SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
22 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttivi 80/779/KEE, 85/203/KEE, 96/62/KE, 1999/30/KE u 2008/50/KE – Kwalità tal-arja – Valuri limitu ffissati għall-mikropartiċelli (PM10) u għad-diossidu tan-nitroġenu (NO2) – Qbiż – Pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja – Danni li ġew ikkawżati lil individwu minħabba d-degradazzjoni tal-arja li tirriżulta minn qbiż ta’ dawn il-valuri limitu – Responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat – Kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ din ir-responsabbiltà – Rekwiżit li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni miksura jkollha l-għan li tikkonferixxi drittijiet lill-partijiet leżi – Assenza”
Fil-Kawża C‑61/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour administrative d’appel de Versailles ((il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Versailles, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Jannar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Frar 2021, fil-proċedura
JP
vs
Ministre de la Transition écologique,
Premier ministre,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, E. Regan u L. S. Rossi, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.‑C. Bonichot, N. Piçarra, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen, N. Wahl, J. Passer (Relatur) u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: V. Giacobbo, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Marzu 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal JP, minn L. Gimalac, avocat, |
– |
għall-Gvern Franċiż, minn T. Stéhelin u W. Zemamta, bħala aġenti, |
– |
għall-Irlanda, minn M. Browne, M. Lane u J. Quaney, fil-kwalità ta’ aġenti, assistiti minn D. Fennelly, barrister, u S. Kingston, SC, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistit minn G. Palatiello, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u D. Krawczyk, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Olandiż, minn A. Hanje, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Noll-Ehlers u F. Thiran, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Mejju 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) u tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU 2008, L 152, p. 1). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn JP, minn naħa, u l-ministre de la Transition écologique (il-Ministru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika, Franza) u l-Premier ministre (il-Prim Ministru, Franza), min-naħa l-oħra, dwar it-talbiet ta’ JP intiżi, fost l-oħrajn, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-préfet du Val-d’Oise (il-Prefett ta’ Val-d’Oise, Franza) dwar ir-rifjut li jittieħdu l-miżuri neċessarji għar-riżoluzzjoni tal-problemi ta’ saħħa tiegħu marbuta mat-tniġġis atmosferiku u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens mir-Repubblika Franċiża ta’ diversi danni li JP jattribwixxi għal dan it-tniġġis. |
Il-kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 80/779/KEE
3 |
L-Artikolu 3 tad‑Direttiva tal-Kunsill 80/779/KEE tal‑15 ta’ Lulju 1980 dwar il-limiti tal-valuri tal-kwalità ta’ l-arja u gwidi għall-valuri tad-diossidju tal-kubrit u l-partiċelli ta’ l-arja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 142), kien jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jassiguraw li mill‑1 ta’ April 1983 il-konċentrazzjonijiet tad-diossidju tal-kubrit u l-partiċelli ta’ l-arja fl-atmosfera m’humiex aktar mill-limiti tal-valuri mniżżla fl-Anness I, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet li ġejjin. 2. Fejn Stat Membru jikkonsidra li hemm possibbilità li, minkejja l-miżuri meħuda, il-konċentrazzjonijiet taddiossidju tal-kubrit u l-partiċelli ta’ l-arja fl-atmosfera jistgħu, wara l‑1 ta’ April 1983, f’ċerti żoni jaqbżu l-limiti tal-valuri mniżżla fl-Anness 1, għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan qabel l‑1 t’Ottubru 1982. Fl-istess ħin għandu jgħaddi lill-Kummissjoni pjanijiet għat-titjib progressiv tal-kwalità ta’ l-arja f’dawk iż-żoni. Dawn il-pjanijiet, mħejjija fuq il-bażi ta’ informazzjoni relevanti fuq in-natura, l-oriġini u l-evoluzzjoni tat-tniġġis, għandhom jiddiskrivu b’mod partikolari l-miżuri meħuda jew li għandhom jittieħdu u l-proċeduri implimentati jew li għandhom jiġu mplimentati mill-Istati Membri konċernati. Dawn il-miżuri u proċeduri għandhom iġibu il-konċentrazzjonijiet tad-diossidju tal-kubrit u l-partiċelli ta’ l-arja fl-atmosfera f’dawn iż-żoni għall-valuri inqas jew daqs il-limiti tal-valuri mniżżla fl-Anness I mill-aktar fis possibli u sa mhux aktar tard mill‑1 ta’ April 1993.” |
4 |
Skont l-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din id-direttiva: “1. Wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni, mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-għeluq (31 ta’ Marzu) tal-perjodu ta’ referenza annwali, b’sitwazzjonijiet fejn inqabżu l-limiti tal-valuri stabbiliti fl-Anness I u bil-konċentrazzjonijiet rekordjati. 2. Għandhom ukoll javżaw lill-Kummissjoni, mhux akatar tard minn sena wara l-għeluq tal-perjodu ta’ referenza annwali, bir-raġunijiet għal dawn is-sitwazzjonijiet u bil-miżuri li huma ħadu sabiex jevitaw li dawn jerġgħu jiġru.” |
