SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
20 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli tal-fruntiera, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Permess ta’ residenza maħruġ għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li huma vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jew li kienu s-suġġett ta’ azzjoni għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti – Direttiva 2004/81/KE – Artikolu 6 – Kamp ta’ applikazzjoni – Ċittadin ta’ pajjiż terz li jallega li kien vittma ta’ reat relatat mat-traffikar tal-bnedmin – Benefiċċju tal-perijodu ta’ riflessjoni previst fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva – Projbizzjoni li tiġi eżegwita ordni ta’ tneħħija – Kunċett – Portata – Kalkolu ta’ dan il-perijodu ta’ riflessjoni – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida – Trasferiment lejn Stat Membru responsabbli għall-eżami ta’ din l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali”
Fil-Kawża C‑66/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Jannar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Jannar 2021, fil-proċedura
O. T. E.
vs
Staatsecretaris van Justitie en Veiligheid,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, L. S. Rossi (Relatriċi), J.-C. Bonichot, S. Rodin, u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u P. Huurnink, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u F. Wilman, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Ġunju 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-permess ta’ residenza maħruġ lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar fi bnedmin jew li kienu s-suġġett ta’ azzjoni għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, li jikkoperaw mal awtoritajiet kompetenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 69) |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, O. T. E., ċittadin Niġerjan, u, min-naħa l-oħra, is-Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”), dwar iċ-ċaħda mingħajr eżami, minnu, tal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja abbażi tal-ażil, ippreżentata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, minħabba li r-Repubblika Taljana kienet l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ din l-applikazzjoni. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2004/81
3 |
Il-premessi 2, 4, u 9 sa 11 tad-Direttiva 2004/81 huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “L-Iskop ta’ din id-Direttiva hija li jiġu definiti l-kondizzjonijiet sabiex jingħataw permessi ta’ residenza ta’ durata limitata, marbuta mat-tul tal-proċeduri nazzjonali rilevanti, lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jikkoperaw fil-ġlieda kontra t-traffikar fil-bnedmin jew kontra azzjoni sabiex tiġi ffaċilitata immigrazzjoni illegali.” |
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…]” |
6 |
L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jistabbilixxi: “L-Istati Membru għandhom japplikaw din id-Direttiva għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz li huma, jew kienu vittmi ta’ offiżi relatati mat-traffikar fil-bnedmin, anke jekk ikunu daħlu illegalment fit-territorju ta’ l-Istati Membri.” |
7 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/81 huwa fformulat kif ġej: “Meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jieħdu l-opinjoni li ċittadin tal-pajjiż terz jista’ jaqa’ taħt il-qasam ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, għandhom jinfurmaw lill-persuna kkonċernata bil-possibiltajiet offerti taħt din id-Direttiva.” |
8 |
L-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Perjodu ta’ riflessjoni”, jipprovdi: “1. Stati Membri għandhom jassiguraw li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati huma mogħtija perjodu ta’ riflessjoni li jippermettilhom jirkupraw u jiskappaw l-influwenza tal-perpetraturi ta’ l-offiżi sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata dwar jekk jikkoperawx ma’ l-awtoritajiet kompetenti. Id-Durata u l-punt ta’ bidu tal-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu determinati skond il-liġi nazzjonali. 2. Tul il-perjodu ta’ riflessjoni u waqt li tkun mistennija d-deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti, iċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat għandu jkollhom aċċess għat-trattament imsemmi fl-Artikolu 7 u m’għandux ikun possibbli li tiġi infurzata kwalunkwe ordni ta’ espulsjoni kontrihom. 3. Il-Perjodu ta’ riflessjoni m’għandu joħloq ebda intitolament għal residenza taħt din id-Direttiva. 4. L-Istat Membru jista’ fi kwalunkwe ħin iġib fit-tmiem il-perjodu ta’ riflessjoni fil-każ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu stabbilew li l-persuna kkonċernata attivament, volontarjament u fuq l-inizjattiva proprja tiegħu/tagħha ġeddet kuntatt mal-perpetraturi ta’ l-offiżi msemmija fl-Artikolu 2(b) u (ċ) jew għal raġunijiet li jirrelataw għal politika pubblika u għall-protezzjoni ta’ sigurtà nazzjonali.” |
9 |
L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Trattament mogħti qabel il-ħruġ tal-permess ta’ residenza”, jipprovdi: “1. Stati Membri għandhom jassiguraw li ċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernati li m’għandhomx riżorsi suffiċjenti huma mogħtija standards ta’ l-għixien kapaċi li jassiguraw l-għixien tagħhom u aċċess għal trattament mediku ta’ emerġenza. Għandhom jattendu għall-ħtiġiet speċjali ta’ l-iktar vulnerabbli, inkluż, meta approprjat u jekk ipprovdut mil-liġi nazzjonali, assistenza psikoloġika. 2. Stati Membri għandhom jieħdu kont tal-ħtiġiet ta’ sigurtà u protezzjoni taċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernati meta japplikaw din id-Direttiva, skond il-liġi nazzjonali. […]” |
10 |
L-Artikolu 8 tal-istess direttiva, intitolat “[i]l-ħruġ u t-tiġdid tal-permess ta’ residenza”, jindika, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ riflessjoni, jew iktar kmieni jekk l-awtoritajiet kompetenti huma ta’ l-opinjoni li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat diġà ssodisfa l-kriterju stabbilit fis-subparagrafu (b), l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw:
|
Ir-Regolament Dublin III
