub għal dik il-kategorija ta’ konsumaturi.

5.   Biex jiġi stabbilit jekk l-ikel ikunx tajjeb għall-konsum uman, għandu jingħata kont ta’ jekk l-ikel ikunx aċċettabbli jew le għall-konsum uman skond l-użu maħsub tiegħu, minħabba raġunijiet ta’ kontaminazzjoni, sew b’materjal estraneju jew mod ieħor, jew minħabba putrifikazzjoni, deterjorament jew tħassir.

[…]

7.   Ikel li jkun jikkonforma mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Komunità li jirregolaw is-sigurtà ta’ l-ikel għandu jitqies li jkun tajjeb sal-limitu li huma kkonċernati l-aspetti koperti bid-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Komunità.

8.   Il-konformità ta’ ikel mad-dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għa[l] dak l-ikel m’għandhiex iżżomm lill-awtoritajiet kompetenti milli jieħdu miżuri adattati biex jimponi restrizzjonijiet fuq it-tqegħid tiegħu fis-suq jew li jeħtieġu l-irtirar tiegħu mis-suq meta jkun hemm raġunijiet ta’ suspett, li minkejja dik il-konformità, dak l-ikel ma jkunx tajjeb.

[…]”

Ir‑Regolament Nru 2073/2005

5

Skont il-premessi 1 u 3 tar-Regolament Nru 2073/2005:

“(1)

Il-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tas-saħħa tal-annimali hija waħda mill-għanijiet fundamentali tal-leġiżlazzjoni dwar l-ikel, kif jistabbilixxi r-Regolament [Nru 178/2002]. Ir-riskji mikrobijoloġiċi marbuta mal-prodotti tal-ikel jikkostitwixxu sors prinċipali ta’ mard uman ikkawżat mill-ikel.

[…]

(3)

[…] Għal fini ta’ kontribuzzjoni għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika u sabiex jiġu evitati interpretazzjonijiet differenti, għandhom jiġu ddefiniti kriterji ta’ sigurtà armonizzati dwar l-aċċettabbiltà tal-prodotti tal-ikel, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-preżenza ta’ ċerti mikroorganiżmi patoġeniċi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għan u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi li:

“Dan ir-regolament jistipula kriterji mikrobijoloġiċi applikabbli għal ċerti mikroorganiżmi u r-regoli ta’ implimentazzjoni li l-operaturi fis-settur tal-ikel għandhom josservaw meta jimplimentaw il-miżuri ġenerali u speċifiċi ta’ iġjene […] L-awtorità kompetenti għandha tivverifika l-osservanza tar-regoli u tal-kriterji stabbiliti f’dan ir-regolament […], bla ħsara għad-dritt tagħha li tieħu kampjuni u analiżijiet oħra sabiex tidentifika u tkejjel mikroorganiżmi oħra, it-tossini jew il-metaboliti tagħhom, fil-kuntest jew ta’ verifika tal-proċess, fir-rigward tal-prodotti tal-ikel issuspettati li jkunu ta’ perikolu, jew għal analiżi tar-riskji.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, intitolat “Rekwiżiti ġenerali”, jimponi fuq l-operaturi fis-settur tal-ikel l-obbligu li jiżguraw li l-prodotti tal-ikel josservaw il-kriterji mikrobijoloġiċi rilevanti stabbiliti fl-Anness I. Dan l-anness jinkludi l-Kapitolu I, intitolat “Kriterji ta’ sigurtà tal-prodotti tal-ikel”, li, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/229 tas‑7 ta’ Frar 2019 (ĠU 2019, L 37, p. 106), jipprevedi, fil-punt 1.28 tiegħu, li:

“Kategorija tal-prodotti tal-ikel

Mikroorganiżmi/tossini, metaboliti

Pjan ta’ teħid ta’ kampjuni (1)

Limiti (2)

Metodu analitiku ta’ referenza (3)

Stadju fejn japplika l-kriterju

N

c

m

M

1.28 Laħam frisk tat-tjur (20)

Salmonella Typhimurium (21) Salmonella Enteritidis

5

0

Mhux misjub f’25 g

EN ISO 6579‑1 (għall-individwazzjoni) – L-iskema ta’ White- Kaufmann-Le Minor (għas-serotipizzazzjoni)

