SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Sitt Awla)
14 ta’ Settembru 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, minn naħa, u l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja, min-naħa l-oħra – Artikolu 1(3) – Drittijiet fundamentali – Rifjut ta’ eżekuzzjoni minn Stat Membru ta’ mandat ta’ arrest maħruġ mir-Renju tan-Norveġja – Ħruġ ta’ mandat ta’ arrest ġdid mir-Renju tan-Norveġja kontra l-istess persuna għall-istess fatti – Eżami minn Stat Membru ieħor – Teħid inkunsiderazzjoni tar-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-ewwel mandat ta’ arrest”
Fil-Kawża C‑71/21
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Frar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Frar 2021, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest maħruġ kontra
KT,
fil-preżenza ta’:
Sofiyska gradska prokuratura,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Sitt Awla),
komposta minn P. G. Xuereb, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, u T. von Danwitz, Imħallef,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Irlanda, minn M. Browne, A. Joyce u J. Quaney, bħala aġenti, assistiti minn M. Gráinne, BL, |
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u R. Kissné Berta, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, C. Leeb u A. Posch bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u I. Zaloguin, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 TUE, tal-Artikolu 21(1) u tal-Artikolu 67(1) TFUE, tal-Artikolu 6 tal-Artikolu 45(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 1(2) u (3) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda u n-Norveġja (ĠU 2006, L 292, p. 2), approvat, f’isem l-Unjoni Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/835/UE tas‑27 ta’ Novembru 2014 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja (ĠU 2014, L 343, p. 1), u li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Novembru 2019 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja”), kif ukoll tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura dwar l-eżekuzzjoni, fil-Bulgarija, ta’ mandat ta’ arrest maħruġ mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku reġjonali ta’ Hordaland (in-Norveġja) kontra KT. |
Il‑kuntest ġuridiku
Il‑Ftehim dwar il‑proċedura ta’ konsenja
3 |
Il-preambolu tal-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja jiddikjara: “L-Unjoni Ewropea, min-naħa waħda, u r-Repubblika ta’ l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja, min-naħa l-oħra, minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘il-Partijiet Kontraenti’, Filwaqt li jixtiequ jtejbu l-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda u n-Norveġja, mingħajr preġudizzju għar-regoli li jipproteġu l-libertà individwali, Filwaqt li jikkunsidraw li r-relazzjonijiet attwali fost il-Partijiet Kontraenti jeħtieġu koperazzjoni mill-qrib fil-ġlieda kontra l-kriminalità, Filwaqt li jesprimu l-fiduċja reċiproka tagħhom fl-istruttura u l-funzjonament tas-sistemi ġuridiċi tagħhom u fil-kapaċità tal-Partijiet Kontraenti kollha li jiggarantixxu proċess ġust fil-qorti, Filwaqt li jikkunsidraw li l-Iżlanda u [r-Renju ta]n-Norveġja esprimew ix-xewqa tagħhom li jidħlu fi ftehim li jippermettilhom iħaffu l-arranġamenti għall-konsenja ta’ persuni suspettati u dawk misjuba ħatja ma’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea u li japplikaw proċedura ta’ konsenja ma’ l-Istati Membri, […]” |
4 |
L-Artikolu 1(1) sa (3) ta’ dan il-ftehim huwa fformulat kif ġej: “1. Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jtejbu, skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, il-konsenja għall-fini ta’ prosekuzzjoni jew eżekuzzjoni tas-sentenza bejn, min-naħa waħda, l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, ir-Renju tan-Norveġja u r-Repubblika ta’ l-Iżlanda, billi jieħdu kont ta’, bħala standards minimi, it-termini tal-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1996 dwar l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea. 2. Il-Partijiet Kontraenti jassumu l-impenn, konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, li jiżguraw li s-sistema ta’ estradizzjoni bejn, min-naħa waħda, l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, ir-Renju tan-Norveġja u r-Repubblika ta’ l-Iżlanda għandha tkun ibbażata fuq mekkaniżmu ta’ konsenja skond il-mandat ta’ l-arrest konformement mat-termini ta’ dan il-Ftehim. 3. Dan il-Ftehim ma għandux ikollu l-effett li jimmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif proklamati fil-[KEDB], jew, f’każ ta’ eżekuzzjoni mill-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru, tal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 6 [UE].” |