5 |
L-Anness I tal-imsemmija direttiva, intitolat “Limiti tal-valuri għad-diossidju tal-kubrit u għall-partiċelli ta’ l-arja”, kien jipprovdi, fit-tabella B tiegħu: “Limitu tal-valuri għal-partiċelli ta’ l-arja (kif inhuma mkejjla bil-metodu tad-duħħan l-iswed (1)] espressi f’μg/m3
|
Id‑Direttiva 85/203/KEE
6 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/203/KEE tas‑7 ta’ Marzu 1985 dwar l-istandards ta’ kwalità tà l-arja għan-nitroġenu dijossidu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 239), kien jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiġi żgurat li mill-1 ta’ Lulju 1987 il-konċentrazzjonijiet ta’ nitroġenu dijossidu fl-atmosfera li jkunu tkejlu f’konformità ma’ l-Anness III ma jeċċedux il-valur ta’ limitu kif stipulat fl-Anness I. 2. Iżda, meta f’ċirkostanzi partikolari l-konċentrazzjonijiet ta’ nitroġenu dijossidu fl-atmosfera f’ċertu żoni x’aktarx, minkejja l-miżuri li jkunu ttieħdu, ikunu jeċċedu l-valur ta’ limitu stabbilit fl-Anness I wara l‑1 ta’ Lulju 1987, l-Istati Membri konċernati għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar dan qabel l‑1 ta’ Lulju 1987. Dan għandu jgħaddi lill-Kummissjoni l-pjanijiet għall-iżvilupp gradwali tal-kwalità ta’ l-arja f’dawn iż-żoni mill-aktar fis. Dawn il-pjanijiet, imfassla fuq il-bażi ta’ informazzjoni relevanti fuq in-natura, l-oriġini u l-iżvilupp ta’ dan it-tniġġiż, għandhom jiddeskrivu, partikolarment, il-miżuri li jkunu ttieħdu jew ser jittieħdu u l-proċeduri implimentati jew li ser ikunu implimentati mill-Istat Membru konċernat. Dawn il-miżuri u proċeduri għandu jkollhom l-għan li jnaqqsu l-konċentrazzjonijiet ta’ nitroġenu dijossidu fl-atmosfera f’dawn iż-żoni għal valuri li ma jeċċedux il-valur ta’ limitu stipulat fl-Anness I mill-aktar fis u mhux aktar tard mill‑1 ta’ Jannar 1994.” |
7 |
Skont l-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din id-direttiva: “1. Mill‑1 ta’ Lulju 1987 l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni, mhux aktar tard minn sitt xhur wara t-tmiem (31 ta’ Diċembru) tal-perjodu ta’ referenza annwali, dwar id-drabi li fihom il-valur ta’ limitu fl-Anness I ikun maqbuż u dwar il-konċentrazzjonijiet li jkunu ġew reġistrati. 2. L-Istati Membri għandhom ukoll javżaw lill-Kummissjoni, mhux aktar tard minn sena wara t-tmiem tal-perjodu ta’ referenza annwali, dwar ir-raġunijiet għalfejn il-valur ta’ limitu jkun inqabeż u dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu.” |
8 |
L-Anness I tal-imsemmija direttiva, intitolat “Valuri ta’ limitu għal nitroġenu dijossidu”, kien jipprevedi: “Il-limitu ta’ valur għandu jkun espress f’μg/m3. Il-volum għandu jkun iffissat għal dawn il-kondizzjonijiet ta’ temperatura u pressjoni: 293o K [Kelvin] u 101,3 kPa [kilopascal]
|
Id‑Direttiva 96/62/KE
9 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/62/KE tas‑27 ta’ Settembru 1996 dwar l-istima u l-immaniġġar tal-kwalità ta’ l-arja ċirkostanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 95), intitolat “L-iffissar tal-valuri limiti u ta’ l-għetiebi [tal-limiti massimi] tat-twissija għall-arja ċirkostanti”, kien jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu: “1. […] il-Kummissjoni għandha tissottometti proposti lill-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] proposi għall-iffissar tal-valuri limiti u, kif approprjat, l-għetiebi [il-limiti massimi] tat-twissija […]: […] 5. B’konformità mat-Trattat, il-Kunsill għandu jadotta l-leġislazzjoni prevista fil-paragrafu 1 u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4.” |
10 |
L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Titjib fil-kwalità ta’ l-arja ċirkostanti – Rekwiżiti ġenerali”, kien jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jikkonfomaw ma’ din id-Direttiva qabel it‑18 ta’ Settembru 1992. 2. Miżuri meħuda biex jinkisbu l-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom:
3. L-Istati Membri għandhom ifasslu pjani għall-azzjoni li jindikaw il-miżuri li sa jittieħdu fuq medda qasira meta jkun hemm riskju li l-għetiebi [il-valuri] limitu u/jew ta’ twissija[il-limiti massimi ta’ twissija] jkunu sa jinqabżu, biex jitnaqqas dak ir-riskju u biex jiġi limitat it-tul ta’ żmien ta’ dik l-okkorrenza. Dawn il-pjani jistgħu, filwaqt li jiddependi fuq il-każi individwali, jipprovdu għal miżuri biex jikkontrollaw, u fejn ikun meħtieġ, jissospendu attivitajiet, inkluż it-traffiku tal-vetturi bil-mutur, li jikkontribwixxu biex il-valuri limiti jinqabżu.” |
11 |