Prodotti mqiegħda fis-suq matul il-perijodu ta’ żmien ta’ skadenza tagħhom

[…]

(20) Dan il-kriterju għandu japplika għal-laħam frisk minn qatgħat għat-tgħammir ta’ Gallus gallus, tiġieġ tal-bajd, kappuċċelli u qatgħat tat-tgħammir u għat-tismin ta’ dundjani.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Ir‑Regolament Nru 1086/2011

8

Il-premessi 9 u 10 tar-Regolament Nru 1086/2011 huma fformulati kif ġej:

“(9)

Skont ir-Rapport Komunitarju fil-Qosor mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel dwar ix-xejriet u s-sorsi ta’ żoonożi, u aġenti żoonotiċi u tifqigħat li jinġarru fl-ikel fl-Unjoni Ewropea fl‑2008 [The EFSA Journal (2010) ; 8(1) : 1496], b’mod simili għas-snin ta’ qabel, madwar 80 % tal-każijiet ta’ salmonellosi umana huma kkawżati mis-Salmonella enteritidis u s-Salmonella typhimurium. Il-laħam tat-tjur jibqa’ sors ewlieni ta’ salmonellosi umana.

(10)

L-issettjar ta’ kriterju għas-Salmonella enteritidis u s-Salmonella typhimurium jipprovdu l-aqwa bilanċ bejn it-tnaqqis ta’ salmonellosi umana attribwita għall-konsum ta’ laħam tat-tjur u l-konsegwenzi ekonomiċi tal-applikazzjoni ta’ dak il-kriterju. Fl-istess ħin, dan jinkoraġġixxi lill-operaturi tan-negozju tal-ikel biex jieħdu miżuri fi stadji preċedenti tal-produzzjoni tat-tjur li jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tas-serotipi kollha tas-Salmonella b’sinifikat għas-saħħa pubblika. Li wieħed jiffoka fuq dawk iż-żewġ serotipi jkun konsistenti wkoll mal-miri tal-Unjoni stabbiliti għall-produzzjoni primarja tat-tjur.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

Fid‑19 ta’ Ottubru 2018, wara komunikazzjoni ta’ twissija rapida li tindika li mikroorganiżmi patoġeniċi tal-ispeċi Salmonella Kentucky kienu nstabu f’laħam frisk tat-tjur li joriġina mill-Polonja, l-awtorità Litwana wettqet kontroll fil-konfront ta’ Romega. Matul dan il-kontroll, il-preżenza ta’ dan is-serotip ta’ salmonella nstab fil-laħam frisk tat-tjur li Romega kienet qiegħdet fis-suq. Permezz ta’ digriet tal‑4 ta’ April 2019, din l-awtorità imponiet fuqha multa fl-ammont ta’ EUR 540 għall-ksur, b’mod partikolari, tal-Artikolu 14(1) u (2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 178/2002.

10

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ April 2019, l-awtorità Litwana, wara li kkonstatat il-preżenza ta’ Salmonella infantis f’laħam frisk tat-tjur imqiegħda fis-suq minn Romega, ipprojbixxiet lil din tal-aħħar milli tkompli tqiegħed fis-suq tali laħam u ordnatilha tirtira u teqred dawk diġà mqiegħda fis-suq.

11

Romega adixxiet lill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja) b’rikors intiż għall-annullament tad-digriet tal‑4 ta’ April 2019 u tad-deċiżjoni tat‑12 ta’ April 2019. Dan ir-rikors ġie miċħud permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2019 li minnha Romega appellat quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija ssostni, essenzjalment, li l-punt 1.28 tal-Kapitolu I tal-Anness I tar-Regolament Nru 2073/2005 jipprojbixxi l-preżenza, fil-laħam frisk tat-tjur, biss tas-Salmonella Enteritidis u tas-Salmonella Typhimurium. Skont Romega, il-preżenza ta’ salmonelli oħra, bħall-Salmonella Kentucky jew il-Salmonella infantis, f’dan il-laħam ma tippermettix li jitqiesu bħala prodotti tal-ikel perikolużi, fis-sens tal-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament Nru 178/2002.