11 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat‑18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109), tħassar u ġie ssostitwit, b’effett mit‑18 ta’ Lulju 2013, bir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”). |
12 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Dublin III jipprevedi: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (‘l-Istat Membru Responsabbli’).” |
13 |
L-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Preżentazzjoni ta’ talba biex jittieħed inkarigu”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fejn Stat Membru li għandu kienet iddepożitata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membru ieħor huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni, jista’, kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata fit-tifsira tal-Artikolu 20(2), jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu inkarigu tal-applikant. Minkejja l-ewwel subparagrafu, f’każ ta’ ‘hit’ mill-Eurodac b’data rreġistrata skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal- ‘Eurodac’ għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja] (ĠU 2013, L 180, p. 1)], it-talba għandha tintbagħat fi żmien xagħrejn minn meta tiġi riċevuta l-“hit” skont l-Artikolu 15(2) ta’ dak ir-Regolament. Fejn it-talba biex jittieħed inkarigu ta’ applikant ma ssirx fi żmien il-perijodi stabbiliti fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi, ir-responsibilità biex tkun eżaminata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha tkun tal-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni kienet iddepożitata.” |
14 |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi: “Meta l-Istat Membru mitlub jaċċetta li jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)(c) jew (d), l-Istat Membru rikjedenti għandu jinnotifika lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni li hija tiġi trasferita lejn l-Istat Membru responsabbli u, fejn xieraq, bid-deċiżjoni li ma jeżaminax l-applikazjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali.” |
15 |
L-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi: “1. L-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1) (c) jew (d) għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal. 2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal perijodu ta’ żmien raġonevoli li fih l-applikant jew il-persuna kkonċernata jista’ jeżerċita d-dritt għal rimedju effettiv skont il-paragrafu 1. 3. Għall-iskopijiet ta’ appelli kontra, jew reviżjonijiet ta’, -deċiżjonijiet ta’ trasferiment, l-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li:Għall-iskopijiet ta’ appelli kontra, jew reviżjonijiet ta’, -deċiżjonijiet ta’ trasferiment, l-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li:
|
16 |
L-Artikolu 29 tal-imsemmi regolament jipprevedi: “1. It-trasferiment tal-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fil-punti (c) jew (d) tal-Artikolu 18(1) mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3). […] 2. Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet. […]” |
Id‑Direttiva 2001/40/KE
17 |
L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE tat‑28 ta’ Mejju 2001 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet dwar l-espulsjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 107), jipprovdi: “Mingħajr preġudizzju għall-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 23 u l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 96 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 [bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9)], iffirmat f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990, […] il-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jagħmel possibbli r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar l-espulsjoni maħruġa minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, minn issa ‘l quddiem imsejjaħ ‘l-Istat Membru tal-ħruġ’, kontra ċittadin ta’ pajjiż terz preżenti ġewwa t-territorju ta’ Stat Membru ieħor, minn issa ‘l quddiem imsejjaħ ‘l-Istat Membru ta’ l-infurzar’.” |
18 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, […]
[…]” |
Id‑Direttiva 2004/38/KE
19 |
L-Artikolu 28(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id‑drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit‑territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id‑Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46). “1. Qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba politika pubblika jew sigurtà pubblika, l-Istat Membru ospitanti għandu jqis l-konsiderazzjonijiet bħat-tul tar-residenza ta’ l-individwu kkonċernat fit-territorju tiegħu, l-età, l-istat ta’ saħħa, is-sitwazzjoni familjari u dik ekonomika, integrazzjoni soċjali u kulturali fl-Istat Membru ospitanti u l-limitu tar-rabtiet tiegħu mal-pajjiż ta’ oriġini. 2. L-Istat Membru ospitanti ma jistax jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew il-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li għandhom id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju tiegħu, ħlief minħabba raġunijiet serji ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika.” |
Id‑dritt tal‑Pajjiżi l‑Baxxi
20 |
L-Artikolu 8 tal-Wet tot algehele herziening van de Vreemdelingenwet (Vreemdelingenwet 2000) [il-Liġi dwar ir-Reviżjoni Ġenerali tal-Liġi dwar il-Barranin (il-Liġi tal-2000 dwar il-Barranin)], tat‑23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru°496), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Barranin”), jipprovdi: “Persuna barranija għandha d-dritt li tirrisjedi b’mod regolari fil-Pajjiżi l-Baxxi biss: […]
|
21 |
L-Artikolu 30(1) tal-Liġi dwar il-Barranin jispeċifika li talba għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza għal perijodu limitat ma tiġix eżaminata jekk ġie stabbilit, skont ir-Regolament Dublin III, li huwa Stat Membru ieħor li huwa responsabbli mill-eżami ta’ din it-talba. |
22 |