Skont l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Miżuri applikabbli f’żoni fejn il-livelli jkunu ogħla mill-valur limitu”: “1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu lista taż-żoni u l-agglomerazzjonijiet li fihom il-livelli ta’ inkwinant wieħed jew aktar minn wieħed ikunu ogħla mill-valur limitu miżjud bil-marġini tat-tolleranza. Meta ebda marġini ta’ tolleranza ma jkun ġie ffissat għal inkwinant, żoni jew agglomerazzjonijiet speċifiċi li fihom il-livell ta’ l-inkwinant jeċċedi l-valur limitu għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħaż-żoni u l-agglomerazzjonijiet l-oħra msemmija fl-ewwel subparagrafu, u l-paragrafi 3, 4 u 5 għandhom jgħoddu għalihom. 2. L-Istati Membri għandhom jagħmlu lista taż-żoni u l-agglomerazzjonijiet li fihom il-livelli ta’ inkwinant wieħed jew aktar minn wieħed ikunu ogħla mill-valur limitu miżjud bil-marġini tat-tolleranza. 3. Fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri biex jiżguraw li pjan jew programm jitħejja jew jiġi implimentant biex jintlaħaq il-valur limitu fil-limitu ta’ żmien speċifikat. Il-pjan jew il-programm imsemmi, li għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, għandu jħaddan fih talanqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness IV. 4. Fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, meta l-livell ta’ iżjed minn inkwinant wieħed ikun ogħla mil-valuri limitu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu pjan integrat li jkopri l-inkwinanti kollha konċernati. 5. Il-Kummissjoni għandha tiċċekkja regolarment l-implimentazzjoni tal-pjani jew il-programmi mressqa taħt il-paragrafu 3 billi teżamina l-progress tagħhom u t-tendenzi fl-inkwinament ta’ l-arja. 6. Meta l-livell ta’ l-inkwinant jiskorri, jew aktarx ikun sa jiskorri, il-valur limitu biż-żieda tal-marġini tat-tolleranza jew, kif jista’ jkun il-każ, il-limitu tat-twissija, wara tniġġis qawwi li jkun ġej minn Stat Membru ieħor, l-Istati Membri l-oħra għandhom jikkonsultaw lil xulxin bil-għan li jsibu soluzzjoni. Il-Kummissjoni tista’ tkun preżenti għal dawn il-konsultazzjonijiet”. |
12 |
L-Artikolu 13(1) tal-istess direttiva kien jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard minn 18‑il xahar minn wara li din tidħol fis-seħħ fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-Artikoli min 1 sa 4 u 12 and [u] l-Anness I, II, III u IV, u mhux aktar tard mid-data li fiha d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(5) jibdew jgħoddu, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati ma’ l-Artikoli l-oħra. […]” |
Id‑Direttiva 1999/30/KE
13 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/30/KE tat‑22 ta’ April 1999 dwar il-valuri ta’ limitu tad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu, materji f’partiċelli u ċomb fl-arja ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 164), intitolat “Dijossidu tan-nitroġenu u ossidi ta’ nitroġenu”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-konċentrazzjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu u, fejn japplika l-ossidi tan-nitroġenu, fl-arja ambjentali, kif stmata skond l-Artikolu 7, ma jeċċedux il-valuri ta’ limitu stabbiliti f’Sezzjoni I tal-Anness II mid-dati speċifikati hemmhekk. Il-marġini ta’ tolleranza stabbiliti f’Sezzjoni I tal-Anness II għandhom japplikaw skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 96/62/KE.” |
14 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/30, “Materja f’partiċelli”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ambjentali kif stmata skond l-Artikolu 7, ma teċċedix il-valuri tal-limitu stabbiliti f’Sezzjoni I ta’ l-Anness III mid-dati speċifikati hemmhekk. Il-marġini ta’ tolleranza stabbiliti f’Sezzjoni I tal-Anness III għandhom japplikaw skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 96/62/KE.” |
15 |
L-Artikolu 9 tad-Direttiva 1999/30, intitolat “Tħassir u arranġamenti transitorji”, kien jipprovdi: “1. Id-Direttiva [80/779] hija mħassra b’effett mid‑19 ta’ Lulju 2001, ħlief għall-Artikoli 1, 2(1), 3(1), 9, 15 u 16 tad-Direttiva 80/779/KEE u l-Anness I, IIIb u IV tiegħu għandhom jiġu mħassra b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2005. […] 3. Direttiva [85/203/KEE]għandha tiġi mħassra b’effett mid‑19 ta’ Lulju 2001, ħlief għallArtikolu 1(1), l-ewwel inċiż, u (2), 2, l-ewwel inċiż, 3(1), 5, 9, 15 u 16 tad-Direttiva 85/203/KEE u l-Anness I tagħha, li għandhom jiġu mħassra b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2010. […]” |
16 |
L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 1999/30, intitolat “Implimentazzjoni”, kien jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex iħarsu din id-Direttiva sad‑19 ta’ Lulju 2001. Għandhom jinformaw b’dan lill-Kummissjoni. […]” |
17 |
L-Anness II ta’ din direttiva, intitolat “Valuri ta’ limitu għad-diossidu tan-nitroġenu (NO2) u l-ossidi tan-nitroġenu (NOx) u l-limitu ta’ alert għad-dijossidu tan-nitroġenu”, kien jipprovdi: “I. Valuri ta’ limitu għad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu Il-valuri ta’ limitu għandhom jiġu espressi f’ μg/m3.. Il-volum irid jiġi standardizzat f’temperatura ta’ 293 K u pressjoni ta’ 101.3 kPa.