12

L-awtorità Litwana, min-naħa tagħha, tqis li, peress li s-setgħa tagħha li tiżgura l-osservanza tar-regoli u tal-kriterji stabbiliti fir-Regolament Nru 2073/2005 hija, skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, bla ħsara għad-dritt tagħha li tieħu kampjuni u analiżijiet oħra, hija awtorizzata tivverifika, fil-laħam frisk tat-tjur, il-preżenza mhux biss ta’ serotipi ta’ salmonella elenkati fil-punt 1.28 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-imsemmi regolament, iżda wkoll ta’ serotipi ta’ salmonella li ma jissemmewx fih. L-assenza, f’dan il-laħam, ta’ serotipi ta’ salmonella elenkati f’dan il-punt 1.28 ma tippermettix li jitqiesu awtomatikament li huma siguri għall-finijiet tal-konsum mill-bniedem.

13

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, sabiex ikun konformi mal-punt 1.28 tal-Kapitolu I tal-Anness I tar-Regolament Nru 2073/2005, il-laħam frisk tat-tjur ma għandu jkollu l-ebda wieħed miż-żewġ serotipi ta’ salmonella msemmija fih, jiġifieri s-Salmonella Typhimurium u l-Salmonella enteritidis. Madankollu, peress li dan il-kriterju ġie introdott mir-Regolament Nru 1086/2011, din il-qorti tistaqsi, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan, imsemmi fil-premessa 10 ta’ dan l-aħħar regolament, li jitnaqqsu l-każijiet ta’ salmonellożi tal-bniedem ikkawżati mill-konsum ta’ laħam frisk tat-tjur, dwar il-portata tas-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-awtoritajiet kompetenti sabiex jikkontrollaw il-preżenza, f’dan il-laħam, ta’ serotipi ta’ salmonella oħra minbarra dawk elenkati f’dan il-punt 1.28 tar-Regolament Nru 2073/2005 jew ta’ mikroorganiżmi patoġeniċi oħra.

14

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva, minn naħa, li, għalkemm il-kriterji stabbiliti f’dan l-anness japplikaw biss għaż-żewġ serotipi ta’ salmonella, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2073/2005 jindika b’mod ċar li l-awtorità kompetenti tista’ tieħu kampjuni u analiżijiet oħra bil-għan li jinstabu u jitkejlu mikroorganiżmi oħra, it-tossini jew il-metaboliti tagħhom, fil-kuntest jew ta’ verifika tal-proċess, fir-rigward tal-prodotti tal-ikel issuspettati li jkunu ta’ perikolu, jew għal analiżi tar-riskji. Min-naħa l-oħra, din il-qorti tosserva li l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 178/2002 jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tal-ikel perikolużi, peress li l-paragrafu 8 ta’ dan l-artikolu jattribwixxi setgħa diskrezzjonali sinjifikattiva għal dan il-għan lill-awtoritajiet kompetenti.

15

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“L-Artikolu 1 tar-Regolament [Nru 2073/2005] u l-Artikolu 14(8) tar-Regolament [Nru 178/2002] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jagħtu diskrezzjoni lill-awtoritajiet superviżorji kompetenti ta’ Stat Membru sabiex jiddeterminaw li laħam frisk tat-tjur li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fir-Ringiela 1.28 tal-Kapitolu 1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 2073/2005 jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament Nru 178/2002 meta prodott tal-ikel li jaqa’ taħt din il-kategorija tal-ikel ikun ikkontaminat minn serotipi tas-Salmonella li ma humiex dawk indikati fir-Ringiela 1.28 tal-Kapitolu 1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 2073/2005, bħalma ġie stabbilit fil-kawża prinċipali?”

Fuq id-domanda preliminari

16

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2073/2005, moqri flimkien mal-Artikolu 14(8) tar-Regolament Nru 178/2002, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tittratta bħala perikoluża, fis-sens tal-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament Nru 178/2002, il-kategorija ta’ prodotti tal-ikel li jikkonsistu f’laħam frisk tat-tjur li fih ikunu nstabu mikroorganiżmi patoġeniċi oħra minbarra s-serotipi ta’ salmonella msemmija fil-punt 1.28 tal-Kapitolu I tal-Anness I tar-Regolament Nru 2073/2005.