It-Taqsima B8/3.1 tal-Vreemdelingencirculaire 2000 (iċ-Ċirkulari tal‑2000 dwar il-Barranin), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iċ-“Ċirkulari dwar il-Barranin”), taqra’ b’mod partikolari kif ġej: “Il-kmandant tal-Koninklijke Marechaussee (il-Forzi tal-Ordni militari, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem il-“KMar”) għandhom l-istess setgħat bħal dawk li għandu l-Kap tal Pulizija nazzjonali sa fejn ikun hemm indizji ta’ traffikar uman f’dak li jirrigwarda barrani. […] L-Immigratie- en Naturalisatiedienst (id-Dipartiment tal-Immigrazzjoni u tan-Naturalizzazzjoni, il-Pajjiżi l-Baxxi] jagħmel distinzjoni bejn tliet sitwazzjonijiet fil-qasam tad-dritt ta’ residenza f’dak li jirrigwarda d dritt ta’ residenza temporanja tal-vittmi u tax-xhieda-whistleblowers tat traffikar tal-bnedmin: 1. il-perijodu ta’ riflessjoni għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin; 2. il-permess ta’ residenza għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin; u 3. il-permess ta’ residenza għax-xhieda-whistleblowers tat-traffikar tal-bnedmin. 1. Il-perijodu ta’ riflessjoni Skont l-Artikolu 8(k) tal-Liġi dwar il-Barranin, l-allegati vittmi tat-traffikar tal-bnedmin għandhom jingħataw perijodu ta’ riflessjoni ta’ massimu ta’ tliet xhur, li matulu għandhom jiddeċiedu jekk iridux iressqu lment dwar traffikar tal-bnedmin jew jikkooperaw b’mod ieħor b’informazzjoni jew f’investigazzjoni kriminali fuq persuna ssuspettata bi traffikar ta’ bnedmin jew fi proċedura ġudizzjarja ta’ din il-persuna fuq il-mertu, jew jekk jirrinunzjawx għal dan. Il-Pulizija jew il-KMar għandhom joffru lill-allegata vittma perijodu ta’ riflessjoni mal-inqas indizju li hemm involut traffikar ta’ bnedmin u/jew fuq intervent tal-Inspectie Sociale Zaken en Werkgelegenheid (l-Ispettorat tal-Affarijiet Soċjali u tal-Impjiegi, il-Pajjiżi l-Baxxi) […] Matul il-perijodu ta’ riflessjoni, id-DIN għandu jissospendi t-tluq barra mill-Pajjiżi l-Baxxi tal-allegata vittma tat-traffikar tal-bnedmin. Il-perijodu ta’ riflessjoni huwa perijodu li jingħata biss darba u li ma jistax jiġi estiż. Il-perijodu ta’ riflessjoni huwa miftuħ esklużivament għaċ-ċittadini barranin li huma residenti b’mod illegali fil-Pajjiżi l-Baxxi u li:
Il-benefiċċju tal-perijodu ta’ riflessjoni ma huwiex miftuħ għax-xhieda-whistleblowers tat-traffikar tal-bnedmin. Id-DIN jagħti l-perijodu ta’ riflessjoni liċ-ċittadini barranin imqiegħda f’detenzjoni esklużivament bil-kunsens tal-Prosekutur Pubbliku u tal-pulizija jew tal-KMar. Matul il-perijodu ta’ riflessjoni, l-allegata vittma għandha tippreżenta ruħha darba fix-xahar quddiem l-unità reġjonali tal-Pulizija jew tal-KMar li magħha ġiet assenjata amministrattivament. Il-perijodu ta’ riflessjoni jintemm fil-mument li fih:
Meta jintemm il-perijodu ta’ riflessjoni, id-DIN ineħħi s-sospensjoni tat-tluq tal-persuna kkonċernata.” |
Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
23 |
Wara li ppreżenta tliet applikazzjonijiet għall-ażil fl-Italja kif ukoll applikazzjoni għal ażil supplimentari fil-Belġju, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ta’ nazzjonalità Niġerjana, talab l-ażil fil-Pajjiżi l-Baxxi fis‑26 ta’ April 2019. |
24 |
Fit‑3 ta’ Ġunju 2019, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bagħat lir-Repubblika Taljana talba għall-finijiet tat-teħid lura tal-persuna kkonċernata, fis-sens tal-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III. Ir-Repubblika Taljana aċċettat dan it-teħid lura fit‑13 ta’ Ġunju sussegwenti. |
25 |
Fit‑18 ta’ Lulju 2019, is-Segretarju tal-Istat informa lir-rikorrent fil-kawża prinċipali bl-intenzjoni tiegħu li jiċħad l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu, mingħajr eżami, peress li r-Repubblika Taljana kienet l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu, skont ir-Regolament Dublin III. |
26 |
Fit‑30 ta’ Lulju 2019, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ddikjara li kien vittma tat-traffikar tal-bnedmin fl-Italja u li rrikonoxxa wieħed mill-awturi ta’ dan ir-reat f’ċentru tal-akkoljenza fil-Pajjiżi l-Baxxi. Dwar dan huwa nstema’ mill-Pulizija tal-Immigrazzjoni. |
27 |
Permezz tad-deċiżjoni tat‑12 ta’ Awwissu 2019, is-Segretarju tal-Istat irrifjuta li jeżamina l-applikazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali intiża għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza temporanja abbażi tal-ażil, minħabba li r-Repubblika Taljana kienet l-Istat Membru responsabbli skont ir-Regolament Dublin III. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, is-Segretarju tal-Istat ordna t-trasferiment tar-rikorrent fil-kawża prinċipali lejn l-Italja. |
28 |
Fit‑3 ta’ Ottubru 2019, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq ilment quddiem l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi abbażi tal-fatt li kien vittma ta’ traffikar ta’ bnedmin. |
29 |
Skont l-elementi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Uffiċju tal-Prosekutur tal-Pajjiżi l-Baxxi kkonkluda, wara eżami, li fil-Pajjiżi l-Baxxi ma kien hemm l-ebda indizju li jsostni l-ilment tar-rikorrent fil-kawża prinċipali. Peress li l-kooperazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali f’investigazzjoni kriminali fil-Pajjiżi l-Baxxi ma kinitx neċessarja, l-ilment ta’ dan tal-aħħar ġie arkivjat mingħajr ebda azzjoni. |
30 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tat‑12 ta’ Awwissu 2019 quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa jsostni, b’mod partikolari, li din id-deċiżjoni hija illegali sa fejn, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/81, huwa kellu jingħata perijodu ta’ riflessjoni. |
31 |
Skont il-qorti tar-rinviju, id-domandi li jqumu huma dawk dwar jekk, f’xi mument mit‑30 ta’ Lulju 2019 ’il quddiem, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kellux jingħata l-perijodu ta’ riflessjoni previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/81 u jekk, f’każ ta’ risposta pożittiva, kienx possibbli għas-Segretarju tal-Istat, minkejja li dan il-perijodu ta’ riflessjoni ma kienx ingħata, li jieħu miżuri sabiex jipprepara t-tneħħija tar-rikorrent mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi u jekk – bħala segwitu għal din il-kwistjoni – jekk id-deċiżjoni tat‑12 ta’ Awwissu 2019 tikkostitwixxix ordni ta’ tneħħija, fis-sens tal-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-fatt li, minbarra l-elementi indikati fiċ-Ċirkolari dwar il-Barranin, id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi la jistabbilixxi t-tul u lanqas il-punt ta’ tluq ta’ dan il-perijodu ta’ riflessjoni u li, għalhekk, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2004/81 ma ġiex traspost f’dan id-dritt. |