5 |
Skont l-Artikolu 2(5) tal-imsemmi ftehim: “‘Mandat ta’ arrest’ għandha tfisser deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat bil-ħsieb ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat ieħor ta’ persuna mitluba, għall-finijiet li titmexxa prosekuzzjoni kriminali jew tiġi eżegwita sentenza ta’ priġunerija jew ordni ta’ detenzjoni.” |
6 |
L-Artikoli 4 sa 8 tal-istess ftehim jipprevedu r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest kif ukoll il-kundizzjonijiet li għalihom l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest tista’ tkun suġġetta. |
7 |
Il-punt 2 tal-Artikolu 4 tal-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja jistabbilixxi: “L- Istati għandhom jistabbilixxu obbligu għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex tirrifjuta li teżegwixxi il-mandat ta’ arresti fil-każijiet li ġejjin: […]
[…]” |
8 |
L-Artikolu 34(1) ta’ dan il-ftehim huwa fformulat kif ġej: “Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom f’relazzjonijiet bejn Stati u Stati terzi, dan il-Ftehim għandu, mid-dħul fis-seħħ tiegħu, jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-konvenzjonijiet li ġejjin applikabbli fil-qasam ta’ l-estradizzjoni f’relazzjonijiet bejn [ir-Renju ta]n-Norveġja u l-Iżlanda, min-naħa waħda, u l-Istati Membri, min-naħa l-oħra:
[…]” |
Id‑Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI
9 |
L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”), huwa fformulat kif ġej: “1. Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni. 2. L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru. 3. Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [UE].” |
10 |
L-Artikoli 3 sa 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistabbilixxu r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew kif ukoll il-kundizzjonijiet li għalihom tista’ tkun suġġetta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. |
11 |
Il-punt 2 tal-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas jiddisponi: “L-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni (minn hawn ‘il quddiem ‘l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni’) għandha tiċħad li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew fil-każijiet li ġejjin: […]
[…]” |
12 |
L-Artikolu 31(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas jistabbilixxi: “Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom f’relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u Stati terzi, din id-Deċiżjoni Kwadru għandha, mill‑1 ta’ Jannar 2004, tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-konvenzjonijiet li ġejjin applikabbli fil-qasam ta’ l-estradizzjoni f’relazzjonijiet bejn l-Istati Membri:
[…]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
13 |
KT, li jirrisjedi fil-Bulgarija ma’ wliedu, huwa s-suġġett ta’ proċeduri kriminali fin-Norveġja għal fatti, imwettqa fit-territorju tagħha, ikklassifikati, mill-awtoritajiet li jmexxu dawn il-proċeduri, bħala frodi li kkawżat dannu għas-sistema Norveġiża ta’ assigurazzjoni soċjali. |
14 |
Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri kriminali, l-awtorità Norveġiża kompetenti ħarġet, fis‑26 ta’ Lulju 2018, mandat ta’ arrest kontra KT, li xxandar permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS). |
15 |
Fil‑25 ta’ Novembru 2019, KT ġie arrestat, mad-dħul tiegħu fil-Polonja, abbażi tal-allarm SIS li kien suġġett għalih għall-finijiet tal-arrest tiegħu. |
16 |
Fis‑27 ta’ Novembru 2019, l-awtorità Norveġiża kompetenti ħarġet mandat ta’ arrest abbażi tal-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja. |
17 |
Fil‑15 ta’ Jannar 2020, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) irrifjutat l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest abbażi tal-Artikolu 1(3) ta’ dan il-ftehim, billi qieset li l-konsenja ta’ KT lill-awtoritajiet Norveġiżi kienet twassal għal ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB. Skont din il-qorti, tali konsenja jkollha bħala konsegwenza t-tqegħid ta’ wliedu f’familja ospitanti u t-terminazzjoni definittiva tar-rabta ma’ missierhom. L-imsemmija qorti qieset ukoll li l-awtoritajiet Norveġiżi setgħu jirrikorru għal forom oħra ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali mar-Repubblika tal-Bulgarija fil-kuntest tal-proċeduri kriminali inkwistjoni. |