[…]” |
18 |
L-Anness III tal-imsemmija direttiva, intitolat “Valuri ta’ limitu għall-materja f’partiċelli (PM10)”, kien jipprovdi:
|
Id‑Direttiva 2008/50
19 |
Skont il-premessa 2 tad-Direttiva 2008/50: “Sabiex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kollu, huwa partikolarment importanti li l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu jiġu miġġielda f’ras il-għajn u li jiġu identifikati u implimentati l-miżuri l-iktar effettivi għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet fil-livell lokali, nazzjonali u Komunitarju. Għalhekk, għandhom jiġu evitati, impeduti jew imnaqqsa l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja u li jagħmlu l-ħsara u għandhom jiġu stabbiliti objettivi adegwati għall-kwalità ta’ l-arja ambjentali b’kont meħud ta’ l-istandards, il-linji gwida u l-programmi rilevanti ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.” |
20 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/50, intitolat “Suġġett”, jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu: “Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri mmirati lejn dan li ġej:
|
21 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-punti 5, 7, 8, 16 sa 18 u 24: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…]
[…]
[…]
|
22 |
L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50, intitolat “Valuri ta’ limitu u l-limiti ta’ allert għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha tagħhom, il-livelli tad-dijossidu tal-kubrit, PM10, iċ-ċomb u l-monossidu tal-karbonju fl-arja ta’ l-ambjent ma’ jaqbżux il-valuri ta’ limitu stabbiliti fl-Anness XI. Fir-rigward tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-benżina, il-valuri ta’ limitu speċifikati fl-Anness XI ma jistgħux jinqabżu mid-dati speċifikati fih. Il-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi valutata skond l-Anness III. Il-marġini ta’ tolleranza stabbiliti fl-Anness XI għandhom japplikaw skond l-Artikolu 22(3) u l-Arikolu 23(1).” |
23 |
L-Artikolu 23 tal-istess direttiva, intitolat “Pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fejn, fiż-żoni jew l-agglomerazzjonijiet stipulati, il-livelli ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja ta’ l-ambjent jaqbżu kwalunkwe valur ta’ limitu jew valur immirat, kif ukoll kwalunkwe marġni rilevanti tat-tolleranza f’kull każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu stabbiliti pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja għal dawk iż-żoni u agglomerazzjonijiet sabiex jinkiseb il-valur ta’ limitu jew valur immirat relatati speċifikati fl-Annessi XI u XIV. Fil-każ ta’ qabżiet ta’ dawk il-valuri ta’ limitu li għalihom id-data ta’ skadenza sabiex jintlaħqu diġà tkun skadiet il-pjan ta’ kwalità ta’ l-arja għandu jistabbilixxi miżuri adegwati, sabiex il-perijodu tal-qabża jkun jista’ jinżamm l-iqsar possibbli. Il-pjan għallkwalità ta’ l-arja jista’ jinkludi wkoll miżuri speċifiċi li jkollhom il-ħsieb li jipproteġu gruppi sensittivi fil-popolazzjoni, inklużi t-tfal. Dawk il-pjanijiet għall-kwalità ta’ l-arja għandhom jinkorporaw ta’ l-anqas l-informazzjoni elenkata fit-Taqsima A ta’ l-Anness XV u jistgħu jinkludu miżuri skond l-Artikolu 24. Dawk il-pjanijiet għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni mingħajr dewmien, iżda mhux aktar tard minn sentejn wara l-aħħar ta’ dik is-sena fejn tkun ġiet osservata l-ewwel qabża. Fejn għandhom jiġu preparati jew implimentati pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja fir-rigward ta’ diversi sustanzi li jniġġsu, l-Istati Membri għandhom, fejn ikun il-każ, jippreparaw u jimplimentaw pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja integrati li jkopru l-s-sustanzi li jniġġsu kollha kkonċernati.” |
24 |
L-Artikolu 31 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Tħassir u dispożizzjonijiet transizzjonali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Id-Direttivi 96/62/KE, 1999/30/KE […] għandhom b’dan jiġu imħassra b’effett mill‑11 ta’ Ġunju 2010, bla ħsara għall-obbligi ta’ l-Istati Membri dwar il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dawn id-Direttivi. […]” |
25 |
L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2008/50, intitolat “Traspożizzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel il‑11 ta’ Ġunju 2010. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri. […]” |
26 |
L-Artikolu 34 tal-istess direttiva, intitolat “Dħul fis-seħħ”, huwa fformulat kif ġej: “Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.” |
27 |
Skont l-Anness XI tal-imsemmija direttiva, intitolat “Valuri ta’ limitu għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem”. “[…] B. Valuri ta’ limitu
|
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
28 |