32 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq it‑talba għal deċiżjoni preliminari
Fuq l‑ammissibbiltà
33 |
Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u dak Ċek għandhom dubji dwar ir-rilevanza tad-domandi preliminari mressqa għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. |
34 |
Skont il-Gvern Ċek, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/81 mitluba mill-qorti tar-rinviju hija manifestament nieqsa minn rabta mas-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, minn naħa, dan tal-aħħar sempliċement jallega li kien vittma ta’ reati marbuta mat-traffikar tal-bnedmin filwaqt li, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/81, din tapplika biss għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi “ li huma, jew kienu” vittmi ta’ tali reati. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Ċek jirrileva li mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax li l-awtoritajiet kompetenti kienu eżaminaw il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/81, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. |
35 |
Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni, min-naħa tiegħu, li l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva ma huwiex applikabbli għal ċittadin ta’ pajjiż terz, li, bħalma huwa l-każ tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, jirrisjedi b’mod regolari fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, fil-kwalità tiegħu ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali. |
36 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 59 u 61, kif ukoll tal‑25 ta’ Novembru 2021, État luxembourgeois (Informazzjoni dwar grupp ta’ persuni taxxabbli), C‑437/19, EU:C:2021:953, punt 81). |
37 |
In-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi, barra minn hekk, li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jidħlu d-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi. Id-deċiżjoni tar-rinviju għandha, barra minn hekk, tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali titlob l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2022, Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (Assigurazzjoni għall-mard komprensiva), C‑247/20, EU:C:2022:177, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda essenzjalment il-punt dwar jekk, mill-mument li fih ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ċittadin Niġerjan li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi, wara li jkun għamel dan fl-Italja u fil-Belġju, iddikjara, quddiem l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi, li kien vittma ta’ reati marbuta mat-traffikar tal-bnedmin kemm fl-Italja kif ukoll fil-Pajjiżi l-Baxxi, dawn l-awtoritajiet kellhomx jagħtuh il-perijodu ta’ riflessjoni previst fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2004/81 qabel ma setgħet tiġi legalment adottata d-deċiżjoni tat‑12 ta’ Awwissu 2019 ta’ trasferiment tal-persuna kkonċernata lejn it-territorju tar-Repubblika Taljana, b’applikazzjoni tar-Regolament Dublin III, liema deċiżjoni l-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk hija għandhiex tiġi kklassifikata bħala “ordni ta’ tneħħija”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2004/81. |
39 |
Konsegwentement, peress li l-qorti tar-rinviju ntalbet tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk, fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi kisrux l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/81, billi rrifjutaw lir-rikorrent fil-kawża prinċipali l-garanziji offruti skont dan l-artikolu, bl-ebda mod ma jidher li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni hija manifestament nieqsa minn rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali. |
40 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-oġġezzjoni tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u dak Ċek, ibbażata fuq l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/81 għall-kawża prinċipali, ma tirrigwardax l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda taqa’ taħt l-eżami fuq il-mertu tad-domandi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2020, Agro In 2001, C‑234/18, EU:C:2020:221, punt 44 u tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Komisia za protivodeystvie na koruptsiyata i za otnemane na nezakonno pridobitoto imushtestvo, C‑319/19, EU:C:2021:883, punt 25). |
41 |
Konsegwentement, it-talba għal domanda preliminari hija ammissibbli. |
Fuq il‑mertu
42 |
Fir-rigward tal-ordni tal-eżami tad-domandi magħmula fit-talba għal deċiżjoni preliminari, għandha tingħata risposta, qabel kollox, għat-tieni domanda, li għandha bħala suġġett l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ordni ta’ tneħħija”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2004/81 u l-punt dwar jekk dan il-kunċett ikoprix deċiżjoni li permezz tagħha Stat Membru jittrasferixxi ċittadin ta’ pajjiż terz lejn Stat Membru ieħor skont ir-Regolament Dublin III. Sussegwentement, hemm lok li tingħata risposta għat-tielet domanda, li permezz tagħha din il-qorti tistaqsi dwar il-portata tal-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2004/81. Fl-aħħar nett, hemm lok li tiġi eżaminata l-ewwel domanda, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-regoli ta’ komputazzjoni applikabbli għall-perjodu ta’ riflessjoni previst fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva. |
Fuq it‑tieni domanda
– Osservazzjonijiet preliminari
43 |
Qabel ma jsir l-eżami tat-tieni domanda, għandha tingħata risposta, fl-ewwel lok, għall-argument imressaq mill-Gvern Ċek, imsemmi fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, li, essenzjalment, il-perijodu ta’ riflessjoni stabbilit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/81 ma għandux ikun ta’ benefiċċju għal ċittadin ta’ pajjiż terz li sempliċement jallega li kien vittma ta’ reati marbuta mat-traffikar tal-bnedmin. |
44 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/81, din għandha l-għan li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ permessi ta’ residenza għal żmien limitat liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jikkooperaw fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin jew kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali. |