17

Qabelxejn, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 2073/2005 jistabbilixxi, konformement mal-Artikolu 1 tiegħu, “il-kriterji mikrobijoloġiċi applikabbli għal ċerti mikroorganiżmi” fis-settur tal-ikel u jawtorizza lill-awtorità kompetenti mhux biss tivverifika l-osservanza ta’ dawn il-kriterji, iżda wkoll sabiex “tieħu kampjuni u analiżijiet oħra sabiex tidentifika u tkejjel mikroorganiżmi oħra, it-tossini jew il-metaboliti tagħhom, fil-kuntest jew ta’ verifika tal-proċess, fir-rigward tal-prodotti tal-ikel issuspettati li jkunu ta’ perikolu, jew għal analiżi tar-riskji”.

18

B’hekk, minn din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-premessa 3 tar-Regolament Nru 2073/2005, jirriżulta li għalkemm il-kriterji mikrobijoloġiċi li dan ir-regolament jistabbilixxi japplikaw biss għall-mikroorganiżmi patoġeniċi li huma elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, l-awtorità kompetenti ma hijiex obbligata tillimita ruħha, waqt l-analiżijiet tal-prodotti tal-ikel li hija twettaq, għall-kontroll tal-preżenza ta’ dawn il-mikroorganiżmi biss.

19

Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2073/2005 jimponi obbligu fuq l-operaturi tas-settur tal-ikel li jiżguraw li l-prodotti tal-ikel josservaw il-kriterji mikrobijoloġiċi stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, dan l-obbligu ma jistax jipprekludi lill-awtoritajiet kompetenti milli jfittxu mikroorganiżmi patoġeniċi oħra minbarra dawk imsemmija f’dan l-anness, konformement mal-għan li jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, stabbilit fil-premessa 1 tal-imsemmi regolament. Kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji ta’ sigurtà tal-prodotti tal-ikel, stabbiliti fil-Kapitolu 1 tal-imsemmi anness, l-operaturi tas-settur tal-ikel għandhom jinkludu, fil-proċeduri li huma japplikaw, kontrolli sistematiċi tal-kontaminazzjoni minn ċerti mikro-organiżmi, mingħajr ma tali obbligu jfisser li huma biss il-mikroorganiżmi patoġeniċi msemmija f’dawn il-kriterji li huma perikolużi għas-saħħa tal-bniedem.

20

Din l-analiżi hija kkonfermata mir-Regolament Nru 178/2002, li jistabbilixxi, konformement mal-Artikolu 1(1) tiegħu, id-dispożizzjonijiet bażiċi tal-leġiżlazzjoni dwar l-ikel tal-Unjoni. L-Artikolu 14(8) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li “[i]l-konformità ta’ ikel mad-dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għa[l] dak l-ikel m’għandhiex iżżomm lill-awtoritajiet kompetenti milli jieħdu miżuri adattati biex jimponi restrizzjonijiet fuq it-tqegħid tiegħu fis-suq jew li jeħtieġu l-irtirar tiegħu mis-suq meta jkun hemm raġunijiet ta’ suspett, li minkejja dik il-konformità, dak l-ikel ma jkunx tajjeb.”

21

Fir-rigward tal-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament Nru 178/2002, minn dan jirriżulta li t-tqegħid fis-suq ta’ kwalunkwe prodott tal-ikel perikoluż, jiġifieri li jkun ta’ ħsara għas-saħħa jew mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem, għandu jiġi pprojbit (sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2017, Queisser Pharma, C‑282/15, EU:C:2017:26, punt 44).

22

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 14(7) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li l-klassifikazzjoni ta’ prodott tal-ikel bħala sigur skont dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw is-sigurtà tal-prodotti tal-ikel, bħal dawk tar-Regolament Nru 2073/2005, tapplika biss “sal-limitu li huma kkonċernati l-aspetti koperti bid-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Komunità”.

23

L-Artikolu 14(1), (2), (7) u (8) tar-Regolament Nru 178/2002 jippermetti għalhekk lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jieħdu miżuri xierqa sabiex jimponu restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq jew sabiex jeżiġu l-irtirar mis-suq tal-prodotti tal-ikel li, minkejja l-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għalihom, jagħtu lil dawn l-awtoritajiet raġunijiet oġġettivi sabiex jissuspettaw li dawn il-prodotti tal-ikel huma perikolużi. Din id-dispożizzjoni, fid-dawl tal-importanza tagħha sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-persuni u tal-interessi tal-konsumaturi, skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa.