JP talab lit-tribunal administratif ta’ Cergy‑Pontoise (il-Qorti Amministrattiva ta’ Cergy‑Pontoise, Franza), fost l-oħrajn, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-Prefett ta’ Val‑d’Oise, li jagħmel parti mill-agglomerazzjoni ta’ Pariġi (Franza), dwar ir-rifjut li jittieħdu l-miżuri neċessarji għar-riżoluzzjoni tal-problemi ta’ saħħa tiegħu marbuta mat-tniġġis atmosferiku f’din l-agglomerazzjoni, liema problemi bdew fl‑2003, u, min-naħa l-oħra, il-kumpens mir-Repubblika Franċiża għad-diversi danni kkawżati lilu minħabba dan it-tniġġis u li huwa jevalwa għal EUR 21 miljun. |
29 |
JP jitlob il-kumpens, fost l-oħrajn, ta’ dannu relatat mad-deterjorament tal-istat ta’ saħħa tiegħu, li ġie kkawżat lilu mid-degradazzjoni tal-kwalità tal-arja fl-ambjent fl-agglomerazzjoni ta’ Pariġi, fejn jirrisjedi. Fil-fehma tiegħu, dan id-deterjorament jirriżulta min-nuqqas tal-awtoritajiet Franċiżi li jwettqu l-obbligi tagħhom taħt id-Direttiva 2008/50. |
30 |
Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2017, it-tribunal administratif ta’ Cergy‑Pontoise (il-Qorti Amministrattiva ta’ Cergy‑Pontoise) ċaħdet it-talbiet kollha ta’ JP, abbażi tal-fatt li, essenzjalment, l-Artikoli 13 u 23 tad-Direttiva 2008/50 ma jagħtu ebda dritt lill-individwi jiksbu kumpens għal kwalunkwe dannu mġarrab minħabba d-degradazzjoni tal-kwalità tal-arja. |
31 |
Permezz ta’ att tal‑25 ta’ April 2018, JP adixxa l-cour administrative d’appel de Versailles (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Versailles, Franza) b’appell minn din is-sentenza. |
32 |
Il-Ministru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika jitlob li l-imsemmi appell għandu jiġi miċħud. |
33 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour administrative d’appel de Versailles (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Versailles) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
34 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Għal dan il-għan, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Ministrstvo za obrambo, C‑742/19, EU:C:2021:597, punt 31). Il-fatt li qorti nazzjonali tkun ifformulat, minn perspettiva formali, domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-punti kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża quddiemha, indipendentement minn jekk għamlitx riferiment għalihom fid-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punt 28). |
35 |
F’dan il-każ, mir-risposta tal-qorti tar-rinviju għat-talba għal informazzjoni li saritilha mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jitlob li jiġi kkumpensat għad-danni li ġew ikkawżati lilu minn qbiż tal-valuri limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ NO2 u ta’ PM10 stabbiliti fl-Anness XI tad-Direttiva 2008/50, li ppreġudikaw l-istat ta’ saħħa tiegħu mis-sena 2003. |
36 |
Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 33(1) u l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2008/50, din tal-aħħar daħlet fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fil‑11 ta’ Ġunju 2008, u obbligat l-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-direttiva qabel il‑11 ta’ Ġunju 2010. Barra minn hekk, mill-Anness XI tal-imsemmija direttiva jirriżulta li d-dati li fihom il-valuri limitu kellhom jiġu osservati kienu l‑1 ta’ Jannar 2005 għal PM10 u l‑1 ta’ Jannar 2010 għal NO2. |
37 |
Skont l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2008/50, din tal-aħħar issostitwixxiet, b’effett mill‑11 ta’ Ġunju 2010, fost l-oħrajn, id-Direttivi 96/62 u 1999/30. |
38 |
Id-Direttiva 96/62 daħlet fis-seħħ fil‑21 ta’ Novembru 1996. Din kienet tipprovdi, fl-Artikolu 7 tagħha u, konformement mal-Artikolu 13(1) tagħha, moqri flimkien mal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 1999/30, mid‑19 ta’ Lulju 2001, rekwiżiti simili għal dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 13(1) u mill-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50. Madankollu, id-Direttiva 96/62 ma kinitx tistabbilixxi l-valuri limitu tal-konċentrazzjoni ta’ inkwinanti tal-arja fl-ambjent. Konformement mal-Artikolu 4(5) ta’ din id-direttiva, dawn ġew stabbiliti mid-Direttiva 1999/30. Id-dati li fihom il-valuri limitu previsti fl-Annessi II u III ta’ din l-aħħar direttiva kellhom jiġu osservati, konformement mal-Artikolu 4(1) u mal-Artikolu 5(1) tagħha, kienu ġew stabbiliti għall‑1 ta’ Jannar 2005 għal PM10 u għall‑1 ta’ Jannar 2010 għal NO2. |
39 |
Qabel dawn id-dati, kif jirriżulta mill-Artikolu 9(1) u (3) tad-Direttiva 1999/30, il-valuri limitu applikabbli kienu, bla ħsara għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 8(3) u (4) tad-Direttiva 96/62, dawk stabbiliti fit-tabella B tal-Anness I tad-Direttiva 80/779 għal PM10 u fl-Anness I tad-Direttiva 85/203 għal NO2, annessi li kienu jirreferu għalihom l-Artikoli 3 ta’ dawn l-aħħar żewġ direttivi. |
40 |
Barra minn hekk, sa fejn, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jitlob kumpens għad-danni allegatament ikkawżati mill-qbiż tal-valuri limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ NO2 u ta’ PM10, liema danni “bdew fl‑2003”, ma huwiex eskluż li l-Artikoli 7 tad-Direttivi 80/779 u 85/203, li tħassru, kif jirriżulta wkoll mill-Artikolu 9(1) u (3) tad-Direttiva 1999/30, b’effett mid‑19 ta’ Lulju 2001, jistgħu wkoll ikunu rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. |