45 |
Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membru għandhom japplikaw din id-direttiva għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li huma, jew kienu vittmi ta’ reati relatati mat-traffikar tal-bnedmin, anki jekk ikunu daħlu illegalment fit-territorju tal-Istati Membri. |
46 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi obbligu għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jinformaw lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz dwar il-garanziji offruti mill-istess direttiva meta huma jqisu li “jista’ jaqa’ taħt il-qasam ta’ applikazzjoni ” tagħha. Fost dawn il-garanziji, hemm, skont il-premessa 11 tad-Direttiva 2004/81, id-dritt li wieħed jibbenefika mill-perijodu ta’ riflessjoni previst fl-Artikolu 6(1) tagħha. |
47 |
L-għan ta’ dan il-perijodu ta’ riflessjoni huwa, skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, li jiġi żgurat li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati jkunu jistgħu jistabbilixxu ruħhom mill-ġdid u jevitaw l-influwenza tal-awturi tar-reati li huma vittmi tagħhom jew li kienu vittmi tagħhom, b’tali mod li dawn iċ-ċittadini jkunu f’pożizzjoni li jiddeċiedu jekk jikkooperawx jew le mal-awtoritajiet kompetenti f’dan ir-rigward. |
48 |
Skont l-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva matul il-perijodu ta’ riflessjoni, u sakemm tittieħed deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati għandhom aċċess għat-trattament previst fl-Artikolu 7 tagħha u l-ebda ordni ta’ tneħħija ma tista’ tiġi eżegwita fil-konfront tagħhom. |
49 |
Billi jippreċiża li l-miżuri li jibbenefikaw minnhom dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, matul il-perijodu ta’ riflessjoni, japplikaw “waqt li tkun mistennija d-deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti”, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2004/81 jirreferi impliċitament għall-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, li jipprovdi li permess ta’ residenza jista’ jingħata, taħt ċerti kundizzjonijiet, lil dawn iċ-ċittadini fi tmiem il-perijodu ta’ riflessjoni jew qabel. Issa, mill-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva, speċjalment mill-punt (ċ) tiegħu, jirriżulta li l-għoti ta’ tali dritt ta’ residenza ma jeħtieġx li jintwera’ li l-imsemmija ċittadini huma jew kienu vittmi ta’ reati marbuta mat-traffikar tal-bnedmin. Minn dan isegwi a fortiori li l-istess ċittadini jistgħu jibbenefikaw mill-perijodu ta’ riflessjoni, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-istess direttiva, minkejja li ma ġiex stabbilit li huma jew kienu vittmi ta’ tali reati. F’dan ir-rigward, mill-qari flimkien tal-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2004/81 jirriżulta li tali perijodu ta’ riflessjoni għandu jiġi rrikonoxxut lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz hekk kif l-Istat Membru kkonċernat ikollu raġunijiet raġonevoli sabiex jikkunsidra li dan iċ-ċittadin jista’ jkun jew kien vittma ta’ reati marbuta mat-traffikar tal-bnedmin, li huwa neċessarjament il-każ meta dan iċ-ċittadin isostni, quddiem waħda mill-awtoritajiet mitluba sabiex teżamina s-sitwazzjoni tiegħu, b’mod suffiċjentement plawżibbli, li huwa vittma jew kien vittma ta’ tali trattament. |
50 |
F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat‑12 ta’ Awwissu 2019 li l-qorti tar-rinviju għandha tistħarreġ il-legalità tagħha, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali allega li kien vittma tat-traffikar tal-bnedmin, iddikjara li ried iressaq ilment f’dan ir-rigward u indika li kien għaraf lil wieħed mill-awturi ta’ dan ir-reat f’ċentru ta’ akkoljenza fil-Pajjiżi l-Baxxi. Għaldaqstant, jidher li r-rikorrent fil-kawża prinċipali allega, b’mod suffiċjentement plawżibbli, li kien vittma tat-traffikar tal-bnedmin, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
51 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument imressaq mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, li l-perijodu ta’ riflessjoni, previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/81, huwa, min-natura tiegħu, inapplikabbli fir-rigward ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali sa fejn dan tal-aħħar jirrisjedi b’mod regolari fit-territorju ta’ Stat Membru, u għalhekk ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, għandu jiġi osservat li ebda dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva ma tagħmel distinzjoni bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati abbażi tar-residenza tagħhom, legali jew le, fit-territorju tal-Istati Membri. Għall-kuntrarju, din id-direttiva, billi tindika, fl-Artikolu 3(1) tagħha, li hija tapplika għall-vittmi ta’ reati marbuta mat-traffikar tal-bnedmin, “anke jekk” huma “ikunu daħlu illegalment fit-territorju ta’ l-Istati Membri”, bl-ebda mod ma teskludi li dawn il-vittmi, li daħlu u jirrisjedu b’mod legali fit-territorju ta’ Stat Membru, jibbenefikaw mill-garanziji mogħtija mill-imsemmija direttiva. |
52 |
Barra minn hekk, mill-premessa 4 tad-Direttiva 2004/81 jirriżulta li d-drittijiet li hija tagħti lil ċerti ċittadini ta’ pajjiżi terzi huma bla ħsara, b’mod partikolari, għall-garanziji li jirriżultaw għalihom mill-kwalità eventwali tagħhom ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali. Minn dan isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni bl-ebda mod ma eskluda li d-Direttiva 2004/81 tista’ tirrikonoxxi drittijiet oħra minbarra dawk mogħtija lil dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi minħabba l-kwalità tagħhom ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-bżonnijiet speċifiċi marbuta mas-sitwazzjoni tagħhom ta’ vulnerabbiltà partikolari, bħall-bżonnijiet fil-qasam tas-sigurtà u tal-protezzjoni min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali previsti fl-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva. |
– Fuq il‑mertu
53 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2004/81 għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ordni ta’ tneħħija” l-ordni li permezz tagħha jitwettaq it-trasferiment ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz mit-territorju ta’ Stat Membru lejn dak ta’ Stat Membru ieħor, b’applikazzjoni tar-Regolament Dublin III. |