24

Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 2073/2005 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-awtorità kompetenti, fil-preżenza ta’ kategorija ta’ prodotti tal-ikel, bħal-laħam frisk tat-tjur, li tinsab fil-kundizzjonijiet deskritti fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, milli tadotta l-miżuri xierqa msemmija fl-Artikolu 14(8) tar-Regolament Nru 178/2002.

25

F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li mill-premessa 9 tar-Regolament Nru 1086/2011 jirriżulta li madwar 80 % tal-każijiet ta’ salmonellożi osservati fil-bniedem fl‑2008, l-istess bħal fis-snin preċedenti, kienu dovuti għas-Salmonella Enteritidis u għas-Salmonella Typhimurium, u l-laħam tat-tjur jibqa’ sors maġġuri ta’ salmonellożi tal-bniedem. Il-premessa 10 ta’ dan ir-regolament tippreċiża madankollu li l-konċentrazzjoni tal-isforzi fuq dawn iż-żewġ serotipi għandha, parallelament, tinkoraġġixxi lill-operaturi tas-settur tal-ikel jieħdu, fi stadji preċedenti tal-produzzjoni tat-tjur, miżuri li jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-prevalenza tas-serotipi kollha ta’ salmonella li huma ta’ interess għas-saħħa pubblika.

26

Issa, kif jenfasizzaw, essenzjalment, il-Gvern Litwan, il-Gvern Ċek u l-Gvern Taljan kif ukoll il-Kummissjoni, anki jekk is-serotipi misjuba, f’dan il-każ, mill-awtorità Litwana fil-laħam frisk tat-tjur, jiġifieri s-Salmonella Kentucky u/jew is-Salmonella Infantis, jidhru inqas mifruxa mis-Salmonella Typhimurium u mis-Salmonella Enteritidis, l-effett avvers fuq is-saħħa tal-ewwel żewġ serotipi ma jistax, madankollu, jiġi eskluż.

27

Hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tivverifika, konformement mal-Artikolu 14(8) tar-Regolament Nru 178/2002, kif interpretat fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, jekk il-preżenza ta’ dawn is-serotipi, li ma humiex imsemmija fil-punt 1.28 tal-Kapitolu 1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 2073/2005, tippermettix li jiġi ssuspettat li l-laħam frisk tat-tjur inkwistjoni huwa perikoluż, fis-sens tal-Artikolu 14(2) sa (5) tar-Regolament Nru 178/2002, u tiġġustifikax il-miżuri adottati minn din l-awtorità bħala “miżuri xierqa” meħuda abbażi tal-ewwel dispożizzjoni.

28

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2073/2005, moqri flimkien mal-Artikolu 14(8) tar-Regolament Nru 178/2002, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tittratta bħala perikoluża, fis-sens tal-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament Nru 178/2002, il-kategorija ta’ prodotti tal-ikel li jikkonsistu f’laħam frisk tat-tjur li fih ikunu nstabu mikroorganiżmi patoġeniċi oħra minbarra s-serotipi ta’ salmonella msemmija fil-punt 1.28 tal-Kapitolu I tal-Anness I tar-Regolament Nru 2073/2005.

Fuq l‑ispejjeż

29

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal‑15 ta’ Novembru 2005 dwar il-kriterji mikrobijoloġiċi applikabbli għall-prodotti tal-ikel, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1086/2011 tas‑27 ta’ Ottubru 2011, moqri flimkien mal-Artikolu 14(8) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat‑28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tittratta bħala perikoluża, fis-sens tal-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament Nru 178/2002, il-kategorija ta’ prodotti tal-ikel li jikkonsistu f’laħam frisk tat-tjur li fih ikunu nstabu mikroorganiżmi patoġeniċi oħra minbarra s-serotipi ta’ salmonella msemmija fil-punt 1.28 tal-Kapitolu I tal-Anness I tar-Regolament Nru 2073/2005, kif emendat bir-Regolament Nru 1086/2011.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.