41 |
Fid-dawl tal-perijodu li rreferiet għalih il-qorti tar-rinviju fl-informazzjoni tagħha, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2008/50, iżda wkoll dawk tad-Direttivi 96/62, 1999/30, 80/779 u 85/203. |
42 |
Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, l-Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 96/62, l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 1999/30 kif ukoll l-Artikoli 3 u 7 tad-Direttivi 80/779 u 85/203 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma għandhom l-għan li jikkonferixxu drittijiet individwali lill-individwi li jistgħu jagħtuhom lok għal dritt għal kumpens mingħand Stat Membru, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil tali Stat Membru. |
43 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilu huwa inerenti għas-sistema tat-trattati li hija bbażata fuqhom din tal-aħħar (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju japplika għall-każijiet kollha ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru, irrispettivament mill-awtorità pubblika li kkawżat dan il-ksur (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe, C‑752/18, EU:C:2019:1114, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ din ir-responsabbiltà, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-partijiet leżi għandhom dritt għal kumpens ladarba jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni miksura jkollha l-għan li tikkonferixxilhom drittijiet, li l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni jkun suffiċjentement serju u li jkun hemm rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-danni mġarrba minn dawn il-partijiet (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2022, Il-Kummissjoni vs Spanja (Ksur tad-dritt tal-Unjoni mil-leġiżlatur), C‑278/20, EU:C:2022:503, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
45 |
Minn dan isegwi li huwa biss ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi, skont l-ewwel waħda mit-tliet kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, li tista’ tagħti lok għar-responsabbiltà tal-Istat. |
46 |
Skont ġurisprudenza stabbilita sew, dawn id-drittijiet jitnisslu mhux biss meta jingħataw espressament permezz ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll minħabba obbligi pożittivi jew negattivi li dawn jimponu b’mod iddefinit sew kemm fuq l-individwi kif ukoll fuq l-Istati Membri jew fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Frar 1963, van Gend & Loos, 26/62, EU:C:1963:1, p. 23; tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 31; tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 19, kif ukoll tal‑11 ta’ Novembru 2021, Stichting Cartel Compensation u Equilib Netherlands, C‑819/19, EU:C:2021:904, punt 47). |
47 |
Il-ksur ta’ tali obbligi pożittivi jew negattivi, minn Stat Membru, jista’ jostakola l-eżerċizzju, mill-individwi kkonċernati, tad-drittijiet ikkonferiti lilhom impliċitament skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kkonċernati, u li dawn għandhom ikunu jistgħu jinvokaw fuq livell nazzjonali, u b’hekk jibdlu s-sitwazzjoni legali li dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi li joħolqu għal dawn l-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev, C‑571/16, EU:C:2018:807, punti 103 u 104, kif ukoll tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Euromin Holdings (Cyprus), C‑735/19, EU:C:2020:1014, punt 90). Huwa għalhekk li l-effettività sħiħa ta’ dawn ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet li dawn għandhom bħala l-għan li jikkonferixxu jeżiġu li l-individwi jkollhom il-possibbiltà li jiksbu kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punti 33 u 34), u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet ikkonċernati għandhomx effett dirett, peress li din il-kwalità la hija neċessarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punti 18 sa 22), u lanqas suffiċjenti fiha nnifisha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punti 108 u 109) sabiex l-ewwel waħda mit-tliet kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza tkun issodisfatta. |
48 |
F’dan il-każ, id-Direttivi 2008/50, 96/62, 1999/30, 80/779 u 85/203 jimponu fuq l-Istati Membri, essenzjalment, minn naħa, obbligu li jiżguraw li l-livelli, b’mod partikolari, ta’ PM10 u ta’ NO2 ma jaqbżux, fit-territorju rispettiv tagħhom u minn ċerti dati, il-valuri limitu stabbiliti minn dawn id-direttivi u, min-naħa l-oħra, meta madankollu jinqabżu dawn il-valuri limitu, obbligu li jiġu previsti miżuri xierqa sabiex jiġi rrimedjat dan il-qbiż, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja. |
49 |
Fir-rigward tal-ewwel obbligu, għandu jiġi rrilevat li l-valuri limitu jindikaw il-konċentrazzjoni eżatta, espressa f’μg/m3 u li tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-marġnijiet ta’ tolleranza tal-inkwinant ikkonċernat tal-arja fl-ambjent li l-qbiż tagħhom għandu jiġi evitat mill-Istati Membri, fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet kollha tagħhom. |