54 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-Direttiva 2004/81 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “ordni ta’ tneħħija” u ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tiegħu. Għaldaqstant hemm lok li tingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi ta’ dan il-kunċett, fis-sens tad-Direttiva 2004/81 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, The North of England P & I Association, C‑786/19, EU:C:2021:276, punt 49). |
55 |
F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija, C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
56 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minn perspettiva letterali, il-kelma “tneħħija”, fis-sens abitwali tagħha, ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk it-territorju li l-persuna li għandha titneħħa għandha titlaq huwiex dak tal-Istat Membru li jadotta l-ordni ta’ tneħħija kkonċernata jew dak tal-Unjoni kollu kemm hu. Madankollu, mill-għanijiet tad-Direttiva 2004/81 kif ukoll mill-kuntest tal-Artikolu 6(1) tagħha jirriżulta li l-ordni, li l-eżekuzzjoni tagħha hija pprojbita skont dan l-artikolu, hija dik li permezz tagħha l-persuna kkonċernata tiġi ordnata titlaq mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. |
57 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-għanijiet tad-Direttiva 2004/81, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva kif ukoll mill-premessi 2, 4 u 11 tagħha, l-imsemmija direttiva għandha l-għan doppju li tikkonċentra l-isforzi fuq l-intraċċar u l-iżmantellar ta’ networks kriminali, filwaqt li tipproteġi d-drittijiet tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, billi tippermetti lil dawn il-vittmi, matul ċertu perijodu, b’mod partikolari, li jirriflettu dwar il-possibbiltà li jikkoperaw mal-awtoritajiet tal-pulizija, tal-prosekuzzjoni jew ġudizzjarji nazzjonali, fil-kuntest tal-ġlieda kontra tali reat. |
58 |
Huwa, konformement ma’ dan l-għan doppju ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-vittma tat-traffikar tal-bnedmin u ta’ kontribuzzjoni għall-effettività tal-proċeduri kriminali, li d-Direttiva 2004/81 stabbilixxiet il-perijodu ta’ riflessjoni previst fl-Artikolu 6(1) tagħha, li, kif tipprevedi din id-dispożizzjoni, huwa intiż sabiex jiggarantixxi li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati jkunu jistgħu jistabbilixxu ruħhom mill-ġdid u jevitaw l-influwenza tal-awturi tar-reati li huma vittmi tagħhom jew li kienu vittmi tagħhom, b’tali mod li dawn iċ-ċittadini jkunu f’pożizzjoni li jiddeċiedu b’għarfien sħiħ tal-fatti li jikkooperaw jew le mal-awtoritajiet kompetenti. |
59 |
Huwa wkoll fid-dawl ta’ dan l-għan doppju li, matul dan il-perijodu ta’ riflessjoni, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2004/81 jirrikjedi mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab il-persuna kkonċernata, minn naħa, li jissodisfa, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti essenzjali ta’ din tal-aħħar billi tingħata t-trattament previst fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, li jirrinunzja l-infurzar ta’ kull ordni ta’ tneħħija matul dan il-perijodu, filwaqt li l-persuna kkonċernata tiġi temporanjament awtorizzata tibqa’ fit-territorju “waqt li tkun mistennija d-deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti”. Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva, essenzjalment, fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn iż-żewġ rekwiżiti huma marbuta peress li l-miżuri ta’ assistenza u ta’ għajnuna, imsemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/81, li għandhom jiġu żgurati matul il-perijodu ta’ riflessjoni, ma jistgħux ikunu ssodisfatti kompletament jekk il-persuna kkonċernata tkun telqet mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. |
60 |
Li jiġi kkunsidrat li, matul l-imsemmi perijodu ta’ riflessjoni, l-“ordni ta’ tneħħija”, imsemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2004/81 u li l-eżekuzzjoni tagħha hija pprojbita, ma tkoprix deċiżjoni ta’ trasferiment lejn Stat Membru ieħor, meħuda b’applikazzjoni tar-Regolament Dublin III, tkun għalhekk ta’ natura li tikkomprometti t-twettiq tal-għan doppju mfittex minn din id-direttiva. |
61 |
Fil-fatt, minn naħa, l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni ta’ trasferiment matul il-perijodu ta’ riflessjoni previst fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2004/81 twassal sabiex tneħħi lill-vittma tat-traffikar tal-bnedmin mis-servizzi ta’ għajnuna speċjalizzati li mingħandhom hija setgħet issib sostenn u b’hekk ittemm it-trattament mogħti lilha f’dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/81, li jippreġudika l-istabbiliment mill-ġdid ta’ din il-vittma u, konsegwentement, tkabbar il-vulnerabbiltà tagħha. |
62 |
Min-naħa l-oħra, l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni, fl-istadju bikri li fih jidħol il-perijodu ta’ riflessjoni mogħti lill-vittma tat-traffikar tal-bnedmin, hija ta’ natura li tippreġudika l-kooperazzjoni ta’ din il-vittma fl-investigazzjoni kriminali u/jew fil-proċedura ġudizzjarja. Fil-fatt, it-trasferiment tal-imsemmija vittma lejn Stat Membru ieħor anki qabel ma setgħet, matul il-perijodu ta’ riflessjoni li hija tibbenefika minnu, tiddeċiedi dwar ir-rieda tagħha li tikkoopera f’din l-investigazzjoni u/jew f’din il-proċedura, iċaħħad mhux biss lill-awtoritajiet kompetenti minn xhieda li tista’ tkun partikolarment utli sabiex jinbdew proċeduri kontra l-awturi tar-reat ikkonċernat, iżda jwassal, paradossalment, biex il-persuna kkonċernata titneħħa mit-territorju tal-Istat Membru kompetenti, minkejja li għandha tkun preżenti hemmhekk sabiex tkun assoċjata, sa fejn ikun meħtieġ, mal-imsemmija investigazzjoni u/jew l-imsemmija proċedura. |