18 |
Ir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku kompetenti ġie kklassifikat mingħajr segwitu, fl‑24 ta’ Frar 2020, mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja). |
19 |
Fl‑10 ta’ Marzu 2020, KT ġie arrestat, mad-dħul tiegħu fit-territorju Bulgaru, abbażi tal-allarm SIS għall-finijiet tal-arrest tiegħu, li huwa kien għadu suġġett għalih. |
20 |
Fit‑12 ta’ Marzu 2020, l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku reġjonali ta’ Fjordane (in-Norveġja) ħareġ mandat ta’ arrest ġdid kontra KT, fil-kuntest tal-istess proċeduri kriminali u abbażi tal-istess motivi bħal dawk li abbażi tagħhom kien inħareġ il-mandat ta’ arrest tas‑27 ta’ Novembru 2019. |
21 |
Fis‑16 ta’ Marzu 2020, is-Sofiyska gradska prokuratura (l-Uffiċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) adixxa lis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju, b’talba intiża għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest maħruġ fit‑12 ta’ Marzu 2020. |
22 |
F’dan il-kuntest, minn naħa, din il-qorti tistaqsi jekk huwiex possibbli li jinħarġu diversi mandati ta’ arrest kontra l-istess persuna fil-kuntest tal-istess proċedura kriminali. |
23 |
Hija tindika, f’dan ir-rigward, li, fid-dawl tax-xebh li jista’ jiġi rrilevat bejn id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jista’ jiġi previst li tiġi applikata, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, AY (Mandat ta’ arrest – Xhud) (C‑268/17, EU:C:2018:602), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet fl-affermattiv għal din id-domanda. Madankollu, hija tirrileva li, b’differenza mill-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, iż-żewġ mandati ta’ arrest inkwistjoni fil-kawża prinċipali nħarġu fil-kuntest tal-istess fażi tal-proċedura kriminali kkonċernata. Barra minn hekk, dan il-ftehim ma jinkludix dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, dwar l-obbligu ta’ eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej. |
24 |
Din il-qorti tistaqsi, min-naħa l-oħra, dwar l-eventwali effett ta’ rifjut preċedentement oppost minn qorti ta’ Stat Membru għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest maħruġ mir-Renju tan-Norveġja kontra l-istess persuna rikjesta fil-kuntest tal-istess proċedura kriminali. |
25 |
Il-qorti tar-rinviju żżid li l-istat ta’ saħħa ta’ KT huwa fraġli u li kellu jiddaħħal l-isptar diversi drabi. |
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja
27 |
Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
28 |
Permezz tad-deċiżjoni tat‑22 ta’ Frar 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li din it-talba tiġi milqugħa, peress li l-kundizzjonijiet għal urġenza previsti fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura ma kinux issodisfatti. |
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
29 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(3) tal-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-ħruġ ta’ diversi mandati ta’ arrest suċċessivi kontra persuna rikjesta sabiex tinkiseb il-konsenja tagħha minn Stat parti f’dan il-ftehim wara li l-eżekuzzjoni tal-ewwel mandat ta’ arrest fir-rigward ta’ din il-persuna tkun ġiet irrifjutata minn Stat ieħor li huwa parti mill-imsemmi ftehim. |
30 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja huma simili ħafna għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija,C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 74). |
31 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li ebda dispożizzjoni ta’ dan il-ftehim ma teskludi l-ħruġ ta’ diversi mandati ta’ arrest suċċessivi kontra persuna, inkluż meta l-eżekuzzjoni tal-ewwel mandat ta’ arrest li jirrigwarda lil din il-persuna tkun ġiet irrifjutata. |
32 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 1(1) u (2) tal-imsemmi ftehim, moqri fid-dawl tal-preambolu tiegħu, jirriżulta li dan huwa intiż sabiex itejjeb u jħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali bejn l-Istati Membri, minn naħa, u r-Renju tan-Norveġja u l-Islanda, min-naħa l-oħra, permezz ta’ mekkaniżmu ta’ konsenja bbażat fuq kooperazzjoni mill-qrib bejn dawn l-Istati u fuq il-fiduċja reċiproka li l-imsemmija Stati esprimew fl-istruttura u fil-funzjonament tas-sistemi legali rispettivi tagħhom kif ukoll fil-kapaċità tagħhom li jiggarantixxu smigħ xieraq. |