50 |
Fir-rigward tat-tieni obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tad-Direttiva 2008/50, li mill-Artikolu 23(1) ta’ din tal-aħħar jirriżulta li, għalkemm l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw il-miżuri li għandhom jiġu adottati, dawn għandhom, fi kwalunkwe każ, jippermettu li l-perijodu ta’ qbiż tal-valuri limitu stabbiliti għall-inkwinant ikkonċernat ikun l-iqsar possibbli (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Valuri limitu – PM10), C‑644/18, EU:C:2020:895, punt 136). |
51 |
Barra minn hekk, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 96/62, li jipprevedi obbligu simili għal dak previst fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, ma jobbligax lill-Istati Membri jieħdu miżuri li jippermettu li jiġi żgurat li ma jkun hemm ebda qbiż, iżda biss li jieħdu miżuri ta’ natura li jnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ qbiż u t-tul tiegħu fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-mument u tal-interessi kunfliġġenti. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li din id-dispożizzjoni kienet tinkludi limiti għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, li jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali, dwar l-idoneità tal-miżuri li għandu jinkludi l-pjan ta’ azzjoni bil-għan li jitnaqqas ir-riskju li jinqabżu l-valuri limitu u t-tul ta’ tali okkorrenza, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-bilanċ li għandu jiġi żgurat bejn dan l-għan u d-diversi interessi pubbliċi u privati kunfliġġenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2008, Janecek, C‑237/07, EU:C:2008:447, punti 44 sa 46). |
52 |
L-istess interpretazzjoni tapplika, essenzjalment, fir-rigward tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 8(3) u (4) tad-Direttiva 96/62. |
53 |
Fir-rigward tal-Artikolu 7 tad-Direttivi 80/779 u 85/203, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ ta’ qbiż tal-valuri limitu, dawn kienu jobbligaw lill-Istati Membri jieħdu miżuri ta’ natura, rispettivament, li “jevitaw li dawn jerggħu jiġru” u li “jkunu ttieħdu [fir-rigward tagħhom]”. |
54 |
Huwa minnu li l-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 jipprevedu, bħad-dispożizzjonijiet simili tad-Direttivi 96/62, 1999/30, 80/779 u 85/203, obbligi ċari u preċiżi biżżejjed fir-rigward tar-riżultat li l-Istati Membri għandhom jiżguraw. |
55 |
Madankollu, dawn l-obbligi jfittxu, kif jirriżulta mill-Artikoli 1 tad-direttivi msemmija fil-punt preċedenti, kif ukoll, b’mod partikolari, mit-tieni premessa tad-Direttiva 2008/50, għan ġenerali ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kollu kemm hu. |
56 |
Għalhekk, minbarra l-fatt li d-dispożizzjonijiet ikkonċernati tad-Direttiva 2008/50 u tad-direttivi li ppreċedewha ma jinkludu ebda attribuzzjoni espressa ta’ drittijiet lill-individwi f’dan ir-rigward, l-obbligi previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet, fid-dawl tal-għan ġenerali msemmi iktar ’il fuq, ma jippermettux li jitqies li individwi jew kategoriji ta’ individwi, f’dan il-każ, jiġu attribwiti impliċitament, minħabba dawn l-obbligi, drittijiet individwali li l-ksur tagħhom jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà ta’ Stat Membru għad-danni kkawżati lill-individwi. |
57 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel waħda mit-tliet kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, liema kundizzjonijiet li huma kumulattivi, ma hijiex issodisfatta. |
58 |
Dan premess, il-fatt li, meta Stat Membru ma jkunx żgura l-osservanza tal-valuri limitu msemmija fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u fid-dispożizzjonijiet simili tad-direttivi preċedenti, l-individwi kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jiksbu mingħand l-awtoritajiet nazzjonali, jekk ikun il-każ billi jadixxu lill-qrati kompetenti, l-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa skont dawn id-direttivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2014, ClientEarth, C‑404/13, EU:C:2014:2382, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe, C‑752/18, EU:C:2019:1114, punt 56), ma huwiex ta’ natura li jibdel din il-konstatazzjoni. |
59 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 96/62, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi direttament ikkonċernati minn riskju li jinqabżu l-valuri limitu jew il-limiti ta’ twissija għandhom ikunu jistgħu jeżiġu mingħand l-awtoritajiet kompetenti, skont il-każ, billi jadixxu lill-qrati kompetenti, li jiġi stabbilit pjan ta’ azzjoni meta jkun jeżisti tali riskju (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2008, Janecek, C‑237/07, EU:C:2008:447, punt 39). |
60 |