63 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest li fih jidħol il-perijodu ta’ riflessjoni previst fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2004/81, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 5 tagħha, jaqa’ fuq l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tal-vittma tat-traffikar tal-bnedmin, obbligu ta’ informazzjoni minn qabel dwar il-“possibiltajiet offerti [minn din id-direttiva]”. Fost dawn il-possibbiltajiet hemm mhux biss dik li wieħed jibbenefika minn dan il-perijodu ta’ riflessjoni, iżda wkoll dawk li jirċievu l-miżuri ta’ assistenza u ta’ għajnuna previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/81 u, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jingħatalhom permess ta’ residenza temporanja, skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, li, skont il-premessa 9 tagħha, għandu jikkostitwixxi “inċentiv suffiċjenti” għall-vittma sabiex tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti. |
64 |
Issa, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva, essenzjalment, fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-obbligu ta’ informazzjoni jitlef l-effett utli jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun awtorizzat, matul il-perijodu ta’ riflessjoni previst fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2004/81, jittrasferixxi lill-persuna kkonċernata lejn Stat Membru ieħor, filwaqt li l-Istat Membru kkonċernat impenja ruħu li jagħtiha, matul dan il-perijodu, il-benefiċċju tal-miżuri msemmija iktar ’il fuq kif ukoll il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza temporanja fit-territorju tiegħu, sa mhux iktar tard minn tali perijodu, meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jkunu ssodisfatti. |
65 |
L-interpretazzjoni preċedenti ma tistax tiġi kkontestata mill-eżami tad-Direttiva 2001/40 u tad-Direttiva 2004/38, imsemmija mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn id-direttivi, li huma stess ma jipprovdu l-ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “ordni ta’ tneħħija”, ma jippermettux li jinsiltu tagħlimiet univoċi dwar il-portata ġeografika ta’ tali kunċett, fis-sens tad-Direttiva 2004/81. L-argument imressaq mill-Gvern Ġermaniż, li huwa bbażat b’mod partikolari fuq id-Direttiva 2001/40 u li jipprovdi li l-kunċett ta’ “ordni ta’ tneħħija” huwa tipikament użat fir-relazzjonijiet mal-Istati terzi, huwa, minn perspettiva strettament letterali, ikkontestat mill-użu ta’ dan il-kunċett, b’mod partikolari fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 2004/38, li jkopri, mingħajr ebda dubju, it-tneħħija mit-territorju ta’ Stat Membru u mhux it-tneħħija mit-territorju tal-Unjoni fl-intier tiegħu. Barra minn hekk, id-Direttiva 2004/81 lanqas ma tagħmel riferiment għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 343/2003, li kien fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni ta’ din tal-aħħar u li, mit‑18 ta’ Lulju 2013, tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament Dublin III, li, barra minn hekk, lanqas ma jsemmi din l-aħħar direttiva. |
66 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2004/81 għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ordni ta’ tneħħija” l-ordni li permezz tagħha jitwettaq it-trasferiment ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz mit-territorju ta’ Stat Membru lejn dak ta’ Stat Membru ieħor, skont ir-Regolament Dublin III. |
Fuq it‑tielet domanda
67 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2004/81 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li deċiżjoni ta’ trasferiment, meħuda skont ir-Regolament Dublin III, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, tiġi adottata jew eżegwita, jew li miżuri preparatorji għall-eżekuzzjoni tagħha jinbdew, matul il-perijodu ta’ riflessjoni previst fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva. |
68 |
Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2004/81, matul dan il-perijodu ta’ riflessjoni, “m’għandux ikun possibbli li tiġi infurzata kwalunkwe ordni ta’ espulsjoni” fir-rigward taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi kkonċernati. |
69 |
Għaldaqstant, fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2004/81 ma jipprojbixxi la l-adozzjoni ta’ ordni ta’ tneħħija u lanqas kwalunkwe miżura preparatorja oħra għall-eżekuzzjoni tagħha. |
70 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, din id-dispożizzjoni tipprekludi biss li, matul il-perijodu ta’ riflessjoni mogħti konformement mal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, tiġi eżegwita deċiżjoni ta’ trasferiment, adottata skont ir-Regolament Dublin III, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. |
71 |
Madankollu, kif indika l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa importanti li, fl-adozzjoni ta’ miżuri preparatorji għall-eżekuzzjoni tagħha matul il-perijodu ta’ riflessjoni previst fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2004/81, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jikkompromettux it-twettiq tal-għan doppju, imfakkar fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, li din id-dispożizzjoni tfittex li tilħaq. Għaldaqstant, għalkemm l-adozzjoni ta’ miżuri preparatorji għall-eżekuzzjoni tagħha, matul dan il-perijodu ta’ riflessjoni, ma hijiex ipprojbita, hija madankollu ma tistax tneħħi l-effett utli ta’ tali perijodu, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, jekk il-miżuri preparatorji għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni jikkonsistu fit-tqegħid f’detenzjoni tal-vittma tat-traffikar tal-bnedmin, għall-finijiet tat-trasferiment tagħha, peress li tali miżuri preparatorji ma jippermettux, b’mod partikolari, lil din tal-aħħar, fid-dawl tal-vulnerabbiltà tagħha, la li terġa’ tistabbilixxi ruħha, u lanqas li tiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal-fatti, li tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija tkun preżenti. |
72 |
Għandu jingħad ukoll li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2004/81 ma hijiex ta’ natura li tikkomprometti l-osservanza tat-termini ddefiniti b’mod ċar u relattivament qosra li fihom hija limitata l-proċedura amministrattiva ta’ trasferiment tar-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lill-Istat Membru mitlub, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III. |
73 |
Għalhekk, qabel kollox, mill-punt 69 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-għoti ta’ perijodu ta’ riflessjoni lil applikant għal protezzjoni internazzjonali, ma jipprekludix lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa jkun jinsab milli jippreżenta, matul dan il-perijodu ta’ riflessjoni, it-talba tiegħu għall-finijiet tat-teħid ta’ responsabbiltà ta’ dan l-applikant minn Stat Membru ieħor, konformement mal-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament u, fil-każ li jaċċetta dan tal-aħħar, li jadotta, matul l-imsemmi perijodu ta’ riflessjoni, deċiżjoni ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru hekk mitlub. |