33 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 34(1) tal-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja jistabbilixxi, bħall-Artikolu 31(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li dan il-ftehim jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-konvenzjonijiet li huwa jelenka, fosthom b’mod partikolari l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, iffirmata f’Pariġi fit‑13 ta’ Diċembru 1957, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, minn naħa, u r-Renju tan-Norveġja kif ukoll l-Islanda, min-naħa l-oħra. |
34 |
Is-sistema ta’ konsenja prevista mill-imsemmi ftehim hija għalhekk intiża, bħal din id-deċiżjoni qafas, permezz tal-istabbiliment ta’ sistema ssemplifikata u iktar effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, sabiex tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati partijiet għall-istess ftehim kif ukoll sabiex tiġġieled l-impunità ta’ persuna rikjesta li tkun tinsab f’territorju differenti minn dak li fih hija allegatament wettqet reat. |
35 |
Issa, projbizzjoni sistematika, għall-awtorità emittenti ta’ Stat li huwa parti fil-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja, li toħroġ mandat ta’ arrest ġdid fil-każ ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-ewwel mandat ta’ arrest minn Stat ieħor li huwa parti f’dan il-ftehim tippreġudika l-effettività tas-sistema ta’ konsenja stabbilita mill-imsemmi ftehim u timplika riskju ta’ impunità ta’ persuni li jippruvaw jevitaw il-ġustizzja. |
36 |
Għalhekk, tali ħruġ jista’ jirriżulta neċessarju, b’mod partikolari wara li l-elementi li jkunu ostakolaw l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest preċedenti jkunu ġew esklużi jew, meta d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest ma kinitx konformi mal-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja, bl-għan li titmexxa l-proċedura ta’ konsenja ta’ persuna rikjesta fi tmiemha u b’hekk jiġi ffavorit it-twettiq tal-għan tal-ġlieda kontra l-impunità mfittex minn dan il-ftehim (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 141). |
37 |
Għall-kuntrarju, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 1(3) tal-imsemmi ftehim jipprevedi li dan ma jistax ikollu l-effett li jimmodifika l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali stabbiliti fil-KEDB, jew, fil-każ ta’ eżekuzzjoni mill-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru, il-prinċipji msemmija fl-Artikolu 6 TUE, li jirrigwarda, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta. |
38 |
Minn dan isegwi li l-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta tista’ tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tastjeni, b’mod eċċezzjonali u wara eżami xieraq, milli teżegwixxi mandat ta’ arrest, abbażi tal-Artikolu 1(3) tal-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 72). |
39 |
Għaldaqstant, il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest li l-eżekuzzjoni tiegħu twassal għal ksur tal-Karta u għandu, fil-kundizzjonijiet esposti fil-punt preċedenti, jiġi rrifjutat mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, ma huwiex kompatibbli mal-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ kooperazzjoni mill-qrib fil-ġlieda kontra l-kriminalità mfakkra fil-punt 32 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 142). |
40 |
Għaldaqstant, awtorità ġudizzjarja emittenti ma tistax, fl-assenza ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi, toħroġ mandat ta’ arrest ġdid kontra persuna wara li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun irrifjutat li teżegwixxi mandat ta’ arrest preċedenti maħruġ kontra din il-persuna, konformement ma’ dak li kien jimponi fuqha l-Artikolu 1(3) tal-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 143). |
41 |
Fit-tieni lok, peress li l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest jista’ jkollu bħala konsegwenza l-arrest tal-persuna li hija s-suġġett tiegħu u, għaldaqstant, jista’ jippreġudika l-libertà individwali ta’ din tal-aħħar, hija l-awtorità ġudizzjarja li għandha l-intenzjoni li toħroġ mandat ta’ arrest li għandha teżamina jekk, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tal-każ, dan il-ħruġ huwiex ta’ natura proporzjonata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 144). |
42 |