Bl-istess mod, fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma direttament ikkonċernati mill-qbiż ta’ dawn il-valuri limitu wara l‑1 ta’ Jannar 2010 għandhom ikunu jistgħu jeżiġu mingħand l-awtoritajiet nazzjonali, skont il-każ, billi jadixxu lill-qrati kompetenti, li jiġi stabbilit pjan dwar il-kwalità tal-arja li jkun konformi ma’ dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1), meta Stat Membru ma jkunx żgura li jiġu osservati r-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva u ma jkunx talab proroga tal-iskadenza taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 22 tagħha (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2014, ClientEarth, C‑404/13, EU:C:2014:2382, punt 56). |
61 |
Konformement ma’ dak li ġie espost fil-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza, tali interpretazzjoni tapplika wkoll fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva tal-Artikoli 7 tad-Direttivi 80/779 u 85/203, kif ukoll tal-Artikolu 8(3) u (4) tad-Direttiva 96/62. |
62 |
Madankollu, il-possibbiltà hekk irrikonoxxuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tirriżulta b’mod partikolari mill-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, effettività li fir-rigward tagħha l-individwi kkonċernati jintalbu jikkontribwixxu għaliha, billi jibdew proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji minħabba s-sitwazzjoni partikolari tagħhom, ma timplikax li l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 13(1) u mill-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, kif ukoll mid-dispożizzjonijiet simili tad-direttivi preċedenti, kellhom l-għan li jagħtu lill-persuni kkonċernati drittijiet individwali, fis-sens tal-ewwel waħda mit-tliet kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, u li l-ksur ta’ dawn l-obbligu huwa, konsegwentement, ta’ natura li jista’ jbiddel is-sitwazzjoni ġuridika li dawn id-dispożizzjonijiet kienu intiżi li joħolqu għal dawn il-persuni. |
63 |
Għandu jingħad ukoll li l-konklużjoni esposta fil-punt 57 ta’ din is-sentenza ma teskludix li r-responsabbiltà tal-Istat tista’ tiġi stabbilita f’kundizzjonijiet inqas restrittivi abbażi tad-dritt nazzjonali (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2022, Il-Kummissjoni vs Spanja (Ksur tad-dritt tal-Unjoni mil-leġiżlatur), C‑278/20, EU:C:2022:503, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li, skont il-każ, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 13(1) u mill-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, kif ukoll minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, bħala fattur li jista’ jkun rilevanti għall-finijiet li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi fuq bażi oħra għajr dik tad-dritt tal-Unjoni. |
64 |
Din il-konklużjoni lanqas ma teskludi l-possibbiltà, mill-qrati tal-Istat Membru kkonċernat, ta’ għoti ta’ ordnijiet flimkien ma’ pagamenti ta’ penalità intiżi li jiżguraw l-osservanza, minn dan l-Istat, tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 13(1) u mill-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, u minn dispożizzjonijiet simili tad-direttivi preċedenti, bħall-ordnijiet marbuta ma’ pagamenti ta’ penalità mogħtija f’diversi sentenzi reċenti tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza). |
65 |
Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 3 u 7 tad-Direttiva 80/779, l-Artikoli 3 u 7 tad-Direttiva 85/203, l-Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 96/62, l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 1999/30 kif ukoll l-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma għandhomx l-għan li jikkonferixxu drittijiet individwali lill-individwi li jistgħu jagħtuhom lok għal dritt għal kumpens mingħand Stat Membru, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil tali Stat Membru. |
Fuq it‑tieni domanda
66 |
Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, ma hemmx lok għalfejn tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l-ispejjeż
67 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikoli 3 u 7 tad‑Direttiva tal-Kunsill 80/779/KEE tal‑15 ta’ Lulju 1980 dwar il-limiti tal-valuri tal-kwalità ta’ l-arja u gwidi għall-valuri tad-diossidju tal-kubrit u l-partiċelli ta’ l-arja, l-Artikoli 3 u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/203/KEE tas‑7 ta’ Marzu 1985 dwar l-istandards ta’ kwalità tà l-arja għan-nitroġenu dijossidu, l-Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/62/KE tas‑27 ta’ Settembru 1996 dwar l-istima u l-immaniġġar tal-kwalità ta’ l-arja ċirkostanti, l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/30/KE tat‑22 ta’ April 1999 dwar il-valuri ta’ limitu tad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu, materji f’partiċelli u ċomb fl-arja ambjentali kif ukoll l-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa, |
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
ma għandhomx l-għan li jikkonferixxu drittijiet individwali lill-individwi li jistgħu jagħtuhom lok għal dritt għal kumpens mingħand Stat Membru, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil tali Stat Membru. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Franċiż.