74 |
Sussegwentement, huwa minnu li, skont l-Artikolu 29(1) u (2) tal-imsemmi regolament, sabiex jipproċedi bit-trasferiment tal-applikant, l-Istat Membru li jagħmel it-talba għandu terminu ta’ sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba għall-finijiet tat-teħid ta’ responsabbiltà jew tal-adozzjoni tad-deċiżjoni definittiva fuq appell mid-deċiżjoni ta’ trasferiment jew mir-reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, ta’ din id-deċiżjoni, meta l-effett sospensiv jingħata skont l-Artikolu 27(3) tal-istess regolament, u fin-nuqqas ta’ dan, l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba huwa għalhekk meħlus mill-obbligu tiegħu li jieħu r-responsabbiltà tal-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà hija għalhekk trażmessa lill-Istat Membru li jagħmel it-talba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, A.S., C‑490/16, EU:C:2017:585, punti 46, 57 u 58). |
75 |
Madankollu, fir-rigward tad-Direttiva 2004/81, għandu jitfakkar li, kif jipprevedi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tagħha, il-punt tat-tluq u t-tul tal-perijodu ta’ riflessjoni, previst f’din id-dispożizzjoni, huma stabbiliti skont id-dritt nazzjonali. |
76 |
Konsegwentement, huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw punt ta’ bilanċ bejn it-tul tal-perijodu ta’ riflessjoni li huma jagħtu lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin fit-territorji rispettivi tagħhom u l-osservanza tat-terminu previst fl-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dublin III, sabiex tiġi ggarantita l-artikulazzjoni korretta u l-preżervazzjoni tal-effett utli ta’ dawn l-istrumenti. |
77 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2004/81 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li deċiżjoni ta’ trasferiment, meħuda b’applikazzjoni tar-Regolament Dublin III, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, tiġi eżegwita matul il-perijodu ta’ riflessjoni ggarantit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 6, iżda ma jipprekludi la l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, u lanqas miżuri preparatorji għall-eżekuzzjoni ta’ din tal-aħħar, bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri preparatorji ma jċaħħdux mill-effett utli tali perijodu ta’ riflessjoni, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. |
Fuq l‑ewwel domanda
78 |
Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fl-assenza ta’ miżura ta’ transpożizzjoni fid-dritt nazzjonali, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2004/81 għandux jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, il-perijodu ta’ riflessjoni previst minn din id-dispożizzjoni jibda ipso iure mill-mument meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jinforma lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li huwa, jew li kien, vittma ta’ traffikar tal-bnedmin u, min-naħa l-oħra, jintemm ipso iure wara li dan iċ-ċittadin ikun ressaq ilment li huwa kien vittma tat-traffikar tal-bnedmin jew, għall-kuntrarju, ikun informa lil dawn l-awtoritajiet li jirrinunzja għalih. |
79 |
F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, kif miġbura fil-qosor fil-punti 23 sa 30 ta’ din is-sentenza, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fl-ebda mument qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment tat‑12 ta’ Awwissu 2019, ma informaw lir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li kien preċedentement allega li kien vittma tat-traffikar tal-bnedmin, iddikjara li ried iressaq ilment f’dan ir-rigward u li kien indika li kien għaraf lil wieħed mill-awturi ta’ dan ir-reat f’ċentru ta’ akkoljenza fil-Pajjiżi l-Baxxi, bil-possibbilatijiet offruti fid-Direttiva 2004/81, inkluża l-possibbiltà li jibbenefika mill-perijodu ta’ riflessjoni stabbilit fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, u lanqas ma taw tali perijodu lir-rikorrent fil-kawża prinċipali. |
80 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, it-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-legalità tad-deċiżjoni tat‑12 ta’ Awwissu 2019 li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jiġi ttrasferit lejn l-Italja b’applikazzjoni tar-Regolament Dublin III. Issa, kif indikat fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2004/81 ma tipprekludix l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment matul il-perijodu ta’ riflessjoni previst fl-Artikolu 6(1) tagħha. Minn dan isegwi li, anki jekk jiġi preżunt li tali perijodu ta’ riflessjoni kellu jingħata lir-rikorrent fil-kawża prinċipali, l-irregolarità mwettqa mill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi, billi ma tawx, f’dan il-każ, tali perijodu ta’ riflessjoni, ma tistax taffettwa l-legalità tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, ikkontestata quddiem il-qorti tar-rinviju, peress li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/81 jipprekludi biss li tali deċiżjoni tiġi eżegwita meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx ingħata l-perijodu ta’ riflessjoni li huwa kien intitolat għalih skont dan l-Artikolu 6. |
81 |
Mill-punt preċedenti jirriżulta wkoll li, għall-finijiet tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tat‑12 ta’ Awwissu 2019, risposta għad-domanda dwar minn liema mument u sa liema data kellu jingħata perijodu ta’ riflessjoni lir-rikorrent fil-kawża prinċipali tkun twassal sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tifformula opinjoni konsultattiva dwar kwistjoni purament ipotetika. |
82 |
Issa, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, li ma huwiex għall-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 1992, Meilicke, C‑83/91, EU:C:1992:332, punt 25, u tat‑8 ta’ Ġunju 2017, OL, C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 33). |
83 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tirrispondi għall-ewwel domanda. |
Fuq l‑ispejjeż
84 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.