Fil-kuntest ta’ tali eżami, hija b’mod partikolari din l-awtorità ġudizzjarja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura u l-gravità tar-reat li għalih il-persuna rikjesta hija akkużata, il-konsegwenzi fuq din il-persuna ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa preċedentement kontriha jew ukoll prospetti ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid eventwali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 145). |
43 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(3) tal-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix il-ħruġ ta’ diversi mandati ta’ arrest suċċessivi kontra persuna rikjesta sabiex tinkiseb il-konsenja tagħha minn Stat parti f’dan il-ftehim wara li l-eżekuzzjoni tal-ewwel mandat ta’ arrest fir-rigward ta’ din il-persuna tkun ġiet irrifjutata minn Stat ieħor li huwa parti mill-imsemmi ftehim, sakemm l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest il-ġdid ma twassalx għal ksur ta’ din id-dispożizzjoni u sakemm il-ħruġ ta’ dan l-aħħar mandat ta’ arrest huwa ta’ natura proporzjonata. |
Fuq it‑tieni domanda
44 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja, l-Artikolu 21(1) u l-Artikolu 67(1) TFUE kif ukoll l-Artikolu 6 u l-Artikolu 45(1) tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest minn Stat Membru tiġi rrifjutata għas-sempliċi raġuni li Stat Membru ieħor irrifjuta l-eżekuzzjoni tal-ewwel mandat ta’ arrest maħruġ mill-Islanda jew mir-Renju tan-Norveġja kontra l-istess persuna u għall-istess fatti. |
45 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, il-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja ma jinkludix dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, dwar l-obbligu ta’ eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej. |
46 |
Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punti 32 sa 34 ta’ din is-sentenza, is-sistema ta’ konsenja prevista minn dan il-ftehim hija intiża, bħal din id-deċiżjoni qafas, permezz tal-istabbiliment ta’ sistema ssemplifikata u iktar effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, li tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn, minn naħa, l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja, kif ukoll li tiġġieled kontra l-impunità ta’ persuna rikjesta li tinsab f’territorju differenti minn dak li fih hija allegatament wettqet reat. |
47 |
Barra minn hekk, l-imsemmi ftehim huwa strutturat bl-istess mod bħall-imsemmija deċiżjoni qafas u jelenka, fl-Artikoli 4 sa 8 tiegħu, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest kif ukoll il-kundizzjonijiet li għalihom l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest tista’ tkun suġġetta, bħalma jipprevedu l-Artikoli 3 sa 5 tal-istess deċiżjoni qafas. |
48 |
Minn dan isegwi li, minkejja l-assenza ta’ dispożizzjoni espressa f’dan is-sens fil-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja, l-Istati partijiet għal dan il-ftehim huma bħala prinċipju obbligati li jeżegwixxu mandat ta’ arrest maħruġ minn Stat ieħor li huwa parti għall-imsemmi ftehim u jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat biss għal raġunijiet li jirriżultaw mill-istess ftehim. |
49 |
B’mod partikolari, kif tfakkar fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta tista’ tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tastjeni, b’mod eċċezzjonali u wara eżami xieraq, li teżegwixxi mandat ta’ arrest, abbażi tal-Artikolu 1(3) tal-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja. |
50 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’każ fejn jeżistu raġunijiet serji u kkonfermati sabiex wieħed jemmen li, fil-każ ta’ konsenja lill-Istat emittenti, il-persuna rikjesta ser tkun f’riskju ta’ tnaqqis sinjifikattiv tal-aspettattivi tal-ħajja tagħha jew ta’ deterjorament rapidu, sinjifikattiv u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tagħha, għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ April 2023, E. D. L. (Raġuni ta’ rifjut ibbażata fuq mard), C‑699/21, EU:C:2023:295, punti 42, 50 u 52). |
51 |
Għall-kuntrarju, ebda dispożizzjoni tal-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja ma tipprevedi l-possibbiltà li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest meta l-eżekuzzjoni tal-ewwel mandat ta’ arrest li jirrigwarda l-istess persuna u l-istess fatti tkun ġiet irrifjutata minn Stat li huwa parti f’dan il-ftehim. |
52 |
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni ta’ awtorità ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest ma tistax tiġi assimilata ma’ “sentenza finali”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 4 tal-imsemmi ftehim, li tista’ tipprekludi li jinbdew proċeduri kriminali, għall-istess fatti, kontra din il-persuna fl-Istat emittenti jew li jinbdew fi kwalunkwe Stat ieħor. |
53 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li persuna rikjesta titqies li kienet is-suġġett ta’ sentenza finali fir-rigward tal-istess fatti fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li essenzjalment jikkorrispondi għall-punt 2 tal-Artikolu 4 tal-istess ftehim, meta, fi tmiem proċedura kriminali, l-azzjoni pubblika ssir definittivament estinta jew ukoll meta l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru jkunu adottaw deċiżjoni li permezz tagħha s-suspettat jinħeles definittivament fir-rigward tal-fatti li bihom huwa akkużat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello,C‑261/09, EU:C:2010:683, punt 45). |
54 |
Issa, l-eżami ta’ talba għal konsenja ma jimplikax il-bidu ta’ proċeduri kriminali mill-Istat ta’ eżekuzzjoni kontra l-persuna li l-konsenja tagħha hija mitluba u ma jinkludix evalwazzjoni fuq il-mertu tal-kawża. |
55 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm l-eżistenza ta’ deċiżjoni tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru li tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest maħruġ mill-Islanda jew mir-Renju tan-Norveġja abbażi tal-Artikolu 1(3) tal-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja għandha, ċertament, tinkoraġġixxi lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru ieħor adita b’mandat ta’ arrest ġdid maħruġ minn dan l-Istat kontra l-istess persuna għall-istess fatti, din iċ-ċirkustanza ma tistax teħles lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni tat-tieni Stat Membru mill-obbligu tagħha li teżamina t-talba għal konsenja u li tadotta deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest. |
56 |
Konklużjoni differenti ma tistax tiġi dedotta mill-Artikolu 21(1) jew mill-Artikolu 67(1) TFUE u lanqas mill-Artikolu 6 jew mill-Artikolu 45(1) tal-Karta. |
57 |
Fil-fatt, mill-Artikolu 2(5) tal-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja jirriżulta li l-kunċett ta’ “mandat ta’ arrest”, fis-sens ta’ dan il-ftehim, huwa ddefinit bħala li jirreferi għal deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat parti għall-imsemmi ftehim bl-għan tal-arrest u tal-konsenja minn Stat ieħor li huwa parti mill-istess ftehim ta’ persuna rikjesta għall-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura preventiva li jċaħħdu l-libertà. |
58 |
Minn dan isegwi li l-għan tal-mekkaniżmu ta’ konsenja previst mill-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja huwa li jippermetti l-arrest u l-konsenja ta’ persuna rikjesta sabiex ir-reat imwettaq ma jibqax mingħajr kastig u sabiex din il-persuna tiġi mħarrka jew tiskonta l-piena li ċċaħħad il-libertà mogħtija kontriha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Spetsializirana prokuratura (Informazzjoni dwar id-deċiżjoni nazzjonali ta’ arrest), C‑105/21, EU:C:2022:511, punt 74). |
59 |
L-arrest tal-persuna li l-konsenja tagħha hija mitluba bil-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest jagħmel, għalhekk, parti integrali mis-sistema ta’ konsenja prevista minn dan il-ftehim. |
60 |
Issa, għalkemm tali arrest provviżorju jikkostitwixxi restrizzjoni tad-dritt tal-persuna rikjesta għall-moviment liberu kif ukoll għad-dritt tagħha għal-libertà u għas-sigurtà, tali arrest għandu madankollu, bħala prinċipju, jitqies li huwa ġġustifikat mill-għan leġittimu li tiġi evitata l-impunità ta’ din il-persuna, għan li jaqa’ fil-kuntest tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni li fi ħdanu huwa żgurat il-moviment liberu tal-persuni, previst fl-Artikolu 3(2) TUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Avviż aħmar ta’ Interpol), C‑505/19, EU:C:2021:376, punt 86). |
61 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest minn Stat Membru tiġi rrifjutata għas-sempliċi raġuni li Stat Membru ieħor irrifjuta l-eżekuzzjoni tal-ewwel mandat ta’ arrest maħruġ mill-Islanda jew mir-Renju tan-Norveġja kontra l-istess persuna u għall-istess fatti. |
Fuq l‑ispejjeż
62 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is‑Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.